Language of document : ECLI:EU:T:2015:649





Sentenza tal-Qorti Ġenerali (Is-Seba’ Awla) tat-18 ta’ Settembru 2015 –
IOC‑UK vs Il‑Kunsill

(Kawża T‑428/13)

“Politika estera u ta’ sigurtà komuni – Miżuri restrittivi meħuda kontra l-Iran bl-għan li titwaqqaf il-proliferazzjoni nukleari – Iffriżar ta’ fondi – Dritt għal smigħ – Obbligu ta’ motivazzjoni – Drittijiet tad-difiża – Żball manifest ta’ evalwazzjoni – Proporzjonalità – Dritt għall-proprjetà – Ugwaljanza fit-trattament u nondiskriminazzjoni”

1.                     Atti tal-istituzzjonijiet – Motivazzjoni – Obbligu – Portata – Miżuri restrittivi kontra l-Iran – Iffriżar ta’ fondi ta’ persuni, entitajiet jew organi li jipparteċipaw fi jew li jsostnu l-proliferazzjoni nukleari – Rekwiżiti minimi (Artikolu 296 TFUE; Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/270/PESK; Regolament tal-Kunsill Nru 522/2013) (ara l-punti 44-48, 56-58)

2.                     Dritt tal-Unjoni Ewropea – Prinċipji – Drittijiet tad-difiża – Dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva – Miżuri restrittivi kontra l-Iran – Iffriżar ta’ fondi ta’ persuni, entitajiet jew organi li jipparteċipaw fi jew li jsostnu l-proliferazzjoni nukleari – Dritt għal smigħ qabel l-adozzjoni ta’ tali miżuri – Assenza – Drittijiet iggarantiti permezz tal-istħarriġ ġudizzjarju eżerċitat mill-qorti tal-Unjoni u mill-possibbiltà ta’ seduta sussegwenti għat-teħid ta’ dawn il-miżuri – Obbligu ta’ komunikazzjoni tal-provi kontra – Portata (Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikolu 47; Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/270/PESK; Regolament tal-Kunsill Nru 522/2013) (ara l-punti 49-52, 70-74, 82, 83)

3.                     Rikors għal annullament – Motivi – Nuqqas jew insuffiċjenza ta’ motivazzjoni – Raġuni distinta minn dik li tirrigwarda l-legalità fil-mertu (Artikoli 263 TFUE u 296 TFUE) (ara l-punt 54)

4.                     Politika estera u ta’ sigurtà komuni – Miżuri restrittivi kontra l-Iran – Iffriżar ta’ fondi ta’ persuni, entitajiet jew organi li jipparteċipaw fi jew li jsostnu l-proliferazzjoni nukleari – Obbligu li din il-miżura tiġi estiża għall-entitajiet miżmuma jew ikkontrollati minn tali entità – Kwalità ta’ entità miżmuma jew ikkontrollata – Evalwazzjoni każ b’każ mill-Kunsill – Implementazzjoni tad-dispożizzjonijiet rilevanti tad-dritt tal-Unjoni – Assenza ta’ setgħa diskrezzjonali tal-Kunsill (Deċiżjonijiet tal-Kunsill 2010/413/PESK, Artikolu 20(1)(c), u 2013/270/PESK; Regolamenti tal-Kunsill Nru 267/2012, Artikolu 23(2)(d), u Nru 522/2013) (ara l-punti 64, 66, 92-96, 98, 99, 103, 110)

5.                     Dritt tal-Unjoni Ewropea – Prinċipji – Drittijiet tad-difiża – Miżuri restrittivi kontra l-Iran – Iffriżar ta’ fondi ta’ persuni, entitajiet jew organi li jipparteċipaw fi jew li jsostnu l-proliferazzjoni nukleari – Dritt ta’ aċċess għal dokumenti – Dritt suġġett għal talba f’dan is-sens quddiem il-Kunsill (Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/270/PESK; Regolament tal-Kunsill Nru 522/2013) (ara l-punt 77)

6.                     Unjoni Ewropea – Stħarriġ ġudizzjarju tal-legalità tal-atti tal-istituzzjonijiet – Miżuri restrittivi kontra l-Iran – Miżuri meħuda fil-kuntest tal-ġlieda kontra l-proliferazzjoni nukleari – Portata tal-istħarriġ (it-tieni paragrafu tal-Artikolu 275 TFUE; Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikolu 47; Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/270/PESK; Regolament tal-Kunsill Nru 522/2013) (ara l-punti 90, 91)

Suġġett

Talba għall-annullament, minn naħa, tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/270/PESK, tas-6 ta’ Ġunju 2013, li temenda d-Deċiżjoni 2010/413/PESK dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran (ĠU L 156, p. 10), u min-naħa l-oħra, tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 522/2013, tas-6 ta’ Ġunju 2013, li jimplimenta r-Regolament (UE) Nru 267/2012 dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran (ĠU L 156, p. 3).

Dispożittiv

1)

Ir-rikors huwa miċħud.

2)

Iranian Oil Company UK Ltd (IOC-UK) għandha tbati, minbarra l-ispejjeż rispettivi tagħha, dawk sostnuti mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea.

3)

Ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq għandu jbati l-ispejjeż rispettivi tiegħu.