Language of document :

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Id-Disa’Awla) tat-13 ta’ Ottubru 2022 (talba għal deċiżjoni preliminari ta’ Finanzgericht Bremen – il-Ġermanja) – X GmbH & Co. KG vs Finanzamt Bremen

(Kawża C-431/21) 1

(Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Libertà ta’ stabbiliment u libertà li jiġu pprovduti servizzi – Taxxa fuq il-kumpanniji – Determinazzjoni tad-dħul taxxabbli tal-kumpanniji – Tranżazzjonijiet relatati ma’ barra mill-pajjiż – Obbligu ta’ dokumentazzjoni fiskali tar-relazzjonijiet kummerċjali bejn persuni li għandhom rabtiet ta’ interdipendenza – Stima u żieda tad-dħul taxxabbli bħala sanzjoni)

Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

Qorti tar-rinviju

Finanzgericht Bremen

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrent: X GmbH & Co. KG

Konvenut: Finanzamt Bremen

Dispożittiv

L-Artikolu 49 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li bis-saħħa tagħha, fl-ewwel lok, il-persuna taxxabbli hija suġġetta għal obbligu ta’ dokumentazzjoni fuq in-natura u l-kontenut kif ukoll fuq il-bażijiet ekonomiċi u legali tal-prezz u tal-kundizzjonijiet kummerċjali l-oħra tat-tranżazzjonijiet kummerċjali transkonfinali tagħha ma’ persuni li magħhom għandha rabta ta’ interdipendenza kapitalista jew ta’ natura oħra li tippermetti lil din il-persuna taxxabbli jew lil dawn il-persuni li jeżerċitaw influwenza ċerta fuq il-persuna l-oħra u li tipprevedi, fit-tieni lok, fil-każ ta’ ksur ta’ dan l-obbligu, mhux biss li dan id-dħul taxxabbli fl-Istat Membru kkonċernat huwa preżunt, b’mod kontestabbli, iktar għoli minn dak li ġie ddikjarat, fejn l-amministrazzjoni fiskali tkun tista’ tagħmel stima għad-detriment tal-persuna li tħallas it-taxxa, iżda wkoll għal impożizzjoni ta’ żieda ta’ ammont ekwivalenti għal, minn tal-inqas, 5 % u, l-iktar, għal 10 % tal-ammont addizzjonali tad-dħul ikkalkolat, b’ammont minimu ta’ EUR 5 000, sakemm in-nuqqas ta’ twettiq ta’ dan l-obbligu huwa skużabbli jew jekk in-nuqqas imwettaq ikun minimu.

____________

1 ĠU C 401, 04.10.2021