Language of document :

Rikors ippreżentat fl-14 ta' Settembru 2010 - ArcelorMittal España vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-399/10)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Rikorrenti: ArcelorMittal España, SA (Gozón, Spanja) (rappreżentanti: A. Creus Carreras u A. Valiente Martin, avukati)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet tar-rikorrenti

tannulla l-Artikoli 1, 2, 3 u 4 tad-Deċiżjoni sa fejn jikkonċernaw ArcelorMittal España, S.A.;

alternattivament, tannulla l-multa imposta fuq ArcelorMittal España, S.A.;

ulterjorment b'mod alternattiv, tnaqqas l-ammont tal-multa imposta fuq ArcelorMittal España, S.A.;

Motivi u argumenti prinċipali

Permezz tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti titlob l-annullament tal-Artikoli 1, 2, 3 u 4 tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2010) 4387 finali, tat-30 ta' Ġunju 2010 fil-Każ COMP/38344 - Azzar użat għall-prestressing, li fiha l-Kummissjoni kkonstatat li r-rikorrenti, flimkien ma' impriżi oħra, kienet kisret l-Artikolu 101 TFUE u l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE billi pparteċipat f'akkordju jew prattika miftehma fis-settur tal-azzar użat għall-prestressing fuq livell pan-Ewropew u/jew nazzjonali/reġjonali. Barra minn hekk, hija titlob l-annullament jew it-tnaqqis tal-multa imposta fuqha.

Ir-rikorrenti tressaq sitt motivi insostenn ta' dan ir-rikors.

L-ewwel nett, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni kisret id-dritt fundamentali għal proċess quddiem qorti imparzjali skont l-Artikolu 6(1) tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali (KEDB) u l-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali sa fejn il-multa ġiet imposta minn awtorità amministrattiva li għandha kemm setgħat ta' stħarriġ kif ukoll setgħat ta' sanzjoni.

It-tieni nett, hija ssostni li l-Kummissjoni wettqet żbalji fil-kalkolu tal-multa, li taw lok għall-impożizzjoni ta' multa ikbar fuq ir-rikorrenti.

It-tielet nett, hija ssostni li l-Kummissjoni kkonstatat b'mod żbaljat li r-rikorrenti eżerċitat influwenza determinanti fuq Emesa u Galycas qabel Diċembru 1997.

Ir-raba' nett, hija ssostni li l-Kummissjoni rrifjutat illegalment li tagħti immunità parzjali lir-rikorrenti taħt il-punt 23 tal-Avviż dwar il-kooperazzjoni 1, minkejja l-fatt li pprovdiet provi deċiżivi dwar it-tul u l-gravità tal-ksur u, għaldaqstant, issodisfat ir-rekwiżiti indikati fih.

Fl-aħħar nett, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni applikat b'mod żbaljat iż-"żieda speċifika bħala deterrent" skont il-punt 30 tal-Linji Gwida tal-Kummissjoni tal-2006, dwar il-multi 2, li jirriżulta f'żieda illegali ta' 20 % fil-multa imposta fuq ir-rikorrenti.

____________

1 - Avviż tal-Kummissjoni dwar l-immunità minn multi u tnaqqis f'multi f'każijiet ta' kartell (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti: Kapitolu 8, Vol. 2, p. 155)

2 - Linji Gwida dwar il-kalkolu tal-multi mogħtija skont l-Artikolu 23(2)(a) tar-Regolament Nru 1/2003 (ĠU C 210, p. 2)