Language of document : ECLI:EU:T:2024:100

Edizzjoni Provviżorja

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (L-Ewwel Awla Estiża)

21 ta’ Frar 2024 (*)

“Kuntratti pubbliċi – Proċedura negozjata mingħajr pubblikazzjoni minn qabel ta’ avviż ta’ kuntratt – Forniment ta’ robots ta’ diżinfezzjoni lill-isptarijiet Ewropej – Urġenza imperattiva – COVID-19 – Assenza ta’ parteċipazzjoni tar-rikorrenti fil-proċedura għall-għoti ta’ kuntratt – Rikors għal annullament – Nuqqas ta’ inċidenza individwali – Natura kuntrattwali tat-tilwima – Inammissibbiltà – Responsabbiltà”

Fil-Kawża T‑38/21,

Inivos Ltd, stabbilita f’Londra (ir-Renju Unit),

Inivos BV, stabbilita f’Rotterdam (il-Pajjiżi l-Baxxi),

irrappreżentati minn R. Martens, L. Hoet u A. Van Laer, avukati,

rikorrenti,

vs

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn L. André u M. Ilkova, bħala aġenti,

konvenuta,

IL-QORTI ĠENERALI (L-Ewwel Awla Estiża),

komposta, waqt id-deliberazzjonijiet, minn D. Spielmann, President, V. Valančius, R. Mastroianni, M. Brkan (Relatriċi) u T. Tóth, Imħallfin,

Reġistratur: P. Cullen, Amministratur,

wara li rat id-digriet tal-21 ta’ Mejju 2021, Inivos u Inivos vs Il-Kummissjoni (T-38/21 R, mhux ippubblikat, EU:T:2021:287),

wara li rat il-fażi bil-miktub tal-proċedura,

wara s-seduta tat-28 ta’ Frar 2023,

wara li rat, wara t-tmiem tal-kariga tal-Imħallef Valančius fis-26 ta’ Settembru 2023, l-Artikolu 22 u l-Artikolu 24(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        Permezz tar-rikorsi tagħhom, ir-rikorrenti, Inivos Ltd u Inivos BV, jitolbu, minn naħa, abbażi tal-Artikolu 263 TFUE, l-annullament tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea tat-18 ta’ Settembru 2020 li tintuża proċedura nnegozjata mingħajr pubblikazzjoni minn qabel ta’ avviż ta’ kuntratt għall-akkwist ta’ robots ta’ diżinfezzjoni (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni li tintuża l-proċedura nnegozjata mingħajr pubblikazzjoni minn qabel ta’ avviż ta’ kuntratt”), tad-deċiżjoni tat-3 ta’ Novembru 2020 ta’ għoti ta’ dan il-kuntratt (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni ta’ għoti kkontestata”) kif ukoll tad-deċiżjoni tad-19 ta’ Novembru 2020 li jiġu konklużi l-kuntratti qafas ma’ żewġ operaturi u li jiġu ddikjarati nulli u mingħajr effett dawn il-kuntratti qafas u, min-naħa l-oħra, abbażi tal-Artikolu 268 TFUE, il-kumpens għad-dannu li huma sofrew minħabba dan il-fatt.

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

2        Ir-rikorrenti, stabbiliti fir-Renju Unit u fil-Pajjiżi l-Baxxi, huma attivi fil-qasam tat-teknoloġija medika u speċjalizzati fil-prevenzjoni u fil-kontroll tal-infezzjonijiet.

3        Fil-kuntest tal-kriżi tal-COVID-19, il-Kummissjoni ddeċidiet li tassisti lill-Istati Membri billi tappoġġa l-użu ta’ robots fl-isptarijiet tagħhom għad-diżinfezzjoni tal-ispazji interni, fil-kuntest tal-istrument għall-għajnuna ta’ emerġenza. Wara analiżi tat-teknoloġiji disponibbli, l-għażla tiegħu kienet id-diżinfezzjoni ultravjola (UV) permezz ta’ robots awtonomi.

4        Billi bbażat ruħha fuq il-motiv ta’ urġenza li rriżulta mill-kriżi tal-COVID-19, il-Kummissjoni ddeċidiet, fit-18 ta’ Settembru 2020, li tuża l-proċedura nnegozjata mingħajr pubblikazzjoni minn qabel ta’ avviż ta’ kuntratt skont il-punt (c) tat-tieni paragrafu tal-punt 11.1 tal-Anness I tar-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Lulju 2018 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni, li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1296/2013, (UE) Nru 1301/2013, (UE) Nru 1303/2013, (UE) Nru 1304/2013, (UE) Nru 1309/2013, (UE) Nru 1316/2013, (UE) Nru 223/2014, (UE) Nru 283/2014, u d-Deċiżjoni Nru 541/2014/UE u li jħassar ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 (ĠU 2018, L 193, p. 1, rettifika fil-ĠU L 60, 28.2.2019, p. 36, iktar ’il quddiem ir-“Regolament Finanzjarju”).

5        Sabiex tipprepara l-proċedura ta’ għoti ta’ kuntratt u tiġbor informazzjoni dwar is-suq ikkonċernat kif ukoll dwar il-fornituri potenzjali, il-Kummissjoni wettqet konsultazzjoni preliminari tas-suq skont l-Artikolu 166 tar-Regolament Finanzjarju billi bagħtet formola ta’ investigazzjoni b’mod partikolari lil assoċjazzjonijiet u entitajiet oħra li jiġbru flimkien lil manifatturi ta’ robots.

6        Fuq il-bażi ta’ din il-konsultazzjoni tas-suq, il-Kummissjoni stabbilixxiet bażi ta’ data estensiva ta’ fornituri, li sussegwentement ġew evalwati abbażi ta’ kriterji ddefiniti minn qabel, jiġifieri l-marka CE (kundizzjoni neċessarja), il-kapaċità ta’ produzzjoni (mill-inqas 20 unità fix-xahar) u l-esperjenza fl-użu tar-robots fl-isptarijiet (mill-inqas 10 robots).

7        Sitt fornituri li ssodisfaw dawn il-kriterji ġew mistiedna jissottomettu offerta fi proċedura nnegozjata mingħajr pubblikazzjoni minn qabel, taħt ir-referenza CNECT/LUX/2020/NP0084, iżda tlieta biss kienu effettivament issottomettew offerta.

8        Fit-30 ta’ Ottubru 2020, ġie stabbilit rapport ta’ evalwazzjoni, skont l-Artikolu 168(4) tar-Regolament Finanzjarju, għall-finijiet tal-għoti tal-kuntratt. Żewġ offerti ġew ikklassifikati, it-tielet waħda ġiet miċħuda, peress li ma ssodisfatx il-kriterji ta’ għażla.

9        Fit-3 ta’ Novembru 2020, l-uffiċjal awtorizzanti responsabbli adotta d-deċiżjoni ta’ għoti kkontestata skont ir-rakkomandazzjoni li tinsab fir-rapport ta’ evalwazzjoni.

10      Fid-19 ta’ Novembru 2020, il-kuntratti qafas dwar ir-robots ta’ diżinfezzjoni għall-isptarijiet Ewropej (COVID-19) ġew konklużi maż-żewġ offerenti magħżula (iktar ’il quddiem il-“kuntratti qafas kontenzjużi”) u l-iffirmar tagħhom tħabbar f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea fid-9 ta’ Diċembru 2020 permezz tal-avviż ta’ għoti tal-kuntratt 2020/S 240–592299.

11      Fit-23 ta’ Novembru 2020, ir-rikorrenti saru jafu bi stqarrija għall-istampa tal-Kummissjoni, li fiha din ħabbret li hija kellha l-intenzjoni li tixtri 200 robot ta’ diżinfezzjoni fil-kuntest ta’ baġit speċifiku li jirriżulta minn strument ta’ għajnuna ta’ emerġenza.

12      Fl-istqarrija għall-istampa tagħha, il-Kummissjoni indikat li l-isptarijiet tal-biċċa l-kbira tal-Istati Membri kienu esprimew il-bżonn u l-interess li jirċievu dawn ir-robots, li setgħu jiddiżinfettaw kmamar tal-pazjenti ta’ daqs standard bl-użu tad-dawl UV fi ħmistax-il minuta biss u b’hekk jikkontribwixxu għall-prevenzjoni u t-tnaqqis tat-tixrid tal-virus. Il-proċess huwa kkontrollat minn operatur li jinsab barra mill-ispazju li għandu jiġi ddiżinfettat, sabiex tiġi evitata kull espożizzjoni għad-dawl UV. Għax-xiri ta’ dawn ir-robots ta’ diżinfezzjoni, kien tqiegħed għad-dispożizzjoni baġit speċifiku, sa EUR 12-il miljun, li jirriżulta mill-istrument ta’ għajnuna ta’ emerġenza.

13      Fit-3 ta’ Diċembru 2020, peress li ebda avviż ta’ kuntratt ma kien ġie ppubblikat għall-għoti inkwistjoni fuq il-verżjoni online tas-Suppliment ta’ Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea ddedikat għall-kuntratti pubbliċi Ewropej u peress li ebda informazzjoni ma kienet ġiet ippubblikata dwar deċiżjoni ta’ għoti tal-kuntratt inkwistjoni mill-Kummissjoni, ir-rikorrenti indirizzaw ittra lil din tal-aħħar li fiha huma esprimew il-biża’ li r-regoli applikabbli fil-qasam tal-għoti ta’ kuntratti pubbliċi, ibbażati fuq ir-Regolament Finanzjarju, ma kinux ġew applikati. Huma talbu wkoll lill-Kummissjoni tissospendi l-kuntratti qafas inkwistjoni jew li ttemm u tipproċedi għall-irtirar ta’ kull deċiżjoni ta’ għoti li setgħet ittieħdet u stiednu lill-Kummissjoni torganizza mill-ġdid il-proċedura ta’ għoti permezz ta’ sejħa għal offerti bil-pubblikazzjoni minn qabel ta’ avviż ta’ kuntratt.

14      Fid-9 ta’ Diċembru 2020, ir-rikorrenti saru jafu, permezz tal-avviż ta’ għoti tal-kuntratt (ĠU 2020/S 240–592299), li l-kuntratti qafas inkwistjoni kienu diġà ġew konklużi fid-19 ta’ Novembru 2020.

15      F’dan l-avviż ta’ għoti, l-użu tal-proċedura nnegozjata mingħajr pubblikazzjoni minn qabel ta’ avviż ta’ kuntratt huwa ġġustifikat b’dan il-mod:

“Urġenza estrema kkawżata minn avvenimenti mhux prevedibbli għall-awtorità kontraenti u li ċ-ċirkustanzi tagħhom huma rigorożament konformi mal-kundizzjonijiet stabbiliti fid-Direttiva.

Spjegazzjoni :

Il-pandemija tal-COVID-19 toħloq pressjoni enormi fuq is-sistemi tas-saħħa madwar id-dinja u fl-Ewropa. F’dan il-kuntest, sabiex tikkontribwixxi għall-isforzi biex tiġi żgurata b’mod urġenti iktar sigurtà tal-persunal u tal-pazjenti f’ċerti sptarijiet Ewropej u faċilitajiet ta’ kura simili, il-Kummissjoni ddeċidiet li tappoġġa l-użu ta’ robots awtonomi għad-diżinfezzjoni tal-ispazji interni, fil-kuntest tal-Istrument ta’ Appoġġ ta’ Emerġenza [C(2020) 5162 finali]. Ir-robots tad-diżinfezzjoni diġà qedin jintużaw għad-diżinfezzjoni tal-isptarijiet u l-Kummissjoni ġabret għadd ta’ rapporti mill-isptarijiet li jużaw din it-teknoloġija matul il-kriżi tal-COVID-19. Madankollu, l-għadd ta’ robots użati ma huwiex biżżejjed u mhux se jkopri l-isptarijiet kollha li għandhom jiġġestixxu l-marda direttament. Il-Kummissjoni tieħu azzjoni biex ittaffi parzjalment din il-problema.

Għalhekk, l-użu tal-proċedura nnegozjata eċċezzjonali mingħajr pubblikazzjoni minn qabel tal-avviż ta’ kuntratt huwa meħtieġ, peress li l-azzjoni hija estremament urġenti, peress li fil-mument tal-abbozzar, it-2 mewġa tal-COVID-19 tinfirex malajr kif spjegat iktar ’il fuq. F’xi Stati Membri, iċ-ċifri bħalissa huma ogħla milli fil-quċċata tal-ewwel mewġa u r-riżorsi tal-kura tas-saħħa se jkunu taħt pressjoni dejjem ikbar madwar l-UE. Għalhekk, jeħtieġ li jiġu implimentati malajr robots ta’ diżinfezzjoni biex jgħinu lill-professjonisti tal-kura tas-saħħa jiġġieldu l-pandemija. ”

16      Fl-24 ta’ Diċembru 2020, il-Kummissjoni ppubblikat avviż ġdid (ĠU 2020/S 251–626998) wara l-avviż ta’ għoti ta’ kuntratt tad-9 ta’ Diċembru 2020 billi ssostitwixxiet, bħala bażi legali għall-akkwist ta’ massimu ta’ 200 robot ta’ diżinfezzjoni, id-Direttiva 2014/24/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Frar 2014 dwar l-akkwist pubbliku u li tħassar id-Direttiva 2004/18/KE (ĠU 2014, L 94, p. 65) bir-Regolament Finanzjarju.

 It-talbiet tal-partijiet

17      Ir-rikorrenti jitolbu li l-Qorti Ġenerali:

–        tannulla d-deċiżjoni li tintuża l-proċedura nnegozjata mingħajr pubblikazzjoni minn qabel ta’ avviż ta’ kuntratt

–        tannulla d-deċiżjoni tal-għoti kkontestata;

–        tannulla d-deċiżjoni tal-Kummissjoni tad-19 ta’ Novembru 2020 li tikkonkludi l-kuntratti qafas inkwistjoni ma’ żewġ operaturi oħra;

–        tiddikjara nulli u mingħajr effett il-kuntratti qafas inkwistjoni;

–        tordna lill-Kummissjoni tikkomunika l-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt li abbażi tagħhom ingħataw il-kuntratti qafas inkwistjoni;

–        tiddeċiedi b’mod interlokutorju fuq ir-responsabbiltà tal-Kummissjoni sa fejn din tal-aħħar użat b’mod illegali l-proċedura nnegozjata mingħajr pubblikazzjoni minn qabel ta’ avviż ta’ kuntratt;

–        sussidjarjament, tikkundanna lill-Kummissjoni tħallasha kumpens ta’ EUR 3 000 000 abbażi tat-telf ta’ opportunità;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż, inklużi l-ispejjeż sostnuti minnhom.

18      Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors bħala manifestament inammissibbli;

–        sussidjarjament, tiċħad ir-rikors bħala manifestament infondat;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

 Fid-dritt

 Fuq it-talbiet għal annullament

 Fuq l-ammissibbiltà tal-ewwel kap tat-talbiet, intiż għall-annullament tad-deċiżjoni li tintuża l-proċedura nnegozjata mingħajr pubblikazzjoni minn qabel ta’ avviż ta’ kuntratt

19      Fir-risposta, il-Kummissjoni tikkontesta l-inammissibbiltà tal-ewwel kap tat-talbiet sa fejn ir-rikorrenti ma għandhom l-ebda interess li jitolbu l-annullament tad-deċiżjoni li tintuża l-proċedura nnegozjata mingħajr pubblikazzjoni minn qabel ta’ avviż ta’ kuntratt. Fil-fatt, skont il-Kummissjoni, peress li r-rikorrenti ma pparteċipawx fil-proċedura għall-għoti tal-kuntratt, huma ma għandhomx interess ġuridiku. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni ssostni li, f’każ ta’ annullament tad-deċiżjoni li tintuża proċedura nnegozjata mingħajr pubblikazzjoni minn qabel ta’ avviż ta’ kuntratt, ma jkunx ċert jekk hija tniedix sejħa għal offerti ġdida u xejn ma jiggarantixxi li r-rikorrenti jintgħażlu.

20      Ir-rikorrenti jqisu li l-ewwel kap tat-talbiet huwa ammissibbli. Huma jsostnu li ma jistax jiġi invokat kontrihom il-fatt li kienu assenti mill-proċedura ta’ sejħa għal offerti sabiex jikkontestaw l-ammissibbiltà ta’ dan il-kap tat-talbiet, peress li l-assenza tagħhom hija marbuta mal-fatt li l-Kummissjoni ma ppubblikatx avviż ta’ kuntratt. Huma jqisu li kieku l-Qorti Ġenerali kellha tiċħad l-ewwel kap tat-talbiet bħala inammissibbli għal din ir-raġuni, minn dan tirriżulta impossibbiltà għall-kompetituri li jikkontestaw l-għoti dirett ta’ kuntratti pubbliċi. Skont ir-rikorrenti, l-assenza tagħhom mill-proċedura, minn naħa, hija marbuta mal-fatt li l-Kummissjoni ma ppubblikatx avviż ta’ kuntratt u, min-naħa l-oħra, ma teskludix li huma għandhom interess ġuridiku.

21      Għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, huma biss il-miżuri li jipproduċu effetti legali vinkolanti ta’ natura li jaffettwaw l-interessi ta’ terzi billi jemendaw b’mod sostanzjali s-sitwazzjoni legali tagħhom li jikkostitwixxu atti li jistgħu jkunu s-suġġett ta’ rikors għal annullament (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-31 ta’ Marzu 1971, Il-Kummissjoni vs Il-Kunsill, 22/70, EU:C:1971:32, punt 42; tat-2 ta’ Marzu 1994, Il-Parlament vs Il-Kunsill, C‑316/91, EU:C:1994:76, punt 8, u tat-13 ta’ Ottubru 2011, Deutsche Post et Il-Ġermanja vs Il-Kummissjoni, C-463/10 P u C-475/10 P, EU:C:2011:656, punt 36).

22      Sabiex jiġi stabbilit jekk att li jkun qiegħed jintalab l-annullament tiegħu jipproduċix tali effetti, wieħed irid iħares lejn is-sustanza tiegħu (sentenza tal-11 ta’ Novembru 1981, IBM vs Il-Kummissjoni, 60/81, EU:C:1981:264, punt 9), il-kuntest li fih ikun ġie adottat (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-17 ta’ Frar 2000, Stork Amsterdam vs Il-Kummissjoni, T‑241/97, EU:T:2000:41, punt 62) kif ukoll l-intenzjoni tal-awtur tiegħu (sentenza tas-26 ta’ Jannar 2010, Internationaler Hilfsfonds vs Il-Kummissjoni, C‑362/08 P, EU:C:2010:40, punt 52; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza tas-17 ta’ Lulju 2008, Athinaïki Techniki vs Il-Kummissjoni, C‑521/06 P, EU:C:2008:422, punti 42, 46 u 52). Min-naħa l-oħra, il-forma li fiha att jiġi adottat hija, bħala regola, irrilevanti għall-ammissibbiltà ta’ rikors għal annullament (sentenzi tal-11 ta’ Novembru 1981, IBM vs Il-Kummissjoni, 60/81, EU:C:1981:264, punt 9, u tas-7 ta’ Lulju 2005, Le Pen vs Il-Parlament, C‑208/03 P, EU:C:2005:429, punt 46).

23      Huwa biss l-att li bih l-awtur tiegħu jiddetermina l-pożizzjoni tiegħu b’mod mhux ekwivoku u definittiv, taħt forma li tippermetti li tiġi identifikata n-natura tiegħu, li jikkostitwixxi deċiżjoni li tista’ tkun is-suġġett ta’ rikors għal annullament (sentenza tat-13 ta’ Diċembru 2016, IPSO vs BĊE, T‑713/14, EU:T:2016:727, punt 20; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza tas-26 ta’ Mejju 1982, Il-Ġermanja u Bundesanstalt für Arbeit vs Il-Kummissjoni, 44/81, EU:C:1982:197, punt 12).

24      B’mod iktar partikolari, fil-każ ta’ atti jew ta’ deċiżjonijiet li t-tfassil tagħhom jitwettaq f’diversi fażijiet, b’mod partikolari meta tintemm proċedura interna, huma biss il-miżuri li jistabbilixxu b’mod definittiv il-pożizzjoni tal-Kummissjoni fi tmiem din il-proċedura li jikkostitwixxu atti li jistgħu jiġu kkontestati, bl-esklużjoni tal-miżuri intermedjarji li l-għan tagħhom ikun li tiġi ppreparata d-deċiżjoni finali (sentenzi tas-7 ta’ Marzu 2002, Satellimages TV5 vs Il-Kummissjoni, T‑95/99, EU:T:2002:62, punt 32, u tas-16 ta’ Diċembru 2020, Balti Gaas vs Il-Kummissjoni u INEA, T‑236/17 u T‑596/17, mhux ippubblikata, EU:T:2020:612, punt 88).

25      Huwa fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti li għandu jiġi eżaminat jekk id-deċiżjoni li tintuża l-proċedura nnegozjata mingħajr pubblikazzjoni minn qabel ta’ avviż ta’ kuntratt tikkostitwixxix att li jistabbilixxi b’mod definittiv il-pożizzjoni tiegħu, tikkawżax preġudizzju lir-rikorrenti u tista’ tkun is-suġġett ta’ rikors għal annullament.

26      F’dan ir-rigward, għandu jiġi analizzat il-kontenut ta’ din id-deċiżjoni. Din hija l-ewwel stadju tal-proċedura nnegozjata mingħajr pubblikazzjoni minn qabel ta’ avviż ta’ kuntratt u din id-deċiżjoni ħadet il-forma ta’ nota fil-fajl iffirmata mid-Direttriċi tad-Direttorat “Intelliġenza Artifiċjali u Industrija Diġitali” fit-18 ta’ Settembru 2020. Dan id-dokument għandu l-għan li jiġġustifika l-użu ta’ tali proċedura għall-għoti tal-kuntratt intitolat “Robots ta’ diżinfezzjoni sabiex jgħin fil-ġlieda kontra l-kriżi tal-COVID-19”.

27      Fil-kuntest ta’ tweġiba għal mistoqsija bil-miktub tal-Qorti Ġenerali, il-Kummissjoni sostniet li d-deċiżjoni li tintuża l-proċedura nnegozjata mingħajr pubblikazzjoni minn qabel ta’ avviż ta’ kuntratt kienet att intern li ma kien jipproduċi ebda effett legali barra mill-isfera tal-istituzzjoni li kienet adottat din id-deċiżjoni. Huwa biss mill-mument li fih il-Kummissjoni tkun bagħtet stediniet għal offerti individwali li jkun possibbli li wieħed jikkonċepixxi li din id-deċiżjoni jkollha effetti ġuridiċi. Fil-fatt, id-deċiżjoni li tintuża l-proċedura nnegozjata mingħajr pubblikazzjoni minn qabel ta’ avviż ta’ kuntratt ma tippreġudikax lill-operaturi li jkunu f’pożizzjoni li jagħmlu offerta. Il-Kummissjoni żiedet li kienet biss is-suċċessjoni tal-atti tal-proċedura ta’ għoti ta’ kuntratt li setgħet finalment tipproduċi effetti legali. Id-deċiżjoni li jsir użu minn proċedura ta’ għoti ta’ kuntratt ma tistax tipproduċi effetti legali minnha stess u tipproduċi din il-proċedura biss permezz ta’ atti li preċiżament jimplementawha bl-eżekuzzjoni effettiva tal-proċedura bħad-deċiżjoni ta’ għoti.

28      Fil-kuntest ta’ tweġiba għal mistoqsija bil-miktub tal-Qorti Ġenerali, ir-rikorrenti enfasizzaw li l-aġir illegali tal-Kummissjoni kien jirriżulta minn diversi deċiżjonijiet, fosthom dik li tintuża l-proċedura nnegozjata mingħajr pubblikazzjoni minn qabel ta’ avviż ta’ kuntratt, iżda li huma inevitabbilment marbuta ma’ xulxin, peress li d-deċiżjoni li wieħed jirrikorri għal din il-proċedura wasslet għad-deċiżjoni ta’ għoti kkontestata u finalment ippermettiet li jiġu konklużi l-kuntratti qafas inkwistjoni. Skont ir-rikorrenti, id-deċiżjoni li tintuża l-proċedura nnegozjata mingħajr pubblikazzjoni minn qabel ta’ avviż ta’ kuntratt ma għandhiex titqies bħala att preparatorju għad-deċiżjoni tal-għoti kkontestata, peress li tipproduċi effetti legali perċettibbli peress li l-partijiet li ma ġewx mistiedna jippreżentaw offerta ġew ipso facto esklużi mill-parteċipazzjoni fil-proċedura ta’ sejħa għal offerti u ma kellhom l-ebda possibbiltà li jingħataw il-kuntratt. Barra minn hekk, l-operaturi li ma ġewx mistiedna jipparteċipaw f’din il-proċedura ġew formalment informati bl-għoti tal-kuntratt qafas biss fid-9 ta’ Diċembru 2020 permezz tal-ewwel avviż ta’ għoti tal-kuntratt. Konsegwentement, ir-rikorrenti jsostnu li d-deċiżjoni li tintuża l-proċedura nnegozjata mingħajr il-pubblikazzjoni minn qabel ta’ avviż ta’ kuntratt ma għandhiex tiġi eskluża minn stħarriġ ġudizzjarju tal-Qorti Ġenerali.

29      Għandu jiġi kkonstatat li d-deċiżjoni li tintuża l-proċedura nnegozjata mingħajr pubblikazzjoni minn qabel ta’ avviż ta’ kuntratt tindika r-raġunijiet għalfejn huwa neċessarju l-użu ta’ din il-proċedura. Dan id-dokument jistabbilixxi għalhekk l-għażla tal-proċedura applikabbli għall-għoti tal-kuntratt inkwistjoni. Madankollu, kif enfasizzat il-Kummissjoni fi tweġiba għal mistoqsija bil-miktub tal-Qorti Ġenerali, dan id-dokument ma għandux destinatarji u ma jippreġudikax l-operaturi ekonomiċi li huma mistiedna jagħmlu offerta għal dan il-kuntratt. Għalhekk, l-ebda operatur ma ġie mistieden jagħmel offerta f’dan l-istadju tal-proċedura u, konsegwentement, l-ebda operatur ma seta’ jiġi eskluż minnha.

30      B’hekk, hija d-deċiżjoni li r-rikorrenti ma jiġux mistiedna jagħmlu offerta li timmaterjalizza ruħha, f’dan il-każ, mid-deċiżjoni tal-għoti kkontestata li tikkawżalhom preġudizzju. Dawn jistgħu għalhekk, bil-kundizzjoni li jkunu jafu bih, jippreżentaw rikors kontra l-aħħar att disponibbli fil-mument tal-preżentata tar-rikors tagħhom, li jeskludihom mill-proċedura. Issa, id-deċiżjoni li tintuża l-proċedura nnegozjata mingħajr pubblikazzjoni minn qabel ta’ avviż ta’ kuntratt ma tikkostitwixxix deċiżjoni li taffettwa l-interessi tar-rikorrenti peress li dawn ma ġewx esklużi mill-proċedura ta’ għoti ta’ kuntratt inkwistjoni permezz ta’ din id-deċiżjoni. Waqt il-preżentata tar-rikors, il-Kummissjoni kienet diġà adottat, fit-3 ta’ Novembru 2020, id-deċiżjoni ta’ għoti li definittivament tat il-kuntratt u li kellha bħala konsegwenza li teskludi definittivament lir-rikorrenti mill-proċedura ta’ għoti ta’ kuntratt inkwistjoni.

31      Konsegwentement, id-deċiżjoni li tintuża l-proċedura nnegozjata mingħajr pubblikazzjoni minn qabel ta’ avviż ta’ kuntratt hija ta’ natura preparatorja.

32      Fir-rigward tal-argument tar-rikorrenti li jgħid li ma jistax jiġi invokat fil-konfront tagħhom il-fatt li kienu assenti mill-proċedura ta’ sejħa għal offerti sabiex jikkontestaw l-ammissibbiltà tar-rikors tagħhom kontra d-deċiżjoni li tintuża l-proċedura nnegozjata mingħajr pubblikazzjoni minn qabel ta’ avviż ta’ kuntratt, għandu jitfakkar li l-eventwali illegalitajiet li jivvizzjaw il-miżuri ta’ natura purament preparatorja jistgħu jiġu invokati insostenn tar-rikors ippreżentat kontra l-att definittiv li fir-rigward tiegħu huma jikkostitwixxu stadju ta’ elaborazzjoni (ara s-sentenza tas-16 ta’ Diċembru 2020, Balti Gaas vs Il-Kummissjoni u INEA, T‑236/17 u T‑596/17, mhux ippubblikata, EU:T:2020:612, punt 101 u l-ġurisprudenza ċċitata). F’dan il-każ, ir-rikorrenti jitolbu, permezz tat-tieni kap tat-talbiet tagħhom, l-annullament tad-deċiżjoni tal-għoti kkontestata, fatt li fil-prinċipju jagħtihom il-possibbiltà li jinvokaw kull irregolarità li tivvizzja l-għażla li tintuża l-proċedura nnegozjata mingħajr pubblikazzjoni minn qabel ta’ avviż ta’ kuntratt, sakemm il-kap tat-talbiet intiż għall-annullament tad-deċiżjoni ta’ għoti kkontestata jkun ammissibbli.

33      Għaldaqstant, l-ewwel kap tat-talbiet intiż għall-annullament tad-deċiżjoni li tintuża l-proċedura nnegozjata mingħajr il-pubblikazzjoni minn qabel ta’ avviż ta’ kuntratt għandu jiġi ddikjarat inammissibbli.

 Fuq l-ammissibbiltà tat-tieni kap tat-talbiet, intiż għall-annullament tad-deċiżjoni ta’ għoti kkontestata

34      Fir-risposta, il-Kummissjoni tikkontesta l-inammissibbiltà tat-tieni kap tat-talbiet sa fejn ir-rikorrenti ma għandhom l-ebda interess li jitolbu l-annullament tad-deċiżjoni ta’ għoti kkontestata. Fil-fatt, skont il-Kummissjoni, peress li r-rikorrenti ma pparteċipawx fil-proċedura għall-għoti tal-kuntratt, huma ma għandhomx interess ġuridiku. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni ssostni li annullament tad-deċiżjoni ta’ għoti kkontestata ma jfissirx li r-rikorrenti ser jintgħażlu, peress li dawn ma kinux fost l-offerenti.

35      Ir-rikorrenti jqisu li t-tieni kap tat-talbiet huwa ammissibbli. L-ewwel nett, huma jqisu li ma jistax jiġi invokat kontrihom il-fatt li kienu assenti mill-proċedura ta’ sejħa għal offerti sabiex jikkontestaw l-ammissibbiltà tar-rikors tagħhom, peress li l-assenza tagħhom hija marbuta mal-fatt li l-Kummissjoni ma ppubblikatx avviż ta’ kuntratt. Huma jqisu li kieku l-Qorti Ġenerali kellha tiċħad l-ewwel kap tat-talbiet bħala inammissibbli għal din ir-raġuni, minn dan tirriżulta impossibbiltà għall-kompetituri li jikkontestaw l-għoti dirett ta’ kuntratti pubbliċi. Skont l-appellanti, il-fatt li kienu assenti mill-proċedura ma jeskludix li huma għandhom interess ġuridiku. Fil-fatt, huma jqisu li l-annullament b’mod partikolari tad-deċiżjoni tal-għoti kkontestata jkollu l-konsegwenza li jistabbilixxi mill-ġdid kundizzjonijiet ta’ kompetizzjoni ekwi fir-rigward tal-kompetituri tagħhom.

36      It-tieni nett, ir-rikorrenti jsostnu li huma direttament u individwalment ikkonċernati mid-deċiżjoni tal-għoti kkontestata. Fil-fatt, huma jsostnu, minn naħa, li huma joperaw fl-istess suq bħall-offerenti li lilhom ingħata l-kuntratt inkwistjoni u, min-naħa l-oħra, li huma kienu f’pożizzjoni li jipprovdu robots konformi mad-deskrizzjoni tal-kriterji ta’ kwalità li jinsabu fl-avviż tal-għoti. Għaldaqstant, huma jsostnu li huma kienu kandidati eliġibbli biex jipparteċipaw fil-proċedura ta’ għoti ta’ kuntratt pubbliku organizzata mill-Kummissjoni, bl-għan tal-għoti ta’ kuntratt qafas.

37      Kif tfakkar fil-punt 21 iktar ’il fuq, huma biss il-miżuri li jipproduċu effetti legali vinkolanti ta’ natura li jaffettwaw l-interessi ta’ terzi billi jbiddlu b’mod sinjifikattiv is-sitwazzjoni legali tagħhom li jikkostitwixxu atti li jistgħu jkunu s-suġġett ta’ rikors għal annullament u li jikkostitwixxu att li jista’ jiġi kkontestat.

38      Barra minn hekk, għandu jitfakkar li l-interess ġuridiku u l-locus standi jikkostitwixxu kundizzjonijiet għall-ammissibbiltà distinti li persuna fiżika jew ġuridika għandha tissodisfa b’mod kumulattiv sabiex tkun tista’ tippreżenta rikors għal annullament skont ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE (ara s-sentenza tas-17 ta’ Settembru 2015, Mory et vs Il-Kummissjoni, C‑33/14 P, EU:C:2015:609, punt 62 u l-ġurisprudenza ċċitata).

–       Fuq in-natura ta’ att li jista’ jiġi kkontestat

39      Kif jirriżulta mill-punt 23 iktar ’il fuq, huwa biss l-att li permezz tiegħu l-awtur tiegħu jiddetermina l-pożizzjoni tiegħu b’mod mhux ekwivoku u definittiv, f’forma li tippermetti li tiġi identifikata n-natura tiegħu, li jikkostitwixxi deċiżjoni li tista’ tkun is-suġġett ta’ rikors għal annullament.

40      F’dan il-każ, kif ġie indikat fil-punt 30 iktar ’il fuq, ir-rikorrenti ma ġewx esklużi mill-proċedura nnegozjata mingħajr pubblikazzjoni minn qabel minħabba d-deċiżjoni li tintuża din il-proċedura, bid-data tat-18 ta’ Settembru 2020, li kienet għadha ma ddeterminatx lill-operaturi mistiedna biex jipparteċipaw f’din il-proċedura u konsegwentement lill-operaturi li kienu ġew esklużi minnha. Huma l-istediniet sabiex jissottomettu offerti indirizzati mill-Kummissjoni lil sitt operaturi li ddeterminaw liema operaturi kienu ġew mistiedna biex jipparteċipaw f’din il-proċedura u liema operaturi ma kinux ġew mistiedna jipparteċipaw. Madankollu, fil-kuntest ta’ din il-proċedura, l-avviż ta’ għoti li ħabbar l-għoti tal-kuntratt lil żewġ offerenti kien l-att li, permezz tal-pubblikazzjoni tiegħu, ippermetta lir-rikorrenti jsiru jafu dwar l-użu ta’ din il-proċedura għall-għoti ta’ dan il-kuntratt. Konsegwentement, id-deċiżjoni tal-għoti kkontestata kellha l-effett awtomatiku li ċċaħħad definittivament lir-rikorrenti mill-possibbiltà li jipparteċipaw f’din il-proċedura u bl-istess mod li teskludihom minnha. B’hekk, id-deċiżjoni ta’ għoti kkontestata pproduċiet effetti fuq is-sitwazzjoni legali tar-rikorrenti sa fejn hija ffissat b’mod definittiv is-sitwazzjoni legali tagħhom bħala operatur eskluż mill-proċedura nnegozjata mingħajr pubblikazzjoni minn qabel ta’ avviż ta’ kuntratt inkwistjoni.

41      Għaldaqstant, id-deċiżjoni ta’ għoti kkontestata tikkostitwixxi att li jista’ jiġi kkontestat.

–       Fuq l-interess ġuridiku tar-rikorrenti

42      Skont ġurisprudenza stabbilita, rikors għal annullament ippreżentat minn persuna fiżika jew ġuridika huwa ammissibbli biss sa fejn din tal-aħħar ikollha interess li tara li l-att ikkontestat jiġi annullat. Tali interess jeħtieġ li l-annullament ta’ dan l-att jista’, fih innifsu, ikollu konsegwenzi legali u li r-rikors b’hekk ikun jista’, bl-eżitu tiegħu, jagħti vantaġġ lill-parti li tkun ippreżentatu. Il-prova ta’ tali interess, li għandu jiġi evalwat fil-jum li fih jiġi ppreżentat ir-rikors u li jikkostitwixxi l-kundizzjoni essenzjali u primordjali għal kull rikors ġudizzjarju, għandha titressaq mir-rikorrent (sentenzi tat-18 ta’ Ottubru 2018, Gul Ahmed Textile Mills vs Il-Kunsill, C‑100/17 P, EU:C:2018:842, punt 37, u tas-27 ta’ Marzu 2019, Canadian Solar Emea et vs Il-Kunsill, C-236/17 P, EU:C:2019:258, punt 91).

43      Għaldaqstant, għandu jiġi vverifikat jekk, f’dan il-każ, eventwali annullament tad-deċiżjoni ta’ għoti kkontestata jistax jagħti vantaġġ lir‑rikorrenti.

44      Il-Kummissjoni ssostni li dan ma huwiex il-każ, peress li tali annullament ma jfissirx li r-rikorrenti ser jintgħażlu, peress li huma ma pparteċipawx fil-proċedura ta’ għoti ta’ kuntratt.

45      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-parteċipazzjoni fi proċedura ta’ għoti ta’ kuntratt tista’, bħala prinċipju, validament tikkostitwixxi kundizzjoni li għandha tiġi ssodisfatta sabiex jiġi stabbilit li l-persuna kkonċernata tiġġustifika interess li tikseb il-kuntratt inkwistjoni jew li qiegħda f’riskju li ġġarrab dannu minħabba n-natura allegatament illegali tad-deċiżjoni ta’ għoti tal-imsemmi kuntratt. Madankollu, fil-każ fejn impriża, fil-kuntest tal-proċedura nnegozjata mingħajr pubblikazzjoni minn qabel ta’ avviż ta’ kuntratt, ma tkunx issottomettiet offerta minħabba l-fatt li hija ma ġietx mistiedna tagħmel offerta, ikun eċċessiv u anki kontradittorju li wieħed jeżiġi li hija tkun ipparteċipat fl-imsemmija proċedura meta jkun neċessarju, sabiex tipparteċipa f’tali proċedura, li tiġi mistiedna tagħmel offerta mill-awtorità kontraenti (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tas-26 ta’ Jannar 2022, Leonardo vs Frontex, T‑849/19, EU:T:2022:28, punti 25 sa 28).

46      F’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrenti ma setgħux ikunu jafu bil-proċedura nnegozjata mingħajr pubblikazzjoni minn qabel ta’ avviż ta’ kuntratt inkwistjoni u li huma ma ġewx mistiedna jagħmlu offerta fil-kuntest ta’ din il-proċedura. Għaldaqstant, ma jistgħux jiġu kkritikati talli ma pparteċipawx f’din il-proċedura.

47      Barra minn hekk, għandu jiġi vverifikat jekk ir-rikorrenti humiex operaturi li jaġixxu fis-suq li huwa s-suġġett tal-proċedura nnegozjata mingħajr pubblikazzjoni minn qabel inkwistjoni.

48      F’dan ir-rigward, mill-avviż tal-għoti tal-24 ta’ Diċembru 2020 jirriżulta li l-għoti tal-kuntratt inkwistjoni kellu bħala suġġett l-akkwist mill-Kummissjoni ta’ 200 robot awtonomu ta’ diżinfezzjoni li jużaw ir-raġġi UV bħala metodu ta’ diżinfezzjoni sabiex ikunu jistgħu jintużaw fl-isptarijiet Ewropej. Fir-rikors tagħhom ir-rikorrenti indikaw li huma kienu jipproduċu r-“robot ta’ diżinfezzjoni portabbli ‘Ultra-V’, robot ta’ diżinfezzjoni intelliġenti li juża teknoloġija ta’ raġġi luminużi UVC għal effettività ta’ dekontaminazzjoni kostanti”. Ir-rikorrenti pproduċew provi, fl-anness tar-rikors tagħhom, dwar ir-robot “Ultra-V” kif ukoll evalwazzjonijiet xjentifiċi ta’ dan ir-robot li saru għas-servizz nazzjonali tas-saħħa tar-Renju Unit. Minn dawn l-elementi jirriżulta li r-rikorrenti jipproduċu robot ta’ diżinfezzjoni li juża r-raġġi UV.

49      Madankollu, il-Kummissjoni sostniet, matul is-seduta, li r-rikorrenti ma setgħux jiġu mistiedna jipparteċipaw fil-proċedura ta’ għoti ta’ kuntratt inkwistjoni peress li l-għan ta’ din il-proċedura kien li jinxtraw robots awtonomi li jistgħu jiċċaqalqu waħedhom, li ma huwiex il-każ tar-robot “Ultra-V” prodott minnhom.

50      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li dan ir-rekwiżit la huwa inkluż fil-kriterji applikati mill-Kummissjoni sabiex tagħżel l-impriżi li lilhom tintbagħat sejħa għal offerti, u lanqas fil-kriterji ta’ għoti ppubblikati fl-avviż ta’ għoti ta’ kuntratt tal-24 ta’ Diċembru 2020. Madankollu, skont il-Kummissjoni, dan ir-rekwiżit jikkostitwixxi l-għan stess tal-għoti tal-kuntratt inkwistjoni, peress li dan l-avviż ta’ għoti jindika, taħt it-Titolu II.1.4 intitolat “Deskrizzjoni fil-qosor”, li l-Kummissjoni ser tixtri sa 200 robot-diżinfettanti permezz tar-radjazzjoni UV awtonomi u faċli li jintużaw.

51      Mill-provi prodotti mir-rikorrenti jirriżulta li r-robot “Ultra-V” li huma jipproduċu jeħtieġ l-intervent ta’ operatur biss fil-fażi ta’ preparazzjoni li tippreċedi l-proċess ta’ diżinfezzjoni. Fil-fatt, dan ir-robot jaħdem permezz ta’ sitt sensuri msejħa “Spettrometri” li jitqiegħdu fil-kamra mill-operatur qabel id-diżinfezzjoni. Mistoqsija matul is-seduta, ir-rikorrenti ppreċiżaw li l-operatur kellu jqiegħed biss is-sensuri fil-kamra qabel id-diżinfezzjoni u li wara r-robot kien jiċċaqlaq waħdu lejn dawn is-sensuri, li jippermetti li jiġi adattat għal kull kamra u li jagħmel din is-soluzzjoni ta’ diżinfezzjoni abbażi ta’ raġġi UV iktar effettiva. Barra minn hekk, is-sensuri jitqiegħdu darba biss u ma jkollhomx għalfejn jiġu mċaqalqa qabel kull diżinfezzjoni oħra tal-istess kamra. Minn dan jirriżulta li r-robot “Ultra-V” ma jeħtieġ ebda intervent mill-bniedem matul il-proċess innifsu ta’ diżinfezzjoni.

52      Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq u peress li s-sejħa għall-għoti ta’ kuntratt tal-24 ta’ Diċembru 2020 ma tippreċiżax il-grad ta’ awtonomija tar-robots meħtieġa, għandu jitqies li r-robot “Ultra-V” prodott mir-rikorrenti jikkostitwixxi robot awtonomu u faċli li jintuża, kif inhu speċifikat fl-avviż tal-għoti.

53      Minn dan isegwi li r-rikorrenti ressqu biżżejjed provi sabiex juru li huma kienu attivi fis-suq tar-robots awtonomi ta’ diżinfezzjoni li jużaw ir-raġġi UV li kienu s-suġġett tal-proċedura nnegozjata mingħajr pubblikazzjoni minn qabel ta’ avviż ta’ kuntratt.

54      Barra minn hekk, għandu jitfakkar li rikorrent għandu interess li jitlob l-annullament ta’ att sabiex jikseb il-konstatazzjoni, mill-Qorti tal-Unjoni Ewropea, ta’ illegalità mwettqa fir-rigward tiegħu peress li tali konstatazzjoni tista’ sservi bħala bażi għal rikors għad-danni eventwali intiż biex jikkumpensa b’mod adegwat id-dannu kkawżat mill-att ikkontestat (ara s-sentenza tal-5 ta’ Settembru 2014, Éditions Odile Jacob vs Il-Kummissjoni, T‑471/11, EU:T:2014:739, punt 44 u l-ġurisprudenza ċċitata).

55      Issa, permezz tal-ewwel motiv tagħhom, ir-rikorrenti jikkontestaw preċiżament l-għażla li tintuża din il-proċedura eċċezzjonali u jsostnu li l-kundizzjonijiet sabiex tintuża din il-proċedura, previsti fil-punt (c) tat-tieni paragrafu tal-punt 11.1 tal-Anness I tar-Regolament Finanzjarju, ma kinux issodisfatti.

56      Minn dan isegwi li t-talbiet għal annullament imressqa mir-rikorrenti għandhom l-għan li jikkonstataw l-illegalità mwettqa fil-konfront tagħhom mill-Kummissjoni fil-kuntest tal-proċedura ta’ għoti ta’ kuntratt inkwistjoni, b’tali mod li tali konstatazzjoni tista’ sservi bħala bażi għat-talbiet għal kumpens tagħhom. Ir-rikorrenti kkonfermaw dan waqt is-seduta billi ppreċiżaw li l-kisba ta’ kumpens min-naħa tal-Kummissjoni kienet tippermetti li jerġa’ jiġi stabbilit il-bilanċ fis-suq.

57      Mill-elementi kollha preċedenti jirriżulta li r-rikorrenti għandhom interess li jitolbu l-annullament tad-deċiżjoni tal-għoti kkontestata.

–       Fuq il-locus standi tar-rikorrenti

58      Skont ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika tista’ tressaq rikors kontra att indirizzat lilha jew li jirrigwardaha direttament u individwalment, kif ukoll kontra att regolatorju li jirrigwardaha direttament u li ma jinvolvix miżuri ta’ implimentazzjoni.

59      Peress li għandu jiġi kkonstatat li d-destinatarji tad-deċiżjoni tal-għoti kkontestata huma dawk li ngħataw il-kuntratt inkwistjoni u mhux ir-rikorrenti u li tali deċiżjoni ta’ għoti ma tikkostitwixxix att regolamentari ta’ portata ġenerali, għandu jiġi vverifikat jekk ir-rikorrenti humiex direttament u individwalment ikkonċernati minn din id-deċiżjoni.

60      Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk ir-rikorrenti humiex direttament ikkonċernati mid-deċiżjoni ta’ għoti kkontestata, għandu jitfakkar li r-rekwiżit, previst fir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, li jgħid li persuna fiżika jew ġuridika għandha tkun direttament ikkonċernata mill-miżura li hija s-suġġett tar-rikors jeħtieġ li jiġu ssodisfatti b’mod kumulattiv żewġ kundizzjonijiet, jiġifieri, minn naħa, li din il-miżura tipproduċi direttament effetti fuq is-sitwazzjoni legali ta’ din il-persuna u, min-naħa l-oħra, li hija ma tħalli ebda setgħa diskrezzjonali lid-destinatarji responsabbli għall-implimentazzjoni tagħha, fejn din l-implimentazzjoni tkun ta’ natura purament awtomatika u tirriżulta mil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni stess, mingħajr l-applikazzjoni ta’ regoli intermedji oħra (ara s-sentenza tal-14 ta’ Lulju 2022, L-Italja u Comune di Milano vs Il-Kunsill u Il-Parlament (Sede tal-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini), C‑106/19 u C‑232/19, EU:C:2022:568, punt 61 u l-ġurisprudenza ċċitata).

61      Għandu jiġi eżaminat suċċessivament jekk ir-rikorrenti jissodisfax kull wieħed minn dawn iż-żewġ rekwiżiti.

62      L-ewwel nett, għandu jiġi eżaminat jekk id-deċiżjoni ta’ għoti kkontestata tipproduċix effetti diretti fuq is-sitwazzjoni legali tar-rikorrenti.

63      F’dan ir-rigward, mill-punt 40 iktar ’il fuq jirriżulta li d-deċiżjoni ta’ għoti kkontestata kellha l-effett li ċċaħħad definittivament lir-rikorrenti mill-possibbiltà li jipparteċipaw fil-proċedura nnegozjata mingħajr pubblikazzjoni minn qabel ta’ avviż ta’ kuntratt inkwistjoni u bl-istess mod li jeskluduhom minnha. B’hekk, id-deċiżjoni ta’ għoti kkontestata pproduċiet direttament effetti fuq is-sitwazzjoni legali tar-rikorrenti billi ffissat definittivament is-sitwazzjoni legali tagħhom bħala operatur eskluż mill-proċedura nnegozjata mingħajr pubblikazzjoni minn qabel ta’ avviż ta’ kuntratt inkwistjoni.

64      Madankollu, is-sitwazzjoni legali tar-rikorrenti tista’ tiġi direttament affettwata mid-deċiżjoni ta’ għoti kkontestata biss jekk ikunu f’pożizzjoni li jipprovaw li huma operaturi li jaġixxu fis-suq ikkonċernat.

65      F’dan il-każ, kif jirriżulta mill-punti 47 sa 53 iktar ’il fuq, ir-rikorrenti pproduċew biżżejjed provi sabiex juru li huma kienu attivi fis-suq tar-robots awtonomi ta’ diżinfezzjoni li jużaw ir-raġġi UV.

66      It-tieni nett, id-deċiżjoni ta’ għoti kkontestata indikat b’mod definittiv lil żewġ operaturi bħala li ngħataw il-kuntratt inkwistjoni b’effett immedjat u vinkolanti. Peress li din id-deċiżjoni ta’ għoti tapplika f’dan ir-rigward l-effetti legali tagħha mingħajr ma hija meħtieġa ebda miżura addizzjonali, it-tieni rekwiżit, imsemmi fil-punt 60 iktar ’il fuq, huwa ssodisfatt.

67      Minn dan jirriżulta li d-deċiżjoni tal-għoti kkontestata affettwat direttament lir-rikorrenti.

68      Fit-tieni lok, fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk ir-rikorrenti humiex individwalment ikkonċernati mid-deċiżjoni ta’ għoti tal-kuntratt ikkontestata, minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li, minbarra d-destinatarji ta' deċiżjoni, is-suġġetti l-oħra tagħha ma jistgħux jippretendu li huma individwalment kkonċernati ħlief jekk din id-deċiżjoni tolqothom minħabba ċerti kwalitajiet li huma partikolari għalihom jew minħabba sitwazzjoni ta’ fatt li tiddistingwihom minn kull persuna oħra u, minħabba f'hekk, tindividwalizzahom b'mod analogu għal dak tad-destinatarju (sentenza tal-15 ta’ Lulju 1963, Plaumann vs Il-Kummissjoni, 25/62, EU:C:1963:17, p. 223; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza tal-20 ta’ Jannar 2022, Deutsche Lufthansa vs Il-Kummissjoni, C‑594/19 P, EU:C:2022:40, punt 31 u l-ġurisprudenza ċċitata).

69      Għaldaqstant, għandu jiġi vverifikat jekk id-deċiżjoni ta’ għoti kkontestata taffettwax lir-rikorrenti kemm minħabba ċerti kwalitajiet li huma partikolari għalihom kif ukoll minħabba sitwazzjoni ta’ fatt li tikkaratterizzahom meta mqabbla ma’ kull persuna oħra.

70      F’dan ir-rigward, minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li, meta d-deċiżjoni taffettwa lil grupp ta’ persuni li kienu identifikati jew identifikabbli fil-mument meta ttieħed dan l-att u abbażi ta’ kriterji partikolari għall-membri tal-grupp, dawn il-persuni jistgħu jkunu kkonċernati individwalment minn dan l-att sa fejn jifformaw parti minn ċirku ristrett ta’ operaturi ekonomiċi (sentenza tat-13 ta’ Marzu 2008, Il-Kummissjoni vs Infront WM, C‑125/06 P, EU:C:2008:159, punti 71 u 72; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza tat-12 ta’ Lulju 2022, Nord Stream 2 vs Il-Parlament u Il-Kunsill, C‑348/20 P, EU:C:2022:548, punt 158 u l-ġurisprudenza ċċitata).

71      Fiċ-ċirkustanzi speċifiċi ta’ rikors mill-awtorità kontraenti għall-proċedura nnegozjata mingħajr pubblikazzjoni minn qabel ta’ avviż ta’ kuntratt, operatur li ma ġiex mistieden jipparteċipa fl-imsemmija proċedura, meta kien f’pożizzjoni li jissodisfa l-kriterji applikati mill-awtorità kontraenti sabiex jagħżel l-impriżi li lilhom kellha tintbagħat stedina għal offerta, għandu jitqies li jifforma parti minn ċirku ristrett ta’ kompetituri li jistgħu jissottomettu offerta jekk ikunu ġew mistiedna jipparteċipaw fil-proċedura.

72      F’dan il-każ, fir-risposta, il-Kummissjoni spjegat li l-kriterji użati sabiex jiġu ddeterminati l-operaturi mistiedna sabiex jipparteċipaw fil-proċedura inkwistjoni kienu l-marka CE, kapaċità ta’ produzzjoni ta’ mill-inqas 20 unità kull xahar u esperjenza fil-qasam tal-użu ta’ robots fl-isptarijiet fir-rigward minn tal-inqas 10 robots. Mistoqsija waqt is-seduta, il-Kummissjoni kkonfermat li dawn il-kriterji kienu wkoll il-kriterji ta’ għażla użati fil-kuntest tal-proċedura inkwistjoni.

73      Għalhekk, il-kriterji użati mill-Kummissjoni sabiex tevalwa liema operaturi tistieden għall-proċedura nnegozjata mingħajr pubblikazzjoni minn qabel ta’ avviż ta’ kuntratt tqiegħdu għad-dispożizzjoni tar-rikorrenti fil-kuntest tal-proċedura ġudizzjarja. Barra minn hekk, mistoqsija waqt is-seduta dwar jekk huma kinux jissodisfaw dawn il-kriterji u jekk kinux ipproduċew provi f’dan ir-rigward, ir-rikorrenti rreferew għall-Anness A.8 tar-rikors tagħhom.

74      L-ewwel nett, fir-rigward tal-kriterju dwar il-marka CE, matul is-seduta r-rikorrenti sostnew li r-robot tagħhom “Ultra-V” kellu l-marka CE peress li waħda minnhom kienet kumpannija Olandiża li kienu jużaw ir-robots tagħhom fl-Unjoni. Barra minn hekk, kif sostnew ir-rikorrenti fir-rikors, il-gwida għall-użu tar-robot “Ultra-V” turi l-logo tal-marka CE. Għaldaqstant, għandu jitqies li dan ir-robot kien jissodisfa dan il-kriterju.

75      It-tieni nett, fir-rigward tal-kriterju dwar il-kapaċità ta’ produzzjoni, ir-rikorrenti sostnew, waqt is-seduta, li jissodisfaw dan il-kriterju u li kienu f’pożizzjoni li jżidu l-kapaċità ta’ produzzjoni tagħhom. Madankollu, għandu jiġi osservat li r-rikorrenti ma pproduċew ebda prova, la fir-rikors, inkluż fl-Anness A.8 tiegħu, u lanqas fir-replika, li jistabbilixxu li l-kapaċità ta’ produzzjoni tagħhom setgħet tilħaq 20 robot fix-xahar.

76      It-tielet nett, fir-rigward tal-kriterju dwar l-esperjenza tagħhom fil-qasam tal-użu ta’ robots fl-isptarijiet, għandu jiġi osservat li r-rikorrenti pproduċew studji mwettqa minn sptarijiet universitarji tar-Renju Unit u rapport redatt minn żewġ speċjalisti fl-iġjene tan-North West Anglia NHS Foundation Trust, minn fejn jirriżulta b’mod partikolari li huma kienu ilhom jużaw robots fi sptarijiet tas-servizz tas-saħħa tar-Renju Unit minn tal-inqas minn April 2015. Madankollu, dawn il-provi ma jippermettux li jiġi ddeterminat in-numru eżatt ta’ robots użati.

77      B’hekk, anki jekk jitqies li r-rikorrenti użaw minn tal-inqas għaxar robots fl-isptarijiet, xorta jibqa’ l-fatt li huma ma wrewx li l-volum ta’ kull xahar tal-kapaċità ta’ produzzjoni tagħhom fir-rigward tar-robot “Ultra-V” kien jilħaq il-valur iddefinit mill-Kummissjoni sabiex jagħżlu l-operaturi mistiedna sabiex jagħmlu offerti.

78      Minn dan isegwi li r-rikorrenti ma pproduċewx biżżejjed provi li juru li huma kienu f’pożizzjoni li jissodisfaw il-kriterji użati mill-Kummissjoni sabiex tagħżel l-operaturi li lilhom kienu ntbagħtu stediniet sabiex jissottomettu offerti fil-kuntest ta’ proċedura nnegozjata mingħajr pubblikazzjoni minn qabel ta’ avviż ta’ kuntratt. Konsegwentement, huma ma pproduċewx il-prova li huma kienu jifformaw parti minn ċirku ristrett ta’ operaturi li jistgħu jiġu mistiedna jagħmlu offerta u jissottomettu offerta. Minn dan jirriżulta li r-rikorrenti ma humiex ikkonċernati individwalment mid-deċiżjoni ta’ għoti kkontestata.

79      Għaldaqstant, it-tieni kap tat-talbiet intiż għall-annullament tad-deċiżjoni ta’ għoti kkontestata huwa inammissibbli.

 Fuq l-ammissibbiltà tat-tielet u tar-raba’ kapijiet tat-talbiet, intiżi għall-annullament tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tikkonkludi l-kuntratti qafas inkwistjoni u li tiddikjarahom nulli u mingħajr effett

80      Il-Kummissjoni ssostni li t-tielet u r-raba’ kapijiet tat-talbiet huma inammissibbli sa fejn dawn huma intiżi għall-annullament tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tikkonkludi kuntratti qafas inkwistjoni u biex il-Qorti Ġenerali tiddikjara dawn il-kuntratti qafas nulli u mingħajr effett. Il-Kummissjoni ssostni li l-annullament tad-deċiżjoni ta’ għoti kkontestata ma għandux l-effett li jirrendi l-kuntratti, diġà ffirmati, nulli u mingħajr effett sa fejn dawn il-kuntratti huma sottomessi biss lill-aġġudikatur tal-kuntratt u ma jistgħux jiġu annullati mill-Qorti tal-Unjoni fil-kuntest ta’ rikors għal annullament ippreżentat skont l-Artikolu 263 TFUE.

81      Fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk id-deċiżjoni li jiġu konklużi l-kuntratti qafas tikkostitwixxix att li jista’ jiġi kkontestat, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 263 TFUE, il-Qorti tal-Unjoni tistħarreġ biss il-legalità tal-atti adottati mill-istituzzjonijiet u mill-korpi jew organi tal-Unjoni intiżi biex jipproduċu effetti legali vinkolanti fir-rigward ta’ terzi.

82      Hija ġurisprudenza stabbilita li talbiet intiżi għall-annullament, fil-kuntest tal-Artikolu 263 TFUE, ta’ atti adottati mill-istituzzjonijiet f’kuntest purament kuntrattwali, li ma jistgħux jinfirdu minnhom, huma inammissibbli (ara d-digriet tat-3 ta’ Ottubru 2018, Pracsis u Conceptexpo Project vs Il-Kummissjoni u EACEA, T‑33/18, mhux ippubblikat, EU:T:2018:656, punt 62 u l-ġurisprudenza ċċitata; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-17 ta’ Ġunju 2010, CEVA vs Il-Kummissjoni, T‑428/07 u T‑455/07, EU:T:2010:240, punt 52, u tad-29 ta’ Jannar 2013, Cosepuri vs EFSA, T‑339/10 u T‑532/10, EU:T:2013:38, punt 26).

83      F’dan il-każ, ir-rikorrenti jitolbu l-annullament tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni tad-19 ta’ Novembru 2020 li tikkonkludi l-kuntratti qafas inkwistjoni u li tiddikjara nulli u mingħajr effett l-imsemmija kuntratti qafas konklużi bejn il-Kummissjoni u l-offerenti magħżula. F’dan ir-rigward, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat, minn naħa, li l-iffirmar tal-kuntratti qafas huwa, mid-definizzjoni tiegħu stess, inerenti għall-proċess kuntrattwali, mingħajr ma tista’ tkun, f’dan ir-rigward, identifikata, f’dan il-każ, deċiżjoni separabbli mill-imsemmi proċess u, min-naħa l-oħra, li l-imsemmija kuntratti qafas jipproduċu u jeżawrixxu l-effetti kollha tagħhom fil-kuntest tar-relazzjoni kuntrattwali li tgħaqqad lill-partijiet inkwistjoni mal-kuntratti, li fir-rigward tagħhom ir-rikorrenti huma terzi.

84      Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li t-tielet u r-raba’ kapijiet tat-talbiet, sa fejn jirrigwardaw l-annullament tad-deċiżjoni li jiġu konklużi l-kuntratti qafas kif ukoll l-imsemmija kuntratti qafas konklużi bejn il-Kummissjoni u l-offerenti magħżula, huma inammissibbli.

85      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, it-talbiet għal annullament għandhom jiġu miċħuda bħala inammissibbli.

 Fuq it-talba għad-danni

86      Ir-rikorrenti jitolbu kumpens għat-telf ta’ opportunità li jissottomettu offerti għal kuntratt pubbliku minħabba l-użu illegali mill-Kummissjoni tal-proċedura nnegozjata mingħajr pubblikazzjoni minn qabel ta’ avviż ta’ kuntratt. Skont ir-rikorrenti, dan id-dannu għandu jitqies bħala reali u ċert, peress li huma tilfu definittivament opportunità li jingħataw il-kuntratt. Huma jsostnu li, minħabba r-rifjut tal-Kummissjoni li tiżvela l-kriterji tekniċi u ta’ għoti li abbażi tagħhom ingħata l-kuntratt, huwa impossibbli għalihom li jsostnu l-fatt li huma kienu effettivament rebħu l-kuntratt. B’hekk, ir-rikorrenti jitolbu prinċipalment li l-Kummissjoni tiġi ordnata tikkomunika l-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt li abbażi tagħhom ingħataw il-kuntratti qafas inkwistjoni u li tiddeċiedi b’mod interlokutorju dwar ir-responsabbiltà tal-Kummissjoni sa fejn din tal-aħħar irrikorriet illegalment għall-proċedura nnegozjata mingħajr pubblikazzjoni minn qabel ta’ avviż ta’ kuntratt sabiex tiddetermina f’fażi ulterjuri l-ammont tad-danni. Sussidjarjament, huma jitolbu l-ħlas ta’ kumpens ta’ EUR 3 000 000.

87      Il-Kummissjoni tikkontesta dawn l-argumenti.

88      Preliminarjament, għandu jitfakkar li, skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 340 TFUE, fil-każ ta’ responsabbiltà mhux kuntrattwali, l-Unjoni għandha, skont il-prinċipji ġenerali komuni għal sistemi legali tal-Istati Membri, tikkumpensa kull dannu kkaġunat mill-istituzzjonijiet tagħha jew mill-membri tal-persunal tagħha fit-twettiq ta’ dmirijiethom.

89      Skont ġurisprudenza stabbilita, l-istabbiliment tar-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni, fis-sens tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 340 TFUE, għal aġir illegali tal-korpi tagħha, hija suġġetta għall-eżistenza ta’ numru ta’ kundizzjonijiet, jiġifieri l-illegalità tal-aġir ikkritikat lill-istituzzjonijiet, ir-realtà tad-dannu u l-eżistenza ta’ rabta kawżali bejn l-aġir allegat u d-dannu invokat. Meta waħda minn dawn il-kundizzjonijiet ma tkunx sodisfatta, ir-rikors għandu jiġi miċħud kollu kemm hu, mingħajr ma jkun meħtieġ li jiġu eżaminati l-kundizzjonijiet l-oħra (ara s-sentenza tal-15 ta’ Ottubru 2013, Evropaïki Dynamiki vs Il-Kummissjoni, T‑474/10, mhux ippubblikata, EU:T:2013:528, punt 215 u l-ġurisprudenza ċċitata; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza tad-9 ta’ Settembru 2008, FIAMM et vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni, C‑120/06 P u C‑121/06 P, EU:C:2008:476, punti 106 u 164 sa 166 u l-ġurisprudenza ċċitata).

90      F’dan il-każ, huwa opportun li preliminarjament tiġi eżaminata t-tieni kundizzjoni għall-istabbiliment tar-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni esposta fil-punt 89 iktar ’il fuq, jiġifieri dik intiża biex jiġi ddeterminat jekk ir-rikorrenti stabbilixxewx ir-realtà tad-danni li huma jinvokaw.

91      Fir-rigward tal-kundizzjoni dwar ir-realtà tad-dannu, l-Unjoni tista’ tinżamm responsabbli biss jekk ir-rikorrent ikun effettivament sofra dannu “reali u ċert”. Huwa r-rikorrent li għandu jipproduċi provi lill-qorti tal-Unjoni sabiex tiġi ddeterminata l-eżistenza u l-portata ta’ tali dannu (ara s-sentenza tat-8 ta’ Novembru 2011, Idromacchine et vs Il-Kummissjoni, T‑88/09, EU:T:2011:641, punt 25 u l-ġurisprudenza ċċitata).

92      F’dan ir-rigward, għandu jiġi nnotat li d-dannu invokat mir-rikorrenti huwa t-telf ta’ opportunità ta’ offerta għal kuntratt pubbliku. Issa, kif issostni l-Kummissjoni, il-fatt li ssir offerta ma jagħtix vantaġġ lill-offerent peress li ma jiggarantixxilhiex assigurazzjoni li tikseb il-kuntratt. Għaldaqstant, it-telf ta’ opportunità ta’ offerta ma jikkostitwixxix dannu reali u ċert li jista’ jkun is-suġġett ta’ kumpens, iżda dannu ipotetiku.

93      Sa fejn ir-rikorrenti jinvokaw, essenzjalment, dannu li jirriżulta minn telf tal-opportunità li jingħataw il-kuntratt, għandu jitfakkar li mill-ġurisprudenza jirriżulta li tali telf tal-opportunità li jingħataw kuntratt jikkostitwixxi dannu reali u ċert biss fil-każ fejn, fl-assenza ta’ aġir ħażin tal-istituzzjoni, ma jkunx hemm dubju li r-rikorrenti kienet tikseb l-għoti tal-imsemmi kuntratt (ara, f’dan is-sens, id-digriet tat-22 ta’ Ġunju 2011, Evropaïki Dynamiki vs Il-Kummissjoni, T‑409/09, EU:T:2011:299, punt 85 u l-ġurisprudenza ċċitata).

94      Ir-rikorrenti stess jirrikonoxxu, għall-kalkolu tad-dannu tagħhom, li għandha tittieħed inkunsiderazzjoni l-probabbiltà li huma jkunu rebħu l-kuntratt. F’dan ir-rigward, l-ammont tal-kumpens li r-rikorrenti jitolbu sussidjarjament jikkorrispondi għall-profitt nett li huma kienu jiksbu li kieku l-kuntratt ingħatalhom.

95      Għandu jiġi eżaminat jekk ir-rikorrenti pproduċewx provi sabiex jistabbilixxu li huma kienu jiksbu l-kuntratt kieku kienu ġew mistiedna għall-proċedura nnegozjata mingħajr pubblikazzjoni minn qabel inkwistjoni.

96      F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti jsostnu li huma ma kellhomx il-kriterji tekniċi u ta’ għoti li abbażi tagħhom kien ingħata l-kuntratt u barra minn hekk talbu lill-Qorti Ġenerali, permezz tal-ħames kap tat-talbiet tagħhom, biex tordna lill-Kummissjoni tikkomunika l-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt li abbażi tagħhom ingħataw il-kuntratti qafas inkwistjoni. Madankollu, għandu jiġi rrilevat li r-rikorrenti kellhom il-kriterji ta’ għoti użati fil-kuntest tal-għoti tal-kuntratt inkwistjoni u ppubblikati fl-avviż tal-għoti tal-24 ta’ Diċembru 2020.

97      F’dan il-każ, l-avviż ta’ għoti ta’ kuntratt tal-24 ta’ Diċembru 2020 kien jindika, taħt it-Titolu II.1.4 intitolat “Deskrizzjoni fil-qosor”, li l-għan tal-kuntratt kien li l-Kummissjoni tixtri sa 200 robot-diżinfettanti permezz tar-radjazzjoni UV awtonomi u faċli biex jintużaw. Taħt it-Titolu II.2.5 intitolat “Kriterji għall-għoti”, l-istess avviż ta’ għoti ta’ kuntratt kien jinkludi deskrizzjoni qasira tal-kriterji ta’ għoti tal-kuntratt inkwistjoni. B’mod iktar preċiż, dawn kienu tliet kriterji kwalitattivi, jiġifieri, l-ewwel nett, l-eċċellenza teknika u l-maturità tar-robot ta’ diżinfezzjoni (li jirrigwardaw b’mod partikolari l-kwalità tal-proċess ta’ diżinfezzjoni, l-effettività u l-ħeffa tal-proċess ta’ diżinfezzjoni, l-awtonomija tar-robot, il-portata, il-faċilità tal-użu), it-tieni nett, il-kwalità tal-approċċ adottat sabiex tiġi żgurata l-provvista tal-isptar magħżul fi żmien erba’ ġimgħat wara l-ordni u sabiex jiġi żgurat it-taħriġ ulterjuri tal-persunal tal-isptarijiet, is-sostenn u l-manutenzjoni u, it-tielet nett, iż-żmien ta’ rispons fl-għoti ta’ assistenza teknika u ta’ manutenzjoni.

98      Ir-rikorrenti jsostnu li huma kumpannija internazzjonali fil-qasam tat-teknoloġija medika, tal-prevenzjoni u tal-kontroll tal-infezzjonijiet u tipproduċi robot ta’ diżinfezzjoni li jista’ jinġarr imsejjaħ “Ultra-V” li juża teknoloġija ta’ raġġi luminużi UVC. Barra minn hekk, huma jsostnu li huma setgħu jagħtu risposta adegwata għal kull wieħed mill-kriterji ta’ għoti deskritti fil-punt 97 iktar ’il fuq.

99      Madankollu, fir-rigward tal-kriterji ta’ għoti relatati, minn naħa, mal-kwalità u mal-ħeffa tal-forniment lill-isptar magħżul u mat-taħriġ ulterjuri tal-persunal tal-isptarijiet u, min-naħa l-oħra, mal-ħin tar-rispons fil-provvista ta’ assistenza teknika u ta’ manutenzjoni, ir-rikorrenti ma pproduċew ebda prova ta’ natura li ssostni l-affermazzjoni tagħhom, fil-punt 20 tar-rikors tagħhom, li tgħid li huma kienu f’pożizzjoni li jissodisfaw dawn il-kriterji.

100    Mill-elementi kollha preċedenti jirriżulta li r-rikorrenti ma stabbilixxewx li ma kienx ikun hemm dubju li huma kienu jiksbu l-għoti tal-imsemmi kuntratt li kieku ġew mistiedna jissottomettu offerti fil-kuntest tal-proċedura nnegozjata mingħajr pubblikazzjoni minn qabel ta’ avviż ta’ kuntratt inkwistjoni.

101    Konsegwentement, ma huwiex neċessarju li l-Kummissjoni tiġi ordnata tikkomunika l-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt li abbażi tagħhom ingħataw il-kuntratti qafas inkwistjoni.

102    Minn dan isegwi li r-rekwiżit dwar ir-realtà tad-dannu ma huwiex sodisfatt sabiex tiġi kkonstatata r-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni, abbażi tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 340 TFUE.

103    Fid-dawl tan-natura kumulattiva tar-rekwiżiti li għalihom hija suġġetta l-konstatazzjoni tar-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Union, fis-sens tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 340 TFUE, ma hemmx lok li jiġu eżaminati l-kundizzjonijiet l-oħra imposti mill-ġurisprudenza f’dan ir-rigward.

104    F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-talba għad-danni u r-rikors fl-intier tiegħu għandhom jiġu miċħuda.

 Fuq l-ispejjeż

105    Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li r-rikorrenti tilfu, hemm lok li jiġu kkundannati għall-ispejjeż, inklużi dawk relatati mal-proċeduri għal miżuri provviżorji, skont it-talbiet tal-Kummissjoni.

Għal dawn ir-raġunijiet,

IL-QORTI ĠENERALI (L-Ewwel Awla Estiża),

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      Inivos Ltd u Inivos BV huma kkundannati għall-ispejjeż, inklużi dawk relatati mal-proċeduri għal miżuri provviżorji.

Spielmann

 

      Mastroianni

 

Brkan            

 

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fil-21 ta’ Frar 2024.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.