Language of document : ECLI:EU:T:2005:463

SENTENZA TAL-QORTI TAL-PRIM'ISTANZA (It-Tielet Awla)

15 ta' Diċembru 2005 (*)

"Trademark Komunitarja – Trademark tridimensjonali li tippreżenta ruħha taħt forma ta' lajters biż-żnied – Raġunijiet assoluti għal rifjut – Karattru distintiv – Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament (KE) Nru 40/94 – Karattru distintiv akkwistat bl-użu – Artikolu 7(3) tar-Regolament (KE) Nru 40/94"

Fil-kawża T-262/04

BIC SA, stabbilita f'Clichy (Franza), irrappreżentata minn M.-P. Escande u A. Guillemin, Avukati,

rikorrenti

vs

l-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trademarks, Disinni u mudelli) (UASI), irrapreżentata minn A. Folliard-Monguiral, bħala aġent,

konvenut

li għandha bħala suġġett talba għall-annullament tad-deċiżjoni tar-Raba' Bord ta' l-Appell tal-UASI tas-6 ta' April 2004 (Kawża R 468/2003-4), li tirrigwarda l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni ta' trademark tridimensjonali li tippreżenta ruħha taħt forma ta' lajter biż-żnied bħala trademark Komunitarja,

IL-QORTI TAL-PRIM'ISTANZA

TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ (it-Tielet Awla),

komposta minn M. Jaeger, President, J. Azizi u  E. Cremona, Imħallfin,

Reġistratur: B. Pastor, Assistent Reġistratur,

wara li rat ir-rikors ippreżentat fir-reġistru tal-Qorti tal-Prim'Istanza fil-25 ta' Ġunju 2004,

wara li rat ir-risposta għas-sottomissjonijiet ippreżentata fir-reġistru tal-Qorti tal-Prim'Istanza fit-13 ta' Settembru 2004,

wara s-seduta tal-11 ta' Mejju 2005,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1       Fil-5 ta' Lulju 2000, ir-rikorrenti ppreżentat applikazzjoni għal-trademark Komunitarja lill-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trademarks, Disinni u mudelli) (UASI), skond ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru. 40/94 ta' l-20 ta' Diċembru 1993 dwar it-trademark Komunitarja, kif emendat.

2       It-trademark li għaliha saret applikazzjoni għar-reġistrazzjoni hija t-trademark tridimensjonali li ġejja:

Image not found

3       Il-prodotti li għalihom ir-reġistrazzjoni tat-trademark ġiet mitluba jaqgħu taħt il-klassi 34 tal-ftehim ta' Nizza dwar il-klassifika internazzjonali ta' prodotti u servizzi għall-iskopijiet ta' reġistrazzjoni ta' trademarks tal-15 ta' Ġunju 1957, kif rivedut u emendat, u jikkorrispondu għad-deskrizzjoni li ġejja: "tabakk; artikli għal minn ipejjep, lajters, sulfarini". Fl-applikazzjoni ma tissemma ebda pretensjoni fuq il-kulur.

4       Fil-5 ta' Ġunju 2003, l-eżaminatur irrifjuta l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni għall-prodotti "artikli għal min ipejjep, lajters" minħabba n-nuqqas ta' karattru distintiv tat-trademark in kwistjoni u ċaħad.

5       Fid-29 ta' Lulju 2003, ir-rikorrenti ppreżentat rikors quddiem il-UASI, skond l-Artikoli 57 sa' 62 tar-Regolament Nru 40/94, kontra d-deċiżjoni ta' l-eżaminatur.

6       Permezz tad-deċiżjoni tas-6 ta' April 2004 (iktar 'il quddiem "id-deċiżjoni kkontestata") ir-Raba' Bord ta' l-Appell tal-UASI ċaħad ir-rikors. Sostanzjalment, il-Bord ta' l-Appell ikkunsidra li t-trademark li għaliha saret l-applikazzjoni kienet nieqsa minn karattru distintiv skond l-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94 u li l-elementi forniti ma kinux jippermettu li jiġi stabbilit li hija kienet akkwistat tali karattru minħabba l-użu tagħha.

 It-talbiet tal-partijiet

7       Ir-rikorrenti talbet lill-Qorti tal-Prim'Istanza sabiex:

–       tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

–       tordna lill-UASI tbati l-ispejjeż.

8       Il-UASI talbet lill-Qorti tal-Prim'Istanza sabiex:

–       tiċħad ir-rikors;

–       jekk ir-rikors jiġi miċħud kollu kemm hu, tordna lir-rikorrenti tbati l-ispejjeż;

–       tordna lir-rikorrenti tbati l-ispejjez tagħha jekk id-deċiżjoni kkontestata tiġi annullata biss parzjalment.

 Id-dritt

9       Bħala sostenn għar-rikors tagħha r-rikorrenti tressaq żewġ raġunijiet bbażati rispettivament fuq ksur ta' l-Artikolu 7(1)(b) u ta' l-Artikolu 7(3) tar-Regolament Nru 40/94.

 Fuq l-ewwel raġuni bbażat fuq il-ksur ta' l-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94

 L-argumenti tal-partijiet

10     Skond ir-rikorrenti, il-karattru distintiv tal-forma tal-lajter tagħha, li għandha s-sehem ta' 44% tas-suq Ewropew, ma jħalli ebda dubbju meta wieħed iqabblu mal-forom l-oħra ta' lajters li huma l-aktar rappreżentativi tas-suq. Il-valutazzjoni tal-karattru distintiv għandha ssir fil-konfront tal-lajters li ġejjin : CRICKET (sehem ta' 16 % tas-suq), TOKAÏ (sehem ta' 16 % tas-suq), TOM FLAME, BAÏDE u PROF (tlett ditti ta' lajters asjatiċi li bejniethom għandhom is-sehem ta' 23% tas-suq), CLIPPER u BRIO (sehem ta' 1% tas-suq).

11     Ir-rikorrenti ssostni li, fir-rigward ta' dawn il-lajters, il-forma tal-lajter tagħha tippreżenta ruħha fil-forma ta' prodott b'karatteristiċi individwali qawwija u b'hekk tiddistingwi ruħha mill-forom tradizzjonali ta' prodotti oħra li jinstabu fl-istess suq.

12     Ir-raġunament ta' l-UASI għandu kontradizzjoni safejn dan isostni li d-dettalji tal-forma li jikkostitwixxu t-trademark li għaliha saret l-applikazzjoni huma kurrenti fis-suq filwaqt li fl-istess ħin tosserva li dawn l-istess dettalji jiddistingwu ruħhom minn dawk ta' lajters oħra, anke jekk din id-distinzjoni hija "ftit li xejn perċettibbli" jew "li ftit li xejn tinduna biha".

13     Barra minn dan qari tad-deċiżjoni ta' l-UASI tagħti lil wieħed x'jifhem li s-suq Ewropew tal-lajters jirrigwarda prodott wieħed uniformi, li jippreżenta karatteristiċi identiċi fi ħdan il-produtturi kollha, filwaqt li min-naħa tiegħu l-eżaminatur osserva d-diversita tal-prodotti li jeżistu fis-suq.

14     Ir-rikorrenti ssostni wkoll li l-valutazzjoni ta' l-UASI, ibbażata fuq analiżi frammentarja tal-forma in kwistjoni li tirriżulta mill-paragun ta' kull wieħed mid-dettalji tagħha ma' dawk ta' mudelli differenti ta' lajters li jinsabu fis-suq mingħajr ma kkunsidrat il-mod li biħ dawn id-dettalji ġew imqegħda flimkien, tikkostitwixxi applikazzjoni ħażina ta' l-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94.

15     Ir-rikorrenti f'dan ir-rigward tosserva li ebda waħda mill-forom l-oħra tal-lajters li attwalment jinsabu fis-suq m'għandhom il-karatteristiċi kollha tal-lajter irrappreżentata mit-trademark li għaliha saret l-applikazzjoni, b'mod partikolari l-użu flimkien ta' maħżen tal-gas dritt b'forma ovali, tal-biċċa ta' fuq b'forma trapezojdali u ta' buttuna tal-gas b'forma nofs ovali. Għalkemm il-karatteristiċi tal-forma li tikkostitwixxi t-trademark li għaliha saret l-applikazzjoni ma jiddistingwux ruħhom biżżejjed mid-dettalji ta' forom oħra ta' lajters sabiex kull waħda minnhom ikollha karattru distintiv, skond ir-rikorrenti xorta jibqa' l-fatt li l-użu tagħhom flimkien huwa speċifiku u dan għalhekk jippermetti li t-trademark sħiħa takkwista l-karatttru distintiv meħtieġ għar-reġistrazzjoni tagħha bħala trademark Komunitarja. Jekk ċerti lajters jixbħu, minħabba xi element simili, il-forma in kwistjoni, din hija biss l-imitazzjoni ta' waħda mill-karatteristiċi tagħha u mhux tal-lajter kollha kemm hi.

16     Il-forma tal-lajter mhijiex, barra minn dan, iddettata min-natura jew mill-funzjoni tal-prodott u, meta ġiet ippreżentata t-talba għal reġistrazzjoni ta' trademark tridimensjonali, lanqas ma ġie stabbilit li l-forma tal-lajter kienet waħda meħtieġa għall-prodott u li għalhekk din ma setgħetx tippreżenta l-karattru distintiv ta' trademark.

17     Skond ir-rikorrenti, id-deċiżjoni ta' l-UASI għandha, konsegwentement, tiġi annullata safejn din ikkunsidrat li t-trademark li għaliha saret l-applikazzjoni ma kelliex, prima facie, karattru distintiv.

18     L-UASI jsostni li l-Bord ta' l-Appell ġustament ikkunsidra li t-trademark li għaliha saret l-applikazzjoni ma kinitx distintiva għall-prodotti msemmija fir-rigward tal-pubbliku kkonċernat.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

19     Skond l-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 40/94, il-forma ta' prodott tista' tikkostitwixxi trademark komunitarja, sakemm din tiddistingwi l-prodotti ta' impriża minn dawk ta' impriża oħra. Barra minn dan, skond l-Artikolu 7(1)(b) ta' dan ir-Regolament, ma jistgħux jiġu rreġistrati "[trademarks] li mhumiex ta' karattru distintiv".

20     Għandu jiġi mfakkar, fl-ewwel lok, li, skond il-ġurisprudenza, it-trademarks li jirreferi għalihom l-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94 huma, b'mod partikolari, dawk li, mill-perspettiva tal-pubbliku kkonċernat, huma ta' użu komuni fil-kummerċ għall-preżentazzjoni tal-prodotti jew tas-servizzi kkonċernati jew fir-rigward ta' liema jeżistu, minn ta' l-anqas, indizji konkreti li jippermettu li jiġi konkluż li dawn jistgħu jintużaw b'dan il-mod. Min-naħa l-oħra, is-sinjali li tirreferi għalihom din id-dispożizzjoni m'għandhomx il-kapaċità li jeżerċitaw il-funzjoni essenzjali tat-trademark, jiġifieri dik li tidentifika l-oriġini tal-prodott jew tas-servizz, sabiex b'hekk tippermetti lill-konsumatur li jixtri l-prodott jew is-servizz li t-trademark tirrappreżenta li jagħmel, fil-każ ta' xiri ulterjuri, l-istess għażla jekk l-esperjenza tkun pożittiva jew li jagħmel għażla differenti jekk din tkun negattiva [sentenzi tal-Qorti tal-Prim'Istanza tat-3 ta' Diċembru 2003, Nestlè Waters France vs l-UASI (Forma ta' flixkun), T-305/02, Ġabra p. II-5207, punt 28; tal-31 ta' Marzu 2004, Fieldturf vs l-UASI (LOOKS LIKE GRASS... FEELS LIKE GRASS... PLAYS LIKE GRASS), T-216/02, għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punti 23 u 24, u ta' l-24 ta' Novembru 2004, Henkel vs l-UASI (Forma ta' flakun abjad u trasparenti), T-393/02, għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 30].

21     Għaldaqstant, il-karattru distintiv ta' trademark għandu jiġi evalwat, min-naħa, skond il-prodotti u s-servizzi li għalihom saret l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni u, min-naħa l-oħra, skond il-perċezzjoni li l-pubbliku kkonċernat għandu ta' dawn [sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-29 ta' April 2004, Procter & Gamble vs l-UASI, C-468/01 P sa' C-472/01 P, Ġabra p. I-5141, punt 33; sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tat-30 ta' April 2003, Axions et Belce vs l-UASI (Forma ta' sigarru ta' kulur kannella u forma ta' lingott imdiegħeb), T-324/01 u T-110/02, Ġabra p. II-1897, punt 30; Forma ta' flixkun, point 20 iktar 'il fuq, punt 29, u Forma ta' flixkun abjad u trasparenti, punt 20 iktar 'il fuq, punt 32].

22     F'dak li jirrigwarda l-prodotti indikati permezz ta' l-applikażżjoni għar-reġistrazzjoni tat-trademark, hemm lok li jiġi mfakkar li s-sinjal rivendikat huwa kkostitwit mill-forma ta' prodott, jiġifieri dik ta' lajter biż-żnied ikkaratteriżżata minn maħżen tal-gas dritt b'forma ovali, minn biċċa ta' fuq b'forma trapezojdali u minn buttuna tal-gas b'forma nofs ovali, b'tali mod li l-prodotti li għandhom jiġu kkunsidrati sabiex jiġi evalwat il-karattru distintiv tat-trademark li għaliha saret l-applikazzjoni huma l-lajters biż-żnied.

23     F'dak li jirrigwarda l-pubbliku pertinenti, għandu jiġi kkunsidrat li l-ligħters biż-żnied huma prodotti ta' konsum kurrenti maħsuba għall-konsumaturi kollha. Għalhekk il-karattru distintiv tat-trademark li għaliha saret l-applikazzjoni għandha tiġi evalwata fid-dawl ta' dak li presubilment jistenna l-konsumatur medju, normalment informat u raġunevolment attent u avżat (sentenza Procter & Gamble vs l-UASI, punt 21 iktar 'il fuq, punt 33; Forma ta' sigarru ta' kulur kannella u forma ta' lingott imdiegħeb, punt 21 iktar 'il fuq, punt 31; Forma ta' flixkun, punt 20 iktar il-fuq, punt 33, u Forma ta' flixkun abjad u trasparenti, punt 20 iktar 'il fuq, punt 33; ara wkoll, b'analoġija, s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-12 ta' Frar 2004, Koninklijke KPN Nederland, C-363/99, Ġabra p. I-1619).

24     Għandu jiġi mfakkar, fit-tieni lok, li skond il-ġurisprudenza, il-kriterji ta' evalwazzjoni tal-karattru distintiv tat-trademarks tridimensjonali kkostitwiti mill-forma tal- prodott stess mhumiex differenti minn dawk li japplikaw għall-kategoriji l-oħra ta' trademarks (is-sentenza Forma ta' sigarru ta' kulur kannella u forma ta' lingott imdiegħeb, punt 21 iktar 'il fuq, punt 32, u Forma ta' flixkun, punt 20 iktar 'il fuq, punt 35; ara wkoll, b'analoġija, is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-18 ta' Ġunju 2002, Philips, C-299/99, Ġabra p. I-5475, punt 48, u tat-8 ta' April 2003, Linde et., C-53/01 sa' C-55/01, Ġabra p. I-3161, punti 42 u 46).

25     Madankollu, hemm lok li jiġi kkunsidrat, fil-kuntest ta' l-applikazzjoni ta' dawn il-kriterji, il-fatt li l-perċezzjoni tal-pubbliku kkonċernat m'hijiex neċessarjament l-istess fil-każ ta' trademark tridimensjonali li tikkonsisti fil-forma tal-prodott stess bħal fil-każ ta' trademark verbali jew figurattiva, li tikkonsisti f'sinjal indipendenti mill-aspett tal-prodotti li hija tirrappreżenta. Fil-fatt, il-konsumaturi medji m'għandhomx l-abitudni li jippreżumu l-oriġini tal-prodott billi jibbażaw ruħhom fuq il-forma tagħhom jew fuq dik ta' l-ippakjar tagħhom, fin-nuqqas ta' kull element grafiku jew testwali, u jista' għalhekk ikun iktar diffiċli li jiġi stabbilit il-karattru distintiv f'dak li jirrigwarda tali trademark tridimensjonali milli f'dak li jirrigwarda trademark verbali jew figurattiva (is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-29 ta' April 2004, Henkel vs l-UASI, C-456/01 P u C-457/01 P, Ġabra p. I-5089, punt 38).

26     F'dawn iċ-ċirkustanzi, iktar ma' l-forma li tikkostitwixxi t-trademark li għaliha saret applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tkun qrib tal-forma li x'aktarx jieħu l-prodott in kwistjoni, aktar ikun probabbli li l-imsemmija forma tkun nieqsa minn karattru distintiv skond l-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94. Hija biss trademark li, b'mod sinifikattiv, tmur lil hinn min-norma jew mill-użanzi tas-settur u, minħabba f'dan, tissodisfa l-funzjoni essenzjali tagħha ta' l-oriġini li mhijiex nieqsa minn karattru distintiv fis-sens ta' l-imsemmija dispożizzjoni (is-sentenza Procter & Gambla vs l-UASI, punt 21 iktar 'il fuq, punt 37).

27     Hemm lok li jiġi osservat ukoll li l-perċezzjoni tat-trademark mill-pubbliku kkonċernat, f'dan il-każ il-konsumatur medju, hija influwenzata mil-livell ta' attenzjoni tiegħu, li tistà tvarja skond il-kategorija tal-prodotti jew tas-servizzi in kwistjoni [is-sentenzi tal-Qorti tal-Prim'Istanza tal-5 ta' Marzu 2003, Unilever vs l-UASI (Pillola ovali), T-194/01, Ġabra p. II-383, punt 42, u Forma ta' flixkun, punt 20 iktar 'il fuq, punt 34].

28     F'dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li l-Bord ta' l-Appell ġustament osserva essenzjalment li l-lajter hija oġġett ta' qies żgħir u li konsegwentement id-dettalji tagħha huma aktar diffiċli li jiġu nnotati. Peress li dan huwa prodott ta' konsum ta' kuljum, il-livell ta' attenzjoni tal-konsumatur medju ma jkunx għoli f'dak li jirrigwarda l-forma tal-lajter.

29     Għandu jiġi mfakkar, fit-tielet lok, li skond il-ġurisprudenza, sabiex ikun evalwat jekk il-forma tal-prodott in kwistjoni tistax tiġi perċepita mill-pubbliku bħala indikazzjoni ta' l-oriġini, hemm lok li tiġi analizzata l-impressjoni sħiħa prodotta minn din il-forma (ara, f'dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-19 ta' Settembru 2002, DKV vs l-UASI, C-104/00 P, Ġabra p. I-7561, punt 24). Dan madankollu mhuwiex inkompatibbli ma eżami suċċessiv tad-diversi elementi ta' preżentazzjoni użati (is-sentenzi Procter & Gamble vs l-UASI, punt 21 iktar 'il fuq, punt 45, u Pillola ovali, punt 27 iktar 'il fuq, punt 54).

30     F'dan ir-rigward, il-Qorti tal-Prim'Istanza tosserva, hekk kif ġustament osserva l-Bord ta' l-Appell fil-punt 11 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-forma oblunga u dritta tal-maħżen tal-gass hija l-forma li l-aktar tixraq għal oġġett maħsub li jinżamm f'id u hija wkoll il-forma l-aktar kurrenti għal-lajter biż-żnied. Din ma tiddistingwix ruħha biżżejjed mill-forma tal-mudelli li l-maħżen tal-gass tagħhom huwa kemmxejn iktar dejjaq fil-parti t'isfel. Dwar il-forma ovali tal-maħżen tal-gass tat-trademark li għaliha saret l-applikazzjoni, il-Qorti tal-Prim'Istanza tikkonstata li din il-forma ma tiddistingwi ruħha kważi xejn minn dik ta' mudelli kurrenti bil-kantunieri ġejjin fit-tond.

31     F'dak li jirrigwarda l-forma trapezojdali tal-parti ta' fuq, hemm lok li jiġi kkonstatat li, kif osserva l-Bord ta' l-Appell fil-punt 12 tad-deċiżjoni kkontestata, parti ta' fuq li jkollha tali forma tiddistingwi ruħha vera ftit minn partijiet oħra ta' fuq rettangolari u kwadri ta' lajters oħra presenti fis-suq u li kollha kemm huma għandhom il-karatteristika li huma kwadrilaterali, ħaġa li minħabba fiha l-konsumatur probabbli ma jkunx jista' jiddistingwi t-trademark li għaliha saret l-applikazzjoni.

32     In kwantu l-forma nofs ovali tal-buttuna tal-gas tat-trademark li għaliha saret l-applikazzjoni, il-Bord ta' l-Appell ġustament qies li din tiddistingwi ruħha ftit mill-forma klassika (nofs ċirkolari jew kwadra) ta' buttuni tal-gass tal-lajters biż-żnied l-oħra li jeżistu fis-suq (punt 13 tad-deċiżjoni kkontestata).

33     Il-Qorti tal-Prim'Istanza barra minn dan tikkonstata li, indipendentement mill-forma tal-lajters biż-żnied, is-sistema ta' tqabbid li tikkonsisti f'molla, parti ta' fuq u buttuna tal-gas tinstab fil-parti ta' fuq tal-maħżen tal-gas.

34     Fid-dawl ta' dak li ntqal iktar 'il fuq, hemm lok li jiġi kkunsidrat li t-trademark tridimensjonali li għaliha saret l-applikazzjoni hija magħmula mit-tpoġġija flimkien ta' elementi ta' preżentazzjoni li jiġu naturali f'moħħok u li huma tipiċi tal-prodotti kkonċernati. Fil-fatt, il-forma in kwistjoni mhijiex wisq differenti minn ċerti forom bażiċi tal-prodotti kkonċernati, li huma użati b'mod komuni fil-kummerċ, iżda din x'aktarx tidher bħal varjanti tagħhom. Minn dan isegwi, kif ġustament josserva l-Bord ta' l-Appell, li ebda element ta' l-imsemmija trademark, meħud waħdu jew flimkien ma l-oħrajn, m'għandu karattru distintiv.

35     Barra minn dan, peress illi l-konsumatur medju ġeneralment ma jkunx attent wisq għad-dettalji tal-forma tal-lajter u jkollu biss stampa ġenerali tagħha, il-forma in kwistjoni ma tippermettix lill-pubbliku kkonċernat li jiddistingwi, b'mod immedjat u ċert, il-lajters biż-żnied tar-rikorrenti minn dawk li jkollhom oriġini kummerċjali oħra. Għaldaqstant, din hija nieqsa minn karattru distintiv fir-rigward ta' dawn il-prodotti.

36     Mill-kunsiderazzjonijiet kollha msemmija iktar 'il fuq jirriżulta li l-Bord ta' l-Appell ġustament ikkunsidra li t-trademark li saret applikazzjoni għaliha kienet niqsa minn karattru distintiv skond l-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94.

37     Minn dan isegwi li r-raġuni bbażata fuq il-ksur ta' l-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94 għandu jiġi miċħud.

 Fuq it-tieni raġuni, bbażata fuq il-ksur ta' l-Artikolu 7(3) tar-Regolament Nru 40/94

 L-argumenti tal-partijiet

38     Ir-rikorrenti ssostni li l-kriterji kollha msemmija fis-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ta' l-4 ta' Mejju 1999, Windsurfing Chiemsee (C-108/97 u C-109/97, Ġabra p. I-2779, punti 51 u 53), sabiex tkun evalwata l-kisba ta' karattru distintiv permezz ta' l-użu li jsir minn trademark huma sodisfatti fil-każ in eżami. B'hekk, f'dak li jirrigwarda s-sehem tas-suq, fl-2002, ir-rikorrenti kellha 44% tas-suq Ewropew tal-lajters. Inkwantu l-intensità ta' l-użu, ir-rikorrenti tosserva li hija tbiegħ iktar minn terz tal-lajters tagħha fl-Istati Membri ta' l-Unjoni Ewropea.

39     F'dak li jirrigwarda l-firxa ġeografika ta' l-użu, ir-rikorrenti tirreferi għal żewġ sondaġġi mressqa fil-proċedimenti li huma ta' natura tali li juru li parti kbira tal-pubbliku kkonċernat jattribwixxi l-forma tal-lajter li tikkostitwixxi t-trademark li għaliha saret l-applikazzjoni lir-rikorrenti. Barra minn dan hija tindika li hija kisbet ir-reġistrazzjoni tal-forma tal-lajter tagħha bħala trademark fi ħdax-il pajjiż ta' l-Unjoni Ewropea, u dan prima facie, jiġifieri mingħajr ma kellha bżonn iġġib il-prova ta' l-użu tat-trademark tagħha.

40     Dwar it-tul ta' żmien ta' l-użu, ir-rikorrenti tosserva li l-ewwel lajter biż-żnied tagħha kienet inħarġet għall-bejgħ fi-Franza fl-1973.

41     Ir-rikorrenti tallega wkoll li hija għamlet fatturat ta' iktar minn 350 miljun EUR, sostnut minn investimenti f'pubbliċità u f'promozzjonijiet li, wara l-1993, qatt ma kienu inqas minn 55 miljun EUR. Dawn l-investimenti juru, skond ir-rikorrenti, li l-konsumatur ta' dan it-tip ta' prodott – peress illi jkun rahom fil-pubbliċità, fuq il-mezzi ta' komunikazzjoni u fil-punti ta' bejgħ – x'aktarx jarafhom u jippreżumi li dawn joriġinaw minn għandha.

42     F'dak li jirrigwarda l-proporzjon tal-pubbliku kkonċernat li jidentifikaw il-prodott bħala li jkun ġej minn impriża determinata, ir-rikorrenti ssostni li dawk li jpejjpu huma l-objettiv prinċipali tal-lajters li hija tbiegħ u li l-parti l-kbira fosthom jattribwixxulha l-forma li tikkostitwixxi t-trademark li għaliha saret l-applikazzjoni. Hija ssostni wkoll li matul is-snin il-lajter tagħha saret oġġett karatteristiku tas-seklu għoxrin, iddutat b'identità qawwija ħafna, ħaġa li tikkostitwixxi element li jagħtiha l-karattru distintiv tagħha. Sabiex issostni dan l-argument hija ressqet siltiet minn kotba u magazins Franċiżi.

43     Barra minn dan, id-distributuri tar-rikorrenti, stabbiliti fil-biċċa l-kbira tagħhom fil-pajjiżi ta' l-Unjoni Ewropea, iddikjaraw li l-lajters BIC jirrappreżentaw parti importanti ta' l-attività tagħhom u li l-konsumaturi ġeneralment jagħrfu dawn il-lajters.

44     Ir-rikorrenti tilmenta kontra l-Bord ta' l-Appell peress illi dan qies li l-elementi forniti minnha ma kinux jippermettu li jiġi stabbilit li t-trademark li għaliha saret l-applikazzjoni kienet akkwistat karattru distintiv permezz ta' l-użu minħabba li dawn l-elementi ma kellhomx rabta stabbilita biżżejjed ma' l-imsemmija trademark u li din ir-rabta ma ġietx ikkonstatata meta saret l-applikazzjoni.

45     L-ewwelnett, f'dak li jirrigwarda r-rabta bejn il-provi u t-trademark li għaliha saret l-applikazzjoni, ir-rikorrenti ssostni li l-Bord ta' l-Appel żbaljatament qies li ċ-ċifri ppreżentati sabiex tiġi ppruvata l-importanza ta' l-investimenti tagħha ma kinux jippreżentaw rabta stabbilita biżżejjed mat-trademark li għaliha saret l-applikazzjoni minħabba li dawn ma kinux jikkonċernaw biss il-lajters iżda wkoll l-imwies tal-leħja u l-bajrows prodotti minnha. F'dan ir-rigward ir-rikorrenti tosserva li kien diffiċli għaliha li tippreżenta ċifri speċifiċi li jirrigwardaw l-lajters u dan peress illi hija għal iktar minn 30 sena kkonċentrat ruħha fuq il-produzzjoni u l-kummerċjalizzazzjoni ta' tlett prodotti, jiġifieri l-bajrows, il-lajters u l-imwies tal-leħja, li kienu kkaratterizzati bl-omoġenjeta tagħhom peress li kienu jiffurmaw firxa ta' prodotti li ma jerġgħux jintużaw. Minħabba dan il-fatt jirriżulta li l-inqas investiment pubbliċitarju jew promozzjonali magħmul għal wieħed minn dawn it-tlett prodotti inevitabbilment ikun ta' benefiċċju għat-tnejn l-oħra.

46     Ir-rikorrenti żżid li, għalkemm ma fornietx ċifri preċiżi fuq l-investimenti li jikkonċernaw li lajters, hija madankollu pprovdiet elementi li jirrigwardaw l-implementazzjoni ta' dawn l-investimenti billi ressqet diversi siltiet minn ġurnali u magazins b'ċirkolazzjoni internazzjonali, diversi riklami televiżivi u ċinematografiċi, kif ukoll eżempji ta' diversi ftehim ta' sħubija b'riperkussjonijiet mondjali.

47     Ir-rikorrenti tenfasizza li, f'kull każ, affaċċjata bid-deċiżjoni kkontestata, hija rnexxiela tifred – għas-snin ta' wara l-1998 – l-investimenti promozzjonali u pubbliċitarji sabiex tidentifika dawk li ġew iddedikati għal-lajters biss. F'dak li jirrigwarda s-snin ta' qabel l-1998, l-investimenti ddedikati mir-rikorrenti kienu simili, jekk mhux ikbar, għaliex dawn ta' l-aħħar kienu determinanti għat-tpoġġija ta' prodott għall-ewwel darba fis-suq.

48     F'dak li jirrigwarda d-dikjarazzjoni tal-Bord ta' l-Appell li l-parti l-kbira tal-provi mressqa ma kinux jippermettu li jiġi determinat jekk kinux jirrigwardaw it-trademark li għaliha saret l-applikazzjoni, ir-rikorrenti ssostni, l-ewwelnett, li l-Bord ta' l-Appel żbaljatament u inġustament ikkunsidra li t-tabella li tirrigwarda l-volum tal-bejgħ ma kinitx pertinenti. F'dan ir-rigward il-Bord ta' l-Appell kien ikkunsidra li ebda element ma kien jippermetti li jsir magħruf jekk kinux jirrigwardaw il-lajter li tikkorrispondi mal-forma li tikkostitwixxi t-trademark li għaliha saret l-applikazzjoni u li l-indikazzjoni tar-rikorrenti li hija kienet tikkumerċjalizza biss żewġ kategoriji ta' lajters ma kinitx biżejjed. F'dan ir-rigward ir-rikorrenti tippreċiża li ċ-ċifri forniti minnha fil-kuntest tar-rikors magħmul kontra d-deċiżjoni ta' l-eżaminatur kienu jikkonċernaw biss il-kategorija tal-lajters biż-żnied.

49     Ir-rikorrenti ssostni, t-tieninett, li l-Bord ta' l-Appell żbaljatament ikkunsidra li r-rabta bejn il-forma li tikkostitwixxi t-trademark li għaliha saret l-applikazzjoni u d-dikjarazzjonijiet tad-distributuri li jikkonfermaw il-bejgħ li jirrigwarda "il-lajters BIC classic" kienet għadha trid tiġi stabbilita. Hija tfakkar li l-lajter biż-żnieda inħolqot fl-1973, filwaqt li l-lajter elettronika ħarġet fl-1991. Kien għalhekk naturali u għall-kumdità li ntuża l-isem "BIC classic" sabiex jiddistingwi l-lajter biż-żnied – diġa kurrenti u familjari f'għajnejn il-pubbliku – mil-lajter elettronika.

50     Il-Bord ta' l-Appell kien ukoll żbaljat meta qies li d-dikjarazzjonijiet tad-distributuri kienu diffiċilment ammissibbli minħabba li dawn ta' l-aħħar kellhom l-istess interessi tar-rikorrenti. F'dan ir-rigward, ir-rikorrenti ssostni li, għalkemm ir-rabta kummerċjali bejnha u bejn id-distributuri tagħha ma tistax tiġi miċħuda, dawn ta' l-aħħar ma kellhom ebda interess li jikkonfermaw is-suċċess konsiderevoli tal-forma in kwistjoni kieku ma kinux konvinti, peress li kieku ma kienx hekk, l-interessi tagħhom kienu jgħaddu inevitabilment għad-distribuzzjoni ta' prodott ieħor.

51     F'dak li jirrigwarda d-dikjarazzjoni tal-Bord ta' l-Appell li huwa diffiċli li jiġu identifikati l-elementi li jwasslu lill-pubbliku li jagħraf l-oriġini tal-prodott, il-Bord ta' l-Appell ma setgħax, skond ir-rikorrenti, josserva li s-sinjal li għalieħ saret l-applikazzjoni għar-registrazzjoni kien jidher fornit b'kuluri, b'logo jew b'sinjal verbali partikolarment distintiv b'tali mod li kien diffiċli li jiġi determinat liema kien l-element – jew l-elementi – li wassal li l-pubbliku jagħraf il-prodott bħala dak tar-rikorrenti. Fil-fatt, skond ir-rikorrenti, il-logo tagħha u t-trademark BIC ma jidhrux wisq peress li jinsabu fuq il-lajter u l-kulur huwa biss sekondarju.

52     It-tieninett, ir-raġunijiet tad-deċiżjoni kkontestata li jgħidu li ż-żewġ sondaġġi magħmula mir-rikorrenti, rispettivament, fi-Spanja, fi-Franza, fl-Italja, fl-Irlanda, fil-Greċja, fl-Isvezja u fil-Portugal ma jistgħux jiġu kkunsidrati, safejn id-data ta' meta saru (Lulju u Novembru 2002) hija posterjuri għad-data ta' meta saret l-aplikazzjoni għar-reġistrazzjoni, huma, skond ir-rikorrenti, neqsin minn kull relevanza.

53     Ir-rikorrenti tfakkar li r-riżultati taż-żewġ sondaġġi ppreżentati juru li l-forma li tikkostitwixxi t-trademark li għaliha saret l-applikazzjoni kisbet, b'mod li ma jistax jinċaħad, karattru distintiv permezz ta' l-użu fuq it-territorju ta' l-Unjoni Ewropea. Ir-rikorrenti ssostni li kien għaliex din il-forma ila tiġi kkummerċjalizzata b'mod intensiv fuq it-territorju ta' l-Unjoni Ewropea għal aktar minn 30 sena li din setgħet, permezz tas-sondaġġi magħmula, li din setgħet tikseb il-prova tal-ksib tal-karattru distintiv tat-trademark li għaliha saret l-applikazzjoni. Hija ssostni li r-riżultati tas-sondaġġi kienu mingħajr ebda dubju jagħtu l-istess riżultati anke li kieku saru lejliet il-preżentazzjoni ta' l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni.

54     Ir-rikorrenti ssostni li dawn l-elementi meħuda flimkien juru li l-forma li tikkostitwixxi t-trademark li għaliha saret l-applikazzjoni kisbet karattru distintiv permezz ta' l-użu qabel id-data ta' meta ġiet ippreżentata l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni.

55     L-UASI ssostni li l-evalwazzjoni tal-Bord ta' l-Appell f'dak li jirrigwarda n-nuqqas ta' ksib ta' karattru distintiv permezz ta' l-użu li sar mit-trademark hija konformi kemm mad-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 3(3) ta' l-Ewwel Direttiva tal-Kunsill 89/104/KEE, tal-21 ta' Diċembru 1988, biex jiġu approssimati l-liġijiet ta’ l-Istati Membri dwar it-trademarks (ĠU 1989, L 40, p.1), fid-dawl ta' liema għandu jiġi interpretat l-Artikolu 7(3) tar-Regolament Nru 40/94, kif ukoll mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza.

56     F'dak li jirrigwarda l-paramentru ġeografiku, skond il-UASI mill-qari flimkien ta' l-Artikoli 7 (2) u (3) tar-Regolament Nru 40/94 jirriżulta li l-kisb ta' karattru distintiv għandu jiġi ppruvat fil-parti tal-Kumunità fejn dan il-karattru distintiv ma jeżistix.

57     L-UASI huwa ta' l-opinjoni, f'dan ir-rigward, li l-ħtieġa ġeografika, imposta mill-Artikolu 7(3) tar-Regolament Nru 40/94, tiġi sodisfatta ladarba l-ksib tal-karattru distintiv jintwera fid-diversi "reġjuni" tal-Komunità jew, fi-kliem ieħor, fid-diversi "partijiet" tas-suq komuni (ċentru, Lvant, Punent, Nofsinhar u Tramuntana).

58     Fil-każ in eżami, ma nagħtat ebda indikazzjoni dwar il-perċezzjoni tat-trademark fil-parti ċentrali tal-Komunità (Ġermanja u Awstrija) u fi Stat Membru kbir fid-daqs u bħala popolazzjoni fil-parti tal-Punent (Ir-Renju Unit).

59     L-UASI konsegwentement iqis li r-rifjut ta' l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tat-trademark hija ġusta.

 Il-Kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

60     Skond l-Artikolu 7(3) tar-Regolament Nru 40/94, ir-raġunijiet assoluti msemmija fl-Artikolu 7(1)(b) sa' (d) ta' l-istess Regolament ma jopponux ruħhom għar-reġistrazzjoni ta' trademark jekk din, għall-prodotti li għalihom tkun intalbet ir-reġistrazzjoni, kisbet karattru distintiv wara l-użu li jkun sar minnha.

61     Fl-ewwel lok, mill-ġurisprudenza jirrizulta li l-ksib ta' karattru distintiv permezz ta' l-użu tat-trademark jeħtieġ li mill-anqas parti sinifikanti tal-pubbliku kkonċernat tidentifika, bis-saħħa tat-trademark, l-prodotti jew is-servizzi kkonċernati bħala li jkunu ġejjin minn impriża determinata [sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tad-29 ta' April 2004, Eurocermex vs l-UASI (Forma ta' flixkun tal-birra), T-399/02, għada ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 42; ara ukoll, b'analoġija, is-sentenzi Windsurfing Chiemsee, punt 38 iktar 'il fuq, punt 52, u Philips, punt 24 iktar 'il fuq, punti 61 u 62].

62     Fit-tieni lok, sabiex tiġi aċċettata r-reġistrazzjoni ta' trademark skond l-Artikolu 7(3) tar-Regolament Nru 40/94, il-karattru distintiv akkwistat permezz ta' l-użu ta' din it-trademark għandu jiġi ppruvat fil-parti l-kbira tal-Komunità fejn din kienet nieqsa minnu fir-rigward ta' l-Artikolu 7(1)(b) sa (d) ta' dan l-istess Regolament [is-sentenzi tal-Qorti tal-Prim'Istanza Forma ta' flixkun tal-birra, punt 61 iktar 'il fuq, punt 43, u tal-5 ta' Marzu 2003, Alcon vs l-UASI – Dr. Robert Winzer Phrama (BSS), T-237/01, Ġabra p. II-411, punt 52; ara ukoll, f'dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tat-30 ta' Marzu 2000, Ford Motor vs l-UASI (OPTIONS), T-91/99, Ġabra p. II-1925, punti 26 u 27].

63     Fit-tielet lok, għandu jiġi osservat li l-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Windsurfing Chiemsee, punt 38 iktar 'il fuq (punt 49), iddeċidiet li, "sabiex jiġi ppruvat li trademark akkwistat karattru distintiv wara l-użu li jkun sar minnha, l-awtorità kompetenti għandha tevalwa b'mod globali l-elementi li jistgħu juru li t-trademark saret xierqa sabiex tidentifika l-prodott ikkonċernat bħala li jkun ġej minn impriża speċifika u għalhekk tiddistingwi dan il-prodott minn dawk ta' impriżi oħra".

64     F'dan ir-rigward, għandha tiġi kkunsidrata, b'mod partikolari, is-sehem tas-suq miżmum mit-trademark, l-intensità, il-firxa ġeografika u t-tul ta' żmien ta' l-użu ta' din it-trademark, l-importanza ta' l-investimenti magħmula mill-impriża sabiex tippromoviha, il-proporzjon tal-pubbliku kkonċernat li bis-saħħa tat-trademark jidentifikaw il-prodott bħala li jkun ġej minn impriża speċifika, id-dikjarazzjonijiet tal-kmamar tal-kummerċ u ta' l-industrija jew ta' assoċjazzjonijiet oħra professjonali kif ukoll is-sondaġġi ta' l-opinjoni (ara, f'dan is-sens, is-sentenza Forma ta' flixkun tal-birra, punt 61 iktar 'il fuq, punt 44; ara ukoll, b'analoġija, is-sentenzi Windsurfing Chiemsee, punt 38 iktar 'il fuq, punt 51, u Philips, punt 24 iktar 'il fuq, punt 60).

65     Fir-raba lok, il-karattru distintiv ta' trademark, anke dak akkwistat permezz ta' l-użu, għandu jiġi evalwat fir-rigward tal-prodotti li għalihom saret l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tat-trademark u billi tiġi meqjusa l-perċezzjoni preżunta li għandu konsumatur medju tal-kategorija tal-prodotti in kwistjoni, normalment infurmat u raġonevolment attent u avżat, (ara, b'analoġija, is-sentenza Philips, punt 24 iktar 'il fuq, punti 59 u 63).

66     Fl-aħħarnett, il-kisba ta' karattru distintiv permezz ta' l-użu għandu jkun seħħ qabel ma tkun saret l-applikazzjoni għat-trademark [is-sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tat-12 ta' Diċembru 2002, eCopy vs l-UASI (ECOPY), T-247/01, Ġabra p. II-5301, punt 36; ara ukoll, f'dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tat-13 ta' Diċembru 2004, El Corte Inglés vs l-UASI – Pucci (EMILIO PUCCI), T-8/03, għada ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punti 71 u 72].

67     Huwa fid-dawl ta' dawn il-kunsiderazzjonijiet li għandu jiġi eżaminat jekk, f'din il-kawża, il-Bord ta' l-Appell għamilx żball ta' dritt meta ma aċċettax l-argumenti tar-rikorrenti li jgħidu li t-trademark li għaliha saret l-applikazzjoni kellha tiġi rreġistrata għall-prodotti kkonċernati skond l-Artikolu 7(3) tar-Regolament Nru 40/94.

68     Id-deċiżjoni kkontestata ma fiha ebda konstatazzjoni fir-rigward tal-parti tal-Komunità li fiha t-trademark li għaliha saret l-applikazzjoni hija nieqsa minn karattru distintiv fis-sens ta' l-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94. Madankollu, fil-każ ta' trademarks mhux verbali, bħal dik in kwistjoni f'dan il-każ, hemm lok li jiġi preżunt li l-evalwazzjoni tal-karattru distintiv tagħhom fir-rigward ta' din id-dispożizzjoni hija l-istess fil-Komunità kollha, sakemm ma jeżistux indizji konkreti li juru l-kuntrarju.

69     F'dak li jirrigwarda l-prova tal-ksib ta' karattru distintiv permezz ta' l-uzu, il-Qorti tal-Prim'Istanza tikkunsidra li fil-każ in eżami din għandha tinġieb għall-parti l-kbira tal-Komunità.

70     Għaldaqstant għandhom jiġu eżaminati l-elementi ta' prova miġjuba mir-rikorrenti f'dan ir-rigward.

71     F'dak li jirrigwarda, qabel xejn, it-tabelli li jindikaw l-investimenti publiċitarji u promozzjonali magħmula għat-trademark li għaliha saret l-applikazzjoni, il-Bord ta' l-Appell ġustament qies li l-provi miġjuba fir-rigward ta' dawn l-investimenti ma kinux biżżejjed. Fil-fatt, id-data li tirrigwarda l-investimenti pubbliċitarji u promozzjonali tirreferi għall-prodotti kollha flimkien u konsegwentement ma tirrigwardax esklussivament il-lajters biż-żnied li l-forma tagħhom hija s-suġġett tat-trademark in kwistjoni. F'dan ir-rigward ir-rikorrenti tammetti li hija ma ppreżentatx ċifri li jikkonċernaw speċifikament l-investimenti tagħha li jirrigwardaw il-lajters. Għalhekk huwa impossibbli li tiġi stabbilita rabta bejn iċ-ċifri li jidhru f'din it-tabella u t-trademark li għaliha saret l-applikazzjoni.

72     Dwar it-tabella taċ-ċifri ta' l-investimenti promozzjonali u pubbliċitarji ddedikati għal-lajters għas-snin ta' wara l-1998, kif ukoll l-ittra tal-15 ta' April 2004 tal-kuratur tal-mużew ta' l-arti moderna ta' New York, hemm lok li jiġi osservat li r-rikorrenti ppreżentat dawn id-dokumenti bħala anness mar-rikors tagħha. Il-Bord ta' l-Appell huwa obbligat li jikkunsidra element ta' prova li jista' jkun relevanti fl-evalwazzjoni tal-kisba ta' karattru distintiv permezz ta' l-użu biss jekk min jagħmel l-applikazzjoni għat-trademark ippreżenta dan l-element ta' prova matul il-proċedura amministrattiva quddiem il-UASI (sentenza ECOPY, punt 66 iktar 'il fuq, punt 48). Għaldaqstant, dawn id-dokumenti, li ma ġewx ippreżentati matul il-proċedura amministrattiva quddiem il-UASI, ma jistgħux ipoġġu fid-dubju l-legalità tad-deċiżjoni kkontestata.

73     It-tabella li tirrigwarda l-volum ta' bejgħ tal-lajters BIC mill-1972 sa l-2001 u dik li tikkonferma s-sehem li l-lajter BIC għandha fis-suq ukoll mhumiex biżżejjed, dan għaliex id-data li tidher fihom tirrigwarda l-lajters BIC u ma fiha ebda indikazzjoni speċifika dwar it-trademark li għaliha saret l-applikazzjoni fil-każ in eżami. Ebda element addizzjonali ma jippermetti li jsir magħruf jekk kinux jirrigwardaw il-lajter li tikkorrispondi mal-forma li tikkostitwixxi t-trademark li għaliha saret l-applikazzjoni.

74     F'dak li jirrigwarda t-tabella tal-volum ta' bejgħ tal-lajter BIC (bil-molla) mill-1997 sa l-2003, għandu jiġi osservat li d-data li tinstab fiha hija dwar il-Komunità kollha kemm hi kif kienet kostitwita dak iż-żmien kif ukoll in-Norveġja, il-Polonja u l-Isvizzera. Peress li din it-tabella tindika b'mod ġenerali l-volum ta' bejgħ fil-pajjiżi msemmija iktar 'il fuq u ma tagħmel ebda distinzjoni bejn dawn id-diversi swieq nazzjonali, din ma tistax tiġi kkunsidrata fl-evalwazzjoni tal-kisba tal-karattru distintiv permezz ta' l-użu tat-trademark.

75     F'dak li jirrigwarda r-registrazzjonijiet miksuba fl-Istati Membri fir-rigward tal-forma li tikkostitwixxi t-trademark li għaliha saret l-applikazzjoni, il-Qorti tal-Prim'Istanza tikkonstata li r-rikorrenti sostniet quddiem il-Bord ta' l-Appell li dawn ir-reġistrazzjonijiet inkisbu mingħajr ma kienet uriet il-ksib ta' karattru distintiv permezz ta' l-użu u li dan kien jipprova li s-sinjal kellu karattru distintiv intrinsiku. Minn dan isegwi li dawn ir-reġistrazzjonijiet ma jistgħux jiġu kkunsidrati mill-Bord ta' l-Appell għall-finijiet ta' l-applikazzjoni ta' l-Artikolu 7(3) tar-Regolament Nru 40/94.

76     F'dak li jirrigwarda l-artikoli li dehru fl-istampa Franċiża, kif ukoll is-silta mill-ktieb "Le Design" ippubblikat fl-edizjoni Franċiża SCALA, li jiddefinixxi l-lajter BIC bħala oġġett ta' disinn jew tal-moda, hemm lok li jiġi osservat li dawn kienu jikkonċernaw biss il-perċezzjoni tal-lajter BIC mill-pubbliku Franċiż, għaldaqstant, dawn mhumiex ta' natura tali li juru li l-forma li tikkostitwixxi t-trademark li għaliha saret l-applikazzjoni kisbet karattru distintiv permezz ta' l-użu f'parti sostanzjali tal-Komunità.

77     Dwar il-materjal pubbliċitarju ppreżentat mir-rikorrenti, dan ma jippermetti l-ebda konstatazzjoni konkreta dwar il-fatturi msemmija fil-punt 64 iktar 'il fuq. Barra minn dan, dan ma jistgħax jikkostitwixxi prova ta' l-użu tat-trademark hekk kif ġiet mitluba, dan peress li, mill-istampi kollha prodotti, ir-rappreżentazzjoni tal-forma rivendikata hija akkumpanjata minn element verbali u figurattiv. Minn dan isegwi li dan il-materjal pubbliċitarju ma jistgħax jikkostitwixxi l-prova li l-pubbliku kkonċernat jipperċepixxi t-trademark li għaliha saret l-applikazzjoni bħala tali, fil-forma bażika tagħha u indipendentement mil-logo BIC, bħala indikazzjoni ta' l-oriġini kummerċjali tal-prodotti kkonċernati (ara, f'dan is-sens, is-sentenza Forma ta' flixkun tal-birra, punt 61 iktar 'il fuq, punt 51).

78     F'dak li jirrigwarda d-dikjarazzjonijiet tad-distributuri li r-rikorrenti ressqet fil-proċedimenti, hemm lok li jiġi mfakkar li, sabiex ikun evalwat il-valur probatorju ta' dokument, hemm bżonn li l-ewwelnett tkun verifikata l-verusimilitudni u l-veraċità ta' l-informazzjoni li tinstab fih. F'dan ir-rigward, hemm bżonn li jiġu kkunsidrati, b'mod partikolari, il-provenjenza tad-dokument, iċ-ċirkostanzi li fihom sar, id-destinatarju tiegħu, u li jiġi mistoqsi jekk, skond il-kontenut tiegħu, jidhirx li huwa sensat u affidabbli [is-sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tas-7 ta' Ġunju 2005, Lidl Stiftung vs l-UASI – REWE-Zentral (Salvita), T-303/03, għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 42].

79     Fil-każ in eżami, l-ewwelnett, il-Qorti tal-Prim'Istanza tikkonstata li ċerti dikjarazzjonijiet ġejjin minn distributuri bħal BIC Belgium SPRL, BIC Netherlands BV, BIC UK Ltd, BIC Violex SA, li huma, skond ir-rapport annwali 2002 tar-rikorrenti, sussidjarji ta' din ta' l-aħħar, fejn ir-rikorrenti għandha ishma ta' mill-anqas 99% mill-ishma (minbarra BIC Violex, fejn għandha sehem ta' 50.5%, u BIC Ballograf AB, fejn għandha sehem ta' 16%). Barra minn dan, din il-konstatazzjoni ma ġietx ikkontestata mir-rikorrenti waqt is-seduta. Hemm lok li jiġi osservat li dawn id-dikjarazzjonijiet ma jistgħux, weħidhom, jikkostitwixxu prova biżżejjed tal-ksib permezz ta' l-użu tal-karattru distintiv tat-trademark li għaliha saret l-applikazzjoni minħabba l-importanza tar-rabtiet li jeżistu bejn ir-rikorrenti u s-sussidjarji tagħha. Dawn jikkostitwixxu biss indizzji li jridu jiġu kkoroborati b'elementi probatorji oħrajn. It-tieninett, il-Qorti tal-Prim'Istanza tosserva li d-dikjarazzjonijiet kollha, inklużi dawk ta' distributuri oħrajn li mhumiex sussidjarji jew kumpanniji li fihom ir-rikorrenti għandha sehem, jidhru li ġew iddettati mir-rikorrenti, għaliex dawn kollha kemm huma jippreżentaw kontenut identiku. Fil-fatt, jidher li d-dikjarazzjonijiet kollha huma testi prestabbiliti, tradotti letteralment f'diversi verżjonijiet lingwistiċi, u xi drabi anke sempliċement fotokopji, li kien fihom spazji vojta li wara ġew mimlija mid-distributuri. It-tieletnett, il-Qorti tal-Prim'Istanza tikkonstata li dawn id-dikjarazzjonijiet ma jagħmlu, min-naħa l-oħra, ebda referenza għad-data li tikkonċerna l-volum tal-bejgħ li sar fit-territorju kkonċernat u fihom biss, fir-rigward ta' l-importanza għal min għamel id-dikjarazzjoni tal-bejgħ tal-lajters in kwistjoni, sempliċi affermazzjonijiet ta' tifħir.

80     Għandu jiġi osservat, barra minn dan, li l-imsemmija dikjarazzjonijiet jistabilixxu, l-aktar l-aktar, biss l-eżistenza ta' distribuzzjoni tal-prodotti in kwistjoni fil-pajjiżi fejn dawn id-distributuri huma preżenti u jistgħu biss jippruvaw il-firxa ġeografika tad-distribuzzjoni tal-prodotti rrappreżentati mit-trademark li għaliha saret l-applikazzjoni, li mhuwiex ħlief wieħed mill-fatturi li jista' jiġi kkunsidrat sabiex tkun evalwata l-kisba ta' karattru distintiv permezz ta' l-użu tat-trademark li għaliha saret l-applikazzjoni, ikkostitwita biss mill-forma ta' lajter.

81     Fid-dawl ta' dak li ntqal iktar 'il fuq, għandu jiġi kkonstatat li d-dikjarazzjonijiet tad-distributuri li r-rikorrenti ppreżentat m'għandomx biżżejjed saħħa probatorja.

82     F'laħħarnett, f'dak li jirrigwarda ż-żewġ sondaġġi magħmula mir-rikorrenti wara li ġiet ippreżentata l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tat-trademark, iżda matul il-proċedura amministrattiva, jiġifieri f'Lulju u f'Novembru 2002, hemm lok li jiġi osservat li, skond il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, elementi ta' prova ta' l-użu tat-trademark li jiġu stabbiliti wara d-data ta' meta ssir l-applikazzjoni jistgħu jiġu kkunsidrati biss jekk dawn jippermettu t-teħid ta' konklużjonijiet fuq l-użu tat-trademark hekk kif jippreżenta ruħhu f'dik l-istess data (ara, f'dan is-sens, id-Digriet tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-27 ta' Jannar 2004, La Mer Technology, C-259/02, Ġabra p. I-1159, punt 31, u tal-5 ta' Ottubru 2004, Alcon vs l-UASI, C-192/03 P, Ġabra p. I-8993, punt 41).

83     Fil-każ in eżami, il-Qorti tal-Prim'Istanza tikkunsidra li s-sondaġġi in kwistjoni ma jippermettux li jiġi stabbilit li l-pubbliku kkonċernat kien jidentifika, fuq il-bażi tal-forma li tikkostitwixxi t-trademark, il-prodott in kwistjoni bħala li jkun ġej mill-kumpannija BIC u mhux minn kumpannija oħra.

84     Dwar is-sondaġġ magħmul f'Novembru 2002 ma' pejjiepa fi Franża, fl-Italja, fl-Irlanda, fil-Greċja, fl-Isvezja u fil-Portigal, il-Qorti tal-Prim'Istanza tikkonstata li disinn jew ritratt tal-lajters BIC biss, mingħajr elementi verbali jew figurattivi, intwerew lill-persuni intervistati u li ġie mistoqsi lilhom liema trademark huma jassoċjaw l-iktar ma' l-immagni ta' din il-lajter. Għaldaqstant ma jistax jiġi kkunsidrat li dawn is-sondaġġi juru li l-parti l-kbira tal-konsumaturi Franċiżi, Taljani, Irlandiżi, Griegi, Svediżi u Portugiżi jidentifikaw, permezz tat-trademark li għaliha saret l-applikazzjoni, il-prodott in kwistjoni bħala li joriġina mill-kumpannija BIC u mhux minn kumpannija oħra. Is-sitwazzjoni kienet tkun differenti li kieku, matul is-sondaġġ, minflok ma ntweriet biss il-forma li tikkostitwixxi t-trademark li għaliha saret l-applikazzjoni kellhom jintwerew ukoll diversi forom ta' lajters oħra. Kieku dan kien il-każ wieħed setgħa jikkunsidra r-rata ta' persuni li b'mod spontanju jattribwixxu, mingħajr ebda influwenza, l-imagni tal-forma in kwistjoni lill-kumpannija BIC.

85     Għandu wkoll jiġi osservat li, fil-każ fejn il-persuni intervistati ma kinux jafu jirrispondu għall-imsemmija mistoqsija, ġiet ippreżentata lilhom lista ta' trademarks verbali (BIC, CLIPPER, TOKAÏ, CRICKET, u oħrajn) sabiex jgħinuhom jagħtu risposta.

86     Issa, jekk inhu minnhu, hekk kif issostni r-rikorrenti, li kienet il-kumpannija BIC li fl-1973 bdiet is-suq tal-lajters biż-żnied li jintremew wara li jintużaw u li hija l-"produttur ewlieni fis-suq tal-lajters", huwa għal kollox loġiku u prevedibbli li l-ewwel trademark li tiġi f'moħħ il-persuni intervistati kienet it-trademark BIC, indipendentement mill-forma murija. Din hija iktar u iktar ir-raġuni minħabba li l-mistoqsija magħmula kien fiha lista ta' trademarks verbali li magħha wieħed setgħa jassoċja l-forma murija. F'dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li r-rikorrenti stess ammettiet matul is-seduta li r-risposta għall-mistoqsija li saret f'dan l-aħħar każ setgħet fil-fatt kienet influwenzata.

87     L-istess kunsiderazzjonijiet japplikaw għas-sondaġġi magħmula fi Spanja f'Lulju ta' l-2002, għal darba oħra mal-konsumaturi li jpejjpu. F'dan is-sondaġġ, l-immaġni tal-forma tal-lajter MiniBIC J5, li mhija xejn ħlief il-verżjoni żgħira tal-forma li tikkostitwixxi t-trademark li għaliha saret l-applikazzjoni, intweriet lill-persuni intervistati fl-istess ħin mal-lista tad-diversi trademarks verbali (BIC, CLIPPER, BRIO jew TOKAÏ), sabiex isir magħruf ma liema trademark huma jassoċjaw l-immaġni murija. Għaldaqstant ma jistgħax jiġi meqjus li dan is-sondaġġ juri li l-parti l-kbira tal-konsumaturi Spanjoli jidentifikaw l-prodott in kwistjoni bħala li joriġna mill-kumpannija BIC u jiddistingwu dan il-prodott minn prodotti ta' kumpanniji oħra.

88     Barra minn dan il-Qorti tal-Prim'Istanza tikkonstata li l-immaġni tal-lajter murija lill-pejjiepa Spanjoli intervistati matul l-imsemmi sondaġġ turi l-lajter minn quddiem u mhux b'mod oblikwu, b'tali mod li l-persuni intervistati ma setgħux jagħrfu l-forma ovali tal-maħżen tal-gass, li madankollu huwa, skond ir-rikorrenti, wieħed mit-tlett karatteristiċi li jiddistingwu l-lajter BIC minn lajters oħra fis-suq.

89     Mill-kunsiderazzjonijiet kollha msemmija iktar 'il fuq jirriżulta li l-Bord ta' l-Appell ġustament ikkunsidra li r-rikorrenti ma kinetx ippruvat li t-trademark li għaliha saret l-applikazzjoni fil-każ in eżami kienet kisbet karattru distintiv li jirriżulta mill-użu li kien sar minnha f'parti sostanzjali tal-Komunità.

90     Konsegwentement, it-tieni raġuni għandha wkoll tiġi respinta kif ukoll ir-rikors kollu kemm hu.

 Fuq l-ispejjeż

91     Skond l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawza għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu gew mitluba. Peress illi r-rikorrenti tilfet, hemm lok li tigi kkundannata tbati l-ispejjeż, skond it-talbiet ta' l-UASI.

Għal dawn ir-raġunijiet,

IL-QORTI TAL-PRIM'ISTANZA (It-Tielet Awla)

taqta' u tiddeċiedi :

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      Ir-rikkorenti għandha tbati l-ispejjeż.


Jaeger

Azizi

Cremona


Mogħtija fil-Qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu fil-15 ta' Diċembru 2005.

E. Coulon

 

      M. Jaeger


Reġistratur

 

      il-President


* Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.