Language of document : ECLI:EU:T:2011:284

Affaire T-240/07

Heineken Nederland BV

u

Heineken NV

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

“Kompetizzjoni — Akkordji — Suq Olandiż tal-birra — Deċiżjoni li tikkonstata ksur tal-Artikolu 81 KE — Prova tal-ksur — Aċċess għall-fajl — Multa — Prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament — Terminu raġonevoli”

Sommarju tas-sentenza

1.      Kompetizzjoni — Akkordji — Ftehim bejn impriżi — Kunċett — Qbil tal-intenzjonijiet fir-rigward tal-aġir li għandu jiġi adottat fis-suq

(Artikolu 81(1) KE)

2.      Kompetizzjoni — Akkordji — Prattika miftiehma — Kunċett — Kuntatt inkompatibbli mal-obbligu ta’ kull impriża li tiddetermina b’mod awtonomu l-aġir tagħha fis-suq — Skambju ta’ informazzjoni — Preżunzjoni — Kundizzjonijiet

(Artikolu 81(1) KE)

3.      Kompetizzjoni — Proċedura amministrattiva — Deċiżjoni tal-Kummissjoni li tikkonstata ksur — Modalità ta’ prova — Użu ta’ serje ta’ indizji

(Artikolu 81(1) KE)

4.      Kompetizzjoni — Proċedura amministrattiva — Deċiżjoni tal-Kummissjoni li tikkonstata ksur — Modalità ta’ prova — Provi dokumentarji

(Artikolu 81(1) KE)

5.      Dritt Komunitarju — Prinċipji — Drittijiet fundamentali — Preżunzjoni ta’ innoċenza — Proċedura fil-qasam tal-kompetizzjoni — Applikabbiltà

(Artikolu 81(1) KE)

6.      Kompetizzjoni — Proċedura amministrattiva — Deċiżjoni tal-Kummissjoni li tikkonstata ksur — Użu bħala mezz ta’ prova ta’ dikjarazzjonijiet magħmula fil-kuntest tal-komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni minn impriżi oħra li pparteċipaw fil-ksur — Ammissibbiltà — Kundizzjonijiet

(Artikoli 81 KE u 82 KE)

7.      Kompetizzjoni — Akkordji — Ftehim bejn impriżi — Oneru tal-Kummissjoni fir-rigward tal-prova tal-ksur — Limiti

(Artikolu 81(1) KE)

8.      Kompetizzjoni — Akkordji — Prattika miftiehma — Effett ħażin fuq il-kompetizzjoni — Kriterji ta’ evalwazzjoni — Għan antikompetittiv — Konstatazzjoni suffiċjenti

(Artikolu 81(1) KE)

9.      Kompetizzjoni — Proċedura amministrattiva — Deċiżjoni tal-Kummissjoni li tikkonstata ksur — Oneru tal-Kummissjoni fir-rigward tal-prova tal-ksur u tat-tul tiegħu — Saħħa probatorja ta’ depożizzjonijiet volontarji mogħtija sabiex tinstab ir-responsabbiltà tal-impriża mill-parteċipanti prinċipali f’akkordju bil-għan li jibbenefikaw mill-applikazzjoni tal-komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni

(Artikolu 81(1) KE; Komunikazzjoni tal-Kummissjoni 96/C 207/04)

10.    Kompetizzjoni — Akkordji — Ksur kumpless li jinkludi elementi ta’ ftehim u elementi ta’ prattika miftiehma — Klassifikazzjoni unika bħala “ftehim u/jew prattika miftiehma” — Ammissibbiltà

(Artikolu 81(1) KE)

11.    Kompetizzjoni — Akkordji — Parteċipazzjoni f’laqgħat li għandhom għan antikompetittiv

(Artikolu 81(1) KE)

12.    Kompetizzjoni — Proċedura amministrattiva — Rispett tad-drittijiet tad-difiża — Aċċess għall-fajl — Portata — Rifjut ta’ komunikazzjoni ta’ dokument — Konsegwenzi — Neċessità li ssir, fuq il-livell tal-oneru tal-prova li taqa’ fuq l-impriża kkonċernata, distinzjoni bejn id-dokumenti li huma prova kontra u dawk li jiskaġunaw

(Regolament tal-Kunsill Nru 1/2003, Artikolu 27(2))

13.    Kompetizzjoni — Proċedura amministrattiva — Aċċess għall-fajl — Dokumenti li ma humiex inklużi fil-fajl tal-investigazzjoni u li ma ntgħażlux mill-Kummissjoni sabiex jintużaw bħala prova kontra — Dokumenti li jistgħu jintużaw bħala difiża mill-partijiet

(Artikoli 81(1) KE u 82 KE; Ftehim ŻEE, Artikoli 53, 54 u 57; Regolament tal-Kunsill Nru 139/2004; Komunikazzjoni tal-Kummissjoni 2005/C 325/07, punt 27)

14.    Kompetizzjoni — Proċedura amministrattiva — Rispett tad-drittijiet tad-difiża — Dokument li huwa prova kontra — Kunċett

(Regolament tal-Kunsill Nru 1/2003, Artikolu 27(2))

15.    Kompetizzjoni — Proċedura amministrattiva — Deċiżjoni tal-Kummissjoni li tikkonstata ksur — Obbligu tal-Kummissjoni li teżamina, b’reqqa u imparzjalità, l-elementi rilevanti kollha tal-każ ineżami

16.    Kompetizzjoni — Proċedura amministrattiva — Manifestazzjoni prematura mill-Kummissjoni tal-konvinzjoni tagħha tal-eżistenza tal-ksur

17.    Kompetizzjoni — Proċedura amministrattiva — Obbligi tal-Kummissjoni — Osservanza ta’ terminu raġonevoli — Kriterji ta’ evalwazzjoni — Ksur — Konsegwenzi

(Regolament tal-Kunsill Nru 1/2003)

18.    Kompetizzjoni — Proċedura amministrattiva — Talba għal informazzjoni — Obbligu ġenerali ta’ prudenza li jorbot lill-impriżi jew lill-assoċjazzjonijiet ta’ impriżi

(Regolament tal-Kunsill Nru 17, Artikolu 11)

19.    Kompetizzjoni — Multi — Ammont — Determinazzjoni — Marġni ta’ diskrezzjoni tal-Kummissjoni — Limiti — Osservanza tal-linji gwida adottati mill-Kummissjoni — Stħarriġ ġudizzjarju

(Artikolu 81 KE; Regolament tal-Kunsill Nru 1/2003, Artikolu 23(2); Komunikazzjoni tal-Kummissjoni 98/C 9/03)

20.    Kompetizzjoni — Multi — Ammont — Determinazzjoni — Kriterji — Gravità tal-ksur — Teħid inkunsiderazzjoni tal-impatt konkret fuq is-suq — Portata

(Artikolu 81 KE; Regolament tal-Kunsill Nru 1/2003, Artikolu 23(2); Komunikazzjoni tal-Kummissjoni 98/C 9/03, punt 1(A))

21.    Kompetizzjoni — Multi — Ammont — Determinazzjoni — Kriterji — Gravità tal-ksur — Teħid inkunsiderazzjoni tal-produzzjoni ta’ effetti fuq żona ġeografika partikolari — Portata

(Artikolu 81 KE; Regolament tal-Kunsill Nru 1/2003, Artikolu 23(2); Komunikazzjoni tal-Kummissjoni 98/C 9/03)

22.    Kompetizzjoni — Multi — Ammont — Determinazzjoni — Kriterji — Gravità tal-ksur — Setgħa diskrezzjonali tal-Kummissjoni

(Regolamenti tal-Kunsill Nru 17 u Nru 1/2003; Komunikazzjoni tal-Kummissjoni 98/C 9/03)

23.    Kompetizzjoni — Multi — Ammont — Determinazzjoni — Tqassim tal-impriżi kkonċernati f’kategoriji differenti — Kundizzjonijiet

(Komunikazzjoni tal-Kummissjoni 98/C 9/03, punt 1A(6))

24.    Kompetizzjoni — Multi — Deċiżjoni li timponi multi — Obbligu ta’ motivazzjoni — Portata — Indikazzjoni tal-elementi ta’ evalwazzjoni li ppermettew lill-Kummissjoni tkejjel il-gravità tal-ksur — Indikazzjoni suffiċjenti

(Artikolu 253 KE; Regolament tal-Kunsill Nru 1/2003, Artikolu 23(2) u (3))

25.    Kompetizzjoni — Multi — Ammont — Determinazzjoni — Natura dissważiva — Kriterji ta’ evalwazzjoni tal-fattur ta’ dissważjoni

(Komunikazzjoni tal-Kummissjoni 98/C 9/03, punt 1A(4))

26.    Kompetizzjoni — Multi — Ammont — Determinazzjoni — Natura dissważiva — Setgħa diskrezzjonali tal-Kummissjoni

(Regolament tal-Kunsill Nru 1/2003, Artikolu 23(2) u (3); Komunikazzjoni tal-Kummissjoni 98/C 9/03, punt 1(A)(4))

27.    Kompetizzjoni — Multi — Ammont — Determinazzjoni — Kriterji — Gravità tal-ksur — Ċirkustanzi attenwanti — Waqfien tal-ksur mal-ewwel interventi tal-Kummissjoni — Portata

(Artikolu 81(1) KE; Regolament tal-Kunsill Nru 17, Artikolu 15(2); Komunikazzjoni tal-Kummissjoni 98/C 9/03, punt 3)

28.    Kompetizzjoni — Multi — Ammont — Determinazzjoni — Kriterji — Gravità tal-ksur — Ċirkustanzi attenwanti — Nuqqas ta’ implementazzjoni effettiva tal-ftehim illegali

(Artikolu 81(1) KE; Komunikazzjoni tal-Kummissjoni 98/C 9/03, punt 3)

29.    Kompetizzjoni — Regoli Komunitarji — Ksur — Multi — Determinazzjoni — Kriterji — Żieda tal-livell ġenerali tal-multi — Ammissibbiltà — Kundizzjonijiet

(Artikolu 81 KE; Regolament tal-Kunsill Nru 1/2003)

30.    Kompetizzjoni — Proċedura amministrattiva — Obbligi tal-Kummissjoni — Osservanza ta’ terminu raġonevoli — Ksur — Konsegwenzi — Tnaqqis tal-ammont tal-multa abbażi ta’ ekwità

(Artikoli 81(1) KE u 288(2) KE)

1.      Sabiex ikun hemm ftehim fis-sens tal-Artikolu 81(1) KE, huwa biżżejjed li l-impriżi inkwistjoni jkunu esprimew l-intenzjoni komuni tagħhom li jaġixxu fis-suq b’mod determinat. Jista’ jiġi kkunsidrat li jiġi konkluż ftehim fis-sens tal-Artikolu 81 KE meta jkun hemm qbil bejn l-intenzjonijiet fuq il-prinċipju nnifsu tar-restrizzjoni tal-kompetizzjoni, anki jekk l-elementi speċifiċi tar-restrizzjoni prevista jkunu għadhom qegħdin jiġu nnegozjati.

L-eżistenza ta’ ftehim fis-sens tal-Artikolu 81 KE la hija kkontestata miċ-ċirkustanza li l-qbil tal-intenzjonijiet bejn l-impriżi kkonċernati ma kienx ikopri modalitajiet konkreti dwar l-implementazzjoni ta’ żieda fil-prezzijiet, u lanqas mill-fatt li din, fil-fatt, qatt ma twettqet fis-suq.

(ara l-punti 44, 45, 183)

2.      Il-kunċett ta’ prattika miftiehma tikkonċerna forma ta’ koordinazzjoni bejn impriżi li, mingħajr ma wasslet għal ftehim veru u proprju, xjentement tissostitwixxi kooperazzjoni prattika bejniethom b’riskju għall-kompetizzjoni.

F’dan ir-rigward, l-Artikolu 81(1) KE jipprekludi kwalunkwe kuntatt dirett jew indirett bejn operaturi ekonomiċi ta’ natura li jinfluwenza l-aġir fis-suq ta’ kompetitur attwali jew potenzjali, kif ukoll li jiżvela lil tali kompetitur l-aġir li l-operatur ekonomiku kkonċernat ikun iddeċieda li jadotta huwa stess fis-suq jew li huwa jipprevedi li jadotta fuq dan tal-aħħar, meta dawn il-kuntatti jkollhom l-għan jew l-effett li jirrestrinġu l-kompetizzjoni.

Għandu jiġi preżunt, bla ħsara għal prova kuntrarja li għandhom jipproduċu l-operaturi kkonċernati, li l-impriżi li jipparteċipaw fil-prattika miftiehma u li jibqgħu attivi fis-suq jieħdu inkunsiderazzjoni l-informazzjoni skambjata mal-kompetituri tagħhom sabiex jistabbilixxu l-aġir tagħhom f’dan is-suq. Dan japplika iktar u iktar meta l-prattika miftiehma sseħħ fuq bażi regolari matul perijodu twil.

(ara l-punti 46-47, 186)

3.      Fir-rigward tal-ġbir tal-provi ta’ ksur tal-Artikolu 81(1) KE, il-Kummissjoni għandha tipproduċi prova tal-ksur li hija tikkonstata u tistabbilixxi l-provi neċessarji sabiex tintwera, sal-grad rikjest mil-liġi, l-eżistenza ta’ fatti li jikkostitwixxu ksur. Għalhekk, huwa meħtieġ li l-Kummissjoni tipproduċi provi preċiżi u konsistenti sabiex tistabbilixxi l-eżistenza tal-ksur.

Madankollu, kull prova mressqa mill-Kummissjoni ma għandhiex neċessarjament tissodisfa dawn il-kriterji fir-rigward ta’ kull element tal-ksur. Ikun suffiċjenti li s-serje ta’ indizji invokati mill-istituzzjoni, evalwati b’mod globali, ikunu jissodisfaw dan ir-rekwiżit.

Fid-dawl tan-notorjetà tal-projbizzjoni ta’ ftehim antikompetittiv, ma jistax jiġi rikjest mill-Kummissjoni li hija tipproduċi provi li juru b’mod espliċitu kuntatt bejn l-operaturi kkonċernati. Il-provi frammentarji u skarsi li jista’ jkollha l-Kummissjoni għandhom, fi kwalunkwe sitwazzjoni, ikunu jistgħu jiġu kkompletati permezz ta’ deduzzjonijiet li jippermettu r-rikostruzzjoni taċ-ċirkustanzi rilevanti. L-eżistenza ta’ prattika jew ta’ ftehim antikompetittiv tista’ għaldaqstant tiġi dedotta minn ċertu numru ta’ koinċidenzi u ta’ indizji li, meħuda flimkien, fin-nuqqas ta’ spjegazzjoni oħra plawżibbli, jikkostitwixxu evidenza ta’ ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni.

(ara l-punti 48-51)

4.      Peress li l-Kummissjoni invokat provi dokumentarji insostenn tal-konstatazzjoni tagħha dwar l-eżistenza ta’ ftehim jew ta’ prattika antikompetittiva, huma l-partijiet li jikkontestaw din il-konstatazzjoni quddiem il-Qorti Ġenerali li għandhom, mhux biss jippreżentaw alternattiva plawżibbli għat-teorija tal-Kummissjoni, iżda li jqajmu l-insuffiċjenza tal-provi stabbiliti fid-deċiżjoni kkontestata sabiex jistabbilixxu l-eżistenza tal-ksur.

(ara l-punt 52)

5.      Fir-rigward tal-portata tal-istħarriġ ġudizzjarju, meta l-Qorti Ġenerali jkollha quddiemha rikors għall-annullament ta’ deċiżjoni ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 81(1) KE, il-Qorti Ġenerali għandha teżerċita b’mod ġenerali stħarriġ sħiħ sabiex issir taf jekk il-kundizzjonijiet ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 81 KE ġewx sodisfatti jew le.

L-eżistenza ta’ dubju fil-ħsieb tal-Imħallef għandha tiffavorixxi lill-impriża destinatarja tad-deċiżjoni li tikkonstata ksur, b’mod konformi mal-prinċipju ta’ preżunzjoni tal-innoċenza, li bħala prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni japplika b’mod partikolari għal ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni applikabbli għal impriżi li jistgħu jwasslu għall-impożizzjoni ta’ multi jew ta’ pagamenti ta’ penalità.

(ara l-punti 53-54)

6.      L-ebda dispożizzjoni u l-ebda prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni ma jipprekludu lill-Kummissjoni tinvoka, fil-konfront ta’ impriża, dikjarazzjonijiet ta’ impriżi oħra inkriminati. Jekk dan ma jkunx il-każ, l-oneru tal-prova fuq il-Kummissjoni ta’ aġir li jikser l-Artikoli 81 KE u 82 KE, ikun insostenibbli u inkompatibbli mal-missjoni ta’ sorveljanza tal-applikazzjoni tajba ta’ dawk id-dispożizzjonijiet li hija attribwita lilha mit-Trattat KE.

Ċertament, id-dikjarazzjoni ta’ impriża akkużata li pparteċipat f’akkordju, li l-eżatezza tagħha hija kkontestata minn diversi impriżi akkużati oħra, ma tistax tiġi kkunsidrata li tikkostitwixxi prova suffiċjenti dwar l-eżistenza ta’ ksur imwettaq minn dawk tal-aħħar mingħajr ma tkun sostnuta minn provi oħra. Tali dikjarazzjoni ma tistax waħidha tkun suffiċjenti sabiex tistabbilixxi l-eżistenza ta’ ksur, iżda għandha tkun ikkorroborata bi provi oħra. Madankollu, hemm lok li jitqies li l-livell ta’ korroborazzjoni meħtieġ huwa baxx, kemm f’termini ta’ preċiżjoni kif ukoll f’termini ta’ intensità, f’każ ta’ dikjarazzjoni affidabbli ħafna, meta mqabbla ma’ dikjarazzjoni mhux partikolarment kredibbli.

Għalhekk, li kieku kellu jiġi deċiż li għadd ta’ indizji konsistenti jistgħu jikkorroboraw l-eżistenza u ċerti aspetti speċifiċi tal-prattiki esposti f’tali dikjarazzjoni partikolarment affidabbli, din tal-aħħar tista’ tkun suffiċjenti waħidha, f’dik is-sitwazzjoni, sabiex tipprova aspetti oħra tad-deċiżjoni tal-Kummisjoni.

Barra minn hekk, sa fejn prova ma tkunx f’kontradizzjoni manifesta mad-dikjarazzjoni fuq l-eżistenza jew il-kontenut essenzjali tal-prattiki illegali, huwa suffiċjenti li hija tipprova elementi sinjifikattivi ta’ prattiki li hija ddeskriviet sabiex ikollha ċertu valur bħala element ta’ korroborazzjoni fil-kuntest ta’ għadd ta’ provi miżmuma kontriha.

(ara l-punti 70, 92-94)

7.      Il-Kummissjoni hija spiss imġiegħla tipprova l-eżistenza ta’ ksur f’ċirkustanzi li ma tantx huma xierqa għal dan il-kompitu, inkwantu setgħu jiddekorru diversi snin wara ż-żmien tal-fatti li jikkostitwixxu l-ksur u li diversi impriżi li kienu suġġett tal-investigazzjoni ma kkooperawx b’mod attiv magħha.

Jekk hija neċessarjament il-Kummissjoni li għandha tistabbilixxi li ġie konkluż ftehim illegali ta’ tqassim tas-swieq, ikun eċċessiv li jintalab, barra minn hekk, li hija tipproduċi prova tal-mekkaniżmu speċifiku li bih għandu jinkiseb dan l-għan. Fil-fatt, ikun faċli wisq għal impriża li wettqet ksur li tevita kull sanzjoni jekk hija tkun tista’ tinvoka l-argument dwar in-natura vaga tal-informazzjoni ppreżentata fir-rigward tal-funzjonament tal-ftehim illegali f’sitwazzjoni li fiha l-eżistenza tal-ftehim u l-għan antikompetittiv tiegħu jkunu madankollu stabbiliti b’mod suffiċjenti. L-impriżi jistgħu jiddefendu ruħhom b’mod utli f’tali sitwazzjoni sakemm dawn ikollhom l-opportunità li jikkummentaw fuq il-provi kollha invokati kontrihom mill-Kummissjoni.

(ara l-punt 78)

8.      Mit-test stess tad-dispożizzjoni tal-Artikolu 81 KE jirriżulta li l-ftehim u l-prattiki miftiehma bejn imprizi huma pprojbiti, indipendentement minn kull effett fuq is-suq, meta dawn ikollhom għan antikompetittiv. Għalhekk, peress li l-Kummissjoni kkonstatat l-eżistenza ta’ ftehim u ta’ prattiki miftiehma li għandhom għan antikompetittiv, dik il-konstatazzjoni ma tistax tiġi kontradetta permezz ta’ indikazzjonijiet ibbażati fuq in-nuqqas ta’ applikazzjoni ta’ arranġamenti ta’ kollużjoni jew in-nuqqas ta’ effett fuq is-suq.

(ara l-punti 79, 80)

9.      Filwaqt li huwa ġeneralment aċċettabbli li xhieda mogħtija b’mod volontarju mill-parteċipanti prinċipali f’akkordju illegali tiġi ttrattata b’ċertu suspett, meta titqies il-possibbiltà li dawn il-parteċipanti jkollhom it-tendenza li jnaqqsu l-importanza tal-kontribut tagħhom fil-ksur u li jżidu dak ta’ oħrajn, il-fatt li persuna titlob li tibbenefika mill-applikazzjoni tal-avviż dwar il-kooperazzjoni bil-għan li jinkiseb tnaqqis tal-multa mhux neċessarjament joħloq inċentiv sabiex jiġu ppreżentati elementi ta’ prova żbaljati fil-konfront tal-parteċipanti l-oħra fl-akkordju inkriminat. Fil-fatt, kull tentattiv sabiex il-Kummissjoni tiġi mħajra tagħmel żball jista’ jqajjem dubji dwar is-sinċerità kif ukoll il-kompletezza tal-kooperazzjoni ta’ min qed jagħmel it-talba u, għaldaqstant, jipperikola l-possibbiltà li dan jibbenefika b’mod sħiħ mill-avviż dwar il-kooperazzjoni.

(ara l-punt 91)

10.    F’sitwazzjoni fattwali kumplessa, il-klassifikazzjoni doppja ta’ aġir antikompetittiv ta’ “numru ta’ ftehim u/jew prattiki miftiehma”, sa fejn dan l-aġir kien jinkludi kemm elementi li għandhom jiġu kklassifikati bħala “ftehim” u elementi li għandhom jiġu kklassifikati bħala “prattiki miftiehma”, għandha tinftiehem mhux bħala klassifikazzjoni li teżiġi simultanjament u kumulattivament il-prova li kull wieħed minn dawn l-elementi ta’ fatt jippreżenta l-elementi kostituttivi ta’ ftehim u ta’ prattika miftiehma, iżda bħala li tiddeskrivi konglomerazzjoni kumplessa li tinkludi elementi ta’ fatt, li wħud minnhom ġew kklassifikati bħala ftehim u oħrajn bħala prattiki miftiehma fis-sens tal-Artikolu 81 KE, li ma jipprevedix klassifikazzjoni speċifika għal dan it-tip ta’ ksur kumpless.

(ara l-punt 191)

11.    Ladarba impriża tkun attendiet, anki mingħajr ma jkollha rwol attiv, f’laqgħa li matulha tkun issemmiet prattika miftiehma illegali, hija tkun preżunta li pparteċipat fl-imsemmija prattika miftiehma, sakemm hija ma tipprovax li hija tbiegħdet manifestament minnha jew li hija informat lill-parteċipanti l-oħra li kellha l-intenzjoni li tieħu sehem fil-laqgħa inkwistjoni minn perspettiva differenti minn tagħhom.

(ara l-punt 195)

12.    Id-dritt ta’ aċċess għall-fajl jikkostitwixxi korollarju tal-prinċipju tad-drittijiet tad-difiża u jimplika li l-Kummissjoni għandha tagħti lill-impriża kkonċernata l-possibbiltà li twettaq eżami tad-dokumenti kollha li jinsabu fil-fajl tal-investigazzjoni li jistgħu jkunu rilevanti għad-difiża tagħha. Dawn jinkludu kemm il-provi li jinkriminaw kif ukoll dawk li jiskaġunaw, bla ħsara għas-sigrieti kummerċjali ta’ impriżi oħra, għad-dokumenti interni tal-Kummissjoni u għal informazzjoni kunfidenzjali oħra.

Fir-rigward tal-provi inkriminanti, in-nuqqas ta’ komunikazzjoni ta’ dokument jikkostitwixxi ksur tad-drittijiet tad-difiża biss jekk l-impriża kkonċernata turi, minn naħa, li l-Kummissjoni bbażat ruħha fuq dak id-dokument sabiex issostni l-ilment tagħha rigward l-eżistenza ta’ ksur u min-naħa l-oħra, li dan l-ilment seta’ jiġi pprovat biss permezz ta’ riferiment għal dan id-dokument. Għalhekk, hija l-impriża kkonċernata li għandha turi li r-riżultat li waslet għalih il-Kummissjoni fid-deċiżjoni tagħha kien ikun differenti li kieku jiġi miċħud bħala mezz ta’ prova.

Għall-kuntrarju, fir-rigward tan-nuqqas ta’ komunikazzjoni ta’ dokument li jiskaġuna, l-impriża kkonċernata għandha biss tistabbilixxi li n-nuqqas ta’ żvelar tiegħu seta’ jinfluwenza, għad-dannu ta’ din tal-aħħar, l-iżvolġiment tal-proċedura u l-kontenut tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni. Ikun suffiċjenti li l-impriża turi li hija setgħet tuża l-imsemmija dokumenti li jiskaġunaw għad-difiża tagħha, billi turi b’mod partikolari li hija setgħet tinvoka elementi li ma jaqblux mal-evalwazzjonijiet magħmula mill-Kummissjoni fl-istadju tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, u għaldaqstant setgħet tinfluwenza, bi kwalunkwe mod, l-evalwazzjonijiet magħmula fid-deċiżjoni.

(ara l-punti 235-238)

13.    Id-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet huwa att maħsub li jillimita s-suġġett tal-proċedura mibdija kontra impriża u jiżgura l-eżerċizzju effikaċi tad-drittijiet tad-difiża. Huwa f’din il-perspettiva li d-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet hija mdawra b’garanziji proċedurali li japplikaw il-prinċipju tar-rispett lejn id-drittijiet tad-difiża, li fosthom hemm id-dritt ta’ aċċess għal dokumenti li jkunu fil-fajl tal-Kummissjoni.

Ir-risposti għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet ma jifformawx parti mill-fajl tal-investigazzjoni nnifsu. Fir-rigward ta’ dokumenti li ma jifformawx parti mill-fajl kkostitwit fil-mument tan-notifika tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, il-Kummissjoni hija obbligata tiżvela l-imsemmija risposti lill-partijiet oħra kkonċernati biss jekk dawn ikun fihom elementi ġodda li jinkriminaw jew li jiskaġunaw. Bl-istess mod, skont il-punt 27 tal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar regoli ta’ aċċess għall-fajl tal-Kummissjoni fil-kawżi li jaqgħu taħt l-Artikoli 81 KE u 82 KE, taħt l-Artikoli 53, 54 u 57 tal-Ftehim ŻEE u taħt ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004, bħala regola ġenerali, il-partijiet ma għandhomx aċċess għar-risposti għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet ta’ partijiet oħra kkonċernati mill-investigazzjoni. Parti jkollha biss aċċess għal dawn id-dokumenti meta dawn ikunu jistgħu jikkostitwixxu provi ġodda, kemm jekk dawn ikunu inkriminanti jew skaġunanti, fir-rigward ta’ allegazzjonijiet ifformulati fil-konfront ta’ din il-parti fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet tal-Kummissjoni.

F’dan ir-rigward, dwar, minn naħa, l-elementi l-ġodda li jinkriminaw, jekk il-Kummissjoni jkollha l-intenzjoni li tibbaża ruħha fuq element ibbażat fuq risposta għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet sabiex tistabbilixxi l-eżistenza ta’ ksur, l-impriżi l-oħra involuti f’din il-proċedura għandhom jitpoġġew f’pożżizzjoni fejn ikunu jistgħu jikkummentaw fuq tali prova ġdida.

Fir-rigward, min-naħa l-oħra, tal-elementi ġodda li jiskaġunaw, mill-ġurisprudenza jirriżulta li l-Kummissjoni ma hijiex obbligata li tirrendihom aċċessibbli fuq inizjattiva tagħha stess. Fis-sitwazzjoni fejn il-Kummissjoni tkun ċaħdet, matul il-proċedura amministrattiva, talba ta’ rikorrenti intiża għal aċċess għal dokumenti li ma jinsabux fil-fajl tal-investigazzjoni, ma jistax jiġi kkonstatat ksur tad-drittijiet tad-difiża ħlief jekk jiġi stabbilit li l-proċedura amministrattiva setgħet twassal għal riżultat differenti fl-ipoteżi fejn ir-rikorrenti kellha aċċess għad-dokumenti inkwistjoni matul dik il-proċedura.

(ara l-punti 239-244, 253)

14.    Dokument jista’ biss jiġi kkunsidrat bħala dokument inkriminanti meta dan jintuża mill-Kummissjoni insostenn tal-konstatazzjoni ta’ ksur imwettaq minn impriża.

Sabiex jiġi stabbilit ksur tad-drittijiet tad-difiża tagħha, ma huwiex biżżejjed li l-impriża inkwistjoni turi li, matul il-proċedura amministrattiva, hija ma kellhiex il-possibbiltà li tikkummenta fuq dokument użat f’parti kwalunkwe tad-deċiżjoni kkontestata. Jeħtieġ li hija turi li l-Kummissjoni użat dak id-dokument, fid-deċiżjoni kkontestata, bħala prova addizzjonali sabiex issostni ksur li fih tkun ipparteċipat l-impriża.

(ara l-punt 245)

15.    Fost il-garanziji pprovduti mis-sistema ġuridika tal-Unjoni fil-proċeduri amministrattivi, hemm b’mod partikolari l-obbligu fuq l-istituzzjoni kompetenti li teżamina b’akkuratezza u imparzjalità, l-elementi rilevanti kollha tal-każ inkwistjoni.

(ara l-punt 268)

16.    Fil-fatt, l-eżistenza ta’ ksur għandha tiġi evalwata biss skont il-provi miġbura mill-Kummissjoni. Meta jiġu effettivament stabbiliti l-fatti tal-ksur fi tmiem il-proċedura amministrattiva, il-prova ta’ manifestazzjoni prematura mill-Kummissjoni, matul din il-proċedura, tal-konvinzjoni tagħha li jeżisti l-imsemmi ksur, ma hijiex ta’ natura li ċċaħħad il-prova tal-ksur innifsu.

(ara l-punt 278)

17.    L-osservanza ta’ żmien raġonevoli fit-tmexxija tal-proċeduri amministrattivi fil-qasam tal-politika tal-kompetizzjoni tikkostitwixxi prinċipju ġenerali tad-dritt Komunitarju li l-qrati Komunitarji għandhom jiżguraw l-osservanza tiegħu.

Għall-finijiet tal-applikazzjoni ta’ dan il-prinċipju, jeħtieġ li ssir distinzjoni bejn iż-żewġ fażijiet tal-proċedura amministrattiva, jiġifieri l-fażi struttorja ta’ qabel id-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet u dik li tikkorrispondi mal-bqija tal-proċedura amministrattiva, fejn kull waħda minn dawn tal-aħħar hija suġġetta għal loġika interna separata. L-ewwel perijodu, li jestendi sad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, jibda mid-data li fiha l-Kummissjoni, billi tagħmel użu mis-setgħat li ngħatawlha mil-leġiżlatur, tieħu miżuri li jinvolvu l-akkuża li twettaq ksur u għandu jippermetti lill-Kummissjoni tieħu pożizzjoni fuq it-tmexxija tal-proċedura. It-tieni perijodu, min-naħa tiegħu, jestendi mid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet sal-adozzjoni tad-deċiżjoni finali. Dan għandu jippermetti lill-Kummissjoni tiddeċiedi b’mod definittiv dwar il-ksur allegat.

Perijodu ta’ 65 xahar tal-ewwel fażi tal-proċedura għandu jiġi kkunsidrat, fin-nuqqas ta’ informazzjoni jew ta’ ġustifikazzjoni kumplimentari min-naħa tal-Kummissjoni fir-rigward tal-atti ta’ investigazzjonijiet diliġenti matul dan il-perijodu, bħala eċċessiv. Madankollu, il-konstatazzjoni ta’ ksur tal-prinċipju ta’ terminu raġonevoli ma jistax iwassal għall-annullament ta’ deċiżjoni li tikkonstata ksur sakemm it-tul tal-proċedura ma jkollux effett fuq l-iżvolġiment tal-proċedura.

(ara l-punti 286-288, 290, 292, 295)

18.    Skont l-obbligu ġenerali tal-prudenza li hija suġġetta għalih kull impriża jew assoċjazzjoni ta’ impriżi, ir-rikorrenti huma obbligati jiżguraw il-konservazzjoni tajba, fil-kotba u l-arkivji tagħhom, tal-elementi li jistgħu jipprovdu rendikont tal-attività tagħhom, bil-għan, b’mod partikolari, li jkollhom il-provi neċessarji fil-każ ta’ azzjonijiet ġudizzjarji jew amministrattivi.

Meta impriża tkun is-suġġett ta’ talbiet għal informazzjoni minn naħa tal-Kummissjoni skont l-Artikolu 11 tar-Regolament tal-Kunsill Nru 17, din tkun obbligata, a fortiori, li taġixxi b’diliġenza addizzjonali u li tieħu l-miżuri utli kollha bil-għan li tippriżerva l-provi li hija jista’ raġonevolment ikollha.

(ara l-punt 301)

19.    Il-Kummissjoni għandha setgħa diskrezzjonali wiesgħa għal dak li jirrigwarda l-metodu ta’ kalkolu tal-multi. Dan il-metodu, hekk kif spjegat mil-linji gwida dwar il-metodi tal-kalkoli tal-multi imposti skont l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17 u l-Artikolu 65 (5) tat-Trattat KEFA, fih elementi differenti ta’ flessibbiltà li jippermettu lill-Kummissjoni teżerċita s-setgħa diskrezzjonali tagħha skont id-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 1/2003, fuq l-implementazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni skont l-Artikoli 81 u 82 tat-Trattat.

Barra minn hekk, f’oqsma bħall-istabbiliment tal-ammont ta’ multa skont ir-Regolament Nru 1/2003, fejn il-Kummissjoni għandha din il-marġni ta’ diskrezzjoni, l-istħarriġ tal-legalità mwettaq fuq dawn l-evalwazzjonijiet huwa limitat għal dak tan-nuqqas ta’ żball manifest ta’ evalwazzjoni. Il-marġni ta’ diskrezzjoni tal-Kummissjoni u l-limiti marbuta miegħu ma jippreġudikawx, min-naħa l-oħra, l-eżerċizzju tal-kompetenza tal-qorti tal-Unjoni fil-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha, li għandha l-kapaċità tħassar, tnaqqas jew iżżid l-ammont tal-multa imposta mill-Kummissjoni.

(ara l-punti 308-310)

20.    Il-gravità ta’ ksur hija ddeterminata billi jittieħdu inkunsiderazzjoni diversi elementi, bħaċ-ċirkustanzi partikolari tal-kawża, il-kuntest tagħha u l-portata dissważiva tal-multi, li fir-rigward tagħhom il-Kummissjoni għandha marġni ta’ diskrezzjoni.

B’mod partikolari, b’mod konformi mal-ewwel paragrafu tal-punt 1A tal-linji gwida għall-kalkolu tal-multi imposti skont l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17 u l-Artikolu 65(5) tat-Trattat KEFA, l-evalwazzjoni tal-gravità tal-ksur għandha tieħu inkunsiderazzjoni n-natura tiegħu, l-impatt reali tiegħu fuq is-suq meta dan ikun jista’ jiġi kkalkolat, u d-daqs tas-suq ġeografiku kkonċernat. Fil-kuntest tal-istħarriġ tal-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha, hija l-Qorti Ġenerali li għandha tevalwa jekk l-ammont tal-multa imposta huwiex proporzjonat mal-gravità tal-ksur u tibbilanċja l-gravità tal-ksur u ċ-ċirkustanzi invokati mill-impriża.

Skont it-tielet inċiż tat-tieni paragrafu tal-punt 1A tal-imsemmija linji gwida, il-ksur gravi ħafna essenzjalment jikkorrispondi, b’mod partikolari, għal “restrizzjonijiet orizzontali tat-tip ‘kartell tal-prezzijiet’ u ta’ kwoti tat-tqassim tas-swieq”. L-akkordji ta’ dan it-tip jaqgħu taħt il-forom l-iktar gravi tal-ksur tal-kompetizzjoni, peress li huma maħsuba, mill-għan tagħhom stess, sempliċement u purament sabiex jeliminaw il-kompetizzjoni bejn l-impriżi li jimplementawhom, u minħabba dan il-fatt imorru kontra l-għanijiet fundamentali tal-Unjoni. L-akkordji orizzontali fuq il-prezzijiet jew fuq it-tqassim tas-swieq, jistgħu jiġu klassifikati bħala gravi ħafna sempliċement abbażi tan-natura proprja tagħhom, mingħajr mal-Kummissjoni tkun obbligata turi effett reali tal-ksur fuq is-suq.

Għalkemm l-eżistenza ta’ effett konkret tal-ksur fis-suq huwa element li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni sabiex tiġi evalwata l-gravità tal-ksur, dan huwa kriterju fost oħrajn, bħan-natura proprja tal-ksur u d-daqs tas-suq ġeografiku. Barra minn hekk, mill-ewwel paragrafu tal-punt 1A tal-imsemmija linji gwida jirriżulta li dan l-effett għandu biss jittieħed inkunsiderazzjoni meta jkun jista’ jitkejjel.

(ara l-punti 314-316, 319-320, 324-325)

21.    It-territorju sħiħ ta’ Stat Membru jikkostitwixxi parti sostanzjali mis-suq komuni. Ksur bħal ftehim jew prattiki miftiehma li jipprevedu b’mod partikolari l-iffissar tal-prezzijiet u t-tqassim tal-klijenti jistgħu jwasslu, abbażi biss tan-natura proprja tagħhom, għall-klassifikazzjoni tal-ksur bħala gravi ħafna, mingħajr ma jkun neċessarju li tali aġir jkun ikkaratterizzat minn portata ġeografika partikolari.

Barra minn hekk, din il-konklużjoni hija msaħħa mill-fatt li, għalkemm id-deskrizzjoni indikattiva tal-ksur serju fil-linji gwida dwar il-metodi tal-kalkoli tal-multi imposti skont l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17 u tal-Artikolu 65(5) tat-Trattat KEFA ssemmi li “dan jikkonċerna l-iktar spiss ir-restrizzjonijiet orizzontali jew vertikali […] b’applikazzjoni li hija aktar rigoruża, b’impatt fuq is-suq li huwa usa’ u li jistgħu jkollhom effetti fuq żoni estiżi tas-suq komuni”, dik ta’ ksur serju ħafna, min-naħa tagħha, ma ssemmi l-ebda rekwiżit ta’ effett konkret fuq is-suq u lanqas tal-produzzjoni ta’ effetti fuq żona ġeografika partikolari.

Minn dan jirriżulta li l-fatt li d-daqs tas-suq ġeografiku inkwistjoni huwa ta’ dimensjoni nazzjonali ma jipprekludix li l-ksur imwettaq f’dan il-każ jiġi kklassifikat bħala gravi ħafna. Id-daqs tas-suq tal-prodott ma huwiex element li għandu neċessarjament jittieħed inkunsiderazzjoni, iżda huwa biss element rilevanti fost oħrajn sabiex tiġi evalwata l-gravità tal-ksur u jiġi ffissat l-ammont tal-multa.

(ara l-punti 337, 339-342)

22.    Il-Kummissjoni għandha, fil-kuntest tar-Regolament Nru 17 u tar-Regolament Nru 1/2003, fuq l-implementazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli 81 u 82 tat-Trattat KE, marġni ta’ diskrezzjoni fid-determinazzjoni tal-ammont tal-multi bil-għan li torjenta l-aġir tal-impriżi fis-sens tal-osservanza tar-regoli tal-kompetizzjoni u s-setgħa li fi kwalunkwe mument tadatta l-livell tal-multi għall-bżonnijet ta’ din il-politika.

Il-prassi deċiżjonali preċedenti tal-Kummissjoni ma sservix bħala qafas ġuridiku għall-multi fil-qasam tal-kompetizzjoni u li d-deċiżjonijiet li jikkonċernaw kawżi oħra huma biss ta’ natura indikattiva fir-rigward tal-eżistenza ta’ diskriminazzjoni eventwali, peress li ma huwiex wisq probabbli li ċ-ċirkustanzi ta’ dawn tal-aħħar, bħas-swieq, il-prodotti, l-impriżi u l-perijodu kkonċernati jkunu identiċi.

Il-Kummissjoni tevalwa l-gravità tal-ksur skont diversi elementi li ma jirriżultawx minn lista vinkolanti jew eżawrjenti ta’ kriterji li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni u li, barra minn hekk, ma hijiex obbligata tapplika formula matematika preċiża fir-rigward tal-ammont totali tal-multa imposta jew tal-kompożizzjoni tagħha minn diversi elementi. F’dawn il-kundizzjonijiet, il-paragun dirett tal-multi imposti fuq id-destinatarji ta’ żewġ deċiżjonijiet li jirrigwardaw ksur distint jista’ jwassal għal żnaturament tal-funzjonijiet speċifiċi li għandhom l-istadji differenti tal-kalkolu tal-multa. Fil-fatt, l-ammonti finali tal-multi jirriflettu ċirkustanzi speċifiċi partikolari għal kull akkordju.

(ara l-punti 345, 347, 350, 351)

23.    Skont is-sitt paragrafu tal-punt 1A, tal-linji gwida dwar il-metodi tal-kalkoli tal-multi imposti skont l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17 u tal-Artikolu 65(5) tat-Trattat KEFA, għal ksur ta’ gravità partikolari, fil-każijiet li jimplikaw diversi impriżi bħall-kartelli, l-ammont bażiku ġenerali għandu jiġi bbilanċjat sabiex jittieħed inkunsiderazzjoni l-piż speċifiku, u konsegwentement l-effett reali, tal-aġir li jikkostiwixxi ksur ta’ kull impriża fuq il-kompetizzjoni, b’mod partikolari meta teżisti disparità kunsiderevoli fid-dimensjoni tal-impriżi li jikkommettu ksur tal-istess natura.

It-teħid inkunsiderazzjoni tal-“piż speċifiku, u konsegwentement tal-effett reali, tal-aġir li jikkostiwixxi ksur ta’ kull impriża fuq il-kompetizzjoni” jikkonċerna t-tqassim tal-membri tal-akkordju f’kategoriji, skont id-dimensjoni tagħhom fuq is-suq matul perijodu ta’ referenza, u ma jinvolvix it-teħid inkunsiderazzjoni tal-effett fuq is-suq tal-ksur meħud fl-intier tiegħu.

L-applikazzjoni tat-trattament differenti abbażi ta’ din id-dispożizzjoni ma tirrikjedix it-teħid inkunsiderazzjoni ta’ effett reali tal-ksur fuq is-suq.

(ara l-punti 356-358)

24.    Ir-rekwiżiti tal-formalità sostanzjali li tikkostitwixxi l-obbligu tal-motivazzjoni tal-metodu tal-kalkolu tal-multa huma, skont ġurisprudenza stabbilita, sodisfatti meta l-Kummissjoni tindika, fid-deċiżjoni tagħha, l-elementi ta’ evalwazzjoni li jkunu ppermettewha tkejjel il-gravità u t-tul tal-ksur.

Fil-kuntest tal-espożizzjoni tal-motivi li tiġġustifika l-livell tal-multa, il-Kummissjoni ma hijiex meħtieġa tindika l-elementi tal-figuri li ggwidaw, b’mod partikolari fir-rigward tal-effett disważiv meħtieġ, l-eżerċizzju tas-setgħa ta’ evalwazzjoni tagħha.

(ara l-punti 360, 375)

25.    Bil-għan li jiġi stabbilit l-ammont tal-multa, il-Kummissjoni għandha tiżgura l-karattru dissważiv tagħha.

F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni tista’ b’mod partikolari tieħu inkunsiderazzjoni d-daqs u s-saħħa ekonomika tal-impriża inkwistjoni.

Bl-istess mod, ir-raba’ paragrafu tal-punt 1 A tal-linji gwida dwar il-metodi tal-kalkoli tal-multi imposti skont l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17 u tal-Artikolu 65(5) tat-Trattat KEFA jipprevedu li huwa neċessarju li tittieħed inkunsiderazzjoni l-kapaċità ekonomika effettiva tal-awturi tal-ksur li joħolqu dannu sinjifikattiv għall-operaturi l-oħra, b’mod partikolari konsumaturi, u li tiġi stabbilita l-multa f’livell li jiżgura effett suffiċjentament disważiv.

Fid-dawl tal-marġni ta’ diskrezzjoni li għandha l-Kummissjoni fid-determinazzjoni fl-iffissar tal-ammonti tal-multi bil-għan li torjenta l-aġir tal-impriżi fis-sens tal-osservanza tar-regoli tal-kompetizzjoni, il-fatt li l-Kummissjoni applikat, fil-passat, multi ta’ ċertu livell għal ċerti tip ta’ ksur ma jistax għaldaqstant jċaħħadha mill-possibbiltà li żżid, fi kwalunkwe mument, dak il-livell sabiex tiżgura l-implementazzjoni tal-politika tal-kompetizzjoni u sabiex issaħħaħ l-effett disważiv tal-multi.

(ara l-punti 367-369, 372)

26.    Iċ-ċertezza legali tikkostitwixxi prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni li jeżiġi b’mod partikolari li, leġiżlazzjoni li twassal għal konsegwenzi sfavorevoli fil-konfront ta’ persuni partikolari, għandha tkun ċara u preċiża u li l-applikazzjoni tagħha għandha tkun prevedibbli għal dawk suġġetti għaliha.

Dan il-prinċipju huwa korollarju tal-prinċipju ta’ legalità tar-reati u tal-pieni, li jeżiġi li l-liġi tiddefinixxi b’mod ċar il-ksur u l-pieni li jissanzjonawh.

Għalkemm l-Artikolu 23(2) u (3) tar-Regolament Nru 1/2003, fuq l-implementazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli 81 u 82 tat-Trattat KE, jagħti lill-Kummissjoni marġni ta’ diskrezzjoni wiesa’, madankollu, dan l-artikolu jillimita l-eżerċizzju billi jistabbilixxi kriterji oġġettivi li l-Kummissjoni għandha ssegwi.

Għalhekk, minn naħa, l-ammont tal-multa li tista’ tiġi imposta huwa suġġett għal limitu massimu kwantifikabbli u assolut, b’mod illi l-ammont massimu tal-multa li jista’ jiġi impost kontra impriża partikolari huwa ddeterminat minn qabel.

Min-naħa l-oħra, l-eżerċizzju ta’ din is-setgħa ta’ evalwazzjoni huwa limitat ukoll mir-regoli li imponiet il-Kummissjoni stess fil-linji gwida dwar il-metodi tal-kalkoli tal-multi imposti skont l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17 u tal-Artikolu 65(5) tat-Trattat KEFA, peress li barra minn hekk il-prassi amministrattiva tal-Kummissjoni hija suġġetta għal stħarriġ sħiħ mill-qorti tal-Unjoni.

Operatur avżat jista’ b’hekk, wara li jieħu parir legali, jipprevedi b’mod biżżejjed preċiż il-metodu tal-kalkolu u d-daqs tal-multi li huwa jinkorri għal imġiba partikolari min-naħa tiegħu, u l-fatt li dan l-operatur ma jistax, minn qabel, ikun jaf l-ammont tal-multi eżatt li l-Kummissjoni ser timponi f’kull każ ma jistax jikkostitwixxi ksur tal-prinċipju ta’ legalità tal-pieni. Barra minn hekk, l-impriżi implikati fi proċedura amministrattiva li tista’ tagħti lok għal multa għandhom jikkunsidraw il-possibbiltà li, fi kwalunkwe mument, il-Kummissjoni tiddeċiedi li tgħolli l-livell tal-ammont tal-multi meta mqabbel ma’ dak applikat fil-passat. Il-fatt li l-Kummissjoni tista’ fi kwalunkwe mument tirrevedi l-livell ġenerali tal-multi fil-kuntest tal-implementazzjoni ta’ politika oħra tal-kompetizzjoni huwa għaldaqstant raġonevolment prevedibbli għall-impriżi kkonċernati.

(ara l-punti 383-386)

27.    B’mod konformi mal-punt 3 tal-linji gwida dwar il-metodi tal-kalkoli tal-multi imposti skont l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17 u tal-Artikolu 65(5) tat-Trattat KEFA, l-ammont bażiku tal-multa ffissat mill-Kummissjoni għandu jitnaqqas, b’mod partikolari, meta l-impriża akkużata twaqqaf il-ksur sa mill-ewwel interventi tal-Kummissjoni.

L-għoti ta’ tali tnaqqis tal-ammont bażiku tal-multa huwa marbut maċ-ċirkustanzi tal-każ, li jistgħu jwasslu lill-Kummissjoni sabiex tiddeċiedi li impriża li tipparteċipa fi ftehim illegali ma għandhiex tibbenifika minnu. B’mod partikolari, jekk jiġi rrikonoxxut il-benefiċċju ta’ ċirkustanza attenwanti f’sitwazzjonijiet fejn impriża hija parti minn ftehim manifestament illegali, li hija kienet taf bih jew li ma setgħetx ma tkunx taf li kien jikkostitwixxi ksur, dan jista’ jħeġġeġ lill-impriżi jidħlu fi ftehim sigriet għall-itwal żmien possibbli, bit-tama li l-imġiba tagħhom ma tinkixef qatt, filwaqt li jkunu jafu li jekk jinkixfu, huma jistgħu jkollhom il-multa mnaqqsa billi jwaqqfu l-ksur.

Tali rikonoxximent ineħħi kull effett diswassiv tal-multa imposta u jkun ta’ ħsara għall-effett utli tal-Artikolu 81(1) KE. Peress li din hija ċirkustanza attenwanti li, b’kunsiderazzjoni tal-effett utli tal-Artikolu 81 KE, għandha tiġi interpretata ristrettivament, huma biss iċ-ċirkustanzi partikolari tal-każ ikkonċernat, li jistgħu jiġġustifikaw il-kunsiderazzjoni tagħha.

B’mod partikolari, il-waqfien minn ksur imwettaq intenzjonalment ma għandux jitqies bħala ċirkustanza attenwanti meta tali waqfien jintemm minħabba intervent tal-Kummissjoni.

Is-sempliċi fatt li l-Kummissjoni kkunsidrat, fil-prassi deċiżjonali preċedenti tagħha, li ċerti elementi kienu jikkostitwixxu ċirkustanzi attenwanti għall-finijiet tal-iffissar tal-ammont tal-multa ma jfissirx li hija obbligata twettaq l-istess evalwazzjoni f’deċiżjoni sussegwenti.

(ara l-punti 394-397, 401)

28.    Għalkemm is-sempliċi ċirkustanza li impriża ma ssegwix arranġamenti illegali ma hijiex ta’ natura li telimina r-responsabbiltà tagħha, din hija madankollu ċirkustanza li għandha tittieħed inkunsiderazzjoni, bħala ċirkustanza attenwanti, fil-kuntest tal-istabbiliment tal-ammont tal-multa.

(ara l-punt 409)

29.    Il-fatt li l-Kummissjoni applikat, fil-passat, multi ta’ ċertu livell għal ċertu tip ta’ ksur ma jċaħħadhiex mill-possibbiltà li tgħolli dan il-livell sal-limiti indikati fir-Regolament Nru 1/2003 fuq l-implementazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli 81 u 82 tat-Trattat KE, jekk dan ikun neċessarju sabiex tassigura l-implementazzjoni tal-politika tal-kompetizzjoni. Għall-kuntlarju, l-applikazzjoni effikaċji tar-regoli tal-kompetizzjoni jeħtieġu li l-Kummissjoni tkun tista’, f’kull mument, tadatta l-livell tal-multi għall-bżonnijiet ta’ din il-politika.

Impriża ma tistax validament isosstni li s-sanzjoni tagħha setgħet tkun inqas għolja li kieku l-Kummissjoni lestiet il-proċedura amministrattiva qabel, peress li hija għolliet il-livell ġenerali tas-sanzjonijiet matul il-proċedura amministrattiva.

Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, it-tul tal-proċedura amministrattiva, għalkemm kienet eċċessiva, ma tistax tiġi kkunsidrata bħala li għandha effett fuq il-kontenut tad-deċiżjoni kkontestata, minħabba s-sempliċi fatt li fil-frattemp il-Kummissjoni żiedet il-livell tal-multi.

(ara l-punti 418-420)

30.    Irregolarità proċedurali, anki jekk din ma tistax twassal għall-annullament tad-deċiżjoni adottata mill-Kummissjoni fil-konfront ta’ kumpannija għal ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni, tista’ tiġġustifika tnaqqis tal-multa. Il-fatt li nqabeż it-terminu raġonevoli jista’ jservi ta’ bażi għad-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tnaqqas b’ekwità l-ammont tal-multa, peress li l-possibbiltà li jingħata tali tnaqqis taqa’ fil-kuntest tal-eżerċizzju tal-prerogattivi tagħha. L-eżerċizzju ta’ din il-prerogattiva mill-Kummissjoni ma jipprekludix lill-Qorti Ġenerali, fl-eżerċizzju tal-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha, milli tagħti tnaqqis supplementari tal-ammont tal-multa.

Fil-fatt, it-tnaqqis tas-sanzjoni f’dan il-każ għandu l-għan li jindirizza mill-ġdid il-ksur tal-prinċipju ta’ terminu raġonevoli u għandu, għaldaqstant, jiġi stabbilit f’livell adegwat fid-dawl tas-sanzjoni imposta fuq l-impriża. Xorta jibqa’ l-fatt li, dan it-tnaqqis sar b’ekwità u ma għandux ikun ippreċedut minn eżami tal-kundizzjonijiet dwar it-teħid ta’ responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni, fis-sens tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 288 KE.

(ara l-punti 425-426, 428, 432)