Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Okrazhen sad Vidin (il-Bulgarija) fit-23 ta’ April 2021 – Corporate Commercial Bank AD, taħt proċedura ta’ falliment vs Elit Petrol AD

(Kawża C-260/21)

Lingwa tal-kawża: il-Bulgaru

Qorti tar-rinviju

Okrazhen sad Vidin

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrent: Corporate Commercial Bank, taħt proċedura ta’ falliment

Konvenut: Elit Petrol AD

Domandi preliminari

L-Artikolu 63 TFUE, li jirregola l-moviment liberu tal-kapital u tal-pagamenti, għandu jiġi interpretat fis-sens li jkopri operazzjoni ta’ tpaċija fir-rigward ta’ istituzzjoni bankarja f’sitwazzjoni fejn kumpannija kummerċjali, li tkun id-debitriċi tal-bank, tonora l-obbligi tagħha permezz tat-tpaċija tal-krediti reċiproċi tagħha kontra l-istess bank li l-ammont tagħhom ikun iddeterminat, ikkwantifikat u dovut?

L-Artikolu 63 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li bidla fil-kundizzjonijiet għall-validità ta’ tpaċijiet diġà mwettqa b’mod legali bejn kumpannija kummerċjali u istituzzjoni bankarja, li twassal sabiex it-tpaċijiet imwettqa jitqiesu li huma invalidi minħabba kundizzjonijiet ġodda li japplikaw b’mod retroattiv għat-tpaċijiet diġà mwettqa, tikkostitwixxi restrizzjoni fis-sens tal-Artikolu 63(1) TFUE f’sitwazzjoni fejn il-bidla twassal għal limitazzjoni tal-possibbiltà li jiġu onorati l-obbligi fil-konfront ta’ kumpanniji oħra li l-azzjonijiet jew l-ishma fil-kapital tagħhom ikunu miżmuma minn persuni minn Stati Membri oħra tal-Unjoni Ewropea jew li fir-rigward tagħhom tali persuni jżommu bonds?

L-Artikolu 63 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li jippermetti leġiżlazzjoni nazzjonali li temenda b’mod retroattiv il-kundizzjonijiet għall-validità ta’ tpaċijiet diġà mwettqa b’mod legali bejn kumpannija kummerċjali u istituzzjoni bankarja u li twassal sabiex it-tpaċijiet imwettqa jitqiesu li huma invalidi minħabba l-kundizzjonijiet ġodda li japplikaw b’mod retroattiv għat-tpaċijiet diġà mwettqa?

L-Artikolu 4(2)(a) TFUE kif ukoll l-Artikoli 26, 27, 114 u 115 TFUE, li jirregolaw is-suq intern tal-Unjoni Ewropea, għandhom jiġu interpretati fis-sens li jippermettu, anki f’dawk il-każijiet fejn ir-relazzjonijiet legali jkunu biss bejn suġġetti tad-dritt tal-istess nazzjonalità u għalhekk ikunu jistgħu jitqiesu li huma relazzjonijiet legali interni mingħajr ebda relazzjoni transkonfinali diretta mas-suq intern tal-Unjoni, leġiżlazzjoni nazzjonali li temenda b’mod retroattiv il-kundizzjonijiet għall-validità ta’ tpaċijiet diġà mwettqa b’mod legali bejn kumpannija kummerċjali u istituzzjoni bankarja fi Stat Membru u li twassal sabiex it-tpaċijiet imwettqa jitqiesu li huma invalidi minħabba l-kundizzjonijiet ġodda li japplikaw b’mod retroattiv għat-tpaċijiet diġà mwettqa?

L-Artikolu 2 TUE, ikkunsidrat flimkien mal-Artikolu 19(1) TUE, kif ukoll l-ewwel u t-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, għandhom jiġu interpretati fis-sens li jippermettu l-adozzjoni ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali li tibdel il-kundizzjonijiet għat-twettiq effettiv ta’ tpaċijiet ma’ istituzzjoni bankarja filwaqt li tagħti espliċitament lill-kundizzjonijiet il-ġodda effett retroattiv u filwaqt li tiddikjara ineffettivi t-tpaċijiet imwettqa b’mod legali f’perijodu preċedenti, f’sitwazzjoni fejn fl-Istat Membru kkonċernat tkun infetħet proċedura ta’ insolvenza kontra l-istituzzjoni bankarja u jkunu pendenti proċeduri ġudizzjarji li fil-kuntest tagħhom ikun qiegħed jintalab li t-tpaċijiet imwettqa fil-konfront tal-bank jiġu ddikjarati invalidi fir-rigward tal-perijodu li matulu kienu japplikaw kundizzjonijiet legali differenti għat-twettiq tagħhom?

Il-prinċipju ta’ ċertezza legali, bħala prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, għandu jiġi interpretat fis-sens li jippermetti leġiżlazzjoni nazzjonali li tibdel il-kundizzjonijiet għat-twettiq effettiv ta’ tpaċijiet ma’ istituzzjoni bankarja filwaqt li tagħti espliċitament lill-kundizzjonijiet il-ġodda effett retroattiv u filwaqt li tiddikjara ineffettivi t-tpaċijiet imwettqa b’mod legali f’perijodu preċedenti, f’sitwazzjoni fejn fl-Istat Membru kkonċernat tkun infetħet proċedura ta’ insolvenza kontra l-istituzzjoni bankarja u jkunu pendenti proċeduri ġudizzjarji li fil-kuntest tagħhom ikun qiegħed jintalab li t-tpaċijiet imwettqa fil-konfront tal-bank jiġu ddikjarati invalidi fir-rigward tal-perijodu li matulu kienu japplikaw kundizzjonijiet legali differenti għat-twettiq tagħhom?

____________