Language of document : ECLI:EU:T:2015:984

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (L-Ewwel Awla)

22 ta’ Diċembru 2015 (*)

“Kompetizzjoni – Akkordji – Suq Ewropew tal-ġarr ta’ merkanzija bl-ajru – Ftehimiet u prattiki miftiehma fuq diversi elementi tal-prezzijiet tas-servizzi ta’ ġarr ta’ merkanzija bl-ajru (stabbiliment ta’ sovrataxxi marbuta mal-karburant u ta’ sovrataxxi marbuta mas-sigurtà, rifjut ta’ ħlas ta’ kummissjoni fuq is-sovrataxxi) – Artikolu 101 TFUE, Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE u Artikolu 8 tal-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Svizzera dwar it-trasport bl-ajru – Obbligu ta’ motivazzjoni”

Fil-Kawża T‑67/11,

Martinair Holland NV, stabbilita fi Haarlemmermeer (il-Pajjiżi l-Baxxi), irrappreżentata minn R. Wesseling, avukat,

rikorrenti,

vs

Il-Kummissjoni Ewropea, inizjalment irrappreżentata minn S. Noë, N. von Lingen u C. Giolito, sussegwentement minn S. Noë, C. Giolito u A. Dawes, bħala aġenti, assistiti minn B. Doherty, barrister,

konvenuta,

li għandha bħala suġġett talba għall-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2010) 7694, tad-9 ta’ Novembru 2010, li tirrigwarda proċedura skont l-Artikolu 101 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE u l-Artikolu 8 tal-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Svizzera dwar it-trasport bl-ajru (Każ C[OMP/].39258 — Trasport ta’ merkanzija bl-ajru), sa fejn din tirrigwarda lir-rikorrenti, jew, minn tal-inqas, għall-annullament tal-Artikolu 5(b) ta’ din id-deċiżjoni, sa fejn dan jimponi multa fuq ir-rikorrenti, jew it-tnaqqis ta’ din il-multa,

IL-QORTI ĠENERALI (L-Ewwel Awla),

komposta minn H. Kanninen (Relatur), President, I. Pelikánová u E. Buttigieg, Imħallfin,

Reġistratur: S. Spyropoulos, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-21 ta’ Mejju 2015,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1        Ir-rikorrenti, Martinair Holland NV, hija kumpannija ta’ trasport bl-ajru li topera fis-suq tal-ġarr ta’ merkanzija bl-ajru (iktar ’il quddiem il-“ġarr ta’ merkanzija”).

2        Fis-7 ta’ Diċembru 2005, il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej irċeviet talba għall-immunità abbażi tal-Avviż tal-Kummissjoni, tad-19 ta’ Frar 2002, dwar l-immunità minn multi u tnaqqis f’multi f’każijiet ta’ kartell [akkordji] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 155, iktar ’il quddiem il-“komunikazzjoni dwar il-klemenza tal-2002”) imressqa mid-Deutsche Lufthansa AG (iktar ’il quddiem “Lufthansa”) u mis-sussidjarji tagħha, Lufthansa Cargo AG u Swiss International Air Lines AG (iktar ’il quddiem “Swiss”). Skont din it-talba kienu jeżistu kuntatti antikompetittivi bejn diversi impriżi li joperaw fis-suq tal-ġarr ta’ merkanzija (iktar ’il quddiem it-“trasportaturi”) li fost l-oħrajn kienu jirrigwardaw:

–        is-sovrataxxa marbuta mal-karburant (iktar ’il quddiem is-“STK”), li ġiet introdotta biex tagħmel tajjeb għall-ispiża dejjem ikbar tal-karburant;

–        is-sovrataxxa marbuta mas-sigurtà (iktar ’il quddiem is-“STS”), li ġiet introdotta biex tagħmel tajjeb għall-ispiża ta’ ċerti miżuri ta’ sigurtà imposti wara l-attakki terroristiċi tal-11 ta’ Settembru 2001.

3        Fl-14 u fil-15 ta’ Frar 2006, il-Kummissjoni wettqet spezzjonijiet mhux imħabbra, skont l-Artikolu 20 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003, tas-16 ta’ Diċembru 2002, fuq l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli [101 TFUE] u [102 TFUE] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 205).

4        Wara l-ispezzjonijiet, diversi trasportaturi, kif ukoll ir-rikorrenti, ressqu talba abbażi tal-komunikazzjoni dwar il-klemenza tal-2002.

5        Fid-19 ta’ Diċembru 2007, il-Kummissjoni bagħtet dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet lil 27 trasportatur, fosthom ir-rikorrenti (iktar ’il quddiem id-“dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet”). Hija indikat li dawn it-trasportaturi kienu kisru l-Artikolu 101 TFUE, l-Artikolu 53 tal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea u l-Artikolu 8 tal-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Svizzera dwar it-trasport bl-ajru (iktar ’il quddiem il-“Ftehim Svizzera”), billi pparteċipaw f’akkordju dinji li jirrigwarda, b’mod partikolari, is-STK, is-STS u rifjut ta’ ħlas ta’ kummissjonijiet fuq is-sovrataxxi (iktar ’il quddiem ir-“rifjut ta’ ħlas ta’ kummissjonijiet”). B’risposta għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, id-destinatarji tagħha ppreżentaw kummenti bil-miktub. Inżammet seduta fit-30 ta’ Ġunju u fl-4 ta’ Lulju 2008.

6        Fid-9 ta’ Novembru 2010, il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni C (2010) 7694 finali li tirrigwarda proċedura skont l-Artikolu 101 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE u l-Artikolu 8 tal-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Svizzera dwar it-trasport bl-ajru (Każ C[OMP/].39258 — Trasport ta’ merkanzija bl-ajru) (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”). Din id-deċiżjoni kienet indirizzata lill-21 it-trasportatur li ġejjin (iktar ’il quddiem it-“trasportaturi inkriminati”):

–        Air Canada;

–        Air France-KLM;

–        Société Air France SA (iktar ’il quddiem Air France);

–        Koninklijke Luchtvaart Maatschappij NV (iktar ’il quddiem “KLM”);

–        British Airways plc;

–        Cargolux Airlines International SA (iktar ’il quddiem “Cargolux”);

–        Cathay Pacific Airways Ltd (iktar ’il quddiem “CPA”);

–        Japan Airlines Corp;

–        Japan Airlines International Co. Ltd (iktar ’il quddiem “Japan Airlines”);

–        Lan Airlines SA (iktar ’il quddiem “LAN”);

–        Lan Cargo SA (iktar ’il quddiem “LAN Cargo”;

–        Lufthansa Cargo;

–        Lufthansa;

–        Swiss;

–        ir-rikorrenti;

–        Qantas Airways Ltd (iktar ’il quddiem “Qantas”);

–        SAS AB;

–        SAS Cargo Group A/S (iktar ’il quddiem “SAS Cargo”);

–        Scandinavian Airlines System Denmark-Norway-Sweden (iktar ’il quddiem “Scandinavian Airlines”);

–        Singapore Airlines Cargo Pte Ltd (iktar ’il quddiem “SAC”);

–        Singapore Airlines Ltd.

7        L-ilmenti li kienu provviżorjament allegati fil-konfront tad-destinatarji l-oħra tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet twaqqgħu.

8        Id-deċiżjoni kkontestata tiddeskrivi, fil-motivi tagħha, ksur uniku u kontinwat tal-Artikolu 101 TFUE, tal-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE u tal-Artikolu 8 tal-Ftehim Svizzera, li jkopri t-territorju taż-ŻEE u l-Isvizzera, li permezz tiegħu t-trasportaturi inkriminati allegatament ikkoordinaw l-aġir tagħhom fil-qasam ta’ tariffikazzjoni għall-provvista ta’ servizzi ta’ ġarr ta’ merkanzija.

9        Id-dispożittiv tad-deċiżjoni kkontestata, sa fejn dan jirrigwarda lir-rikorrenti, jipprevedi:

Artikolu 1

L-impriżi li ġejjin kisru l-Artikolu 101 TFUE u l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE billi pparteċipaw fi ksur kompost fl-istess ħin minn ftehimiet u minn prattiki miftiehma li permezz tagħhom huma kkoordinaw diversi elementi tal-prezz li għandu jinżamm għal servizzi ta’ ġarr ta’ merkanzija [...] fuq rotot bejn ajruporti li jinsabu fiż-ŻEE, matul il-perijodi li ġejjin:

[…]

i)      [ir-rikorrenti], mit-22 ta’ Jannar 2001 sal-14 ta’ Frar 2006;

[…]

Artikolu 2

L-impriżi li ġejjin kisru l-Artikolu 101 TFUE billi pparteċipaw fi ksur kompost fl-istess ħin minn ftehimiet u minn prattiki miftiehma li permezz tagħhom huma kkoordinaw diversi elementi tal-prezz li għandu jinżamm għal servizzi ta’ ġarr ta’ merkanzija [...] fuq rotot bejn ajruporti li jinsabu fl-Unjoni Ewropea u ajruporti li jinsabu barra miż-ŻEE matul il-perijodi li ġejjin:

[…]

o)      [ir-rikorrenti], mill-1 ta’ Mejju 2004 sal-14 ta’ Frar 2006;

[…]

Artikolu 3

L-impriżi li ġejjin kisru l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE billi pparteċipaw fi ksur kompost fl-istess ħin minn ftehimiet u minn prattiki miftiehma li permezz tagħhom huma kkoordinaw diversi elementi tal-prezz li għandu jinżamm għal servizzi ta’ ġarr ta’ merkanzija [...] fuq rotot bejn ajruporti li jinsabu f’pajjiżi li huma partijiet kontraenti għall-Ftehim ŻEE iżda li ma humiex Stati Membri, u pajjiżi terzi, matul il-perijodi li ġejjin:

[…]

m)      [ir-rikorrenti], mid-19 ta’ Mejju 2005 sal-14 ta’ Frar 2006;

[…]

Artikolu 4

L-impriżi li ġejjin kisru l-Artikolu 8 tal-Ftehim [...] Svizzera [...] billi pparteċipaw fi ksur kompost fl-istess ħin minn ftehimiet u minn prattiki miftiehma li permezz tagħhom huma kkoordinaw diversi elementi tal-prezz li għandu jinżamm għal servizzi ta’ ġarr ta’ merkanzija [...] fuq rotot bejn ajruporti li jinsabu fl-[Unjoni] u ajruporti li jinsabu fl-Isvizzera, matul il-perijodi li ġejjin:

[…]

i)      [ir-rikorrenti], mill-1 ta’ Ġunju 2002 sal-14 ta’ Frar 2006;

[…]

Artikolu 5

Il-multi segwenti huma imposti għall-ksur imsemmija fl-Artikoli 1 sa 4:

[…]

m)      [ir-rikorrenti]: EUR 29 500 000;

[…]

Artikolu 6

L-impriżi elenkati fl-Artikoli 1 sa 4 għandhom jitterminaw b’mod immedjat il-ksur imsemmija f’dawn l-artikoli, dejjem sakemm huma għadhom ma għamlux dan.

Huma għandhom jiddeżistu, fil-ġejjieni, kemm minn kull att jew imġieba koperta mill-Artikoli 1 sa 4, kif ukoll minn kull att jew imġieba li jkollhom għan jew effett identiku jew li jixxiebah.

Artikolu 7

Din id-deċiżjoni hija indirizzata lil:

[…]

[ir-rikorrenti]

[…]”. [traduzzjoni mhux uffiċjali]

 Il-proċedura

10      Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl-24 ta’ Jannar 2011, ir-rikorrenti ppreżentat dan ir-rikors. Il-Kummissjoni ppreżentat ir-risposta tagħha fis-27 ta’ Mejju 2011.

11      Permezz ta’ deċiżjoni tad-29 ta’ Ġunju 2011, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet, skont l-Artikolu 47(1) tar-Regoli tal-Proċedura tagħha tat-2 ta’ Mejju 1991, li ma tippermettix it-tieni skambju ta’ noti.

12      Permezz ta’ deċiżjoni tal-President tal-Qorti Ġenerali tal-1 ta’ Diċembru 2011, wieħed mill-Imħallfin tas-Sitt Awla tal-Qorti Ġenerali, li kien il-kulleġġ ġudikanti li lilu kien assenjat l-Imħallef relatur, ġie ssostitwit minn imħallef ieħor.

13      Permezz ta’ deċiżjoni tal-President tal-Qorti Ġenerali tas-17 ta’ Jannar 2013, l-Imħallef relatur ġie ssostitwit b’Imħallef ġdid u din il-kawża ġiet assenjata lil Imħallef relatur ġdid li jifforma parti mill-kulleġġ ġudikanti tas-Sitt Awla.

14      Fuq talba tal-Qorti Ġenerali magħmula fil-kuntest tal-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura previsti fl-Artikolu 64 tar-Regoli tal-Proċedura tat-2 ta’ Mejju 1991, ir-rikorrenti ppreżentat, permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil-5 ta’ Lulju 2013, osservazzjonijiet fuq ir-risposta. Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali, fis-27 ta’ Settembru 2013, il-Kummissjoni ppreżentat osservazzjonijiet dwar l-imsemmija osservazzjonijiet.

15      Peress li kien hemm bidla fil-kompożizzjoni tal-Awli tal-Qorti Ġenerali u peress li l-Imħallef Relatur ġie assenjat lill-Ewwel Awla, din il-kawża ġiet għalhekk assenjata lil din l-Awla fit-2 ta’ Ottubru 2013.

16      Fuq rapport tal-Imħallef Relatur, il-Qorti Ġenerali (L-Ewwel Awla) iddeċidiet li tiftaħ il-proċedura orali. Barra minn hekk, fil-kuntest tal-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura previsti fl-Artikolu 64 tar-Regoli tal-Proċedura tat-2 ta’ Mejju 1991, il-Qorti Ġenerali għamlet mistoqsijiet bil-miktub lill-partijiet, li wieġbu fit-terminu mogħti.

17      Fit-28 ta’ April 2015, il-Qorti Ġenerali stiednet lir-rikorrenti tindikalha jekk ir-rapport tas-seduta kienx jinkludi data kunfidenzjali fir-rigward tal-pubbliku. Permezz ta’ żewġ ittri tal-4 ta’ Mejju 2015, ir-rikorrenti, minn naħa, talbet sabiex ċerta data tar-rapport tas-seduta ma tiġix mgħarrfa lill-pubbliku u, min-naħa l-oħra, ippreżentat ċerti osservazzjonijiet dwar l-imsemmi rapport, fatt li l-Qorti Ġenerali ħadet nota tiegħu.

18      Is-sottomissjonijiet orali tal-partijiet u t-tweġibiet tagħhom għall-mistoqsijiet tal-Qorti Ġenerali nstemgħu fis-seduta tal-21 ta’ Mejju 2015.

 It-talbiet tal-partijiet

19      Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla l-Artikoli 1 sa 7 tad-deċiżjoni kkontestata, kompletament jew parzjalment, sa fejn jirrigwardawha;

–        jew tnaqqas l-ammont tal-multa imposta fl-Artikolu 5(m) tad-deċiżjoni kkontestata;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

20      Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

 Id-dritt

21      Ir-rikorrenti tinvoka żewġ motivi insostenn tar-rikors, ibbażati, l-ewwel wieħed, fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni, tad-dritt għal amministrazzjoni tajba, tad-dritt għal rimedju effettiv u għal smigħ xieraq, tal-preżunzjoni tal-innoċenza u tad-drittijiet tad-difiża u, it-tieni wieħed, fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni fil-kalkolu tal-multa, fuq ksur tar-Regolament Nru 1/2003, tal-linji gwida għall-kalkolu tal-multi imposti skont l-Artikolu 23(2)(a) tar-Regolament Nru 1/2003 (ĠU 2006, C 210, p. 2), tal-prinċipji ta’ proporzjonalità u ta’ ugwaljanza fit-trattament u tal-obbligu ta’ motivazzjoni.

22      L-ewwel motiv huwa kompost minn żewġ partijiet, ibbażati, l-ewwel waħda, fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni u tad-dritt għal amministrazzjoni tajba u, it-tieni waħda, fuq ksur tad-dritt għal amministrazzjoni tajba, tad-dritt għal rimedju effettiv u għal smigħ xieraq, tal-preżunzjoni tal-innoċenza u tad-drittijiet tad-difiża.

23      Fil-kuntest tal-ewwel parti tal-ewwel motiv, ir-rikorrenti b’mod partikolari ssostni li d-deċiżjoni kkontestata ma tippermetilhiex tiddetermina n-natura u l-portata tal-ksur wieħed jew iktar allegati fil-konfront tagħha, sa fejn id-dispożittiv tad-deċiżjoni kkontestata jsemmi erba’ ksur li jirrigwardaw diversi perijodi u rotot, li twettqu minn trasportaturi differenti, filwaqt li l-motivi jirrigwardaw ksur dinji wieħed uniku u kontinwat, li jkopri r-rotot kollha. Hija tkompli targumenta li, fid-deċiżjoni kkontestata, peress li l-Kummissjoni eżaminat il-kundizzjonijiet ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 101 TFUE, tal-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE u tal-Artikolu 8 tal-Ftehim Svizzera unikament fir-rigward tal-eżistenza ta’ allegat akkordju dinji, il-bażi tal-konstatazzjoni tal-erba’ ksur fid-dispożittiv ma tistax tkun l-evalwazzjoni tal-fatti u tal-provi mwettqa fil-motivi. Fid-deċiżjoni kkontestata l-Kummissjoni allegatament ma eżaminatx il-kwistjoni ta’ jekk il-fatti ammessi u l-provi miġbura minnha jsostnux l-erba’ ksur speċifiċi msemmija rispettivament fl-Artikoli 1 sa 4 ta’ din id-deċiżjoni.

24      Għalhekk, permezz tal-ewwel parti tal-ewwel motiv, ir-rikorrenti essenzjalment issostni li d-deċiżjoni kkontestata hija vvizzjata b’nuqqas ta’ motivazzjoni, sa fejn il-motivi u d-dispożittiv ta’ din id-deċiżjoni huma kuntradittorji, fatt li l-Kummissjoni tikkontesta.

25      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, il‑motivazzjoni meħtieġa mill-Artikolu 296(2) TFUE għandha tindika b’mod ċar u inekwivoku r-raġunament tal-istituzzjoni, li tkun l-awtriċi talatt inkriminat, b’mod li l-persuni kkonċernati jkunu jistgħu jidentifikaw il-ġustifikazzjonijiet tal‑miżura adottata sabiex ikunu jistgħu jiddefendu d-drittijiet tagħhom u b’mod li l-qorti tal-Unjoni Ewropea tkun tista’ teżerċita l-istħarriġ tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-25 ta’ Ġunju 1998, British Airways et vs Il-Kummissjoni, T‑371/94 u T‑394/94, Ġabra, EU:T:1998:140, punt 89, u tad-29 ta’ Ġunju 2012, GDF Suez vs Il-Kummissjoni, T‑370/09, Ġabra, EU:T:2012:333, punt 117). Ir-rekwiżit ta’ motivazzjoni għandu jiġi evalwat fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-każ, b’mod partikolari tal-kontenut tal-att, tan-natura tal-motivi invokati u tal-interess li d-destinatarji jew persuni oħra kkonċernati direttament jew individwalment mill-att jista’ jkollhom li jirċievu spjegazzjonijiet (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-2 ta’ April 1998, Il-Kummissjoni vs Sytraval u Brink’s France, C‑367/95 P, Ġabra, EU:C:1998:154, punt 63, u tal-15 ta’ Marzu 2000, Cimenteries CBR et vs Il-Kummissjoni, T‑25/95, T‑26/95, T‑30/95 sa T‑32/95, T‑34/95 sa T‑39/95, T‑42/95 sa T‑46/95, T‑48/95, T‑50/95 sa T‑65/95, T‑68/95 sa T‑71/95, T‑87/95, T‑88/95, T‑103/95 u T‑104/95, Ġabra, EU:T:2000:77, punt 469).

26      Ma huwiex meħtieġ li l-motivazzjoni tispeċifika kull punt ta’ fatt u ta’ liġi rilevanti, sa fejn il-kwistjoni ta’ jekk il-motivazzjoni ta’ att tissodisfax ir-rekwiżiti tal-Artikolu 296 TFUE għandha tiġi evalwata mhux biss fid-dawl tal-kliem tagħha, iżda wkoll f’dak tal-kuntest tagħha kif ukoll f’dak tar-regoli legali kollha li jirregolaw il-qasam ikkonċernat) (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Il-Kummissjoni vs Sytraval u Brink’s France, punt 25 iktar ’il fuq, EU:C:1998:154, punt 63, u tat-2 ta’ Frar 2012, Denki Kagaku Kogyo u Denka Chemicals vs Il‑Kummissjoni, T‑83/08, EU:T:2012:48, punt 91).

27      Xorta jibqa’ l-fatt li, għall-finijiet tal-motivazzjoni ta’ deċiżjoni adottata sabiex tiġi żgurata l-applikazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni, il-Kummissjoni hija obbligata, skont l-Artikolu 296 TFUE, li ssemmi għall-inqas il-fatti u l-kunsiderazzjonijiet li għandhom importanza essenzjali fl-istruttura tad-deċiżjoni tagħha, sabiex b’dan il-mod il-qorti kompetenti u l-partijiet ikkonċernati jkunu jistgħu jsiru jafu l-kundizzjonijiet li fihom hija applikat id-dritt tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Denki Kagaku Kogyo u Denka Chemicals vs Il‑Kummissjoni, punt 26 iktar ’il fuq, EU:T:2012:48, punt 91).

28      Barra minn hekk, il-motivazzjoni għandha tkun loġika, u b’mod partikolari din ma għandha turi l-ebda kontradizzjoni interna li taffettwa l-komprensjoni tar-raġunijiet li fuqhom huwa bbażat dan l-att (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-10 ta’ Lulju 2008, Bertelsmann u Sony Corp. of America vs Impala, C‑413/06 P, Ġabra, EU:C:2008:392, punt 169, u tad-29 ta’ Settembru 2011, Elf Aquitaine vs Il‑Kummissjoni, C‑521/09 P, Ġabra, EU:C:2011:620, punt 151).

29      Għandu jingħad ukoll li, minkejja d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 23(5) tar-Regolament Nru 1/2003, li minnhom jirriżulta li d-deċiżjonijiet li jimponu multi minħabba ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni ma humiex ta’ natura kriminali, il-ksur tal-Artikolu 101(1) TFUE, tal-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE u tal-Artikolu 8 tal-Ftehim Svizzera jippreżupponi aġir li huwa ġeneralment meqjus żleali, għad-detriment tal-pubbliku inġenerali, li jġib miegħu stigma reali u li jista’ jwassal, fil-konfront tal-impriżi responsabbli, għall-impożizzjoni ta’ multi li jistgħu jammontaw sa 10 % tad-dħul mill bejgħ annwali tagħhom, u li għalhekk huma indiskutibbilment severi (ara, f’dan ir-rigward, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Sharpston fil-kawża KME Germany et vs Il-Kummissjoni, C‑272/09 P, Ġabra, EU:C:2011:63, punt 64). Fid-dawl tan-natura tal-atti ta’ ksur inkwistjoni u tan-natura u tal-grad ta’ severità tas-sanzjonijiet marbuta magħhom (ara s-sentenza tas-27 ta’ Marzu 2014, Saint-Gobain Glass France et vs Il-Kummissjoni, T‑56/09 u T‑73/09, Ġabra, EU:T:2014:160, punt 78 u l-ġurisprudenza ċċitata), dawn jaqgħu taħt il-qasam kriminali fis-sens tal-Artikolu 6 tal-Konvenzjoni għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl-4 ta’ Novembru 1950 (iktar ’il quddiem il-“KEDB”), kif jirriżulta b’mod partikolari mis-sentenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, A. Menarini Diagnostis vs l-Italja (Nru 43509/08, § 39 sa 44, 27 ta’ Settembru 2011).

30      Barra minn hekk, fil-punti 58 u 59 tas-sentenza tagħha A. Menarini Diagnostis vs l-Italja, punt 29 iktar ’il fuq, il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem fakkret li, jekk “piena” tiġi imposta permezz ta’ deċiżjoni ta’ awtorità amministrattiva, il-persuna kkonċernata għandha tkun tista’ tressaq kwalunkwe deċiżjoni meħuda kontriha b’dan il-mod quddiem qorti li toffri l-istess garanziji previsti fl-Artikolu 6 tal-KEDB (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-18 ta’ Lulju 2013, Schindler Holding et vs Il-Kummissjoni, C‑501/11 P, Ġabra, EU:C:2013:522, punt 34).

31      Issa, il-prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva, li huwa prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni li issa huwa espress fl-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea u li jikkorrispondi, fid-dritt tal-Unjoni, għall-Artikolu 6(1) tal-KEDB (ara s-sentenza tal-10 ta’ Lulju 2014, Telefónica u Telefónica de España vs Il-Kummissjoni, C‑295/12 P, Ġabra, EU:C:2014:2062, punt 57 u l-ġurisprudenza ċċitata), jimplika li d-dispożittiv ta’ deċiżjoni adottata mill-Kummissjoni, li tikkonstata ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni, għandu jkun partikolarment ċar u preċiż u li l-impriżi miżmuma responsabbli jew issanzjonati jkunu f’pożizzjoni li jifhmu u li jikkontestaw l-attribuzzjoni ta’ din ir-responsabbiltà u l-impożizzjoni ta’ dawn is-sanzjonijiet, kif dawn jirriżultaw minn kliem l-imsemmi dispożittiv.

32      Fil-fatt, għandu jitfakkar li huwa permezz tad-dispożittiv tad-deċiżjonijiet li l-Kummissjoni tindika n-natura u l-portata tal-ksur li hija tissanzjona. Għandu jiġi osservat li, bħala prinċipju, f’dak li jirrigwarda speċifikatament il-portata u n-natura tal-ksur issanzjonat, huwa d-dispożittiv, u mhux il-motivi, li huwa importanti. Huwa biss fil-każ ta’ nuqqas ta’ kjarezza tat-termini użati fid-dispożittiv li dan tal-aħħar għandu jiġi interpretat billi jsir riferiment għall-motivi tad-deċiżjoni. Kif qieset il-qorti tal-Unjoni, sabiex jiġu ddefiniti l-persuni li huma s-suġġett ta’ deċiżjoni li tikkonstata ksur, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni d-dispożittiv ta’ din id-deċiżjoni, sakemm dan ma jagħtix lok għal dubji (sentenzi tas-16 ta’ Diċembru 1975, Suiker Unie et vs Il-Kummissjoni, 40/73 sa 48/73, 50/73, 54/73 sa 56/73, 111/73, 113/73 u 114/73, Ġabra, EU:C:1975:174, punt 315, u tal-11 ta’ Diċembru 2003, Adriatica di Navigazione vs Il-Kummissjoni, T‑61/99, Ġabra, EU:T:2003:335, punt 43).

33      Barra minn hekk, għandu wkoll jitfakkar li peress li l-Artikolu 101(1) TFUE jipproduċi effetti diretti fir-relazzjonijiet bejn l-individwi u joħloq drittijiet għall-individwi dan jeżiġi li persuna tkun tista’ titlob kumpens għad-dannu kkawżat lilha permezz ta’ kuntratt jew ta’ mġiba li tista’ toħloq restrizzjoni jew distorsjoni tal-kompetizzjoni. Għalhekk, huma l-qrati nazzjonali inkarigati sabiex japplikaw, fil-kuntest tal-ġurisdizzjoni tagħhom, din id-dispożizzjoni li għandhom mhux biss jiżguraw l-effett sħiħ tagħha iżda li għandhom ukoll iħarsu dawn id-drittijiet (sentenza tas-6 ta’ Ġunju 2013, Donau Chemie et, C‑536/11, Ġabra, EU:C:2013:366, punti 21 u 22). Għalhekk, kull persuna għandha d-dritt li titlob kumpens għad-dannu sostnut meta tkun teżisti rabta kawżali bejn l-imsemmi dannu u akkordju jew prattika pprojbita mill-Artikolu 101 TFUE (sentenzi tat-13 ta’ Lulju 2006, Manfredi et, C‑295/04 sa C‑298/04, Ġabra, EU:C:2006:461, punt 61, u tas-6 ta’ Novembru 2012, Otis et, C‑199/11, Ġabra, EU:C:2012:684, punt 43).

34      Issa, skont l-Artikolu 16(1) tar-Regolament Nru 1/2003, meta l-qrati nazzjonali jiddeċiedu fuq ftehimiet, deċiżjonijiet jew prattiki li jaqgħu taħt l-Artikolu 101 TFUE li huma diġà s-suġġett ta’ deċiżjoni tal-Kummissjoni, huma ma jistgħux jagħmlu dan f’sens li jmur kontra din id-deċiżjoni.

35      F’dan ir-rigward, għandu jitqies, bil-kontra ta’ dak li sostniet il-Kummissjoni matul is-seduta, li qorti nazzjonali tkun qed tadotta deċiżjoni li tmur kontra dik adottata minn din l-istituzzjoni, mhux biss jekk hija tikklassifika ġuridikament, b’mod differenti, l-imġiba antikompetittiva eżaminata, iżda anki jekk id-deċiżjoni tagħha tkun differenti minn dik tal-Kummissjoni fir-rigward tal-portata ratione temporis jew ġeografika tal-aġiri eżaminati jew fir-rigward tar-responsabbiltà jew tal-assenza ta’ responsabbiltà tal-persuni li kienu s-suġġett tal-investigazzjoni dwar l-imġiba inkwistjoni u li r-responsabbiltà tagħhom ġiet eżaminata fid-deċiżjoni tal-Kummissjoni.

36      Minn dan jirriżulta li l-qrati nazzjonali huma marbutin mid-deċiżjoni adottata mill-Kummissjoni, sakemm din ma tiġix annullata jew iddikjarata invalida, u dan jeżiġi li d-dispożittiv tagħha jkun jista’ jinftiehem b’mod mhux ambigwu.

37      B’mod partikolari, il-qrati nazzjonali għandhom ikunu f’pożizzjoni li jifhmu, mit-termini ċari tad-dispożittiv ta’ deċiżjoni li tikkonstata l-eżistenza ta’ ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni, kemm il-portata ta’ dan il-ksur, kif ukoll li jidentifikaw il-persuni responsabbli għal dan il-ksur, sabiex ikunu jistgħu jisiltu l-konsegwenzi neċessarji f’dak li jirrigwarda t-talbiet għall-kumpens għad-danni kkawżati mill-ksur, imressqa mill-persuni li ġew leżi minn dan l-istess ksur.

38      Fl-aħħar nett, għandu jiġi osservat li l-effettività sħiħa tal-Artikolu 101 TFUE titqiegħed fid-dubju jekk id-dritt li persuna titlob kumpens għad-dannu mġarrab minnha mingħand persuna oħra jiġi suġġett b’mod kategoriku għall-eżistenza ta’ rabta kuntrattwali bejn dawn iż-żewġ persuni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-5 ta’ Ġunju 2014, Kone et, C‑557/12, Ġabra, EU:C:2014:1317, punt 33). Għalhekk, ma jistax jiġi eskluż li persuna meqjusa responsabbli għal ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni kkonstatat mill-Kummissjoni tiġi obbligata tikkumpensa d-dannu kkawżat lil klijenti ta’ persuni oħra miżmuma responsabbli għall-istess ksur. F’dan il-każ u jekk dan huwa previst mid-dritt nazzjonali, il-qrati nazzjonali jistgħu jisimgħu rikorsi bejn dawn il-persuni. Il-formulazzjoni tad-dispożittiv ta’ deċiżjoni li tikkonstata ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni donnha hija, minn din il-perspettiva, determinanti peress li din tista’ tistabbilixxi drittijiet u obbligi reċiproċi bejn il-persuni kkonċernati.

39      Il-qorti nazzjonali tista’ wkoll, jekk ikun previst mil-liġi nazzjonali, tkun obbligata li tqis li l-persuni kollha ddikjarati responsabbli għall-ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni kkonstatat mill-Kummissjoni jkunu obbligati jikkumpensaw in solidum id-dannu kkawżat. F’dan il-każ, il-formulazzjoni tad-dispożittiv ta’ deċiżjoni li tikkonstata ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni tista’, fir-rigward tal-persuni kkonċernati, ukoll tkun determinanti.

40      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet esposti iktar ’il fuq, għandu għalhekk jiġi vverifikat, l-ewwel nett, jekk, kif issostni r-rikorrenti, teżistix kontradizzjoni bejn il-motivi u d-dispożittiv tad-deċiżjoni kkontestata.

41      F’dak li jirrigwarda d-dispożittiv tad-deċiżjoni kkontestata, l-Artikoli 1 sa 4 tagħha huma fformulati kif ġej:

Artikolu 1

L-impriżi li ġejjin kisru l-Artikolu 101 TFUE u l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE billi pparteċipaw fi ksur kompost fl-istess ħin minn ftehimiet u minn prattiki miftiehma li permezz tagħhom huma kkoordinaw diversi elementi tal-prezz li għandu jinżamm għal servizzi ta’ ġarr ta’ merkanzija [...] fuq rotot bejn ajruporti li jinsabu fiż-ŻEE, matul il-perijodi li ġejjin:

a)      Air France-KLM, mis-7 ta’ Diċembru 1999 sal-14 ta’ Frar 2006;

b)      [...] Air France, mis-7 ta’ Diċembru 1999 sal-14 ta’ Frar 2006;

c)      KLM [...], mill-21 ta’ Diċembru 1999 sal-14 ta’ Frar 2006;

d)      British Airways [...], mit-22 ta’ Jannar 2001 sal-14 ta’ Frar 2006;

e)      Cargolux [...], mit-22 ta’ Jannar 2001 sal-14 ta’ Frar 2006;

f)      Lufthansa Cargo [...], mill-14 ta’ Diċembru 1999 sas-7 ta’ Diċembru 2005;

g)      [...] Lufthansa [...], mill-14 ta’ Diċembru 1999 sas-7 ta’ Diċembru 2005;

h)      Swiss [...], mit-2 ta’ April 2002 sas-7 ta’ Diċembru 2005;

i)      [ir-rikorrenti], mit-22 ta’ Jannar 2001 sal-14 ta’ Frar 2006;

j)      SAS [...], mis-17 ta’ Awwissu 2001 sal-14 ta’ Frar 2006;

k)      SAS Cargo [...], mill-1 ta’ Ġunju 2001 sal-14 ta’ Frar 2006;

l)      Scandinavian Airlines [...], mit-13 ta’ Diċembru 1999 sat-28 ta’ Diċembru 2003.

Artikolu 2

L-impriżi li ġejjin kisru l-Artikolu 101 TFUE billi pparteċipaw fi ksur kompost fl-istess ħin minn ftehimiet u minn prattiki miftiehma li permezz tagħhom huma kkoordinaw diversi elementi tal-prezz li għandu jinżamm għal servizzi ta’ ġarr ta’ merkanzija [...] fuq rotot bejn ajruporti li jinsabu fl-Unjoni Ewropea u ajruporti li jinsabu barra miż-ŻEE matul il-perijodi li ġejjin:

a)      Air Canada, mill-1 ta’ Mejju 2004 sal-14 ta’ Frar 2006;

b)      Air France-KLM, mill-1 ta’ Mejju 2004 sal-14 ta’ Frar 2006;

c)      [...] Air France, mill-1 ta’ Mejju 2004 sal-14 ta’ Frar 2006;

d)      KLM [...], mill-1 ta’ Mejju 2004 sal-14 ta’ Frar 2006;

e)      British Airways [...], mill-1 ta’ Mejju 2004 sal-14 ta’ Frar 2006;

f)      Cargolux [...], mill-1 ta’ Mejju 2004 sal-14 ta’ Frar 2006;

g)      [CPA], mill-1 ta’ Mejju 2004 sal-14 ta’ Frar 2006;

h)      Japan Airlines [Corp.], mill-1 ta’ Mejju 2004 sal-14 ta’ Frar 2006;

i)      Japan Airlines [...], mill-1 ta’ Mejju 2004 sal-14 ta’ Frar 2006;

j)      LAN [...], mill-1 ta’ Mejju 2004 sal-14 ta’ Frar 2006;

k)      LAN Cargo [...], mill-1 ta’ Mejju 2004 sal-14 ta’ Frar 2006;

l)      Lufthansa Cargo [...], mill-1 ta’ Mejju 2004 sas-7 ta’ Diċembru 2005;

m)      [...] Lufthansa [...], mill-1 ta’ Mejju 2004 sas-7 ta’ Diċembru 2005;

n)      Swiss [...], mill-1 ta’ Mejju 2004 sas-7 ta’ Diċembru 2005;

o)      [ir-rikorrenti], mill-1 ta’ Mejju 2004 sal-14 ta’ Frar 2006;

p)      Qantas [...], mill-1 ta’ Mejju 2004 sal-14 ta’ Frar 2006;

q)      SAS [...], mill-1 ta’ Mejju 2004 sal-14 ta’ Frar 2006;

r)      SAS Cargo [...], mill-1 ta’ Mejju 2004 sal-14 ta’ Frar 2006;

s)      [SAC], mill-1 ta’ Mejju 2004 sal-14 ta’ Frar 2006;

t)      Singapore Airlines [...], mill-1 ta’ Mejju 2004 sal-14 ta’ Frar 2006.

Artikolu 3

L-impriżi li ġejjin kisru l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE billi pparteċipaw fi ksur kompost fl-istess ħin minn ftehimiet u minn prattiki miftiehma li permezz tagħhom huma kkoordinaw diversi elementi tal-prezz li għandu jinżamm għal servizzi ta’ ġarr ta’ merkanzija [...] fuq rotot bejn ajruporti li jinsabu f’pajjiżi li huma partijiet kontraenti għall-Ftehim ŻEE iżda li ma humiex Stati Membri, u pajjiżi terzi, matul il-perijodi li ġejjin:

a)      Air Canada, mid-19 ta’ Mejju 2005 sal-14 ta’ Frar 2006;

b)      Air France-KLM, mid-19 ta’ Mejju 2005 sal-14 ta’ Frar 2006;

c)      [...] Air France, mid-19 ta’ Mejju 2005 sal-14 ta’ Frar 2006;

d)      KLM [...], mid-19 ta’ Mejju 2005 sal-14 ta’ Frar 2006;

e)      British Airways [...], mid-19 ta’ Mejju 2005 sal-14 ta’ Frar 2006;

f)      Cargolux [...], mid-19 ta’ Mejju 2005 sal-14 ta’ Frar 2006;

g)      [CPA], mid-19 ta’ Mejju 2005 sal-14 ta’ Frar 2006;

h)      Japan Airlines [Corp.], mid-19 ta’ Mejju 2005 sal-14 ta’ Frar 2006;

i)      Japan Airlines [...], mid-19 ta’ Mejju 2005 sal-14 ta’ Frar 2006;

j)      Lufthansa Cargo [...], mid-19 ta’ Mejju 2005 sas-7 ta’ Diċembru 2005;

k)      [...] Lufthansa [...], mid-19 ta’ Mejju 2005 sas-7 ta’ Diċembru 2005;

l)      Swiss [...], mid-19 ta’ Mejju 2005 sas-7 ta’ Diċembru 2005;

m)      [ir-rikorrenti], mid-19 ta’ Mejju 2005 sal-14 ta’ Frar 2006;

n)      Qantas [...], mid-19 ta’ Mejju 2005 sal-14 ta’ Frar 2006;

o)      SAS [...], mid-19 ta’ Mejju 2005 sal-14 ta’ Frar 2006;

p)      SAS Cargo [...], mid-19 ta’ Mejju 2005 sal-14 ta’ Frar 2006;

q)      [SAC], mid-19 ta’ Mejju 2005 sal-14 ta’ Frar 2006;

r)      Singapore Airlines [...], mid-19 ta’ Mejju 2005 sal-14 ta’ Frar 2006.

Artikolu 4

L-impriżi li ġejjin kisru l-Artikolu 8 tal-Ftehim [...] Svizzera [...] billi pparteċipaw fi ksur kompost fl-istess ħin minn ftehimiet u minn prattiki miftiehma li permezz tagħhom huma kkoordinaw diversi elementi tal-prezz li għandu jinżamm għal servizzi ta’ ġarr ta’ merkanzija [...] fuq rotot bejn ajruporti li jinsabu fl-[Unjoni] u ajruporti li jinsabu fl-Isvizzera, matul il-perijodi li ġejjin:

a)      Air France-KLM, mill-1 ta’ Ġunju 2002 sal-14 ta’ Frar 2006;

b)      [...] Air France, mill-1 ta’ Ġunju 2002 sal-14 ta’ Frar 2006;

c)      KLM [...], mill-1 ta’ Ġunju 2002 sal-14 ta’ Frar 2006;

d)      British Airways [...], mill-1 ta’ Ġunju 2002 sal-14 ta’ Frar 2006;

e)      Cargolux [...], mill-1 ta’ Ġunju 2002 sal-14 ta’ Frar 2006;

f)      Lufthansa Cargo [...], mill-1 ta’ Ġunju 2002 sas-7 ta’ Diċembru 2005;

g)      [...] Lufthansa [...], mill-1 ta’ Ġunju 2002 sas-7 ta’ Diċembru 2005;

h)      Swiss [...], mill-1 ta’ Ġunju 2002 sas-7 ta’ Diċembru 2005;

i)      [ir-rikorrenti], mill-1 ta’ Ġunju 2002 sal-14 ta’ Frar 2006;

j)      SAS [...], mill-1 ta’ Ġunju 2002 sal-14 ta’ Frar 2006;

k)      SAS Cargo [...], mill-1 ta’ Ġunju 2002 sal-14 ta’ Frar 2006;

l)      Scandinavian Airlines [...], mill-1 ta’ Ġunju 2002 sat-28 ta’ Diċembru 2003.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

42      Ir-rikorrenti essenzjalment issostni li qari letterali tal-Artikoli 1 sa 4 tad-deċiżjoni kkontestata jwassal sabiex tiġi kkonstatata l-eżistenza ta’ erba’ ksur uniċi u kontinwati separati, fejn kull wieħed minnhom jirrigwarda kategorija ta’ rotot differenti, pjuttost milli jenfasizza l-konstatazzjoni ta’ ksur uniku u kontinwat wieħed fir-rigward tar-rotot kollha koperti mill-akkordju, kif espost fil-motivi ta’ din id-deċiżjoni.

43      Dan huwa allegatament ikkonfermat mill-formulazzjoni tal-Artikoli 5 u 6 tad-deċiżjoni kkontestata, li jipprovdu li:

Artikolu 5

Il-multi segwenti huma imposti għall-ksur imsemmija fl-Artikoli 1 sa 4:

[…]

Artikolu 6

L-impriżi elenkati fl-Artikoli 1 sa 4 għandhom jitterminaw b’mod immedjat il-ksur imsemmija f’dawn l-artikoli, dejjem sakemm huma għadhom ma għamlux dan.

[…]”. [traduzzjoni mhux uffiċjali]

44      Fil-fatt, ir-rikorrenti tenfasizza li l-Artikoli 5 u 6 tad-deċiżjoni kkontestata jsemmu “ksur” fil-plural u mhux “ksur wieħed” fis-singular.

45      F’dan ir-rigward għandu l-ewwel nett jiġi osservat li, hekk kif issostni l-Kummissjoni fit-tweġibiet tagħha fil-kuntest tal-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura msemmija fil-punt 16 iktar ’il fuq, il-qsim, f’erba’ artikoli separati, tal-parti tad-dispożittiv ta’ deċiżjoni li tikkonstata ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni ma jindikax, neċessarjament, l-eżistenza ta’ erba’ ksur separati.

46      Dan il-qsim jista’ jkun dovut għaċ-ċirkustanza li l-aġiri antikompetittivi kollha li jikkomponu l-ksur uniku u kontinwat deskritt fid-deċiżjoni kkontestata kisru tliet dispożizzjonijiet li jipprojbixxu speċifikament dawn l-aġiri iżda li għandhom portata territorjali jew ratione temporis differenti.

47      Barra minn hekk, il-Kummissjoni indikat, fil-punti 815 sa 817 tad-deċiżjoni kkontestata kif ukoll fl-osservazzjonijiet bil-miktub li għamlet quddiem il-Qorti Ġenerali, li, sal-1 ta’ Mejju 2004, il-kompetenza eżekutorja tagħha fl-applikazzjoni tal-Artikolu 101 TFUE kienet limitata biss għat-trasport bl-ajru internazzjonali bejn ajruporti tal-Unjoni u għalhekk ma setgħetx tapplika l-Artikolu 101 TFUE għall-ftehimiet u għall-prattiki antikompetittivi li jirrigwardaw rotot bejn ajruporti li jinsabu fl-Unjoni u ajruporti li jinsabu barra miż-ŻEE. Barra minn hekk, fil-premessi 818 sa 821 tad-deċiżjoni kkontestata hija spjegat li, sad-19 ta’ Mejju 2005, hija kellha l-kompetenza li tapplika l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE biss għat-trasport bl-ajru bejn ajruporti li jinsabu fiż-ŻEE u li kien biss minn din id-data li hija kellha l-kompetenza li tapplika din id-dispożizzjoni f’dak li jirrigwarda r-rotot bejn ajruporti li jinsabu f’pajjiżi li huma partijiet kontraenti għall-Ftehim ŻEE iżda li ma humiex Stati Membri, u pajjiżi terzi. Iktar minn hekk, mill-premessi 822 sa 825 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-Kummissjoni qieset li kellha l-kompetenza li tapplika l-Artikolu 8 tal-Ftehim Svizzera għar-rotot bejn ajruporti li jinsabu fl-Unjoni u ajruporti li jinsabu fl-Isvizzera mill-1 ta’ Ġunju 2002.

48      Għaldaqstant, kif il-Kummissjoni indikat kemm fir-risposta tagħha ċċitata fil-punt 16 iktar ’il fuq kif ukoll matul is-seduta, il-ksur ta’ tliet dispożizzjonijiet, jiġifieri l-Artikolu 101 TFUE, l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE u l-Artikolu 8 tal-Ftehim Svizzera, li kull wieħed minnhom jiffissa l-kompetenza tal-Kummissjoni għall-applikazzjoni ratione temporis u ratione loci tagħhom, wassalha sabiex taqsam id-dispożittiv tad-deċiżjoni kkontestata f’seba’ artikoli li l-ewwel erba’ huma mfassla kif ġej:

–        l-Artikolu 1 jirrigwarda l-kompetenza tal-Kummissjoni għall-applikazzjoni tal-Artikoli 101 TFUE u 53 tal-Ftehim ŻEE f’dak li jirrigwarda r-rotot bejn ajruporti li jinsabu fiż-ŻEE, għall-perijodu mis-7 ta’ Diċembru 1999 sal-14 ta’ Frar 2006;

–        l-Artikolu 2 jirrigwarda l-kompetenza tal-Kummissjoni għall-applikazzjoni tal-Artikolu 101 TFUE f’dak li jirrigwarda r-rotot bejn ajruporti li jinsabu fl-Unjoni u ajruporti li jinsabu barra miż-ŻEE, għall-perijodu mill-1 ta’ Mejju 2004 sal-14 ta’ Frar 2006;

–        l-Artikolu 3 jirrigwarda l-kompetenza tal-Kummissjoni għall-applikazzjoni tal-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE f’dak li jirrigwarda r-rotot bejn ajruporti li jinsabu f’pajjiżi li huma partijiet kontraenti għall-Ftehim ŻEE iżda li ma humiex Stati Membri, u pajjiżi terzi, għall-perijodu mid-19 ta’ Mejju 2005 sal-14 ta’ Frar 2006;

–        u l-Artikolu 4 jirrigwarda l-kompetenza tal-Kummissjoni għall-applikazzjoni tal-Artikolu 8 tal-Ftehim Svizzera f’dak li jirrigwarda r-rotot bejn ajruporti li jinsabu fl-Unjoni u ajruporti li jinsabu fl-Isvizzera għall-perijodu mill-1 ta’ Ġunju 2002 sal-14 ta’ Frar 2006.

49      Ir-rikorrenti la tikkontesta l-portata varjabbli tal-kompetenza tal-Kummissjoni skont ir-rotot ikkonċernati u lanqas il-qsim tad-dispożittiv tad-deċiżjoni kkontestata marbut mal-portata varjabbli tal-kompetenza tal-Kummissjoni.

50      Min-naħa l-oħra, ir-rikorrenti tosserva, minn naħa, li t-trasportaturi kollha inkriminati pparteċipaw, skont il-motivi tad-deċiżjoni kkontestata, fl-aġiri antikompetittivi li jikkostitwixxu l-ksur uniku u kontinwat ta’ portata dinjija, indipendentement mir-rotot operati, u, min-naħa l-oħra, li l-Artikoli 1 sa 4 ta’ din id-deċiżjoni jistabbilixxu erba’ ksur separati, li kull wieħed minnhom jirrigwarda kategorija ta’ rotot differenti, li għalihom ipparteċipaw biss ċertu numru ta’ trasportaturi inkriminati.

51      F’dan ir-rigward, mid-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li huma biss l-ismijiet ta’ ħdax-il trasportatur mill-21 trasportaturi inkriminati, jiġifieri Air France‑KLM, Air France, KLM, British Airways, Cargolux, Lufthansa, Lufthansa Cargo, Swiss, ir-rikorrenti, SAS u SAS Cargo, li huma ċċitati f’kull wieħed mill-ewwel erba’ artikoli tagħha. L-ismijiet tat-trasportaturi Air Canada, CPA, Japan Airlines Corp., Japan Airlines, Qantas, SAC u Singapore Airlines jidhru kemm fl-Artikolu 2 kif ukoll fl-Artikolu 3 tal-imsemmija deċiżjoni. L-isem tat-trasportatur Scandinavian Airlines jidhru kemm fl-Artikolu 1 kif ukoll fl-Artikolu 4 ta’ din id-deċiżjoni. Fir-rigward tal-ismijiet tat-trasportaturi LAN u LAN Cargo, dawn jidhru unikament fl-Artikolu 2 tal-istess deċiżjoni.

52      Issa, għandu jiġi osservat li kemm il-perijodu mill-1 ta’ Mejju 2004 sal-14 ta’ Frar 2006, li fir-rigward tiegħu ġie kkonstatat li t-trasportaturi li isimhom jidher fl-Artikolu 2 tad-deċiżjoni kkontestata pparteċipaw fl-aġir antikompetittiv kif ukoll il-perijodu mid-19 ta’ Mejju 2005 sal-14 ta’ Frar 2006, li fir-rigward tiegħu ġie kkonstatat li t-trasportaturi li isimhom jidher fl-Artikolu 3 tal-imsemmija deċiżjoni pparteċipaw fl-imsemmi aġir, huma kompletament inklużi kemm fil-perijodu kopert mill-Artikolu 1 ta’ din id-deċiżjoni, li huwa mis-7 ta’ Diċembru 1999 sal-14 ta’ Frar 2006, kif ukoll f’dak kopert mill-Artikolu 4 tal-istess deċiżjoni, li jibda mill-1 ta’ Ġunju 2002 u jispiċċa fl-14 ta’ Frar 2006, kif jirriżulta mill-punt 41 iktar ’il fuq.

53      Konsegwentement, fil-każ fejn l-aġiri antikompetittivi jitqiesu li jikkostitwixxu ksur wieħed uniku u kontinwat tal-Artikolu 101 TFUE, tal-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE u tal-Artikolu 8 tal-Ftehim Svizzera, fir-rigward tar-rotot kollha koperti mill-akkordju, li fih ipparteċipaw it-trasportaturi inkriminati kollha, isem it-trasportaturi msemmija fl-Artikolu 2 tad-deċiżjoni kkontestata għandu jidher ukoll fl-Artikoli 1 u 4 tal-imsemmija deċiżjoni. Barra minn hekk, l-ismijiet tat-trasportaturi kollha li, skont l-Artikolu 2 ta’ din id-deċiżjoni, allegatament ipparteċipaw fl-aġiri msemmija f’dan l-artikolu għal perijodu li jmur lil hinn mid-19 ta’ Mejju 2005, għandhom ukoll jidhru fl-Artikolu 3 tal-istess deċiżjoni.

54      Għalhekk, l-ewwel erba’ artikoli tad-deċiżjoni kkontestata ma jistgħux jiġu interpretati bħala li jikkonfermaw l-argument ta’ ksur wieħed uniku u kontinwat, fir-rigward tar-rotot kollha koperti mill-akkordju, li fih ipparteċipaw it-trasportaturi inkriminati kollha fir-rigward tar-rotot kollha koperti mill-akkordju. Fid-dawl tal-fatt li l-ismijiet ta’ diversi trasportaturi inkriminati ma jissemmiex fl-Artikoli 1, 3 u 4 tad-deċiżjoni kkontestata, l-Artikoli 1 sa 4 tal-imsemmija deċiżjoni għandhom, min-naħa l-oħra u neċessarjament, jiġu interpretati jew fis-sens li

–        id-dispożittiv tad-deċiżjoni kkontestata jikkonstata erba’ ksur uniċi u kontinwati separati, li kull wieħed minnhom jirrigwarda kategorija ta’ rotot differenti, fatt li jista’ barra minn hekk jispjega l-użu tal-kema “ksur” fil-plural fl-Artikoli 5 u 6 tal-imsemmija deċiżjoni, kif issostni r-rikorrenti; jew inkella li

–        l-imsemmi dispożittiv jikkonstata l-eżistenza ta’ ksur wieħed uniku u kontinwat li għalih inżammew responsabbli biss it-trasportaturi li pparteċipaw direttament, fuq ir-rotot ikkonċernati minn kull wieħed mill-Artikoli 1 sa 4 tad-deċiżjoni kkontestata, fl-aġiri li jikkostitwixxu ksur imsemmija f’kull wieħed minn dawn l-artikoli jew kienu jafu b’kollużjoni fuq dawn ir-rotot u aċċettaw ir-riskju.

55      Din l-aħħar interpretazzjoni hija spjegata mill-fatt li l-Kummissjoni ma għandiex id-dritt li timputa fuq impriża li pparteċipat direttament f’wieħed jew f’divesi mill-aġiri antikompetittivi li jikkostitwixxu ksur uniku u kontinwat ir-responsabbiltà għall-aġiri li jikkostitwixxu ksur ippjanati jew implementati mill-parteċipanti għal dan il-ksur li għalihom hija ma pparteċipatx direttament, sakemm ma jkunx stabbilit li permezz tal-aġir tagħha, hija kellha l-intenzjoni li tikkontribwixxi għall-għanijiet komuni kollha mfittxija mill-parteċipanti l-oħra fl-akkordju u jew li hija kienet taf bl-aġiri l-oħra kollha fit-tfittxija tal-istess għanijiet jew li hija setgħet raġonevolment tipprevedihom u kienet lesta li taċċetta r-riskju (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-6 ta’ Diċembru 2012, Il-Kummissjoni vs Verhuizingen Coppens, C‑441/11 P, Ġabra, EU:C:2012:778, punt 44).

56      Madankollu, kif josservaw il-partijiet innifishom, minn qari globali tal-motivi tad-deċiżjoni kkontestata u, b’mod partikolari, mill-premessi 1, 95 sa 97, 100, 101, 855, 856 u 864 sa 879 ta’ din id-deċiżjoni jirriżulta li l-Kummissjoni tiddeskrivi akkordju wieħed, ikklassifikat bħala ksur uniku u kontinwat tal-Artikolu 101 TFUE, tal-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE u tal-Artikolu 8 tal-Ftehim Svizzera, fir-rigward tar-rotot kollha koperti mill-akkordju, li għalih ipparteċipaw it-trasportaturi inkriminati kollha. Dawn it-trasportaturi, fil-kuntest ta’ pjan globali wieħed u permezz ta’ netwerk ta’ kuntatti wieħed, bilaterali u multilaterali, ikkoordinaw l-aġir tagħhom f’dak li jirrigwarda, minn naħa, l-iżvilupp tas-STK u tas-STS u, min-naħa l-oħra, ir-rifjut ta’ ħlas ta’ kummissjonijiet. Din il-koordinazzjoni seħħet fuq skala mondjali u għalhekk kienet tirrigwarda simultanjament ir-rotot kollha kkonċernati mill-imsemmija deċiżjoni.

57      Fil-premessa 892 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni saħansitra enfasizzat li l-akkordju deskritt fil-punt 56 iktar ’il fuq kien jikkostitwixxi ksur uniku u li, f’dan il-każ ikun “artifiċjali” [traduzzjoni mhux uffiċjali] li l-aġiri antikompetittivi li jikkostitwixxu ksur uniku u kontinwat jinqasmu fi ksur separati.

58      Għalhekk għandha tiġi kkonstatata l-eżistenza ta’ kontradizzjoni bejn il-motivi tad-deċiżjoni kkontestata, li jiddeskrivu ksur wieħed uniku u kontinwat, fir-rigward tar-rotot kollha koperti mill-akkordju, li għalih ipparteċipaw it-trasportaturi inkriminati kollha, u d-dispożittiv tal-imsemmija deċiżjoni, li jikkonstata l-eżistenza jew ta’ erba’ ksur uniċi u kontinwati separati jew inkella ta’ ksur wieħed uniku u kontinwat imputabbli biss għat-trasportaturi li, fir-rigward tar-rotot imsemmija fl-Artikoli 1 sa 4 tad-deċiżjoni kkontestata, ipparteċipaw direttament fl-aġiri li jikkostitwixxu ksur imsemmija f’kull wieħed minn dawn l-artikoli jew kienu jafu b’kollużjoni fuq dawn ir-rotot u aċċettaw ir-riskju.

59      Din il-konklużjoni ma hijiex ikkonfutata mill-argument li l-Kummissjoni għamlet fit-tweġibiet tagħha fil-kuntest tal-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura, imsemmija fil-punt 16 iktar ’il fuq, li jgħid li l-fatt li isem ċerti trasportaturi inkriminati ma jissemmiex fl-Artikoli 1, 3 u 4 tad-deċiżjoni kkontestata jista’ jiġi spjegat, mingħajr ma jkun hemm bżonn li jitqies li dawn l-artikoli jikkonstataw ksur uniċi u kontinwati separati, mill-fatt li l-imsemmija trasportaturi ma kinux joperaw fuq ir-rotot koperti minn dawn id-dispożizzjonijiet.

60      Fil-fatt, l-interpretazzjoni alternattiva tad-dispożittiv tad-deċiżjoni kkontestata, kif proposta mill-Kummissjoni, tmur kontra l-idea nnifisha tal-eżistenza ta’ ksur wieħed uniku u kontinwat ikkostitwit minn assjem ta’ aġiri antikompetittivi li għalihom huma responsabbli l-parteċipanti kollha, u dan irrispettivament minn liema huma r-rotot ikkonċernati, hekk kif jirriżulta b’mod partikolari mill-osservazzjonijiet tal-Kummissjoni fil-premessi 862 u 873 tal-imsemmija deċiżjoni, li minnhom jirriżulta li hija tapplika, f’dan il-każ, il-prinċipji li jirriżultaw mill-ġurisprudenza li tgħid li persuna tista’ tinżamm responsabbli għall-parteċipazzjoni ta’ impriża fi ksur uniku u kontinwat anki jekk ikun paċifiku li l-impriża kkonċernata pparteċipat direttament biss għal element kostituttiv wieħed jew għal diversi elementi kostituttivi ta’ dan il-ksur, jekk jiġi stabbilit li hija kienet taf jew kellha tkun taf li l-kollużjoni li għaliha kienet qed tipparteċipa l-imsemmija impriża kienet tifforma parti minn pjan globali u li dan il-pjan globali kien ikopri l-elementi kostituttivi kollha tal-ksur (sentenzi tal-14 ta’ Mejju 1998, Buchmann vs Il-Kummissjoni, T‑295/94, Ġabra, EU:T:1998:88, punt 121, u tal-20 ta’ Marzu 2002, HFB et vs Il-Kummissjoni, T‑9/99, Ġabra, EU:T:2002:70, punt 231).

61      L-interpretazzjoni alternattiva tad-dispożittiv tad-deċiżjoni kkontestata, kif proposta mill-Kummissjoni, tikkontradixxi wkoll ċerti dikjarazzjonijiet tagħha li jinsabu fl-imsemmija deċiżjoni, bħal dik li tinsab fil-premessa 881, li tgħid li ma kienx neċessarju, sabiex jiġi deċiż li l-ksur uniku u kontinwat ikkonstatat kien jeżisti, “li t-trasportaturi jkunu kompetituri reali jew potenzjali tal-parteċipanti kollha għall-akkordju, jew kompetituri reali jew potenzjali unikament fuq rotta speċifika” [traduzzjoni mhux uffiċjali], jew dik li tinsab fil-premessa 825, li tgħid li ma kienx neċessarju li tiġi stabbilta l-eżistenza ta’ ksur fir-rigward ta’ rotta speċifika iżda li kien biżżejjed li jiġu prodotti provi tal-eżistenza ta’ akkordju dinji, “peress li l-ġrajjiet kollha deskritti [fil-punt] 4 tad-deċiżjoni kkontestata [jiffurmaw] parti mill-provi tal-akkordju dinji deskritt f’[din] id-deċiżjoni” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

62      Għalhekk, mill-motivi tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li dawn jiddeskrivu ksur uniku u kontinwat mhux biss fir-rigward tat-tliet elementi kostituttivi tal-ksur, jiġifieri s-STK, is-STS u r-rifjut ta’ ħlas ta’ kummissjonijiet, iżda wkoll fir-rigward tar-rotot kollha operati mit-trasportaturi inkriminati.

63      Għaldaqstant, anki l-interpretazzjoni alternattiva tad-dispożittiv tad-deċiżjoni kkontestata, kif proposta mill-Kummissjoni, twassal sabiex tiġi kkonstatata l-eżistenza ta’ kontradizzjoni bejn il-motivi u d-dispożittiv ta’ din id-deċiżjoni.

64      Wara dan, għandu jiġi kkonstatat li, bil-kontra ta’ dak li ssostni l-Kummissjoni (ara l-punt 59 iktar ’il fuq), it-trasportaturi msemmija fl-Artikoli 1 sa 4 tad-deċiżjoni kkontestata huma meqjusa responsabbli għat-totalità tal-ksur imsemmi f’kull artikolu, mingħajr ma ssir, għall-kull wieħed mill-artikoli inkwistjoni, distinzjoni bejn ir-rotot operati mill-imsemmija trasportaturi matul il-perijodu tal-ksur u dawk li fuqhom huma ma kinux joperaw.

65      Fi ftit kliem, l-interpretazzjoni tad-dispożittiv tad-deċiżjoni kkontestata, kif proposta mill-Kummissjoni, twassal sabiex dan id-dispożittiv ikun ibbażat fuq żewġ raġunamenti kontradittorji. Fil-fatt, minn naħa, it-trasportatur imsemmi f’wieħed jew ieħor mill-ewwel erba’ artikoli tal-imsemmija deċiżjoni huwa miżmum responsabbli għal aġiri antikompetittivi li għalihom huwa allegatament ipparteċipa, anki jekk ma kienx jopera fuq ir-rotot kollha koperti mill-artikolu inkwistjoni. Min-naħa l-oħra, l-istess trasportatur, mhux imsemmi f’wieħed jew ieħor mill-artikoli l-oħra, minkejja li anki huwa kien ipparteċipa f’aġiri antikompetittivi, jevità kull responsabbiltà jekk huwa ma kien jopera fuq l-ebda waħda mir-rotot koperti mill-imsemmi artikolu.

66      Iktar minn hekk, għandu jiġi osservat li, għall-ewwel darba fir-risposta tagħha ċċitata fil-punt 16 iktar ’il fuq, il-Kummissjoni ġġustifikat il-fatt li ċerti trasportaturi inkriminati ma ssemmewx fl-Artikoli 1, 3 u 4 tad-deċiżjoni kkontestata bl-eżistenza ta’ allegata “setgħa diskrezzjonali” li tippermettilha li ma timputax, fuq ċerti parteċipanti f’akkordju globali, ir-responsabbiltà għall-aġiri antikompetittivi kollha li jikkostitwixxu dan l-akkordju minkejja li anki dawn kienu pparteċipaw għalih, sakemm dan ikun ibbażat fuq kriterji oġġettivi u mhux diskriminatorji, filwaqt li ammettiet li l-imsemmija deċiżjoni setgħet kienet tinkludi t-trasportaturi kollha fl-Artikoli 1, 3 u 4 tagħha.

67      Mhux biss talli l-Kummissjoni ma spjegatx il-bażi ġuridika ta’ tali setgħa diskrezzjonali, iżda talli hija lanqas ma spjegat il-kompatibbiltà ta’ tali setgħa mar-rieda tagħha li tapplika l-prinċipji li jirriżultaw mill-ġurisprudenza ċċitata fil-premessi 862 u 873 tad-deċiżjoni kkontestata, kif imsemmija fil-punt 60 iktar ’il fuq.

68      Fl-aħħar nett, għandu jiġi kkonstatat li l-motivi nnifishom tad-deċiżjoni kkontestata ma humiex eżenti minn kull inkoerenza interna. Dawn il-motivi, fil-fatt, jinkludu evalwazzjonijiet li huwa diffiċli ħafna li jiġu rrikonċiljati mal-eżistenza ta’ akkordju uniku li jkopri r-rotot kollha msemmija fid-dispożittiv, kif deskritt f’dawn l-istess motivi (ara l-punt 56 iktar ’il fuq).

69      F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat, hekk kif tagħmel ir-rikorrenti, li, fil-premessa 1124 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni indikat li għażlet, bħala d-data ta’ meta kull trasportatur inkriminat beda jipparteċipa fil-ksur, dik tal-ewwel kuntatt antikompetittiv li għalih kien ipparteċipa kull wieħed mit-trasportaturi, ħlief fil-każ ta’ ċerti trasportaturi li, fl-opinjoni tagħha, ma kellhomx jinżammu responsabbli għall-ksur f’dak li jirrigwarda r-rotot bejn ajruporti li jinsabu fiż-ŻEE, jiġifieri Air Canada, CPA, Japan Airlines, LAN Cargo u SAC. Fir-rigward ta’ dawn it-trasportaturi, hija għażlet l-1 ta’ Mejju 2004 bħala d-data tal-bidu tal-ksur, minkejja li b’mod parallel hija indikat li dawn kienu pparteċipaw fl-akkordju uniku, deskritt fil-punt 56 iktar ’il fuq, qabel din id-data. Hija ġġustifikat l-għażla ta’ din id-data bil-fatt li “[kien] biss minn [din id-data] li r-Regolament Nru 1/2003 [kien] sar applikabbli għas-servizzi kkonċernati u li ksur [kien ġie] kkonstatat f’dak li kien jirrigwarda [t-trasportaturi inkwistjoni]”.

70      Issa, iktar ’il fuq intwera (ara l-punt 60 iktar ’il fuq) li, fil-motivi tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kienet speċifikament indikat li kienet qed tapplika l-prinċipji li jirriżultaw mill-ġurisprudenza li tgħid li, fil-kuntest tal-eżistenza ta’ ksur uniku u kontinwat, persuna tista’ tinżamm responsabbli għall-parteċipazzjoni ta’ impriża anki jekk huwa paċifiku li l-impriża kkonċernata pparteċipat direttament biss għal element kostituttiv wieħed jew għal diversi elementi kostituttivi ta’ dan il-ksur, jekk jiġi stabbilit li hija kienet taf jew kellha tkun taf li l-kollużjoni li għaliha hija kienet qed tipparteċipa kienet tifforma parti minn pjan globali li kien ikopri l-elementi kostituttivi kollha tal-ksur.

71      Għalhekk għandu jitqies li, għalkemm il-motivi tad-deċiżjoni kkontestata jikkonstataw l-eżistenza ta’ ksur wieħed uniku u kontinwat fir-rigward tar-rotot kollha koperti mill-akkordju, madankollu dawn fihom kontradizzjonijiet interni sinjifikattivi.

72      Għalhekk, minn dak li ġie espost iktar il-fuq jirriżulta li d-deċiżjoni kkontestata hija vvizzjata b’kontradizzjonijiet, minn naħa, bejn il-motivi u d-dispożittiv u, min-naħa l-oħra, fi ħdan il-motivi nnifishom.

73      Għandu jiġi vverifikat, fit-tieni lok, jekk, kif issostni r-rikorrenti, il-kontradizzjonijiet interni fid-deċiżjoni kkontestata jippreġudikawx id-drittijiet tad-difiża tagħha, sa fejn dawn ma ppermettewx li hija tifhem in-natura u l-portata tal-ksur wieħed jew tad-diversi ksur ikkonstatati u sa fejn jipprekludu lill-Qorti Ġenerali milli teżerċita l-istħarriġ tagħha.

74      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li s-sempliċi eżistenza ta’ kontradizzjoni bejn il-motivi u d-dispożittiv ta’ deċiżjoni ma hijiex biżżejjed sabiex jitqies li din hija vvizzjata b’difett ta’ motivazzjoni, sakemm, l-ewwel nett, fil-globalità tagħha d-deċiżjoni tippermetti li rikorrent jidentifika u jinvoka din l-inkoerenza, it-tieni nett, il-formulazzjoni tad-dispożittiv tkun suffiċjentement ċara u preċiża li tippermetti li rikorrent jifhem il-portata eżatta tad-deċiżjoni u, it-tielet nett, il-provi użati sabiex tintwera l-parteċipazzjoni ta’ rikorrent fid-diversi ksur attribwiti lilu fid-dispożittiv, huma identifikati u eżaminati b’mod ċar fil-motivi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Adriatica di Navigazione vs Il-Kummissjoni, punt 32 iktar ’il fuq, EU:T:2003:335, punti 49 sa 52).

75      Issa, f’dan il-każ, l-ebda waħda miż-żewġ interpretazzjonijiet possibbli tad-dispożittiv tad-deċiżjoni kkontestata, esposti fil-punt 54 iktar ’il fuq, ma hija konformi mal-motivi tal-imsemmija deċiżjoni. Għaldaqstant, sa fejn il-Qorti Ġenerali ma tistax tagħti iktar importanza lil waħda jew lil oħra minn dawn l-interpretazzjonijiet mingħajr ma tissostitwixxi l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni bl-evalwazzjoni tagħha, huwa biżżejjed li jiġi eżaminat, minn tal-inqas fil-kuntest ta’ waħda mill-interpretazzjonijiet possibbli, jekk il-kontradizzjonijiet interni fid-deċiżjoni kkontestata kinux tali li jippreġudikaw id-drittijiet tad-difiża tar-rikorrenti u li jipprekludu lill-Qorti Ġenerali milli teżerċita l-istħarriġ tagħha.

76      F’dak li jirrigwarda l-ewwel interpretazzjoni, jiġifieri dik li skontha jeżistu erba’ ksur uniċi u kontinwati separati, li hija dik sostnuta mir-rikorrenti, għandu jiġi kkonstatat li, għalkemm din tal-aħħar setgħet tidentifika l-eżistenza ta’ kontradizzjoni, b’mod partikolari bejn il-motivi u d-dispożittiv tad-deċiżjoni kkontestata, u tiddeduċi, mill-formulazzjoni tad-dispożittiv, li din kienet tikkonstata erba’ ksur separati, madankollu hija ma kinitx f’pożizzjoni li tifhem sa fejn il-provi esposti fil-motivi, marbuta mal-eżistenza ta’ ksur uniku u kontinwat, setgħu jistabbilixxu l-eżistenza ta’ erba’ ksur separati kkonstatati fid-dispożittiv u għalhekk hija lanqas ma kienet f’pożizzjoni li tikkonstata jekk dawn kinux suffiċjenti.

77      Fil-fatt, fil-premessi 692 sa 806 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni għażlet li ma titrattax il-provi użati kontra kull trasportatur inkriminat b’mod differenti skont ir-rotot jew il-kategoriji ta’ rotot li magħhom kienu relatati dawn il-provi. Il-Kummissjoni llimitat ruħha li tevalwa jekk dawn il-provi setgħux jistabbilixxu l-parteċipazzjoni ta’ dawn it-trasportaturi fl-akkordju uniku deskritt fil-motivi ta’ din id-deċiżjoni, mingħajr ma eżaminat jekk l-eżistenza ta’ kull wieħed mill-erba’ ksur uniċi u kontinwati li hija kkonstatat fid-dispożittiv tad-deċiżjoni kkontestata kienx sostnut minn provi. Saret distinzjoni bejn il-provi biss fir-rigward tal-koordinazzjoni li affettwat, rispettivament, is-STK, is-STS u r-rifjut ta’ ħlas ta’ kummissjonijiet.

78      Barra minn hekk, kif sostniet ir-rikorrenti, fil-kuntest tal-ewwel interpretazzjoni possibbli tad-dispożittiv, ma huwiex possibbli għaliha li tifhem il-loġika li wasslet lill-Kummissjoni sabiex tqisha responsabbli għal ksur, inkluż fir-rigward ta’ rotot mhux operati fil-perimetru ddefinit minn kull artikolu tad-deċiżjoni kkontestata u, għaldaqstant, li tifhem jekk hija kinitx is-suġġett ta’ diskriminazzjoni meta mqabbla mat-trasportaturi inkriminati li ġew meqjusa responsabbli għal żewġ ksur biss, jekk mhux saħansitra għal wieħed, minħabba li ma kinux joperaw fuq ċerti rotot.

79      F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li r-raġunijiet għaliex l-ismijiet ta’ ċerti trasportaturi ma jissemmewx f’ċerti artikoli tad-deċiżjoni kkontestata ma jirriżultawx b’mod ċar minn qari tal-imsemmija deċiżjoni. Barra minn hekk, ir-rikorrenti ssostni li din id-deċiżjoni ma tippermettix li wieħed jifhem jekk il-fatt li ma ssemmewx huwiex marbut mal-fatt li dawn ma kinux joperaw fuq ċerti rotot. Huwa biss wara l-miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura ċċitata fil-punt 16 iktar ’il fuq li l-Kummissjoni speċifikat quddiem il-Qorti Ġenerali li l-ismijiet ta’ ċerti trasportaturi ma kinux imsemmija f’ċerti artikoli tal-istess deċiżjoni jew minħabba li l-imsemmija trasportaturi ma kinux joperaw fuq ir-rotot iddefiniti minn dawn l-artikoli jew inkella għaliex id-dħul mill-bejgħ li huma għamlu fuq dawn ir-rotot kien, għas-sena 2005, ta’ inqas minn EUR 30 000.

80      F’dan il-kuntest, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, il-motivazzjoni għandha, bħala prinċipju, tiġi kkomunikata lill-persuna kkonċernata fl-istess ħin bħall-att li jikkawżalha preġudizzju, u l-assenza ta’ motivazzjoni ma tistax tiġi rregolarizzata mill-fatt li l-persuna kkonċernata ssir taf il-motivi tal-att matul il-proċedura quddiem il-qorti tal-Unjoni (sentenzi tas-26 ta’ Novembru 1981, Michel vs Il‑Parlament, 195/80, Ġabra, EU:C:1981:284, punt 22, u tat-28 ta’ Ġunju 2005, Dansk Rørindustri et vs Il-Kummissjoni, C‑189/02 P, C‑202/02 P, C‑205/02 P sa C‑208/02 P u C‑213/02 P, Ġabra, EU:C:2005:408, punt 463).

81      Fin-nuqqas ta’ dan, ikun hemm ir-riskju li l-obbligu li deċiżjoni individwali tingħata motivazzjoni ma jilħaqx l-għan tiegħu li, skont ġurisprudenza stabbilita, huwa dak li l-persuna kkonċernata tingħata indikazzjoni suffiċjenti biex tiddetermina jekk id-deċiżjoni hijiex fondata jew jekk hijiex, eventwalment, ivvizzjata b’mod li tista’ tiġi kkontestata l-validità tagħha u li l-qorti tal-Unjoni tkun tista’ teżerċita l-istħarriġ tagħha fuq il-legalità tad-deċiżjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Dansk Rorindustri et vs Il-Kummissjoni, punt 80 iktar ’il fuq, EU:C:2005:408, punt 462 u l-ġurisprudenza ċċitata).

82      F’dan il-każ, kien speċifikament b’riżultat ta’ din l-informazzjoni pprovduta tard li r-rikorrenti setgħet tinvoka ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament bejn it-trasportaturi inkriminati biss matul is-seduta, peress li kien biss f’dan l-istadju li hija setgħet tiskopri li, fid-dawl tad-dħul mill-bejgħ li hija kienet għamlet fuq ir-rotot bejn ajruporti li jinsabu fl-Unjoni u ajruporti li jinsabu fl-Isvizzera matul is-sena 2005, isimha ma kellux jidher fl-Artikolu 4 tad-deċiżjoni kkontestata.

83      Barra minn hekk, ma huwiex possibbli li l-Qorti Ġenerali tistħarreġ il-legalità tad-deċiżjoni kkontestata, peress li hija ma hijiex f’pożizzjoni li tevalwa jekk il-provi miġbura mill-Kummissjoni, sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ ksur uniku u kontinwat, humiex suffiċjenti sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza tal-erba’ ksur ikkonstatati fid-dispożittiv tal-imsemmija deċiżjoni.

84      Minn dan isegwi li d-deċiżjoni kkontestata hija vvizzjata b’difett ta’ motivazzjoni li jiġġustifika l-annullament tagħha.

85      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha esposti iktar ’il fuq, l-ewwel parti tal-ewwel motiv għandha tiġi milqugħa.

86      Għalhekk, id-deċiżjoni kkontestata għandha tiġi annullata sa fejn din tirrigwarda lir-rikorrenti, mingħajr ma jkun meħtieġ li jiġu eżaminati l-motivi jew l-argumenti l-oħra ppreżentati minnha.

 Fuq l-ispejjeż

87      Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, il-parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li l-Kummissjoni tilfet, hemm lok li hija tiġi kkundannata kemm għall-ispejjeż tagħha kif ukoll għal dawk sostnuti mir-rikorrenti, kif mitlub minn din tal-aħħar.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (L-Ewwel Awla)

Taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2010) 7694, tad-9 ta’ Novembru 2010, li tirrigwarda proċedura skont l-Artikolu 101 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE u l-Artikolu 8 tal-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Svizzera dwar it-trasport bl-ajru (Każ C[OMP/].39258 — Trasport ta’ merkanzija bl-ajru), hija annullata sa fejn din tirrigwarda lil Martinair Holland NV.

2)      Il-Kummissjoni Ewropea hija kkundannata kemm għall-ispejjeż tagħha kif ukoll għal dawk sostnuti minn Martinair Holland.

Kanninen

Pelikánová

Buttigieg

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fit-22 ta’ Diċembru 2015.

Firem


* Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.