Language of document : ECLI:EU:T:2017:372

Kawża T442/12

Changmao Biochemical Engineering Co. Ltd

vs

Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea

“Dumping – Importazzjonijiet ta’ aċidu tartariku li joriġina miċ-Ċina – Modifika tad-dazju antidumping definittiv – Reviżjoni interim parzjali – Status ta’ impriża li topera f’ekonomija tas-suq – Nefqiet fuq l-inputs maġġuri li jirriflettu sostanzjalment il-valuri tas-suq – Bdil fiċ-ċirkustanzi – Obbligu ta’ motivazzjoni – Terminu għall-adozzjoni ta’ deċiżjoni dwar l-istatus ta’ impriża li topera f’ekonomija tas-suq – Drittijiet tad-difiża – Artikolu 20(2) tar-Regolament (KE) Nru 1225/2009”

Sommarju – Sentenza tal-Qorti Ġenerali (It-Tmien Awla) tal-1 ta’ Ġunju 2017

1.      Politika kummerċjali komuni – Protezzjoni kontra l-prattiki ta’ dumping – Marġni ta’ dumping – Determinazzjoni tal-valur normali – Importazzjonijiet minn pajjiżi li ma għandhomx ekonomija tas-suq – Għoti tal-istatus ta’ impriża li topera f’ekonomija tas-suq – Kundizzjonijiet – Oneru tal-prova li jaqa’ fuq il-produtturi – Evalwazzjoni tal-provi mill-istituzzjonijiet – Stħarriġ ġudizzjarju – Limiti

(Regolament tal-Kunsill Nru 1225/2009, Artikolu 2(7)(a), (b) u (ċ))

2.      Politika kummerċjali komuni – Protezzjoni kontra l-prattiki ta’ dumping – Marġni ta’ dumping – Determinazzjoni tal-valur normali – Importazzjonijiet minn pajjiżi li ma għandhomx ekonomija tas-suq – Għoti tal-istatus ta’ impriża li topera f’ekonomija tas-suq – Kundizzjonijiet – Nefqiet fuq l-inputs maġġuri li għandhom jirriflettu sostanzjalment il-valuri tas-suq – Oneru tal-prova li jaqa’ fuq il-produtturi

(Regolament tal-Kunsill Nru 1225/2009, l-ewwel inċiż tal-Artikolu 2(7)(ċ))

3.      Politika kummerċjali komuni – Protezzjoni kontra l-prattiki ta’ dumping – Proċedura ta’ reviżjoni interim parzjali ta’ dazju antidumping – Setgħa diskrezzjonali tal-istituzzjonijiet – Bidla tal-evalwazzjoni taċ-ċirkustanzi li ġġustifikaw l-għoti tal-istatus ta’ impriża li topera f’ekonomija tas-suq fi tmiem l-investigazzjoni inizjali – Ammissibbiltà

(Regolament tal-Kunsill Nru 1225/2009, Artikoli 2(7)(ċ) u 11(6))

4.      Atti tal-istituzzjonijiet – Motivazzjoni – Obbligu – Portata – Regolament li jimponi dazji antidumping

(Artikolu 296 TFUE)

5.      Politika kummerċjali komuni – Protezzjoni kontra l-prattiki ta’ dumping – Marġni ta’ dumping – Determinazzjoni tal-valur normali – Importazzjonijiet minn pajjiżi li ma għandhomx ekonomija tas-suq kif imsemmija fl-Artikolu 2(7)(b) tar-Regolament Nru 1225/2009 – Proċedura ta’ evalwazzjoni tal-kundizzjonijiet li jippermettu li produttur ikun jista’ jibbenefika mill-istatus ta’ impriża li topera f’ekonomija tas-suq – Qbiż, mill-Kummissjoni, tat-terminu ta’ tliet xhur previst bit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 2(7)(ċ) tal-imsemmi regolament – Konsegwenzi

(Regolament tal-Kunsill Nru 1225/2009, Artikolu 2(7)(a) u (b) u t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 2(7)(ċ))

6.      Politika kummerċjali komuni – Protezzjoni kontra l-prattiki ta’ dumping – Investigazzjoni – Rispett tad-drittijiet tad-difiża – Obbligu tal-istituzzjonijiet li jiżguraw li l-impriżi kkonċernati jiġu informati u li josservaw il-kunfidenzjalità tal-informazzjoni filwaqt li jirrikonċiljaw dawn l-obbligi – Ksur tal-obbligu ta’ informazzjoni – Kundizzjonijiet – Rifjut li tiġi pprovduta informazzjoni li tista’ tkun ta’ utilità għad-difiża tal-impriża

(Regolament tal-Kunsill Nru 1225/2009, Artikolu 20(2))

7.      Politika kummerċjali komuni – Protezzjoni kontra l-prattiki ta’ dumping – Proċedura antidumping – Drittijiet tad-difiża – Stħarriġ ġudizzjarju – Teħid inkunsiderazzjoni ta’ motivi li ma jikkostitwixxux il-bażi tal-att li wassal għall-ksur allegat tad-drittijiet tad-difiża – Inammissibbiltà

(Regolament tal-Kunsill Nru 1225/2009, Artikolu 20(2))

1.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punti 41 sa 46)

2.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punti 47 sa 64)

3.      Fil-kuntest tal-analiżi retrospettiva u prospettiva li għandhom iwettqu għall-finijiet tar-reviżjoni interim parzjali ta’ miżuri antidumping, l-istituzzjonijiet jistgħu jibdlu l-evalwazzjoni tagħhom taċ-ċirkustanzi li ġġustifikaw l-għoti tal-istatus ta’ impriża li topera f’ekonomija tas-suq fi tmiem l-investigazzjoni inizjali.

Fil-fatt, ikun illoġiku li l-istituzzjonijiet ikunu obbligati japplikaw l-Artikolu 2(7)(ċ) tar-Regolament bażiku Nru 1225/2009, dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea, b’mod li rriżulta żbaljat fid-dawl tal-provi ppreżentati fil-kuntest tar-reviżjoni interim sempliċement għaliex tali applikazzjoni twettqet fl-investigazzjoni inizjali. Tali konklużjoni tkun iktar u iktar illoġika għaliex, skont l-Artikolu 11(6) tar-Regolament bażiku, reviżjoni interim biss tippermetti l-modifika tal-miżuri, filwaqt li reviżjoni tal-miżuri li se jiskadu tista’ twassal biss għat-tħassir tagħhom jew għaż-żamma tagħhom.

(ara l-punti 83 u 84)

4.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punti 89 sa 98)

5.      Skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 2(7)(ċ) tar-Regolament bażiku Nru 1225/2009, dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea, il-kwistjoni ta’ jekk il-produttur jissodisfax il-kriterji għall-għoti tal-istatus ta’ impriża li topera f’ekonomija tas-suq msemmija fl-ewwel subparagrafu ta’ din id-dispożizzjoni għandha tiġi deċiża fi żmien tliet xhur mill-ftuħ tal-investigazzjoni, wara konsultazzjoni speċifika mal-kumitat konsultattiv u wara li l-industrija tal-Unjoni tkun ingħatat l-opportunità tippreżenta l-osservazzjonijiet tagħha.

Madankollu, l-imsemmija dispożizzjoni ma fiha ebda indikazzjoni dwar il-konsegwenzi ta’ qbiż tat-terminu ta’ tliet xhur mill-Kummissjoni. Fil-fatt, kull qbiż ta’ dan it-terminu mill-Kummissjoni ma jwassalx awtomatikament għall-annullament tar-regolament adottat sussegwentement.

Għaldaqstant, il-qbiż tal-imsemmi terminu ta’ tliet xhur jista’ jaffettwa l‑legalità tar‑regolament adottat sussegwentement biss jekk l-impriża kkonċernata turi li, li kienu ngħatat fit‑termini stabbiliti, it‑tweġiba għat‑talba tagħha għall‑għoti tal-istatus ta’ impriża li topera f’ekonomija tas-suq setgħet tkun differenti, jiġifieri iktar favorevoli għall-interessi tagħha.

(ara l-punti 111, 113 u 115)

6.      Skont l-Artikolu 20(2) tar-Regolament bażiku Nru 1225/2009, dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea, il-partijiet ikkonċernati minn investigazzjoni antidumping jistgħu jitolbu informazzjoni finali dwar il-fatti u l-kunsiderazzjonijiet essenzjali li abbażi tagħhom jiġi rrakkomandat l-istabbiliment ta’ miżuri definittivi jew l-għeluq ta’ investigazzjoni jew ta’ proċedura mingħajr l-istabbiliment ta’ miżuri.

Barra minn hekk, ir-rispett tad-drittijiet tad-difiża f’kull proċedura kontra persuna u li tista’ twassal għal att li jikkawża preġudizzju, huwa prinċipju fundamentali tad-dritt tal-Unjoni li għandu jiġi żgurat, anki fl-assenza ta’ kwalunkwe leġiżlazzjoni li tikkonċerna l-proċedura. Dan il-prinċipju huwa ta’ importanza kbira fil-proċeduri ta’ investigazzjonijiet antidumping.

Skont l-imsemmi prinċipju, l-impriżi kkonċernati għandhom ikunu tqiegħdu f’pożizzjoni, matul il-proċedura amministrattiva, li jesprimu effettivament il-perspettiva tagħhom dwar ir-realtà u r-rilevanza tal-fatti u ċ-ċirkustanzi allegati u dwar il-provi mressqa mill-Kummissjoni insostenn tal-allegazzjoni tagħha dwar l-eżistenza ta’ prattika ta’ dumping u tad-dannu li jirriżulta minnha.

L-obbligu ta’ informazzjoni li għandhom l-istituzzjonijiet tal-Unjoni fil-qasam tal-antidumping għandu jikkonċilja mal-obbligu li l-informazzjoni kunfidenzjali tiġi osservata. Madankollu, l-obbligu ta’ osservanza tal-informazzjoni kunfidenzjali ma jistax ixejjen id-drittijiet tad-difiża mill-kontenut essenzjali tagħhom. Huwa skont il-livell ta’ speċifiċità tal-informazzjoni mitluba li wieħed għandu jevalwa n-natura suffiċjenti tal-informazzjoni pprovduta mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni.

F’dak li jikkonċerna b’mod iktar partikolari r-rifjut tal-Kummissjoni li tipprovdi, lil impriża kkonċernata minn investigazzjoni antidumping, informazzjoni dwar id-determinazzjoni tal-valur normali tal-prodotti kkonċernati, il-fatt li jkun hemm disponibbli l-kalkoli ddettaljati mwettqa mill-Kummissjoni u d-data użata għal dawn il-kalkoli huwa, b’mod ġenerali, ta’ natura li jippermetti lill-partijiet ikkonċernati jipprovdu osservazzjonijiet iktar utli għad-difiża tagħhom. Fil-fatt, huma jistgħu għalhekk jivverifikaw speċifikament il-mod kif il-Kummissjoni użat din id-data u jipparagunawha mal-kalkoli proprji tagħhom, fatt li huwa ta’ natura li jippermettilhom jidentifikaw żbalji eventwali min-naħa tal-Kummissjoni li kieku jibqgħu mhux identifikabbli. Barra minn hekk, l-impriża kkonċernata ma tistax tiġi obbligata turi li d-deċiżjoni tal-istituzzjonijiet meħuda sussegwentement kienet tkun differenti li kieku hija kellha l-imsemmija informazzjoni, iżda sempliċement li tali ipoteżi ma hijiex totalment eskluża peress li hija kienet tkun tista’ tiżgura aħjar id-difiża tagħha fl-assenza tal-irregolarità proċedurali li b’hekk taffettwa b’mod konkret id-drittijiet tad-difiża tagħha.

(ara l-punti 138 sa 140, 142, 143, 156 u 157)

7.      Il-legalità ta’ att tal-Unjoni għandha tiġi evalwata skont punti ta’ fatt u ta’ liġi eżistenti fid-data meta l-att ġie adottat, b’mod li l-Qorti Ġenerali ma tkunx tista’ tissostitwixxi l-motivi invokati matul il-proċedura ta’ investigazzjoni b’motivi oħra invokati għall-ewwel darba quddiemha.

Għalhekk, ir-rifjut tal-Kummissjoni li tipprovdi lil impriża kkonċernata minn investigazzjoni antidumping bl-informazzjoni dwar id-determinazzjoni tal-valur normali tal-prodotti kkonċernati ma jistax jiġi ġġustifikat permezz ta’ motiv invokat matul il-proċedura orali quddiem il-Qorti Ġenerali, jiġifieri l-protezzjoni tal-interessi kummerċjali ta’ kompetitur tal-imsemmija impriża.

(ara l-punt 153)