Language of document : ECLI:EU:F:2013:201

SENTENZA TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU
TAL-UNJONI EWROPEA

(L-Ewwel Awla)

12 ta’ Diċembru 2013

Kawża F‑142/11

Erik Simpson

vs

Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea

“Servizz pubbliku — Promozzjoni — Deċiżjoni li r-rikorrent ma jiġix promoss għall-grad AD 9 wara li temm b’eżitu pożittiv il-kompetizzjoni tal-grad AD 9 — Ugwaljanza fit-trattament”

Suġġett:      Rikors, ippreżentat skont l-Artikolu 270 TFUE, applikabbli għat-Trattat KEEA bis-saħħa tal-Artikolu 106a tiegħu, li fih E. Simpson jitlob, minn naħa, l-annullament tad-deċiżjoni tad-9 ta’ Diċembru 2010, li permezz tagħha l-Kunsill tal-Unjoni Ewropea ċaħad it-talba tiegħu li jiġi promoss fil-grad AD 9 wara li għadda mill-kompetizzjoni ġenerali EPSO/AD/113/07 organizzat għar-reklutaġġ tal-kapijiet tad-diviżjoni ta’ grad AD 9 fil-qasam tat-traduzzjoni, u tad-deċiżjoni tas‑7 ta’ Ottubru 2011 li tiċħad l-ilment tiegħu u, min-naħa l-oħra, il-kundanna tal-Kunsill jikkumpensa d-dannu subit.

Deċiżjoni:      Id-deċiżjoni tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea tad-9 ta’ Diċembru 2010 hija annullata. Il-kumplament tar-rikors huwa miċħud. Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea għandu jbati l-ispejjeż rispettivi tiegħu u huwa kkundannat ibati l-ispejjeż sostnuti minn E. Simpson.

Sommarju

1.      Uffiċjali — Deċiżjoni li tikkawża preġudizzju — Obbligu ta’ motivazzjoni — Portata — Evalwazzjoni in concreto

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 25)

2.      Uffiċjali — Deċiżjoni li tikkawża preġudizzju — Obbligu ta’ motivazzjoni mhux iktar tard mill-istadju taċ-ċaħda tal-ilment — Portata — Motivazzjoni insuffiċjenti — Regolarizzazzjoni matul il-proċedura kontenzjuża — Limiti

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 25 u 90 (2))

1.      L-obbligu ta’ motivazzjoni, imniżżel fl-Artikolu 25 tar-Regolamenti tal-Persunal, għandu bħala għan, minn naħa, li jipprovdi lill-persuna kkonċernata indikazzjoni suffiċjenti sabiex tevalwa l-fondatezza tad-deċiżjoni meħuda mill-amministrazzjoni u l-opportunità li din tippreżenta rikors quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku u, min-naħa l-oħra, li tippermetti lil dan tal-aħħar jeżerċita l-istħarriġ tiegħu. Il-portata ta’ dan l-obbligu għandu jiġi evalwat b’riferiment għaċ-ċirkustanzi konkreti, b’mod partikolari mill-kontenut tal-att, min-natura tal-motivi invokati u mill-interess li d-destinatarju ta l-att jista’ jkollu li jirċievi spjegazzjonijiet. Fil-fatt, meta ċ-ċaħda ta’ talba ta’ promozzjoni tkun immotivata, essenzjalment, permezz ta’ sempliċi riferiment għall-interess tas-servizz mingħajr ebda spjegazzjoni oħra, motivazzjoni bħal din ma tippermettix lit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jeżerċita l-istħarriġ tiegħu.

(ara l-punti 21 u 26)

Referenza:

Il-Qorti tal-Prim’Istanza: 6 ta’ Ottubru 2004, Vicente‑Nuñez vs Il‑Kummissjoni, T‑294/02, punt 94

2.      L-assenza ta’ motivazzjoni ta’ deċiżjoni li tikkawża preġudizzju ma tistax tiġi koperta bl-ispjegazzjonijiet ipprovduti mill-amministrazzjoni wara l-preżentata tar-rikors ġudizzjarju. Barra minn hekk, lanqas ma jista’ jiġi aċċettat li istituzzjoni tista’ ulterjorment temenda l-motivi ta’ deċiżjoni li hija adottat, billi tiġġustifika lil din tal-aħħar, pereżempju, fir-rigward ta’ dispożizzjonijiet oħra minbarra dawk inizjalment invokati. Fil-fatt, dan it-tip ta’ aġir iwassal lil istituzzjoni tikser l-obbligu tagħha li timmotiva d-deċiżjonijiet tagħha, hekk kif jirriżulta mid-dispożizzjonijiet magħquda tal-Artikolu 25(2) u tal-Artikolu 90(2) tar-Regolamenti tal-Persunal u li għandu bħala għan, minn naħa, li jipprovdi lill-parti kkonċernata indikazzjoni suffiċjenti sabiex tevalwa l-fondatezza tar-rifjut tat-talba tagħha u l-opportunità li tippreżenta rikors quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku u, min-naħa l-oħra, li jippermettilu jeżerċita l-istħarriġ tiegħu.

Min-naħa l-oħra, insuffiċjenza fil-motivazzjoni pprovduta fil-kuntest tal-proċedura prekontenzjuża ma hijiex tali li tiġġustifika l-annullament tad-deċiżjoni adottata meta jingħataw preċiżazzjonijiet addizzjonali mill-Awtorità tal-Ħatra fil-mori tal-kawża, fejn madankollu għandu jitfakkar li l-istituzzjoni ma hijiex awtorizzata tissostitwixxi motivazzjoni għal kollox ġdida mal-motivazzjoni inizjali żbaljata.

(ara l-punti 27 sa 29)

Referenza:

Il-Qorti tal-Ġustizzja: 26 ta’ Novembru 1981, Michel vs Il‑Parlament, 195/80; 30 ta’ Mejju 1984, Picciolo vs Il‑Parlament, 111/83, punt 22; 7 ta’ Frar 1990, Curlin vs Il‑Kummissjoni, C‑343/87, punt 15

Il-Qorti tal-Prim’Istanza: 12 ta’ Frar 1992, Volger vs Il‑Parlament, T‑52/90, punt 40; 3 ta’ Marzu 1993, Vela Palcios vs CES, T‑25/92, punti 26 u 27; 9 ta’ Jannar 1996, Bitha vs Il‑Kummissjoni, T‑23/95, punt 30; 17 ta’ Frar 1998, Maccaferri vs Il‑Kummissjoni, T‑56/96, punt 38; 12 ta’ Deiċembru 2002, Morello vs Il‑Kummissjoni, T‑338/00 u T‑376/00, punt 55; 29 ta’ Settembru 2005, Napoli Buzzanca vs Il‑Kummissjoni, T‑218/02, punt 63