Language of document : ECLI:EU:C:2015:844

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla)

23 ta’ Diċembru 2015 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili u kummerċjali – Regolament (KE) Nru 44/2001 – Ġurisdizzjoni fil-qasam ta’ kuntratti konklużi mill-konsumaturi – Artikoli 15(1)(ċ) u 16(1) – Kunċett ta’ attività kummerċjali ‘mmexxija għal’ [diretta lejn] l-Istat Membru tad-domiċilju tal-konsumatur – Kuntratt ta’ ġestjoni tan-negozju li jservi sabiex jintlaħaq l-għan ekonomiku mfittex permezz ta’ kuntratt ta’ senserija konkluż preċedentement fl-eżerċizzju ta’ attività kummerċjali jew professjonali ‘mmexxija għal’ [diretta lejn] l-Istat Membru tad-domiċilju tal-konsumatur – Rabta mill-qrib”

Fil-Kawża C‑297/14,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa minn Bundesgerichtshof (qorti federali tal-ġustizzja, il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjoni tal-15 ta’ Mejju 2014, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis-17 ta’ Ġunju 2014, fil-proċedura

Rüdiger Hobohm

vs

Benedikt Kampik Ltd & Co. KG,

Benedikt Aloysius Kampik,

Mar Mediterraneo Werbe- und Vertriebsgesellschaft für Immobilien SL,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla),

komposta minn L. Bay Larsen, President tat-Tielet Awla, li qed jaġixxi bħala President tar-Raba’ Awla, J. Malenovský, M. Safjan (Relatur), A. Prechal u K. Jürimäe, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: P. Cruz Villalón,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għall-Gvern Taljan, minn G. Palmieri, bħala aġent, assistita minn G. Palatiello, avvocato dello Stato,

–        għall-Gvern Portugiż, minn L. Inez Fernandes u A. Fonseca Santos, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Svediż, minn M. Jametti, bħala aġent,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn A.-M. Rouchaud-Joët u W. Bogensberger, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali fis-seduta tat-8 ta’ Settembru 2015,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 15(1)(ċ) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 44/2001, tat-22 ta’ Diċembru 2000, dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti Kapitolu 19, Vol. 4, p. 42), moqri flimkien mal-Artikolu 16(1) ta’ dan ir-regolament.

2        Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ tilwima bejn R. Hobohm, domiċiljat fil-Ġermanja, minn naħa, u Benedikt Kampik Ltd & Co. KG, B. A. Kampik u Mar Mediterraneo Werbe- und Vertriebsgesellschaft für Immobilien SL, stabbilti fi Spanja, min-naħa l-oħra, fir-rigward tar-rimbors ta’ somom ta’ flus imqiegħda għad-dispożizzjoni ta’ B. A. Kampik minn R. Hobohm.

 Il-kuntest ġuridiku

 Ir-Regolament Nru 44/2001

3        Mill-premessa 2 tar-Regolament Nru 44/2001 jirriżulta li dan huwa intiż, fl-interess tal-funzjonament tajjeb tas-suq intern, sabiex jimplementa “[d]isposizzjonijiet biex jiġu unifikati r-regoli ta’ kunflitt ta’ ġurisdizzjoni f’materji ċivili u kummerċjali u sabiex jħaffu l-formalitajiet bl-iskop ta’ għarfien malajr u sempliċi u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi minn Stati Membri marbuta b’dan ir-Regolament”.

4        Il-premessi 11 sa 13, 15 u 19 ta’ dan ir-regolament jipprovdu:

“(11) Ir-regoli ta’ ġurisdizzjoni għandhom jiġu mbassra minn qabel u stabbiliti fuq il-prinċipju li l-ġurisdizzjoni hija ġeneralment ibbażata fuq id-domiċilju tal-konvenut u l-ġurisdizzjoni għandha dejjem tkun disponibbli fuq dan il-lat ħlief għal ftit sitwazzjonijiet definiti sewwa li fihom is-suġġett tal-materja tal-litigazzjoni jew ta’ awtonomija tal-partijiet tkun teħtieġ fattur differenti. Id-domiċilju ta’ persuna ġuridika għandu jiġi definit b’awtonomija u b’hekk jagħmel ir-regoli komuni aktar trasparenti u jevita kunflitti ta’ ġurisdizzjoni.

(12)      B’żieda mad-domiċilju tal-konvenut, għandu jkun hemm bażi alternattiva ta’ ġurisdizzjoni bbażata fuq rabta mill-qrib bejn il-qorti u l-azzjoni jew sabiex tkun iffaċilitata amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja.

(13)      B’relazzjoni mal-kuntratti ta’ assigurazzjoni, tal-konsumatur u ta’ impjieg, il-parti l-anqas b’saħħitha għandha tiġi mħarsa b’regoli ta’ ġurisdizzjoni aktar favorevoli għall-interessi tagħha milli r-regoli ġenerali.

[...]

(15)      Fl-interessi tal-amministrazzjoni armoniżżata tal-ġustizzja huwa meħtieġ li titnaqqas il-possibiltà ta’ proċedimenti simultanji u biex ikun assigurat li ma jiġux mogħtija ġudizzji rrikonċiljabbli f’żewġ Stati Membri. [...]

[...]

(19)      Għandha tiġi żgurata l-kontinwità bejn il-[Konvenzjoni tas-27 ta’ Settembru 1968 dwar il-ġurisdizzjoni u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali (ĠU 1972, L 299, p. 32, iktar ’il quddiem il-‘Konvenzjoni ta’ Brussell’)] u dan ir-Regolament, u għandhom jintalbu għal dan il-għan disposizzjonijiet transitorji. L-istess ħtieġa għal kontinwità tapplika għall-interpretazzjoni tal-Konvenzjoni ta’ Brussel mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-[Unjoni Ewropea] […].”

5        Ir-regoli ta’ ġurisdizzjoni li dan ir-regolament jistabbilixxi jinsabu fil-Kapitolu II tiegħu. Is-Sezzjoni 1 ta’ dan il-kapitolu, intitolata “Disposizzjonijiet ġenerali”, tinkludi senjatament l-Artikoli 2 u 3, filwaqt li s-Sezzjoni 4 tal-istess kapitolu tikkonċerna l-ġurisdizzjoni fil-qasam ta’ kuntratti konklużi mill-konsumaturi u tiġbor fiha l-Artikoli 15 sa 17.

6        L-Artikolu 2(1) tar-Regolament Nru 44/2001 jipprovdi li, mingħajr preġudizzju għal dispożizzjonijiet oħra previsti minn dan ir-regolament, “persuni b’domiċilju fi Stat Membru għandhom, independentament min-nazzjonalità tagħhom, jiġu mfittxija fil-qrati ta’ dak l-Istat Membru”.

7        L-Artikolu 3(1) ta’ dan ir-regolament huwa redatt kif ġej:

“Persuni domiċiljati fi Stat Membru jistgħu jiġi mfittxija fil-qrati ta’ Stat Membru ieħor biss bis-saħħa tar-regoli mniżżla f’Sezzjonijiet 2 sa 7 ta’ dan il-Kapitolu.”

8        L-Artikolu 15(1)(ċ) tal-istess regolament jipprovdi:

“F’materji li għandhom x’jaqsmu ma’ kuntratt konkluż minn xi persuna, il-konsumatur, għal skop li jista’ jkun meqjus ’l hinn minn negozju jew professjoni tiegħu, il-ġurisdizzjoni għandha tiġi determinata b’din is-Sezzjoni, mingħajr preġudizju għall-Artikolu 5 u punt 5 tal-Artikolu 5, jekk:

[...]

(ċ)      fil-każijiet l-oħra kollha, il-kuntratt ikun ġie konkluż ma’ persuna li tinvolvi ruħha f’attivitajiet kummerċjali jew professjonali fl-Istat Membru tad-domiċilju tal-konsumatur jew, bi kwalunkwe meżżi, imexxi [tidderieġi] tali attivitajiet għal [lejn] dak l-Istat Membru jew għal [lejn] diversi Stati inkluż dak l-Istat Membru, u l-kuntratt jidħol fl-ambitu ta’ attivitajiet bħal dawk.”

9        Skont l-Artikolu 16(1) tar-Regolament Nru 44/2001:

“Konsumatur jista’ jressaq proċedimenti kontra l-parti l-oħra ta’ kuntratt jew fil-qrati ta’ l-Istat Membru li fih jkun domiċiljat dak il-parti jew fil-qrati tal-post fejn ikun domiċiljat il-konsumatur.”

 Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

10      Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li B. Kampik, li jeżerċita l-attivitajiet professjonali tiegħu fi Spanja, aġixxa, matul is-sena 2005, bħala intermedjarju bejn R. Hobohm u Kampik Immobilien KG għall-akkwist ta’ appartament (iktar ’il quddiem: il-“kuntratt ta’ senserija”) fi ħdan kumpless turistiku li jinsab f’Denia (Spanja), li kellu jinbena minn kuntrattur Ġermaniż.

11      L-appartamenti li jifformaw parti minn dan il-kumpless turistiku ġew ikkummerċjalizzati, partikolarment fil-Ġermanja, permezz ta’ prospectus redatt bil-Ġermaniż.

12      Fis-17 ta’ Ġunju 2006, il-kuntrattur ta’ dan il-kumpless turistiku, bħala l-bejjiegħ, u R. Hobohm kif ukoll il-konjuġi tiegħu (iktar ’il quddiem il-“konjuġi Hobohm” jew il-“konsumaturi”), bħala x-xerrejja, ikkonkludew il-kuntratt ta’ bejgħ tal-appartament li jinsab f’Denia previst mill-kuntratt ta’ senserija (iktar ’il quddiem il-“kuntratt ta’ bejgħ”).

13      Wara l-ħlas mill-konjuġi Hobohm tal-ewwel żewġ partijiet mill-prezz ta’ xiri tal-appartament tagħhom f’ammont ta’ EUR 62 490, il-kuntrattur iltaqa’, matul is-sena 2008, ma’ diffikultajiet finanzjarji li kkompromettew it-tlestija tal-kostruzzjoni tal-kumpless turistiku.

14      Għalhekk, B. A. Kampik ippropona lil R. Hobohm jagħmel ix-xogħlijiet ta’ tlestija tal-appartament tiegħu. Il-konjuġi Hobohm marru Spanja fejn iffirmaw prokura notarili li permezz tagħha B. A. Kampik ġie inkarigat jiddefendi l-interessi tagħhom marbuta mal-kuntratt ta’ bejgħ (iktar ’il quddiem il-“kuntratt ta’ ġestjoni tan-negozju”).

15      R. Hobohm bagħat lil B. A. Kampik ċekk bearer f’ammont ta’ EUR 27 647 EUR, somma li kienet tikkorrispondi għat-tielet parti mill-prezz ta’ xiri tal-appartament. B. A. Kampik sarraf dan iċ-ċekk fil-kont ta’ Mar Mediterraneo Werbe- und Vertriebsgesellschaft für Immobilien SL. Matul is-sena 2009, R. Hobohm għadda lil B. A. Kampik ammont addizzjonali ta’ EUR 1 448.72.

16      Peress li wara l-falliment tal-kuntrattur inqalgħu kwistjonijiet bejn il-partijiet għall-kuntratt ta’ ġestjoni tan-negozju, il-konjuġi Hobohm irrevokaw il-prokura li huma kienu taw lil B. A. Kampik.

17      Sussegwentement, R. Hobohm adixxa lil-Landgericht Stade (qorti reġjonali ta’ Stade, il-Ġermanja), fil-post fejn huwa ddomiċiljat, b’talba għal rimbors tas-somom li huwa kien ħallas lil B. A. Kampik. Din il-qorti ċaħdet, b’deċiżjoni tal-21 ta’ Settembru 2011, l-azzjoni tiegħu bħala inammissibbli minħabba nuqqas ta’ ġurisdizzjoni territorjali.

18      L-appell ippreżentat quddiem l-Oberlandesgericht Celle (qorti reġjonali superjuri ta’ Celle, il-Ġermanja) minn R. Hobohm kontra d-deċiżjoni tal-Landgericht Stade (qorti reġjonali ta’ Stade, il-Ġermanja) ġie miċħud b’deċiżjoni tat-18 ta’ Lulju 2012. F’dan ir-rigward, il-qorti tal-appell ċaħdet l-applikabbiltà tal-Artikolu 15(1)(ċ) tar-Regolament Nru 44/2001, u, b’hekk, il-ġurisdizzjoni tal-forum tad-domiċilju ta’ R. Hobohm, minħabba li l-kuntratt ta’ ġestjoni tan-negozju ma setax jintrabat direttament mal-attività ta’ intermedjarju tal-immobbli “diretta” minn B. A. Kampik “lejn” il-Ġermanja, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.

19      R. Hobohm ippreżenta appell għal “Reviżjoni” minn din id-deċiżjoni quddiem il-qorti tar-rinviju. Din tqis li l-attività ta’ intermedjarju tal-immobbli eżerċitata minn B. A. Kampik fi Spanja kienet “diretta lejn” il-Ġermanja, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, peress li ċerti indizji li juru attività “diretta lejn” l-Istat Membru tad-domiċilju tal-konsumatur, bħal dawk meqjusa mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tagħha Pammer u Hotel Alpenhof (C-585/08 u C-144/09, EU:C:2010:740), huma preżenti fil-każ ineżami, partikolarment il-fatt, l-ewwel nett, li B. A. Kampik kien joffri servizzi fuq l-internet permezz ta’ sit irreġistrat taħt isem ta’ domain tal-ogħla livell “.com” redatt bil-Ġermaniż, it-tieni nett, li dan is-sit kien jindika indirizz elettroniku ta’ kuntatt miżmum fuq server li juża isem ta’ domain tal-ogħla livell “.de”, it-tielet nett, li s-servizz ta’ sostenn tal-attività professjonali ta’ B. A. Kampik seta’ jittieħed permezz ta’ numru tat-telefon f’Berlin u, ir-raba’ nett, li B. A. Kampik kien juża, għall-finijiet tal-attività tiegħu, prospectus redatti bil-Ġermaniż. Għalhekk, il-kuntratt ta’ senserija jissodisfa l-kundizzjonijiet ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 15(1)(ċ) tar-Regolament Nru 44/2001, sa fejn dan ġie konkluż fl-eżerċizzju tal-attività ta’ A. B. Kampik “diretta lejn” l-Istat Membru tad-domiċilju ta’ R. Hobohm. Mill-banda l-oħra, skont il-qorti tar-rinviju, il-kuntratt ta’ ġestjoni tan-negozju, li fuqu R. Hobohm jibbaża l-pretensjonijiet tiegħu, jekk eżaminat iżolament, ma jissodisfax il-kundizzjonijiet ta’ din id-dispożizzjoni, peress li dan ma jaqax fl-ambitu ta’ tali attività.

20      Madankollu, din il-qorti tirrileva li hemm rabta materjali deċiżiva bejn l-attività ta’ intermedjarju tal-immobbli “diretta” minn B. A. Kampik “lejn” il-Ġermanja u l-konklużjoni tal-kuntratt ta’ ġestjoni tan-negozju. Din l-attività wasslet fil-fatt għall-konklużjoni, matul is-snin 2005 u 2006, mill-konjuġi Hobohm, tal-kuntratt ta’ senserija u tal-kuntratt ta’ bejgħ. Fl-assenza ta’ dawn il-kuntratti, il-kuntratt ta’ ġestjoni tan-negozju, li huwa l-bażi għall-pretensjonijiet ta’ R. Hobohm u li kellu jippermetti li l-problemi ta’ eżekuzzjoni tal-kuntratt ta’ bejgħ jiġu solvuti, ma kienx jiġi konkluż. Skont il-qorti tar-rinviju, anki jekk l-obbligi imposti fuq il-partijiet bis-saħħa tal-kuntratt ta’ senserija ġew eżegwiti minħabba l-fatt li ġie konkluż il-kuntratt ta’ bejgħ, l-għan ekonomiku tal-kuntratt ta’ senserija, li huwa dak li l-konjuġi Hobohm ikunu jistgħu fil-fatt igawdu l-appartament li huma akkwistaw permezz tal-attività tal-intermedjarju, madankollu ma ntlaħaqx.

21      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Bundesgerichtshof (qorti federali tal-ġustizzja) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari segwenti:

“Konsumatur jista’, skont it-tieni alternattiva tal-Artikolu 15(1)(ċ) flimkien mat-tieni alternattiva tal-Artikolu 16(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 44/2001, tat-22 ta’ Diċembru 2000, dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali, jippreżenta rikors quddiem il-qorti fejn huwa ddomiċiljat kontra l-parti kontraenti tal-kuntratt, li twettaq attivitajiet professjonali jew kummerċjali fi Stat Membru ieħor tal-Unjoni Ewropea, fil-każ li l-kuntratt li huwa l-bażi tar-rikors ma jaqax direttament fil-qasam tal-attività tal-parti kontraenti tal-kuntratt, liema attività hija diretta lejn l-Istat Membru ta’ domiċilju tal-konsumatur, iżda huwa intiż għat-twettiq tal-għan ekonomiku mfittex minn kuntratt ieħor li jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet iċċitati iktar ’il fuq, konkluż preċedentement mill-partijiet u li diġà ġie eżegwit?”

 Fuq id-domanda preliminari

22      Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, dwar jekk l-Artikolu 15(1)(ċ) tar-Regolament Nru 44/2001, sa fejn dan jipprevedi l-kuntratt konkluż fil-kuntest ta’ attività kummerċjali jew professjonali “diretta” minn professjonist “lejn” l-Istat Membru tad-domiċilju tal-konsumatur, moqri flimkien mal-Artikolu 16(1) tal-istess regolament, għandux jiġi interpretat fis-sens li huwa jista’ jiġi applikat għal kuntratt, konkluż bejn konsumatur u professjonist, li bħala tali ma jaqax fl-ambitu tal-attività kummerċjali jew professjonali “diretta” minn dan il-professjonist “lejn” l-Istat Membru tad-domiċilju tal-konsumatur, iżda li għandu rabta ma’ kuntratt konkluż preċedentement bejn l-istess partijiet fil-kuntest ta’ tali attività.

23      B’mod preliminari, għandu jiġi rrilevat li l-ġurisdizzjoni tal-forum tad-domiċilju tal-konsumatur prevista fl-Artikolu 16(1) tar-Regolament Nru 44/2001 teżiġi li l-kundizzjonijiet ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 15(1) ta’ dan ir-regolament huma ssodisfatti.

24      F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-Artikolu 15(1) tar-Regolament Nru 44/2001 japplika fil-każ fejn jiġu ssodisfatti tliet kundizzjonijiet, jiġifieri, l-ewwel nett, li parti kontraenti jkollha l-kwalità ta’ konsumatur li jaġixxi f’kuntest li jista’ jitqies li huwa barrani għall-attività professjonali tiegħu, it-tieni nett, li l-kuntratt bejn tali konsumatur u jkun ġie effettivament konkluż u, it-tielet nett, li tali kuntratt ikun jaqa’ taħt waħda mill-kategoriji msemmija fil-paragrafu 1(a) sa (ċ) tal-imsemmi Artikolu 15. Dawn il-kundizzjonijiet għandhom jiġu ssodisfatti b’mod kumulattiv, b’tali mod li, jekk waħda mit-tliet kundizzjonijiet ma tkunx issodisfatta, il-ġurisdizzjoni ma tkunx tista’ tiġi ddeterminata skont ir-regoli dwar il-kuntratti konklużi mill-konsumaturi (sentenza Kolassa, C‑375/13, EU:C:2015:37, punt 23 u l-ġurisprudenza ċċitata).

25      Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-ewwel kundizzjoni msemmija fil-punt preċedenti ta’ din is-sentenza hija fil-każ ineżami ssodisfatta, billi l-konjuġi Hobohm ma aġixxewx b’għan li jista’ jitqies li jaqa’ taħt l-attivitajiet kummerċjali jew professjonali tagħhom iżda bħala konsumaturi finali privati (ara, f’dan s-sens, is-sentenza Vapenik, C‑508/12, EU:C:2013:790, punt 28).

26      Fir-rigward tat-tieni waħda minn dawn il-kundizzjonijiet, huwa paċifiku li l-konjuġi Hobohm u B. A. Kampik fil-fatt ikkonkludew il-kuntratt ta’ ġestjoni tan-negozju matul is-sena 2008.

27      Fir-rigward tat-tielet kundizzjoni, jirriżulta mill-kliem tal-Artikolu 15(1)(ċ) tar-Regolament Nru 44/2001 li, sabiex il-kuntratt inkwistjoni jkun jista’ jaqa’, f’ċirkustanzi bħalma huma dawk tal-kawża prinċipali, taħt din id-dispożizzjoni, għandhom ikunu ssodisfatti żewġ kundizzjonijiet. Huwa b’hekk neċessarju li, fl-ewwel lok, il-professjonist jeżerċita l-attivitajiet kummerċjali jew professjonali tiegħu fl-Istat Membru tad-domiċilju tal-konsumatur jew, b’xi mezz jew ieħor, jidderiġi tali attivitajiet lejn dak l-Istat Membru jew lejn diversi Stati inkluż dak l-Istat Membru, u li, fit-tieni lok, il-kuntratt inkwistjoni jkun jaqa’ fl-ambitu ta’ tali attivitajiet. F’dan ir-rigward għandu jiġi speċifikat li d-domandi tal-qorti tar-rinviju jirrigwardaw il-parti minn din id-dispożizzjoni li tirrigwarda l-kuntratt konkluż fl-ambitu ta’ attività kummerċjali jew professjonali “diretta” minn professjonist “lejn” l-Istat Membru tad-domiċilju tal-konsumatur.

28      F’dan il-każ, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li, fiċ-ċirkustanzi tal-kawża prinċipali, jekk il-kuntratt ta’ senserija jaqa’ fl-ambitu tal-attività ta’ intermedjarju tal-immobbli “diretta lejn” il-Ġermanja minn B. A. Kampik, ma jistax jingħad l-istess fir-rigward tal-kuntratt ta’ ġestjoni tan-negozju, ikkunsidrat waħdu. Madankollu, il-qorti tar-rinviju tqis li bejn il-kuntratt ta’ senserija u l-kuntratt ta’ ġestjoni tan-negozju hemm rabta li toħroġ mill-istess għan ekonomiku tagħhom, li tiġġustifika l-fatt li dan il-kuntratt tal-aħħar jaqa’ madankollu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 15(1)(ċ) tar-Regolament Nru 44/2001, bħall-kuntratt ta’ senserija.

29      Konsegwentement, għandu jiġi eżaminat, fid-dawl tal-Artikolu 15(1)(ċ) tar-Regolament Nru 44/2001 u tal-għanijiet imfittxija minn dan ir-regolament, jekk l-eżistenza ta’ rabta bejn kuntratti bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali tippermettix li jitqies li l-kuntratt ta’ ġestjoni tan-negozju jaqa’ fl-ambitu tal-attività “diretta lejn” il-Ġermanja minn B. A. Kampik, u, fl-affermattiv, ta’ liema natura għandha din ir-rabta tkun.

30      Kif jirriżulta mill-kunsiderazzjonijiet 11, 13 u 15 tar-Regolament Nru 44/2001, jagħmlu parti minn dawn l-għanijiet, fost oħrajn, il-prevedibbiltà tal-regoli ta’ ġurisdizzjoni, il-protezzjoni tal-konsumatur u l-minimizzazzjoni tal-possibbiltà ta’ proċeduri simultanji sabiex jiġi evitat li jingħataw, f’żewġ Stati Membri, deċiżjonijiet irrikonċiljabbli.

31      Fir-rigward tal-protezzjoni tal-konsumatur, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar ir-regoli speċjali stabbiliti mid-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni ta’ Brussell, applikabbli għad-dispożizzjonijiet ekwivalenti tar-Regolament Nru 44/2001, jirriżulta li dawn ir-regoli għandhom il-funzjoni li jiżguraw protezzjoni adegwata tal-konsumatur, bħala parti għall-kuntratt meqjusa li hija ekonomikament iktar dgħajfa u legalment inqas esperjenzata mill-kontraenti professjonali tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Česká spořitelna, C‑419/11, EU:C:2013:165, punt 33 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll Kolassa, C‑375/13, EU:C:2015:37, punt 21 u l-ġurisprudenza ċċitata).

32      Madankollu, għandu wkoll jitfakkar li l-Artikolu 15(1) tar-Regolament Nru 44/2001 jikkostitwixxi deroga kemm għar-regola ġenerali ta’ ġurisdizzjoni stabbilita fl-Artikolu 2(1) ta’ dan ir-regolament, li tagħti ġurisdizzjoni lill-qrati tal-Istat Membru li fit-territorju tiegħu l-konvenut ikun iddomiċiljat, kif ukoll għar-regola ta’ ġurisdizzjoni speċjali fil-qasam tal-kuntratti, stabbilita fl-Artikolu 5(1) ta’ dan l-istess regolament, li skontha l-qorti li għandha ġurisdizzjoni hija dik tal-post fejn obbligu, li huwa l-bażi tat-talba, ġie jew għandu jiġi eżegwit. B’hekk, din id-dispożizzjoni għandha neċessarjament tkun suġġetta għal interpretazzjoni stretta (sentenza Kolassa, C‑375/13, EU:C:2015:37, punt 28 u l-ġurisprudenza ċċitata). Barra minn hekk, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta wkoll li, anki jekk l-Artikolu 15(1)(ċ) tar-Regolament Nru 44/2001 huwa intiż sabiex jipproteġi lill-konsumaturi, dan ma jimplikax li din il-protezzjoni hija assoluta (ara s-sentenza Mühlleitner, C‑190/11, EU:C:2012:542, punt 33).

33      Fid-dawl tal-għanijiet imsemmija fil-punt 30 ta’ din is-sentenza u fid-dawl tan-natura derogatorja tal-ġurisdizzjoni li taqa’ fuq il-forum tad-domiċilju tal-konsumatur prevista fl-Artikolu 16(1) tar-Regolament Nru 44/2001, hemm lok li jitqies li l-Artikolu 15(1)(ċ) ta’ dan ir-regolament jista’ jiġi applikat għal kuntratt, bħall-kuntratt ta’ ġestjoni tan-negozju inkwistjoni fil-kawża prinċipali, sakemm dan tal-aħħar ikollu rabta mill-qrib ma’ kuntratt bħalma huwa l-kuntratt ta’ senserija.

34      Fir-rigward tal-verifika tal-eżistenza tal-elementi li jikkostitwixxu tali rabta mill-qrib, jidher f’dan il-każ, kif jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju, li, wara l-falliment tal-kuntrattur, l-għan ekonomiku mfittex permezz tal-kuntratt ta’ senserija, jiġifieri t-tgawdija effettiva tal-appartament akkwistat mill-konjuġi Hobohm permezz tal-attività ta’ intermedjarju tal-immobbli “diretta” minn B. A. Kampik “lejn” l-Istat Membru tad-domiċilju tagħhom, ma setax jintlaħaq. Huwa preċiżament sabiex tiġi rrimedjata din is-sitwazzjoni kkawżata mill-fatt li l-għan ekonomiku hekk imfittex ma ntlaħaqx u sabiex il-konjuġi Hobohm, bħala konsumaturi, jiksbu s-servizz previst minn din l-attività li l-professjonist, jiġifieri B. A. Kampik, ipproponielhom il-konklużjoni tal-kuntratt ta’ ġestjoni tan-negozju. L-iskop tal-kuntratt ta’ ġestjoni tan-negozju kien għalhekk jikkonsisti f’li jintlaħaq l-għan ekonomiku konkret imfittex permezz tal-kuntratt ta’ senserija.

35      Minn dan isegwi li l-kuntratt ta’ ġestjoni tan-negozju, anki jekk ma jaqax bħala tali fl-ambitu tal-attività kummerċjali jew professjonali “diretta” mill-professjonist “lejn” l-Istat Membru tad-domiċilju tal-konsumatur, ġie madankollu konkluż fl-estensjoni diretta ta’ din l-attività u huwa kumplimentari għall-kuntratt ta’ senserija sa fejn huwa intiż li jilħaq l-għan ekonomiku mfittex minn dan il-kuntratt tal-aħħar.

36      Għaldaqstant, għalkemm huwa veru li ma hemm l-ebda interdipendenza legali bejn il-kuntratt ta’ senserija u l-kuntratt ta’ ġestjoni tan-negozju, għandu jiġi kkonstatat li hemm rabta ekonomika bejn l-ewwel u t-tieni kuntratt. Din ir-rabta tinsab fil-kisba tal-għan ekonomiku mfittex permezz tal-kuntratt ta’ senserija, jiġifieri t-tgawdija effettiva tal-appartament li r-realizzazzjoni tagħha ġiet kompromessa minħabba l-falliment tal-kuntrattur. Fl-assenza tax-xogħlijiet ta’ tlestija kif miftiehma bejn il-partijiet skont il-kuntratt ta’ ġestjoni tan-negozju, tali tgawdija effettiva ma hijiex possibbli.

37      Fl-eżami, fil-kuntest tal-evalwazzjoni globali tagħha taċ-ċirkustanzi li fihom il-kuntratt ta’ ġestjoni tan-negozju ġie konkluż, ta’ jekk hemmx rabta mill-qrib bejn il-kuntratt ta’ senserija u l-imsemmi kuntratt ta’ ġestjoni tan-negozju, il-qorti nazzjonali għandha tieħu inkunsiderazzjoni l-elementi kostituttivi ta’ din ir-rabta, partikolarment l-identità, fid-dritt jew fil-fatt, tal-partijiet għal dawn iż-żewġ kuntratti, l-identità tal-għan ekonomiku mfittex permezz tagħhom li jirrigwarda l-istess suġġett konkret u l-kumplimentarjetà tal-kuntratt ta’ ġestjoni tan-negozju mal-kuntratt ta’ senserija sa fejn dan huwa intiż sabiex ikun jista’ jintlaħaq l-għan ekonomiku mfittex permezz tal-kuntratt tal-aħħar.

38      Dawn l-elementi għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni mill-qorti nazzjonali sabiex jiġi deċiż jekk l-Artikolu 15(1)(ċ) tar-Regolament Nru 44/2001 huwiex applikabbli għall-kuntratt ta’ ġestjoni tan-negozju (ara, b’analoġija, is-sentenza Emrek, C‑218/12, EU:C:2013:666, punt 31).

39      Barra minn hekk, għandu jiġi enfasizzat li, fir-rigward tal-garanzija ta’ prevedibbiltà tar-regoli ta’ ġurisdizzjoni espressa fil-premessa 11 tar-Regolament Nru 44/2001, f’ċirkustanzi bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, il-forum tad-domiċilju tal-konsumatur għandu l-ġurisdizzjoni sabiex jieħu konjizzjoni ta’ tilwima marbuta ma’ kuntratt ta’ senserija li jaqa’ taħt l-attività tal-professjonist “diretta lejn” l-Istat Membru tad-domiċilju tal-konsumatur. Jekk, imbagħad, il-professjonist jipproponi li jiġi konkluż u, jekk ikun il-każ, jiġi konkluż mal-istess konsumatur kuntratt li huwa intiż sabiex jintlaħaq l-għan essenzjali imfittex permezz tal-ewwel kuntratt, dan il-professjonist jista’ raġonevolment jistenna li ż-żewġ kuntratti jkunu suġġetti għall-istess regoli ta’ ġurisdizzjoni.

40      Fi-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, għad-domanda li saret għandha tingħata r-risposta li l-Artikolu 15(1)(ċ) tar-Regolament 44/2001, sa fejn dan jipprevedi l-kuntratt konkluż fil-kuntest ta’ attività kummerċjali jew professjonali “diretta” mill-professjonist “lejn” l-Istat Membru tad-domiċilju tal-konsumatur, moqri flimkien mal-Artikolu 16(1) ta’ dan ir-regolament, għandu jiġi interpretat fis-sens li dan jista’ jiġi applikat għal kuntratt, konkluż bejn konsumatur u professjonist, li bħala tali ma jaqax fl-ambitu tal-attività kummerċjali jew professjonali “diretta” minn dan il-professjonist “lejn” l-Istat Membru tad-domiċilju tal-konsumatur, iżda li għandu rabta mill-qrib ma’ kuntratt konkluż preċedentement bejn l-istess partijiet fil-kuntest ta’ tali attività. Hija l-qorti nazzjonali li għandha tivverifika jekk l-elementi li jikkostitwixxu din ir-rabta, speċifikament l-identità, fid-dritt jew fil-fatt, tal-partijiet għal dawn iż-żewġ kuntratti, l-identità tal-għan ekonomiku mfittex minnhom li jirrigwarda l-istess suġġett konkret u l-kumplimentarjetà tat-tieni kuntratt mal-ewwel kuntratt sa fejn huwa intiż sabiex ikun jista’ jintlaħaq l-għan ekonomiku mfittex minn dan il-kuntratt tal-aħħar, humiex issodisfatti.

 Fuq l-ispejjeż

41      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

L-Artikolu 15(1)(ċ) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 44/2001, tat-22 ta’ Diċembru 2000, dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali, sa fejn dan jipprevedi l-kuntratt konkluż fil-kuntest ta’ attività kummerċjali jew professjonali “diretta” mill-professjonist “lejn” l-Istat Membru tad-domiċilju tal-konsumatur, moqri flimkien mal-Artikolu 16(1) ta’ dan ir-regolament, għandu jiġi interpretat fis-sens li dan jista’ jiġi applikat għal kuntratt, konkluż bejn konsumatur u professjonist, li bħala tali ma jaqax fl-ambitu tal-attività kummerċjali jew professjonali “diretta” minn dan il-professjonist “lejn” l-Istat Membru tad-domiċilju tal-konsumatur, iżda li għandu rabta mill-qrib ma’ kuntratt konkluż preċedentement bejn l-istess partijiet fil-kuntest ta’ tali attività. Hija l-qorti nazzjonali li għandha tivverifika jekk l-elementi li jikkostitwixxu din ir-rabta, speċifikament l-identità, fid-dritt jew fil-fatt, tal-partijiet għal dawn iż-żewġ kuntratti, l-identità tal-għan ekonomiku mfittex minnhom li jirrigwarda l-istess suġġett konkret u l-kumplimentarjetà tat-tieni kuntratt mal-ewwel kuntratt sa fejn huwa intiż sabiex ikun jista’ jintlaħaq l-għan ekonomiku mfittex minn dan il-kuntratt tal-aħħar, humiex issodisfatti.

Firem


* Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.