Language of document : ECLI:EU:T:2022:853

Kawża T626/20

Landwärme GmbH

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

 Sentenza tal-Qorti Ġenerali (Is-Seba’ Awla Estiża) tal-21 ta’ Diċembru 2022

“Għajnuna mill-Istat – Suq tal-bijogass – Eżenzjonijiet fiskali li jikkumpensaw l-ispejjeż addizzjonali ta’ produzzjoni – Deċiżjonijiet li ma jitqajmux oġġezzjonijiet – Rikors għal annullament – Interess ġuridiku – Ammissibbiltà – Assenza ta’ ftuħ ta’ proċedura ta’ investigazzjoni formali – Diffikultajiet serji – Artikolu 108(2) u (3) TFUE – Artikolu 4(3) u (4) tar-Regolament (UE) 2015/1589 – Linji gwida dwar l-għajnuna mill-Istat għall-protezzjoni ambjentali u l-enerġija għall-perijodu 2014–2020 – Kumulu ta’ għajnuna – Għajnuna mogħtija minn diversi Stati Membri – Bijogass importat – Prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni – Artikolu 110 TFUE”

1.      Rikors għal annullament – Persuni fiżiċi jew ġuridiċi – Atti li jikkonċernawhom direttament u individwalment – Deċiżjoni tal-Kummissjoni li tikkonstata l-kompatibbiltà ta’ għajnuna mas-suq intern mingħajr ftuħ tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali – Rikorsi tal-partijiet interessati fis-sens tal-Artikolu 108(2) TFUE – Rikors intiż sabiex jiġu ssalvagwardjati d-drittijiet proċedurali tal-persuni kkonċernati – Ammissibbiltà

(Artikolu 108(2) u (3) u r-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE; Regolament tal-Kunsill 2015/1589, Artikoli 1(h), 4(3) u 6(1))

(ara l-punti 18 sa 32)

2.      Rikors għal annullament – Persuni fiżiċi jew ġuridiċi – Interess ġuridiku – Neċessità ta’ interess reali u attwali – Deċiżjoni tal-Kummissjoni li tikkonstata l-kompatibbiltà ta’ għajnuna mas-suq intern mingħajr ftuħ tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali – Rikorsi tal-partijiet interessati fis-sens tal-Artikolu 108(2) TFUE – Rikors intiż sabiex jiġu ssalvagwardjati d-drittijiet proċedurali tal-persuni kkonċernati – Rikors ippreżentat minn benefiċjarju potenzjali tal-għajnuna inkwistjoni – Ammissibbiltà

(Artikolu 263(4) TFUE)

(ara l-punti 35 sa 48)

3.      Għajnuna mogħtija mill-Istati – Projbizzjoni – Derogi – Setgħa diskrezzjonali tal-Kummissjoni – Adozzjoni minnha ta’ linji gwida li jirregolaw l-eżami tal-kompatibbiltà tal-għajnuna mas-suq intern – Konsegwenzi – Awtolimitazzjoni tas-setgħa diskrezzjonali tagħha

(Artikolu 107(3)(c) TFUE; Komunikazzjoni mill-Kummissjoni 2014/C 200/1)

(ara l-punt 51)

4.      Għajnuna mogħtija mill-Istati – Proġetti ta’ għajnuna – Eżami mill-Kummissjoni – Fażi preliminari u fażi kontradittorja – Kompatibbiltà ta’ għajnuna mas-suq intern – Diffikultà ta’ evalwazzjoni – Obbligu tal-Kummissjoni li tiftaħ il-proċedura kontradittorja – Diffikultajiet serji – Oneru tal-prova – Informazzjoni disponibbli – Ċirkustanzi li jippermettu l-attestazzjoni tal-eżistenza ta’ tali diffikultajiet – Natura insuffiċjenti jew inkompleta tal-eżami mwettaq mill-Kummissjoni waqt il-proċedura ta’ eżami preliminari

(Artikolu 108(2) u (3) TFUE; Regolament tal-Kunsill 2015/1589, Artikolu 4)

(ara l-punti 64 sa 75, 83 sa 100)

5.      Għajnuna mogħtija mill-Istati – Eżami mill-Kummissjoni – Kompatibbiltà ta’ għajnuna mas-suq intern – Setgħa diskrezzjonali – Osservanza tal-koerenza bejn id-dispożizzjonijiet li jirregolaw l-għajnuna mill-Istat u dispożizzjonijiet oħra tat-Trattat – Eżenzjoni fiskali mogħtija minn Stat Membru fuq ix-xiri ta’ bijogass bil-għan li jiġu kkumpensati l-ispejjeż addizzjonali ta’ produzzjoni – Produtturi tal-bijogass stabbiliti fi Stati Membri oħra li jibbenefikaw minn għajnuna għall-produzzjoni – Obbligu li tittieħed inkunsiderazzjoni l-għajnuna mogħtija minn dawn l-Istati Membri l-oħra waqt l-eżami tal-kompatibbiltà tal-eżenzjoni fiskali mas-suq intern – Prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni – Komparabbiltà tas-sitwazzjonijiet – Artikolu 110 TFUE – Kriterju oġġettiv – Diskriminazzjoni retroattiva

(Artikoli 107(1) u 108 TFUE)

(ara l-punti 101 sa 128)

Sunt

Fl-1 ta’ April 2020, ir-Renju tal-Isvezja nnotifika lill-Kummissjoni Ewropea bl-intenzjoni tiegħu li jemenda u jestendi sal-31 ta’ Diċembru 2030 żewġ skemi ta’ għajnuna li kienu diġà ġew awtorizzati mill-Kummissjoni sal-31 ta’ Diċembru 2020 (iktar ’il quddiem l-“iskemi kontenzjużi”). Skont dawn l-iskemi, ix-xiri ta’ ċerti gassijiet kombustibbli rinnovabbli (iktar ’il quddiem il-“bijogass”) huwa eżentat mill-ħlas ta’ ċerti dazji tas-sisa imposti fuq il-gassijiet fossili intiżi għall-istess użu.

Mingħajr ma fetħet il-proċedura ta’ investigazzjoni formali prevista fl-Artikolu 108(2) TFUE, il-Kummissjoni qieset, permezz ta’ deċiżjonijiet tad-29 ta’ Ġunju 2020 (1) (iktar ’il quddiem id‑“deċiżjonijiet ikkontestati”), li l-miżuri nnotifikati kienu jirrigwardaw għajnuna mill-Istat kompatibbli mas-suq intern skont l-Artikolu 107(3)(c) TFUE. Skont din id-dispożizzjoni, l-għajnuna maħsuba sabiex tiffaċilita l-iżvilupp ta’ ċerti attivitajiet jew ta’ ċerti reġjuni ekonomiċi tista’ titqies bħala kompatibbli mas-suq intern, meta din ma tkunx tfixkel il-kundizzjonijiet tal-kummerċ b’mod li jmur kontra l-interess komuni. B’mod partikolari, il-Kummissjoni rrilevat, minn naħa, li l-iskemi kontenzjużi kienu neċessarji, minħabba li, mingħajr l-eżenzjonijiet fiskali totali previsti minnhom, il-bijogass kien ikun jiswa iktar mill-gassijiet fossili u, min-naħa l-oħra, li seta’ jiġi eskluż li l-għajnuna mogħtija taħt dawn l-iskemi teċċedi l-ammont meħtieġ sabiex jiġu kkumpensati l-ispejjeż ogħla li jirriżultaw mill-produzzjoni tal-bijogass meta mqabbla mal-produzzjoni ta’ gassijiet fossili u b’hekk tagħti lok għal kumpens żejjed tal-imsemmija spejjeż ogħla (iktar ’il quddiem il-“kumpens żejjed”.

Ir-rikorrenti, Landwärme GmbH, produttriċi tal-bijometan fil-Ġermanja, ippreżentat rikors għall-annullament tad-deċiżjonijiet ikkontestati. Filwaqt li tilqa’ dan ir-rikors, il-Qorti Ġenerali, wara li kkonstatat li dan huwa ammissibbli, tqis li, fid-dawl tad-diffikultajiet serji mqajma mill-evalwazzjoni tal-kompatibbiltà tal-miżuri nnotifikati mas-suq intern, il-Kummissjoni kellha tiftaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

Fir-rigward tal-ammissibbiltà tar-rikors, qabelxejn, il-Qorti Ġenerali tikkonstata li r-rikorrenti tilmenta b’mod partikolari li l-Kummissjoni ma bdietx il-proċedura ta’ investigazzjoni formali minkejja l-fatt li din l-istituzzjoni ma setgħetx tinjora l-eżistenza ta’ diffikultajiet serji fir-rigward tal-kumulu possibbli tal-għajnuna mogħtija fl-Isvezja skont l-iskemi kontenzjużi u ta’ għajnuna oħra, mogħtija minn Stati Membri oħra lill-produtturi tal-bijogass (iktar ’il quddiem il-“kumulu kontenzjuż”), sa fejn dan il-kumulu jista’ jagħti lok għal kumpens żejjed favur dawn il-produtturi meta dawn ibigħu l-bijogass fl-Isvezja. Sussegwentement, il-Qorti Ġenerali rrilevat li r-rikorrenti, bħala benefiċjarja indiretta potenzjali tal-għajnuna prevista minn dawn l-iskemi u bħala kompetitriċi tal-benefiċjarji attwali tal-imsemmija għajnuna, għandha l-kwalità ta’ parti interessata fis-sens tal-Artikolu 108(2) TFUE u tal-Artikolu 1(h) tar-Regolament li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu 108 TFUE (2). Fl-aħħar nett, il-Qorti Ġenerali tqis li r-rikorrenti għandha interess ġuridiku, sa fejn, fil-każ ta’ annullament tad-deċiżjonijiet ikkontestati, hija tkun tista’ teżerċita d-drittijiet proċedurali żgurati lill-partijiet interessati fl-ambitu tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali, billi tippreżenta lill-Kummissjoni osservazzjonijiet dwar it-tibdil li għandu jsir għall-iskemi kontenzjużi sabiex dawn ikunu kompatibbli mas-suq intern. Għalhekk, ir-rikors huwa ammissibbli, tal-inqas sa fejn, permezz tiegħu, ir-rikorrenti ssostni l-ilment dwar il-kumulu kontenzjuż.

Qabel teżamina dan l-ilment, il-Qorti Ġenerali tiċħad l-argument tal-Kummissjoni li l-Linji gwida dwar l-għajnuna mill-Istat għall-protezzjoni ambjentali u l-enerġija 2014–2020 (3), li l-illegalità tagħhom ma kinitx ġiet invokata mill-appellanti, ma jippermettu li jiġi attribwit ebda rwol lill-kumulu kontenzjuż għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-kompatibbiltà tal-iskemi kontenzjużi mas-suq intern. Fil-fatt, dawn il-linji gwida ma jipprekludux li l-Kummissjoni teżamina l-kumpens żejjed li jista’ jirriżulta minn dan il-kumulu.

Fir-rigward tal-fondatezza ta’ dan l-ilment, il-Qorti Ġenerali tirrileva li, fid-deċiżjonijiet ikkontestati, il-Kummissjoni eżaminat biss il-kumpens żejjed li jista’ jirriżulta mill-kumulu ta’ diversi għajnuniet mogħtija mir-Renju tal-Isvezja u li, b’dan il-mod, hija eskludiet li l-kumulu kontenzjuż jista’ jqajjem diffikultajiet serji fid-determinazzjoni tal-kompatibbiltà tal-iskemi kontenzjużi mas-suq intern. Il-Qorti Ġenerali tippreċiża, barra minn hekk, li meta l-Kummissjoni tadotta deċiżjoni bbażata fuq l-Artikolu 107(3)(c) TFUE fi tmiem il-proċedura ta’ investigazzjoni preliminari, hija għandha tkun f’pożizzjoni li tikkonkludi, mingħajr ma din il-kwistjoni tqajjem diffikultajiet serji, li l-għajnuna kkonċernata ma taffettwax il-kummerċ bejn l-Istati Membri.

Wara li fakkret li, skont il-ġurisprudenza, in-natura insuffiċjenti jew inkompleta tal-eżami mwettaq mill-Kummissjoni waqt il-proċedura ta’ investigazzjoni preliminari tikkostitwixxi indizju tal-eżistenza ta’ diffikultajiet serji fl-evalwazzjoni tal-miżura ta’ għajnuna nnotifikata, il-Qorti Ġenerali tirrileva li l-kwistjoni tal-assenza ta’ kumpens żejjed hija marbuta mill-qrib ma’ dik tal-proporzjonalità tal-iskemi kontenzjużi. Għalhekk, il-fatt li l-Kummissjoni, minkejja l-informazzjoni li kellha fir-rigward tal-effetti possibbli tal-kumulu kontenzjuż, analizzat l-assenza ta’ kumpens żejjed b’mod insuffiċjenti u inkomplet jista’ jkun biżżejjed, f’dan il-każ, sabiex tiġi kkonstatata l-eżistenza ta’ diffikultajiet serji.

Qabel tikkonstata li l-kompatibbiltà tal-iskemi kontenzjużi mas-suq intern kienet tqajjem diffikultajiet serji minħabba l-kumpens żejjed li jista’ jirriżulta mill-kumulu kontenzjuż, il-Qorti Ġenerali teżamina l-argumenti tal-Kummissjoni u tar-Renju tal-Isvezja li skonthom, essenzjalment, l-osservanza tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni jew tal-Artikolu 110 TFUE timponi li l-eżenzjonijiet fiskali previsti mill-iskemi kontenzjużi għandhom japplikaw indipendentement mill-oriġini tal-bijogass mibjugħ fl-Isvezja, u dan mingħajr ma ssir distinzjoni skont jekk l-Istat Membru li fih il-bijogass ikun ġie prodott ikunx ta jew le għajnuna għall-produzzjoni tal-enerġija mill-bijogass.

Fir-rigward tal-osservanza tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni, il-Qorti Ġenerali tenfasizza li l-għan tal-iskemi kontenzjużi huwa li l-bijogass isir kompetittiv fil-konfront tal-gassijiet fossili, billi jiġu kkumpensati l-ispejjeż ta’ produzzjoni ogħla tiegħu. Fid-dawl ta’ dan l-għan, il-bejgħ tal-bijogass li l-ispejjeż addizzjonali ta’ produzzjoni tiegħu jkunu ġew ikkumpensati ma jikkostitwixxix sitwazzjoni paragunabbli ma’ dik tal-bejgħ tal-bijogass li l-ispejjeż addizzjonali ta’ produzzjoni tiegħu jkunu għadhom ma ġewx ikkumpensati. Il-Qorti Ġenerali tippreċiża li d-differenza bejn dawn iż-żewġ sitwazzjonijiet teżisti anki meta l-kumpens ta’ dawn l-ispejjeż addizzjonali jirriżulta minn għajnuna mogħtija minn Stati Membri oħra minbarra r-Renju tal-Isvezja. Konsegwentement, mingħajr ġustifikazzjoni oġġettiva, dawn iż-żewġ okkorrenzi ta’ bejgħ ma jistgħux jibbenefikaw mill-istess eżenzjoni fiskali, u dan indipendentement mill-kwistjoni dwar jekk il-bijogass mibjugħ fl-Isvezja ġiex prodott fit-territorju nazzjonali jew ġiex importat.

Fir-rigward tal-Artikolu 110 TFUE, li jipprojbixxi lill-Istati Membri milli jimponu fuq il-prodotti importati taxxi ogħla minn dawk imposti fuq prodotti nazzjonali simili, il-Qorti Ġenerali tirrileva li l-eżistenza ta’ kumpens żejjed tista’ titqies bħala kriterju oġġettiv li jippermetti l-applikazzjoni tal-eżenzjoni fiskali prevista mill-iskemi kontenzjużi biss għall-bijogass, domestiku jew importat, li l-ispejjeż addizzjonali ta’ produzzjoni tiegħu meta mqabbla mal-gassijiet fossili ma jkunux diġà ġew ikkumpensati permezz ta’ għajnuna oħra. Din id-distinzjoni, ibbażata fuq kriterju oġġettiv, hija ta’ natura li tevita d-diskriminazzjoni li tirriżulta mill-kumpens diġà mogħti lill-bijogass importat minn ċerti Stati Membri. Il-Qorti Ġenerali tippreċiża wkoll li l-iskemi kontenzjużi joħolqu diskriminazzjoni inversa tal-bijogass prodott fl-Isvezja favur il-bijogass prodott fi Stati Membri oħra li jagħtu għajnuna għall-produzzjoni tal-enerġija mill-bijogass. Dan ir-riżultat ma jistax jitqies li huwa impost mill-obbligu li jiġi osservat l-Artikolu 110 TFUE, li r-raġuni għall-eżistenza tiegħu hija dik li Stat Membru jiġi prekluż milli jiffavorixxi l-produzzjoni tiegħu stess għad-detriment ta’ dik tal-Istati Membri l-oħra.

Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, il-Qorti Ġenerali tikkonkludi li l-Kummissjoni kienet mistennija taffaċċja diffikultajiet serji waqt l-eżami tal-kompatibbiltà tal-iskemi kontenzjużi mas-suq intern, marbuta mal-kumpens żejjed li jista’ jirriżulta mill-kumulu kontenzjuż, li jeħtieġu l-ftuħ tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali. Għalhekk, hija tilqa’ r-rikors u tannulla d-deċiżjonijiet ikkontestati.


1      Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2020) 4489 final tad-29 ta’ Ġunju 2020 dwar l-għajnuna mill-Istat SA.56125 (2020/N) – L-Isvezja – Prolongation and modification of SA.49893 (2018/N) – Tax exemption for non-food based biogas and bio-propane in heat generation, u d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2020) 4487 final tad-29 ta’ Ġunju 2020 dwar l-għajnuna mill-Istat SA.56908 (2020/N) – L-Isvezja – Prolongation and modification of biogas scheme for motor fuel in Sweden, li sunt tagħhom ġie ppubblikat f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (rispettivament ĠU 2020, C 245, p. 2, u ĠU 2020, C 260, p. 4).


2      Regolament tal-Kunsill (UE) 2015/1589 tat-13 ta’ Lulju 2015 li jistabblixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu 108 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2015, L 248, p. 9).


3      Komunikazzjoni tal-Kummissjoni - Linji Gwida dwar l-għajnuna mill-Istat għall-protezzjoni ambjentali u l-enerġija 2014–2020 (ĠU C 200, 28.6.2014, p. 1 sa 55).