Language of document :

Rikors ippreżentat fl-4 ta' Lulju 2007 - Heineken Nederland u Heineken vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-240/07)

Lingwa tal-kawża: l-Olandiż

Partijiet

Rikorrenti: Heineken Nederland BV u Heineken NV (rappreżentanti: T. Ottervanger, advocaat, u M.A. de Jong, advocaat)

Konvenuta: Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

Talbiet tar-rikorrenti

l-annullament totali jew parzjali tad-Deċiżjoni indirizzata lir-rikorrenti ;

l-annullament jew it-tnaqqis tal-multa imposta fuq ir-rikorrenti ;

tikkundanna lil Kummissjoni tbati l-ispejjeż tal-kawża.

Motivi u argumenti prinċipali

Ir-rikorrenti jikkuntestaw id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-18 ta' April 2007 dwar proċedura ta' applikazzjoni ta' l-Artikolu 81 tat-Trattat KE (Każ COMP/B-2/37.766 - Suq tal-birra Olandiż), li permezz tagħha ġiet imposta multa fuq ir-rikorrenti.

Sabiex isostnu r-rikors tagħhom ir-rikorrenti l-ewwel nett jippreżentaw numru ta' motivi ta' natura proċedurali. L-ewwel nett, ir-rikorrenti jsostnu ksur tal-prinċipju ta' amministrazzjoni tajba matul l-investigazzjoni u ksur ta' l-Artikolu 27 tar-Regolament Nru 1/2003, peress li l-Kummissjoni rrifjutat l-aċċess għas-sottomissjonijiet tad-difiża ta' l-impriżi l-oħra. It-tieni nett, ir-rikorrenti jsostnu li l-Kummissjoni naqset milli teżegwixxi investigazzjoni kompleta u imparzjali. It-tielet nett, ir-rikorrenti jilmentaw minn ksur tal-prinċipju ta' preżunzjoni ta' innoċenza minħabba l-imġieba tal-Kummissjarju għall-Kompetizzjoni. Ir-raba' nett, il-Kummissjoni marret lil hinn mit-termini raġjonevoli għall-għeluq ta' l-inkjesta, u għaldaqstant, d-drittijiet tad-difiża tar-rikorrenti ġew miksura.

Ir-rikorrenti jsostnu wkoll ksur ta' l-Artikolu 81 KE. F'dan ir-rigward, l-ewwel nett ir-rikorrenti jsostnu li kien hemm argumentazzjoni difettuża, nuqqas ta' rispett tal-preżunzjoni ta' innoċenza u ksur ta' l-obbligu ta' motivazzjoni. It-tieni nett, ir-rikorrenti jikkuntestaw il-fatt li jeżistu akkordji jew prattiċi miftiehma. It-tielet nett, ir-rikorrenti jsostnu li l-Kummissjoni għamlet evalwazzjoni ħażina tat-tul ta' żmien li matulu seħħ il-ksur.

Barra minn dan, ir-rikorrenti ressqu numru ta' ilmenti dwar l-iffissar ta' l-ammont tal-multa. L-ewwel nett, huma jallegaw ksur ta' l-Artikolu 23(3) tar-Regolament Nru 1/2003, applikazzjoni ħażina tal-linji gwida dwar il-kalkolu tal-multi, ksur tal-prinċipju ta' uġwaljanza, ksur tal-prinċipju ta' ċertezza legali, ksur tal-prinċipju ta' proporzjonalità u ksur ta' l-obbligu ta' motivazzjoni. Ir-rikorrenti jsostnu li l-Kummissjoni għamlet evalwazzjoni ħażina tal-gravità tal-ksur billi, b'mod partikolari, ddeterminat b'mod ħażin in-natura tal-ksur, billi naqset milli tieħu in konsiderazzjoni l-impatt insinjifikanti fuq is-suq u billi evalwat b'mod ħażin is-suq ġeografiku rilevanti. Barra minn hekk, il-Kummissjoni żbaljat meta ddeterminat l-ammont bażiku tal-multa, il-fattur ta' multiplikazzjoni għall-effett deterrenti u t-tul taż-żmien tal-ksur. Barra minn hekk, il-Kummissjoni naqset milli tieħu in konsiderazzjoni kif suppost iċ-ċirkustanzi attenwanti, u t-tul ta' żmien, indebitament twil, tal-proċedura amministrattiva wassal għal multa sproporzjonalment għolja minħabba l-fatt li sadattant, il-politika tal-Kummissjoni fir-rigward tal-ammont tal-multi sar aktar stretta.

Fl-aħħar nett, ir-rikorrenti jsostnu li t-tnaqqis ta' l-ammont tal-multa imposta mill-Kummissjoni minħabba t-tul ta' żmien indebitament twil tal-proċedura amministrattiva huwa spropozjonalment baxx.

____________