Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mis-Sąd Okręgowy w Warszawie (il-Polonja) fid-9 ta’ Diċembru 2020 – Proċeduri kriminali kontra M. M.

(Kawża C-671/20)

Lingwa tal-kawża: il-Pollakk

Qorti tar-rinviju

Sąd Okręgowy w Warszawie

Parti fil-proċeduri kriminali nazzjonali

M. M.

Domandi preliminari

Id-dritt tal-Unjoni – b’mod speċifiku l-Artikolu 2 TUE flimkien mal-valur tal-istat tad-dritt espress fih, it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE kif ukoll il-prinċipji ta’: supremazija, kooperazzjoni leali u ċertezza legali – għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi l-applikazzjoni ta’ leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru, bħall-Artikolu 41b(1) u (3) tal-ustawa z dnia 27 lipca 2001 r. – Prawo o ustroju sądów powszechnych (p.u.s.p.) [il-Liġi tas-27 ta’ Lulju 2001 – il-Liġi dwar l-Organizzazzjoni tal-Qrati Ordinarji (p.u.s.p)], b’tali mod li president ta’ qorti jista’ – minn rajh u mingħajr kontroll ġudizzjarju – jiddeċiedi li jbiddel il-kompożizzjoni tal-qorti b’riżultat tal-għoti minn awtorità, bħall-Izba Dyscyplinarna [l-Awla Dixxiplinari, il-Polonja], ta’ awtorizzazzjoni għal prosekuzzjoni għal responsabbiltà kriminali ta’ mħallef li jagħmel parti mill-kompożizzjoni tal-qorti oriġinarjament maħtura (l-imħallef tal-qorti reġjonali I. T.), liema deċiżjoni tikkomporta s-sospensjoni mandatorja ta’ dan l-imħallef mill-funzjonijiet tiegħu, li tinkludi, b’mod partikolari, projbizzjoni ta’ tali mħallef milli jpoġġi fil-formazzjonijiet ġudikanti għal kawżi assenjati lilu, inklużi wkoll dawk il-kawżi assenjati lilu qabel l-għoti tal-imsemmija awtorizzazzjoni?

Id-dritt tal-Unjoni – b’mod partikolari d-dispożizzjonijiet iċċitati fl-ewwel domanda – għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi:

leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru, bħall-Artikolu 42a(1) u (2) kif ukoll il-punt 3 tal-Artikolu 107(1) p.u.s.p., li tipprojbixxi lil qorti nazzjonali milli tevalwa – meta tistħarreġ jekk l-istess qorti tissodisfax ir-rekwiżiti stabbiliti minn qabel bis-saħħa tal-liġi – is-saħħa vinkolanti u ċ-ċirkustanzi legali tal-awtorizzazjoni tal-Izba Dyscyplinarna, imsemmija fl-ewwel domanda, li huma r-raġuni diretta wara l-bidla fil-kompożizzjoni tal-qorti, li fl-istess waqt tipprevedi li tali tentattiv ta’ eżami huwa l-bażi tar-responsabbiltà dixxiplinari tal-imħallef?

ġurisprudenza ta’ organu nazzjonali bħat-Trybunał Konstytucyjny [il-Qorti Kostituzzjonali, il-Polonja], li skontha l-atti tal-organi nazzjonali, bħall-Prezydent Rzeczypospolitej Polskiej [il-President tar-Repubblika tal-Polonja] u l-Krajowa Rada Sądownictwa [il-Kunsill Nazzjonali tal-Imħallfin], fir-rigward tal-ħatra ta’ persuni fi ħdan organu bħall-Izba Dyscyplinarna [l-Awla Dixxiplinari], ma humiex suġġetti għal kontroll ġudizzjarju, inkluż il-kontroll mill-perspettiva tad-dritt tal-Unjoni – irrispettivament mill-gravità u l-livell tal-ksur – u l-att ta’ ħatra ta’ persuni fil-kariga ta’ mħallef huwa ta’ natura definittiva u irrevokabbli?

Id-dritt tal-Unjoni – b’mod partikolari d-dispożizzjonijiet iċċitati fl-ewwel domanda – għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi l-attribuzzjoni ta’ saħħa vinkolanti għall-awtorizzazzjoni, imsemmija fl-ewwel domanda, b’mod partikolari fir-rigward tas-sospensjoni ta’ mħallef mill-funzjonijiet tiegħu, fid-dawl tal-fatt li din tkun ingħatat minn organu, bħall-Izba Dyscyplinarna [l-Awla Dixxiplinari], bil-konsegwenza li:

a)    l-organi kollha tal-Istat (inkluża l-qorti tar-rinviju, kif ukoll l-organi li għandhom kompetenza biex jikkostitwixxu u jibdlu l-kompożizzjoni ta’ qorti nazzjonali, b’mod partikolari l-president ta’ qorti) għandhom obbligu jinjoraw din l-awtorizzazzjoni u jippermettu lill-imħallef tal-qorti nazzjonali, li fil-konfront tiegħu ngħatat din l-awtorizzazzjoni, li jpoġġi fil-kulleġġ ġudikanti ta’ din il-qorti?

b)    qorti, li fil-kompożizzjoni tagħha ma jpoġġix l-imħallef oriġinarjament maħtur biex jisma’ l-kawża – sempliċement minħabba li dan l-imħallef huwa suġġett għall-imsemmija awtorizzazzjoni – ma hijiex qorti preċedentement ikkostitwita bis-saħħa ta’ liġi u għaldaqstant ma tistax tiddeċiedi bħala “qorti” kwistjonijiet dwar l-applikazzjoni jew l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni?

Il-fatt li l-Izba Dyscyplinarna [l-Awla Dixxiplinari] u t-Trybunał Konstytucyjny [il-Qorti Kostituzzjonali] ma jiggarantixxux protezzjoni ġudizzjarja effettiva fid-dawl tan-nuqqas ta’ indipendenza u tal-ksur ikkonstatat tad-dispożizzjonijiet dwar il-ħatra tal-membri tagħhom huwa rilevanti għar-risposti għad-domandi magħmula iktar ’il fuq?

____________