Language of document : ECLI:EU:C:2017:632

Kawża C413/14 P

Intel Corp. Inc.

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

“Appell – Artikolu 102 TFUE – Abbuż minn pożizzjoni dominanti – Tnaqqis għal fedeltà – Ġurisdizzjoni tal-Kummissjoni – Regolament (KE) Nru 1/2003 – Artikolu 19”

Sommarju – Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tas-6 ta’ Settembru 2017

1.        Kompetizzjoni – Regoli tal-Unjoni – Kamp ta’ applikazzjoni territorjali – Ġurisdizzjoni tal-Kummissjoni – Ammissibbiltà fid-dawl tad-dritt internazzjonali pubbliku – Implementazzjoni jew effetti kklassifikati tal-prattiki abbużivi fiż-ŻEE – Metodi alternattivi – Kriterju tal-effett immedjat, sostanzjali u prevedibbli – Portata

(Artikoli 101 TFUE u 102 TFUE)

2.        Appell – Aggravji – Aggravju indirizzat kontra raġuni superfluwa – Aggravju ineffettiv – Rifjut

(Artikolu 256(1) TFUE; Statut tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 58)

3.        Kompetizzjoni – Proċedura amministrattiva – Setgħat tal-Kummissjoni – Setgħa li tieħu dikjarazzjonijiet – Dikjarazzjonijiet dwar is-suġġett ta’ investigazzjoni – Distinzjoni bejn l-intervisti formali u l-intervisti informali – Inammissibbiltà

(Regolament tal-Kunsill Nru 1/2003, premessa 25 u Artikolu 19(1); Regolament tal-Kummissjoni Nru 773/2004, Artikolu 3)

4.        Kompetizzjoni – Proċedura amministrattiva – Setgħat tal-Kummissjoni – Setgħa li tieħu dikjarazzjonijiet – Dikjarazzjonijiet dwar is-suġġett ta’ investigazzjoni – Obbligu li jaqa’ fuq il-Kummissjoni li tirrekordja kull intervista mwettqa minnha, fl-intier tagħha, bil-forma tal-għażla tagħha

(Regolament tal-Kunsill Nru 1/2003, Artikolu 19(1); Regolament tal-Kummissjoni Nru 773/2004, Artikolu 3(1) u (3))

5.        Appell – Aggravji – Motivi ta’ sentenza vvizjati bi ksur tad-dritt tal-Unjoni – Dispożittiv ibbażat fuq motivi oħra ta’ liġi – Rifjut

(Artikolu 256(1) TFUE; Statut tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 58)

6.        Kompetizzjoni – Proċedura amministrattiva – Rispett tad-drittijiet tad-difiża – Aċċess għall-fajl – Portata – Rifjut ta’ komunikazzjoni ta’ dokument – Konsegwenzi – Neċessità li ssir, fuq il-livell tal-oneru tal-prova li taqa’ fuq l-impriża kkonċernata, distinzjoni bejn id-dokumenti li huma prova kontra u dawk li jiskaġunaw

(Regolament tal-Kunsill Nru 1/2003, Artikolu 27(2))

7.        Pożizzjoni dominanti – Abbuż – Prattika ta’ esklużjoni abbużiva – Definizzjoni – Diskriminazzjoni permezz tal-prezzijiet – Prattika li ma tistax, fiha nnifisha, tissuġġerixxi l-preżenza ta’ prattika ta’ esklużjoni abbużiva

(Artikolu 102 TFUE)

8.        Pożizzjoni dominanti – Abbuż – Tnaqqis għal esklużività jew għal fedeltà – Kapaċità li jirrestrinġi l-kompetizzjoni u effett ta’ esklużjoni – Analiżi tal-kompetitur daqstant effiċjenti – Kriterji ta’ evalwazzjoni

(Artikolu 102 TFUE)

9.        Appell – Appell meqjus fondat – Riżoluzzjoni tat-tilwima fuq il-mertu mill-qorti tar-rinviju – Kundizzjoni – Kawża fi stat li tista’ tiġi deċiża – Assenza – Kawża mibgħuta lura quddiem il-Qorti Ġenerali

(Statut tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 61)

1.      Ir-regoli tal-kompetizzjoni tal-Unjoni stabbiliti fl-Artikoli 101 u 102 TFUE huma intiżi li jaqbdu l-aġir, kollettiv jew unilaterali, ta’ impriżi li jillimitaw il-kompetizzjoni fi ħdan is-suq intern. Fil-fatt, filwaqt li l-Artikolu 101 TFUE jipprojbixxi l-ftehimiet u l-prattiki li jkollhom bħala għan jew riżultat tagħhom il-prevenzjoni, ir-restrizzjoni jew id-distorsjoni tal-kompetizzjoni fi ħdan is-suq intern, l-Artikolu 102 TFUE jipprojbixxi kull abbuż minn pożizzjoni dominanti fi ħdan is-suq intern, jew fi ħdan parti sostanzjali tiegħu. Għal dak li jirrigwarda l-applikazzjoni tal-Artikolu 101 TFUE, il-fatt li impriża li tipparteċipa fi ftehim tinsab fi Stat terz ma jipprekludix l-applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni, peress li tali ftehim jipproduċi l-effetti tiegħu fit-territorju tas-suq intern. Barra minn hekk, sabiex tiġi ġġustifikata l-applikazzjoni tal-kriterju tal-implementazzjoni, jekk l-applikabbiltà tal-projbizzjonijiet stabbiliti mid-dritt tal-kompetizzjoni kellha tkun dipendenti fuq il-post fejn jiġi fformat l-akkordju, dan ikun iwassal sabiex l-impriżi jingħataw metodu faċli kif jevitaw l-imsemmija projbizzjonijiet. Issa, il-kriterju tal-effetti kklassifikati jipprova jilħaq l-istess għan, jiġifieri li jinqabad aġir li ma jkunx ġie adottat fit-territorju tal-Unjoni, iżda li l-effetti antikompetittivi tiegħu jistgħu jinħassu fis-suq tal-Unjoni. Il-kriterju tal-effetti kklassifikati jista’ għalhekk jservi bħala bażi għall-ġurisdizzjoni tal-Kummissjoni.

Għaldaqstant, il-kriterju tal-effetti kklassifikati jippermetti li tiġi ġġustifikata l-applikazzjoni tad-dritt tal-kompetizzjoni tal-Unjoni fir-rigward tad-dritt internazzjonali pubbliku, meta jkun prevedibbli li l-aġir inkwistjoni jipproduċi effett immedjat u sostanzjali fl-Unjoni.

Huwa fid-dawl tal-aġir tal-impriża jew tal-impriżi inkwistjoni, meħud fl-intier tiegħu, li għandu jiġi ddeterminat jekk il-Kummissjoni għandhiex il-ġurisdizzjoni neċessarja sabiex tapplika, f’kull każ, id-dritt tal-kompetizzjoni tal-Unjoni. F’dan ir-rigward, huwa biżżejjed li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-effetti probabbli ta’ aġir fuq il-kompetizzjoni sabiex tiġi ssodisfatta l-kundizzjoni dwar ir-rekwiżit ta’ prevedibbiltà. Minn naħa, peress li l-aġir tal-impriża f’pożizzjoni dominanti fil-konfront ta’ manifattur ta’ kompjuters kien parti minn strateġija ġenerali intiża li twassal għas-sitwazzjoni fejn ebda kompjuter portabbli tal-manifattur ta’ kompjuters li jkun fih il-prodott ta’ kompetitur ma jkun disponibbli fis-suq, inkluż fiż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE), l-aġir tal-impriża f’pożizzjoni dominanti seta’ jkollu effett immedjat fiż-ŻEE. Min-naħa l-oħra, fil-preżenza ta’ strateġija, bħal dik żviluppata mill-imsemmija impriża fil-konfront tal-manifattur ta’ kompjuters, intiża li tostakola l-aċċess tal-kompetitur għall-mezzi ta’ bejgħ l-iktar importanti tas-suq, kellu jittieħed inkunsiderazzjoni l-aġir tal-impriża meħud fl-intier tiegħu sabiex tiġi evalwata n-natura sostanzjali tal-effetti tiegħu fuq is-suq tal-Unjoni u taż-ŻEE.

Li kieku kellu jsir mod ieħor dan ikun jwassal għal frammentazzjoni artifiċjali ta’ aġir antikompetittiv globali, li tista’ taffettwa l-istruttura tas-suq fi ħdan iż-ŻEE, f’sensiela ta’ istanzi ta’ aġir distinti li jistgħu jaħarbu mill-ġurisdizzjoni tal-Unjoni.

(ara l-punti 42 sa 46, 49 sa 52, 55 sa 57)

2.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punti 63, 64, 105, 106)

3.      Fil-kuntest ta’ proċedura amministrattiva fil-qasam tal-kompetizzjoni, mill-formulazzjoni stess tal-Artikolu 19(1) tar-Regolament Nru 1/2003 jirriżulta li dan tal-aħħar huwa intiż li japplika għal kull intervista li l-għan tagħha huwa l-ġbir ta’ informazzjoni dwar is-suġġett ta’ investigazzjoni. Il-premessa 25 tal-imsemmi regolament tippreċiża, f’dan ir-rigward, li dan ir-regolament huwa intiż li jsaħħaħ is-setgħat investigattivi tal-Kummissjoni billi jippermetti, b’mod partikolari, lil din tal-aħħar tintervista kwalunkwe persuna li tista’ tkun fil-pussess ta’ xi informazzjoni utli u tirrekordja d-dikjarazzjonijiet tagħha.

L-Artikolu 19(1) tar-Regolament Nru 1/2003 jikkostitwixxi għalhekk bażi legali li tippermetti lill-Kummissjoni twettaq intervista ma’ persuna fil-kuntest ta’ investigazzjoni, liema fatt huwa kkonfermat mix-xogħol preparatorju ta’ dan ir-regolament.

Ebda element ibbażat fuq il-formulazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni jew fuq l-għan li hija tipprova tilħaq ma jippermetti li wieħed jikkonkludi li l-leġiżlatur kellu l-intenzjoni li jintroduċi distinzjoni bejn żewġ kategoriji ta’ intervisti relatati mas-suġġett ta’ investigazzjoni jew jeskludi mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-imsemmija dispożizzjoni numru minn dawn l-intervisti.

Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali wettqet żball meta qieset li għandha ssir distinzjoni, minn fost l-intervisti mwettqa mill-Kummissjoni fil-kuntest ta’ investigazzjoni, bejn l-intervisti formali li jaqgħu taħt l-applikazzjoni tal-Artikolu 19(1) tar-Regolament Nru 1/2003 u tal-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 773/2004, dwar it-tmexxija ta’ proċeduri mill-Kummissjoni skont l-Artikoli 81 sa 82 [KE], u l-intervisti informali, li jaqgħu l-barra mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet.

(ara l-punti 84 sa 88)

4.      Fil-kuntest ta’ proċedura amministrattiva fil-qasam tal-kompetizzjoni, l-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 773/2004, dwar it-tmexxija ta’ proċeduri mill-Kummissjoni skont l-Artikoli 81 sa 82 [KE], li jipprevedi li l-Kummissjoni għandha tgħarraf ukoll lill-persuna intervistata bl-intenzjoni tagħha li tirrekordja l-intervista, ma għandux jiġi interpretat fis-sens li l-irrekordjar tal-intervista għandu natura fakultattiva, iżda fis-sens li l-Kummissjoni għandha tgħarraf lill-persuna kkonċernata bl-intenzjoni tagħha li tirrekordja l-intervista. L-Artikolu 3(3) tar-Regolament Nru 773/2003, li jippreċiża li l-Kummissjoni tista’ tirrekordja b’kull forma d-dikjarazzjonijiet magħmula mill-persuni intervistati, jimplika li, jekk il-Kummissjoni tiddeċiedi, bil-kunsens tal-persuna intervistata, li twettaq intervista abbażi tal-Artikolu 19(1) tar-Regolament Nru 1/2003, hija għandha l-obbligu li tirrekordja din l-intervista fl-intier tagħha, mingħajr preġudizzju għall-għażla mogħtija lill-Kummissjoni dwar il-forma ta’ dan l-irrekordjar.

Minn dan jirriżulta li l-Kummissjoni għandha l-obbligu li tirrekordja, bil-forma tal-għażla tagħha, kull intervista mwettqa minnha, skont l-Artikolu 19 tar-Regolament Nru 1/2003, għall-finijiet tal-ġbir ta’ informazzjoni relatata mas-suġġett ta’ investigazzjoni minnha.

(ara l-punti 89 sa 91)

5.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punt 94)

6.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punti 96 sa 101)

7.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punti 133 sa 137)

8.      Fil-qasam tal-kompetizzjoni, l-Artikolu 102 TFUE bl-ebda mod ma għandu bħala għan li jimpedixxi lil impriża li tikseb, fuq mertu tagħha stess, il-pożizzjoni dominanti f’suq. Din id-dispożizzjoni lanqas ma hija intiża li tiżgura li kompetituri inqas effettivi mill-impriża f’pożizzjoni dominanti jibqgħu fis-suq. Għalhekk, mhux kull effett ta’ esklużjoni neċessarjament jippreġudika l-kompetizzjoni. Mid-definizzjoni tagħha stess, il-kompetizzjoni fuq il-mertu tista’ twassal għat-telf tas-suq jew għall-marġinalizzazzjoni tal-kompetituri inqas effettivi u għalhekk inqas interessanti għall-konsumaturi mill-perspettiva b’mod partikolari tal-prezzijiet, tal-għażla, tal-kwalità jew tal-innovazzjoni. Madankollu, hija l-impriża f’pożizzjoni dominanti li għandha responsabbiltà partikolari li ma tippreġudikax, bl-aġir tagħha, il-kompetizzjoni effettiva u mhux distorta fis-suq intern. Din hija ir-raġuni għalfejn l-Artikolu 102 KE jipprojbixxi, b’mod partikolari, lil impriża f’pożizzjoni dominanti milli timplementa prattiki li jipproduċu effetti ta’ esklużjoni għall-kompetituri tagħha meqjusa li huma daqstant effettivi bħalha, sabiex b’hekk issaħħaħ il-pożizzjoni dominanti tagħha billi tapplika miżuri li ma jaqgħux taħt il-kompetizzjoni fuq il-mertu. Minn din il-perspettiva, kull kompetizzjoni permezz tal-prezzijiet ma tistax għalhekk titqies li hija leġittima. F’dan ir-rigward, diġà ġie deċiż li, għal impriża li ssib ruħha f’pożizzjoni dominanti f’suq, il-fatt li torbot xerrejja, anki jekk fuq it-talba tagħhom, permezz ta’ obbligu jew ta’ wegħda li jiksbu l-bżonnijiet kollha tagħhom jew parti kunsiderevoli mill-bżonnijiet tagħhom esklużivament mingħand l-imsemmija impriża jikkostitwixxi abbuż minn pożizzjoni dominanti fis-sens tal-Artikolu 102 TFUE, kemm jekk l-obbligu huwa stipulat mingħajr kwalifika oħra, kemm jekk dan ikollu l-korrispettiv tiegħu fl-għoti ta’ tnaqqis. L-istess japplika meta l-imsemmija impriża, mingħajr ma torbot lix-xerrejja permezz ta’ obbligu formali, tapplika, taħt il-ftehimiet konklużi ma’ dawn ix-xerrejja jew unilateralment, sistema ta’ tnaqqis għal fedeltà, jiġifieri tnaqqis marbut mal-kundizzjoni li l-klijent, irrispettivament mill-ammont ta’ dan ix-xiri, jixtri esklużivament għall-bżonnijiet kollha tiegħu jew għall-parti l-kbira tagħhom mingħand l-impriża f’pożizzjoni dominanti.

Madankollu, din il-ġurisprudenza għandha tiġi ċċarata iktar fil-każ fejn l-impriża kkonċernata ssostni, matul il-proċedura amministrattiva u abbażi ta’ provi ta’ sostenn, li l-aġir tagħha ma kellux il-kapaċità li jirrestrinġi l-kompetizzjoni u, b’mod partikolari, li jipproduċi effetti ta’ esklużjoni allegati. F’tali każ, il-Kummissjoni mhux biss hija obbligata tanalizza, minn naħa, l-importanza tal-pożizzjoni dominanti tal-impriża fis-suq rilevanti u, min-naħa l-oħra, ir-rata ta’ kopertura tas-suq mill-prattika kkontestata, kif ukoll il-kundizzjonijiet u l-modalitajiet għall-għoti tat-tnaqqis inkwistjoni, it-tul tiegħu u l-ammont tiegħu, iżda hija obbligata wkoll tevalwa l-eżistenza eventwali ta’ strateġija intiża li teskludi l-kompetituri li tal-inqas huma daqstant effettivi.

L-analiżi tal-kapaċità ta’ esklużjoni hija rilevanti wkoll għall-evalwazzjoni tal-kwistjoni dwar jekk sistema ta’ tnaqqis li taqa’, bħala prinċipju, taħt il-projbizzjoni prevista fl-Artikolu 102 TFUE tistax tkun oġġettivament iġġustifikata. Barra minn hekk, l-effett ta’ esklużjoni li jirriżulta minn sistema ta’ tnaqqis, żvantaġġuża għall-kompetizzjoni, tista’ tiġi kkumpensata, jew anki maqbuża, permezz tal-vantaġġi f’dak li jirrigwarda l-effikaċja li minnhom japprofitta wkoll il-konsumatur. Tali bbilanċjar tal-effetti, vantaġġużi u żvantaġġużi għall-kompetizzjoni, tal-prattika kkontestata jista’ jsir fid-deċiżjoni tal-Kummissjoni biss wara analiżi tal-kapaċità ta’ esklużjoni tal-kompetituri li tal-inqas huma daqstant effettivi, inerenti għall-prattika inkwistjoni. Jekk, f’deċiżjoni li tikkonstata n-natura abbużiva ta’ sistema ta’ tnaqqis, il-Kummissjoni twettaq tali analiżi, hija l-Qorti Ġenerali li għandha teżamina l-argumenti kollha tar-rikorrent intiżi li jqiegħdu inkwistjoni l-fondatezza tal-konstatazzjonijiet magħmula mill-Kummissjoni dwar il-kapaċità ta’ esklużjoni tas-sistema ta’ tnaqqis ikkonċernata.

F’dan il-każ, fid-deċiżjoni kontenzjuża, il-Kummissjoni, filwaqt li tenfasizza li t-tnaqqis inkwistjoni kellu, min-natura tiegħu stess, il-kapaċità li jirrestrinġi il-kompetizzjoni b’mod li analiżi taċ-ċirkustanzi kollha tal-każ u, b’mod partikolari, test AEC (as efficient competitor test) ma kinux neċessarji sabiex jiġi kkonstatat abbuż minn pożizzjoni dominanti, wettqet xorta waħda, fl-imsemmija deċiżjoni kontenzjuża, eżami fil-fond ta’ dawn iċ-ċirkustanzi, billi pprovdiet żviluppi ddettaljati ħafna fir-rigward tal-analiżi tagħha mwettqa fil-kuntest tat-test AEC, liema analiżi wasslitha sabiex tikkonkludi li kompetitur daqstant effettiv kien ikollu joffri prezzijiet li ma kinux vijabbli u li, għaldaqstant, il-prattika ta’ tnaqqis inkwistjoni seta’ jkollha effetti ta’ esklużjoni ta’ tali kompetitur.

Minn dan jirriżulta li, fid-deċiżjoni kontenzjuża, it-test AEC kellu importanza reali fl-evalwazzjoni mill-Kummissjoni tal-kapaċità tal-prattika ta’ tnaqqis inkwistjoni li tipproduċi effett ta’ esklużjoni ta’ kompetituri daqstant effettivi.

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Qorti Ġenerali kellha l-obbligu li teżamina l-argumenti kollha tal-impriża f’pożizzjoni dominanti dwar dan it-test.

Issa, ġie deċiż li ma kienx neċessarju li jiġi eżaminat jekk il-Kummissjoni wettqitx it-test AEC skont ir-regoli speċifiċi u mingħajr ma twettaq żbalji, u li lanqas ma kien neċessarju li tiġi eżaminata l-kwistjoni dwar jekk il-kalkoli alternattivi proposti mill-appellanti kinux saru b’mod korrett.

Il-Qorti Ġenerali għalhekk eskludiet kull rilevanza tat-test AEC imwettaq mill-Kummissjoni, u, għaldaqstant, ma weġbitx għall-kritika mressqa mill-impriża f’pożizzjoni dominanti kontra dan it-test.

Konsegwentement, il-Qorti Ġenerali astjeniet b’mod żbaljat, fil-kuntest tal-analiżi tagħha tal-kapaċità tat-tnaqqis kontenzjuż li jirrestrinġi l-kompetizzjoni, milli tieħu inkunsiderazzjoni l-argument tal-impriża f’pożizzjoni dominanti intiż li jesponi allegati żbalji mwettqa mill-Kummissjoni fil-kuntest tat-test AEC.

(ara l-punti 133 sa 147)

9.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punti 148 sa 150)