Language of document : ECLI:EU:F:2008:134

DIGRIET TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU
(L-Ewwel Awla)

4 ta’ Novembru 2008

Kawża F-18/07

Luigi Marcuccio

vs

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

“Servizz pubbliku – Uffiċjali – Talba – Ċaħda espliċita nnotifikata sussegwentement għaċ-ċaħda impliċita – Att purament konfermattiv – Ilment tardiv – Inammissibbiltà manifesta”

Suġġett: Rikors, ippreżentat skont l-Artikoli 236 KE u 152 KEEA, li permezz tiegħu L. Marcuccio jitlob, b’mod partikolari, l‑annullament tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni, tal-25 ta’ Ottubru 2005, li tiċħad it-talba tiegħu sabiex jiġi rikonoxxut li huwa jbati minn marda gravi fis-sens tal-Artikolu 72 tar-Regolamenti tal-Persunal u tal-Iskema Konġunta tal-Assigurazzjoni Kontra l-Mard tal-Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej.

Deċiżjoni:      Ir-rikors huwa miċħud bħala manifestament inammissibbli. Il‑Kummissjoni għandha tbati, minbarra l-ispejjeż tagħha, terz tal-ispejjeż tar-rikorrent.

Sommarju

1.      Uffiċjali – Rikors – Att li jikkawża preġudizzju – Kunċett – Deċiżjoni espliċita ta’ ċaħda ta’ talba, innotifikata sussegwentement għad-deċiżjoni impliċita ta’ ċaħda li saret definittiva – Att konfermattiv

(Regolamenti tal-Persunal, Artikoli 90 u 91)

2.      Proċedura – Spejjeż – Kumpens – Raġunijiet eċċezzjonali

(Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim’Istanza, l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 87(3); Regoli tal-Proċedura tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, Artikolu 122)

1.      Deċiżjoni espliċita ta’ ċaħda ta’ talba, innotifikata lill-parti kkonċernata sussegwentement għad-deċiżjoni impliċita ta’ ċaħda li saret definittiva tikkostitwixxi biss att purament konfermattiv ta’ din id‑deċiżjoni tal-aħħar u għaldaqstant ma tistax titqies li hija att li jikkawża preġudizzju u li jista’ jkun is-suġġett, skont l-Artikolu 91(1) tar-Regolamenti tal-Persunal, ta’ rikors għal annullament.

(ara l-punt 27)

2.      Skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 87(3) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim’Istanza, applikabbli mutatis mutandis għall-kawża pendenti quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku qabel id-dħul fis-seħħ, fl-1 ta’ Novembru 2007, tar-Regoli tal-Proċedura tiegħu stess, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jista’ jaqsam l-ispejjeż għal raġunijiet eċċezzjonali.

F’dan ir-rigward, jikkostitwixxu raġuni eċċezzjonali li tiġġustifika tqassim bejn l‑istituzzjoni inkwistjoni u l-uffiċjal rikorrenti tal-ispejjeż ta’ dan tal-aħħar għall-finijiet tal-istanza, il-fatt li, fil-kuntest ta’ rikors miċħud minħabba d-dewmien tal-ilment minn qabel, l-amministrazzjoni ma informatx lill-parti kkonċernata li d‑deċiżjoni li kienet is-suġġett tal-ilment kienet tikkostitwixxi biss att purament konfermattiv u li ma setax jiġi kkontestat, u l-fatt li, barra minn hekk, ma invokatx l-ipoteżi ta’ eventwali dewmien sussegwenti tal-ilment, b’tali mod li setgħat, bi ksur tad-dmir ta’ premura, tagħti l-impressjoni żbaljata lill-uffiċjal li, kieku kellu l-intenzjoni jippreżenta rikors, dan kien ser ikun ammissibbli.

(ara l-punti 35 sa 39)