Language of document : ECLI:EU:C:2015:556

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

CRUZ VILLALÓN

ippreżentati fit-8 ta’ Settembru 2015 (1)

Kawża C‑297/14

Dr. Rüdiger Hobohm

vs

Benedikt Kampik Ltd & Co. KG,

Benedikt Aloysius Kampik

u

Mar Mediterraneo Werbe- und Vertriebsgesellschaft für Immobilien SL

[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Bundesgerichtshof (il‑Ġermanja)]

“Spazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja – Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili u kummerċjali – Regolament (KE) Nru 44/2001 – Ġurisdizzjoni fil-qasam ta’ kuntratti konklużi minn konsumaturi – Artikolu 15(1)(ċ) – Attività diretta lejn Stat Membru ieħor – Kunċett ta’ attività kummerċjali jew professjonali diretta lejn l-Istat Membru tal-konsumatur – Kuntratt ta’ mandat intiż li jikseb is-suċċess ekonomiku ta’ kuntratt preċedenti konkluż fil-kuntest tal-attività tal-professjonist diretta lejn l-Istat Membru tal-konsumatur”





1.        Din it-talba għal deċiżjoni preliminari tal-Bundesgerichtshof tikkonċerna l-possibbiltà li tiġi aċċettata d-domiċilju l-ġurisdizzjoni tal-konsumaturi tar-Regolament (KE) Nru 44/2001 (2), f’sitwazzjoni fejn, wara li jkun ġie konkluż u eżegwit kuntratt ta’ sensarija għax-xiri ta’ proprjetà fi Spanja – liema attività l-professjonist indirizza lejn il-Ġermanja fir-reklamar tiegħu – ġie konkluż kuntratt ta’ mandat biex jiġu indirizzati xi kwistjonijiet marbutin mal-kuntratt ta’ bejgħ ta’ dik il-proprjetà.

2.        Din il-kawża toffri l-possibbiltà mill-ġdid lill-Qorti tal-Ġustizzja biex tagħti deċiżjoni dwar l-interpretazzjoni tal-Artikolu 15(1)(ċ) u l-Artikolu 16(1) tar-Regolament Brussell I, diġà interpretati diversi drabi mill-ġurisprudenza, b’mod partikolari, fis-sentenzi Pammer u Hotel Alpenhof (3), Mühlleitner (4), Emrek (5), u Maletic (6).

3.        Kuntrarjament għall-kawżi ċċitati iktar ’il fuq, li fir-rigward tagħhom il-Qorti tal-Ġustizzja kellha l-opportunità li tagħti deċiżjoni dwar l-imsemmija dispożizzjonijiet, dejjem fil-kuntest ta’ kuntratt wieħed, il-kawża inkwistjoni tippreżenta l-ispeċifiċità ta’ riferiment għal sitwazzjoni li fiha jeżistu diversi kuntratti relatati ma’ servizzi differenti u f’ħin separat, għalkemm għandhom ċerta konnessjoni. B’mod partikolari, u kif ġie indikat, il-qorti nazzjonali tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-possibbiltà li konsumatur iressaq talba quddiem il-qorti tal-post tad-domiċilju tiegħu kontra professjonist rigward kuntratt li, kif indikat, ma jkunx inkluż direttament fil-kuntest tal-attività li s-soċju kuntrattwali tiegħu jindirizza lejn l-Istat Membru ta’ residenza tal-konsumatur, iżda li għandu l-għan li jikseb is-suċċess ekonomiku ta’ kuntratt li jkun ġie konkluż preċedentement mill-partijiet fil-kuntest ta’ din l-attività.

4.        Id-diskussjoni f’din il-kawża tiffoka, għalhekk, fuq il-kwistjoni speċifika ta’ jekk ir-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 15(1)(ċ) tar-Regolament Brussell I jistgħux jitqiesu bħala ssodisfatti permezz tar-relazzjoni bejn żewġ kuntratti konklużi suċċessivament ma’ konsumatur, li jkollhom rabta qawwija bejniethom, iżda li minnhom l-ewwel wieħed biss jirriżulta li ġie konkluż direttament fil‑kuntest tal-attivitajiet li dan il-professjonist iwettaq permezz ta’ reklamar indirizzat lejn l-Istat Membru tad-domiċilju tal-konsumatur.

I –    Il-kuntest ġuridiku

5.        Ir-Regolament Brussell I jipprovdi dan li ġej fil-premessi 11, 12, 13 u 15:

“(11)  Ir-regoli ta’ ġurisdizzjoni għandhom jiġu mbassra minn qabel u stabbiliti fuq il-prinċipju li l-ġurisdizzjoni hija ġeneralment ibbażata fuq id-domiċilju tal-konvenut u l-ġurisdizzjoni għandha dejjem tkun disponibbli fuq dan il-lat ħlief għal ftit sitwazzjonijiet definiti sewwa li fihom is-suġġett tal-materja tal-litigazzjoni jew ta’ awtonomija tal-partijiet tkun teħtieġ fattur differenti. Id-domiċilju ta’ persuna ġuridika għandu jiġi definit b’awtonomija u b’hekk jagħmel ir-regoli komuni aktar trasparenti u jevita kunflitti ta’ ġurisdizzjoni.

(12)      B’żieda mad-domiċilju tal-konvenut, għandu jkun hemm bażi alternattiva ta’ ġurisdizzjoni bbażata fuq rabta mill-qrib bejn il-qorti u l-azzjoni jew sabiex tkun iffaċilitata amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja.

(13)  B’relazzjoni ma’ assigurazzjoni, kuntratti tal-konsumatur u impjieg, il-parti l-anqas b’saħħitha għandha tiġi mħarsa b’regoli ta’ ġurisdizzjoni l-aktar favorevoli għall-interessi tiegħu milli hemm provduti fir-regoli ġenerali.

(15)  Fl-interessi tal-amministrazzjoni armoniżżata tal-ġustizzja huwa meħtieġ li titnaqqas il-possibiltà ta’ proċedimenti simultanji u biex ikun assigurat li ma jiġux mogħtija ġudizzji rrikonċiljabbli f’żewġ Stati Membri. Għandu jkun hemm mekkaniżmu ċar u effettiv sabiex jiġu riżolti każijiet ta’ lis pendens u azzjonijiet relatati u għal problemi ovvji li jirriżultaw minn differenzi nazzjonali dwar id-determinazzjoni taż-żmien meta jiġi rreġistrat każ bħala pendenti. Għall-iskopijiet ta’ dan ir-Regolament dak iż-żmien għandu jiġi definit b’mod awtonomu.”

6.        Ir-regoli sabiex tiġi stabbilita l-ġurisdizzjoni jinsabu fil-Kapitolu II tar-Regolament Brussell I. L-Artikolu 2 ta’ dan ir-Regolament, li jaqa’ taħt is-Sezzjoni 1, intitolata “Disposizzjonijiet ġenerali” ta’ dak il-Kapitolu II, jistabbilixxi, fil-paragrafu 1 tiegħu, li, bla preġudizzju għal dan ir-regolament, “persuni b’domiċilju fi Stat Membru għandhom, independentament min-nazzjonalità tagħhom, jiġu mfittxija fil-qrati ta’ dak l-Istat Membru”.

7.        L-Artikolu 3(1) tar-Regolament Brussell I, li jinsab fl-istess sezzjoni, jistabbilixxi li: “Persuni domiċiljati fi Stat Membru jistgħu jiġi mfittxija fil-qrati ta’ Stat Membru ieħor biss bis-saħħa tar-regoli mniżżla f’Sezzjonijiet 2 sa 7 ta’ dan il-Kapitolu.”

8.        Is-Sezzjoni 4 tal-Kapitolu II tar-Regolament Brussell I, li tinkludi l-Artikoli 15 sa 17, tikkonċerna l-ġurisdizzjoni fil-qasam ta’ kuntratti konklużi mill-konsumaturi. L-Artikolu 15(1) tar-Regolament Brussell I, jipprevedi li ġej:

“F’materji li għandhom x’jaqsmu ma’ kuntratt konkluż minn xi persuna, il-konsumatur, għal skop li jista’ jkun meqjus ’l hinn minn negozju jew professjoni tiegħu, il-ġurisdizzjoni għandha tiġi determinata b’din is-Sezzjoni, mingħajr preġudizju għall-Artikolu 4 u punt 5 tal-Artikolu 5, jekk:

[…]

ċ)      fil-każijiet l-oħra kollha, il-kuntratt ikun ġie konkluż ma’ persuna li tinvolvi ruħha f’attivitajiet kummerċjali jew professjonali fl-Istat Membru tad-domiċilju tal-konsumatur jew, b’xi meżżi, imexxi tali attivitajiet għal dak l-Istat Membru jew għal diversi Stati inkluż dak l-Istat Membru, u li l-kuntratt jidħol fl-iskop ta’ attivitajiet bħal dawk”.

9.        L-Artikolu 16(1) tar-Regolament Brussell I, jistabbilixxi li “[k]onsumatur jista’ jressaq proċedimenti kontra l-parti l-oħra ta’ kuntratt jew fil-qrati ta’ l-Istat Membru li fih jkun domiċiljat dak il-parti jew fil-qrati tal-post fejn ikun domiċiljat il-konsumatur”.

II – Il-fatti u l-proċedura fil-kawża prinċipali

10.      Din id-domanda preliminari titressaq fil-kuntest tal-kawża bejn Rüdiger Hobohm, ir-rikorrent u appellant, u Benedikt Kampik LTD & Co. KG, Benedikt Aloysius Kampik (iktar ’il quddiem “B.A. Kampik”) u Mar Mediterraneo Werbe- und Vertriebsgesellschaft für Immobilien S.L. (iktar ’il quddiem “il-kumpannija Mar Mediterraneo”), konvenuti u appellati.

11.      Fl-2005 B.A. Kampik aġixxa f’isem ir-rikorrent, R. Hobohm, quddiem il-kumpannija Kampik Immobilien KG, fl-iffirmar ta’ kuntratt ta’ “opzjoni ta’ xiri” fuq l-akkwist ta’ dar f’kumpless ta’ bini għal vaganzi, li kellu jinbena fil-muniċipalità Spanjola ta’ Denia, minn żviluppatur Ġermaniż. Dan il-kumpless ġie kkummerċjalizzat, inter alia, fil-Ġermanja, permezz ta’ fuljett ta’ reklamar bil-Ġermaniż. Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-konvenuti huma involuti wkoll f’attività ta’ reklamar fuq l-internet fejn joffru servizzi bħala intermedjarji fi tranżazzjonijiet fi proprjetà immobbli fi Spanja (7).

12.      Fl-2006, ir-rikorrent u martu ffirmaw il-kuntratt ta’ bejgħ mal-iżviluppatur, previst fil-kuntratt ta’ opzjoni ta’ xiri. Wara li x-xerrejja ħallsu l-ewwel żewġ pagamenti, għal ammont totali ta’ EUR 62 490, fl-2008, il-bejjiegħa ltaqgħet ma’ diffikultajiet finanzjarji li heddew it-tlestija tal-kumpless.

13.      B.A. Kampik għalhekk offra lir-rikorrent biex jieħu responsabbiltà sabiex id-dar titlesta għall-abitazzjoni. Ir-rikorrent u l-mara tiegħu vvjaġġaw lejn Spanja u taw prokura notarili lil B.A. Kampik biex jiddefendi l-interessi tagħhom fir-rigward tal-kuntratt ta’ bejgħ li sar fl-2006. Ir-rikorrent ta ċekk għall-portatur lil B.A. Kampik għal ammont ta’ EUR 27 647, fir-rigward ta’ parti mit-tielet pagament tal-bejgħ, li dan daħħlu fil-kont tal-kumpannija Mar Mediterraneo li hija konvenuta wkoll. Fl-aħħar nett, fl-2009, R. Hobohm ittrasferixxa lil B.A. Kampik ammont ta’ EUR 1 448.72, li skont dan tal-aħħar, kien meħtieġ sabiex titħallas ipoteka rreġistrata fuq ir-rikorrent. Madankollu, dik l-ipoteka ma ġietx ikkanċellata.

14.      Wara ħafna nuqqas ta’ qbil bejn il-partijiet rigward l-insolvenza tal-iżviluppatur, ir-rikorrent u martu rrevokaw il-prokura mogħtija lil B.A. Kampik. Ir-rikorrent jitlob lill-konvenuti biex jirrimborsaw il-flus mogħtija. Madankollu, il-Landgericht li r-rikorrent huwa ddomiċiljat fil-ġurisdizzjoni tagħha u li quddiemha tressaq l-ilment, ċaħdet din it-talba bħala inammissibbli, peress li ma għandhiex ġurisdizzjoni territorjali. Wara li appella din id-deċiżjoni, mingħajr suċċess, R. Hobohm ippreżenta appell quddiem il-qorti tar-rinviju.

III – Id-domanda preliminari u l-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

15.      Il-Bundesgerichtshof għamlet id-domanda tagħha quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja kif ġej:

“Konsumatur jista’, skont it-tieni alternattiva tal-Artikolu 15(1)(ċ) flimkien mat-tieni alternattiva tal-Artikolu 16(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 44/2001, tat-22 ta’ Diċembru 2000, dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali, jippreżenta rikors quddiem il-qorti fejn huwa ddomiċiljat kontra l-parti kontraenti tal-kuntratt, li twettaq attivitajiet professjonali jew kummerċjali fi Stat Membru ieħor tal-Unjoni Ewropea, fil-każ li l-kuntratt li huwa l-bażi tar-rikors ma jaqax direttament fil-qasam tal-attività tal-parti kontraenti tal-kuntratt, liema attività hija diretta lejn l-Istat Membru ta’ domiċilju tal-konsumatur, iżda huwa intiż għat-twettiq tal-għan ekonomiku mfittex minn kuntratt ieħor li jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet iċċitati iktar ’il fuq, konkluż preċedentement mill-partijiet u li diġà ġie eżegwit?”

16.      Il-Gvern Taljan, il-Gvern Portugiż u l-Gvern Svizzeru kif ukoll il-Kummissjoni Ewropea ppreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.

IV – Fuq id-domanda preliminari

A –    Osservazzjonijiet ippreżentati quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

17.      L-osservazzjonijiet bil-miktub kollha ppreżentati quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, ħlief dawk tal-Gvern Taljan, huma favur l-applikazzjoni fil-kawża preżenti tal-Artikolu 15(1)(ċ) tar-Regolament Brussell I.

18.      Il-Gvern Portugiż josserva li, minkejja li l-ewwel kuntratt tal-2005 ntemm meta sar il-kuntratt ta’ bejgħ, b’tali mod li l-kuntratt ta’ mandat li sar fl-2008 ma huwiex marbut direttament mal-attività li ġiet promossa fuq l-internet mill-konvenuti, madankollu, teżisti relazzjoni diretta bejn iż-żewġ kuntratti għaliex mingħajr l-ewwel kuntratt ta’ sensarija, il-kuntratt ta’ mandat li għandu preċiżament bħala għan is-soluzzjoni tal-problemi li rriżultaw wara l-bejgħ, ma jeżistix. Konsegwentement, ir-rikorrent jistħoqqlu l-protezzjoni wkoll fil-qasam tal-kuntratt ta’ mandat, peress li dan tal-aħħar sar b’rabta mill-qrib mal-ewwel kuntratt konkluż mal-konvenuti. Għalhekk dan il-Gvern josserva, filwaqt li jirreferi għas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kawża Emrek(8) li l-istabbilment ta’ kundizzjonijiet ġodda mhux koperti mill-Artikolu 15(1)(ċ) tar-Regolament – bħall-eżistenza ta’ rabta kawżali bejn il-mezz użat sabiex titwettaq l-attività kummerċjali jew professjonali lejn l-Istat Membru fejn il-konsumatur huwa ddomiċiljat u l-konklużjoni tal-kuntratt – imur kontra l-għan ta’ dik id-dispożizzjoni. Minkejja dan, il-fatt li l-attività tal-konvenuti diretta lejn il-Ġermanja hija fl-oriġini tal-kuntratt ta’ mandat għandu jitqies bħala indikazzjoni tal-applikabbiltà tat-tieni alternattiva tal-Artikolu 15(1)(ċ), tar-Regolament Nru 44/2001. Fil-qosor, il-Gvern Portugiż jipproponi li tingħata risposta affermattiva għad-domanda preliminari.

19.      Il-Kummissjoni Ewropea, waqt li tfakkar li l-Artikolu 15(1)(ċ) tar-Regolament Brussell I, huwa eċċezzjoni għar-regola ġenerali tal-ġurisdizzjoni tad-domiċilju tal-konvenut u li, għaldaqstant, għandu jiġi interpretat b’mod strett, ukoll tenfasizza l-ħtieġa li tingħata interpretazzjoni awtonoma tal-kunċetti li jinsabu f’din id-dispożizzjoni, b’mod partikolari b’kunsiderazzjoni tas-sistema u tal-għanijiet tagħha. Bħall-Gvern Portugiż, il-Kummissjoni tenfasizza li l-attività ta’ sensar tal-konvenut, diretta lejn il-Ġermanja, tikkostitwixxi r-raġuni tal-kuntratt ta’ bejgħ kif ukoll tal-kuntratt ta’ mandat, konklużi sussegwentement. Għalhekk, hemm rabta materjali mill-qrib bejn l-attività ta’ sensar tal-konvenut u l-konklużjoni tal-kuntratt ta’ mandat. Konsegwentement, l-ewwel kuntratt ta’ sensarija u l-kuntratt ta’ mandat huma marbutin b’mod inseparabbli, li jiġġustifika li l-ġurisdizzjoni favorevoli għall-konsumatur tapplika mhux unikament għall-ewwel, iżda wkoll għall-aħħar wieħed. Il-Kummissjoni tkompli wkoll, li interpretazzjoni bħal din hija konformi mas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kawża Maletić (9). Fl-aħħar nett, f’dak li jikkonċerna r-rekwiżi ta’ prevedibbiltà tal‑ġurisdizzjoni tad-domiċilju tal-konsumatur, il-Kummissjoni tenfasizza li l-konvenut seta’ raġonevolment jipprevedi li l-istess sistema applikabbli għall-kuntratt ta’ sensarija konkluż minnu, tapplika wkoll għall-kuntratt ta’ mandat, peress li ż-żewġ kuntratti, huma marbutin b’mod inseparabbli.

20.      Il-Gvern Svizzeru jindika li, għall-finijiet tal-Artikolu 15(1)(ċ) tar-Regolament Brussell I, il-kuntratt għandu jikkonċerna servizz li huwa offert fil-qasam tal-attività kummerċjali inkwistjoni, anki jekk l-attività promozzjonali tal-fornitur li minnha tirriżulta d-direzzjoni tal-attività tiegħu lejn l-Istat tad-domiċilju tal-konsumatur ma tikkonċernax lil din l-attività speċifika: għalhekk, għandhom jiġu koperti servizzi li, għalkemm ma jiffurmawx parti minn dawk li normalment huma offerti mill-professjonist, xorta għandhom rabta materjali suffiċjenti mal-attività normali tiegħu u jiġu pprovduti fil-qasam tal-istess strutturi tal-impriża. Barra minn hekk, għandha tapplika sistema waħda għas-servizzi kollha li jistgħu jkunu marbutin ma’ attività kummerċjali partikolari, kemm għal raġunijiet prattiċi kif ukoll minħabba raġunijiet ta’ prinċipju. B’mod partikolari, il-Gvern Svizzeru jindika li, rigward is-servizzi li l-fornitur ma joffrix uffiċjalment, il-livell ta’ rekwiżit tal-protezzjoni tal-konsumaturi huwa iktar baxx, peress li s-servizz ma huwiex offert b’mod ġenerali lil numru indeterminat ta’ persuni iżda huwa offert individwalment lil klijent speċifiku: f’dan il-każ, il-fornitur tas-servizz għandu l-għarfien li qed jidħol f’kuntratt ma’ ċittadin li huwa residenti fi Stat Membru ieħor.

21.      Filwaqt li jżomm pożizzjoni li hija opposta għall-osservazzjonijiet l-oħra ppreżentati quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, il-Gvern Taljan jenfasizza li, bħala eċċezzjoni għar-regola ġenerali, l-Artikolu 15(1)(ċ) għandu jiġi interpretat b’mod strett. Ir-rabta bejn l-akkwist ta’ appartament u l-kuntratt ta’ mandat suċċessiv ma tiġġustifikax l-applikazzjoni għal dan tal-aħħar ta’ din id-dispożizzjoni moqrija mal-Artikolu 16(1). Għalkemm il-Gvern Taljan jammetti li l-ġurisdizzjoni speċjali msemmija iktar ’il fuq tista’ tiġi estiża għall-każijiet fejn il-kuntratt aċċessorju jippreżenta rabta mal-kuntratt prinċipali f’termini ta’ neċessità legali-kawżali, dan ma jkunx il-każ f’ipoteżi ta’ sempliċi rabta ekonomika u prattika, bħal fil-kawża preżenti. Kieku kien mod ieħor, interpretazzjoni estensiva tista’ twassal għall-kostruzzjoni artifiċjali tal-fatti għall-iskop uniku li jinbidlu r-regoli ordinarji ta’ ġurisdizzjoni internazzjonali.

B –    Analiżi

1.      Kunsiderazzjonijiet preliminari u riformulazzjoni tad-domanda preliminari

22.      Kif stipulat iktar ’il fuq, il-Bundesgerichtshof tistaqsi jekk huwiex possibbli li tiġi applikata l-ġurisdizzjoni speċjali tal-konsumaturi, skont l-Artikolu 16(1) tar-Regolament Brussell I, fir-rigward ta’ kuntratt konkluż minn konsumatur u professjonist li ma jidħolx direttament fil-kuntest tal-attivitajiet li dan il-professjonist jindirizza lejn l-Istat Membru tad-domiċilju tal-konsumatur permezz tar-reklamar, fis-sens tal-Artikolu 15(1)(ċ) tal-imsemmi regolament, iżda li, madankollu, huwa marbut mill-qrib ma’ kuntratt preċedenti bejn l-istess partijiet li jissodisfa b’mod ċar il-kundizzjonijiet ta’ din l-aħħar dispożizzjoni.

23.      Issa, għar-raġunijiet li se nispjega iktar ’il quddiem, nemmen li huwa neċessarju li t-termini tad-domanda preliminari jiġu riformulati sabiex il-Qorti tal-Ġustizzja tkun tista’ tagħti risposta utli.

24.      Qabelxejn, nemmen li huwa xieraq li jsiru xi kunsiderazzjonijiet ġenerali.

25.      Il-punt ta’ tluq meħtieġ biex tiġi indirizzata l-kwistjoni ewlenija ta’ din il-kawża huwa l-formulazzjoni tal-Artikolu 15(1) tar-Regolament Brussell I. Din id-dispożizzjoni diġà ġiet interpretata mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, li stabbilixxiet, f’diversi okkażjonijiet, l-applikabbiltà tagħha fil-każ li jiġu ssodisfatti tliet rekwiżiti b’mod kumulattiv (10).

26.      L-ewwel nett, għandu jkun hemm parti kontraenti li jkollha l-kwalità ta’ konsumatur, jiġifieri, li taġixxi f’kuntest li jista’ jitqies bħala estranju għall-attivitajiet professjonali tagħha (11). F’dan il-każ, ma hemmx dubju li, filwaqt li l-konvenuti fil-kawża prinċipali kienu jaġixxu fl-eżerċizzju tal-attivitajiet professjonali tagħhom, ir-rikorrent, R. Hobohm, aġixxa bħala individwu.

27.      It-tieni nett, huwa meħtieġ li l-kuntratt bejn il-konsumatur u l-professjonist ikun ġie konkluż b’mod effettiv (12). F’dan ir-rigward, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta b’mod ċar li l-konjuġi Hobohm u B.A. Kampik iffirmaw il-kuntratt ta’ mandat inkwistjoni fl-2008. Fir-rigward tal-konvenuti l-oħra fil-kawża prinċipali għandu jiġi nnotat li l-Bundesgerichtshof enfasizzat espressament li, fil-fażi ta’ appell li fiha tinsab il-kawża prinċipali, ma hijiex rilevanti l-kwistjoni jekk l-allegazzjonijiet tar-rikorrenti humiex applikabbli sabiex tiġi sostnuta l-eżistenza ta’ drittijiet kuntrattwali fil-konfront tal-konvenuti kollha, peress li l-qorti tal-appell ma eżaminatx il-fondatezza tal-allegazzjonijiet tar-rikorrent. Għalhekk, il-Bundesgerichtshof tqis li d-domanda magħmula hija rilevanti wkoll fir-rigward tal-konvenuti kollha, minħabba l-possibbiltà li jeżistu drittijiet kuntrattwali fil-konfront tagħhom kollha. Fuq il-bażi ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, nemmen li f’dan il-każ, ma hijiex il-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tiddeċiedi dwar l-eżistenza ta’ relazzjonijiet kuntrattwali bejn ir-rikorrent u t-tliet konvenuti.

28.      It-tielet nett, il-kuntratt għandu jaqa’ taħt waħda mill-kategoriji inklużi fl-Artikolu 15(1) (13), li fosthom, dik li hija rilevanti għall-kawża prinċipali hija dik elenkata fl-ittra ċ) (14), li diġà ġiet interpretata mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja.

29.      Skont ġurisprudenza stabbilita, sabiex din id-dispożizzjoni tkun applikabbli, jeħtieġ li jiġu ssodisfatti żewġ kundizzjonijiet. L-ewwel nett, jeħtieġ, b’mod alternattiv, li l-professjonist jeżerċita l-attivitajiet tiegħu fl-Istat Membru tal-konsumatur jew li, bi kwalunkwe mezz, jindirizza tali attivitajiet lejn dak l-Istat Membru – jew f’diversi Stati Membri, inkluż dak tad-domiċilju tal-konsumatur –. It-tieni, jeħtieġ li kuntratt inkwistjoni jaqa’ taħt il-kuntest ta’ tali attivitajiet (15).

30.      Il-qorti tar-rinviju tqis li, ikkunsidrat waħdu, il-kuntratt ta’ mandat iffirmat fl-2008 ma jissodisfax ir-rekwiżiti tat-tieni alternattiva tal-Artikolu 15(1)(ċ) tar-Regolament Brussell I, b’mod partikolari minħabba li l-attività ta’ ġestjoni tan-negozji mwettqa permezz tal-kuntratt ta’ mandat ma setgħetx tiġi inkluża fil-kuntest tal-attività ta’ sensar f’kuntratti ta’ xiri ta’ proprjetà immobbli diretta lejn il-Ġermanja. Madankollu, din il-qorti, min-naħa tagħha, hija tal-opinjoni li teżisti relazzjoni bejn il-kuntratt ta’ sensar u l-kuntratt ta’ mandat li hija b’saħħitha biżżejjed biex jiġi stabbilit li r-rekwiżiti ta’ din id-dispożizzjoni huma ssodisfatti, fuq il-bażi ta’ interpretazzjoni teleoloġika, u billi tiġi enfasizzata r-rabta kawżali bejn l-attività tal-konvenuti diretta lejn il-Ġermanja, li rriżultat fl-ewwel mill-kuntratti ta’ sensarija, u l-kuntratt ta’ mandat. Fil-fatt, il-Bundesgerichtshof tqis li ż-żewġ kuntratti għandhom l-istess għan – ix-xiri ta’ dar u l-użu effettiv tagħha –, u għalhekk iż-żewġ relazzjonijiet legali għandhom jiġu kkunsidrati flimkien.

31.      Għalhekk, il-qorti tar-rinviju tenfasizza, b’mod partikolari, il-fatt li, skont is-sentenza Emrek (16), għalkemm ma hijiex kundizzjoni neċessarja, ir-rabta kawżali għandha titqies bħala indikazzjoni ta’ “attività diretta”. Madankollu, il-Bundesgerichtshof tesprimi dubji dwar il-possibbiltà li tiġi adottata din l-interpretazzjoni, sa fejn, skont ġurisprudenza stabbilita, l-Artikolu 15(1)(ċ) tar-Regolament Brussell I, għandu neċessarjament jiġi interpretat b’mod strett.

32.      Fuq dan il-punt huwa meħtieġ li jiġi enfasizzat li d-domanda preliminari, kif ġiet ifformulata mill-Bundesgerichtshof, tikkonċerna l-possibbiltà li jiġi applikat l-Artikolu 15(1)(ċ) tar-Regolament Brussell I, billi t-twettiq taż-żewġ kundizzjonijiet deskritti iktar ’il fuq jiġi “mifrud”. Fil-fatt, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk, f’sitwazzjoni fejn teżisti attività diretta min-naħa tal-professjonist lejn l-Istat Membru tal-konsumatur, l-Artikolu 15(1)(ċ) tar-Regolament Brussell I jistax jiġi applikat għal kuntratt konkluż fil-kuntest mhux ta’ din l-attività, iżda fil-kuntest ta’ attività magħmula mill-istess professjonist li ma tkunx indirizzata direttament lill-Istat Membru tal-konsumatur, u dan abbażi tal-konnessjoni materjali eżistenti ma’ kuntratt konkluż preċedentement.

33.      F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li l-konnessjoni intrinsika bejn iż-żewġ kundizzjonijiet tal-Artikolu 15(1)(ċ) tar-Regolament Brussell I hija espliċita u teħtieġ li l-kuntratt jaqa’ taħt il-kuntest tal-attivitajiet li l-professjonist jindirizza lejn l-Istat Membru tal-konsumatur. Domanda preliminari magħmula fit-termini li tuża l-qorti tar-rinviju neċessarjament twassal għal risposta negattiva.

34.      Madankollu, sabiex tingħata risposta utli, nemmen li d-domanda preliminari għandha tiġi riformulata, peress li hija preċiżament l-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “attività diretta” li hija l-kwistjoni li tikkostitwixxi s-suġġett kemm tat-talba għal deċiżjoni preliminari kif ukoll tal-osservazzjonijiet bil-miktub ippreżentati quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.

35.      Għal dawn ir-raġunijiet, nemmen li d-domanda preliminari tista’ tiġi fformulata kif ġej: “It-tieni alternattiva tal-Artikolu 15(1)(ċ), flimkien mat-tieni alternattiva tal-Artikolu 16(1) tar-Regolament Brussell I, tista’ tiġi interpretata fis-sens li din id-dispożizzjoni tapplika fir-rigward ta’ kuntratt li jkollu bħala għan li jikseb is-suċċess ekonomiku mixtieq permezz ta’ kuntratt ieħor konkluż preċedentement bejn il-partijiet u diġà eżegwit, li jaqa’ taħt il-kuntest tal-attivitajiet kummerċjali jew professjonali li l-professjonist jindirizza lejn l-Istat Membru tad-domiċilju tal-konsumatur?”

2.      Il-kunċett ta’ “attività diretta” u l-indikazzjoni tar-“rabta kawżali”

36.      L-ewwel nett, meta jsir riferiment għall-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “attività diretta”, li ma huwiex iddefinit fir-Regolament Brussell I, għandu jitfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja insistiet fil-ġurisprudenza stabbilita tagħha dwar il-ħtieġa li l-kunċetti użati fir-Regolament Brussell I jiġu interpretati b’mod awtonomu, b’riferiment għas-sistema u għall-għanijiet tagħha (17). Fost dawn l-għanijiet, kif jirriżulta mill-premessa 13 tal-imsemmi regolament, insibu b’mod partikolari rigward l-Artikolu 15(1)(ċ) tiegħu, il-funzjoni ta’ protezzjoni tal-konsumatur bħala parti meqjusa ekonomikament iktar dgħajfa u legalment b’inqas esperjenza mill-parti kontraenti professjonali l-oħra (18) kif ukoll it-tnaqqis “[tal]‑possibiltà ta’ proċedimenti simultanji [...] biex ikun assigurat li ma jiġux mogħtija ġudizzji rrikonċiljabbli f’żewġ Stati Membri” (19).

37.      Barra minn hekk, u wkoll skont il-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, għandu jiġi indikat ukoll li, filwaqt li ma hemm ebda dubju li l-Artikoli 15(1)(ċ) u 16 tar-Regolament Brussell I għandhom l-għan li jipproteġu lill-konsumaturi, dan ma jfissirx li din il-protezzjoni hija assoluta (20). Għalhekk, kif enfasizzat ukoll il-Bundesgerichtshof, in-natura ta’ eċċezzjoni tal-Artikolu 15(1)(ċ) fis-sistema tar-Regolament Brussell I tipprekludi li l-għan ta’ protezzjoni tal-konsumatur ikun suġġett għal interpretazzjoni wiesgħa. Fil-fatt, l-Artikolu 15(1) tar-Regolament Nru 44/2001 “jikkostitwixxi deroga kemm għar-regola ġenerali ta’ ġurisdizzjoni stabbilita fl-Artikolu 2(1) ta’ dan ir-regolament, li tagħti ġurisdizzjoni lill-qrati tal-Istat Membru li fit-territorju tiegħu jkun iddomiċiljat il-konvenut, kif ukoll għar-regola ta’ ġurisdizzjoni speċjali fil-qasam tal-kuntratti, stabbilita fl-Artikolu 5(1) ta’ dan l-istess regolament, li bih il-qorti li għandha ġurisdizzjoni hija dik tal-post tat-twettiq tal-obbligu li huwa l-bażi tat-talba” (21). Konsegwentement, l-Artikolu 15(1)(ċ) tar-Regolament Brussell I għandu jkun suġġett għal interpretazzjoni stretta (22).

38.      Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, huwa ċar li l-aċċettazzjoni tal-applikazzjoni tal-ġurisdizzjoni tad-domiċilju tal-konsumaturi tal-Artikolu 16(1) tar-Regolament Brussell I, fi kwalunkwe każ u abbażi biss li kuntratt, mingħajr ma jissodisfa l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 15(1)(ċ) ta’ dan ir-regolament, għandu rabta materjali ma’ kuntratt preċedenti bejn l-istess partijiet, twassal għal interpretazzjoni wiesgħa ta’ din id-dispożizzjoni, li ma għandhiex tiġi permessa, meta titqies in-natura ta’ eċċezzjoni tal-ġurisdizzjoni tad-domiċilju speċjali tal-konsumaturi fis-sistema ġenerali tar-Regolament Brussell I (23).

39.      Madankollu, għar-raġunijiet li ser nispjega iktar ’il qudddiem, nikkunsidra li l-eżistenza ta’ rabta kawżali materjali tista’ tikkostitwixxi waħda mill‑indikazzjonijiet li jistgħu jippermettu lill-qorti nazzjonali li tiddeċiedi li dan huwa każ ta’ “attività diretta” lejn l-Istat Membru tal-konsumatur fis-sens tal-Artikolu 15(1)(ċ) tar-Regolament Brussell I.

40.      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat fis-sentenza Emrek li l-eżistenza ta’ rabta kawżali, għalkemm ma tikkostitwixxix neċessità li għandha tiżdied mar-rekwiżiti tal-Artikolu 15(1)(ċ) tar-Regolament Brussell I (24), tista’ tassew tikkostitwixxi indikazzjoni ta’ “attività diretta”, bħat-twettiq ta’ kuntratt mill-bogħod li jwassal biex il-konsumatur jintrabat kuntrattwalment mill-bogħod (25).

41.      Minkejja dan, il-ġurisprudenza ċċitata hija parti miċ-ċirkustanzi partikolari tal-kawża Emrek, fejn ir-rabta kawżali tqajmet f’kuntest fundamentalment differenti. B’mod partikolari, f’din il-kawża ġiet analizzata l-funzjoni tar-rabta kawżali bħala kundizzjoni neċessarja għall-applikazzjoni tal-Artikolu 15(1)(ċ) tar-Regolament Brussell I, li l-assenza tagħha tista’ potenzjalment tikkostitwixxi ostakolu li attività titqies bħala li kienet “diretta” lejn l-Istat Membru tal-konsumatur. U huwa f’dan il-kuntest li l-Qorti tal-Ġustizzja stabbilixxiet li, minkejja r-rabta kawżali ma tistax tistabbilixxi ruħha bħala rekwiżit mhux bil-miktub sabiex jiġi konkluż li attività partikolari tkun direttta lejn Stat Membru partikolari, madankollu din tista’ tkun indikazzjoni ta’ dan.

42.      Għall-kuntrarju, f’dan il-każ hemm sitwazzjoni li fiha l-kawżalità ma tiġix invokata bħala ostakolu potenzjali għall-applikazzjoni tal-Artikolu 15(1)(ċ), tar-Regolament Brussell I, iżda bħala l-uniku element li jista’ jkun ta’ bażi għall-applikazzjoni tiegħu. F’dan ir-rigward, ma hemm ebda dubju, fiċ-ċirkustanzi tal-kawża prinċipali, li l-attività professjonali diretta mill-konvenut permezz tar-reklamar tiegħu lejn l-Istat tad-domiċilju tal-konsumatur rikorrenti, kif ukoll il-kuntratt konkluż b’riżultat ta’ din, huma elementi li huma marbutin mal-kuntratt ta’ mandat tal-2008 permezz ta’ rabta kawżali kważi awtomatika.

43.      Madankollu, kif ġustament osservat il-qorti tar-rinviju, dan il-każ ma jinvolvix l-evalwazzjoni tal-kawżalità spazjali-temporali bejn ir-relazzjoni ta’ fiduċja stabbilita bejn il-partijiet fil-kawża prinċipali fil-kuntest tal-ewwel relazzjoni kuntrattwali tagħhom. Ċertament, kif jindika l-Gvern Taljan, ma teżistix relazzjoni ta’ kuntratt prinċipali u dak aċċessorju fformulata f’termini ta’ neċessità legali-kawżali. Madankollu, il-kawżalità li qegħdin nirreferu għaliha hawnhekk bħala indikazzjoni ta’ “attività diretta” teħtieġ l-eżistenza ta’ rabta materjali interna intensa bejn relazzjonijiet legali li, f’dan il-każ, hija kkostitwita mill-fatt li l-għan tal-kuntratt ta’ mandat huwa preċiżament il-kisba ta’ suċċess ekonomiku tal-ewwel kuntratt mill-kuntratti li ġew konklużi bejn l-istess partijiet.

44.      Madankollu, għalkemm jista’ jiġi kkunsidrat li rabta kawżali mifhuma f’dawn it-termini tista’ tiġi kkunsidrata bħala waħda mill-indikazzjonijiet li jippermettu li tiġi ddeterminata d-direzzjoni tal-attività professjonali tal-konvenut, din ma tikkostitwixxix l-uniku element li jippermetti li jiġi stabbilit it-twettiq tar-rekwiżiti tal-Artikolu 15(1)(ċ) tar-Regolament Brussell I, u dan iktar u iktar meta r-rabta kawżali tkun indiretta, bħal fil-każ fil-kawża prinċipali. Fil-fatt, il-konklużjoni tal-kuntratt ta’ mandat ma tirriżultax immedjatament mill-attività diretta lejn l-Istat Membru tad-domiċilju tal-konsumatur min-naħa tal-professjonist konvenut permezz tar-reklamar tiegħu, iżda tirriżulta mill-kwistjonijiet li segwew il-problemi li rriżultaw mal-eżekuzzjoni ta’ kuntratt ta’ bejgħ ma’ terz.

45.      Għalhekk, hija l-qorti nazzjonali li għandha tevalwa jekk, fid-dawl tal-evidenza kollha fil-pussess tagħha, jeżistux indikazzjonijiet oħrajn, minbarra r-rabta kawżali indikata, li jistgħu jwasslu għall-konklużjoni li, fil-fatt, dan il-każ jaqa’ taħt l-ambitu ta’ attività diretta mill-professjonist lejn l-Istat Membru tad-domiċilju tal-konsumatur. Fost dawn l-indikazzjonijiet jistgħu jiġu identifikati, mingħajr limiti, il-livell ta’ konnessjoni bejn l-attivitajiet imwettqa mill-professjonist u dawk diretti minnu lejn l-Istat Membru tal-konsumatur permezz tar-reklamar tiegħu jew bi kwalunkwe mezz ieħor, il-fatt li l-professjonist normalment jipprovdi s-servizzi ta’ ġestjoni tiegħu tan-negozji lill-klijenti ddomiċiljati fi Stat Membru ieħor u li lilhom jipprovdi wkoll servizzi bħala sensar ta’ proprjetà immobbli, jew li t-tipi ta’ servizzi differenti huma pprovduti fil-kuntest tal-istess strutturi tal-impriża, sabiex il-konsumatur ma setax raġonevolment jipprevedi li l-kuntratti kienu se jkunu suġġetti għal ġurisdizzjonijiet differenti.

46.      Għalhekk b’dan il-mod, jiġi żgurat ukoll li jintlaħaq l-għan tar-Regolament Brussell I, espress fil-ħdax-il premessa tiegħu, li tiġi żgurata l-prevedibbiltà tal-attribuzzjoni tal-ġurisdizzjoni, u b’hekk tissaħħaħ il-protezzjoni legali tal-persuni ddomiċiljati fl-Unjoni. Bl-istess mod, ir-rikorrent ikun jista’ jiddetermina faċilment il-qorti li quddiemha jista’ jressaq azzjoni, u l-konvenut jista’ jipprevedi b’mod raġonevoli quddiem liema qorti jista’ jiġi mħarrek (26).

47.      B’kunsiderazzjoni ta’ dak kollu li ntqal sa issa, jifdal li nikkunsidra ċirkustanza addizzjonali oħra ta’ din il-kawża. Fil-fatt, għandu jiġi enfasizzat li d-deċiżjoni tar-rinviju tistipula b’mod espliċitu li B.A. Kampik “offra lir-rikorrent li jieħu responsabbiltà sabiex id-dar titlesta għall-abitazzjoni”, u wara dan, R. Hobohm u martu vvjaġġaw lejn Spanja u kkonkludew il-kuntratt ta’ mandat. Fin-nuqqas ta’ iktar dettalji dwar din il-kwistjoni, fi kwalunkwe każ hija l-qorti nazzjonali li għandha tiddetermina jekk effettivament kienx hemm proposta mill-konvenuti lill-konsumatur fil-kawża prinċipali rigward il-konklużjoni tal-kuntratt ta’ mandat.

48.      Il-qorti tar-rinviju enfasizzat, madankollu, li fir-rigward tal-attività li hija s-suġġett tal-kuntratt ta’ mandat ma jeżistu ebda indikazzjonijiet bażikament relatati mar-reklamar, identifikati mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-kawża Pammer u Alpenhof (27), u lanqas indikazzjonijiet ekwivalenti.

49.      Għalhekk, għandu jiġi enfasizzat li l-Artikolu 15(1)(ċ) tar-Regolament Brussell I ma jeħtieġx li l-attività tal-professjonist tkun diretta lejn l-Istat Membru tal-konsumatur permezz tar-reklamar (28), iżda jirreferi espressament għal kwalunkwe mezz.

50.      Għaldaqstant huwa meħtieġ li wieħed jinnota hawnhekk li, fis-sentenza Pammer u Hotel Alpenhof, il-Qorti tal-Ġustizzja stabbilixxiet bħala l-ewwel kriterju u l-iktar wieħed ovvju sabiex jiġi stabbilit jekk attività hijiex diretta lejn Stat Membru tad-domiċilju tal-konsumatur “l-espressjonijiet manifesti tar-rieda li jagħmel kummerċ mal-konsumaturi f’dan l-Istat Membru” (29).

51.      Barra minn hekk, il-punt 3 tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 13 tal-Konvenzjoni ta’ Brussell (30), li kien okkupa l-istess post u wettaq l-istess funzjoni ta’ protezzjoni tal-konsumatur bħala l-parti l-iktar dgħajfa bħall-Artikolu 15(1)(ċ) tar-Regolament Brussell I (31), diġà stabbilixxa li l-ġurisdizzjoni tad-domiċilju tal-konsumatur kienet b’mod partikolari applikabbli, bil-limitazzjonijiet previsti f’din id-dispożizzjoni, b’rabta mal-kuntratti li l-konklużjoni tagħhom kienet ġiet ippreċeduta, fl-Istat tad-domiċilju tal-konsumatur, minn reklamar jew minn proposta magħmula b’mod speċjali. Għalhekk, l-intenzjoni ċara tal-leġiżlatur tal-Unjoni li jeċċedi l-iskop ta’ protezzjoni mogħti mill-Artikolu 13(1) tal-Konvenzjoni ta’ Brussell  (32), tippermetti li l-kunċett ta’ “[bi kwalunkwe mezz]” ma jinkludix biss kwalunkwe mezzi ta’ reklamar, iżda wkoll il-kuntatt dirett bejn il-professjonist u l-konsumatur permezz ta’ proposta (33).

52.      F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat, ukoll fil-kawża Pammer u Alpenhof, li “[i]l-formulazzjoni tal-Artikolu 15(1)(ċ) [...] tinkludi l‑kunċetti u tissostitwixxi l-kunċetti preċedenti ta’ ‘proposta speċifika’ u ta’ ‘reklamar’ billi jkopru, kif jindikaw it-termini b ‘xi meżżi’, firxa iktar wiesgħa ta’ attivitajiet” (34).

53.      Madankollu, fil-każ ta’ konstatazzjoni affermattiva fir-rigward tal-eżistenza ta’ proposta, huwa ċar li din tikkostitwixxi element li jenfasizza l-“espressjoni ċara tar-rieda” tal-professjonist li “jindirizza” is-servizzi tiegħu lejn konsumatur residenti fi Stat Membru ieħor, konsumatur li, barra minn hekk, jikkostitwixxi wieħed mill-klijenti tiegħu fil-kuntest ta’ relazzjoni kuntrattwali preċedenti fl-ambitu tal-attività tiegħu inekwivokabbilment diretta lejn Stat Membru ieħor.

54.      Bħala konklużjoni, b’kunsiderazzjoni tar-raġunament li sar, nemmen li t-tieni alternattiva tal-Artikolu 15(1)(ċ), flimkien mat-tieni alternattiva tal-Artikolu 16(1) tar-Regolament Brussell I, għandhom jiġu interpretati fis-sens li, fiċ-ċirkustanzi partikolari tal-kawża prinċipali, l-eżistenza ta’ kuntratt preċedenti bejn l-istess partijiet li fir-rigward tagħhom teżisti rabta kawżali materjali tista’ tikkostitwixxi indikazzjoni sabiex jiġi kkunsidrat li l-attività tal-professjonist hija “diretta” lejn l-Istat Membru tad-domiċilju tal-konsumatur, li għandu jiġi evalwat fid-dawl tal-elementi kollha għad-dispożizzjoni tal-qorti nazzjonali.

55.      Barra minn hekk, fil-każ li l-qorti nazzjonali tistabbilixxi li saret proposta min-naħa tal-professjonist lill-konsumatur, għandu jiġi kkunsidrat li dik il-proposta taqa’ taħt il-kunċett ta’ “[kwalunkwe mezz]” li permezz tiegħu professjonist jista’ jindirizza l-attività tiegħu lejn l-Istat Membru tad-domiċilju tal-konsumatur.

V –    Konklużjoni

56.      Fid-dawl tal-argumenti kollha esposti iktar ’il fuq, nipproponi li r-risposta tal-Qorti tal-Ġustizzja għad-domanda preliminari magħmula mill-Bundesgerichtshof tkun is-segwenti:

“It-tieni alternattiva tal-Artikolu 15(1)(ċ), flimkien mat-tieni alternattiva tal-Artikolu 16(1) tar-Regolament Brussell I, għandhom jiġu interpretati fis-sens li, fiċ-ċirkustanzi partikolari tal-kawża prinċipali, l-eżistenza ta’ kuntratt preċedenti bejn l-istess partijiet li fir-rigward tagħhom teżisti rabta kawżali materjali tista’ tikkostitwixxi indikazzjoni sabiex jiġi kkunsidrat li l-attività tal-professjonist hija “diretta” lejn l-Istat Membru tad-domiċilju tal-konsumatur, li għandu jiġi evalwat fid-dawl tal-elementi kollha għad-dispożizzjoni tal-qorti nazzjonali.

Barra minn hekk, fil-każ li l-qorti nazzjonali tistabbilixxi li saret proposta min-naħa tal-professjonist lill-konsumatur, għandu jiġi kkunsidrat li dik il-proposta taqa’ taħt il-kunċett ta’ “[kwalunkwe mezz]” li permezz tiegħu professjonist jista’ jindirizza l-attività tiegħu lejn l-Istat Membru tad-domiċilju tal-konsumatur.”


1 – Lingwa oriġinali: l-Ispanjol.


2 – Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 44/2001, tat-22 ta’ Diċembru 2000, dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali (ĠU Edizzjoni Speċjali il-Malti, Kapitolu 19, Vol. 4, p. 42, iktar ’il quddiem ir-“Regolament Brussell I”). Mill-10 ta’ Jannar 2015 dan ir-Regolament ġie ssostitwit bir-Regolament (UE) Nru 1215/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-12 ta’ Diċembru 2012, dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali (ĠU 2012, L 351, p. 1).


3 – C‑585/08 u C‑144/09, EU:C:2010:740.


4 – C‑190/11, EU:C:2012:542.


5 – C‑218/12, EU:C:2013:666.


6 – C‑478/12, EU:C:2013:735.


7 – Il-Bundesgerichtshof ma tikkontestax il-konklużjoni tal-qorti li ddeċidiet dwar il-mertu li l-attività ta’ sensar eżerċitata mill-konvenut stabbilit fi Spanja kienet diretta lejn il-Ġermanja, u tenfasizza b’mod partikolari ċerti indikazzjonijiet, bħall-fatt li s-servizzi kienu offerti fuq l-internet bil-Ġermaniż, li kien indikatt indirizz ta’ kuntatt elettroniku bid-dominju “.de”, li numru tat-telefon f’Berlin kien indikat bħala l-“back office” tiegħu u ntużaw fuljetti bil-Ġermaniż.


8 – C‑218/12, EU:C:2013:666.


9 – C‑478/12, EU:C:2013:735.


10 – Sentenzi Česká spořitelna (C‑419/11, EU:C:2013:165), punt 30, u Kolassa (C‑375/13, EU:C:2015:37) punt 23.


11 – Fuq il-kunċett ta’ konsumatur fl-ambitu tal-Konvenzjoni ta’ Brussell u tar-Regolament Brussell I, ara pereżempju, is-sentenzi Shearson Lehman Hutton (C‑89/91, EU:C:1993:15); Gabriel (C‑96/00, EU:C:2002:436); Gruber (C‑464/01, EU:C:2005:32); u Česká spořitelna (C‑419/11, EU:C:2013:165).


12 – Sentenza Česká spořitelna (C‑419/11, EU:C:2013:165), punt 30. Dwar ir-rekwiżit relatat mal-eżistenza ta’ kuntratt konkluż bejn il-konsumatur u l-professjonist ara s-sentenza reċenti Kolassa (C‑375/13, EU:C:2015:37), punti 29 et seq.


13 – Sentenza Česká spořitelna (C‑419/11, EU:C:2013:165), punt 30.


14 – Fil-fatt, ma humiex rilevanti għal din il-kawża l-kategoriji elenkati fil-punt a) [ikun kuntratt ta’ bejgħ ta’ oġġetti bin-nifs b’termini ta’ kreditu], u b) [ikun kuntratt għal self li jitħallas bin-nifs, jew għal xi għamla oħra ta’ kreditu, magħmula sabiex tiffinanzja l-bejgħ ta’ oġġetti], tal-Artikolu 15(1) tar-Regolament Brussell I.


15 – Mühlleitner (C‑190/11, EU:C:2012:542), punt 36.


16 – C‑218/12, EU:C:2013:666.


17 – Ara, pereżempju, is-sentenzi Pammer u Hotel Alpenhof (C‑585/08 u C‑144/09, EU:C:2010:740), punt 55; Mühlleitner (C‑190/11, EU:C:2012:542), punt 28; u Česká spořitelna (C‑419/11, EU:C:2013:165, punt 25).


18 – Ara, fost oħrajn, is-sentenzi Ilsinger (C‑180/06, EU:C:2009:303), punt 41; Mühlleitner (C‑190/11, EU:C:2012:542), punt 29; Česká spořitelna (C‑419/11, EU:C:2013:165), punt 33.


19 Ara l-premessa 15 tar-Regolament Brussell I, kif ukoll is-sentenza Maletic (C‑478/12, EU:C:2013:735), punt 30.


20 – Sentenza Pammer u Hotel Alpenhof (C‑585/08 u C‑144/09, EU:C:2010:740), punt 70.


21 – Sentenzi Pammer u Hotel Alpenhof (C‑585/08 u C‑144/09, EU:C:2010:740), punt 53; Mühlleitner (C‑190/11, EU:C:2012:542), punt 26; u Česká spořitelna, (C‑419/11, EU:C:2013:165), punt 26.


22–      Ibid. Ara wkoll fir-rigward tal-Konvenzjoni ta’ Brussell, inter alia, is-sentenzi Shearson Lehman Hutton (C‑89/91, EU:C:1993:15), punt 16; Benincasa (C‑269/95, EU:C:1997:337), punt 13; u Gruber (C‑464/01, EU:C:2005:32), punt 32.


23 – Fir-rigward tar-rekwiżit li l-kuntratt bejn il-konsumatur u l-professjonist ikun ġie effettivament konkluż, il-Qorti tal-Ġustizzja ċaħdet ukoll interpretazzjoni wiesgħa, filwaqt li indikat li dan ir-rekwiżit “ma huwiex suġġett għal interpretazzjoni, fis-sens li tali rekwiżit jinsab sodisfatt ukoll f’każ ta’ sensiela ta’ kuntratti li b’applikazzjoni tagħha ċerti drittijiet u obbligi tal-professjonist inkwistjoni jiġu ttrasferiti lejn il-konsumatur”, sentenza Kolassa (C‑375/13, EU:C:2015:37), punt 30.


24 – C‑218/12, EU:C:2013:666, punt 21.


25 – Ibid., punt 29. Fil-fatt, kif enfasizzajt fil-konklużjonijiet tiegħi f’Emrek “[...] din ma hijiex kundizzjoni impliċita li tiżdied ma’ dawk previsti espressament fl-Artikolu 15(1)(ċ) tar-Regolament Nru 44/2001, peress li huwa magħruf sew li l-preżenza ta’ attività prekuntrattwali preparatorja, bħall-preżenza eventwali ta’ rabta kawżali pprovata, tiffaċilità x-xogħol tal-qorti nazzjonali fil-mument meta jiġi ddeterminat jekk attività ekonomika hijiex immirata lejn Stat Membru partikolari”. Konklużjonijiet fil-kawża Emrek (C‑218/12, EU:C:2013:494), punt 31.


26 – Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Hypoteční banka (C‑327/10, EU:C:2011:745), punt 44, u eDate Advertising et (C‑509/09 u C‑161/10, EU:C:2011:685), punt 50.


27–       C‑585/08 u C‑144/09, EU:C:2010:740. Fost dawn l-indikazzjonijiet jissemmew “n-natura internazzjonali tal-attività inkwistjoni, bħal xi attivitajiet turistiċi, l-indikazzjoni tan-numru tat-telefon bl-indikazzjoni tal-prefiss internazzjonali, l-użu ta’ isem ta’ dominju tal-ogħla livell barra dak tal-Istat Membru fejn in-negozjant huwa stabbilit, pereżempju “.de” jew anki l-użu ta’ ismijiet ta’ dominju fl-ogħla livell newtrali bħal “.com” jew “.eu”, id‑deskrizzjoni ta’ rotot minn wieħed jew iktar mill-Istati Membri l-oħra lejn il‑post tal-provvista tas-servizz kif ukoll l-indikazzjoni ta’ klijentela internazzjonali li tikkonsisti minn klijenti domiċiljati fi Stati Membri differenti, b’mod partikolari permezz tal-preżentazzjoni ta’ xhieda ta’ tali klijenti”, punt 83.


28 – F’dan is-sens, Magnus, U., u Mankowski, P., Brussels I Regulation, 2nd Revised Edition, (Munich, 2012), p. 380 u Mankowski, P., “Zum Begriff des ‘Ausrichtens’ auf den Wohnsitzstaat des Verbrauchers unter Art. 15 Abs. 1 lit. c EuGVVO”, Verbraucher und Recht, 2006, p. 289-294.


29 – C‑585/08 u C‑144/09, EU:C:2010:740, punt 80.


30 – Konvenzjoni tas-27 ta’ Settembru 1968 Brussel dwar il-ġurisdizzjoni u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali (ĠU 1972, L 299, p. 32; verżjoni kkonsolidata fil-ĠU 1998, C 27, p. 1).


31 – Česká spořitelna, C‑419/11, EU:C:2013:165, punt 28; Ilsinger, (C‑180/06, EU:C:2009:303) punt 41; sentenza Pammer u Hotel Alpenhof (C‑585/08 u C‑144/09, EU:C:2010:740) punt 57; Mühlleitner (C‑190/11, EU:C:2012:542), punt 29.


32–      Il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat li, jekk dispożizzjoni tal-Konvenzjoni ta’ Brussell tkun ifformulata b’mod simili għal dispożizzjoni tar-Regolament Brussell I, għandha tiġi żgurata, skont il-premessa 19 ta’ dan tal-aħħar, il-kontinwità fl-interpretazzjoni taż-żewġ strumenti legali (sentenza Ilsinger, C‑180/06, UE:C:2009:303, punt 58). Minkejja d-differenzi sinjifikattivi bejn il-formulazzjoni tal-Artikolu 15 ta’ dan ir-regolament u tal-Artikolu 13 tal-Konvenzjoni ta’ Brussell, għandu jiġi nnotat li kemm il-ġurisprudenza, kif ukoll ix-xogħol preparatorju, juru li l-Artikolu 15(1)(ċ) tar-Regolament Brussell I għandu ambitu iktar wiesa’ u ġenerali mill-Artikolu 13(1) tal-Konvenzjoni ta’ Brussell “sabiex tiġi żgurata protezzjoni aħjar tal-konsumatur fid‑dawl tal-mezzi ġodda ta’ komunikazzjoni u l-iżvilupp tal-kummerċ elettroniku.”. F’dan ir-rigward jistgħu jiġu kkunsidrati s-sentenzi Ilsinger (C‑180/06,UE:C:2009:303), punt 50; Pammer u Hotel Alpenhof (C‑585/08 u C-144/09, EU:C:2010:740), punt 59; u Mühlleitner (C‑190/11,EU:C:2012:542), punt 38. Ara wkoll il-punt 4.2 tal-Proposta għal Regolament (KE) tal-Kunsill dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali, COM(1999) 348 finali (ĠU 1999, C 376 E, p. 1).


33 – F’dan ir-rigward, ara Magnus u Mankowski, op. cit. p. 380. Il-kunċett ta’ “proposta speċjalment magħmula” fil-Konvenzjoni ta’ Brussell jirreferi għall-“proposti kummerċjali ppreżentati individwalment lill-konsumatur, b’mod partikolari permezz ta’ aġent jew minn bejjiegħ tat-triq.” Sentenza Gabriel (C‑96/00, EU:C:2002:436), punt 44.


34 – Sentenza Pammer u Hotel Alpenhof (C‑585/08 u C‑144/09, EU:C:2010:740), punt 61.