Language of document : ECLI:EU:C:2017:592

Opinjoni 1/15

Opinjoni mogħtija skont l-Artikolu 218(11) TFUE

“Opinjoni mogħtija skont l-Artikolu 218(11) TFUE – Abbozz ta’ ftehim bejn il-Kanada u l-Unjoni Ewropea – Trasferiment tad-data tar-reġistru tal-ismijiet tal-passiġġieri (PNR) mill-Unjoni lejn il-Kanada – Bażijiet legali adatti – L‑Artikolu 16(2), il-punt (d) tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 82(1) u l-Artikolu 87(2)(a) TFUE – Kompatibbiltà mal-Artikoli 7 u 8 kif ukoll mal-Artikolu 52(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea”

Sommarju – Opinjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tas-26 ta’ Lulju 2017

1.        Ftehimiet Internazzjonali – Konklużjoni – Opinjoni minn qabel tal-Qorti tal-Ġustizzja – Suġġett – Domandi dwar il-validità materjali jew formali ta’ ftehim fir-rigward tat-Trattat – Kompatibbiltà tal-ftehim mal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea

(Artikoli 6(1) TUE, 217 TFUE u 218 TFUE)

2.        Atti tal-istituzzjonijiet – Għażla tal-bażi legali – Kriterji – Att tal-Unjoni li għandu żewġ skopijiet jew li għandu żewġ komponenti – Riferiment għall-iskop jew għall-komponent prinċipali jew predominanti – Skopijiet jew komponenti indissoċjabbli – Kumulu ta’ bażijiet legali – Limiti – Inkompatibbiltà tal-proċeduri

3.        Ftehimiet internazzjonali – Ftehimiet tal-Unjoni – Konklużjoni – Ftehim UE-Kanada dwar it-trasferiment u l-ipproċessar tad-data tar-reġistru tal-ismijiet tal-passiġġieri – Bażi ġuridika – Impatt tal-Protokolli Nru 21 u Nru 22 dwar il-pożizzjoni tar-Renju Unit, tal-Irlanda u tad-Danimarka annessi mat-Trattati UE u FUE – Inapplikabbiltà tal-Ftehim għad-Danimarka

(Artikoli 16(2) TFUE u 87(2)(a) TFUE; Protokolli Nru 21 u Nru 22 annessi mat-Trattati UE u FUE)

4.        Ftehimiet internazzjonali – Ftehimiet tal-Unjoni – Konklużjoni – Ftehim UE-Kanada dwar it-trasferiment u l-ipproċessar tad-data tar-reġistru tal-ismijiet tal-passiġġieri – Ftehim intiż biex jiżgura s-sigurtà pubblika kif ukoll biex jipproteġi d-data tal-passiġġieri tal-ajru – Bażi ġuridika – Artikolu 16(2) TFUE flimkien mal-Artikolu 87(2)(a) TFUE

(Artikoli 16(2) TFUE, 39 TFUE u 87(2)(a) TFUE; Protokolli Nru 21 u Nru 22 annessi mat-Trattati UE u FUE; Dikjarazzjoni Nru 21 annessa mat-Trattati UE u FUE)

5.        Drittijiet fundamentali – Rispett tal-ħajja privata – Protezzjoni ta’ data personali – Kamp ta’ applikazzjoni – Ipproċessar tad-data tar-reġistru tal-ismijiet tal-passiġġieri mwettaq skont ftehim internazzjonali konkluż bejn l-Unjoni u pajjiż terz – Inklużjoni – Neċessità li jiġi żgurat livell ta’ protezzjoni tal-libertajiet u drittijiet fundamentali ekwivalenti għal dak iggarantit fi ħdan l-Unjoni – Portata

(Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikoli 7 u 8; Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 95/46, Artikolu 25(6))

6.        Ftehimiet internazzjonali – Ftehimiet tal-Unjoni – Konklużjoni – Ftehim ma’ Stat terz dwar it-trasferiment u l-ipproċessar ta’ data tar-reġistru tal-ismijiet tal-passiġġieri – Indħil fid-drittijiet għar-rispett tal-ħajja privata u tal-protezzjoni tad-data personali – Obbligu li l-indħil jiġi limitat għal dak li huwa strettament neċessarju – Portata

(Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikoli 7 u 8)

7.        Drittijiet fundamentali – Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Limitazzjoni tal-eżerċizzju tad-drittijiet u tal-libertajiet stabbiliti mill-Karta – Kundizzjonijiet – Rekwiżit relatat mal-introduzzjoni tal-limitazzjoni f’liġi – Portata

(Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikolu 52(1))

8.        Drittijiet fundamentali – Protezzjoni ta’ data personali – Ipproċessar fuq il-bażi tal-kunsens tal-persuna kkonċernata jew fuq bażi leġittima oħra prevista mil-liġi – Kunċett ta’ liġi – Ftehim ma’ pajjiż terz dwar it-trasferiment u l-ipproċessar tad-data tar-reġistru tal-ismijiet tal-passiġġieri tal-ajru – Inklużjoni

(Artikoli 218(6)(a)(v) TFUE u 294 TFUE; Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikoli 8(2) u 52(1))

9.        Drittijiet fundamentali – Rispett tal-ħajja privata – Protezzjoni ta’ data personali – Konklużjoni mill-Unjoni ta’ ftehim ma’ pajjiż terz dwar it-trasferiment u l-ipproċessar ta’ data tar-reġistru tal-ismijiet tal-passiġġieri tal-ajru – Indħil – Ġustifikazzjoni – Protezzjoni tas-sigurtà pubblika kontra t-terroriżmu u l-kriminalità transnazzjonali serja – Ammissibbiltà

(Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikoli 7 u 8; Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2016/681, Artikoli 6(4), 7(6) u 13(4))

10.      Drittijiet fundamentali – Rispett tal-ħajja privata – Protezzjoni ta’ data personali – Konklużjoni mill-Unjoni ta’ ftehim ma’ pajjiż terz dwar it-trasferiment u l-ipproċessar tad-data tar-reġistru tal-ismijiet tal-passiġġieri tal-ajru – Data sensittiva – Neċessità ta’ ġustifikazzjoni preċiża u solida bbażata fuq motivi differenti mill-protezzjoni tas-sigurtà pubblika kontra t-terroriżmu u l-kriminalità transnazzjonali serja

(Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikoli 7, 8, 21 u 52(1))

11.      Drittijiet fundamentali – Rispett tal-ħajja privata – Protezzjoni ta’ data personali – Konklużjoni mill-Unjoni ta’ ftehim ma’ pajjiż terz dwar it-trasferiment u l-ipproċessar ta’ data tar-reġistru tal-ismijiet tal-passiġġieri – Osservanza tal-prinċipju ta’ proporzjonalità – Ipproċessar awtomatizzat tad-data – Evalwazzjoni fir-rigward tal-mudelli, tal-kriterji u tad-databases użati biex isir dan l-ipproċessar

(Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikoli 7 u 8)

12.      Drittijiet fundamentali – Rispett tal-ħajja privata – Protezzjoni ta’ data personali – Konklużjoni mill-Unjoni ta’ ftehim ma’ pajjiż terz dwar it-trasferiment u l-ipproċessar tad-data tar-reġistru tal-ismijiet tal-passiġġieri tal-ajru – Osservanza tal-prinċipju ta’ proporzjonalità – Ipproċessar konformi mal-għanijiet tal-Konvenzjoni ta’ Chicago – Ammissibbiltà

13.      Drittijiet fundamentali – Rispett tal-ħajja privata – Protezzjoni ta’ data personali – Konklużjoni mill-Unjoni ta’ ftehim ma’ pajjiż terz dwar it-trasferiment u l-ipproċessar tad-data tar-reġistru tal-ismijiet tal-passiġġieri tal-ajru – Osservanza tal-prinċipju ta’ proporzjonalità – Neċessità li jiġu stabbiliti regoli ċari u preċiżi li jirregolaw l-aċċess u l-użu tad-data – Portata

(Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikoli 7 u 8)

14.      Drittijiet fundamentali – Rispett tal-ħajja privata – Protezzjoni ta’ data personali – Konklużjoni mill-Unjoni ta’ ftehim ma’ pajjiż terz dwar it-trasferiment u l-ipproċessar tad-data tar-reġistru tal-ismijiet tal-passiġġieri tal-ajru – Osservanza tal-prinċipju ta’ proporzjonalità – Konservazzjoni u użu tad-data matul is-soġġorn tal-passiġġier fil-pajjiż terz – Rekwiżiti minimi

(Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikoli 7 u 8)

15.      Drittijiet fundamentali – Rispett tal-ħajja privata – Protezzjoni ta’ data personali – Konklużjoni mill-Unjoni ta’ ftehim ma’ pajjiż terz dwar it-trasferiment u l-ipproċessar tad-data tar-reġistru tal-ismijiet tal-passiġġieri tal-ajru – Osservanza tal-prinċipju ta’ proporzjonalità – Konservazzjoni tad-data wara t-tluq tal-passiġġier mill-pajjiż terz – Inammissibbiltà – Eċċezzjoni – Passiġġieri li jippreżentaw riskju fil-qasam tat-terroriżmu jew tal-kriminalità transnazzjonali serja

(Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikoli 7 u 8)

16.      Drittijiet fundamentali – Rispett tal-ħajja privata – Rispett fil-kuntest tal-ipproċessar tad-data personali – Obbligu li l-persuna kkonċernata tingħata aċċess għad-data li tirrigwardaha sabiex tivverifika l-eżattezza u l-legalità tagħha – Portata – Konklużjoni mill-Unjoni ta’ ftehim ma’ pajjiż terz dwar it-trasferiment u l-ipproċessar tad-data tar-reġistru tal-ismijiet tal-passiġġieri tal-ajru – Neċessità li l-passiġġieri jiġu informati bit-trasferiment u bl-użu tad-data tagħhom

(Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikolu 7 u l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 47)

17.      Drittijiet fundamentali – Protezzjoni ta’ data personali – Awtoritajiet ta’ kontroll – Rekwiżit ta’ indipendenza – Suġġett

(Artikolu 16(2) TFUE; Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikolu 8(3))

1.      Id-dispożizzjonijiet ta’ ftehim internazzjonali konkluż mill-Unjoni, konformement mal-Artikoli 217 u 218 TFUE, jifformaw parti sħiħa mis-sistema legali tal-Unjoni mad-dħul fis-seħħ tiegħu. Id-dispożizzjonijiet ta’ tali ftehim għalhekk għandhom ikunu kompletament kompatibbli mat-Trattati kif ukoll mal-prinċipji kostituzzjonali li jirriżultaw minnhom. F’dan ir-rigward, l-Artikolu 218(11) TFUE huwa intiż biex jevita l-kumplikazzjonijiet li jirriżultaw minn kontestazzjonijiet legali dwar il-kompatibbiltà mat-Trattati ta’ ftehimiet internazzjonali li jorbtu lill-Unjoni. Fil-fatt, deċiżjoni ġudizzjarja li tikkonstata eventwalment, wara l-konklużjoni ta’ ftehim internazzjonali li jorbot lill-Unjoni, li dan il-ftehim huwa, jew minħabba l-kontenut tiegħu, jew minħabba l-proċedura adottata għall-konklużjoni tiegħu, inkompatibbli mad-dispożizzjonijiet tat-Trattati ma tistax ma toħloqx, mhux biss fuq il-livell intern tal-Unjoni iżda wkoll fuq il-livell tar-relazzjonijiet internazzjonali, diffikultajiet serji u tista’ tikkawża preġudizzju lill-partijiet ikkonċernati kollha, inkluż lill-Istati terzi. Fid-dawl tal-funzjoni tal-proċedura prevista fl-Artikolu 218(11) TFUE, is-sempliċi riskju tal-invalidazzjoni ta’ att ta’ konklużjoni ta’ ftehim internazzjonali huwa biżżejjed biex jippermetti li l-Qorti tal-Ġustizzja tiġi adita.

Għandu għalhekk ikun possibbli li jiġu eżaminati fil-kuntest tal-proċedura prevista fl-Artikolu 218(11) TFUE l-kwistjonijiet kollha li jistgħu jqajmu dubji dwar il-validità sostantiva jew proċedurali tal-ftehim fid-dawl tat-Trattati. F’dan ir-rigward, sentenza dwar il-kompatibbiltà ta’ ftehim mat-Trattati tista’ tiddependi, b’mod partikolari, mhux biss minn dispożizzjonijiet li jirrigwardaw il-kompetenza, il-proċedura jew l-organizzazzjoni istituzzjonali tal-Unjoni, iżda wkoll minn dispożizzjonijiet tad-dritt sostantiv. Dan japplika wkoll fir-rigward ta’ kwistjoni dwar il-kompatibbiltà ta’ ftehim internazzjonali mal-Artikolu 6(1) TUE u, konsegwentement, mal-garanziji rrikonoxxuti mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, peress li din tal-aħħar għandha l-istess valur ġuridiku bħat-Trattati.

(ara l-punti 67, 69, 70, 74)

2.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punti 76-78)

3.      L-użu ta’ bażi legali doppja huwa eskluż meta l-proċeduri previsti għal waħda jew l-oħra minn dawn il-bażijiet huma inkompatibbli. F’dan ir-rigward, differenza fir-regoli ta’ vot fi ħdan il-Kunsill tista’ twassal għall-inkompatibbiltà tal-bażijiet legali inkwistjoni.

Fir-rigward ta’ deċiżjoni tal-Kunsill relattiva għall-konklużjoni ta’ ftehim internazzjonali maħsub, ibbażat fuq l-Artikolu 16(2) TFUE u l-Artikolu 87(2)(a) TFUE, tali inkompatibbiltà ma tirriżultax mill-Protokolli Nru 21, dwar il-pożizzjoni tar-Renju Unit u tal-Irlanda fir-rigward tal-ispazju ta’ libertà, ta’ sigurtà u ta’ ġustizzja, u Nru 22, dwar il-pożizzjoni tad-Danimarka, annessi mat-Trattati UE u FUE. Fil-fatt, f’dak li jirrigwarda l-Protokoll Nru 21, peress li l-Irlanda u r-Renju Unit innotifikaw ix-xewqa tagħhom li jipparteċipaw fl-adozzjoni tad-deċiżjoni msemmija, id-dispożizzjonijiet ta’ dan il-protokoll ma huma ser ikollhom ebda effett fuq ir-regoli tal-vot fi ħdan il-Kunsill fil-każ ta’ użu konġunt, bħala bażi għall-imsemmija deċiżjoni, tal-Artikolu 16(2) u tal-Artikolu 87(2)(a) TFUE.

F’dak li jirrigwarda l-Protokoll Nru 22, dan tal-aħħar ifittex li jistabbilixxi qafas legali li jippermetti lill-Istati Membri jkomplu jiżviluppaw il-kooperazzjoni tagħhom fil-qasam tal-ispazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja permezz tal-adozzjoni, mingħajr il-parteċipazzjoni tar-Renju tad-Danimarka, ta’ miżuri li ma jorbtux lil dan l-Istat Membru, filwaqt li joffru lil dan tal-aħħar il-possibbiltà li jipparteċipa fl-adozzjoni ta’ miżuri f’dan il-qasam u li jintrabat bihom taħt il-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 8 tal-imsemmi protokoll. F’dan ir-rigward, peress li d-deċiżjoni dwar il-konklużjoni tal-imsemmi ftehim maħsub għandha tkun ibbażata kemm fuq l-Artikolu 16 TFUE kif ukoll fuq l-Artikolu 87 TFUE u, għalhekk, taqa’ taħt il-Kapitolu 5 tat-Titolu V tat-Tielet Parti tat-Trattat FUE sa fejn għandha tkun ibbażata fuq l-imsemmi Artikolu 87 TFUE, ir-Renju tad-Danimarka la ser ikun marbut, skont l-Artikoli 2 u 2a tal-Protokoll Nru 22, bid-dispożizzjonijiet ta’ din id-deċiżjoni u lanqas, għaldaqstant, bil-ftehim maħsub. Barra minn hekk, skont l-Artikolu 1 ta’ dan il-protokoll, ir-Renju tad-Danimarka ma huwiex ser jipparteċipa fl-adozzjoni ta’ din id-deċiżjoni. Għalhekk, f’dan il-każ, il-Protokoll Nru 22 ma jistax iwassal għal regoli tal-vot differenti fi ħdan il-Kunsill fil-każ ta’ użu konġunt tal-Artikolu 16(2) TFUE u tal-Artikolu 87(2)(a) TFUE.

(ara l-punti 78, 107, 109-111, 113, 117)

4.      Fid-dawl kemm tal-għanijiet tiegħu kif ukoll tal-kontenut tiegħu, il-ftehim maħsub bejn il-Kanada u l-Unjoni Ewropea dwar it-trasferiment u l-ipproċessar tad-data tar-reġistru tal-ismijiet tal-passiġġieri għandu żewġ komponenti, wieħed li jirrigwarda n-neċessità li tiġi żgurata s-sigurtà pubblika u l-ieħor li jirrigwarda l-protezzjoni tad-data tar-reġistru tal-ismijiet tal-passiġġieri. Dawn iż-żewġ komponenti huma marbuta b’mod inseparabbli u għalhekk it-tnejn li huma għandhom jitqiesu li huma ta’ natura essenzjali. Fil-fatt, il-kontenut tal-ftehim maħsub huwa kkostitwit, f’parti kbira tiegħu, minn regoli dettaljati li jiżguraw li t-trasferiment tad-data tar-reġistru tal-ismijiet tal-passiġġieri lejn Stat terz bil-għan li tintuża għal finijiet ta’ protezzjoni tas-sigurtà pubblika u tas-sikurezza pubblika jitwettaq taħt kundizzjonijiet konformi mal-protezzjoni tad-data personali.

F’dawn iċ-ċirkustanzi, id-deċiżjoni dwar il-konklużjoni tal-ftehim maħsub hija marbuta, fl-ewwel lok, direttament mal-għan li jfittex li jilħaq l-Artikolu 16(2) TFUE. Fil-fatt, din id-dispożizzjoni tikkostitwixxi, bla ħsara għall-Artikolu 39 TFUE, bażi legali adatta meta l-protezzjoni tad-data personali tkun waħda mill-għanijiet jew komponenti essenzjali tar-regoli adottati mil-leġiżlatur tal-Unjoni, inklużi dawk li jidħlu fil-qafas tal-adozzjoni ta’ miżuri li jaqgħu taħt id-dispożizzjonijiet tat-Trattat FUE dwar il-kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali u l-kooperazzjoni mill-pulizija, kif jikkonfermaw l-Artikolu 6a tal-Protokoll Nru 21 u l-Artikolu 2a tal-Protokoll Nru 22, kif ukoll id-dikjarazzjoni dwar il-protezzjoni tad-data personali fil-qasam tal-kooperazzjoni tal-pulizija u dik ġudizzjarja f’materji kriminali, annessa mal-att finali tal-konferenza intergovernamentali li adottat it-Trattat ta’ Lisbona.

Fit-tieni lok, id-deċiżjoni msemmija wkoll għandha tkun ibbażata fuq l-Artikolu 87(2)(a) TFUE li tipprovdi li, għall-finijiet tal-Artikolu 87(1) TFUE, li skontu l-Unjoni għandha tistabbilixxi kooperazzjoni tal-pulizija li tinvolvi l-awtoritajiet kompetenti kollha tal-Istati Membri, il-Parlament u l-Kunsill jistgħu jistabbilixxu miżuri dwar il-ġabra, il-ħażna, l-ipproċessar, l-analiżi u l-iskambju ta’ informazzjoni rilevanti. Issa, minn naħa, l-informazzjoni rilevanti, fis-sens tal-Artikolu 87(2)(a) TFUE, fl-oqsma tal-prevenzjoni jew tal-iskoperta tar-reati kriminali u tal-investigazzjonijiet f’dan ir-rigward, jistgħu jinkludu data personali u, min-naħa l-oħra, it-termini “ipproċessar” u “skambju” ta’ tali data jkopru kemm it-trasferiment tagħha lejn awtoritajiet tal-Istati Membri li jkunu kompetenti f’dan il-qasam kif ukoll l-użu tagħha minn dawn l-awtoritajiet. F’dan ir-rigward, il-fatt li d-data tar-reġistru tal-ismijiet tal-passiġġieri tinġabar inizjalment minn trasportaturi tal-ajru għal finijiet kummerċjali u mhux minn awtorità kompetenti fil-qasam tal-prevenzjoni jew tal-iskoperta tar-reati kriminali u tal-investigazzjonijiet f’dan ir-rigward ma jistax jipprekludi li din id-dispożizzjoni tikkostitwixxi wkoll bażi legali adatta għad-deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni tal-ftehim maħsub.

(ara l-punti 90, 92, 94-96, 98, 99, 101)

5.      L-ipproċessar differenti li, skont ftehim internazzjonali maħsub bejn l-Unjoni u pajjiż terz, jistgħu jkunu s-suġġett tad-data tar-reġistru tal-ismijiet tal-passiġġieri li jaqbdu titjiriet bejn l-Unjoni u dan il-pajjiż terz, jiġifieri t-trasferiment tagħhom mill-Unjoni lejn l-imsemmi pajjiż terz, l-aċċess għaliha bil-għan li tintuża jew inkella li tinżamm, jaffettwaw id-dritt fundamentali għar-rispett tal-ħajja privata, iggarantit mill-Artikolu 7 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea. Fil-fatt, dan id-dritt jikkonċerna kwalunkwe informazzjoni relatata ma’ persuna fiżika identifikata jew li tista’ tiġi identifikata. Barra minn hekk, l-ipproċessar tad-data tar-reġistru tal-ismijiet tal-passiġġieri jaqa’ wkoll taħt l-Artikolu 8 tal-Karta minħabba l-fatt li jikkostitwixxi pproċessar tad-data personali fis-sens ta’ dan l-artikolu u, konsegwentement, għandu neċessarjament jissodisfa r-rekwiżiti ta’ protezzjoni tad-data previsti fl-imsemmi artikolu.

F’dan ir-rigward, id-dritt għall-protezzjoni tad-data personali jeżiġi, b’mod partikolari, li tiġi żgurata l-kontinwità tal-livell għoli ta’ protezzjoni tal-libertajiet u tad-drittijiet fundamentali mogħti mid-dritt tal-Unjoni fil-każ ta’ trasferiment ta’ data personali mill-Unjoni lejn pajjiż terz. Għalkemm il-mezzi intiżi li jiggarantixxu tali livell ta’ protezzjoni jistgħu jkunu differenti minn dawk implementati fi ħdan l-Unjoni sabiex tiġi ggarantita l-osservanza tar-rekwiżiti li jirriżultaw mid-dritt tal-Unjoni, dawn il-mezzi għandhom madankollu, fil-prattika, jirriżultaw li jkunu effettivi sabiex jiżguraw protezzjoni essenzjalment ekwivalenti għal dik iggarantita fi ħdan l-Unjoni.

Dan ir-rekwiżit relattiv għal livell ta’ protezzjoni tal-libertajiet u tad-drittijiet fundamentali essenzjalment ekwivalenti għal dak żgurat fi ħdan l-Unjoni japplika, bl-istess mod, fil-każ tal-komunikazzjoni tad-data tar-reġistru tal-ismijiet tal-passiġġieri mill-pajjiż terz lejn pajjiżi terzi oħra sabiex jiġi evitat li l-livell ta’ protezzjoni previst mill-ftehim ta’ trasferiment ikun jista’ jiġi evitat permezz tat-trasferiment ta’ data personali lejn pajjiżi terzi oħra u sabiex tiġi żgurata l-kontinwità tal-livell ta’ protezzjoni żgurat mil-liġi tal-Unjoni. F’dawn iċ-ċirkustanzi, tali komunikazzjoni teħtieġ l-eżistenza jew ta’ ftehim bejn l-Unjoni u l-pajjiż terz ikkonċernat li jkun ekwivalenti għall-imsemmi ftehim, jew deċiżjoni tal-Kummissjoni, abbażi tal-Artikolu 25(6) tad-Direttiva 95/46, dwar il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-data, li tikkonstata li l-imsemmi pajjiż terz jiżgura livell adegwat ta’ protezzjoni fis-sens tad-dritt tal-Unjoni u li tkopri l-awtoritajiet li lejhom ikun previst li jsir it-trasferiment tad-data tar-reġistru tal-ismijiet tal-passiġġieri.

(ara l-punti 122, 123, 134, 214)

6.      Il-komunikazzjoni ta’ data personali lil terz, bħalma hija awtorità pubblika, tikkostitwixxi indħil fid-dritt fundamentali rrikonoxxut mill-Artikolu 7 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, ikun xi jkun l-użu sussegwenti tal-informazzjoni kkomunikata. Dan japplika wkoll għall-konservazzjoni tad-data personali kif ukoll għall-aċċess għall-imsemmija data bil-għan li tintuża mill-awtoritajiet pubbliċi. F’dan ir-rigward, ftit jimporta li l-informazzjoni relatata mal-ħajja privata kkonċernata hijiex ta’ natura sensittiva jew le, jew li l-persuni kkonċernati jkunux batew eventwali inkonvenjenzi jew le minħabba dan l-indħil.

Għaldaqstant, fir-rigward ta’ ftehim internazzjonali fir-rigward tat-trasferiment tad-data tar-reġistru tal-ismijiet tal-passiġġieri lil pajjiż terz li l-konklużjoni tiegħu hija maħsuba mill-Unjoni, lejn l-awtorità kompetenti ta’ dan il-pajjiż terz kif ukoll il-qafas ta’ regoli nnegozjat mill-Unjoni mal-imsemmi pajjiż terz fir-rigward tal-kundizzjonijiet għall-konservazzjoni ta’ din id-data, tal-użu tagħha u tal-eventwali trasferimenti sussegwenti tagħha lil awtoritajiet oħra tal-istess pajjiż, lill-Europol, lill-Eurojust, lill-awtoritajiet ġudizzjarji jew tal-pulizija tal-Istati Membri jew lil awtoritajiet ta’ pajjiżi terzi oħra, jikkostitwixxu indħil fid-dritt iggarantit mill-Artikolu 7 tal-Karta. Dawn l-operazzjonijiet jikkostitwixxu wkoll indħil fid-dritt fundamentali għall-protezzjoni tad-data personali ggarantit mill-Artikolu 8 tal-Karta, peress li dawn jipprevedu pproċessar tad-data personali.

Madankollu, id-drittijiet stabbiliti fl-Artikoli 7 u 8 tal-Karta ma jidhrux li huma prerogattivi assoluti, iżda għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni fir-rigward tal-funzjoni tagħhom fis-soċjetà. F’dan ir-rigward, il-protezzjoni tad-dritt fundamentali għar-rispett tal-ħajja privata fuq livell tal-Unjoni teżiġi li d-derogi mill-protezzjoni tad-data personali u l-limitazzjonijiet tagħha għandhom isiru fil-limiti ta’ dak li huwa strettament neċessarju. Sabiex jiġi ssodisfatt dan ir-rekwiżit, il-leġiżlazzjoni inkwistjoni li tinvolvi l-indħil għandha tipprevedi regoli ċari u preċiżi li jirregolaw il-portata u l-applikazzjoni tal-miżura inkwistjoni u li jimponu rekwiżiti minimi, b’mod li l-persuni li d-data tagħhom tkun ġiet ittrasferita jkollhom garanziji suffiċjenti li jippermettu li d-data personali tagħhom tiġi protetta mir-riskju ta’ abbuż. B’mod partikolari, din għandha tindika f’liema ċirkustanzi u taħt liema kundizzjonijiet tista’ tittieħed miżura li tipprevedi l-ipproċessar ta’ tali data, u b’hekk jiġi ggarantit li l-indħil ikun limitat għal dak li huwa strettament neċessarju. In-neċessità li jkun hemm tali garanziji hija iktar u iktar importanti meta d-data personali tkun suġġetta għal ipproċessar awtomatizzat. Dawn il-kunsiderazzjonijiet japplikaw b’mod partikolari meta tkun involuta l-protezzjoni ta’ din il-kategorija partikolari ta’ data personali li hija d-data sensittiva.

(ara l-punti 124-126, 136, 140, 141)

7.      Ir-rekwiżit previst fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 52(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea li jgħid li kull limitazzjoni għall-eżerċizzju tad-drittijiet fundamentali għandha tkun prevista mil-liġi jimplika li l-bażi legali li tippermetti l-indħil f’dawn id-drittijiet għandha tiddefinixxi hija stess il-portata tal-limitazzjoni fl-eżerċizzju tad-dritt ikkonċernat.

(ara l-punt 139)

8.      Ftehim internazzjonali li jirrigwarda t-trasferiment tad-data tar-reġistru tal-ismijiet tal-passiġġieri lil pajjiż terz li l-konklużjoni tiegħu hija maħsuba mill-Unjoni jaqa’ taħt il-kunċett ta’ liġi, fis-sens tal-Artikolu 8(2) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, u, għaldaqstant, tal-Artikolu 52(1) tagħha.

Fil-fatt, l-Artikolu 218(6) TFUE jirrifletti, fuq livell estern, it-tqassim tas-setgħat bejn l-istituzzjonijiet applikabbli fuq livell intern u jistabbilixxi simetrija bejn il-proċedura għall-adozzjoni tal-miżuri tal-Unjoni fuq livell intern u l-proċedura għall-adozzjoni ta’ ftehimiet internazzjonali, bil-għan li jiġi ggarantit li, fir-rigward ta’ qasam partikolari, il-Parlament u l-Kunsill ikollhom l-istess setgħat, b’osservanza tal-ekwilibriju istituzzjonali previst mit-Trattati. Għaldaqstant, il-konklużjoni tal-ftehimiet internazzjonali li jkopru oqsma li għalihom, fuq livell intern, tapplika l-proċedura leġiżlattiva ordinarja, prevista fl-Artikolu 294 TFUE, teħtieġ, skont l-Artikolu 218(6)(a)(v) TFUE, l-approvazzjoni tal-Parlament, b’mod li tali ftehim jista’ jitqies li huwa, fuq livell estern, l-ekwivalenti ta’ dak li huwa att leġiżlattiv fuq livell intern.

Minn dan jirriżulta li t-trasferiment tad-data tar-reġistru tal-ismijiet tal-passiġġieri lejn pajjiż terz, bħal dak ikkunsidrat mill-ftehimiet internazzjonali inkwistjoni, huwa bbażat fuq bażi oħra li hija stabbilita mil-liġi, fis-sens tal-Artikolu 8(2) tal-Karta.

(ara l-punti 145-147)

9.      L-indħil fid-drittijiet fundamentali stabbiliti fl-Artikoli 7 u 8 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea li jinvolvi ftehim internazzjonali li jirrigwarda t-trasferiment tad-data tar-reġistru tal-ismijiet tal-passiġġieri lil pajjiż terz li l-konklużjoni tiegħu hija maħsuba mill-Unjoni jista’ jkun iġġustifikat minn għan ta’ interess ġenerali tal-Unjoni u ma huwiex ta’ natura li jmur kontra l-kontenut essenzjali tal-imsemmija drittijiet fundamentali, peress li l-ftehim maħsub huwa intiż, b’mod partikolari, biex jiżgura s-sigurtà pubblika permezz ta’ trasferiment tad-data tar-reġistru tal-ismijiet tal-passiġġieri u tal-użu tagħha fil-kuntest tal-ġlieda kontra reati terroristiċi u l-kriminalità transnazzjonali serja. Fil-fatt, dan l-għan jikkostitwixxi għan ta’ interess ġenerali tal-Unjoni li jista’ jiġġustifika ndħil, anki serju, fid-drittijiet fundamentali rrikonoxxuti fl-Artikoli 7 u 8 tal-Karta. Qabel kollox, il-protezzjoni tas-sigurtà pubblika tikkontribwixxi wkoll għall-protezzjoni tad-drittijiet u tal-libertajiet ta’ ħaddiehor. Sa fejn l-evalwazzjoni tar-riskji li jippreżentaw il-passiġġieri tal-ajru permezz tal-analiżi ta’ din id-data qabel il-wasla tagħhom tiffaċilita u tgħaġġel ħafna l-kontrolli tas-sigurtà u l-kontrolli mal-fruntieri, it-trasferiment tad-data tar-reġistru tal-ismijiet tal-passiġġieri lejn pajjiż terz u l-ipproċessar sussegwenti tagħha jistgħu jitqiesu li huma idonei sabiex jiggarantixxu li jintlaħaq l-għan relatat mal-protezzjoni tas-sigurtà pubblika u tas-sikurezza pubblika, li l-ftehim maħsub ifittex li jilħaq.

(ara l-punti 148, 149, 151-153)

10.    Fir-rigward ta’ ftehim internazzjonali li jirrigwarda t-trasferiment ta’ data sensittiva tar-reġistru tal-ismijiet tal-passiġġieri lil pajjiż terz, li l-konklużjoni tiegħu hija maħsuba mill-Unjoni, kull miżura bbażata fuq il-premessa li tgħid li karatteristika waħda jew iktar li tinsab fil-ftehim maħsub, bħall-oriġini razzjali jew etnika, l-opinjonijiet politiċi, il-konvinzjonijiet reliġjużi jew filosofiċi, l-appartenenza sindakali, l-istat ta’ saħħa jew il-ħajja sesswali ta’ persuna, jistgħu, minnhom stess u indipendentement mill-aġir tal-individwu vjaġġatur ikkonċernat, ikunu rilevanti fir-rigward tal-għan tal-ipproċessar tad-data tar-reġistru tal-ismijiet tal-passiġġieri, tikser id-drittijiet żgurati mill-Artikoli 7 u 8 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, moqrija flimkien mal-Artikolu 21 tagħha. Fid-dawl tar-riskju ta’ pproċessar tad-data li jmur kontra l-Artikolu 21 tal-Karta, trasferiment ta’ tali data lejn il-pajjiż terz ikkonċernat jeħtieġ ġustifikazzjoni preċiża u partikolarment solida, ibbażata fuq motivi differenti mill-protezzjoni tas-sigurtà pubblika kontra t-terroriżmu u l-kriminalità transnazzjonali serja. Fin-nuqqas ta’ tali ġustifikazzjoni, l-Artikoli 7, 8 u 21 kif ukoll l-Artikolu 52(1) tal-Karta jipprekludu kemm it-trasferiment tad-data sensittiva lejn Stat terz kif ukoll il-qafas ta’ regoli nnegozjat mill-Unjoni ma’ dan l-Istat terz fir-rigward tal-użu u tal-konservazzjoni ta’ tali data mill-awtoritajiet ta’ dan l-Istat terz.

(ara l-punti 164-167)

11.    Fil-każ ta’ ftehim internazzjonali li l-konklużjoni tiegħu hija maħsuba mill-Unjoni li jirrigwarda t-trasferiment tad-data tar-reġistru tal-ismijiet tal-passiġġieri lil pajjiż terz u li jipprevedi pproċessar awtomatizzat ta’ din id-data b’għan ta’ protezzjoni tas-sigurtà pubblika kontra t-terroriżmu u l-kriminalità transnazzjonali serja, il-firxa tal-indħil li tinvolvi l-analiżi awtomatizzata tad-data tar-reġistru tal-ismijiet tal-passiġġieri fid-drittijiet stabbiliti fl-Artikoli 7 u 8 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea essenzjalment tiddependi mill-mudelli u mill-kriterji prestabbiliti kif ukoll mid-databases li fuqhom huwa bbażat dan it-tip ta’ pproċessar ta’ data. Għaldaqstant, il-mudelli u l-kriterji stabbiliti minn qabel għandhom ikunu, minn naħa, speċifiċi u affidabbli, b’mod li jkunu jistgħu jwasslu għal riżultati li jimmiraw l-individwi li fuqhom jista’ jaqa’ suspett raġonevoli ta’ parteċipazzjoni f’reati terroristiċi jew fi kriminalità transnazzjonali serja u, min-naħa l-oħra, nondiskriminatorji. Bl-istess mod, id-databases li magħhom isiru l-kontrolli inkroċjati tad-data tar-reġistru tal-ismijiet tal-passiġġieri għandhom ikunu affidabbli, aġġornati u limitati għal databases użati mill-pajjiż terz b’rabta mal-ġlieda kontra t-terroriżmu u l-kriminalità transnazzjonali serja.

(ara l-punti 168, 172)

12.    Ftehim internazzjonali li jirrigwarda t-trasferiment tad-data tar-reġistru tal-ismijiet tal-passiġġieri lil pajjiż terz ma jeċċedix il-limiti ta’ dak li huwa strettament neċessarju sa fejn jippermetti t-trasferiment tad-data msemmija tal-passiġġieri tal-ajru kollha lejn dan il-pajjiż terz, jekk din id-data tippermetti, b’mod partikolari, li jiġu ffaċilitati l-kontrolli tas-sigurtà mal-fruntieri li, konformement mal-Artikolu 13 tal-Konvenzjoni ta’ Chicago, dwar l-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali, il-passiġġieri kollha huma suġġetti għalihom skont il-liġijiet u r-regolamenti tal-pajjiż terz.

(ara l-punti 187-189)

13.    Fil-każ ta’ ftehim internazzjonali li jirrigwarda t-trasferiment tad-data tar-reġistru tal-ismijiet tal-passiġġieri lil pajjiż terz, li l-konklużjoni tiegħu hija maħsuba mill-Unjoni, sabiex jiġi żgurat li l-konservazzjoni tad-data ttrasferita, l-aċċess għal din id-data mill-awtoritajiet nazzjonali previst mill-ftehim maħsub kif ukoll l-użu tad-data msemmija minnhom ikunu limitati għal dak li huwa strettament neċessarju, dan il-ftehim għandu jipprevedi regoli ċari u preċiżi li jindikaw f’liema ċirkustanzi u taħt liema kundizzjonijiet dawn l-awtoritajiet jistgħu jżommuha, ikollhom aċċess għaliha u jużawha.

F’dak li jirrigwarda l-konservazzjoni tad-data personali, l-att għandu, b’mod partikolari, dejjem jissodisfa kriterji oġġettivi, li jistabbilixxu relazzjoni bejn id-data personali li għandha tinżamm u l-għan imfittex. F’dak li jirrigwarda l-użu, minn awtorità, ta’ data personali miżmuma b’mod leġittimu, leġiżlazzjoni ma tistax tillimita ruħha li teżiġi li l-aċċess għall-imsemmija data jissodisfa wieħed mill-għanijiet ta’ din il-leġiżlazzjoni, iżda għandha tipprevedi wkoll il-kundizzjonijiet sostantivi u proċedurali li jirregolaw dan l-użu.

(ara l-punti 190-192)

14.    Fil-każ ta’ ftehim internazzjonali li jipprevedi l-konservazzjoni tad-data tar-reġistru tal-ismijiet tal-passiġġieri u l-użu tagħha sakemm dawn il-passiġġieri joħorġu mill-pajjiż terz ikkonċernat, għall-finijiet, b’mod partikolari, li jiġu ffaċilitati l-kontrolli ta’ sigurtà kif ukoll il-kontrolli mal-fruntieri, il-konservazzjoni u l-użu tagħha għal dan il-għan ma jippermettux, min-natura tagħhom stess, li jiġu limitati għal ċirku partikolari ta’ passiġġieri tal-ajru u lanqas li jiġu suġġetti għal awtorizzazzjoni minn qabel ta’ qorti jew ta’ entità amministrattiva indipendenti. Għaldaqstant, sakemm il-passiġġieri tal-ajru jkunu jinsabu fil-pajjiż terz ikkonċernat jew ikunu ħerġin minnu, teżisti r-rabta neċessarja bejn din id-data u l-għan li dan il-ftehim ifittex li jilħaq, b’mod li dan tal-aħħar ma jeċċedix il-limiti ta’ dak li huwa strettament neċessarju minħabba s-sempliċi fatt li jippermetti l-konservazzjoni u l-użu sistematiċi tad-data tar-reġistru tal-ismijiet tal-passiġġieri ta’ dawn il-passiġġieri kollha. Bl-istess mod, l-użu sistematiku tal-imsemmija data tar-reġistru tal-ismijiet tal-passiġġieri bil-għan li jiġu vverifikati l-affidabbiltà u l-aġġornament tal-mudelli u tal-kriterji stabbiliti minn qabel li fuqhom huwa bbażat l-ipproċessar awtomatizzat ta’ din id-data jew li jiġu ddefiniti mudelli u kriterji ġodda għal dan l-ipproċessar, huwa marbut direttament mal-implementazzjoni tal-kontrolli ta’ sigurtà u tal-kontrolli mal-fruntieri u għalhekk għandu jitqies ukoll li ma jeċċedix il-limiti ta’ dak li huwa strettament neċessarju.

Fir-rigward tal-użu tad-data tar-reġistru tal-ismijiet tal-passiġġieri matul is-soġġorn tal-passiġġieri tal-ajru fil-pajjiż terz ikkonċernat, dan għandu jkun ibbażat fuq ċirkustanzi ġodda, peress li l-passiġġieri tal-ajru għandhom, wara l-verifika tad-data tagħhom fir-reġistru tal-ismijiet tal-passiġġieri, jiġu awtorizzati jidħlu fit-territorju tal-pajjiż terz ikkonċernat. L-imsemmi użu jeħtieġ regoli li jipprevedu l-kundizzjonijiet sostantivi u proċedurali li jirregolaw l-istess użu sabiex, b’mod partikolari, din id-data tiġi protetta mir-riskju ta’ abbuż. Tali regoli għandhom ikunu bbażati fuq kriterji oġġettivi sabiex jiġu ddefiniti ċ-ċirkustanzi u l-kundizzjonijiet li fihom l-awtoritajiet tal-pajjiż terz ikkonċernat mill-ftehim maħsub ikunu awtorizzati jużawha.

F’dan ir-rigward, meta jkun hemm elementi oġġettivi li jippermettu li jitqies li d-data tar-reġistru tal-ismijiet tal-passiġġieri ta’ passiġġier tal-ajru wieħed jew iktar tista’ tikkontribwixxi b’mod effettiv għall-għan tal-ġlieda kontra r-reati terroristiċi u l-kriminalità transnazzjonali serja, l-użu ta’ din id-data ma jidhirx li jeċċedi l-limiti ta’ dak li huwa strettament neċessarju. Sabiex tiġi ggarantita, fil-prattika, l-osservanza sħiħa ta’ dawn il-kundizzjonijiet, huwa essenzjali li l-użu, matul is-soġġorn tal-passiġġieri tal-ajru fil-pajjiż terz ikkonċernat, tad-data tar-reġistru tal-ismijiet tal-passiġġieri miżmuma jkun suġġett, bħala prinċipju, ħlief f’każijiet ta’ urġenza debitament iġġustifikati, għal stħarriġ minn qabel imwettaq jew minn qorti, jew minn entità amministrattiva indipendenti, u li d-deċiżjoni ta’ din il-qorti jew ta’ din l-entità tingħata fuq talba mmotivata tal-awtoritajiet kompetenti, imressqa, b’mod partikolari, fil-kuntest ta’ proċeduri ta’ prevenzjoni, ta’ skoperta jew ta’ prosekuzzjoni kriminali.

(ara l-punti 197-202)

15.    Fil-każ ta’ ftehim internazzjonali li l-konklużjoni tiegħu hija maħsuba mill-Unjoni, li jirrigwarda t-trasferiment tad-data tar-reġistru tal-ismijiet tal-passiġġieri lil pajjiż terz u li jipprevedi l-konservazzjoni tad-data msemmija wara t-tluq tal-passiġġieri tal-ajru minn dan il-pajjiż terz bl-għan ta’ protezzjoni tas-sigurtà pubblika kontra t-terroriżmu u l-kriminalità transnazzjonali serja, fir-rigward tal-passiġġieri tal-ajru li għalihom ma jkunx ġie identifikat riskju fir-rigward ta’ terroriżmu jew ta’ kriminalità transnazzjonali serja mal-wasla tagħhom fl-imsemmi pajjiż terz u sakemm dawn jitilqu minnu, ma jidhirx li teżisti, ladarba jkunu telqu, rabta, imqar waħda indiretta, bejn id-data tagħhom fir-reġistru tal-ismijiet tal-passiġġieri u l-għan imfittex mill-ftehim maħsub, li tiġġustifika l-konservazzjoni ta’ din id-data. Il-ħażna kontinwa tad-data tar-reġistru tal-ismijiet tal-passiġġieri kollha wara t-tluq tagħhom mill-pajjiż terz għalhekk ma tidhirx li hija limitata għal dak li huwa strettament neċessarju. Madankollu, sa fejn jiġu identifikati, f’każijiet partikolari, elementi oġġettivi li jippermettu li jitqies li ċerti passiġġieri tal-ajru jistgħu, anki wara tluq tagħhom mill-pajjiż terz, jippreżentaw riskju f’termini tal-ġlieda kontra t-terroriżmu u l-kriminalità transnazzjonali serja, ħażna tad-data tar-reġistru tal-ismijiet tal-passiġġieri tagħhom tidher li hija ammissibbli lil hinn mis-soġġorn tagħhom fl-imsemmi pajjiż terz. L-użu tad-data tar-reġistru tal-ismijiet tal-passiġġieri hekk maħżuna għandu jkun ibbażat fuq kriterji oġġettivi sabiex jiġu ddefiniti ċ-ċirkustanzi u l-kundizzjonijiet li fihom l-awtoritajiet tal-pajjiż terz ikkonċernat mill-ftehim maħsub ikunu jistgħu jkollhom aċċess għal din id-data. Bl-istess mod, dan l-użu għandu, ħlief f’każijiet ta’ urġenza debitament iġġustifikati, ikun suġġett għal stħarriġ minn qabel imwettaq jew minn qorti, jew minn entità amministrattiva indipendenti, li d-deċiżjoni tagħhom li tawtorizza l-użu tingħata fuq talba mmotivata ta’ dawn l-awtoritajiet, imressqa, b’mod partikolari, fil-kuntest ta’ proċeduri ta’ prevenzjoni, ta’ skoperta jew ta’ prosekuzzjoni kriminali. F’dak li jirrigwarda t-tul ta’ konservazzjoni ta’ din id-data, tul ta’ ħames snin ma jidhirx li jeċċedi l-limiti ta’ dak li huwa strettament neċessarju għall-finijiet tal-ġlieda kontra t-terroriżmu u l-kriminalità transnazzjonali serja.

(ara l-punti 205-209)

16.    Id-dritt fundamentali għar-rispett tal-ħajja privata, stabbilit fl-Artikolu 7 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, jimplika li l-persuna kkonċernata tista’ tiżgura ruħha li d-data personali tagħha tiġi pproċessata b’mod korrett u leġittimu. Sabiex tkun tista’ twettaq il-verifiki neċessarji, din il-persuna għandu jkollha dritt ta’ aċċess għad-data dwarha li tkun suġġetta għall-ipproċessar.

F’dan ir-rigward, fil-każ ta’ ftehim internazzjonali li jirrigwarda t-trasferiment tad-data tar-reġistru tal-ismijiet tal-passiġġieri lil pajjiż terz li l-konklużjoni tiegħu hija maħsuba mill-Unjoni, il-passiġġieri tal-ajru għandhom jiġu informati bit-trasferiment tad-data tar-reġistru tal-ismijiet tal-passiġġieri tagħhom lejn il-pajjiż terz ikkonċernat u bl-użu ta’ din id-data malli din il-komunikazzjoni ma tkunx tista’ tikkomprometti l-investigazzjonijiet imwettqa mill-awtoritajiet pubbliċi previsti mill-ftehim maħsub. Fil-fatt, tali informazzjoni hija effettivament neċessarja sabiex tippermetti lill-passiġġieri tal-ajru jeżerċitaw id-drittijiet tagħhom li jitolbu aċċess għad-data tar-reġistru tal-ismijiet tal-passiġġieri li tikkonċernahom u, jekk ikun il-każ, li jitolbu r-rettifika tagħha kif ukoll id-dritt tagħhom, skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta, għal rimedju effettiv quddiem qorti.

Għaldaqstant, fis-sitwazzjonijiet li fihom ikun hemm elementi oġġettivi li jiġġustifikaw l-użu tad-data tar-reġistru tal-ismijiet tal-passiġġieri għall-finijiet tal-ġlieda kontra t-terroriżmu u l-kriminalità transnazzjonali serja u li jeħtieġu awtorizzazzjoni minn qabel ta’ awtorità ġudizzjarja jew ta’ entità amministrattiva indipendenti, jirriżulta li huwa neċessarju li l-passiġġieri tal-ajru jiġu informati individwalment. Dan japplika wkoll fil-każijiet fejn id-data tar-reġistru tal-ismijiet tal-passiġġieri tiġi kkomunikata lil awtoritajiet pubbliċi oħra jew lil individwi. Madankollu, tali informazzjoni għandha tingħata biss malli din il-komunikazzjoni ma tkunx tista’ tikkomprometti l-investigazzjonijiet imwettqa mill-awtoritajiet pubbliċi previsti mill-ftehim maħsub.

(ara l-punti 219, 220, 223, 224)

17.    Skont l-Artikolu 8(3) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, l-osservanza tar-rekwiżiti fil-qasam tal-ipproċessar tad-data personali li jirriżultaw mill-Artikolu 8(1) u (2) tagħha għandha titqiegħed taħt il-kontroll ta’ awtorità indipendenti. Il-garanzija ta’ indipendenza ta’ tali awtorità ta’ superviżjoni, li l-istabbiliment tagħha huwa previst ukoll fl-Artikolu 16(2) TFUE, hija intiża li tiżgura l-effikaċja u l-affidabbiltà tas-superviżjoni tal-osservanza tar-regoli fil-qasam tal-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar tad-data personali u għandha tiġi interpretata fid-dawl ta’ dan l-għan. B’hekk, l-istabbiliment ta’ awtorità ta’ superviżjoni indipendenti jikkostitwixxi element essenzjali tal-osservanza tal-protezzjoni tal-persuni fir-rigward tal-ipproċessar tad-data personali.

(ara l-punti 228, 229)