Language of document : ECLI:EU:C:2013:272

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)

25 ta’ April 2013 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Politika soċjali – Approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet – Protezzjoni tal-ħaddiema fil-każ ta’ insolvenza tal-persuna li timpjega – Direttiva 2008/94/KE – Kamp ta’ applikazzjoni – Skemi komplementari ta’ previdenza professjonali – Skema ta’ benefiċċji ddefiniti u ta’ spejjeż ibbilanċjati – Insuffiċjenza ta’ riżorsi – Livell minimu ta’ protezzjoni – Kriżi ekonomika – Żvilupp ekonomiku u soċjali bbilanċjat – Obbligi tal-Istat Membru kkonċernat fil-każ ta’ insuffiċjenza ta’ riżorsi – Responsabbiltà tal-Istat Membru fil-każ ta’ traspożizzjoni żbaljata”

Fil-Kawża C‑398/11,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-High Court (l-Irlanda), permezz ta’ deċiżjoni tal-20 ta’ Lulju 2011, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis-27 ta’ Lulju 2011, fil-proċeduri

Thomas Hogan,

Jonh Burns,

John Dooley,

Alfred Ryan,

Michael Cunningham,

Michael Dooley,

Denis Hayes,

Marion Walsh,

Joan Power,

Walter Walsh

vs

Minister for Social and Family Affairs,

Ireland,

Attorney General,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),

komposta minn R. Silva de Lapuerta, li qed jaġixxi bħala President tat-Tielet Awla, K. Lenaerts, E. Juhász (Relatur), J. Malenovský u D. Šváby, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: J. Kokott,

Reġistratur: L. Hewlett, Amministratur Prinċipali,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-3 ta’ Ottubru 2012,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal T. Hogan et, minn G. Byrne, solicitor, M. Collins, SC, u C. Donnelly, BL,

–        għal Minister for Social and Family Affairs, Ireland u l-Attorney General, minn D. O’Hagan, bħala aġent, assistit minn B. Murray, BL, kif ukoll minn E. Carolan, BL,

–        għall-Gvern Olandiż, minn J. Langer, bħala aġent,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn G. Rozet u J. Enegren, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tikkonċerna l-interpretazzjoni tal-Artikoli 1 u 8 tad-Direttiva 2008/94/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-22 ta’ Ottubru 2008, dwar il-protezzjoni tal-impjegati fil-każ ta’ insolvenza ta’ min iħaddimhom (ĠU L 283, p. 36).

2        Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ kawża bejn T. Hogan u ex impjegati oħra ta’ Waterford Crystal Ltd (iktar ’il quddiem “Waterford Crystal”) u l-Minister for Social and Family Affairs, Ireland u l-Attorney General dwar it-traspożizzjoni tad-Direttiva 2008/94.

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt tal-Unjoni

3        Skont l-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 2008/94, din tapplika għall-kreditu ta’ impjegati li jirriżulta mill-kuntratti ta’ xogħol jew minn relazzjonijiet ta’ xogħol fis-seħħ fir-rigward ta’ impjegati li jinsabu fi stat ta’ insolvenza fis-sens tal-Artikolu 2(1) ta’ din id-direttiva.

4        Skont l-Artikolu 8 tal-imsemmija direttiva, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li jittieħdu l-miżuri meħtieġa għall-protezzjoni tal-interessi ta’ impjegati u ta’ persuni li jkunu diġà telqu mill-impriża jew mill-istabbiliment tal-persuna li timpjegahom fil-bidu tal-insolvenza tagħhom, fir-rigward ta’ drittijiet li ser jintitolawhom immedjatement jew sussegwentement għal pensjoni, inkluż benefiċċji tas-superstiti, taħt skemi komplementari ta’ previdenza professjonali jew interprofessjonali fis-seħħ barra mill-iskemi statutorji nazzjonali ta’ sigurtà soċjali.

 Id-dritt Irlandiż

 Il-pensjoni legali

5        Fir-rigward tal-pensjoni legali fl-Irlanda, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-gvern iżomm il-benefiċċji tal-ħaddiema u tal-impjegati taħt forma ta’ fondi ta’ assigurazzjoni soċjali. Minkejja li l-kontribuzzjonijiet jissejħu benefiċċji ta’ sigurtà soċjali marbuta mar-remunerazzjoni (“Pay Related Social Insurance”), il-pensjoni legali titħallas indipendentement mil-livell ta’ dħul tal-ħaddiem matul il-karriera tiegħu.

6        Il-pensjoni ta’ bażi tammonta għal EUR 230.30 fil-ġimgħa u tingħata lil kull persuna li tkun laħqet l-età tal-pensjoni u li tkun ħallset ċertu livell ta’ kontribuzzjonijiet ta’ sigurtà soċjali marbuta mar-remunerazzjoni matul il-karriera tagħha. Il-funzjonament tas-sistema legali tal-pensjoni huwa indipendenti mid-drittijiet li persuna tkun akkwistat minn sistema professjonali, kemm jekk tkun sistema ta’ benefiċċji ddefiniti kif ukoll jekk tkun sistema ta’ kontribuzzjonijiet iddefiniti.

 L-iskemi addizzjonali ta’ previdenza professjonali ta’ benefiċċji ddefiniti

7        Fl-Irlanda, fil-parti l-kbira tal-iskemi komplementari ta’ previdenza professjonali ta’ benefiċċji ddefiniti, l-assi tal-iskemi huma fdati lil trustees, amministraturi ta’ fondi, għall-benefiċċju esklużiv tal-benefiċjarji tal-iskema kkonċernata, u għaldaqstant ma humiex proprjetà tal-persuna li timpjega u ma humiex disponibbli sabiex jissodisfaw il-kredituri fil-każ ta’ insolvenza tal-persuna li timpjega.

8        F’tali skema, l-impjegati jkollhom biss dritt għal pensjoni meta l-iskema tagħhom ikollha biżżejjed assi. Il-protezzjoni ta’ dawn l-assi hija żgurata bl-użu ta’ trust, li tisseparahom mill-assi tal-persuna li timpjegahom.

9        Skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali, l-iskemi komplementari ta’ previdenza huma ffinanzjati minn kontribuzzjonijiet li joriġinaw kemm mill-persuna li timpjega kif ukoll mill-impjegati. Għal dawn tal-aħħar, perċentwali fiss tar-remunerazzjoni tagħhom jitħallas lil fond tal-pensjoni, filwaqt li l-impjegati jikkontribwixxu annwalment sabiex jiggarantixxu li, fuq perijodu twil, l-iskema komplementari ta’ previdenza jkollha biżżejjed assi sabiex tissodisfa l-obbligi tagħha.

10      Sabiex tiddetermina l-ammont tal-kontribuzzjoni tal-persuna li timpjega, il-Liġi dwar il-pensjonijiet (Pensions Act) tal-1990, kif emendata, timponi lill-attwarju jikkalkola l-kontribuzzjoni tal-persuna li timpjegah skont l-istandard speċifiku magħruf bħala “Minimum Funding Standard”. Minn dan jirriżulta li l-iskemi komplementari ta’ previdenza huma skemi ta’ “spejjeż ibbilanċjati”, fejn il-persuna li timpjega tikkontribwixxi annwalment l-ammont neċessarju flimkien mal-kontribuzzjonijiet tal-impjegati sabiex jiġu bbilanċjati l-assi u l-passiv fuq perijodu twil.

11      Ir-regoli tal-fond tal-pensjoni jippermettu lill-persuna li timpjega tillikwida l-iskemi komplementari ta’ previdenza f’kull mument u, għalhekk, li ttemm l-obbligu tagħha li tikkontribwixxi għall-iskemi. Dawn ir-regoli jipprovdu li, fil-każ ta’ likwidazzjoni tal-fondi, indipendentement mir-raġuni tad-deċiżjoni tal-persuna li timpjega li ttemm l-obbligi tagħha, minħabba insolvenza jew kwalunkwe raġuni oħra, il-ħaddiema għandhom jirċievu parti mill-assi tal-fondi.

12      Fl-Irlanda, skema komplementari ta’ previdenza ta’ benefiċċji ddefiniti tista’ tieħu inkunsiderazzjoni l-pensjoni legali. Tali skema tissejjaħ pensjoni komplementari (“integrated pension”).

 It-traspożizzjoni tal-Artikolu 8 tad-Direttiva 2008/94 fid-dritt Irlandiż

13      Il-qorti tar-rinviju tippreċiża li l-uniku miżura tad-dritt nazzjonali adottata espliċitament sabiex tittrasponi l-Artikolu 8 tad-Direttiva tal-Kunsill 80/987/KEE, tal-20 ta’ Ottubru 1980, dwar it-taqrib tal-liġijiet tal-Istati Membri dwar il-protezzjoni tal-impjegati f’każ tal-insolvenza ta’ min iħaddimhom (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 1), li sar l-Artikolu 8 tad-Direttiva 2008/94, huwa l-Artikolu 7 tal-Liġi tal-1984 dwar il-protezzjoni tal-impjegati fil-każ ta’ insolvenza tal-persuna li timpjega [Protection of Employees (Employers’ Insolvency) Act 1984], li tipprevedi li kull kontribuzzjoni mnaqqsa mill-persuna li timpjega, jew dovuta minnu, matul tnax-il xahar li jippreċedu l-insolvenza, għandha titħallas lill-iskema komplementari ta’ previdenza professjonali.

 Il-fatti fil-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

14      Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali huma għaxar ex impjegati ta’ Waterford Crystal, impriża speċjalizzata sa mill-1947 fil-manifattura ta’ prodotti fini tal-kristall, li tinsab fil-belt ta’ Waterford, fl-Irlanda. Għal tmien rikorrenti fil-kawża prinċipali, id-data tal-bidu tal-pensjoni kienet prevista għall-perijodu bejn l-2011 u l-2013, u għat-tnejn l-oħra għall-perijodu bejn l-2019 u l-2022.

15      Għal dawn ir-rikorrenti, waħda mill-kundizzjonijiet tax-xogħol kienet li jaderixxu ma’ sistema addizzjonali ta’ previdenza ta’ benefiċċji ddefiniti stabbilita mill-kumpannija li timpjegahom, Waterford Crystal Limited Contributory Pension Scheme for Factory Employees jew Waterford Crystal Limited Contributory Pension Scheme for Staff, imwaqqfa fl-1975 u fl-1960 rispettivament mill-ftehim ta’ trust.

16      L-imsemmija skemi kienu jipprovdu l-possibbiltà, għall-benefiċjarji li jieħdu l-pensjoni tagħhom normali, li jirċievu benefiċċju tax-xjuħija li l-bażi tiegħu huwa r-remunerazzjoni finali (“final pensionable salary”) li minnha jitnaqqsu l-benefiċċji tal-pensjoni legali. Iż-żewġ terzi ta’ din is-somma jirrappreżentaw il-benefiċċju tax-xjuħija ta’ dawn l-iskemi.

17      Fil-bidu tas-sena 2009, ġie nnominat amministratur straordinarju għal Waterford Crystal u ġie kkonstatat li din kienet tinsab fi stat ta’ insolvenza. L-iskemi komplementari ta’ previdenza mwaqqfa minn din il-kumpannija ġew likwidati fil-31 ta’ Marzu 2009, filwaqt li l-ammont totali tal-assi kien ta’ EUR 130 miljun, l-ammont tal-passiv kien ta’ EUR 240 miljuni u d-defiċit kien jammonta għal madwar EUR 110 miljun.

18      L-attwarju impjegat mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali qies li dawn tal-aħħar kienu jirċievu 18 % sa 28 % tal-ammonti li kienu intitolati għalihom kieku rċevew il-valur attwali tad-drittijiet akkumulati tagħhom tal-benefiċċju tax-xjuħija. L-attwarju impjegat mill-Irlanda kien ikkritika dan il-kalkolu u kkunsidra li l-perċentwali kien dak bejn is-16 % u l-41 % u ma kienx joqrob id-49 % imsemmija mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tagħha tal-25 ta’ Jannar 2007, Robins et (C‑278/05, Ġabra p. I‑1053).

19      Għaldaqstant, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali ressqu kawża billi sostnew li l-Irlanda ma kinitx ittrasponiet b’mod korrett l-Artikolu 8 tad-Direttiva 2008/94, fid-dawl tas-sentenza Robins et, iċċitata iktar ’il fuq.

20      Min-naħa l-oħra, l-Irlanda ssostni li adottat, kemm qabel kif ukoll wara s-sentenza Robins et, iċċitata iktar ’il fuq, diversi miżuri importanti intiżi li jipproteġu l-interessi tal-benefiċjarji tal-iskemi komplementari ta’ previdenza professjonali.

21      Il-High Court, billi qieset li l-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2008/94 hija neċessarja sabiex tagħti d-deċiżjoni tagħha, iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel id-domandi preliminari segwenti lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“1)      Id-Direttiva 2008/98/KE , fid-dawl tal-Artikolu 1(1) tagħha u fid-dawl tal-fatt li taħt il-liġi Irlandiża t-telf tal-benefiċċji tal-pensjoni li għalihom huma intitolati r-rikorrenti ma joħloqx kreditu kontra min iħaddem li jkunu jistgħu jinvokaw quddiem ir-riċevitur jew fil-kuntest ta’ xi proċedura ta’ stralċ ta’ min iħaddimhom, u li ma jipprovdilhom ebda bażi legali oħra sabiex jaġixxu kontra min iħaddimhom fiċ-ċirkostanzi ta’ dan il każ, tapplika għas-sitwazzjoni tar rikorrenti?

2)      Fl-evalwazzjoni ta’ jekk Stat wettaqx l-obbligi tiegħu taħt l-Artikolu 8, il-qorti nazzjonali tista’ tieħu inkunsiderazzjoni il-pensjoni kontributorja legali li ser jirċievu r-rikorrenti (li r-riċezzjoni tagħha hija indipendenti mill-iskema tal pensjoni professjonali) u tqabbel (a) it-total tal-pensjoni legali u tal-valur tal-pensjoni li r-rikorrenti sejrin jew li x’aktarx sejrin effettivament jirċievu abbażi tal-iskema tal-pensjoni professjonali, ma’ (b) it-total tal-pensjoni kontributorja legali u l-valur tad-drittijiet tal-pensjoni akkumulati minn kull wieħed mir-rikorrenti fid-data li ngħalqet l-iskema, li kienet ġiet ikkonċepita b’tali mod li tieħu inkunsiderazzjoni l-pensjoni legali sabiex jiġi ddeterminat l ammont tal-benefiċċji mitlub mir-rikorrenti?

3)      F’każ ta’ risposta pożittiva għat-tieni domanda, l-ammonti li r-rikorrenti jistgħu effettivament jirċievu huma biżżejjed sabiex jitqies li l-Istat osserva l-obbligi tiegħu taħt l-Artikolu 8?

4)      Sabiex l-Artikolu 8 tad-Direttiva japplika, għandha tiġi stabbilita xi rabta kawżali bejn it-telf min-naħa tar-rikorrenti tal-benefiċċji tal-pensjoni tagħhom u l-insolvenza ta’ min iħaddimhom, apparti mill-fatti li (i) fid-data li fiha, min iħaddem sab ruħu fi stat ta’ insolvenza, l-iskema għall-pensjoni ma kinitx tibbenefika minn kopertura finanzjarja suffiċjenti u (ii) l-insolvenza ta’ min iħaddem tfisser li dan ma għandux ir-riżorsi meħtieġa sabiex iħallas biżżejjed kontribuzzjonijiet għall-iskema tal-pensjoni sabiex jippermetti l-ħlas totali tal benefiċċji tal-pensjoni dovuti lill-membri (b’min iħaddem ma jkollu l ebda obbligu li jagħmel dan meta l-iskema tiġi likwidata)?

5)      Il-miżuri adottati mill-Irlanda, kif deskritti iktar ’il fuq, jikkostitwixxu eżekuzzjoni tal-obbligi imposti mid-Direttiva fir-rigward tal-fatturi soċjali, kummerċjali u ekonomiċi li ttieħdu inkunsiderazzjoni mill-Irlanda matul ir reviżjoni tas-sistema tal-protezzjoni tal-pensjonijiet wara s-sentenza Robins [...] u; b’mod partikolari; fir-rigward tal-“ħtiġiet għal żvilupp ekonomiku u soċjali bbilanċjat” li huma msemmija fil-premessa 3 tad-Direttiva?

6)      Is-sitwazzjoni ekonomika [...] tikkostitwixxi ċirkustanza eċċezzjonali biżżejjed sabiex jiġi ġġustifikat li l-livell ta’ protezzjoni tal-interessi tar-rikorrenti jkun inferjuri mil-livell li kien ikun meħtieġ f’ċirkostanzi oħra u, jekk dawn huwa l każ, x’inhuwa l-livell inferjuri ta’ protezzjoni ammissibbli?

7)      F’każ ta’ risposta negattiva għat-tieni domanda, il-fatt li l-miżuri meħuda mill Istat wara s-sentenza Robins ma wasslux għar-riżultat li jippermetti li r rikorrenti jirċievu iktar minn 49 % tal-valur tad-drittijiet tal-pensjoni akkumulati tagħhom fil-kuntest tal-iskema għall-pensjoni professjonali tagħhom, fih innifsu jikkostitwixxi ksur serju tal-obbligi tal-Istat, li jawtorizza lir-rikorrenti li jitolbu l-kumpens għad-danni li sostnew (jiġifieri, mingħajr ma għandu jintwera separatament li l-imġiba tal Istat wara s-sentenza Robins tikkostitwixxi nuqqas ta’ osservanza manifest u serju tal-obbligi tiegħu taħt l Artikolu 8 tad-Direttiva)?”

 Fuq id-domandi preliminari

 Fuq l-ewwel domanda

22      Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk id-Direttiva 2008/94 għandhiex tiġi interpretata fis-sens li tapplika għad-drittijiet ta’ ħaddiema preċedenti għall-benefiċċji tax-xjuħija skont skema komplementari ta’ previdenza stabbilita mill-persuna li timpjegahom.

23      F’din id-domanda, il-qorti tar-rinviju tirreferi għall-Artikolu 1(1) tal-imsemmija direttiva, u tippreċiża li, fid-dritt Irlandiż, f’tali sitwazzjoni, ma teżisti ebda bażi legali li tippermetti lill-imsemmija rikorrenti jressqu kawża kontra l-persuna li timpjegahom.

24      F-dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat li, fid-dawl tal-obbligu li kellhom ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, meta ġew impjegati, li jaderixxu ma’ skema ta’ previdenza professjonali stabbilita mill-persuna li timpjegahom, id-drittijiet ta’ benefiċċji tax-xjuħija tagħhom fil-kuntest ta’ din l-iskema għandhom jitqiesu li joriġinaw minn kuntratti jew relazzjonijiet ta’ xogħol li jorbtuhom mal-persuna li timpjegahom, fis-sens tal-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 2008/94.

25      Fir-rigward tal-Artikolu 8 tad-Direttiva 2008/94, dan jistabbilixxi obbligu speċifiku fuq l-Istati Membri favur ħaddiema impjegati. L-Istati Membri jistgħu jinħelsu minn dan l-obbligu b’diversi metodi. Dan jista’ jsir billi jiġi żgurat li l-persuna li timpjega tista’ tissodisfa l-obbligi li jirriżultaw minn skema komplementari ta’ previdenza professjonali, jew li l-istituzzjoni ta’ pensjoni professjonali, distinta mill-persuna li timpjega, ikollha tali kapaċità.

26      Huwa paċifiku li r-rikorrenti fil-kawża prinċipali huma ex impjegati ta’ kumpannija li jsostnu li l-interessi tagħhom, fir-rigward tad-drittijiet kweżiti għal benefiċċji tax-xjuħija skont skema komplementari ta’ previdenza professjonali, ma kinux protetti mill-Irlanda fil-każ ta’ insolvenza mill-persuna li timpjegahom.

27      Konsegwentement, ir-risposta li għandha tingħata għall-ewwel domanda għandha tkun li d-Direttiva 2008/94 għandha tiġi interpretata fis-sens li tapplika għad-drittijiet ta’ ex impjegati għall-benefiċċji tax-xjuħija ta’ skema komplementari ta’ previdenza professjonali stabbilita mill-persuna li timpjegahom.

 Fuq it-tieni domanda

28      Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 8 tad-Direttiva 2008/94 għandux jiġi interpretat fis-sens li, sabiex jiġi ddeterminat jekk Stat Membru wettaqx l-obbligu previst f’dan l-artikolu, il-benefiċċji tal-pensjoni legali għandhomx jittieħdu inkunsiderazzjoni.

29      Għandu jiġi rrilevat li l-għan tal-Artikolu 8 tad-Direttiva 2008/94 huwa li, fil-każ ta’ insolvenza tal-persuna li timpjega, tiġi ggarantita l-protezzjoni tal-interessi tal-ħaddiema fir-rigward tad-drittijiet tagħhom għall-benefiċċji tax-xjuħija skont skemi komplementari ta’ previdenza professjonali. Din id-dispożizzjoni nfisha tindika li hija esklużivament marbuta ma’ skemi komplementari ta’ previdenza professjonali jew interprofessjonali, billi tippreċiża li, fil-kuntest ta’ din il-protezzjoni, din tikkonċerna skemi “li ma jkunux parti mill-iskemi statutorji nazzjonali ta’ sigurtà soċjali”.

30      Fid-dawl tal-kliem ċar tal-Artikolu 8 tad-Direttiva 2008/94, waqt l-evalwazzjoni tal-punt dwar jekk Stat Membru nħelisx mill-obbligu previst f’dan l-artikolu, il-benefiċċji tal-pensjoni legali ma jistgħux jittieħdu inkunsiderazzjoni.

31      Din il-konstatazzjoni ma tistax tiġi kkontestata bl-eżistenza ta’ leġiżlazzjoni ta’ skema komplementari ta’ previdenza professjonali li, waqt il-kalkolu tal-benefiċċju tax-xjuħija ta’ din l-iskema, tnaqqas il-benefiċċji tal-pensjoni legali tal-ammont tal-aħħar remunerazzjoni effettiva li sservi bħala bażi għal dan il-kalkolu (“actual final salary”).

32      Fil-fatt, it-teħid inkunsiderazzjoni tal-benefiċċji tal-pensjoni legali, għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 8 tad-Direttiva 2008/94, ikunu jmorru kontra l-effett utli tal-protezzjoni imposta minn dan l-artikolu fil-kuntest tal-iskemi komplementari ta’ previdenza professjonali.

33      Konsegwentement, ir-risposta li għandha tingħata lit-tieni domanda tal-Artikolu 8 tad-Direttiva 2008/94 għandha tiġi interpretata fis-sens li, sabiex jiġi ddeterminat jekk Stat Membru wettaqx l-obbligu previst f’dan l-artikolu, il-benefiċċji tal-pensjoni legali ma jistgħux jittieħdu inkunsiderazzjoni.

34      Fid-dawl tar-risposta li ngħatat għat-tieni domanda, ma hemmx lok li tiġi eżaminata t-tielet domanda.

 Fuq ir-raba’ domanda

35      Permezz tar-raba’ domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 8 tad-Direttiva 2008/94 għandux jiġi interpretat fis-sens li, sabiex japplika dan l-artikolu, huwa biżżejjed li l-iskema komplementari ta’ previdenza professjonali ma tkunx tibbenefika minn fondi suffiċjenti fid-data li fiha l-persuna li timpjega tkun tinsab fi stat ta’ insolvenza, u li minħabba l-insolvenza tagħha, il-persuna li timpjega ma jkollhiex riżorsi neċessarji sabiex tħallas kontribuzzjonijiet suffiċjenti lil din l-iskema bil-għan li tippermetti l-ħlas kollu tal-benefiċċji dovuti lill-benefiċjarji tal-imsemmija skema, jew jekk huwiex neċessarju li dawn tal-aħħar jistabbilixxu l-eżistenza ta’ fatturi oħra li jagħtu lok għat-telf tad-drittijiet tagħhom għall-benefiċċji tax-xjuħija.

36      Għandu jiġi kkonstatat li d-Direttiva 2008/94 għandha bħala għan il-protezzjoni tal-impjegati fil-każ ta’ insolvenza tal-persuna li timpjega. Din b’ebda mod ma tikkonċerna ir-raġunijiet li kkawżaw tali insolvenza.

37      Fir-rigward tal-kopertura insuffiċjenti tal-iskema komplementari ta’ previdenza professjonali, l-oriġini tagħha tista’ tkun dovuta għal diversi raġunijiet, jiġifieri, b’mod partikolari, in-nuqqas ta’ ħlas ta’ kontribuzzjonijiet mill-ħaddiema jew ta’ kontribuzzjonijiet mill-persuna li timpjega, l-evoluzzjoni sfavorevoli tas-swieq kapitali, il-ġestjoni żbaljata tal-fondi tal-iskema jew regoli prudenzjali mhux suffiċjentement rigorużi.

38      Għaldaqstant, l-Artikolu 8 tad-Direttiva 2008/94 ma jagħmilx distinzjoni bejn tali raġunijiet possibbli, iżda jistabbilixxi obbligu ġenerali ta’ protezzjoni tal-interessi tal-ħaddiema u jħalli lill-Istati Membri l-possibbiltà li jiddefinixxu, skont id-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari d-Direttiva 2003/41/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-3 ta’ Ġunju 2003, dwar l-attivitajiet u s-superviżjoni ta’ istituzzjonijiet għall-provvista ta’ irtirar okkupazzjonali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol 4, p. 350), il-metodi li bihom jissodisfaw dan l-obbligu.

39      Għaldaqstant, għall-applikazzjoni tal-Artikolu 8 tad-Direttiva 2008/94, ma huwiex neċessarju li jiġu identifikati r-raġunijiet li wasslu għall-insolvenza tal-persuna li timpjega u lanqas dawk li pprovokaw l-insuffiċjenza tal-fondi tal-iskema komplementari tal-previdenza professjonali.

40      Konsegwentement, ir-risposta li għandha tingħata għar-raba’ domanda għandha tkun li l-Artikolu 8 tad-Direttiva 2008/94 għandu jiġi interpretat fis-sens li, sabiex dan japplika, huwa biżżejjed li l-iskema komplementari ta’ previdenza professjonali ma tibbenefikax minn fondi suffiċjenti meta l-persuna li timpjega tkun tinsab fi stat ta’ insolvenza u li, minħabba l-insolvenza tagħha, il-persuna li timpjega ma jkollhiex riżorsi neċessarji sabiex tħallas kontribuzzjonijiet suffiċjenti lil din l-iskema bil-għan li tippermetti l-ħlas kollu tal-benefiċċji dovuti lill-benefiċjarji. Ma huwiex neċessarju li dawn tal-aħħar jistabbilixxu l-eżistenza ta’ fatturi oħra li jagħtu lok għat-telf tad-drittijiet tagħhom għall-benefiċċji tax-xjuħija

 Fuq il-ħames u s-sitt domandi

41      Permezz tal-ħames u tas-sitt domandi, li għandhom jiġu eżaminati konġuntament, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk id-Direttiva 2008/94 għandhiex tiġi interpretata fis-sens li l-miżuri adottati mill-Irlanda wara s-sentenza Robins et, iċċitata iktar ’il fuq, jissodisfawx l-obbligi imposti minn din id-direttiva fir-rigward tal-ħtiġijiet ta’ żvilupp ekonomiku u soċjali bbilanċjat, u jekk is-sitwazzjoni ekonomika tikkostitwixxix ċirkustanza eċċezzjonali li tista’ tiġġustifika livell inqas ta’ protezzjoni tal-interessi tal-ħaddiema fir-rigward tad-drittijiet tagħhom għal benefiċċji tax-xjuħija skont skema komplimentari ta’ previdenza professjonali.

42      Fis-sentenza Robins et, iċċitata iktar ’il fuq, il-Qorti tal-Ġustizzja, fl-interpretazzjoni tal-Artikolu 8 tad-Direttiva 80/987, li sar l-Artikolu 8 tad-Direttiva 2008/94, irrikonoxxiet li l-Istati Membri jibbenefikaw minn marġni ta’ evalwazzjoni kbira sabiex jiddeterminaw kemm il-mekkaniżmu kif ukoll il-livell ta’ protezzjoni tad-drittijiet għall-benefiċċji tax-xjuħija skont skema komplimentari ta’ previdenza professjonali fil-każ ta’ insolvenza tal-persuna li timpjegaha, li teskludi obbligu ta’ garanzija integrali (sentenza Robins et, iċċitata iktar ’il fuq, punti 36 u 42 sa 45).

43      Hija madankollu kkunsidrat li dispożizzjonijiet tad-dritt intern li jistgħu jwasslu għal garanzija ta’ benefiċċji ta’ skema komplimentari ta’ previdenza professjonali limitata għal inqas min-nofs id-drittijiet li kien intitolat għalihom l-impjegat ma jaqgħux taħt id-definizzjoni tal-kelma “mħarsa” użata fl-Artikolu 8 tad-Direttiva 80/987 (sentenza Robins et, iċċitata iktar ’il fuq, punt 57).

44      Din l-evalwazzjoni tieħu inkunsiderazzjoni r-rekwiżiti ta’ żvilupp ekonomiku u soċjali bbilanċjat, billi tikkunsidra, minn naħa, l-evoluzzjoni diverġenti u ftit li xejn prevedibbli tas-sitwazzjoni ekonomika tal-Istati Membri u, min-naħa l-oħra, in-neċessità li tiġi żgurata garanzija minima ta’ protezzjoni lill-impjegati fil-każ ta’ insolvenza tal-persuna li timpjegahom marbuta, pereżempju, ma’ evoluzzjoni sfavorevoli tal-kundizzjonijiet ekonomiċi.

45      F’dan il-kuntest, ma hijiex in-natura speċifika tal-miżuri adottati minn Stat Membru li tiddetermina jekk dan tal-aħħar wettaqx korrettament l-obbligi tiegħu previsti fl-Artikolu 8 tad-Direttiva 2008/94, iżda pjuttost ir-riżultat tal-applikazzjoni ta’ dawn il-miżuri nazzjonali.

46      Barra minn hekk, il-miżura msemmija mill-qorti tar-rinviju, li hemm riferiment għaliha fil-punt 13 tas-sentenza preżenti, ma tidhirx, fid-dawl tal-indikazzjonijiet imsemmija fil-punt 18 tas-sentenza preżenti, li hija ta’ natura li tiżgura livell minimu ta’ protezzjoni meħtieġ mis-sentenza Robins et, iċċitata iktar ’il fuq.

47      Konsegwentement, ir-risposta li għandha tingħata għall-ħames u għas-sitt domandi għandha tkun li d-Direttiva 2008/94 għandha tiġi interpretata fis-sens li l-miżuri adottati mill-Irlanda, wara s-sentenza Robins et, iċċitata iktar ’il fuq, ma jissodisfawx l-obbligi imposti minn din id-direttiva u li s-sitwazzjoni ekonomika tal-Istat Membru kkonċernat ma tikkostitwixxix ċirkustanza eċċezzjonali li tista’ tiġġustifika livell inqas ta’ protezzjoni tal-interessi tal-ħaddiema fir-rigward tad-drittijiet tagħhom għall-benefiċċji tax-xjuħija skont skema komplimentari ta’ previdenza professjonali.

 Fuq is-seba’ domanda

48      Permezz tas-seba’ domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk id-Direttiva 2008/94 għandhiex tiġi interpretata fis-sens li l-fatt li l-miżuri meħuda mill-Irlanda wara s-sentenza Robins et, iċċitata iktar ’il fuq, kellhom l-effett li jippermettu lir-rikorrenti fil-kawża prinċipali jirċievu iktar minn 49 % tal-valur tad-drittijiet akkumulati tagħhom għal benefiċċji tax-xjuħija, skont skema komplimentari ta’ previdenza professjonali, jikkostitwixxix, fih innifsu, ksur serju tal-obbligi ta’ dan l-Istat Membru.

49      L-individwi leżi għandhom dritt għal kumpens kontra Stat Membru meta jiġu sodisfatti tliet kundizzjonijiet, jiġifieri li r-regola tad-dritt tal-Unjoni li nkisret jkollha bħala għan li tagħtihom drittijiet, li l-ksur ta’ din ir-regola jkun suffiċjentement serju u li tkun teżisti rabta kawżali diretta bejn dan il-ksur u d-dannu mġarrab mill-individwi (sentenzi tal-24 ta’ Marzu 2009, Danske Slagterier, C-445/06, Ġabra p. I-2119, punt 20, kif ukoll tad-9 ta’ Diċembru 2010, Combinatie Spijker Infrabouw-De Jonge Konstruktie et, C-568/08, Ġabra p. I-12655, punt 87 u l-ġurisprudenza ċċitata).

50      Is-seba’ domanda tikkonċerna t-tieni kundizzjoni.

51      Hekk kif ġiet deċiża s-sentenza Robins et, iċċitata iktar ’il fuq, jiġifieri fil-25 ta’ Jannar 2007, l-Istati Membri ġew informati li t-traspożizzjoni korretta tal-Artikolu 8 tad-Direttiva 2008/94 teħtieġ li, fil-każ ta’ insolvenza tal-persuna li timpjegah, ħaddiem jirċievi, minn tal-inqas, nofs il-benefiċċji tax-xjuħija li jirriżultaw mid-drittijiet ta’ pensjoni akkumulati u li fir-rigward tagħhom ħallas kontribuzzjonijiet fil-kuntest ta’ skema komplimentari ta’ previdenza professjonali.

52      F’dawn il-kundizzjonijiet, għandu jiġi kkonstatat li, minkejja li n-natura u l-portata tal-obbligu li għandhom l-Istati Membri skont l-Artikolu 8 tad-Direttiva 2008/94, li għandu bħala għan li jikkonferixxi drittijiet lil individwi, kienu ċari u speċifiċi, mhux iktar tard mill-25 ta’ Jannar 2007, l-Irlanda kienet għadha ma wettqitx b’mod korrett dan l-obbligu, li jikkostitwixxi ksur suffiċjentement serju ta’ din id-dispożizzjoni tal-liġi fil-kuntest ta’ eżami eventwali tar-responsabbiltà ta’ dan l-Istat Membru għad-dannu kkawżat lil individwi.

53      Konsegwentement, ir-risposta li għandha tingħata għas-seba’ domanda għandha tkun li d-Direttiva 2008/94 għandha tiġi interpretata fis-sens li, il-fatt li l-miżuri meħuda mill-Irlanda wara s-sentenza Robins et, iċċitata iktar ’il fuq, ma kellhomx l-effett li r-rikorrenti fil-kawża prinċipali jirċievu iktar minn 49 % tal-valur tad-drittijiet akkumulati tagħhom għal benefiċċji tax-xjuħija, skont skema komplimentari ta’ previdenza professjonali, jikkostitwixxi, fih innifsu, ksur serju tal-obbligi ta’ dan l-Istat Membru.

 Fuq l-ispejjeż

54      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi li:

1)      Id-Direttiva 2008/94/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-22 ta’ Ottubru 2008, dwar il-protezzjoni tal-impjegati fil-każ ta’ insolvenza ta’ min iħaddimhom, għandha tiġi interpretata fis-sens li tapplika għad-drittijiet ta’ ex impjegati għall-benefiċċji tax-xjuħija ta’ skema komplementari ta’ previdenza professjonali stabbilita mill-persuna li timpjegahom.

2)      L-Artikolu 8 tad-Direttiva 2008/94 għandu jiġi interpretat fis-sens li, sabiex jiġi ddeterminat jekk Stat Membru wettaqx l-obbligu previst f’dan l-artikolu, il-benefiċċji tal-pensjoni legali ma jistgħux jittieħdu inkunsiderazzjoni.

3)      L-Artikolu 8 tad-Direttiva 2008/94 għandu jiġi interpretat fis-sens li, sabiex dan japplika, huwa suffiċjenti li l-iskema komplementari ta’ previdenza professjonali ma tibbenefikax minn fondi suffiċjenti meta l-persuna li timpjega tkun tinsab fi stat ta’ insolvenza u li, minħabba l-insolvenza tagħha, il-persuna li timpjega ma jkollhiex riżorsi neċessarji sabiex tħallas kontribuzzjonijiet suffiċjenti lil din l-iskema bil-għan li tippermetti l-ħlas kollu tal-benefiċċji dovuti lill-benefiċjarji. Ma huwiex neċessarju li dawn tal-aħħar jistabbilixxu l-eżistenza ta’ fatturi oħra li jagħtu lok għat-telf tad-drittijiet tagħhom għall-benefiċċji tax-xjuħija

4)      Id-Direttiva 2008/94 għandha tiġi interpretata fis-sens li l-miżuri adottati mill-Irlanda, wara s-sentenza Robins et, iċċitata iktar ’il fuq, ma jissodisfawx l-obbligi imposti minn din id-direttiva u li s-sitwazzjoni ekonomika tal-Istat Membru kkonċernat ma tikkostitwixxix ċirkustanza eċċezzjonali li tista’ tiġġustifika livell inqas ta’ protezzjoni tal-interessi tal-ħaddiema fir-rigward tad-drittijiet tagħhom għall-benefiċċji tax-xjuħija skont skema komplimentari ta’ previdenza professjonali.

5)      Id-Direttiva 2008/94 għandha tiġi interpretata fis-sens li, il-fatt li l-miżuri meħuda mill-Irlanda wara s-sentenza Robins et, iċċitata iktar ’il fuq, ma kellhomx l-effett li r-rikorrenti fil-kawża prinċipali jirċievu iktar minn 49 % tal-valur tad-drittijiet akkumulati tagħhom għal benefiċċji tax-xjuħija, skont skema komplimentari ta’ previdenza professjonali, jikkostitwixxi, fih innifsu, ksur serju tal-obbligi ta’ dan l-Istat Membru.

Firem


* Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.