Language of document : ECLI:EU:C:2020:895

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)

10 ta’ Novembru 2020 (*)

“Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu – Ambjent – Direttiva 2008/50/KE – Kwalità tal-arja ambjentali – Artikolu 13(1) u Anness XI – Qbiż sistematiku u persistenti tal-valuri limitu stabbiliti għall-mikropartiċelli (PM10) f’ċerti żoni u agglomerazzjonijiet Taljani – Artikolu 23(1) – Anness XV – Perijodu ‘l-iqsar possibbli’ li fih jinqabżu l-valuri limitu – Miżuri xierqa”

Fil-Kawża C‑644/18,

li għandha bħala suġġett rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu skont l-Artikolu 258 TFUE, imressaq fit-13 ta’ Ottubru 2018,

Il-Kummissjoni Ewropea, inizjalment irrappreżentata minn G. Gattinara u K. Petersen, sussegwentement minn G. Gattinara u E. Manhaeve, bħala aġenti,

rikorrenti,

vs

Ir-Repubblika Taljana, irrappreżentata minn G. Palmieri, bħala aġent, assistita minn F. De Luca u P. Gentili, avvocati dello Stato,

konvenuta,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),

komposta minn K. Lenaerts, President, R. Silva de Lapuerta, Viċi President, J‑C. Bonichot, A. Arabadjiev, A. Prechal, N. Piçarra u A. Kumin (Relatur), Presidenti ta’ Awla, E. Juhász, M. Safjan, D. Šváby, S. Rodin, F. Biltgen, K. Jürimäe, C. Lycourgos u P. G. Xuereb, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Szpunar,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        Permezz tar-rikors tagħha, il-Kummissjoni Ewropea titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tikkonstata li r-Repubblika Taljana:

–        billi qabżet, b’mod sistematiku u persistenti, il-valuri limitu applikabbli għall-konċentrazzjonijiet ta’ partiċelli PM10 (iktar ’il quddiem il-“valuri limitu stabbiliti għall-PM10”), u billi kompliet taqbiżhom,

–        għal dak li jikkonċerna l-valur limitu ta’ kuljum,

–        mis-sena 2008, fiż-żoni li ġejjin: IT1212 (Valle del Sacco); IT1215 (agglomerazzjoni ta’ Ruma); IT1507 (ex żona IT1501, żona ta’ riabilitazzjoni – Napoli u Caserta); IT0892 (Emilia-Romagna, Pianura ovest [pjanura tal-Punent]); IT0893 (Emilia-Romagna, Pianura Est [pjanura tal-Lvant]); IT0306 (agglomerazzjoni ta’ Milano); IT0307 (agglomerazzjoni ta’ Bergamo); IT0308 (agglomerazzjoni ta’ Brescia); IT0309 (Lombardia, pjanura b’livell għoli ta’ urbanizzazzjoni A); IT0310 (Lombardia, pjanura b’livell għoli ta’ urbanizzazzjoni B); IT0312 (Lombardia, qiegħ il-wied D); IT0119 (Piemonte, pjanura); IT0120 (Piemonte, għoljiet);

–        mis-sena 2009, fiż-żoni li ġejjin: IT0508 u IT0509 (ex żona IT0501, agglomerazzjoni ta’ Venezia-Treviso); IT0510 (ex żona IT0502, agglomerazzjoni ta’ Padova); IT0511 (ex żona IT0503, agglomerazzjoni ta’ Vicenza), IT0512 (ex żona IT0504, agglomerazzjoni ta’ Verona); IT0513 u IT0514 (ex żona IT0505; żona A1 – provinċja tal-Veneto);

–        mis-sena 2008 sas-sena 2013, u mill-ġdid mis-sena 2015, fiż-żona IT0907 (żona ta’ Prato-Pistoia);

–        mis-sena 2008 sas-sena 2012, u mill-ġdid mis-sena 2014, fiż-żoni IT0909 (żona Valdarno Pisano u Piana Lucchese) u IT0118 (agglomerazzjoni ta’ Torino);

–        mis-sena 2008 sas-sena 2009, u mill-ġdid mis-sena 2011, fiż-żoni IT1008 (żona tal-Conca Ternana (konka ta’ Terni)) u IT1508 (ex żona IT1504, żona kostali bl-għoljiet ta’ Benevento);

–        matul is-sena 2008, u mill-ġdid mis-sena 2011, fiż-żona IT1613 (Puglia — żona industrijali);

–        mis-sena 2008 sas-sena 2012, matul is-sena 2014 u mis-sena 2016, fiż-żona IT1911 (agglomerazzjoni ta’ Palermo), kif ukoll

–        għal dak li jikkonċerna l-valur limitu annwali fiż-żoni li ġejjin: IT1212 (Valle del Sacco) mis-sena 2008 u mingħajr interuzzjoni tal-inqas sas-sena 2016; IT0508 u IT0509 (ex żona IT0501, agglomerazzjoni ta’ Venezia-Treviso) matul is-snin 2009, 2011, u 2015; IT0511 (ex żona IT0503, agglomerazzjoni ta’ Vicenza), matul is-snin 2011, 2012 u 2015; IT0306 (agglomerazzjoni ta’ Milano), IT0308 (agglomerazzjoni ta’ Brescia), IT0309 (Lombardia, pjanura b’livell għoli ta’ urbanizzazzjoni A) u IT0310 (Lombardia, pjanura b’livell għoli ta’ urbanizzazzjoni B) mis-sena 2008 sas-sena 2013, u mis-sena 2015; IT0118 (agglomerazzjoni ta’ Torino) mis-sena 2008 sas-sena 2012, u mis-sena 2015,

naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt id-dispożizzjonijiet moqrija flimkien tal-Artikolu 13 u tal-Anness XI tad-Direttiva 2008/50/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Mejju 2008 dwar il-kwalità ta’ l-arja fl-ambjent u arja iktar nadifa għall-Ewropa (ĠU 2008, L 152, p. 1),

u

–        billi ma adottatx, mill-11 ta’ Ġunju 2010, miżuri xierqa sabiex tiggarantixxi l-osservanza tal-valuri limitu stabbiliti għall-PM10 f’dawn iż-żoni kollha, naqset milli twettaq l-obbligi imposti mill-Artikolu 23(1) tad-Direttiva 2008/50, moqri waħdu u flimkien mat-Taqsima A tal-Anness XV ta’ din id-direttiva, u, b’mod partikolari, mill-obbligu previst fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 23(1) tal-imsemmija direttiva li jiġi żgurat li l-perijodu li fih jinqabżu l-valuri limitu jkun l-iqsar possibbli.

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-Direttiva 96/62/KE

2        L-Artikolu 8 tad-Direttiva tal-Kunsill 96/62/KE tas-27 ta’ Settembru 1996 dwar l-istima u l-immaniġġar tal-kwalità ta’ l-arja ċirkostanti (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 3, p. 95), intitolat “Miżuri applikabbli f’żoni fejn il-livelli jkunu ogħla mill-valur limitu”, kien jipprevedi, fil-paragrafi 1, 3 u 4 tiegħu:

“1      L-Istati Membri għandhom jagħmlu lista taż-żoni u l-agglomerazzjonijiet li fihom il-livelli ta’ inkwinant wieħed jew aktar minn wieħed ikunu ogħla mill-valur limitu miżjud bil-marġini tat-tolleranza.

[…]

3.      Fiż-żoni u l-agglomerazzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 1, l-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri biex jiżguraw li pjan jew programm jitħejja jew jiġi implimentant biex jintlaħaq il-valur limitu fil-limitu ta’ żmien speċifikat.

Il-pjan jew il-programm imsemmi, li għandu jitqiegħed għad-dispożizzjoni tal-pubbliku, għandu jħaddan fih talanqas l-informazzjoni elenkata fl-Anness IV.

4.      Fiż-żoni u l-agglomerazzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 1, meta l-livell ta’ iżjed minn inkwinant wieħed ikun ogħla mil-valuri limitu, l-Istati Membri għandhom jipprovdu pjan integrat li jkopri l-inkwinanti kollha konċernati.”

 Id-Direttiva 1999/30/KE

3        L-Artikolu 5 tad-Direttiva tal-Kunsill 1999/30/KE tat-22 ta’ April 1999 dwar il-valuri ta’ limitu tad-dijossidu tal-kubrit, tad-dijossidu tan-nitroġenu u l-ossidi tan-nitroġenu, materji f’partiċelli u ċomb fl-arja ambjentali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 4, p. 164), intitolat “Materja f’partiċelli”, kien jipprovdi fil-paragrafu 1 tiegħu:

“L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri neċessarji biex jassiguraw li l-konċentrazzjonijiet ta’ PM10 fl-arja ambjentali kif stmata skond l-Artikolu 7, ma teċċedix il-valuri tal-limitu stabbiliti f’Sezzjoni I ta’ l-Anness III mid-dati speċifikati hemmhekk.

[…]”

4        L-Anness III ta’ din id-direttiva kien jispeċifika li, fir-rigward tal-partiċelli PM10, id-data li minnha kellhom jiġu osservati l-valuri limitu kienet l-1 ta’ Jannar 2005.

 Id-Direttiva 2008/50

5        Id-Direttiva 2008/50, li daħlet fis-seħħ fil-11 ta’ Ġunju 2008, issostitwixxiet ħames atti leġiżlattivi preeżistenti dwar l-evalwazzjoni u l-ġestjoni tal-kwalità tal-arja ambjentali, b’mod partikolari d-Direttivi 96/62 u 1999/30, li tħassru b’effett mill-11 ta’ Ġunju 2010, hekk kif jirriżulta mill-Artikolu 31 tad-Direttiva 2008/50.

6        Il-premessi 17 u 18 tad-Direttiva 2008/50 jipprovdu:

“(17)      Il-miżuri [tal-Unjoni Ewropea] neċessarji biex jitnaqqsu l-emissjonijiet mis-sors tagħhom, b’mod partikulari il-miżuri biex isir titjib fl-effettività tal-leġiżlazzjoni [tal-Unjoni Ewropea] dwar l-emissjonijiet industrijali, biex tiġi limitata l-emissjoni tad-duħħan minn magni stallati f’vetturi kbar, biex isir iżjed tnaqqis fl-emissjonijiet nazzjonali permessi ta’ sustanzi li jniġġsu ewlenin u fl-emissjonijiet assoċjati mal-mili mill-ġdid tal-karburant ta’ karozzi li jaħdmu bil-petrol fl-istazzjonijiet tas-servizz, u biex jiffaċċjaw il-kontenut tal-kubrit ta’ fjuwils li jinkludu l-fjuwils tal-baħar, għandhom ikunu evalwati kif jixraq bħala prijorità mill-istituzzjonijiet involuti kollha.

(18)      Għandhom jiġu żviluppati pjanijiet dwar il-kwalità ta’ l-arja għal żoni u agglomerazzjonijiet li fihom il-konċentrazzjonijiet ta’ inkwinanti fl-arja ambjentali jaqbżu l-valuri mmirati jew il-valuri ta’ limitu rilevanti tal-kwalità ta’ l-arja, flimkien ma’ kwalunkwe marġini ta’ tolleranza temporanja, fejn applikabbli. L-inkwinanti ta’ l-arja jiġu minn ħafna sorsi u attivitajiet differenti. Sabiex tiġi żgurata l-koerenza bejn linji politiċi differenti, tali pjanijiet dwar il-kwalità ta’ l-arja għandhom ikunu konsistenti fejn fattibbli, u jkunu integrati mal-pjanijiet u l-programmi ppreparati skond id-Direttiva 2001/80/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2001 dwar il-limitazzjoni ta’ l-emissjonijiet ta’ ċerti tniġġis fl-arja minn impjanti kbar tal-kombustjoni [ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 6, p. 299], id-Direttiva 2001/81/KE [tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2001 dwar il-livelli nazzjonali massimi ta’ l-emissjonijiet ta’ ċerti inkwinanti atmosferiċi (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 6, p. 320)], u d-Direttiva 2002/49/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Ġunju 2002 li tirrigwardja l-istudju u l-amministrazzjoni tal-ħsejjes ambjentali [ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 7, p. 101]. Ser jitqiesu bis-sħiħ ukoll l-għanijiet għall-kwalità ta’ l-arja ambjentali stipulati f’din id-Direttiva, meta jingħataw permessi għall-attivitajiet industrijali skond id-Direttiva 2008/1/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑15 ta’ Jannar 2008 dwar il-prevenzjoni u l-kontroll integrati tat-tniġġis [ĠU 2008, L 24, p. 8].”

7        L-Artikolu 1 tad-Direttiva 2008/50, intitolat “Suġġett”, jipprovdi fil-paragrafi 1 sa 3 tiegħu:

“Din id-Direttiva tistabbilixxi miżuri mmirati lejn dan li ġej:

1)      id-definizzjoni u d-determinazzjoni ta’ objettivi fir-rigward tal-kwalità ta’ l-arja fl-ambjent maħsuba sabiex jevitaw, jimpedixxu jew inaqqsu l-effetti ta’ ħsara fuq is-saħħa tal-bniedem u l-ambjent kollu;

2)      il-valutazzjoni tal-kwalità ta’ l-arja fl-ambjent fl-Istati Membri fuq il-bażi ta’ metodi u kriterji komuni;

3)      il-ksib ta’ informazzjoni dwar il-kwalità ta’ l-arja fl-ambjent bħala għajnuna sabiex ikun miġġieled it-tniġġis ta’ l-arja u l-fastidju u sabiex ikunu ssorveljati x-xejriet għal perijodu fit-tul u t-titjib li jirriżulta minn miżuri nazzjonali u [tal-Unjoni]”.

8        L-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva, intitolat “Definizzjonijiet”, jipprovdi, fil-punti 5, 7 sa 9 u 16 sa 18 tiegħu:

“Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva:

[…]

5)      ‘valur ta’ limitu’ tfisser livell fiss fuq il-bażi tal-konoxxenza xjentifika, bil-għan li jkunu evitati, prevenuti jew jitnaqqsu l-effetti ta’ ħsara fuq is-saħħa tal-bniedem u/jew l-ambjent kollu, li għandu jintlaħaq f’perijodu partikolari u li ma għandux jinqabeż ladarba jintlaħaq;

[…]

7)      ‘marġni ta’ tolleranza’ tfisser il-perċentwal tal-valur ta’ limitu li bih jista’ jinqabeż suġġett għall-kondizzjonijiet stipulati f’din id-Direttiva;

8)      ‘pjanijiet dwar il-kwalità ta’ l-arja’ tfisser pjanijiet li jistabbilixxu miżuri sabiex jintlaħqu l-valuri ta’ limitu jew il-valuri mmirati;

9)      ‘valur immirat’ tfisser livell iffissat bil-għan li jkunu evitati, prevenuti jew imnaqqsa l-effetti ta’ ħsara fuq is-saħħa tal-bniedem u/jew l-ambjent kollu, li għandu jintlaħaq meta possibbli fuq perijodu stipulat;

[…]

16)      ‘żona’ tfisser parti mit-territorju ta’ Stat Membru, delimitata minn dak l-Istat Membru għall-finijiet tal-valutazzjoni u l-ġestjoni tal-kwalità ta’ l-arja;

17)      ‘agglomerazzjoni’ tfisser żona li tkun konurbazzjoni b’popolazzjoni li taqbeż il-250 000 abitant, jew, meta l-popolazzjoni tkun ta’ 250 000 abitant jew inqas, b’densità ta’ popolazzjoni kull km2 li għandha tiġi stabbilita mill-Istati Membri;

18)      ‘PM10’ tfisser il-materja partikulata li tgħaddi minn daħla selettiva skond id-daqs kif definit fil-metodu ta’ referenza għall-kampjunament u għall-kejl tal-PM10, EN 12341, b’50 % efficiency cut-off f’dijametru aerodinamiku ta’ 10 μm [(mikrometru)];

[…]”

9        L-Artikolu 13 ta’ din id-direttiva, intitolat “Valuri ta’ limitu u l-limiti ta’ allert għall-protezzjoni tas-saħħa tal-bnedmin”, jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, fiż-żoni u l-agglomerazzjonijiet kollha tagħhom, il-livelli tad-dijossidu tal-kubrit, PM10, iċ-ċomb u l-monossidu tal-karbonju fl-arja ta’ l-ambjent ma’ jaqbżux il-valuri ta’ limitu stabbiliti fl-Anness XI.

[…]

Il-konformità ma’ dawn ir-rekwiżiti għandha tiġi valutata skond l-Anness III.

Il-marġini ta’ tolleranza stabbiliti fl-Anness XI għandhom japplikaw skond l-Artikolu 22(3) u l-Arikolu 23(1).”

10      L-Artikolu 20 tad-Direttiva 2008/50, intitolat “Kontributi minn sorsi naturali”, jipprevedi, fil-paragrafi 1 u 2 tiegħu:

“1      L-Istati Membri għandhom jibagħtu lill-Kummissjoni, għal sena partikolari, listi ta’ żoni u agglomerazzjonijiet fejn il-qabżiet tal-valuri ta’ limitu għal sustanzi li jniġġsu partikolari ikunu attribwibbli lil sorsi naturali. L-Istati Membri għandhom jipprovdu informazzjoni dwar il-konċentrazzjonijiet u s-sorsi u l-evidenza li juru li l-qabżiet huma attribwibbli lil sorsi naturali.

2.      Fejn il-Kummissjoni tiġi informata dwar qabża minn sorsi naturali skond il-paragrafu 1, dik il-qabża m’għandhiex tkun kunsidrata bħala qabża għall-finijiet ta’ din id-Direttiva.”

11      Konformement mal-paragrafi 1 sa 4 tal-Artikolu 21 ta’ din id-direttiva, intitolat “Qabżiet attribwibbli lit-tpoġġija tar-ramel jew tal-melħ fit-toroq fix-xitwa”, l-Istati Membri jistgħu jindikaw żoni jew agglomerazzjonijiet li fihom ikunu nqabżu l-valuri limitu stabbiliti għall-PM10 fl-arja ambjentali li joriġina mis-sospensjoni mill-ġdid ta’ partiċelli kkawżata mit-tixrid tar-ramel jew tal-melħ fit-toroq fix-xitwa. L-Istati Membri għandhom jipprovdu l-provi xierqa sabiex juru li kull qbiż tal-valuri limitu jkun dovut għal dawn il-partiċelli sospiżi mill-ġdid u li kull miżura utli tkun ittieħdet sabiex jitnaqqsu l-konċentrazzjonijiet. Bla ħsara għall-Artikolu 20 tal-imsemmija direttiva, l-Istati Membri huma obbligati jfasslu l-pjan dwar il-kwalità tal-arja previst fl-Artikolu 23 ta’ din l-istess direttiva biss fil-każ fejn dan il-qbiż tal-valuri limiti jkun dovut għal sorsi ta’ PM10 differenti mit-tixrid tar-ramel jew tal-melħ fit-toroq fix-xitwa.

12      L-Artikolu 22 tal-istess direttiva, intitolat “Posponiment tat-termini perentorji għall-kisba ta’ l-objettiv u l-eżenzjoni mill-obbligu ta’ l-applikazzjoni ta’ ċerti valuri ta’ limitu”, huwa fformulat kif ġej:

“1      Fejn, f’żona jew agglomerazzjoni partikolari, il-konformità mal-valuri ta’ limitu fir-rigward tad-dijossidu tan-nitroġenu jew il-benżina ma jistgħux jinkisbu sat-termini perentorji speċifikati fl-Anness XI, Stat Membru jista’ jipposponi dawk it-termini perentorji sa massimu ta’ ħames snin għal dik iż-żona jew agglomerazzjoni partikolari, sakemm ikun ġie stabbilit pjan dwar il-kwalità ta’ l-arja skond l-Artikolu 23 għaż-żona jew agglomerazzjoni li għalihom japplika l-posponiment; tali pjan dwar il-kwalità ta’ l-arja għandu jiġi supplimentat mill-informazzjoni esposta fit-Taqsima B ta’ l-Anness XV dwar is-sustanzi li jniġġsu kkonċernati u għandu juri kif il-konformità mal-valuri ta’ limitu għandha tintlaħaq qabel it-terminu perentorju l-ġdid.

2.      Fejn, f’żona jew agglomerazzjoni partikolari, il-konformità mal-valuri ta’ limitu fir-rigward tal-PM10, kif speċifikat fl-Anness XI, ma tistax tinkiseb minħabba l-karatteristiċi tat-tixrid speċifiċi għas-sit, kondizzjonijiet tal-klima ħżiena jew il-kontributi transkonfinali, l-Istat Membru għandu jkun eżentat mill-obbligu li japplika dawk il-valuri ta’ limitu sal-11 ta’ Ġunju 2011, sakemm il-kondizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafu 1 jiġu osservati, u sakemm dak l-Istai Membru juri li jkun ħa l-miżuri adegwati kollha fuq livell nazzjonali, reġjonali u lokali sabiex ilaħħaq ma l-iskadenzi.

3.      Fejn Stat Membru japplika l-paragrafi 1 jew 2, hu għandu jiżgura li l-valur ta’ limitu għal kull sustanza li tniġġes ma jinqabiżx b’aktar mill-marġni massimu tat-tolleranza speċifikat fl-Anness XI għal kull sustanza li tniġġes konċernata.

4.      L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni meta, fil-fehma tagħhom, il-paragrafi 1 jew 2 japplikaw, u għandhom jikkomunikaw il-pjan dwar il-kwalità ta’ l-arja msemmi fil-paragrafu 1 inkluż kull informazzjoni rilevanti meħtieġa għall-Kummissjoni sabiex ikun valutat jekk il-kondizzjonijiet rilevanti humiex sodisfatti. Fil-valutazzjoni tagħha, il-Kummissjoni għandha tieħu kont ta’ effetti stmati fuq il-kwalità ta’ l-arja ambjentali fl-Istati Membri, kemm fil-preżent u kemm fil-ġejjieni, ta’ miżuri li ttieħdu mill-Istati Membri kif ukoll effetti stmati Komunitarji fuq il-kwalità ta’ l-arja ambjentali ta’ miżuri Komunitarji kurrenti u ta’ miżuri [tal-Unjoni] pjanati li għandhom jiġu proposti mill-Kummissjoni.

Fejn il-Kummissjoni ma tqajjem l-ebda oġġezzjoni fi żmien disa’ xhur minn meta tiġi riċevuta dik in-notifika, għandhom jitqiesu sodisfatti l-kondizzjonijiet rilevanti għall-applikazzjoni tal-paragrafu 1 jew 2.

Jekk jitqajmu oġġezzjonijiet, il-Kummissjoni tista’ teħtieġ li l-Istati Membri jaġġustaw jew jipprovdu pjanijiet ġodda dwar il-kwalità ta’ l-arja.”

13      L-Artikolu 23 tad-Direttiva 2008/50, intitolat “Pjanijiet dwar il-kwalità ta’ l-arja”, jipprovdi fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Fejn, fiż-żoni jew l-agglomerazzjonijiet stipulati, il-livelli ta’ sustanzi li jniġġsu fl-arja ta’ l-ambjent jaqbżu kwalunkwe valur ta’ limitu jew valur immirat, kif ukoll kwalunkwe marġni rilevanti tat-tolleranza f’kull każ, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li jkunu stabbiliti pjanijiet dwar il-kwalità ta’ l-arja għal dawk iż-żoni u agglomerazzjonijiet sabiex jinkiseb il-valur ta’ limitu jew valur immirat relatati speċifikati fl‑Annessi XI u XIV.

Fil-każ ta’ qabżiet ta’ dawk il-valuri ta’ limitu li għalihom id-data ta’ skadenza sabiex jintlaħqu diġà tkun skadiet il-pjan ta’ kwalità ta’ l-arja għandu jistabbilixxi miżuri adegwati, sabiex il-perijodu tal-qabża jkun jista’ jinżamm l-iqsar possibbli. Il-pjan għall-kwalità ta’ l-arja jista’ jinkludi wkoll miżuri speċifiċi li jkollhom il-ħsieb li jipproteġu gruppi sensittivi fil-popolazzjoni, inklużi t-tfal.

Dawk il-pjanijiet għall-kwalità ta’ l-arja għandhom jinkorporaw ta’ l-anqas l-informazzjoni elenkata fit-Taqsima A ta’ l-Anness XV u jistgħu jinkludu miżuri skond l-Artikolu 24. Dawk il-pjanijiet għandhom jiġu kkomunikati lill-Kummissjoni mingħajr dewmien, iżda mhux aktar tard minn sentejn wara l-aħħar ta’ dik is-sena fejn tkun ġiet osservata l-ewwel qabża.

Fejn għandhom jiġu preparati jew implimentati pjanijiet dwar il-kwalità ta’ l-arja fir-rigward ta’ diversi sustanzi li jniġġsu, l-Istati Membri għandhom, fejn ikun il-każ, jippreparaw u jimplimentaw pjanijiet dwar il-kwalità ta’ l-arja integrati li jkopru l-s-sustanzi li jniġġsu kollha kkonċernati.”

14      L-Artikolu 27 ta’ din id-direttiva, intitolat “Trasmissjoni ta’ l-informazzjoni u l-irrappurtar”, jipprovdi:

“1      L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-informazzjoni dwar il-kwalità ta’ l-arja fl-ambjent titqiegħed għad-dispożizzjoni tal-Kummissjoni fil-perijodu ta’ żmien meħtieġ kif determinat mill-miżuri ta’ implimentazzjoni msemmijin fl-Artikolu 28(2).

2.      Fi kwalunkwe każ, għall-għan speċifiku li tiġi valutata l-konformità mal-valuri ta’ limitu u l-livelli kritiċi u l-ksib ta’ valuri mmirati, tali informazzjoni għandha tiġi magħmula disponibbli għall-Kummissjoni, mhux aktar tard minn disa’ xhur wara l-aħħar ta’ kull sena, u għandha tinkludi:

[…]

(b)      il-lista ta’ żoni u agglomerazzjonijiet li fihom il-livelli ta’ sustanzi li jniġġsu wieħed jew aktar ikunu ogħla mill-valuri ta’ limitu flimkien mal-marġni ta’ tolleranza fejn applikabbli jew ogħla mill-valuri mmirati jew livelli kritiċi; u għal dawn iż-żoni u agglomerazzjonijiet:

(i)      il-livelli valutati u, jekk rilevanti, id-dati u l-perijodi meta tali livelli ġew osservati;

(ii)      fejn ikun il-każ, valutazzjoni dwar kontributi minn sorsi naturali u mir-risospensjoni ta’ partikuli wara t-tqegħid tar-ramel jew tal-melħ fit-toroq fix-xitwa lil-livelli valutati, kif dikjarat lill-Kummissjoni taħt l-Artikoli 20 u 21.

3.      Il-paragrafi 1 u 2 għandhom japplikaw għal informazzjoni miġbura mill-bidu tat-tieni sena kalendarja wara d-dħul fis-seħħ tal-miżuri ta’ implimentazzjoni msemmijin fl-Artikolu 28(2).”

15      L-Anness XI tad-Direttiva 2008/50, intitolat “Valuri ta’ limitu għall-protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem”, jindika, fir-rigward tal-PM10, li l-valur limitu ta’ kuljum huwa stabbilit għal 50 μg/m³ u li dan ma għandux jinqabeż iktar minn 35 darba kull sena kalendarja, u li l-valur limitu annwali, li huwa stabbilit għal 40 μg/m³, ma jistax jinqabeż.

16      Fost l-informazzjoni li għandha tiġi inkluża fil-pjanijiet dwar il-kwalità tal-arja ambjentali, fis-sens tal-Artikolu 23 ta’ din id-direttiva, it-Taqsima A tal-Anness XV tal-imsemmija direttiva tindika b’mod partikolari:

“8      Dettalji ta’ dawk il-miżuri jew proġetti adottati bil-ħsieb li jitnaqqas it-tniġġis wara d-dħul fis-seħħ ta’ din id-Direttiva:

(a)      elenku u deskrizzjoni tal-miżuri kollha stipulati fil-proġett;

(b)      skeda ta’ żmien għall-implimentazzjoni;

(ċ)      stima tat-titjib tal-kwalità ta’ l-arja pjanat u taż-żmien mistenni li jkun meħtieġ sabiex jintlaħqu dawn l-objettivi.”

 Il-proċedura prekontenzjuża

17      Wara li eżaminat ir-rapporti pprovduti mir-Repubblika Taljana dwar l-iżvilupp tal-konċentrazzjonijiet tal-PM10 fl-arja ambjentali għall-perijodu ta’ bejn is-sena 2008 u s-sena 2012 fiż-żoni kkunsidrati, fil-11 ta’ Lulju 2014, il-Kummissjoni bagħtet lil dan l-Istat Membru ittra ta’ intimazzjoni dwar il-ksur tal-Artikoli 13 u 23 tad-Direttiva 2008/50, minħabba l-qbiż persistenti tal-valuri limitu applikabbli għal dawn il-konċentrazzjonijiet matul dan il-perijodu (iktar ’il quddiem l-“ittra ta’ intimazzjoni inizjali”).

18      L-awtoritajiet Taljani talbu estensjoni tat-terminu għar-risposta għal din l-ittra ta’ intimazzjoni, li ngħatatilhom, u kkomunikaw ir-risposta tagħhom fit-28 ta’ Ottubru 2014, mingħajr ma kkontestaw il-ksur l-Artikolu 13 tad-Direttiva 2008/50. Min-naħa l-oħra, għal dak li jikkonċerna l-allegat ksur tal-Artikolu 23 ta’ din id-direttiva, huma sostnew li kien hemm lok li ssir evalwazzjoni għal kull żona jew agglomerazzjoni kkonċernata.

19      Peress li diversi żoni tal-Baċir ta’ Po ma kinux inklużi fl-ittra ta’ intimazzjoni inizjali u li r-rapporti msemmija fl-Artikolu 27 tad-Direttiva 2008/50 għas-snin 2013 u 2014 kienu ntbagħtu tardivament, billi d-data dwar Piemonte, Sicilia u Calabria għal dan il-perijodu ġiet ikkomunikata biss fl-4 ta’ Frar 2016, il-Kummissjoni ħarġet ittra ta’ intimazzjoni addizzjonali, hekk kif irċeviet din id-data supplimentari, fis-16 ta’ Ġunju 2016, li fiha hija sostniet li kien hemm ksur persistenti u kontinwu tal-valuri limitu ddefiniti fl-Artikolu 13 ta’ din id-direttiva kif ukoll ksur tal-Artikolu 23 tal-imsemmija direttiva.

20      Wara li talbu u kisbu estensjoni tat-terminu għar-risposta għal din l-ittra ta’ intimazzjoni addizzjonali, l-awtoritajiet Taljani taw risposta permezz ta’ ittra tal-20 ta’ Settembru 2016, mingħajr ma kkontestaw il-ksur tal-Artikolu 13 tad-Direttiva 2008/50. Għal dak li jikkonċerna l-allegat ksur tal-Artikolu 23 ta’ din id-direttiva, huma tennew l-argumenti mressqa fir-risposta tagħhom għall-ittra ta’ intimazzjoni inizjali, filwaqt li pprovdew, madankollu, xi data aġġornata.

21      Fid-dawl tar-risposti tal-awtoritajiet Taljani msemmija fil-punt 20 ta’ din is-sentenza, il-Kummissjoni ħarġet opinjoni motivata, fit-28 ta’ April 2017, li fiha hija invokat, fl-ewwel lok, in-nuqqas ta’ osservanza persistenti u kontinwu, għall-perijodu ta’ bejn is-sena 2008 u s-sena 2015, tal-valur limitu ta’ kuljum stabbilit għall-PM10 fiż-żoni elenkati fl-opinjoni, kif ukoll tal-valur limitu annwali stabbilit għall‑PM10 fi wħud minn dawn iż-żoni, bi ksur tad-dispożizzjonijiet moqrija flimkien tal-Artikolu 13 u tal-Anness XI tad-Direttiva 2008/50. Għal dak li jikkonċerna Sicilia, fl-opinjoni motivata, il-Kummissjoni ppreċiżat li l-ksur ta’ dawn id-dispożizzjonijiet kien tkompla mill-inqas sal-2014, peress li ebda data ma kienet ġiet ikkomunikata għas-sena 2015.

22      Fit-tieni lok, il-Kummissjoni kkonkludiet li, għaż-żoni elenkati fl-opinjoni motivata, ir-Repubblika Taljana kienet naqset milli twettaq l-obbligi tagħha previsti fl-Artikolu 23 tad-Direttiva 2008/50, moqri waħdu u flimkien mal-Anness XV tagħha.

23      Ir-Repubblika Taljana rrispondiet għall-opinjoni motivata fid-29 ta’ Ġunju 2017. Fil-15 ta’ Settembru 2017, hija pprovdiet indikazzjonijiet addizzjonali dwar id-diversi pjanijiet rigward il-kwalità tal-arja li r-reġjuni kienu mmodifikaw, kif ukoll dwar il-miżuri li huma kienu ser jieħdu sabiex inaqqsu l-livelli ta’ konċentrazzjoni ta’ PM10 fl-arja ambjentali.

24      Peress li qieset li r-Repubblika Taljana kienet għadha ma rrimedjatx l-allegat ksur tad-dritt tal-Unjoni, il-Kummissjoni ddeċidiet li tippreżenta, fit-13 ta’ Ottubru 2018, dan ir-rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu.

25      Ir-Repubblika Taljana talbet, abbażi tat-tielet paragrafu tal-Artikolu 16 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, li l-Qorti tal-Ġustizzja tiltaqa’ f’Awla Manja.

 Fuq ir-rikors

 Fuq l-ewwel ilment, ibbażat fuq ksur sistematiku u persistenti tad-dispożizzjonijiet moqrija flimkien tal-Artikolu 13(1) u tal-Anness XI tad-Direttiva 2008/50

 L-argumenti tal-partijiet

26      Permezz tal-ewwel ilment tagħha, il-Kummissjoni ssostni li, fid-dawl tal-fatt li l-valur limitu ta’ kuljum stabbilit għall-PM10 nqabeż mis-sena 2008 sa, mill-inqas, is-sena 2016, kif ukoll li l-valur limitu annwali stabbilit għall-PM10 nqabeż mis-sena 2008 fiż-żoni msemmija fil-punt 1 ta’ din is-sentenza, ir-Repubblika Taljana kisret, b’mod sistematiku u persistenti, l-obbligi li jirriżultaw mill-Artikolu 13(1) tad-Direttiva 2008/50, moqri flimkien mal-Anness XI ta’ din tal-aħħar.

27      Preliminarjament, il-Kummissjoni tagħmel kjarifika għal dak li jikkonċerna l-applikazzjoni ratione temporis tad-Direttiva 2008/50, billi ssostni ksur tal-Artikolu 13 ta’ din id-direttiva f’ċerti żoni u agglomerazzjonijiet Taljani, mis-sena 2008, minkejja li din tal-aħħar daħlet fis-seħħ biss fil-11 ta’ Ġunju 2008 u li skont l-Artikolu 33(1) tal-imsemmija direttiva, l-Istati Membri kellhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi neċessarji sabiex jikkonformaw ruħhom magħha qabel il-11 ta’ Ġunju 2010.

28      Filwaqt li tirreferi għall-punti 43 u 45 tas-sentenza tat-22 ta’ Frar 2018, Il-Kummissjoni vs Il-Polonja (C‑336/16, EU:C:2018:94), din l-istituzzjoni tfakkar li d-Direttiva 2008/50 issostitwixxiet, konformement mal-premessa 3 tagħha, ħames atti tal-Unjoni, fosthom id-Direttiva 1999/30 li kienet tippreċiża l-valuri limitu dwar il-kwalità tal-arja li kellhom jiġu osservati mill-1 ta’ Jannar 2005. Il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat b’mod partikolari f’dan ir-rigward li d-dispożizzjonijiet moqrija flimkien tal-Artikolu 5 u tal-Anness III tad-Direttiva 1999/30, li kienu jkopru l-perijodu ta’ qabel dak tal-implimentazzjoni tad-Direttiva 2008/50, inżammu mid-dispożizzjonijiet moqrija flimkien tal-Artikolu 13(1) u tal-Anness XI ta’ din id-direttiva, b’tali mod li lment ibbażat fuq ksur ta’ dawn id-dispożizzjonijiet tal-aħħar huwa wkoll ammissibbli għal perijodi ta’ bejn l-1 ta’ Jannar 2005 u l-11 ta’ Ġunju 2010.

29      Il-Kummissjoni ssostni li, fi kwalunkwe każ, ir-Repubblika Taljana ma kisbet ebda posponiment tat-terminu stabbilit sabiex jintlaħqu l-valuri limitu stabbiliti għall-PM10 skont l-Artikolu 22 tad-Direttiva 2008/50, kif tfakkar fl-opinjoni motivata. Konsegwentement, hija kienet obbligata tikkonforma ruħha mad-dispożizzjonijiet ta’ din id-direttiva li jikkonċernaw dawn il-valuri limitu, mingħajr ebda eċċezzjoni.

30      Barra minn hekk, il-Kummissjoni tfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà kkonstatat li r-Repubblika Taljana naqset mill-obbligu li tiżgura li, għas-snin 2006 u 2007, il-konċentrazzjonijiet tal-PM10 fl-arja ambjentali ma jaqbżux il-valuri limitu ta’ kuljum u annwali stabbiliti mid-Direttiva 1999/30 f’diversi żoni u agglomerazzjonijiet Taljani (sentenza tal-19 ta’ Diċembru 2012, Il-Kummissjoni vs L-Italja, C‑68/11, EU:C:2012:815, punti 55 sa 58 u 67). Għaldaqstant, dan ir-rikors jikkonċerna l-qbiż kontinwu tal-valuri limitu ta’ kuljum u annwali stabbiliti għall-PM10 mis-sena 2008 u sad-data ta’ skadenza tat-terminu għat-tqegħid f’konformità indikat fl-opinjoni motivata, jiġifieri t-28 ta’ Ġunju 2017.

31      Fl-aħħar nett, wara li rċeviet data dwar is-sena 2017 li tikkonferma l-persistenza tal-qbiż tal-valuri ta’ limitu ta’ kuljum u annwali stabbiliti għall-PM10 fi kważi ż-żoni kkonċernati kollha, il-Kummissjoni tindika li għandha l-intenzjoni tipproduċi din id-data kollha matul il-proċedura ladarba l-validazzjoni teknika tagħha titwettaq kif ukoll elementi addizzjonali relatati ma’ fatti li seħħew wara t-28 ta’ Ġunju 2017, minħabba li dawn huma fatti tal-“istess natura” u “li jikkostitwixxu l-istess aġir” bħal dak imsemmi fl-opinjoni motivata. Bl-istess mod, il-Kummissjoni tindika li hija pprovdiet ukoll id-data dwar il-livelli ta’ konċentrazzjoni ta’ PM10 għas-sena 2016, li kienet ġiet ikkomunikata lilha biss fil-15 ta’ Settembru 2017 mill-awtoritajiet Taljani, jiġifieri wara d-data ta’ skadenza indikata fl-opinjoni motivata.

32      Il-Kummissjoni tfakkar li mill-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-konstatazzjoni oġġettiva tal-qbiż tal-valuri limitu stabbiliti għall-PM10 mid-dispożizzjonijiet moqrija flimkien tal-Artikolu 13 u tal-Anness XI tad-Direttiva 2008/50 hija biżżejjed sabiex jiġi konkluż li hemm ksur ta’ dawn id-dispożizzjonijiet.

33      Skont il-Kummissjoni, l-eżami tar-rapporti annwali pprovduti mir-Repubblika Taljana skont l-Artikolu 27 tad-Direttiva 2008/50, li s-sommarji tagħhom huma annessi mar-rikors tagħha, jippermetti li jiġi konkluż li hemm qbiż persistenti tal-valuri limitu ta’ kuljum u annwali stabbiliti għall-PM10 f’kull waħda mis-27 żona ġeografika eżaminati. Bl-eċċezzjoni ta’ ċerti snin, dawn il-valuri limitu qatt ma ġew osservati u l-qbiż tagħhom fid-data tal-preżentata tar-rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu jixhed in-natura persistenti ta’ dan.

34      Minn dan jirriżulta li l-valuri limitu ta’ kuljum u annwali stabbiliti għall-PM10 inqabżu b’mod sistematiku u persistenti, peress li l-ksur kien għadu għaddej fil-mument tal-preżentata tar-rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu fiż-żoni msemmija fil-punt 1 ta’ din is-sentenza.

35      Ir-Repubblika Taljana tikkontesta n-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu li hija akkużata bih.

36      Fl-ewwel lok, hija tqis li ksur tal-Artikolu 13 tad-Direttiva 2008/50, moqri flimkien mal-Anness XI tagħha, ma jistax jiġi dedott minn sempliċi qbiż tal-valuri limitu medji ta’ kuljum jew annwali stabbiliti għall-PM10 fuq ċertu numru ta’ snin fi Stat Membru. Hija ssostni f’dan ir-rigward li, kuntrarjament għall-pretensjonijiet tal-Kummissjoni, il-prinċipji stabbiliti mill-Qorti tal-Ġustizzja f’kawżi simili ma jippermettux li jitqies li teżisti korrelazzjoni awtomatika bejn il-qbiż tal-limiti massimi ta’ konċentrazzjoni ta’ sustanzi li jniġġsu u nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu taħt id-dritt tal-Unjoni, sa fejn l-imsemmija direttiva għandha l-għan li tiżgura tnaqqis progressiv tal-livelli ta’ espożizzjoni għall-fatturi ta’ ħsara fil-limiti stabbiliti minnha.

37      Skont ir-Repubblika Taljana, ma jistax għalhekk jitqies li din id-direttiva nkisret — u, f’dan il-każ, li ma twettaqx l-obbligu li l-konċentrazzjonijiet tal-PM10 jitniżżlu fil-limiti massimi ddefiniti fl-Anness XI — meta l-eżami tad-data preċedenti ta’ konċentrazzjoni tal-komponenti ta’ ħsara juri tnaqqis progressiv, kostanti u sinjifikattiv tal-livelli ta’ konċentrazzjoni li jippermetti li jintlaħaq livell qrib dak li jipprevedu d-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni.

38      Skont interpretazzjoni korretta tad-Direttiva 2008/50 fid-dawl tal-formulazzjoni, tal-istruttura u tal-għanijiet tagħha, ikkorroborata mid-dikjarazzjoni tal-Kummissjoni li tinsab fl-anness ta’ din id-direttiva, fl-opinjoni tar-Repubblika Taljana, l-Artikolu 13 tad-Direttiva 2008/50 għandu jinqara dejjem flimkien mal-ewwel u t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 23(1) ta’ din id-direttiva, b’tali mod li l-uniku obbligu impost fuq l-Istati Membri fil-każ li jinqabżu l-valuri limitu msemmija fl-imsemmi Artikolu 13 u fl-Anness XI tal-imsemmija direttiva huwa l-istabbiliment ta’ pjanijiet relatati mal-kwalità tal-arja li jipprevedu miżuri xierqa sabiex il-perijodu li fih dawn il-valuri jinqabżu jkun l-iqsar possibbli. Għalhekk tista’ tinqala’ kwistjoni ta’ ksur li jista’ jiġi ssanzjonat skont l-Artikolu 258 TFUE biss jekk, fil-każ li jinqabżu l-valuri limitu, il-pjanijiet dwar il-kwalità tal-arja ma jkunux stabbiliti, iżda dan ma huwiex il-każ fil-kawża ineżami. Għalhekk, huwa biss it-tieni lment imqajjem mill-Kummissjoni li huwa rilevanti sabiex jiġi kkonstatat nuqqas potenzjali ta’ twettiq tal-obbligi stabbiliti mid-Direttiva 2008/50.

39      Skont ir-Repubblika Taljana, l-adattament tal-kwalità tal-arja għal-limiti u għall-għanijiet previsti jikkostitwixxi proċess kumpless, li fih il-miżuri tal-Istati Membri ma jistgħux ikunu episodiċi u għandhom neċessarjament jinkludu pjanijiet fit-tul. Fid-dawl tad-diversità u tal-interazzjoni tas-sorsi ta’ tniġġis, il-miżuri nazzjonali għandhom jiġu ssupplimentati b’miżuri li jaqgħu taħt il-kompetenza tal-Unjoni, b’mod partikolari dawk li jirrigwardaw l-installazzjonijiet kbar tal-kombustjoni u l-installazzjonijiet industrijali. Fl-aħħar nett, huwa neċessarju li dawn il-miżuri kollha ma jostakolawx l-iżvilupp ekonomiku, u jaħdmu, min-naħa l-oħra, sabiex tiġi żgurata s-sostenibbiltà tagħhom.

40      Fit-tieni lok u sussidjarjament, ir-Repubblika Taljana ssostni li l-qbiż tal-valuri limitu msemmija fl-Artikolu 13 tad-Direttiva 2008/50 ma jistax jiġi imputat esklużivament lill-Istat Membru kkonċernat. Id-diversità tas-sorsi ta’ tniġġis tal-arja timplika li l-possibbiltajiet għal Stat Membru wieħed li jintervjeni fuq dawn is-sorsi u li jnaqqas taħt il-valuri limitu l-konċentrazzjoni tad-diversi inkwinanti, inklużi l-partiċelli PM10, huma relattivi. Fil-fatt, fir-rigward tad-diversi sorsi ta’ tniġġis, imsemmija fil-premessa 18 tad-Direttiva 2008/50, hija l-Unjoni li hija kompetenti, u mhux l-Istati Membri, sabiex tirregola l-emissjonijiet ta’ inkwinanti.

41      Għaldaqstant, għalkemm mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-proċedura msemmija fl-Artikolu 258 TFUE hija bbażata fuq il-konstatazzjoni oġġettiva tan-nuqqas ta’ osservanza mill-Istat Membru tal-obbligi tiegħu, jeħtieġ ukoll, skont ir-Repubblika Taljana, li dan in-nuqqas ta’ osservanza jkun jista’ oġġettivament jiġi attribwit għall-aġir tal-awtoritajiet nazzjonali u li ma jirriżultax minn fatturi oħra kawżali, indipendenti mill-isfera ta’ kompetenza tal-Istati Membri. Rikors ippreżentat mill-Kummissjoni jista’ jintlaqa’ biss jekk din l-istituzzjoni tipproduċi l-prova ta’ din l-imputabbiltà esklużiva lill-Istat Membru kkonċernat, u mhux jekk in-nuqqas ta’ konformità potenzjali mad-dritt tal-Unjoni jirriżultax minn bosta fatturi li wħud minnhom biss jaqgħu fl-isfera ta’ kompetenza ta’ dan l-Istat Membru.

42      Konsegwentement, f’dan il-każ, il-Kummissjoni kellha tikkonstata, minn naħa, l-assenza ta’ kull effett ta’ fatturi kawżali naturali esterni, li l-awtoritajiet nazzjonali ma jkunux jistgħu jikkontrollaw sa fejn ikunu imprevedibbli u inevitabbli u, min-naħa l-oħra, l-assenza ta’ aġir ta’ terzi li tista’ jkollha effett fuq it-twettiq tal-għanijiet ta’ protezzjoni li fuqhom huma bbażati d-dispożizzjonijiet leġiżlattivi allegatament miksura. F’dan ir-rigward, ir-Repubblika Taljana ssemmi fatturi kawżali li ma jaqgħux totalment taħt il-kontroll tal-awtoritajiet nazzjonali u li huma ta’ oriġini naturali, b’mod partikolari l-konfigurazzjoni orografika ta’ ċerti żoni territorjali Taljani marbuta mal-kundizzjonijiet metereoloġiċi prevalenti f’dawn iż-żoni, jew fatturi li joriġinaw mill-bniedem kif ukoll l-interferenza tal-politiki Ewropej indipendenti mill-politiki nazzjonali. F’dan il-kuntest hija tirreferi, b’mod partikolari, għall-politiki tal-Unjoni fil-qasam tal-bijomassa, tal-emissjonijiet ta’ inkwinanti, b’mod partikolari l-vantaġġi mogħtija lill-vetturi bil-mutur diesel u l-iffissar tal-emissjonijiet ta’ PM10 mill-vetturi “Eurodiesel” abbażi ta’ mudelli teoretiċi ferm imbiegħda mill-emissjonijiet reali ta’ PM10 u ta’ agrikoltura, li wħud minnhom, bil-għan li jnaqqsu sorsi oħra ta’ emissjonijiet, jispiċċaw sabiex iżidu l-emissjonijiet tal-PM10 imsemmija fid-Direttiva 2008/50, kif jikkonfermaw ir-rapporti mdaħħla fil-proċess.

43      Għaldaqstant, skont ir-Repubblika Taljana, il-Kummissjoni mhux qiegħda tipproduċi l-prova li l-qbiż tal-valuri limitu stabbiliti mid-Direttiva 2008/50 huwa imputabbli għall-insuffiċjenza tal-pjanijiet dwar il-kwalità tal-arja kkonċernati. Kieku din l-istituzzjoni ma jkollhiex tipproduċi din il-prova, dan jirrendi l-Istat Membru kkonċernat responsabbli awtomatikament jew b’mod oġġettiv, ħaġa li tkun inaċċettabbli.

44      Fit-tielet lok, ir-Repubblika Taljana ssostni, sussidjarjament, li l-Kummissjoni qiegħda twettaq żball ta’ liġi meta tiddetermina l-limitu massimu ta’ konċentrazzjoni tal-PM10 li jista’ jiġi ammess sa fejn hija tieħu l-valuri ta’ 50 μg/m³ kuljum u ta’ 40 μg/m³ fis-sena bħala valuri ta’ riferiment, iżda ma tiħux inkunsiderazzjoni l-marġni ta’ tolleranza previst mill-Artikoli 13 u 23 kif ukoll mill-Anness XI tad-Direttiva 2008/50, moqrija flimkien. Minn dan il-qari konġunt jirriżulta li, meta l-valuri limitu previsti mid-dispożizzjonijiet moqrija flimkien tal-Artikolu 13 tal-Anness XI ta’ din id-direttiva jinqabżu, jistgħu jiġu applikati marġni ta’ tolleranza skont l-Artikolu 23(1) tal-istess direttiva. Peress li l-obbligu li jiġu stabbiliti pjanijiet dwar il-kwalità tal-arja huwa impost fuq l-Istati Membri biss meta “l-livelli ta’ sustanzi li jniġġsu fl-arja ta’ l-ambjent jaqbżu kwalunkwe valur ta’ limitu jew valur immirat, kif ukoll kwalunkwe marġni rilevanti tat-tolleranza”, għandu jiżdied il-valur limitu tal-marġni ta’ tolleranza applikabbli sabiex jiġi kkontrollat il-qbiż tal-valuri massimi ammissibbli fil-kuntest tad-dritt nazzjonali.

45      Għall-PM10, dan il-marġni ta’ tolleranza huwa ffissat għal 50 % kuljum u għal 20 % għal kull sena kalendarja, b’tali mod li d-dritt tal-Unjoni ma jinkisirx jekk il-valur massimu, li jirriżulta miż-żieda tal-valur limitu bl-applikazzjoni tal-koeffiċjent previst bħala marġni ta’ tolleranza, ma jkunx inqabeż. Konsegwentement, fil-każ ineżami, il-Kummissjoni kellha tieħu inkunsiderazzjoni mhux il-valuri ta’ 50 μg/m³ kuljum u ta’ 40 μg/m³ fis-sena, iżda pjuttost valuri ta’ 75 μg/m³ kuljum u ta’ 48 μg/m³ fis-sena.

46      Il-Kummissjoni, fil-parti introduttiva tar-replika tagħha, tikkonstata preliminarjament li r-Repubblika Taljana, fir-risposta tagħha, ma tikkontestax l-approċċ li jgħid li din il-proċedura tirrigwarda nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu sistematiku u persistenti taħt ċerti dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni u għalhekk tirrigwarda, f’ċerti każijiet, il-qbiż persistenti tal-valuri limitu stabbiliti għall-PM10 matul perijodi pjuttost twal. Din il-konstatazzjoni hija kkonfermata mill-fatt li r-Repubblika Taljana tirreferi għall-valuri limitu stabbiliti għall-PM10 għas-sena 2018.

47      Fir-rigward tal-argument li jgħid li huwa suffiċjenti, sabiex tiġi żgurata l-osservanza tal-obbligi li jirriżultaw mid-Direttiva 2008/50, li t-tnaqqis tal-livelli ta’ konċentrazzjoni tal-PM10 previst mid-Direttiva 2008/50 ikun progressiv anki jekk dawn il-livelli jibqgħu ogħla mill-valuri limitu stabbiliti għall-PM10 minn din l-istess direttiva u li, għaldaqstant, tali qbiż ikollu biss l-effett li jobbliga lill-Istati Membri jadottaw pjan dwar il-kwalità tal-arja, il-Kummissjoni ssostni li dan la huwa bbażat fuq il-kliem tal-imsemmija direttiva u lanqas fuq il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja.

48      Hija tenfasizza, f’dan ir-rigward, li l-valuri limitu għandhom jiġu distinti mill-valuri mmirati, liema valuri għandhom jintlaħqu fuq perijodu partikolari, iżda biss “meta possibbli” u sakemm il-miżuri korrispondenti ma jkunux jinvolvu spejjeż sproporzjonati, skont id-definizzjoni li tinsab fil-punt 9 tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2008/50, moqri flimkien mal-Artikoli 16 u 17 ta’ din id-direttiva. Issa, dawn l-artikoli ma humiex imsemmija fil-kuntest ta’ dan ir-rikors.

49      Fir-rigward tal-argument ibbażat fuq in-nuqqas ta’ imputabbiltà lir-Repubblika Taljana tal-qbiż tal-valuri limitu stabbiliti għall-PM10 b’mod partikolari minħabba l-konfigurazzjoni orografika ta’ ċerti żoni territorjali Taljani jew ta’ politiki Ewropej li għandhom effett sinjifikattiv fuq il-formazzjoni ta’ komposti li jagħmlu ħsara għas-saħħa, il-Kummissjoni tirrispondi li l-obbligu li ma jinqabżux l-imsemmija valuri limitu huwa ċarament obbligu li jinkiseb riżultat li għandu jiġi osservat mill-Istat Membru, konformement mal-Artikolu 13 tad-Direttiva 2008/50. Jekk jiġi eċċepit li jeżistu aspetti speċifiċi għal dan l-Istat Membru, dan ikun ifisser li tiġi miċħuda l-eżistenza tal-imsemmi obbligu.

50      Hija tippreċiża wkoll li d-diffikultajiet potenzjali li jiġu osservati l-valuri limitu stabbiliti għall-PM10 f’ċerti partijiet tat-territorju nazzjonali ttieħdu debitament inkunsiderazzjoni fil-premessa 16 tad-Direttiva 2008/50, sa fejn din tal-aħħar tirreferi għal żoni li fihom il-kundizzjonijiet ikunu “partikularment diffiċli,” u li fir-rigward tagħhom ikun possibbli li jiġi estiż it-terminu stabbilit sabiex jintlaħqu l-valuri limitu relatati mal-kwalità tal-arja, sakemm tiġi ppreżentata talba f’dan is-sens lill-Kummissjoni, flimkien ma’ pjan iddettaljat stabbilit bil-għan li jiġu osservati l-valuri limitu fit-terminu l-ġdid stabbilit, konformement mal-Artikolu 22(1) u (3) tal-imsemmija direttiva. Madankollu, fir-rigward ta’ din il-proċedura, ir-Repubblika Taljana qatt ma kisbet awtorizzazzjoni għall-estensjoni tal-imsemmi terminu min-naħa tal-Kummissjoni.

51      Skont il-Kummissjoni huma wkoll irrilevanti l-argumenti mressqa mir-Repubblika Taljana li jgħidu li b’mod partikolari l-politiki Ewropej fil-qasam tat-trasport, tal-enerġija u tal-agrikoltura kkontribwixxew sabiex jinqabżu l-valuri limitu stabbiliti għall-PM10. Il-Kummissjoni ssostni f’dan ir-rigward li, fi proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu skont l-Artikolu 258 TFUE, hemm lok li jiġi stabbilit biss jekk Stat Membru osservax obbligu stabbilit minn dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni u mhux jekk jeżistux ċirkustanzi li seta’ kellhom effett fuq in-nuqqas ta’ twettiq tal-obbligu inkwistjoni.

52      Fir-rigward tar-riferiment magħmul mir-Repubblika Taljana għall-“marġni ta’ tolleranza”, li jinsab fl-Artikoli 13, 22 u 23, kif ukoll fl-Anness XI tad-Direttiva 2008/50, il-Kummissjoni tikkontesta l-interpretazzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet imressqa mir-Repubblika Taljana li tgħid li, minn naħa, l-osservanza tal-valuri limitu relatati mal-kwalità tal-arja għandha dejjem tinkludi tali marġni ta’ tolleranza u, min-naħa l-oħra, li tali inklużjoni hija kkonfermata mir-riferiment għal dan il-marġni fl-imsemmija dispożizzjonijiet, b’tali mod li jkun hemm ksur tal-imsemmija direttiva biss jekk jiġi stabbilit li jkun inqabeż ukoll l-imsemmi marġni ta’ tolleranza.

53      Il-Kummissjoni ssostni, f’dan ir-rigward, li l-imsemmija dispożizzjonijiet għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-applikazzjoni ta’ marġni ta’ tolleranza tapplika biss fiż-żewġ każijiet imsemmija fil-paragrafi 1 u 2 tal-Artikolu 22 tad-Direttiva 2008/50, kif imsemmi espressament fil-paragrafu 3 ta’ dan l-artikolu.

54      Din l-interpretazzjoni hija kkonfermata mill-kliem tal-Artikolu 23(1) tad-Direttiva 2008/50, li jindika li l-valuri limiti ta’ konċentrazzjoni għandu jitqies flimkien ma’ “kwalunkwe marġni rilevanti tat-tolleranza f’kull każ”, jiġifieri mhux ma’ marġni previst mil-leġiżlatur tal-Unjoni nnifsu, iżda mal-marġni deċiż mill-Kummissjoni, konformement mal-Artikolu 22(3) tal-imsemmija direttiva, u fuq talba tal-Istat Membru kkonċernat.

55      Għaldaqstant, fin-nuqqas ta’ awtorizzazzjoni espressa min-naħa tal-Kummissjoni, skont l-Artikolu 22 tad-Direttiva 2008/50, ma jistax jiġi applikat marġni ta’ tolleranza. Barra minn hekk, fir-rigward tal-konċentrazzjonijiet ta’ PM10, l-imsemmi marġni ta’ tolleranza jikkostitwixxi, fi kwalunkwe każ, miżura tranżitorja li setgħet tiġi applikata biss sal-11 ta’ Ġunju 2011, kif jirriżulta mill-kliem tal-Artikolu 22(2) ta’ din id-direttiva. Għaldaqstant, din id-dispożizzjoni ma għandha tipproduċi ebda effett ġuridiku. Barra minn hekk, ebda marġni ta’ tolleranza ma ngħata lir-Repubblika Taljana skont l-Artikolu 22(3) u (4) tal-imsemmija direttiva.

56      Għal dak li jirrigwarda l-fondatezza tal-ewwel ilment fid-dawl tal-informazzjoni rilevanti, il-Kummissjoni ssostni li r-Repubblika Taljana sempliċement qiegħda tindika b’mod partikolari l-portata ta’ kull wieħed mill-qbiż, kif ikkonstatat fid-diversi stazzjonijiet ta’ kejl. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni ssostni li, skont l-Artikolu 27(1) tad-Direttiva 2008/50, huma l-Istati Membri li għandhom l-obbligu jipprovdu l-informazzjoni dwar il-qbiż tal-valuri limitu stabbiliti għall-PM10, filwaqt li jindikaw iż-żoni ġeografiċi fejn ikunu nqabżu dawn il-valuri limiti. Il-fatt li fi ħdan l-istess żona jeżistu differenzi minn stazzjon ta’ kejl għal oħra ma għandu jkollu ebda rilevanza, peress li, fi kwalunkwe każ, huma l-Istati Membri li għandhom l-obbligu jorganizzaw u jamministraw il-ġbir tad-data b’mod li jiġi osservat l-obbligu stabbilit fl-imsemmija dispożizzjoni, jiġifieri li jipprovdu l-informazzjoni meħtieġa fi żmien xieraq lill-Kummissjoni. Għaldaqstant, wara li tkun ikkomunikat din id-data, ir-Repubblika Taljana ma tistax tikkontesta l-kontenut tagħha.

57      Barra minn hekk, sa fejn ir-Repubblika Taljana għandha l-intenzjoni ssostni li l-qbiż ta’ ċerti valuri limitu stabbiliti għall-PM10 huwa dovut għal fatturi naturali, hija kellha tinforma lill-Kummissjoni b’dan, skont l-Artikolu 20(1) tad-Direttiva 2008/50.

58      Il-Kummissjoni tfakkar li r-Repubblika Taljana tinsisti diversi drabi fuq allegat titjib kif ukoll fuq it-tendenzi probabbli li jitnaqqsu l-livelli ta’ konċentrazzjoni tal-PM10 fid-diversi żoni kkonċernati. Madankollu, filwaqt li tibbaża ruħha fuq is-sentenza tat-22 ta’ Frar 2018, Il‑Kummissjoni vs Il-Polonja (C‑336/16, EU:C:2018:94, punt 65), hija tindika li tendenza parzjali potenzjali għat-tnaqqis murija mid-data miġbura, li madankollu ma twassalx li l-Istat Membru kkonċernat jikkonforma ruħu mal-valuri limitu li huwa marbut li josserva, ma tistax tinvalida l-konstatazzjoni ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu imputabbli lilu.

59      Barra minn hekk, għal dak li jikkonċerna l-valur limitu ta’ kuljum stabbilit għall-PM10, il-Kummissjoni qiegħda tippreżenta l-aġġornament tad-data dwar is-sena 2017 sabiex turi li minkejja l-osservanza tal-imsemmi valur fiż-żona IT1911 (Palermo) u fiż-żona IT1215 (agglomerazzjoni ta’ Ruma), din id-data ma teliminax il-bażi tal-ilmenti invokati fit-talbiet tar-rikors tagħha. Fil-fatt, sa fejn, għall-ewwel żona, in-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu qiegħed jiġi kkontestat “[mis-sena] 2016”, jiġifieri tal-inqas matul is-sena 2016, indipendentement mid-data għas-sena 2017, u għat-tieni żona, fi kwalunkwe każ “[mis-sena] 2008”, it-talbiet esposti fir-rikors tagħha jibqgħu validi. Barra minn hekk, il-Kummissjoni tosserva li minn din id-data jirriżulta li, fl-2017, il-valur limitu ta’ kuljum stabbilit għall-PM10 inqabeż fil-25 żona oħra msemmija fir-rikors tagħha.

60      Għal dak li jirrigwarda l-valur limitu annwali stabbilit għall-PM10, il-Kummissjoni tammetti li dan il-valur ġie osservat, matul is-sena 2017 fiż-żoni IT1212 (Valle del Sacco), IT0508 u IT0509 (agglomerazzjoni ta’ Venezia-Treviso), IT0511 (ex żona IT0503, agglomerazzjoni ta’ Vicenza) u IT0306 (agglomerazzjoni ta’ Milano). Madankollu, tali konstatazzjoni ma tinvalidax il-fondatezza tal-ilmenti tagħha. Fil-fatt, sa fejn, għall-ewwel żona, in-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu qiegħed jiġi kkontestat “sal-2016, mill-inqas”, u għat-tliet żoni l-oħra, fi kwalunkwe każ “[mis-sena] 2015”, it-talbiet esposti fir-rikors tagħha jibqgħu validi. Barra minn hekk, il-Kummissjoni tosserva li mid-data relatata mas-sena 2017 jirriżulta li, matul din is-sena, il-valur limitu annwali stabbilit għall-PM10 inqabeż fl-erba’ żoni l-oħra msemmija fir-rikors tagħha, jiġifieri ż-żoni IT0308 (agglomerazzjoni ta’ Brescia), IT0309 (Lombardia, pjanura b’livell għoli ta’ urbanizzazzjoni A), IT0310 (Lombardia, pjanura b’livell għoli ta’ urbanizzazzjoni B), u IT0118 (agglomerazzjoni ta’ Torino).

61      Fil-kontroreplika tagħha, ir-Repubblika Taljana tikkontesta, preliminarjament, li s-sentenza tat-22 ta’ Frar 2018, Il-Kummissjoni vs Il-Polonja (C‑336/16, EU:C:2018:94), tista’ tiġi trasposta għall-każ ineżami fid-dawl tad-differenzi fil-kuntesti fattwali rispettivi, b’mod partikolari tal-pjanijiet u tat-termini għall-adattament ikkonċernati. Hija tiċħad ukoll il-konstatazzjoni tal-Kummissjoni li hija kompliet bl-approċċ tagħha bbażat fuq nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu sistematiku u persistenti taħt id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2008/50. Barra minn hekk, hija tippreċiża li ma taqbilx mal-argument tal-Kummissjoni rigward il-portata tal-applikabbiltà tal-marġni ta’ tolleranza.

62      Sussegwentement, filwaqt li tenfasizza li hija ma tiċħadx l-eżistenza ta’ obbligu li jinkiseb riżultat impost mill-Artikoli 13 u 23 tad-Direttiva 2008/50, ir-Repubblika Taljana madankollu tqis li dan l-obbligu għandu jiġi evalwat billi jitqies it-tnaqqis progressiv tal-livelli ta’ konċentrazzjoni tal-PM10 fl-arja ambjentali. Barra minn hekk, hija tippreċiża li l-Kummissjoni ma tikkontestax l-argumenti tagħha dwar l-influwenza determinanti, ta’ natura kawżali, tal-politika Ewropea fil-qasam tal-agrikoltura, tal-enerġija u tat-trasport, kif ukoll il-kundizzjonijiet partikolari ħafna tal-konfigurazzjoni u tal-konformazzjoni tat-territorju nazzjonali fuq it-tfittixija tal-għanijiet li jikkonċernaw il-kwalità tal-arja ambjentali.

63      Fl-aħħar nett, ir-Repubblika Taljana ssostni li l-fatt li ż-żoni kkonċernati minn dan ir-rikors jifformaw biss 17 % tat-territorju nazzjonali kollu juri b’mod sinjifikattiv li l-parti l-kbira tat-territorju Taljan ma hijiex is-suġġett tal-ilmenti mqajma mill-Kummissjoni, u dan juri l-kwalità tajba tal-arja fl-ambjent ta’ dan l-Istat Membru u, konsegwentement, jeskludi per se l-ksur tal-Artikolu 13 tad-Direttiva 2008/50, li jkun prevedibbli biss jekk il-valuri limitu stabbiliti għall-PM10 jinqabżu fit-territorju nazzjonali kollu.

64      Ir-Repubblika Taljana ssostni b’mod partikolari f’dan ir-rigward li d-differenzi fil-valuri rreġistrati bejn l-istazzjonijiet ta’ kejl fil-kuntest tal-istess żona huma, bil-kontra ta’ dak li ssostni l-Kummissjoni, rilevanti u li ċerti każijiet ta’ qbiż tal-valuri limiti allegat jinsabu, fi kwalunkwe każ, fil-“marġni ta’ tolleranza” awtorizzat skont l-Artikolu 23 tad-Direttiva 2008/50 jew tal-inqas juru tendenza lejn it-tnaqqis, suġġett għal varjazzjonijiet żgħar.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

65      Preliminarjament, għandu jiġi rrilevat, fl-ewwel lok, li l-Kummissjoni tikkritika lir-Repubblika Taljana talli naqset, b’mod sistematiku u persistenti, milli twettaq l-obbligi tagħha li jirriżultaw mid-dispożizzjonijiet moqrija flimkien tal-Artikolu 13 tad-Direttiva 2008/50 u tal-Anness XI tagħha, fiż-żoni u fl-agglomerazzjonijiet imsemmija f’dan ir-rikors, mill-1 ta’ Jannar 2008 sad-data ta’ skadenza tat-terminu indikat fl-opinjoni motivata, jiġifieri t-28 ta’ Ġunju 2017. Issa, sa fejn parti minn dan il-perijodu tinsab qabel id-data li fiha l-Istati Membri kellhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi neċessarji sabiex jikkonformaw ruħhom mal-imsemmija direttiva, stabbilita għall-11 ta’ Ġunju 2010, saħansitra anki qabel id-data tad-dħul fis-seħħ tagħha, jiġifieri l-11 ta’ Ġunju 2008, għandu jiġi enfasizzat li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà ppreċiżat li l-ilmenti bbażati fuq l-imsemmija dispożizzjonijiet huma ammissibbli wkoll għall-perijodu ta’ bejn l-1 ta’ Jannar 2005 u l-11 ta’ Ġunju 2010, peress li l-obbligi previsti minn dawn id-dispożizzjonijiet joriġinaw mid-Direttiva 1999/30, li ġiet issostitwita bid-Direttiva 2008/50, partikolarment id-dispożizzjonijiet moqrija flimkien tal-Artikolu 5 tad-Direttiva 1999/30 u tal-Anness III tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-5 ta’ April 2017, Il-Kummissjoni vs Il-Bulgarija, C‑488/15, EU:C:2017:267, punti 50 sa 55).

66      Fit-tieni lok, għandu jiġi rrilevat li, fir-rikors tagħha, sabiex issostni l-ġeneralità u l-konsistenza tan-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu allegat, il-Kummissjoni qiegħda tibbaża ruħha fuq id-data dwar il-kwalità tal-arja għas-sena 2016 li ġiet ippreżentata lilha mir-Repubblika Taljana fil-15 ta’ Settembru 2017 u, fir-replika tagħha, hija qiegħda tibbaża ruħha fuq dik għas-sena 2017. Għalkemm din id-data tikkostitwixxi għaldaqstant fatti li seħħew wara d-data tal-iskadenza tat-terminu stabbilit fl-opinjoni motivata, xorta jibqa’ l-fatt li din hija tal-istess natura u tikkostitwixxi l-istess aġir bħall-fatti esposti fl-opinjoni motivata, b’tali mod li s-suġġett ta’ dan ir-rikors jista’ jiġi estiż għalihom (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-5 ta’ April 2017, Il-Kummissjoni vs Il-Bulgarija, C‑488/15, EU:C:2017:267, punti 42 sa 47 u l-ġurisprudenza ċċitata).

67      Fit-tielet lok, fir-replika tagħha, il-Kummissjoni ppreċiżat, fid-dawl tad-data dwar il-kwalità tal-arja għas-sena 2017, uħud mill-ilmenti tagħha kif ukoll, skont ir-rettifika relatata mal-imsemmija replika, adattat uħud mit-talbiet tagħha. Għaldaqstant, għal dak li jikkonċerna t-talbiet relatati mal-qbiż tal-valur limitu annwali stabbilit għall-PM10, il-Kummissjoni qiegħda tindika fl-imsemmija replika, moqrija flimkien mar-rettifika, li, fiż-żoni IT0508 u IT0509 (agglomerazzjoni ta’ Venezia-Treviso), il-qbiż seħħ matul is-snin 2009, 2011 u 2015, fiż-żona IT1212 (Valle del Sacco), mis-sena 2008 sas-sena 2016, fiż-żona IT0306 (agglomerazzjoni ta’ Milano), mis-sena 2008 sas-sena 2013 u matul is-sena 2015, u fiż-żona IT0511 (agglomerazzjoni ta’ Vicenza), matul is-snin 2011, 2012 u 2015. Fid-dawl ta’ din id-data aġġornata, hija żżid, barra minn hekk, għal dak li jikkonċerna dan l-istess valur limitu, li dan inqabeż fiż-żoni IT0308 (agglomerazzjoni ta’ Brescia), IT0309 (Lombardia, pjanura b’livell għoli ta’ urbanizzazzjoni A) u IT0310 (Lombardia, pjanura b’livell għoli ta’ urbanizzazzjoni B) mill-2008 sas-sena 2013 u matul is-snin 2015 u 2017, u fiż-żona IT0118 (agglomerazzjoni ta’ Torino) mis-sena 2008 sas-sena 2012 u matul is-snin 2015 u 2017.

68      Għal dak li jikkonċerna l-qbiż tal-valur limitu ta’ kuljum stabbilit għall-PM10, il-Kummissjoni tindika li dan jista’ jiġi kkonstatat fiż-żona IT1911 (agglomerazzjoni ta’ Palermo), mis-sena 2008 sas-sena 2012 u matul is-snin 2014 u 2016 u fiż-żona IT1215 (agglomerazzjoni ta’ Ruma) mis-sena 2008 sas-sena 2016 inkluża. Għaldaqstant, għandha tiġi analizzata l-fondatezza tal-ewwel motiv tar-rikors billi jittieħdu inkunsiderazzjoni dawn l-indikazzjonijiet, peress li huma intiżi biss li jippreċiżaw ilment li l-Kummissjoni kienet diġà qajmet b’mod iktar ġenerali fir-rikors u, għaldaqstant, ma jbiddlux is-suġġett tan-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu allegat u ma għandhom ebda effett fuq il-portata tal-kawża (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-4 ta’ Ġunju 2015, Il-Kummissjoni vs Il-Polonja, C‑678/13, mhux ippubblikata, EU:C:2015:358, punt 37 u l-ġurisprudenza ċċitata).

69      Fid-dawl ta’ dawn il-preċiżazzjonijiet preliminari, hemm lok li jiġi rrilevat li, skont il-punt 1 tal-Artikolu 1 tad-Direttiva 2008/50, din tistabbilixxi miżuri intiżi li jiddefinixxu u jiddeterminaw għanijiet li jikkonċernaw il-kwalità tal-arja ambjentali sabiex jiġu evitati, prevenuti jew imnaqqsa l-effetti ta’ ħsara fuq is-saħħa tal-bniedem u l-ambjent kollu. F’dan il-kuntest, l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 13(1) ta’ din id-direttiva jipprevedi li l-Istati Membri għandhom jiżguraw li, fiż-żoni u fl-agglomerazzjonijiet tagħhom kollha, il-livelli, b’mod partikolari tal-PM10 fl-arja ambjentali ma’ jaqbżux il-valuri limitu stabbiliti fl-Anness XI tal-imsemmija direttiva.

70      Għandu jitfakkar li l-ilment ibbażat fuq il-ksur tal-obbligu msemmi fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 13(1) tad-Direttiva 2008/50 għandu jiġi evalwat billi tittieħed inkunsiderazzjoni l-ġurisprudenza stabbilita li tipprovdi li l-proċedura prevista fl-Artikolu 258 TFUE hija bbażata fuq il-konstatazzjoni oġġettiva tan-nuqqas ta’ osservanza minn Stat Membru tal-obbligi tiegħu taħt it-Trattat FUE jew minn att ta’ dritt sekondarju (sentenzi tal-5 ta’ April 2017, Il-Kummissjoni vs Il-Bulgarija, C‑488/15, EU:C:2017:267, punt 68, kif ukoll tat-30 ta’ April 2020, Il‑Kummissjoni vs Ir-Rumanija (Qbiż tal-valuri limitu għall-PM10), C‑638/18, mhux ippubblikata, EU:C:2020:334, punt 67 u l-ġurisprudenza ċċitata).

71      Il-Qorti tal-Ġustizzja għaldaqstant diġà enfasizzat diversi drabi li l-fatt li jinqabżu l-valuri limitu stabbiliti għall-PM10 fl-arja ambjentali huwa biżżejjed fih innifsu sabiex jiġi kkonstatat nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu taħt id-dispożizzjonijiet moqrija flimkien tal-Artikolu 13(1) tad-Direttiva 2008/50 u tal-Anness XI tagħha (sentenzi tal-5 ta’ April 2017, Il-Kummissjoni vs Il-Bulgarija, C‑488/15, EU:C:2017:267, punt 69, kif ukoll tat-30 ta’ April 2020, Il-Kummissjoni vs Ir-Rumanija (Qbiż tal-valuri limitu għall-PM10), C‑638/18, mhux ippubblikata, EU:C:2020:334, punt 68 u l-ġurisprudenza ċċitata).

72      Issa, fil-każ ineżami, id-data li tirriżulta mir-rapporti annwali dwar il-kwalità tal-arja, ippreżentati mir-Repubblika Taljana skont l-Artikolu 27 tad-Direttiva 2008/50, turi li, mis-sena 2008 sas-sena 2017 inkluża, il-valuri limitu ta’ kuljum u annwali stabbiliti għall-PM10 nqabżu regolarment fiż-żoni ċċitati fil-punt 1 ta’ din is-sentenza.

73      Għal dak li jikkonċerna, b’mod partikolari, in-numru ta’ drabi li l-valur limitu ta’ kuljum stabbilit għall-PM10 inqabeż, minn din id-data jirriżulta li, kważi fis‑27 żona u agglomerazzjoni kollha kkonċernati minn dan ir-rikors, meta l-osservanza tan-numru massimu ta’ 35 darba li dan il-valur limitu nqabeż eventwalment tinkiseb matul sena partikolari, din is-sena tiġi sistematikament ippreċeduta u segwita minn sena waħda jew iktar ta’ qbiż eċċessiv tal-imsemmi valur. F’ċerti żoni, wara sena li matulha l-valur ta’ kuljum stabbilit għall-PM10 ma nqabiżx iktar minn 35 darba, in-numru ta’ qbiż jista’ jkun id-doppju tan-numru ta’ qbiż ikkonstatat matul l-aħħar sena li tinvolvi qbiż eċċessiv. Bl-istess mod, fir-rigward tal-qbiż tal-valur limitu annwali stabbilit għall-PM10, is-snin li matulhom l-osservanza ta’ dan il-valur jista’ eventwalment jiġi osservat huma interrotti minn snin ta’ qbiż, peress li l-konċentrazzjoni tal-PM10,wara s-sena li tali osservanza ġiet osservata, tkun xi drabi, f’diversi żoni kkonċernati, anki ogħla minn matul l-aħħar sena li tippermetti li jiġi kkonstatat tali qbiż.

74      Barra minn hekk, mid-data dwar il-kwalità tal-arja fiż-żoni kkonċernati minn dan ir-rikors għas-sena 2017 jirriżulta li, bl-eċċezzjoni ta’ żewġ żoni mis-27 żona u agglomerazzjonijiet inkwistjoni, il-valur limitu ta’ kuljum stabbilit għall-PM10 jew inqabeż mill-ġdid inkella dejjem ikun inqabeż iktar minn 35 darba matul din is-sena u, għal dak li jikkonċerna erba’ żoni minn disa’ kkonċernati minn dan ir-rikors, il-valur limitu annwali stabbilit għall-PM10 reġa’ nqabeż mill-ġdid matul din l-istess sena.

75      F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma huwiex biżżejjed, sabiex tiġi prekluża l-konstatazzjoni ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu sistematiku u persistenti taħt id-dispożizzjonijiet moqrija flimkien tal-Artikolu 13 tad-Direttiva 2008/50 u tal-Anness XI tagħha, li l-valuri limitu msemmija hemmhekk ma jkunux inqabżu matul għal ċerti snin matul il-perijodu kopert mir-rikors. Fil-fatt, kif jirriżulta mid-definizzjoni stess tal-“valur ta’ limitu”, li tinsab fil-punt 5 tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2008/50, dan għandu jintlaħaq, sabiex jiġu evitati, prevenuti jew imnaqqsa l-effetti ta’ ħsara fuq is-saħħa tal-bniedem u/jew l-ambjent kollu, f’terminu partikolari u ma għandux jinqabeż ladarba jintlaħaq. Issa, fir-rigward ta’ dan ir-rikors, ir-Repubblika Taljana kellha tosserva l-valuri limitu stabbiliti f’dawn id-dispożizzjonijiet mill-1 ta’ Jannar 2008.

76      Minn dan jirriżulta li l-qbiż tal-valuri limiti kkonstatat b’dan il-mod għandu jitqies li huwa persistenti u sistematiku, mingħajr ma l-Kummissjoni tkun obbligata tipproduċi provi addizzjonali f’dan ir-rigward.

77      Bl-istess mod, bil-kontra għal dak li tallega r-Repubblika Taljana, nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu jista’ jibqa’ sistematiku u persistenti minkejja eventwali tendenza parzjali lejn tnaqqis murija mid-data miġbura, li madankollu ma jwassalx sabiex dan l-Istat Membru jikkonforma ruħu mal-valuri limitu li huwa obbligat josserva (sentenzi tat-22 ta’ Frar 2018, Il-Kummissjoni vs Il-Polonja, C‑336/16, EU:C:2018:94, punt 65, kif ukoll tat-30 ta’ April 2020, Il-Kummissjoni vs Ir-Rumanija (Qbiż tal-valuri limitu għall-PM10), C‑638/18, mhux ippubblikata, EU:C:2020:334, punt 70), u dan huwa l-każ hawnhekk.

78      Hemm lok li jiġi miċħud ukoll l-argument imressaq mir-Repubblika Taljana li jgħid li d-Direttiva 2008/50 tipprevedi biss obbligu ta’ tnaqqis progressiv tal-livelli ta’ konċentrazzjoni ta’ PM10, u, għaldaqstant, il-fatt li jinqabżu l-valuri limitu stabbiliti għall-PM10 minn din l-istess direttiva jkollu biss l-effett li jobbliga lill-Istati Membri jadottaw pjan dwar il-kwalità tal-arja.

79      Fil-fatt, dan l-argument la huwa bbażat fuq il-formulazzjoni ta’ din id-direttiva u lanqas fuq il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja msemmija fil-punt 71 ta’ din is-sentenza, li jikkonferma li l-Istati Membri huma obbligati jilħqu r-riżultat imsemmi fl-Artikolu 13(1) tad-Direttiva 2008/50 u fl-Anness XI tagħha, jiġifieri li ma jinqabżux il-valuri limitu stabbiliti minn dawn id-dispożizzjonijiet.

80      Tali interpretazzjoni tħalli, barra minn hekk, it-twettiq tal-għan ta’ protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem, imfakkar fil-punt 1 tal-Artikolu 1 tad-Direttiva 2008/50 għad-diskrezzjoni tal-Istati Membri biss, li jmur kontra l-intenzjonijiet tal-leġiżlatur tal-Unjoni, kif jirriżultaw mid-definizzjoni stess tal-kunċett ta’ “valur ta’ limitu”, esposta fil-punt 75 ta’ din is-sentenza, li jeżiġi li l-osservanza tiegħu tiġi ggarantita f’terminu partikolari u sussegwentement miżmuma.

81      Barra minn hekk, jekk wieħed jaqbel ma’ tali argument, dan ikun ifisser li Stat Membru jkun jista’ jevita l-osservanza tal-iskadenza imposta mid-dispożizzjonijiet moqrija flimkien tal-Artikolu 13 tad-Direttiva 2008/50 u tal-Anness XI tagħha, sabiex jiġu osservati l-valuri limitu stabbiliti għall-PM10, f’kundizzjonijiet inqas stretti minn dawk imposti mill-Artikolu 22 tal-imsemmija direttiva, li huwa l-uniku li jipprevedi espressament il-possibbiltà li Stat Membru jiġi eżentat mill-imsemmija skadenza, u għaldaqstant jippreġudika l-effett utli tal-imsemmija dispożizzjonijiet (ara, b’analoġija, is-sentenza tad-19 ta’ Novembru 2014, ClientEarth, C‑404/13, EU:C:2014:2382, punti 42 sa 44).

82      Lanqas ma jista’ jintlaqa’ l-argument, imressaq mir-Repubblika Taljana, li jgħid li l-qbiż tal-valuri limitu stabbiliti għall-PM10 ma jistax jiġi imputat esklużivament lill-Istat Membru kkonċernat peress li, minn naħa, id-diversità tas-sorsi ta’ tniġġis tal-arja, li wħud minnhom huma naturali, oħrajn irregolati mill-politiki tal-Unjoni, b’mod partikolari fl-oqsma tat-trasport, tal-enerġija u tal-agrikoltura, jnaqqas il-possibbiltajiet ta’ Stat Membru wieħed li jintervjeni fuq dawn is-sorsi u li josserva l-valuri limitu stabbiliti għall-PM10, u, min-naħa l-oħra, peress li ż-żoni u l-agglomerazzjonijiet ikkonċernati għandhom partikolaritajiet topografiċi u klimatiċi partikolament sfavorevoli għad-dispersjoni ta’ inkwinanti. Fil-fehma ta’ dan l-Istat Membru, in-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu ma jistax jiġi stabbilit mingħajr ma l-Kummissjoni tipproduċi l-prova tal-imputabbiltà esklużiva tal-ksur allegat fil-konfront tal-Istat Membru kkonċernat.

83      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, fi proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu skont l-Artikolu 258 TFUE, hija l-Kummissjoni li għandha tistabbilixxi l-eżistenza tan-nuqqas allegat u għalhekk li tipproduċi l-prova li Stat Membru ma osservax obbligu stabbilit minn dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, mingħajr ma tista’ tibbaża ruħha fuq ebda preżunzjoni (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal‑5 ta’ Settembru 2019, Il-Kummissjoni vs L-Italja (Bactérie Xylella fastidiosa), C‑443/18, EU:C:2019:676, punt 78 u l-ġurisprudenza ċċitata).

84      Issa, għal dak li jirrigwarda l-allegat nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu fil-każ ineżami, għandu jiġi enfasizzat, kif jirriżulta mill-premessi 17 u 18 tad-Direttiva 2008/50, li l-leġiżlatur tal-Unjoni stabbilixxa l-valuri limitu previsti minnha sabiex jipproteġi s-saħħa tal-bniedem u l-ambjent, filwaqt li ħa inkunsiderazzjoni b’mod sħiħ il-fatt li l-inkwinanti atmosferiċi jiġu prodotti minn diversi sorsi u attivitajiet u li l-politiki differenti kemm nazzjonali kif ukoll dawk tal-Unjoni jista’ jkollhom effett f’dan ir-rigward.

85      Barra minn hekk, din id-direttiva tipprevedi, minn naħa, fl-Artikoli 20 u 21 tagħha, il-possibbiltà għal Stat Membru li jirrikonoxxi, bħala sorsi ta’ tniġġis li jikkontribwixxu għall-qbiż tal-valuri limitu allegati, is-sorsi naturali u t-tixrid tar-ramel jew tal-melħ fit-toroq fix-xitwa. Min-naħa l-oħra, il-paragrafu 2 tal-Artikolu 22 tal-imsemmija direttiva jipprevedi l-kundizzjonijiet li fihom, minħabba s-sitwazzjoni partikolari ta’ żona jew ta’ agglomerazzjoni dovuta b’mod partikolari għall-karatteristiċi tat-tixrid speċifiċi għas-sit jew tal-kundizzjonijiet klimatiċi sfavorevoli, l-eżenzjoni temporanja mill-obbligu tal-osservanza tal-imsemmija valuri tista’ tingħata wara eżami li jinkludi wkoll, kif jirriżulta mill-paragrafu 4 ta’ dan l-artikolu, it-teħid inkunsiderazzjoni tal-effetti stmati tal-miżuri nazzjonali u ta’ dawk tal-Unjoni, eżistenti u futuri.

86      Minn dan isegwi li, sa fejn il-Kummissjoni tipproduċi provi li jippermettu li jiġi kkonstatat il-qbiż tal-valuri ta’ limitu ta’ kuljum u annwali stabbiliti mill-Artikolu 13 tad-Direttiva 2008/50, moqri flimkien mal-Anness XI tagħha, fiż-żoni u l-agglomerazzjonijiet ikkonċernati mir-rikors tagħha u għall-perijodi msemmija hemmhekk, Stat Membru ma jistax, mingħajr ma jkun ingħata d-derogi skont id-dispożizzjonijiet iċċitati fil-punt preċedenti u taħt il-kundizzjonijiet previsti fih, jinvoka tali ċirkustanzi sabiex jikkontesta l-imputabbiltà tan-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu allegat u b’hekk jeżenta ruħu mill-osservanza tal-obbligi ċari li huwa marbut bihom mill-1 ta’ Jannar 2005, konformement, l-ewwel nett, mal-Artikolu 5 tad-Direttiva 1999/30 u mal-Anness III tagħha, u sussegwentement mal-Artikolu 13 u mal-Anness XI tad-Direttiva 2008/50.

87      Peress li tali konstatazzjoni, bħal fil-każ ineżami, ġiet stabbilita, u fl-assenza tal-prova prodotta mir-Repubblika Taljana tal-eżistenza ta’ ċirkustanzi eċċezzjonali li l-konsegwenzi tagħhom ma setgħux jiġu evitati minkejja d-diliġenza kollha użata, huwa irrilevanti li n-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu jirriżulta mir-rieda tal-Istat Membru li huwa imputabbli lilu, min-negliġenza tiegħu jew saħansitra minn diffikultajiet tekniċi jew strutturali li dan tal-aħħar kien jiffaċċja (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tad-19 ta’ Diċembru 2012, Il-Kummissjoni vs L-Italja, C‑68/11, EU:C:2012:815, punti 63 u 64, kif ukoll tal-24 ta’ Ottubru 2019, Il-Kummissjoni vs Franza (Qbiż tal-valuri limitu għad-diossidu tan-nitroġenu), C‑636/18, EU:C:2019:900, point 42]..

88      Għal dak li jirrigwarda, b’mod partikolari, l-argument tar-Repubblika Taljana li jgħid li l-politiki Ewropej fil-qasam tat-trasport ikkontribwixxew għall-qbiż tal-valuri limitu stabbiliti għall-PM10 fl-Italja, b’mod partikolari minħabba li ma ħadux inkunsiderazzjoni l-emissjonijiet ta’ dijossidu tan-nitroġenu realment prodotti mill-vetturi, b’mod partikolari l-vetturi bil-mutur diesel, għandu jiġi kkonstatat li dan ir-rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu jirrigwarda l-livelli ta’ konċentrazzjoni tal-PM10 u mhux dawk tad-dijossidu tan-nitroġenu. Barra minn hekk, hekk kif il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet, minbarra l-fatt li l-vetturi bil-mutur suġġetti għall-istandards stabbiliti mir-Regolament (KE) Nru 715/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Ġunju 2007 dwar l-approvazzjoni tat-tip ta’ vetturi bil-mutur fir-rigward ta’ l-emissjonijiet ta’ vetturi ħfief għall-passiġġieri u ta’ vetturi kummerċjali (Euro 5 u Euro 6) u dwar l-aċċess għal informazzjoni dwar it-tiswija u l-manutenzjoni tal-vetturi (ĠU 2007, L 171, p. 1) ma humiex l-unika kawża tal-emissjonijiet tad-dijossidu tan-nitroġenu, u lanqas tal-partiċelli PM10, il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni applikabbli għall-approvazzjoni tat-tip ta’ vetturi bil-mutur ma tistax teżenta lill-Istati Membri mill-obbligu tagħhom li josservaw il-valuri limitu stabbiliti mid-Direttiva 2008/50 abbażi tat-tagħrif xjentifiku u tal-esperjenza tal-Istati Membri b’mod li jiġi rifless il-livell meqjus xieraq mill-Unjoni u mill-Istati Membri sabiex jiġu evitati, prevenuti jew imnaqqsa l-effetti ta’ ħsara tal-inkwinanti tal-arja fuq is-saħħa tal-bniedem u l-ambjent kollu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-24 ta’ Ottubru 2019, Il-Kummissjoni vs Franza (Qbiż tal-valuri limitu għad-diossidu tan-nitroġenu), C‑636/18, EU:C:2019:900, point 48).

89      Barra minn hekk, il-partikolaritajiet topografiċi u klimatiċi partikolarment sfavorevoli għat-tixrid tal-inkwinanti li jistgħu jippreżentaw iż-żoni u l-agglomerazzjonijiet ikkonċernati ma humiex tali li jeżentaw lill-Istat Membru kkonċernat mir-responsabbiltà li ma jinqabżux il-valuri limitu stabbiliti għall-PM10, iżda bil-kontra, jikkostitwixxu elementi li, kif jirriżulta mill-punti 2(ċ) u (d) tal-Parti A tal-Anness XV tad-Direttiva 2008/50, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni fil-kuntest tal-pjanijiet dwar il-kwalità tal-arja li dan l-Istat Membru għandu jistabbilixxi, skont l-Artikolu 23 ta’ din id-direttiva, għal dawn iż-żoni jew agglomerazzjonijiet sabiex jintlaħaq il-valur limitu fil-każ li dan jinqabeż.

90      Barra minn hekk, fir-rigward tal-argument li l-Kummissjoni damet sabiex tieħu l-miżuri neċessarji għat-twettiq tal-għanijiet tad-Direttiva 2008/50, għandu jiġi kkonstatat li dan lanqas ma huwa tali li jeżenta lir-Repubblika Taljana min-nuqqas ta’ osservanza tal-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 13(1) ta’ din id-direttiva, moqri flimkien mal-Anness XI tagħha (sentenza tal-24 ta’ Ottubru 2019, Il-Kummissjoni vs Franza (Qbiż tal-valuri limitu għad-diossidu tan-nitroġenu), C‑636/18, EU:C:2019:900, punt 47).

91      Għal dak li jirrigwarda l-argument ibbażat fuq il-portata tar-riferiment għall-“marġni ta’ tolleranza”, li jinsab fl-Artikoli 13, 22 u 23 tad-Direttiva 2008/50 kif ukoll fl-Anness XI tagħha, li jgħid li l-osservanza tal-valuri limitu ta’ konċentrazzjoni għandha dejjem tinkludi dan il-marġni ta’ tolleranza, b’tali mod li jkun hemm ksur ta’ din id-direttiva biss jekk jiġi stabbilit li l-qbiż jeċċedi l-imsemmi marġni, għandu jiġi kkonstatat li, konformement mal-formulazzjoni tal-punt 7 tal-Artikolu 2 tal-imsemmija direttiva, “marġni ta’ tolleranza” jikkostitwixxi perċentwali tal-valur limitu li biha dan il-valur jista’ jinqabeż “suġġett għall-kondizzjonijiet stipulati [fid-Direttiva 2008/50]”. Madankollu, l-applikazzjoni ta’ tali marġni tapplika biss fiż-żewġ każijiet imsemmija fil-paragrafi 1 u 2 tal-Artikolu 22 tal-imsemmija direttiva, hekk kif imsemmi espressament fil-paragrafu 3 ta’ dan l-istess artikolu.

92      Il-paragrafi 1 u 2 tal-Artikolu 22 tad-Direttiva 2008/50 jippermettu, rispettivament, li t-terminu ffissat għall-osservanza tal-valuri limitu stabbiliti għad-dijossidu tan-nitroġenu jew il-benżene jiġi pospost b’ħames snin jew li jiġi sospiż sal-11 ta’ Ġunju 2011 l-obbligu li jiġu applikati l-valuri limitu stabbiliti għall-PM10, hekk kif jirriżulaw mill-Anness XI ta’ din id-direttiva, minħabba s-sitwazzjoni partikolari taż-żona kkonċernata. Fi kwalunkwe każ, l-Artikolu 22(4) jimponi fuq l-Istati Membri l-obbligu li jibagħtu komunikazzjoni f’dan is-sens lill-Kummissjoni, fi kwalunkwe każ flimkien ma’ pjan dwar il-kwalità tal-arja, u jipprovdi li “għandhom jitqiesu sodisfatti l-kondizzjonijiet rilevanti għall-applikazzjoni tal-[imsemmija paragrafu 1 jew 2]” biss jekk il-Kummissjoni ma toġġezzjonax fid-disa’ xhur ta’ wara li tirċievi din il-komunikazzjoni.

93      Għaldaqstant, huwa biss fl-assenza ta’ oġġezzjoni min-naħa tal-Kummissjoni, imsemmija fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 22(4) ta’ din id-direttiva, f’terminu ta’ disa’ xhur li jiddekorru mill-komunikazzjoni prevista f’din id-dispożizzjoni, li jista’ jiġi awtorizzat marġni ta’ tolleranza lil Stat Membru. Barra minn hekk, fir-rigward tal-konċentrazzjonijiet tal-PM10, tali marġni ta’ tolleranza kien jikkostitwixxi, fi kwalunkwe każ, miżura tranżitorja li setgħet tiġi applikata biss sal-11 ta’ Ġunju 2011, hekk kif jirriżulta mill-kliem tal-Artikolu 22(2) tal-imsemmija direttiva. Għaldaqstant, din id-dispożizzjoni ma għadha tipproduċi l-ebda effett ġuridiku.

94      Issa, għandu jiġi kkonstatat li ebda marġni ta’ tolleranza ma ngħata lir-Repubblika Taljana skont l-Artikolu 22(3) u (4) tad-Direttiva 2008/50, b’tali mod li dan l-argument, imressaq mir-Repubblika Taljana, lanqas ma jista’ jintlaqa’.

95      Fir-rigward tal-argument tar-Repubblika Taljana, li jgħid li, minn naħa, il-fatt li 17 % biss tat-territorju nazzjonali kollu huwa s-suġġett tal-ilmenti mqajma mill-Kummissjoni li, konsegwentement, jeskludi per se l-ksur tal-Artikolu 13 ta’ din id-direttiva, li jkun prevedibbli biss jekk il-valuri limitu stabbiliti għall-PM10 jinqabżu fit-territorju nazzjonali kollu, u, min-naħa l-oħra, id-differenzi ta’ valuri rreġistrati mill-istazzjonijiet ta’ kejl li jinsabu fl-istess żona huma, bil-kontra għal dak li ssostni l-Kummissjoni, rilevanti, għandu jiġi kkonstatat li l-fatt li l-valuri limit stabbiliti għall-PM10 jinqabżu anki f’żona waħda, huwa biżżejjed fih innifsu sabiex jiġi kkonstatat nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu taħt id-dispożizzjonijiet moqrija flimkien tal-Artikolu 13(1) u tal-Anness XI tad-Direttiva 2008/50 (sentenza tat-30 ta’ April 2020, Il-Kummissjoni vs Ir-Rumanija (Qbiż tal-valuri limitu għall-PM10), C‑638/18, mhux ippubblikata, EU:C:2020:334, punt 72 u l-ġurisprudenza ċċitata).

96      Il-ksur tal-imsemmija dispożizzjonijiet qiegħed jiġi eżaminat f’dan il-kuntest fil-livell taż-żoni u tal-agglomerazzjonijiet, peress li l-qbiż tal-valuri limitu għandu jiġi analizzat għal kull żona jew agglomerazzjoni abbażi tal-qari mogħti minn kull stazzjon ta’ kejl. Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, f’dan ir-rigward, li l-Artikolu 13(1) u l-Artikolu 23(1) tad-Direttiva 2008/50 għandhom jiġu interpretati skont l-istruttura ġenerali u l-iskop tal-leġiżlazzjoni li dawn id-dispożizzjonijiet jagħmlu parti minnha, fis-sens li, sabiex jiġi kkonstatat il-qbiż ta’ valur limitu stabbilit fl-Anness XI ta’ din id-direttiva għall-medja kkalkolata għal sena kalendarja, huwa biżżejjed li livell ta’ tniġġis ta’ iktar minn dan il-valur jitkejjel f’punt iżolat fejn jittieħdu l-kampjuni (sentenzi tas-26 ta’ Ġunju 2019, Craeynest et, C‑723/17, EU:C:2019:533, punti 60, 66 u 68, kif ukoll tat-30 ta’ April 2020, Il-Kummissjoni vs Ir-Rumanija (Qbiż tal-valuri limiti għall-PM10), C‑638/18, mhux ippubblikata, EU:C:2020:334, punt 73).

97      Għaldaqstant, mill-ġurisprudenza jirriżulta li ma jeżistix limitu “de minimis” għal dak li jirrigwarda n-numru ta’ żoni li fihom qbiż tal-valuri limitu jista’ jiġi kkonstatat jew relatat man-numru ta’ stazzjonijiet ta’ kejl ta’ żona partikolari li għalihom jiġi rreġistrat qbiż (sentenza tat‑30 ta’ April 2020, Il-Kummissjoni vs Ir-Rumanija (Qbiż tal-valuri limitu għall-PM10), C‑638/18, mhux ippubblikata, EU:C:2020:334, punt 74). Barra minn hekk, mill-proċess jirriżulta li, fiż-żoni kkonċernati minn dan ir-rikors, jinsabu l-ikbar agglomerazzjonijiet fl-Italja, li jinkludu diversi għexieren ta’ miljuni ta’ abitanti. Jekk dan il-fatt jiġi injorat, dan iwassal sabiex jiġu injorati l-għanijiet imfittxija mid-Direttiva 2008/50, b’mod partikolari dak tal-protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem kif ukoll tal-ambjent kollu.

98      Minn dak kollu li ntqal, jirriżulta li l-ewwel motiv għandu jintlaqa’.

 Fuq it-tieni lment, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 23(1) tad-Direttiva 2008/50, moqri waħdu u flimkien mat-Taqsima A tal-Anness XV tagħha

 L-argumenti tal-partijiet

99      Permezz tat-tieni lment tagħha, il-Kummissjoni ssostni li r-Repubblika Taljana naqset, mill-11 ta’ Ġunju 2010, milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 23(1) tad-Direttiva 2008/50, moqri waħdu u flimkien mat-Taqsima A tal-Anness XV tagħha, b’mod partikolari l-obbligu, previst fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 23(1) ta’ din id-direttiva, li tiżgura li l-perijodu li fih jinqabżu l-valuri limitu stabbiliti għall-PM10 ikun l-iqsar possibbli.

100    Il-Kummissjoni ssostni, preliminarjament, li mill-Artikolu 23(1) tad-Direttiva 2008/50 jirriżultaw prinċipalment żewġ obbligi, jiġifieri, minn naħa, l-obbligu li jiġu adottati miżuri xierqa sabiex jiġi żgurat li l-perijodu li fih jinqabżu l-valuri limitu jkun l-iqsar possibbli u, min-naħa l-oħra, l-obbligu li fil-pjanijiet dwar il-kwalità tal-arja jiġi inkluż il-kontenut minimu stabbilit fit-Taqsima A tal-Anness XV ta’ din id-direttiva.

101    Il-Kummissjoni tenfasizza li l-Artikolu 23(1) tad-Direttiva 2008/50 jistabbilixxi rabta diretta bejn, minn naħa, il-qbiż tal-valuri limitu stabbiliti għall-PM10, jiġifieri l-ksur tal-obbligi previsti mid-dispożizzjonijiet moqrija flimkien tal-Artikolu 13(1) u tal-Anness XI ta’ din id-direttiva, u, min-naħa l-oħra, l-istabbiliment tal-pjanijiet relatati mal-kwalità tal-arja.

102    Skont il-Kummissjoni, f’dan il-kuntest, għandha ssir analiżi każ b’każ tal-pjanijiet dwar il-kwalità tal-arja stabbiliti mill-Istat Membru kkonċernat sabiex jiġi vverifikat jekk dawn ikunux konformi mal-Artikolu 23 tad-Direttiva 2008/50. Fil-kuntest ta’ din l-evalwazzjoni, għalkemm l-Istati Membri għandhom ċertu marġni ta’ diskrezzjoni sabiex jiddeterminaw il-miżuri li jkollhom jadottaw, dawn għandhom, fi kwalunkwe każ, jippermettu li l-perijodu li fih jinqabżu l-valuri limitu jkun l-iqsar possibbli.

103    Sabiex jiġi ddeterminat jekk pjan dwar il-kwalità tal-arja jipprevedix miżuri xierqa sabiex il-perijodu li fih jinqabżu l-valuri limitu jkun l-iqsar possibbli, il-Kummissjoni ssostni li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni diversi fatturi dedotti, b’mod partikolari, mill-ġurisprudenza rilevanti tal-Qorti tal-Ġustizzja.

104    L-ewwel nett, il-klassifikazzjoni, mill-Qorti tal-Ġustizzja, tal-qbiż tal-valuri limitu matul diversi snin bħala “sistematika u persistenti” turi fiha nnifisha, mingħajr ma hemm bżonn li jiġi eżaminat b’mod iddettaljat il-kontenut tal-pjanijiet relatati mal-kwalità tal-arja stabbiliti mill-Istat Membru kkonċernat, li dan l-Istat Membru ma implimentax miżuri xierqa u effikaċi sabiex il-perijodu li fih inqabżu l-valuri limitu stabbiliti għall-PM10 ikun “l-iqsar possibbli” (sentenza tal-5 ta’ April 2017, Il‑Kummissjoni vs Il-Bulgarija, C‑488/15, EU:C:2017:267, punti 115 sa 117).

105    It-tieni nett, qbiż tal-valuri limiti għal perijodu twil jikkostitwixxi indikazzjoni importanti tal-fatt li l-Istat Membru kkonċernat ma wettaqx l-obbligu tiegħu taħt it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 23(1) tad-Direttiva 2008/50. It-tul ta’ kemm jiġi stmat li ser idumu jinqabżu l-valuri limiti fil-futur għandu wkoll jittieħed inkunsiderazzjoni, kif indikat il-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tagħha tat-22 ta’ Frar 2018, Il-Kummissjoni vs Il‑Polonja (C‑336/16, EU:C:2018:94, punt 99), fl-evalwazzjoni tal-pjanijiet dwar il-kwalità tal-arja, u terminu partikolarment twil jista’ jiġi ġġustifikat biss minn ċirkustanzi eċċezzjonali.

106    It-tielet nett, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-livell assolut tal-qbiż tal-valuri limitu. Iktar ma jkun twil il-perijodu li fih jinqabżu l-valuri limitu b’mod eċċessiv, iktar jindika l-ineffikaċja tal-miżuri diġà adottati bil-għan li tittejjeb il-kwalità tal-arja.

107    Fir-raba’ lok, tendenza lejn iż-żieda jew l-assenza ta’ varjazzjonijiet sostanzjali fil-livelli ta’ konċentrazzjonijiet, li jkunu diġà ogħla mill-valuri limitu awtorizzati mid-Direttiva 2008/50, tikkostitwixxi element addizzjonali li jindika n-natura mhux xierqa tal-miżuri meħuda.

108    Il-ħames nett, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-kontenut formali tal-pjanijiet dwar il-kwalità tal-arja, b’mod partikolari l-punt dwar jekk dawn jinkludux l-informazzjoni kollha meħtieġa fit-Taqsima A tal-Anness XV tad-Direttiva 2008/50. L-assenza ta’ parti jew iktar minn din l-informazzjoni tikkostitwixxi indikazzjoni ċara tal-fatt li dawn il-pjanijiet ma jkunux konformi mal-Artikolu 23 tagħha.

109    Is-sitt nett, il-kontenut materjali tal-pjanijiet dwar il-kwalità tal-arja, b’mod partikolari l-adegwatezza bejn id-djanjożi magħmula f’dawn il-pjanijiet u l-miżuri previsti, l-analiżi tal-miżuri kollha possibbli u n-natura vinkolanti tagħhom jew biss dik ta’ inċentiv kif ukoll is-sorsi ta’ finanzjament għall-implimentazzjoni tagħhom huma fatturi li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni fil-kuntest tal-evalwazzjoni tal-imsemmija pjanijiet.

110    F’dan il-kuntest, il-Kummissjoni ssostni li, għalkemm l-Istati Membri għandhom ċertu marġni ta’ diskrezzjoni fl-għażla tal-miżuri li għandhom jiġu implimentati, tali marġni huwa limitat ħafna sa fejn huma jkollhom jipprevedu u jimplimentaw il-miżuri kollha possibbli, jiġifieri dawk li jippermettu li jiġi rrimedjat b’mod effikaċi u fi żmien xieraq il-qbiż tal-valuri limitu.

111    Wara verifika tal-pjanijiet dwar il-kwalità tal-arja għaż-żoni kollha msemmija fir-rikors tagħha, fid-dawl tal-fatturi msemmija fil-punti 104 sa 109 ta’ din is-sentenza, il-Kummissjoni tqis li dawn il-pjanijiet ġew adottati bi ksur tal-Artikolu 23 tad-Direttiva 2008/50, sa fejn la ppermettew li tiġi ggarantita l-osservanza tal-valuri limitu stabbiliti għall-PM10 u lanqas li jiġi żgurat li l-perijodu li fih jinqabżu dawn il-valuri limitu jkun “l-iqsar possibbli”. Barra minn hekk, din l-adozzjoni seħħet bi ksur tad-dispożizzjonijiet moqrija flimkien tal-Artikolu 23 u tat-Taqsima A tal-Anness XV ta’ din id-direttiva, sa fejn ċerti pjanijiet dwar il-kwalità tal-arja adottati minn ċerti reġjuni Taljani ma jinkludux l-informazzjoni meħtieġa minn dawn id-dispożizzjonijiet.

112    Ir-Repubblika Taljana ssostni li, għal dak li jikkonċerna t-tieni lment, il-Kummissjoni tenfasizza elementi ġenerali li ma jieħdux inkunsiderazzjoni s-sitwazzjoni partikolari ta’ kull żona jew agglomerazzjoni Taljana inkwistjoni, filwaqt li sempliċement tifformula kontestazzjonijiet induttivi, ġeneriċi, formali u sistematikament nieqsa minn analiżi tal-kawżi tal-qbiż tal-valuri limitu stabbiliti għall-PM10 u l-adegwatezza teknika tal-miżuri previsti mill-pjanijiet dwar il-kwalità tal-arja sabiex dan jintemm. Fir-realtà, il-Kummissjoni sempliċement tgħid li dawn il-pjanijiet, minkejja li huma inkontestabbilment validi, ma jipprevedux it-tmiem tal-qbiż tal-valuri limitu f’terminu li jkun “l-iqsar possibbli” skont l-evalwazzjoni suġġettiva mwettqa mill-Kummissjoni stess.

113    F’dan ir-rigward, ir-Repubblika Taljana tippreċiża, minn naħa, li l-Kummissjoni tinvoka indizji estrinsiċi u ġeneriċi, marbuta mat-tul u mal-portata tad-diverġenzi bejn il-livelli ta’ konċentrazzjoni rreġistrati u l-valuri massimi previsti mid-dritt tal-Unjoni. Issa, dawn l-elementi huma validi għal kull pjan dwar il-kwalità tal-arja u, bħala tali, inkompatibbli ma’ analiżi każwali rigoruża tal-kawżi ta’ diverġenza u tal-miżuri adottati.

114    Min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni tonqos milli tevalwa l-miżuri adottati mill-awtoritajiet nazzjonali fid-dawl tal-prinċipji Ewropej applikabbli fil-qasam tat-titjib tal-arja, b’mod partikolari l-prinċipju ta’ bilanċ bejn l-interessi pubbliċi u l-interessi privati kif ukoll il-prinċipju ta’ proporzjonalità.

115    Għal dak li jirrigwarda dan l-aħħar prinċipju, ir-Repubblika Taljana ssostni li Stat Membru ma jistax jadotta miżuri soċjalment u ekonomikament insostenibbli jew li jkunu jistgħu jippreġudikaw il-valuri fundamentali tad-dritt tal-Unjoni, bħal, pereżempju, il-moviment liberu tal-merkanzija u tal-persuni, il-libertà tal-intrapriża jew id-dritt għas-servizzi ta’ utilità pubblika, bħall-aċċess għat-tisħin domestiku, anki jekk dawn il-miżuri jkunu l-uniċi li jkunu jistgħu jippermettu li jintlaħqu l-valuri limitu fit-termini previsti.

116    Ir-Repubblika Taljana tfakkar li l-awtoritajiet nazzjonali għandhom marġni ta’ diskrezzjoni wiesa’ fl-għażla tal-miżuri li jkollhom jiġu adottati sabiex jintlaħqu l-għanijiet iddefiniti mid-dritt tal-Unjoni, fejn din l-għażla nazzjonali tista’ tiġi kkontestata biss jekk tkun ivvizzjata bi żball ta’ evalwazzjoni tal-punti ta’ fatt jew manifestament irrazzjonali sa fejn tkun kjarament mhux xierqa sabiex jintlaħqu dawn l-għanijiet jew jekk ikun possibbli li dawn il-miżuri jiġu ssostitwiti b’miżuri oħra li ma jkollhomx effett fuq il-libertajiet fundamentali stabbiliti mil-leġiżlatur tal-Unjoni.

117    Filwaqt li tinvoka l-prinċipju ta’ sussidjarjetà, ir-Repubblika Taljana ssostni li huma l-awtoritajiet nazzjonali li għandhom, għal dak li jaqa’ taħt il-kompetenza tagħhom, jistudjaw u jadottaw miżuri li jistgħu jillimitaw il-konċentrazzjonijiet ta’ inkwinanti. Għaldaqstant, il-Kummissjoni ma tistax tissostitwixxi ruħha għal dawn l-awtoritajiet iżda lanqas ma tista’ sempliċement tikkritika b’mod ġenerali l-insuffiċjenza tal-miżuri nazzjonali mingħajr ma turi li dawn tal-aħħar ikunu, b’mod manifest, teknikament inadegwati.

118    Ir-Repubblika Taljana ssostni li, f’dan il-kuntest, il-Kummissjoni ma tat ebda importanza lill-proċess intiż li jintlaħqu l-valuri limitu, li huwa attwalment għaddej fl-Italja u li jimplimenta miżuri sostenibbli u proporzjonati, u minn dan tiddeduċi li, jekk, minħabba l-prinċipju ta’ bilanċ bejn l-interessi pubbliċi u l-interessi privati kollha, il-valuri limitu fil-qasam tal-kwalità tal-arja ma jistgħux jiġu osservati, f’ċerti żoni, ħlief fis-snin li ġejjin, dan il-fatt ma jistax jikkostitwixxi ksur la tal-Artikolu 23 u lanqas tal-Artikolu 13 tad-Direttiva 2008/50.

119    F’dan il-kuntest, ir-Repubblika Taljana ssostni li l-evalwazzjoni tal-evoluzzjoni tat-tnaqqis tal-konċentrazzjonijiet tal-PM10 fl-arja ambjentali tista’ tiġi analizzata biss fid-dawl tal-qari pluriannwali, li jippermetti li tiġi identifikata tendenza netta għat-tnaqqis tal-konċentrazzjonijiet tal-PM10 bejn is-snin 2008 u 2016, peress li anomalija kkonstatata fl-evoluzzjoni rreġistrata matul sena waħda biss, bħal pereżempju fis-sena 2015 li tkun anormali minħabba ċirkustanzi klimatiċi eċċezzjonali, ma tistax tippermetti li jiġi konkluż li jkun hemm inverżjoni tat-tendenza.

120    F’dan ir-rigward, ir-Repubblika Taljana ssostni li, fir-realtà, l-Artikolu 23 tad-Direttiva 2008/50 ma jipprevedi ebda skeda ddefinita minn qabel sabiex jintlaħqu l-valuri limitu fiż-żoni fejn il-valuri limitu jinqabżu. Bil-kontra, dan l-artikolu għandu jiġi applikat, skont interpretazzjoni sistematika tad-dritt tal-Unjoni, fid-dawl tal-prinċipju ta’ proporzjonalità u ta’ “sostenibbiltà” tal-proċess li jwassal għall-osservanza tal-valuri limitu. Kieku r-rekwiżit li l-perijodu jkun “l-iqsar possibbli” kien assoċjat ma’ termini ddefiniti minn qabel, kif tqis il-Kummissjoni, u li l-uniċi miżuri adegwati sabiex jintlaħqu l-valuri limitu f’dawn it-termini jkunu soċjalment u ekonomikament insostenibbli jew jistgħu jippreġudikaw ċerti valuri fundamentali tad-dritt tal-Unjoni, l-Istat jikser id-dmir ġenerali tiegħu li jiżgura bilanċ bejn l-imsemmija valuri. Għaldaqstant, il-fatt li l-pjanijiet dwar il-kwalità tal-arja jipprevedu li jintlaħqu l-valuri limitu matul perijodu relattivament twil ma huwiex, minn din il-perspettiva, f’kuntradizzjoni mal-ħtieġa li l-perijodu li fih jinqabżu dawn il-valuri limitu jkun “l-iqsar possibbli”.

121    Għal dak li jikkonċerna, b’mod partikolari, il-pjanijiet reġjonali dwar il-kwalità tal-arja għaż-żoni u l-agglomerazzjonijiet ikkonċernati, ir-Repubblika Taljana ssostni li, minbarra li jesponu r-riżultati importanti miksuba fil-proċess ta’ titjib tal-kwalità tal-arja li seħħ fiż-żoni kollha kkonċernati bejn is-snin 2008 u 2016, inkluża l-osservanza tal-limiti f’ċerti żoni, huma juru wkoll każ b’każ l-effikaċja tas-sensiela ta’ miżuri previsti fil-pjanijiet reġjonali ta’ titjib, in-natura formalment kompleta tal-imsemmija pjanijiet u n-natura infondata tal-preżunzjonijiet użati mill-Kummissjoni sabiex issostni li l-miżuri msemmija hemmhekk ma humiex xierqa sabiex jiġi żgurat li l-perijodu li fih jinqabżu l-valuri limitu jkun l-iqsar possibbli.

122    Fir-replika tagħha l-Kummissjoni tikkontesta l-argument tar-Repubblika Taljana li d-Direttiva 2008/50 ma tindika ebda “skeda ddefinita minn qabel” għall-adozzjoni tal-pjanijiet dwar il-kwalità tal-arja u li tali pjanijiet ma humiex suġġetti għal “termini ddefiniti minn qabel”, b’tali mod li l-awtoritajiet kompetenti jibqgħu liberi li jagħżlu l-mument li huma jqisu xieraq għall-adozzjoni tal-imsemmija pjanijiet.

123    Il-Kummissjoni ssostni li l-argument tar-Repubblika Taljana jkun ifisser li jiġi awtorizzat, skont l-Artikolu 23 tad-Direttiva 2008/50, posponiment sine die tal-osservanza tal-valuri limitu msemmija fl‑Artikolu 13 ta’ din id-direttiva, sa fejn ikun biżżejjed għall-Istat Membru kkonċernat li jadotta l-miżuri li, fid-diskrezzjoni tiegħu, jidhrulu xierqa. Tali interpretazzjoni ċċaħħad kemm l-Artikolu 13 kif ukoll l-Artikolu 23 tal-imsemmija direttiva minn kull effett utli.

124    F’dan il-kuntest, il-Kummissjoni tfakkar li l-ħtieġa li tiġi ggarantita arja nadifa sservi l-interess fundamentali tal-protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem u li l-marġni ta’ manuvra tal-awtoritajiet kompetenti għandu jikkonforma ruħu ma’ dan ir-rekwiżit.

125    Il-Kummissjoni topponi wkoll l-argument tar-Repubblika Taljana li jgħid li huwa indispensabbli li jkun hemm termini twal — minn ħames sa għaxar snin — sabiex il-miżuri previsti fil-pjanijiet differenti dwar il-kwalità tal-arja jkunu jistgħu jipproduċu l-effetti tagħhom. Hija tfakkar li, fi kwalunkwe każ, huwa l-Istat Membru kkonċernat li għandu jikkontesta l-indizju li jikkostitwixxi l-qbiż persistenti tal-valuri limitu u li juri b’mod partikolari li l-pjanijiet tiegħu dwar il-kwalità tal-arja jissodisfaw ir-rekwiżiti tal-Artikolu 23(1) u tat-Taqsima A tal-Anness XV tal-imsemmija direttiva.

126    Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni tiċħad il-kritika tar-Repubblika Taljana li ma analizzatx każ b’każ il-pjanijiet dwar il-kwalità tal-arja inkwistjoni u li sempliċement ressqet preżunzjonijiet ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu.

127    Fil-fatt, anki wara eżami ddettaljat ta’ kull wieħed mill-pjanijiet reġjonali dwar il-kwalità tal-arja, il-Kummissjoni ssostni li l-obbligu stabbilit mill-Artikolu 23 tad-Direttiva 2008/50 ma ġiex issodisfatt billi ssostni, b’mod partikolari, li l-parti l-kbira tal-miżuri meħuda mir-Repubblika Taljana ser jipproduċu effetti biss diversi snin wara b’tali mod li l-valuri limitu ma jkunux jistgħu jintlaħqu qabel is-sena 2020 jew is-sena 2025, jew saħansitra s-sena 2030.

128    Fil-kontroreplika tagħha, ir-Repubblika Taljana ssostni li l-Kummissjoni ma tistax sempliċement tikkontesta b’mod ġenerali ħafna t-tul eċċessiv tat-termini previsti fil-kuntest tal-pjanifikazzjoni reġjonali. Din l-istituzzjoni għandha pjuttost tindika r-raġunijiet li għalihom, fil-kuntest ekonomiku u soċjali konkret, il-miżuri ddefiniti mill-awtoritajiet lokali fil-pjanijiet dwar il-kwalità tal-arja jkunu manifestament irraġonevoli. Il-kriterji użati mill-Kummissjoni sabiex tanalizza l-osservanza tal-Artikolu 23(1) tad-Direttiva 2008/50 huma għaldaqstant manifestament inadegwati u jagħtu piż eċċessiv għat-tul tat-termini għat-twettiq tal-għanijiet relatati mal-kwalità tal-arja. Barra minn hekk, hija tippreċiża li l-argument tagħha dwar l-assenza tal-“skeda ddefinita minn qabel” fid-Direttiva 2008/50 ma huwiex relatat mal-adozzjoni tal-pjanijiet dwar il-kwalità tal-arja, iżda mat-twettiq tal-għanijiet previsti minn tali pjanijiet.

129    Hija tenfasizza wkoll li ma tista’ tiġi kkritikata b’ebda dewmien fl-adozzjoni tal-pjanijiet dwar il-kwalità tal-arja u ttenni n-natura effikaċi tal-miżuri sostenibbli u proporzjonati previsti f’kull wieħed mill-imsemmija pjanijiet reġjonali, ikkonfermat minn tendenzi li rriżultaw fi tnaqqis tal-konċentrazzjonijiet tal-PM10 fiż-żoni kkonċernati minn dan ir-rikors.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

130    Mit-tieni subparagrafu 2 tal-Artikolu 23(1) tad-Direttiva 2008/50 jirriżulta li, meta l-qbiż tal-valuri limitu stabbiliti għall-konċentrazzjonijiet ta’ PM10 iseħħ wara t-terminu previst għall-applikazzjoni tagħhom, l-Istat Membru kkonċernat huwa obbligat jistabbilixxi pjan relatat mal-kwalità tal-arja li jissodisfa ċerti rekwiżiti.

131    Għalhekk, dan il-pjan għandu jipprevedi l-miżuri xierqa sabiex il-perijodu li fih jinqabżu l-valuri limitu jkun l-iqsar possibbli, u jista’ jinkludi miżuri addizzjonali speċifiċi intiżi għall-protezzjoni tal-kategoriji sensittivi tal-popolazzjoni, b’mod partikolari t-tfal. Barra minn hekk, skont it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 23(1) tad-Direttiva 2008/50, l-imsemmi pjan għandu jinkorpora tal-inqas l-informazzjoni elenkata fit-Taqsima A tal-Anness XV ta’ din id-direttiva u jista’ jinkludi wkoll il-miżuri previsti fl-Artikolu 24 tagħha. Dan il-pjan għandu jiġi kkomunikat lill-Kummissjoni mingħajr dewmien, u mhux iktar tard minn sentejn wara l-aħħar ta’ dik is-sena li matulha jkun ġie kkonstatat l-ewwel qbiż tal-valuri limitu.

132    Kif jirriżulta mill-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-Artikolu 23(1) tad-Direttiva 2008/50 għandu portata ġenerali peress li japplika, mingħajr limitazzjoni ratione temporis, għall-qbiż ta’ kull valur limitu ta’ inkwinant stabbilit minn din id-direttiva, wara t-terminu previst għall-applikazzjoni tiegħu, kemm jekk dan jiġi stabbilit mill-imsemmija direttiva u kemm jekk mill-Kummissjoni skont l-Artikolu 22 tagħha (sentenzi tal-5 ta’ April 2017, Il-Kummissjoni vs Il-Bulgarija, C‑488/15, EU:C:2017:267, punt 104, kif ukoll tat-30 ta’ April 2020, Il‑Kummissjoni vs Ir-Rumanija (Qbiż tal-valuri limitu għall-PM10), C‑638/18, mhux ippubblikata, punt 114 u l-ġurisprudenza ċċitata).

133    Għandu jiġi rrilevat ukoll li l-Artikolu 23 tad-Direttiva 2008/50 jistabbilixxi rabta diretta bejn, minn naħa, il-qbiż tal-valuri limitu stabbiliti għall-PM10 kif previsti mid-dispożizzjonijiet moqrija flimkien tal-Artikolu 13(1) tad-Direttiva 2008/50 u tal-Anness XI tagħha u, min-naħa l-oħra, l-istabbiliment ta’ pjanijiet dwar il-kwalità tal-arja (sentenzi tal-5 ta’ April 2017, Il-Kummissjoni vs Il-Bulgarija, C‑488/15, EU:C:2017:267, punt 83, kif ukoll tat-30 ta’ April 2020, Il‑Kummissjoni vs Ir-Rumanija (Qbiż tal-valuri limitu għall-PM10), C‑638/18, mhux ippubblikata, EU:C:2020:334, punt 115 u l-ġurisprudenza ċċitata).

134    Dawn il-pjanijiet jistgħu jiġu stabbiliti biss abbażi tal-bilanċ bejn l-għan ta’ tnaqqis tar-riskju ta’ tniġġis u d-diversi interessi pubbliċi u privati preżenti (sentenzi tal-5 ta’ April 2017, Il-Kummissjoni vs Il-Bulgarija, C‑488/15, EU:C:2017:267, punt 106, kif ukoll tat-30 ta’ April 2020, Il‑Kummissjoni vs Ir-Rumanija (Qbiż tal-valuri limitu għall-PM10), C‑638/18, mhux ippubblikata, EU:C:2020:334, punt 116 u l-ġurisprudenza ċċitata).

135    Għaldaqstant, il-fatt li Stat Membru jaqbeż il-valuri limitu stabbiliti għall-PM10 ma huwiex biżżejjed, waħdu, sabiex jitqies li dan l-Istat Membru jkun naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu previsti fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 23(1) tad-Direttiva 2008/50 (sentenzi tal-5 ta’ April 2017, Il-Kummissjoni vs Il-Bulgarija, C‑488/15, EU:C:2017:267, punt 107, kif ukoll tat-30 ta’ April 2020, Il-Kummissjoni vs Ir-Rumanija (Qbiż tal-valuri limitu għall-PM10), C‑638/18, mhux ippubblikata, EU:C:2020:334, punt 117 u l-ġurisprudenza ċċitata).

136    Madankollu, mit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 23(1) tad-Direttiva 2008/50 jirriżulta li, għalkemm l-Istati Membri għandhom ċertu marġni ta’ manuvra fid-determinazzjoni tal-miżuri li għandhom jiġu adottati, dawn għandhom, fi kwalunkwe każ, jippermettu li l-perijodu ta’ qbiż tal-valuri limitu jkun l-iqsar possibbli (sentenzi tal-5 ta’ April 2017, Il-Kummissjoni vs Il-Bulgarija, C‑488/15, EU:C:2017:267, punt 109, kif ukoll tat-30 ta’ April 2020, Il‑Kummissjoni vs Ir-Rumanija (Qbiż tal-valuri limitu għall-PM10), C‑638/18, mhux ippubblikata, EU:C:2020:334, punt 118 u l-ġurisprudenza ċċitata).

137    F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi vverifikat, permezz ta’ analiżi każ b’każ, jekk il-pjanijiet dwar il-kwalità tal-arja stabbiliti mill-Istat Membru kkonċernat humiex konformi mat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 23(1) tad-Direttiva 2008/50 (sentenzi tal-5 ta’ April 2017, Il-Kummissjoni vs Il-Bulgarija, C‑488/15, EU:C:2017:267, punt 108, kif ukoll tat-30 ta’ April 2020, Il-Kummissjoni vs Ir-Rumanija (Qbiż tal-valuri limitu għall-PM10), C‑638/18, mhux ippubblikata, EU:C:2020:334, punt 119 u l-ġurisprudenza ċċitata).

138    Fil-każ ineżami, għandu jiġi kkonstatat, preliminarjament, li r-Repubblika Taljana naqset, b’mod sistematiku u persistenti, milli twettaq l-obbligi tagħha taħt id-dispożizzjonijiet moqrija flimkien tal-Artikolu 13(1) tad-Direttiva 2008/50 u tal-Anness XI tagħha, fiż-żoni u l-agglomerazzjonijiet ikkonċernati minn dan ir-rikors, bejn is-sena 2008 u s-sena 2017, kif jirriżulta mill-eżami tal-ewwel ilment imqajjem mill-Kummissjoni.

139    Għandu jitfakkar, f’dan il-kuntest, li l-obbligu li jiġu stabbiliti, fil-każ ta’ qbiż tal-valuri limitu previsti mid-Direttiva 2008/50, pjanijiet dwar il-kwalità tal-arja li jinkludu miżuri xierqa sabiex il-perijodu ta’ qbiż ikun l-iqsar possibbli ilu impost fuq l-Istat Membru kkonċernat mill‑11 ta’ Ġunju 2010. Sa fejn tali qbiż kien diġà ġie kkonstatat f’din id-data jew anki qabel din tal-aħħar fi kważi ż-żoni u l-agglomerazzjonijiet kollha msemmija f’dan ir-rikors u, fi kwalunkwe każ, f’mill-inqas żona jew agglomerazzjoni li taqa’ taħt kull pjan reġjonali dwar il-kwalità tal-arja suġġett fil-kuntest ta’ din il-proċedura ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu sa minn din id-data, ir-Repubblika Taljana, li kellha tqiegħed fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi neċessarji sabiex tikkonforma ruħha mad-Direttiva 2008/50, skont l-Artikolu 33(1) tagħha, kienet obbligata tadotta u teżegwixxi, l-iktar malajr possibbli, miżuri xierqa, b’applikazzjoni tal-Artikolu 23(1) ta’ din id-direttiva.

140    Issa, mill-provi li jinsabu fil-proċess jirriżulta, l-ewwel nett, li l-pjan dwar il-kwalità tal-arja għar-reġjun ta’ Sicilia ġie adottat fit-18 ta’ Lulju 2018, jiġifieri wara d-data tal-iskadenza tat-terminu mogħti fl-opinjoni motivata ffissata għat-28 ta’ Ġunju 2017, hekk kif tikkonferma r-Repubblika Taljana fir-risposta tagħha, filwaqt li ġie kkonstatat qbiż tal-valur limitu ta’ kuljum stabbilit għall-PM10 f’żona li taqa’ taħt dan ir-reġjun mis-sena 2008. Għal dak li jirrigwarda reġjuni oħra li jaqgħu taħthom iż-żoni u l-agglomerazzjonijiet imsemmija minn dan ir-rikors, jista’ jiġi dedott mill-imsemmija elementi li, fil-mument tal-iskadenza tal-imsemmi terminu, ir-Repubblika Taljana tabilħaqq adottat pjanijiet dwar il-kwalità tal-arja kif ukoll diversi miżuri intiżi li jtejbu l-kwalità tal-arja.

141    It-tieni nett, għandu jiġi enfasizzat li, skont it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 23(1) tad-Direttiva 2008/50, il-pjanijiet dwar il-kwalità tal-arja għandhom jinkludu tal-inqas l-informazzjoni elenkata fit-Taqsima A tal-Anness XV ta’ din id-direttiva. Issa, mid-data li tinsab fil-proċess jirriżulta li l-pjanijiet reġjonali għar-reġjuni ta’ Umbria, ta’ Lazio, ta’ Campania u ta’ Puglia, ma jinkludux indikazzjoni dwar it-terminu previst għat-twettiq tal-għanijiet relatati mal-kwalità tal-arja. Barra minn hekk, fir-rigward ta’ diversi miżuri msemmija mir-Repubblika Taljana, din id-data ma tippermettix dejjem li jiġi stabbilit jekk din tirrigwardax iż-żoni u l-agglomerazzjonijiet ikkonċernati minn dan ir-rikors, liema hija l-iskeda jew l-impatt tagħha fuq it-titjib tal-kwalità tal-arja mistennija.

142    It-tielet nett, għal dak li jirrigwarda l-pjanijiet reġjonali li pprevedew termini għat-twettiq tal-għanijiet dwar il-kwalità tal-arja, dawn il-pjanijiet iħabbru tul għat-twettiq li jista’ jestendi għal diversi snin jekk mhux xi drabi għal żewġ deċennji wara d-dħul fis-seħħ tal-valuri limitu stabbiliti għall-PM10. Fil-fatt, għar-reġjuni ta’ Emilia-Romagna u ta’ Toscana, it-terminu għat-twettiq tal-għanijiet dwar il-kwalità tal-arja ġie stmat għas-sena 2020, għar-reġjuni ta’ Veneto u ta’ Lombardia għas-sena 2025 u għar-reġjun ta’ Piemonte għas-sena 2030.

143    Ir-raba’ nett, mill-eżami tal-kontenut tal-pjanijiet reġjonali dwar il-kwalità tal-arja ppreżentat fil-kuntest ta’ din il-proċedura ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, li jikkonfermaw, ċertament, proċess intiż li jintlaħqu l-valuri limitu attwalment pendenti fir-Repubblika Taljana, jirriżulta li l-miżuri previsti fih, b’mod partikolari dawk intiżi li jwasslu għal bidliet strutturali speċifikament fir-rigward tal-fatturi prinċipali ta’ tniġġis fiż-żoni u l-agglomerazzjonijiet li fihom jinqabżu l-imsemmija valuri limitu mis-sena 2008, ġew previsti, għall-parti l-kbira minnhom, biss fl-aġġornamenti reċenti tal-imsemmija pjanijiet, jew saħansitra wara l-iskadenza ta’ dan it-terminu jew għadhom fl-istadju tal-adozzjoni jew tal-ippjanar. Għaldaqstant, mhux biss dawn il-miżuri ġew adottati mill-inqas sitt snin wara li l-obbligu li jiġu previsti miżuri xierqa li jippermettu li jintemm l-imsemmi qbiż tal-valuri limitu f’perijodu li jkun fl-iqsar possibbli daħal fis-seħħ iżda, barra minn hekk, dawn ta’ spiss jipprevedu perijodi ta’ twettiq partikolarment twal.

144    Il-ħames nett, sa fejn ir-Repubblika Taljana tinvoka, insostenn tan-natura xierqa tal-miżuri previsti fil-pjanijiet reġjonali, tendenza ċara lejn it-titjib tal-kwalità tal-arja rreġistrata fit-territorju Taljan kollu, b’mod partikolari matul is-snin reċenti, u tindika li, sabiex tiġi identifikata tali tendenza, id-data għas-sena 2017 tista’ tittieħed inkunsiderazzjoni, għandu jiġi rrilevat, preliminarjament, li diversi elementi ppreżentati minn dan l-Istat Membru insostenn tal-argument tiegħu, ma jikkonċernawx iż-żoni u l-agglomerazzjonijiet imsemmija minn dan ir-rikors.

145    Issa, fir-rigward ta’ dawn tal-aħħar, minkejja li ċertu tnaqqis fit-tul fil-livell ta’ qbiż tal-valuri limiti jista’ jiġi osservat fi wħud minnhom għandu, l-ewwel nett, jitfakkar, kif ġie rrilevat fil-punt 74 ta’ din is-sentenza, li, mis-27 żona u agglomerazzjoni msemmija minn dan ir-rikors, l-valur limitu ta’ kuljum stabbilit għall-PM10 li ma għandux jinqabeż iktar minn 35 darba matul sena, ġie osservat matul is-sena 2017 f’żewġ żoni biss. Sussegwentement, din id-data tiżvela, fil-parti l-kbira ta’ żoni u agglomerazzjonijiet ikkonċernati, żieda fin-numru ta’ qbiż tal-imsemmi valur limitu għas-sena 2017 meta mqabbel mas-sena 2016, li matulha ma setgħet, fi kwalunkwe każ, tiġi osservata ebda osservanza tal-imsemmi numru. Barra minn hekk, għal dak li jikkonċerna n-numru ta’ qbiż tal-valur limitu ta’ kuljum stabbilit għall-PM10, meħud bħala tali, dan in-numru huwa, f’diversi żoni u agglomerazzjonijiet ikkonċernati, kważi daqstant għoli għas-sena 2017 bħal għas-sena 2010 u jista’ jilħaq, f’ċerti żoni, id-doppju jew anki t-tripplu tan-numru ta’ qbiż awtorizzat. Barra minn hekk, għal dak li jirrigwarda l-valur limitu annwali stabbilit għall-PM10, minn din l-istess data jirriżulta li ż-żoni kkonċernati fir-reġjuni ta’ Piemonte u ta’ Lombardia kważi kollha żdiedu fil-konċentrazzjonijiet tal-PM10 u li huma biss iż-żoni kkonċernati tar-reġjuni ta’ Lazio u ta’ Veneto kif ukoll żona fir-reġjun ta’ Lombardia li ma qabżux iktar dan il-valur matul is-sena 2017.

146    Fid-dawl tal-elementi li jinsabu fil-punti 138 sa 145 ta’ din is-sentenza, għandu jiġi rrilevat li r-Repubblika Taljana manifestament ma adottatx fi żmien xieraq miżuri xierqa li jippermettu li jiġi żgurat li l-perijodu li fih jinqabżu l-valuri limitu stabbiliti għall-PM10 ikun l-iqsar possibbli fiż-żoni u fl-agglomerazzjonijiet ikkonċernati. Għaldaqstant, il-qbiż tal-valuri limitu ta’ kuljum u annwali stabbiliti għall-PM10 baqa’ sistematiku u persistenti matul, minn tal-inqas tmien snin fl-imsemmija żoni, minkejja l-obbligu ta’ dan l-Istat Membru li jieħu l-miżuri kollha xierqa u effikaċi sabiex jikkonforma ruħu mar-rekwiżit li l-perijodu li fih jinqabżu l-valuri limitu jkun l-iqsar possibbli.

147    Tali sitwazzjoni turi waħedha, mingħajr ma hemm bżonn li jiġi eżaminat b’mod iktar iddettaljat il-kontenut tal-pjanijiet dwar il-kwalità tal-arja stabbiliti mir-Repubblika Taljana, li, fil-każ ineżami, dan l-Istat Membru ma implimentax miżuri xierqa u effikaċi sabiex il-perijodu li fih jinqabżu l-valuri limitu għall-PM10 ikun “l-iqsar possibbli” fis-sens tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 23(1) tad-Direttiva 2008/50 (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-5 ta’ April 2017, Il-Kummissjoni vs Il‑Bulgarija, C‑488/15, EU:C:2017:267, punt 117 kif ukoll tat‑30 ta’ April 2020, Il-Kummissjoni vs Ir-Rumanija (Qbiż tal-valuri limitu għall-PM10), C‑638/18, mhux ippubblikata, EU:C:2020:334, punt 123 u l-ġurisprudenza ċċitata.).

148    Għal dak li jirrigwarda l-argument imressaq mir-Repubblika Taljana li jgħid li huwa indispensabbli, għall-Istat Membru kkonċernat, li jkollu termini twal sabiex il-miżuri previsti fid-diversi pjanijiet dwar il-kwalità tal-arja jkunu jistgħu jipproduċu l-effetti tagħhom, peress li d-Direttiva 2008/50 ma tipprevedix skeda ddefinita minn qabel f’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li din il-kunsiderazzjoni ma tistax, fi kwalunkwe każ, tiġġustifika terminu partikolarment twil sabiex jintemm qbiż tal-valuri limitu, bħal dawk previsti fil-każ ineżami, peress li dan għandu jiġi evalwat, fi kwalunkwe każ, fid-dawl tar-riferimenti ta’ żmien previsti fid-Direttiva 2008/50 sabiex jiġu ssodisfatti l-obbligi tagħha, jew, bħal fil-każ ineżami, fid-dawl tas-sentenza tad-19 ta’ Diċembru 2012, Il-Kummissjoni vs L-Italja, (C‑68/11, EU:C:2012:815), u għaldaqstant, l-1 ta’ Jannar 2008 għall-valuri limiti stabbiliti għall-PM10 u l-11 ta’ Ġunju 2010 għal adozzjoni tal-pjanijiet dwar il-kwalità tal-arja, kif ukoll fid-dawl tal-importanza tal-għanijiet tal-protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem u tal-ambjent imfittxija minn din id-direttiva.

149    Hemm lok li jiġi rrilevat f’dan ir-rigward li, skont il-formulazzjoni stess tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 23(1) tad-Direttiva 2008/50, in-natura xierqa tal-miżuri previsti fi pjan dwar il-kwalità tal-arja għandha tiġi evalwata b’rabta mal-kapaċità ta’ dawn il-miżuri li jiggarantixxu li l-perijodu li fih jinqabżu l-valuri limiti jkun “l-iqsar possibbli”, peress li dan ir-rekwiżit huwa iktar strett minn dak applikabbli taħt id-Direttiva 96/62, li kienet sempliċement teżiġi li l-Istati Membri jadottaw, “f’terminu raġonevoli”, miżuri intiżi li jirrendu l-kwalità tal-arja konformement mal-valuri limiti stabbiliti għall-PM10 (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-5 ta’ April 2017, Il-Kummissjoni vs Il-Bulgarija, C‑488/15, EU:C:2017:267, punti 88 sa 90).

150    Huwa għalhekk li, minn din il-perspettiva, l-Artikolu 23 tad-Direttiva 2008/50 jimponi li, meta jkun ġie kkonstatat qbiż tal-valuri limitu stabbiliti għall-PM10, tali sitwazzjoni għandha twassal kemm jista’ jkun malajr sabiex l-Istat Membru kkonċernat mhux biss jadotta, iżda wkoll jimplimenta miżuri xierqa fi pjan dwar il-kwalità tal-arja, fejn il-marġni ta’ manuvra li jkollu dan l-Istat Membru fil-każ li jinqabżu dawn il-valuri limitu ikun għaldaqstant, f’dan il-kuntest, limitat minn dan ir-rekwiżit.

151    Barra minn hekk, għal dak li jikkonċerna l-argument tar-Repubblika Taljana, li jgħid li t-termini stabbiliti minnha huma kompletament adatti għall-portata tat-trasformazzjonijiet strutturali neċessarji sabiex jintemm il-qbiż tal-valuri limitu stabbiliti għall-PM10 fl-arja ambjentali, billi tenfasizza b’mod partikolari diffikultajiet marbuta mal-interess soċjoekonomiku u baġitarju tal-investimenti li kellhom jitwettqu u t-tradizzjonijiet lokali, għandu jitfakkar li dan l-Istat Membru għandu jistabbilixxi li d-diffikultajiet li huwa jinvoka sabiex il-valuri limitu stabbiliti għall-PM10 ma jibqgħux jinqabżu, huma tali li jeskludu li termini inqas twal setgħu jiġu stabbiliti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-22 ta’ Frar 2018, Il‑Kummissjoni vs Il-Polonja, C‑336/16, EU:C:2018:94, punt 101).

152    Issa, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet, b’risposta għal argumenti pjuttost paragunabbli għal dawk invokati mir-Repubblika Taljana fil-każ ineżami, li diffikultajiet strutturali, marbuta mal-interess soċjoekonomiku u baġitarju ta’ investimenti ta’ daqs kbir li jkollhom jitwettqu, ma kellhomx, fihom infushom, natura eċċezzjonali u ma kinux tali li jeskludu li termini inqas twal setgħu jiġu stabbiliti (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-24 ta’ Ottubru 2019, Il-Kummissjoni vs Franza (Qbiż tal-valuri limitu għad-diossidu tan-nitroġenu), C‑636/18, EU:C:2019:900, punt 85, kif ukoll, b’analoġija, tat-22 ta’ Frar 2018, Il-Kummissjoni vs Il-Polonja, C‑336/16, EU:C:2018:94, punt 101). Dan ma jistax ikun differenti mit-tradizzjonijiet lokali.

153    Hemm ukoll lok li jiġi miċħud, f’dan il-kuntest, fid-dawl ta’ dak li ntqal, l-argument tar-Repubblika Taljana bbażat fuq il-prinċipji ta’ proporzjonalità, ta’ sussidjarjetà u ta’ bilanċ bejn l-interessi pubbliċi u l-interessi privati, li, fil-fehma tagħha, jippermettu li jiġu awtorizzati posponimenti, anki twal ħafna, tal-osservanza tal-valuri limitu previsti mid-Direttiva 2008/50. Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ppreċiżat li, skont l-Artikolu 23(1) tagħha, il-pjanijiet dwar il-kwalità tal-arja għandhom jiġu stabbiliti abbażi tal-prinċipju ta’ bilanċ bejn l-għan ta’ tnaqqis tar-riskju ta’ tniġġis u d-diversi interessi pubbliċi u privati preżenti (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-5 ta’ April 2017, Il-Kummissjoni vs Il‑Bulgarija, C‑488/15, EU:C:2017:267, punt 106, kif ukoll tal-24 ta’ Ottubru 2019, Il-Kummissjoni vs Franza (Qbiż tal-valuri limitu għad-diossidu tan-nitroġenu), C‑636/18, EU:C:2020:900, punt 79).

154    Għalkemm l-imsemmi Artikolu 23(1) ma jistax għaldaqstant jeżiġi, fil-każ li jinqabżu l-valuri limitu previsti mid-Direttiva 2008/50, li l-miżuri adottati minn Stat Membru b’applikazzjoni ta’ dan il-bilanċ jiggarantixxu l-osservanza immedjata ta’ dawn il-valuri limitu sabiex dawn ikunu jistgħu jitqiesu li huma xierqa, madankollu minn dan ma jirriżultax li, interpretat fid-dawl tal-imsemmi prinċipju, dan l-Artikolu 23(1) jista’ jikkostitwixxi ipoteżi addizzjonali ta’ estensjoni ġenerali, jekk ikun il-każ, sine die, tat-terminu għall-osservanza ta’ dawn il-valuri li huma intiżi li jipproteġu s-saħħa tal-bniedem, peress li l-Artikolu 22 tal-imsemmija direttiva, hekk kif ġie rrilevat fil-punt 81 ta’ din is-sentenza, huwa l-unika dispożizzjoni li tipprevedi possibbiltà li l-imsemmi terminu jiġi estiż.

155    Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal, għandu jiġi kkonstatat li l-argumenti mressqa mir-Repubblika Taljana ma jistgħux, bħala tali, jiġġustifikaw termini twal sabiex jintemm il-qbiż tal-valuri limitu kkonstatati fir-rigward tar-rekwiżit intiż li jiġi żgurat li l-perijodu li fih jinqabżu l-valuri limitu jkun l-iqsar possibbli.

156    Fl-aħħar nett, għal dak li jirrigwarda l-allegazzjoni tar-Repubblika Taljana li l-ilmenti invokati mill-Kummissjoni huma wisq ġenerali u analiżi każ b’każ tad-diversi pjanijiet dwar il-kwalità tal-arja hija nieqsa, b’tali mod li din l-istituzzjoni ressqet sempliċi preżunzjonijiet ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li mill-proċess ippreżentat lill-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-Kummissjoni kkonstatat in-nuqqas ta’ konformità mad-Direttiva 2008/50 tal-pjanijiet dwar il-kwalità tal-arja inkwistjoni wara li ħadet inkunsiderazzjoni d-diversi fatturi msemmija fil-punti 138 sa 145 ta’ din is-sentenza.

157    Minn dan isegwi li t-tieni lment invokat mill-Kummissjoni għandu jintlaqa’.

158    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, għandu jiġi kkonstatat li r-Repubblika Taljana:

–        billi qabżet, b’mod sistematiku u persistenti, il-valuri limitu stabbiliti għall-PM10, u billi kompliet taqbiżhom,

–        għal dak li jikkonċerna l-valur limitu ta’ kuljum, mis-sena 2008 u sas-sena 2017 inkluża, fiż-żoni li ġejjin: IT1212 (Valle del Sacco); IT1507 (ex żona IT1501, żona ta’ riabilitazzjoni – Napoli u Caserta); IT0892 (Emilia‑Romagna, Pianura Ovest (pjanura tal-Punent)); IT0893 (Emilia‑Romagna, Pianura Est (pjanura tal-Lvant)); IT0306 (agglomerazzjoni ta’ Milano); IT0307 (agglomerazzjoni ta’ Bergamo); IT0308 (agglomerazzjoni ta’ Brescia); IT0309 (Lombardia, pjanura b’livell għoli ta’ urbanizzazzjoni A); IT0310 (Lombardia, pjanura b’livell għoli ta’ urbanizzazzjoni B); IT0312 (Lombardia, qiegħ il-wied D); IT0119 (Piemonte, pjanura); IT0120 (Piemonte, għoljiet);

–        mis-sena 2008 u sas-sena 2016 inkluża, fiż-żona IT1215 (agglomerazzjoni ta’ Ruma);

–        mis-sena 2009 u sas-sena 2017 inkluża, fiż-żoni li ġejjin: IT0508 u IT0509 (ex żona IT0501, agglomerazzjoni ta’ Venezia-Treviso); IT0510 (ex żona IT0502, agglomerazzjoni ta’ Padova); IT0511 (ex żona IT0503, agglomerazzjoni ta’ Vicenza), IT0512 (ex żona IT0504, agglomerazzjoni ta’ Verona); IT0513 u IT0514 (ex żona IT0505; żona A1 – provinċja tal-Veneto);

–        mis-sena 2008 sas-sena 2013, u mill-ġdid mis-sena 2015 sas-sena 2017, fiż-żona IT0907 (żona ta’ Prato-Pistoia);

–        mis-sena 2008 sas-sena 2012, u mill-ġdid mis-sena 2014 sas-sena 2017, fiż-żoni IT0909 (żona Valdarno Pisano u Piana Lucchese) u IT0118 (agglomerazzjoni ta’ Torino);

–        mis-sena 2008 sas-sena 2009, u mis-sena 2011 sas-sena 2017, fiż-żoni IT1008 (żona tal-Conca Ternana (konka ta’ Terni)) u IT1508 (ex żona IT1504, żona kostali bl-għoljiet ta’ Benevento);

–        matul is-sena 2008, u s-sena 2011 sas-sena 2017, fiż-żona IT1613 (Puglia — żona industrijali) kif ukoll mis-sena 2008 sas-sena 2012 u matul is-snin 2014 u 2016, fiż-żona IT1911 (agglomerazzjoni ta’ Palermo); kif ukoll

–        għal dak li jikkonċerna l-valur limitu annwali fiż-żoni: IT1212 (Valle del Sacco) mis-sena 2008 sas-sena 2016 inkluża; IT0508 u IT0509 (ex żona IT0501, agglomerazzjoni ta’ Venezia-Treviso) matul is-snin 2009 u 2011, u fis-sena 2015; IT0511 (ex żona IT0503, agglomerazzjoni ta’ Vicenza), matul is-snin 2011, 2012 u 2015; IT0306 (agglomerazzjoni ta’ Milano), mis-sena 2008 sas-sena 2013 u matul is-sena 2015; IT0308 (agglomerazzjoni ta’ Brescia), IT0309 (Lombardia, pjanura b’livell għoli ta’ urbanizzazzjoni A) u IT0310 (Lombardia, pjanura b’livell għoli ta’ urbanizzazzjoni B) mis-sena 2008 sas-sena 2013, u matul is-snin 2015 u 2017; IT0118 (agglomerazzjoni ta’ Torino) mis-sena 2008 sas-sena 2012, u matul is-snin 2015 u 2017,

naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt id-dispożizzjonijiet moqrija flimkien tal-Artikolu 13 u tal-Anness XI tad-Direttiva 2008/50,

u

–        billi ma adottax, mill-11 ta’ Ġunju 2010, miżuri xierqa sabiex tiggarantixxi l-osservanza tal-valuri limitu stabbiliti għall-PM10 f’dawn iż-żoni kollha, naqset milli twettaq l-obbligi imposti mill-Artikolu 23(1) tad-Direttiva 2008/50, moqri waħdu u flimkien mat-Taqsima A tal-Anness XV ta’ din id-direttiva, u, b’mod partikolari, mill-obbligu previst fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 23(1) tal-imsemmija direttiva, li jiġi żgurat li l-pjanijiet dwar il-kwalità tal-arja jipprevedu miżuri xierqa sabiex il-perijodu li fih jinqabżu l-valuri limitu jkun l-iqsar possibbli.

 Fuq l-ispejjeż

159    Skont l-Artikolu 138(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li r-Repubblika Taljana tilfet il-parti l-kbira tal-motivi tagħha, hemm lok li din tiġi ordnata tbati l-ispejjeż, kif mitlub mill-Kummissjoni.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Ir-Repubblika Taljana, billi qabżet, b’mod sistematiku u persistenti, il-valuri limitu applikabbli għall-konċentrazzjoni ta’ partiċelli PM10, u billi kompliet taqbeż dawn il-valuri,

–        għal dak li jikkonċerna l-valur limitu ta’ kuljum,

–        mis-sena 2008 u sas-sena 2017 inkluża, fiż-żoni li ġejjin: IT1212 (Valle del Sacco); IT1507 (ex żona IT1501, żona ta’ riabilitazzjoni – Napoli u Caserta); IT0892 (EmiliaRomagna, Pianura Ovest (pjanura tal-Punent)); IT0893 (EmiliaRomagna, Pianura Est (pjanura tal-Lvant)); IT0306 (agglomerazzjoni ta’ Milano); IT0307 (agglomerazzjoni ta’ Bergamo); IT0308 (agglomerazzjoni ta’ Brescia); IT0309 (Lombardia, pjanura b’livell għoli ta’ urbanizzazzjoni A); IT0310 (Lombardia, pjanura b’livell għoli ta’ urbanizzazzjoni B); IT0312 (Lombardia, qiegħ il-wied D); IT0119 (Piemonte, pjanura); IT0120 (Piemonte, għoljiet);

–        mis-sena 2008 u sas-sena 2016 inkluża, fiż-żona IT1215 (agglomerazzjoni ta’ Ruma);

–        mis-sena 2009 u sas-sena 2017 inkluża, fiż-żoni li ġejjin: IT0508 u IT0509 (ex żona IT0501, agglomerazzjoni ta’ Venezia-Treviso); IT0510 (ex żona IT0502, agglomerazzjoni ta’ Padova); IT0511 (ex żona IT0503, agglomerazzjoni ta’ Vicenza), IT0512 (ex żona IT0504, agglomerazzjoni ta’ Verona); IT0513 u IT0514 (ex żona IT0505; żona A1 – provinċja tal-Veneto);

–        mis-sena 2008 sas-sena 2013, u mbagħad mill-ġdid mis-sena 2015 sas-sena 2017, fiż-żona IT0907 (żona ta’ Prato-Pistoia);

–        mis-sena 2008 sas-sena 2012, u mbagħad mill-ġdid mis-sena 2014 sas-sena 2017, fiż-żoni IT0909 (żona Valdarno Pisano u Piana Lucchese) u IT0118 (agglomerazzjoni ta’ Torino);

–        mis-sena 2008 sas-sena 2009, u mis-sena 2011 sas-sena 2017, fiż-żoni IT1008 (żona tal-Conca Ternana (konka ta’ Terni)) u IT1508 (ex żona IT1504, żona kostali bl-għoljiet ta’ Benevento);

–        matul is-sena 2008, u s-sena 2011 sas-sena 2017, fiż-żona IT1613 (Puglia — żona industrijali) kif ukoll mis-sena 2008 sas-sena 2012 u matul is-snin 2014 u 2016, fiż-żona IT1911 (agglomerazzjoni ta’ Palermo); kif ukoll

–        għal dak li jikkonċerna l-valur limitu annwali fiż-żoni: IT1212 (Valle del Sacco) mis-sena 2008 sas-sena 2016 inkluża; IT0508 u IT0509 (ex żona IT0501, agglomerazzjoni ta’ Venezia-Treviso) matul is-snin 2009, 2011 u 2015; IT0511 (ex żona IT0503, agglomerazzjoni ta’ Vicenza), matul is-snin 2011, 2012 u 2015; IT0306 (agglomerazzjoni ta’ Milano), mis-sena 2008 sas-sena 2013 u matul is-sena 2015; IT0308 (agglomerazzjoni ta’ Brescia), IT0309 (Lombardia, pjanura b’livell għoli ta’ urbanizzazzjoni A) u IT0310 (Lombardia, pjanura b’livell għoli ta’ urbanizzazzjoni B) mis-sena 2008 sas-sena 2013, u matul is-snin 2015 u 2017; IT0118 (agglomerazzjoni ta’ Torino) mis-sena 2008 sas-sena 2012, u matul is-snin 2015 u 2017,

naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt id-dispożizzjonijiet moqrija flimkien tal-Artikolu 13 u tal-Anness XI tad-Direttiva 2008/50 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Mejju 2008 dwar il-kwalità ta’ l-arja fl-ambjent u arja iktar nadifa għall-Ewropa,

u

billi ma adottax, mill-11 ta’ Ġunju 2010, miżuri xierqa sabiex tiggarantixxi l-osservanza tal-valuri limitu stabbiliti għall-konċentrazzjonijiet ta’ partiċelli PM10 f’dawn iż-żoni kollha, naqset milli twettaq l-obbligi imposti mill-Artikolu 23(1) tad-Direttiva 2008/50, moqri waħdu u flimkien mat-Taqsima A tal-Anness XV ta’ din id-direttiva, u, b’mod partikolari, mill-obbligu previst fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 23(1) tal-imsemmija direttiva, li jiġi żgurat li l-pjanijiet dwar il-kwalità tal-arja jipprevedu miżuri xierqa sabiex il-perijodu li fih jinqabżu l-valuri limitu jkun l-iqsar possibbli.

2)      Ir-Repubblika Taljana hija kkundannata għall-ispejjeż.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: it-Taljan.