Language of document : ECLI:EU:T:2014:240

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Il-Ħames Awla)

8 ta’ Mejju 2014 (*)

“Trade mark Komunitarja — Proċedimenti għal dikjarazzjoni ta’ invalidità — Trade mark Komunitarja verbali Simca — Mala fide — Artikolu 52(1)(b) tar-Regolament (KE) Nru 207/2009”

Fil-Kawża T‑327/12,

Simca Europe Ltd, stabbilita f’Birmingham (ir-Renju Unit), irrappreżentata minn N. Haberkamm, avukat,

rikorrenti,

vs

L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI), irrappreżentat minn A. Schifko, bħala aġent,

konvenut,

il-parti l-oħra fil-proċedimenti quddiem il-Bord tal-Appell tal-UASI, intervenjenti quddiem il-Qorti Ġenerali, hija

GIE PSA Peugeot Citroën, stabbilita f’Pariġi (Franza), irrappreżentata minn P. Kotsch, avukat,

li għandha bħala suġġett rikors kontra d-deċiżjoni tal-Ewwel Bord tal-Appell tal-UASI tat-12 ta’ April 2012 (Każ R 645/2011‑1), dwar proċedimenti għal dikjarazzjoni ta’ invalidità bejn GIE PSA Peugeot Citroën u Simca Europe Ltd,

IL-QORTI ĠENERALI (Il-Ħames Awla),

komposta minn A. Dittrich, President, J. Schwarcz (Relatur) u V. Tomljenović, Imħallfin,

Reġistratur: E. Coulon,

wara li rat ir-rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis-16 ta’ Lulju 2012,

wara li rat ir-risposta tal-UASI ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl-20 ta’ Novembru 2012,

wara li rat ir-risposta tal-intervenjenti ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fid-9 ta’ Novembru 2012,

wara li rat li l-partijiet ma ressqu l-ebda talba għal seduta fi żmien xahar min-notifika tal-għeluq tal-proċedura bil-miktub u wara li għaldaqstant iddeċidiet, fuq rapport tal-Imħallef Relatur u skont l-Artikolu 135a tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, li tiddeċiedi mingħajr il-fażi orali tal-proċeduri,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1        Fil-5 ta’ Diċembru 2007, Joachim Wöhler (iktar ’il quddiem l-“ex proprjetarju”) ippreżenta applikazzjoni għal reġistrazzjoni ta’ trade mark Komunitarja quddiem l-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI), skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 40/94, tal-20 ta’ Diċembru 1993, dwar it-trade mark Komunitarja (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 146), kif emendat [issostitwit bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 207/2009, tas-26 ta’ Frar 2009, dwar it-trade mark Komunitarja (ĠU L 78, p. 1)].

2        It-trade mark li għaliha saret applikazzjoni għal reġistrazzjoni hija s-sinjal verbali Simca.

3        Il-prodotti li għalihom saret l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni jaqgħu fil-klassi 12 skont il-Ftehim ta’ Nice dwar il-klassifikazzjoni internazzjonali ta’ prodotti u servizzi għall-finijiet tar-reġistrazzjoni ta’ trade marks, tal-15 ta’ Ġunju 1957, kif rivedut u emendat, u jikkorrispondu għad-deskrizzjoni li ġejja: “Vetturi; apparat għal lokomozzjoni fuq l-art, arja jew ilma”.

4        L-applikazzjoni għal trade mark ġiet ippubblikata fil-Bullettin tat-trade marks Komunitarji Nru 16/2008, tal-21 ta’ April 2008, u s-sinjal verbali Simca ġie rreġistrat bħala trade mark Komunitarja fit-18 ta’ Settembru 2008, bin-numru 6489371, għall-prodotti kollha msemmija fil-punt 3 iktar ’il fuq.

5        Fid-29 ta’ Settembru 2008, l-intervenjenti, GIE PSA Peugeot Citroën, ressqet talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità tal-imsemmija trade mark Komunitarja, skont l-Artikolu 51(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94 [li sar l-Artikolu 52(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009] għall-prodotti kollha li għalihom hija kienet ġiet irreġistrata. Essenzjalment, hija allegat li l-ex proprjetarju kien in mala fide fil-mument tal-preżentazzjoni tal-applikazzjoni għal reġistrazzjoni tat-trade mark ikkontestata. Permezz ta’ din l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni, huwa, fil-fatt, kellu biss l-għan li jipprekludiha milli tuża l-isem “simca” sabiex tikkummerċjalizza l-prodotti msemmija mill-applikazzjoni għal reġistrazzjoni, u dan għalkemm hija kellha fuqu drittijiet preċedenti għall-imsemmija applikazzjoni. F’dan ir-rigward, l-intervenjenti rreferiet, b’mod partikolari, għall-fatt li hija kienet il-proprjetarja ta’ trade mark internazzjonali SIMCA, irreġistrata bin-numru 218957 u protetta sa mill-1957, partikolarment fil-Ġermanja, fi Spanja, fl-Awstrija u fil-Benelux, b’mod partikolari għal “Vetturi; apparat għal lokomozzjoni fuq l-art, arja jew ilma”, li jaqgħu fil-klassi 12 fis-sens tal-Ftehim ta’ Nice, u tat-trade mark Franċiża SIMCA, irreġistrata bin-numru 1606604, sa mill-1990, b’mod partikolari għal “vetturi bil-mutur”, li jaqgħu f’din l-istess klassi. L-intervenjenti sostniet li, għalkemm dawn it-trade marks ma kinux għadhom jintużaw matul dawn l-aħħar snin, hija kien għad kellha d-drittijiet tagħha ta’ trade mark. Hija fakkret li t-trade mark “magħrufa” tal-vettura bil-mutur SIMCA kienet diġà nħolqot fl-1934 minn produttur tal-karozzi Franċiż. L-applikazzjoni għal reġistrazzjoni tat-trade mark Franċiża preċedenti saret għall-ewwel darba fl-1935 u kienet reġgħet ġiet użata fl-1978 minn Automobiles Peugeot, SA, li użatha b’mod intensiv fid-dinja kollha, inkluż fl-Ewropa. L-intervenjenti sostniet ukoll li fl-2008 hija kienet, darbtejn, stiednet l-ex proprjetarju sabiex jirrinunzja għat-trade mark ikkontestata. Bħala risposta, l-imsemmi proprjetarju eżerċita “rikatt” kontriha, billi talabha kumpens finanzjarju. Skont l-intervenjenti, l-applikazzjoni għal trade mark kienet saret mill-ex proprjetarju sabiex itejjeb is-sitwazzjoni finanzjarja tiegħu permezz ta’ estorsjoni, mingħajr ma kien hemm, min-naħa tiegħu, volontà ġenwina għall-użu tal-imsemmija trade mark. Billi jittieħed inkunsiderazzjoni wkoll il-fatt li r-relazzjoni kuntrattwali bejn il-partijiet kienet intemmet ftit ta’ żmien qabel il-preżentazzjoni tal-applikazzjoni għat-trade mark Komunitarja inkwistjoni, l-intervenjenti qieset li din kienet tirrigwarda sempliċi “trade mark ta’ spekulazzjoni” jew “trade mark ta’ bblokkar”.

6        Permezz ta’ deċiżjoni tal-25 ta’ Jannar 2011, id-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni tal-UASI ċaħdet it-talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità kollha kemm hi.

7        Fit-24 ta’ Marzu 2011, l-intervenjenti ppreżentat rikors kontra d-deċiżjoni msemmija iktar ’il fuq.

8        Fid-29 ta’ April 2011, ir-rikorrenti, Simca Europe Ltd, ġiet irreġistrata fir-reġistru tal-UASI bħala l-proprjetarja l-ġdida tat-trade mark ikkontestata.

9        Permezz tad-deċiżjoni tat-12 ta’ April 2012 (iktar ’il quddiem “id-deċiżjoni kkontestata”), l-Ewwel Bord tal-Appell tal-UASI laqa’ l-appell tal-intervenjenti, annulla d-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni, u fl-aħħar nett iddikjara invalida t-trade mark ikkontestata. Huwa bbaża ruħu fuq motivi maqsuma fi tliet partijiet, li jirrigwardaw, l-ewwel net, ir-rimarki preliminari, it-tieni nett, fatti “mhux ikkontestati” u, it-tielet nett, l-eżistenza stess tal-mala fide tal-ex proprjetarju fid-data tal-applikazzjoni għal reġistrazzjoni.

10      Fl-ewwel lok, rigward ir-rimarki preliminari, minn naħa, il-Bord tal-Appell qies li, bħala l-proprjetarja l-ġdida tat-trade mark ikkontestata, ir-rikorrenti “kellha tħalli li tiġi imputata direttament l-aġir” tal-ex proprjetarju bħala l-applikant oriġinali tal-imsemmija trade mark.

11      Min-naħa l-oħra, il-Bord tal-Appell qies bħala irrilevanti riferiment magħmul mir-rikorrenti għal sentenza tal-Bundesgerichtshof (Qorti Federali tal-Ġustizzja, il-Ġermanja), li tirrigwarda t-trade mark Ġermaniża SIMCA. Il-Bord tal-Appell fakkar, f’dan ir-rigward, li s-sistema tat-trade mark Komunitarja kienet sistema awtonoma kkostitwita minn ġabra ta’ għanijiet u ta’ regoli li huma speċifiċi għaliha u l-applikazzjoni tagħha hija indipendenti minn kull sistema nazzjonali. Barra minn hekk, il-Bord tal-Appell iddikjara li huwa ma kienx jaf bi provi prodotti fil-proċeduri paralleli li kienu qed iseħħu fil-Ġermanja, b’tal mod li s-sentenza msemmija ma setgħetx ikollha effett ta’ preċedent.

12      Fit-tieni lok, fir-rigward tal-elementi “mhux ikkontestati” li għandhom, skont il-Bord tal-Appell, importanza deċiżiva għall-evalwazzjoni tal-fatti f’din il-kawża, l-ewwel nett, dan tal-aħħar enfasizza li vetturi bil-mutur koperti mit-trade mark SIMCA kienu nbiegħu mis-snin 30 u li l-intervenjenti jew impriża li tifforma parti mill-grupp tagħha kienet reġgħet użat din it-trade mark fl-1978. Barra minn hekk, il-Bord tal-Appell enfasizza l-fatt li l-intervenjenti kienet il-proprjetarja ta’ żewġ trade marks figurattivi, protetti, waħda fi Franza, jiġifieri t-trade mark nazzjonali rreġistrata bin-numru 121992, u l-oħra fir-Repubblika Ċeka, fil-Ġermanja, fi Spanja, fl-Italja, fl-Ungerija, f’Malta, fil-Portugall, fir-Rumanija u fil-Benelux, kif ukoll f’ċerti pajjiżi mhux membri tal-Unjoni Ewropea, jiġifieri t-trade mark internazzjonali rreġistrata bin-numru 218957. Skont il-Bord tal-Appell, dawn it-trade marks kienu dejjem irreġistrati fid-data tal-deċiżjoni kkontestata, tal-inqas fir-rigward ta’ vetturi, li jaqgħu fil-klassi 12, ta’ Automobiles Peugeot, impriża li tifforma parti mill-grupp li jikkostitwixxi l-intervenjenti.

13      It-tieni nett, skont il-Bord tal-Appell, għalkemm l-intervenjenti kienet waqfet il-kummerċjalizzazzjoni ta’ vetturi bit-trade mark SIMCA fl-aħħar tas-snin 70, din it-trade mark kienet tgawdi minn livell għoli ta’ reputazzjoni, li, għalkemm il-livell seta’ naqas matul is-snin, kienet għadha teżisti fid-data tal-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata.

14      It-tielet nett, il-Bord tal-Appell enfasizza li l-ex proprjetarju kien ħadem bħala imprenditur indipendenti fil-qasam tas-softwer, għal iktar minn 18-il xahar, għall-intervenjenti f’Köln (il-Ġermanja) u, sussegwentement fi Bremen (il-Ġermanja). Skont il-Bord tal-Appell, huwa kien jaf l-istorja tat-trade mark SIMCA, kif irriżulta, b’mod partikolari, minn ċerti ittri tiegħu indirizzati lill-intervenjenti.

15      Ir-raba’ nett, il-Bord tal-Appell ikkonstata li, anki qabel id-data li fiha kienet saret l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni tat-trade mark ikkontestata, l-ex proprjetarju kien diġà f’kuntatt ma’ impriża Indjana sabiex tistudja proġett ta’ żvilupp ta’ vettura bil-mutur. Madankollu, dan il-proġett ma kienx ġie implementat fid-data tal-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata. F’dan ir-rigward, il-Bord tal-Appell enfasizza li mill-ittri tal-ex proprjetarju kien jirriżulta li huwa kien qed ifittex trade mark “li ma kinitx għadha tintuża jew li ma kinitx irreġistrata”.

16      Il-ħames nett, il-Bord tal-Appell iddikjara li, fix-xahar ta’ Awwissu 2008, l-ex proprjetarju kien ukoll proprjetarju tal-indirizz tal-internet www.simca.info u li, minn Diċembru 2008, huwa kien jikkummerċjalizza roti li jaħdmu bl-elettriku permezz tal-imsemmi sit tal-internet.

17      Fl-aħħar nett, il-Bord tal-Appell sostna li, għalkemm l-ex proprjetarju kien jaf bid-drittijiet tal-intervenjenti fir-rigward tat-trade mark ikkontestata, huwa assuma li setgħu jiġu kkanċellati minħabba n-nuqqas ta’ użu ġenwin. Madankollu, huwa kien lest li jirrinunzja għat-trade mark ikkontestata jekk kienet issirlu “offerta ta’ kumpens”.

18      Fit-tielet lok, fir-rigward tal-eżistenza wkoll ta’ mala fide tal-ex proprjetarju, il-Bord tal-Appell qies, essenzjalment, li l-oneru tal-prova f’dan ir-rigward kien jaqa’ fuq l-intervenjenti bħala l-parti li qed titlob id-dikjarazzjoni ta’ invalidità. Fil-fehma tiegħu, kien jeħtieġ li jsir riferiment għal iktar provi li jifformaw katina ta’ indizji, b’tali mod li jkun jista’ jiġi ddikjarat bi probabbiltà qrib iċ-ċertezza, li l-applikant ta’ trade mark Komunitarja kien in mala fide.

19      Skont il-Bord tal-Appell, il-kunċett ta’ “mala fide”, imsemmi fl-Artikolu 52(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009, la huwa definit, la huwa delimitat u lanqas huwa deskritt b’xi mod fil-leġiżlazzjoni. Għalkemm il-Qorti tal-Ġustizzja stabbilixxiet lista ta’ kriterji li jikkonċernaw l-interpretazzjoni tal-imsemmi kunċett fis-sentenza tal-11 ta’ Ġunju 2009, Chocoladefabriken Lindt & Sprüngli (C‑529/07, Ġabra p. I‑4893), skont il-Bord tal-Appell, dawn il-kriterji ma humiex eżawrjenti. Peress li l-fatti li jifformaw il-bażi tal-proċedura li tat lok għad-domanda preliminari inkwistjoni fil-kawża msemmija iktar ’il fuq huma differenti, skont il-Bord tal-Appell, essenzjalment mill-fatti li jifformaw il-bażi tal-proċedura inkwistjoni f’din il-kawża, huwa jqis neċessarju li jiġu stabbiliti kriterji supplimentari.

20      Skont il-Bord tal-Appell, il-fatt li l-ex proprjetarju kien jaf bl-eżistenza tat-trade mark preċedenti u ppreżenta applikazzjoni għal trade mark Komunitarja minkejja dan huwa indizju tal-“intenzjoni [tiegħu] li jikkawża ostakolu” u tal-mala fide tiegħu. Il-fatt li huwa assuma li dawn it-trade marks setgħu jiġu kkanċellati huwa, fil-fehma tiegħu, irrilevanti u jikkostitwixxi sempliċi pretest, peress li fid-data tal-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, l-imsemmi proprjetarju kien għadu ma ressaqx talba għal revoka la tat-trade mark Franċiża preċedenti u lanqas tat-trade mark internazzjonali preċedenti.

21      Il-Bord tal-Appell sostna li l-ex proprjetarju kien jaf ukoll sew li t-trade mark SIMCA kienet tgawdi minn reputazzjoni għall-vetturi bil-mutur. Skont il-Bord tal-Appell, mill-provi kien jirriżulta li huwa kien qed ifittex isem ta’ trade mark magħrufa, u l-għan tiegħu kien li juża “b’mod parassitiku” r-reputazzjoni tat-trade marks irreġistrati tal-intervenjenti u li jikseb vantaġġ mir-reputazzjoni tajba ta’ dawn it-trade marks permezz ta’ użu illeġittimu u intenzjonat tas-sinjal Simca. Għalhekk, tali aġir għandu jitqies, fil-fehma tiegħu, li jaqa’ taħt mala fide.

22      Konsegwentement, il-Bord tal-Appell iddeċieda li l-fatt li l-ex proprjetarju kien jikkummerċjalizza roti bit-trade mark Simca minn Diċembru 2008 kien mingħajr importanza, peress li tali kummerċjalizzazzjoni ma kinitx tikkostitwixxi ġustifikazzjoni għar-reġistrazzjoni tat-trade mark ikkontestata.

 It-talbiet tal-partijiet

23      Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

–        tikkundanna lill-UASI għall-ispejjeż, inklużi l-“ispejjeż ta’ rappreżentanza”.

24      L-UASI u l-intervenjenti jitolbu li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

 Id-dritt

 Fuq id-dokumenti prodotti għall-ewwel darba quddiem il-Qorti Ġenerali

25      Mill-analiżi tal-fajl tal-UASI jirriżulta li d-dokumenti li jinsabu fl-Annessi K 8, K 9 u K 10 tar-rikors ma kinux ġew prodotti lilu matul il-proċedura amministrattiva. Qabel kollox, dawn id-dokumenti jikkonsistu, fir-rigward tal-Anness K 8, f’ittra datata s-16 ta’ Marzu 2012, indirizzata mir-rikorrenti lill-intervenjenti u li tordna lil din tal-aħħar sabiex tirrinunzja għall-użu tat-trade mark verbali Ġermaniża SIMCA, irreġistrata bin-numru 302008037708 f’isem l-intervenjenti, sussegwentement, fir-rigward tal-Anness K 9, f’dikjarazzjoni ta’ rinunzja tal-intervenjenti, datata t-23 ta’ Marzu 2012 u li ssemmi l-imsemmija trade mark, kif ukoll f’ittra indirizzata mill-intervenjenti lid-Deutsches Patent- und Markenamt (Uffiċċju tal-privattivi u tat-trade marks Ġermaniż), li tinformah bir-rinunzja tagħha, u fl-aħħar nett, fir-rigward tal-Anness K 10, f’estratt mir-reġistru tat-trade marks Ġermaniż, datat is-16 ta’ Lulju 2012, li minnu jirriżulta li t-trade mark Ġermaniża msemmija iktar ’il fuq kienet ġiet ikkanċellata.

26      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li r-rikors ippreżentat quddiem il-Qorti Ġenerali huwa maħsub sabiex isir stħarriġ tal-legalità tad-deċiżjonijiet tal-Bordijiet tal-Appell, fis-sens tal-Artikolu 65 tar-Regolament Nru 207/2009, u li, fil-proċeduri kontenzjużi dwar l-annullament, il-legalità tal-att ikkontestat għandha tiġi evalwata skont il-punti ta’ fatt u ta’ liġi eżistenti fid-data li fiha ġie adottat l-att. Għaldaqstant, skont ġurisprudenza stabbilita, il-funzjoni tal-Qorti Ġenerali ma hijiex li teżamina mill-ġdid iċ-ċirkustanzi ta’ fatt fid-dawl tal-provi prodotti għall-ewwel darba quddiemha. Fil-fatt, l-ammissjoni ta’ dawn id-dokumenti tmur kontra l-Artikolu 135(4) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, li jgħid li n-noti tal-partijiet ma jistgħux ibiddlu s-suġġett tal-kawża quddiem il-Bord tal-Appell [ara sentenza tal-Qorti Ġenerali, tal-21 ta’ Marzu 2012, Frag Comercio Internacional vs UASI – Majtczak (FS), T‑227/09, punt 25, u l-ġurisprudenza ċċitata].

27      Minn dan isegwi li d-dokumenti, prodotti mir-rikorrenti għall-ewwel darba quddiem il-Qorti Ġenerali, fl-Annessi K 8, K 9 u K 10 tar-rikors, ma jistgħux jittieħdu inkunsiderazzjoni u għandhom, għaldaqstant, jiġu miċħuda.

 Fuq l-ammissibbiltà tar-riferiment globali mir-rikorrenti għall-argumenti mressqa quddiem l-UASI

28      Għal dak li jikkonċerna l-argumenti li r-rikorrenti tirreferi għalihom b’mod globali, fil-punt 67 tar-rikors, u li hija ressqet matul il-proċedimenti quddiem l-UASI, għandu jitfakkar li skont l-Artikolu 44(1) tar-Regoli tal-Proċedura, ir-rikors għandu jinkludi espożizzjoni sommarja tal-motivi invokati. Din l-indikazzjoni għandha tkun suffiċjentement ċara u preċiża sabiex tippermetti lill-konvenut jipprepara d-difiża tiegħu u lill-Qorti Ġenerali tiddeċiedi fuq ir-rikors, jekk ikun il-każ mingħajr informazzjoni oħra bħala sostenn [ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-18 ta’ Settembru 2012, Scandic Distilleries vs UASI – Bürgerbräu, Röhm & Söhne (BÜRGER), T‑460/11, punt 16, u l-ġurisprudenza ċċitata].

29      Għandu jitfakkar li, għalkemm it-test tar-rikors jista’ jiġi ssostanzjat u kkompletat, fir-rigward ta’ punti speċifiċi, permezz ta’ riferimenti għal estratti minn dokumenti li jkunu mehmuża miegħu, riferiment globali għal dokumenti oħra, anki jekk ikunu annessi mar-rikors, ma jistax jikkumpensa għall-assenza ta’ elementi essenzjali ta’ argumenti ta’ liġi li, skont id-dispożizzjoni msemmija iktar ’il fuq, għandhom ikunu jinsabu fir-rikors (ara, f’dan is-sens, is-sentenza BÜRGER, punt 28 iktar ’il fuq, punt 17 u l-ġurisprudenza ċċitata).

30      F’din il-kawża, ir-rikorrenti sempliċement sostniet, fil-punt 67 tar-rikors, li hija rreferiet “għall-argumentazzjoni kollha invokata […] quddiem l-UASI fin-nota tagħha tat-2 ta’ Awwissu 2011 u għad-dokumenti mehmuża mal-anness tagħha” u li “d-dokumenti kkonċernati [kienu] espressament iddikjarati bħala li jifformaw s-suġġett tar-rikors bħala kontenut supplimentari tar-[…] rikors”.

31      B’hekk, ir-rikorrenti la tidentifika l-punti speċifiċi tar-rikors li hija tixtieq tikkompleta b’dan ir-riferiment u lanqas l-annessi fejn huma esposti dawn l-eventwali argumenti.

32      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Qorti Ġenerali ma għandhiex għalfejn tfittex, b’mod globali, fin-nota msemmija iktar ’il fuq ippreżentata quddiem l-UASI l-argumenti li r-rikorrenti setgħet tirreferi għalihom u lanqas ma għandha teżaminahom, peress li tali argumenti huma inammissibbli. Min-naħa l-oħra, il-Qorti Ġenerali għandha teżamina dawn l-elementi ppreżentati matul il-proċedura amministrattiva quddiem l-UASI, li jirreferu għal argumenti speċifiċi u suffiċjentement konkreti mqajma fir-rikors.

 Fuq it-talba għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata

33      Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka motiv uniku, ibbażat fuq nuqqas ta’ osservanza tal-Artikolu 52 tar-Regolament Nru 207/2009. Fil-fehma tagħha, essenzjalment, il-Bord tal-Appell wettaq żball ta’ liġi meta kkonkluda li l-ex proprjetarju kien in mala fide fil-mument li huwa ppreżenta l-applikazzjoni quddiem l-UASI, intiża sabiex tiġi rreġistrata t-trade mark ikkontestata bħala trade mark Komunitarja.

34      L-UASI u l-intervenjenti jikkontestaw l-argumenti tar-rikorrenti.

35      Preliminarjament, għandu jitfakkar li l-Artikolu 52(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009 jipprovdi li l-invalidità ta’ trade mark Komunitarja għandha tiġi ddikjarata, fuq talba mressqa quddiem l-UASI jew fuq kontrotalba f’proċedimenti ta’ vjolazzjoni, f’każ li l-applikant kien in mala fide fil-mument tal-preżentazzjoni tal-applikazzjoni għal trade mark. Huwa l-applikant għal dikjarazzjoni ta’ invalidità li beħsiebu jibbaża ruħu fuq dan il-motiv li għandu jistabbilixxi ċ-ċirkustanzi li jippermettu li jiġi konkluż li l-proprjetarju ta’ trade mark Komunitarja kien in mala fide fil-mument tal-preżentazzjoni tal-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni ta’ din tal-aħħar [sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-14 ta’ Frar 2012, Peeters Landbouwmachines vs UASI – Fors MW (BIGAB), T‑33/11, punt 17].

36      Kif il-Bord tal-Appell ġustament irrileva fil-punti 34 et seq tad-deċiżjoni kkontestata, il-Qorti tal-Ġustizzja għamlet diversi preċiżjonijiet fuq il-mod kif għandu jiġi interpretat il-kunċett ta’ mala fide msemmi fl-Artikolu 52(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009 (sentenza Chocoladefabriken Lindt & Sprüngli, punt 19 iktar ’il fuq, punti 37 et seq). Hija rrilevat ukoll li l-mala fide tal-applikant, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, għandha tiġi evalwata b’mod globali, b’teħid inkunsiderazzjoni tal-fatturi kollha rilevanti għal dan il-każ, u b’mod partikolari:

–        il-fatt li l-applikant jaf jew għandu jkun jaf li terz juża, tal-inqas fi Stat Membru, sinjal identiku jew li jixxiebah għal prodott identiku jew li jixxiebah, li kapaċi jwassal għal konfużjoni mas-sinjal li għalih saret applikazzjoni għal reġistrazzjoni;

–        l-intenzjoni tal-applikant li jipprekludi lil dan it-terz milli jkompli juża tali sinjal;

–        il-livell ta’ protezzjoni li jgawdu minnha s-sinjal tat-terz u s-sinjal li għalih saret applikazzjoni għal reġistrazzjoni.

37      Fil-punti 43 u 44 tas-sentenza Chocoladefabriken Lindt & Sprüngli, punt 19 iktar ’il fuq, il-Qorti tal-Ġustizzja sostniet ukoll li l-intenzjoni li prodott jiġi prekluż milli jiġi kkummerċjalizzat tista’, f’ċerti ċirkustanzi, tikkaratterizza l-mala fide tal-applikant. Dan ikun partikolarment il-każ meta jirriżulta, iktar tard, li dan tal-aħħar ikun irreġistra sinjal bħala trade mark Komunitarja mingħajr l-intenzjoni li jużah, unikament sabiex jipprekludi d-dħul fis-suq ta’ terz.

38      Madankollu, hekk kif ġustament enfasizza l-Bord tal-Appell fil-punt 35 tad-deċiżjoni kkontestata, mir-redazzjoni tas-sentenza Chocoladefabriken Lindt & Sprüngli, punt 19 iktar ’il fuq, jirriżulta li t-tliet fatturi elenkati fil-punt 36 iktar ’il fuq huma biss eżempji fost numru ta’ elementi li jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni sabiex jiddeċiedi dwar l-eventwali mala fide ta’ applikant għal trade mark fil-mument tal-preżentazzjoni tal-applikazzjoni (sentenza BIGAB, punt 35 iktar ’il fuq, punt 20).

39      Għaldaqstant hemm lok li jiġi kkunsidrat li, fil-kuntest tal-analiżi globali mwettqa skont l-Artikolu 52(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009, tista’ wkoll tittieħed inkunsiderazzjoni l-oriġini tal-kelma jew tas-sinjal li jikkostitwixxu t-trade mark ikkontestata u l-użu preċedenti tagħha fil-qasam tan-negozju bħala trade mark, b’mod partikolari minn impriżi kompetitriċi, kif ukoll il-loġika kummerċjali li ntużat fil-preżentazzjoni tal-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tat-trade mark Komunitarja li hija kkostitwita minn din il-kelma jew minn dan is-sinjal.

40      F’din il-kawża, minn dan isegwi, preliminarjament, li għandhom jiġu miċħuda l-allegazzjonijiet tar-rikorrenti li permezz tagħhom hija tikkritika l-Bord tal-Appell li ħa inkunsiderazzjoni “indizju ġdid ta’ mala fide”, li ma kienx ipprovdut fil-kuntest tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja b’mod partikolari fis-sentenza Chocoladefabriken Lindt & Sprüngli, punt 19 iktar ’il fuq, jew li jkun inkonsistenti mal-kriterji msemmija fl-imsemmija sentenza. Fil-fatt, minn naħa, bħall-Bord tal-Appell, għandu jiġi enfasizzat li l-imsemmija kriterji ġurisprudenzjali huma biss eżempji. Min-naħa l-oħra, għandu jiġi kkonstatat li l-kriterji adottati mill-Bord tal-Appell fid-deċiżjoni kkontestata ma jikkontradixxux il-kriterji stabbiliti fis-sentenza msemmija iktar ’il fuq, iżda jiżdiedu ma’ dawn tal-aħħar skont il-loġika li hija pprovduta hemmhekk, li tikkonsisti fl-evalwazzjoni globali tal-fatturi kollha rilevanti tal-kawża. Għaldaqstant, il-Bord tal-Appell ġustament evalwa kemm l-oriġini tas-sinjal li jikkostitwixxi t-trade mark ikkontestata Simca kif ukoll l-użu preċedenti tiegħu fil-qasam tan-negozju bħala trade mark, b’mod partikolari minn impriżi kompetitriċi, kif ukoll il-loġika kummerċjali li ntużat fil-preżentazzjoni tal-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tat-trade mark Komunitarja li hija kkostitwita minn dan is-sinjal. Barra minn hekk, f’dan il-kuntest, xejn ma jipprekludi lill-Bord tal-Appell milli janalizza, ukoll, l-għarfien li l-proprjetarju tat-trade mark, li għaliha saret it-talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità, kellu, fid-data tal-applikazzjoni għal reġistrazzjoni, tal-eżistenza tat-trade marks preċedenti li jinkludu l-imsemmi sinjal SIMCA u l-livell ta’ reputazzjoni tagħhom.

41      F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali tirrileva, qabel kollox, li huwa paċifiku li s-sinjal SIMCA kien diġà nħoloq fi Franza fl-1934 minn produttur tal-karozzi u li vetturi koperti minn trade mark li tinkludi dan is-sinjal kienu jinbiegħu sa mis-snin 30. Din it-trade mark kienet reġgħet ġiet użata sussegwentement, fl-1978, minn Automobiles Peugeot, li użatha mad-dinja kollha, inkluż fl-Ewropa.

42      Huwa paċifiku wkoll li l-intervenjenti hija proprjetarju ta’ żewġ trade marks figurattivi li jinkludu l-kelma “simca”, waħda, Franċiża, irreġistrata bin-numru 121992 u ppreżentata fil-5 ta’ Marzu 1959 u l-oħra, internazzjonali, irreġistrata bin-numru 218957, ibbażata fuq l-imsemmija trade mark Franċiża u protetta f’ċerti Stati Membri tal-Unjoni, bħall-Ġermanja, Spanja, l-Italja, l-Ungerija, ir-Rumanija, kif ukoll fil-Benelux. Kemm it-trade mark Franċiża preċedenti kif ukoll it-trade mark internazzjonali preċedenti, għalkemm ma kinux użati matul dawn l-aħħar għaxar snin, kif inhu kkonstatat b’mod partikolari fil-punt 24 tad-deċiżjoni kkontestata, ġew madankollu mġedda u jibqgħu rreġistrati f’isem l-intervenjenti fid-data tal-applikazzjoni għal reġistrazzjoni tat-trade mark ikkontestata.

43      Barra minn hekk, għalkemm il-Bord tal-Appell iddikjara, fil-punt 23 tad-deċiżjoni kkontestata, in fine, b’mod li ma huwiex ċar ħafna li t-trade mark imsemmija iktar ’il fuq jibqgħu rreġistrati “tal-inqas fir-rigward ta’ ‘vetturi’ fil-klassi 12”, minn naħa, għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrenti ma tippreżentax quddiem il-Qorti Ġenerali allegazzjonijiet speċifiċi li jirrigwardaw il-possibbli konsegwenzi li din id-dikjarazzjoni jista’ jkollha rigward l-eżistenza ta’ mala fide tal-ex proprjetarju fir-rigward tal-applikazzjoni tiegħu għal reġistrazzjoni tat-trade mark ikkontestata għall-prodotti l-oħrajn inkwistjoni, jiġifieri l-“apparat għal lokomozzjoni fuq l-art, arja jew ilma”. Fil-fatt, ir-rikorrenti tikkontesta pjuttost ir-rilevanza tar-reġistrazzjoni tat-trade mark preċedenti bħala tali fl-evalwazzjoni tal-mala fide tal-ex proprjetarju u, sussegwentement, hija tenfasizza, bħala element li jistabbilixxi l-assenza ta’ mala fide, il-fatt li l-ex proprjetarju effettivament uża t-trade mark ikkontestata wara r-reġistrazzjoni tagħha, u dan, fl-ewwel lok, għall-kummerċjalizzazzjoni ta’ roti li jaħdmu bl-elettriku, bl-intenzjoni, sussegwentement, li juża l-imsemmija trade mark ukoll għal vetturi “ta’ niche” li jaħdmu b’mutur.

44      Min-naħa l-oħra, u fi kwalunkwe każ, għandu jiġi kkonstatat li mill-fajl amministrattiv tal-UASI jirriżulta li r-reġistrazzjoni tat-trade mark internazzjonali preżenti, li kopja tagħha hija annessa mat-talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità tal-intervenjenti u li hija bbażata fuq it-trade mark Franċiża preċedenti, telenka fost il-prodotti inklużi ż-żewġ kategoriji li jaqgħu fil-klassi 12. Barra minn hekk, għandu jitqies li, fl-assenza ta’ elementi fis-sens kuntrarju, li l-konstatazzjonijiet tal-Bord tal-Appell dwar il-mala fide tal-ex proprjetarju jikkonċernaw kemm il-parti tat-applikazzjoni tagħha għal reġistrazzjoni tat-trade mark ikkontestata li tirrigwarda l-“vetturi” kif ukoll dik li tikkonċerna “apparat għal lokomozzjoni fuq l-art, arja jew ilma”.

45      Sussegwentement, kif ikkonstata l-Bord tal-Appell fil-punt 37 tad-deċiżjoni kkontestata, moqri flimkien mal-punti 1, 27 u 28, huwa paċifiku li l-ex proprjetarju applika għar-reġistrazzjoni tat-trade mark ikkontestata biss fil-5 ta’ Diċembru 2007 u li huwa ppreżenta din l-applikazzjoni minkejja li kien jaf bl-eżistenza tat-trade marks preċedenti SIMCA tal-intervenjenti, għall-inqas bħala trade marks “storiċi”. Barra minn hekk, lanqas huwa kkontestat li l-ex proprjetarju ma talabx ir-revoka tat-trade marks Franċiżi jew internazzjonali preċedenti, peress li r-rikorrenti ssostni quddiem il-Qorti Ġenerali biss li hija stess ser tagħmel tali talbiet fil-futur. Fir-rigward ta’ ċerti riferimenti magħmula għal inizjattivi għall-invalidità diġà meħuda kontra ċerti trade marks preċedenti tal-intervenjenti, minbarra li huma jibbażaw ruħhom fuq dokumenti invokati għall-ewwel darba quddiem il-Qorti Ġenerali u, għaldaqstant, inammissibbli (ara l-punti 25 sa 27 iktar ’il fuq), għandu jiġi kkonstatat li, fi kwalunkwe każ, l-imsemmija inizjattivi jikkonċernaw biss trade mark Ġermaniża tal-intervenjenti, irreġistrata bin-numru 302008037708, u mhux it-trade marks Franċiżi jew internazzjonali preċedenti.

46      Għandu jiġi kkonstatat ukoll li, kuntrarjament għall-allegazzjonijiet tar-rikorrenti, il-Bord tal-Appell ġustament sostna fil-punt 38 tad-deċiżjoni kkontestata, b’riferiment għall-provi prodotti b’mod partikolari mill-ex proprjetarju stess, li huwa kien jaf sew li t-trade mark SIMCA kienet tgawdi minn reputazzjoni fir-rigward tal-vetturi bil-mutur. Barra minn hekk, kif jirriżulta mill-punt 25 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Bord tal-Appell qies li l-imsemmija reputazzjoni kienet ta’ livell għoli fil-passat, setgħet tonqos matul is-snin, iżda kienet għadha teżisti fid-data tal-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, u dan “b’mod partikolari mal-persuni li kellhom kuntatt mal-vetturi li kienu ġew ikkummerċjalizzati bl-isem tat-trade mark ‘SIMCA’”.

47      F’dan ir-rigward, preliminarjament, fir-rigward tal-għarfien u tal-perċezzjoni li l-ex proprjetarju kellu tat-trade mark Simca, hemm lok li jiġi rrilevat li, kif jirriżulta mill-ittra tiegħu tal-15 ta’ Ġunju 2006, indirizzata lill-impriża Indjana W. (Anness XIV tar-risposta tal-ex proprjetarju, datata s-26 ta’ Diċembru 2008, għan-nota tal-intervenjenti li tesponi l-motivi tat-talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità), dan tal-aħħar kien qed ifittex trade mark “xierqa” li ma kinitx għadha tintuża jew li ma kinitx irreġistrata u li ma kinitx, għaldaqstant protetta ġuridikament. Huwa biss wara dikjarazzjonijiet imsemmija iktar ’il fuq li l-ex proprjetarju applika għar-reġistrazzjoni tat-trade mark ikkontestata, li tinkludi, kif inhu, l-element verbali tat-trade marks figurattivi preċedenti. Bl-istess mod, minn ittra tal-ex proprjetarju, datata l-5 ta’ Settembru 2007 u indirizzata lill-imsemmija impriża Indjana, jirriżulta li huwa kien jaf b’reġistrazzjoni preċedenti tat-trade mark SIMCA‑1100 City‑Laster fil-Ġermanja, fis-seħħ mill-1983, kif ukoll bis-suċċess tal-vetturi sportivi ta’ trade mark SIMCA fit-tiġrijiet tal-karozzi fis-snin 70.

48      Sussegwentement, mill-ittra tal-ex proprjetarju datata s-17 ta’ Marzu 2008, indirizzata lil S., Kap Eżekuttiv tal-intervenjenti jirriżulta li, għalkemm kienet redatta wara l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni tat-trade mark ikkontestata, tipprovdi elementi li jippermettu li jiġu dedotti r-raġunijiet li wasslu l-ex proprjetarju li jippreżenta l-imsemmija applikazzjoni, li dan tal-aħħar kellu pjan li jżomm it-trade mark “meraviljuża” SIMCA għall-futur. F’din l-istess ittra, l-ex proprjetarju rrefera wkoll għall-“istorja straordinarja tat-trade mark SIMCA”. Dawn id-dikjarazzjonijiet għandhom jinqraw flimkien mal-parti introduttiva tal-imsemmija ittra, li fiha l-ex proprjetarju jenfasizza l-għarfien tiegħu tas-settur tal-karozzi u tal-affinitajiet speċifiċi u kostanti tiegħu fir-rigward tal-karozzi Franċiżi, b’mod partikolari tat-trade mark Peugeot jew Citroën. F’dan l-istess kuntest, l-ex proprjetarju semma b’mod espliċitu li għamel riċerki kemm fuq l-internet kif ukoll mal-UASI sabiex isir jaf jekk l-imsemmija trade mark SIMCA kinitx għadha rreġistrata.

49      B’teħid inkunsiderazzjoni wkoll tad-dikjarazzjoni tal-ex proprjetarju, magħmula f’din l-istess ittra, li tipprovdi li huwa kien xtara, “f’Jannar 2008, fi Franza, karozza SIMCA Aronde 9 li kienet tissieħeb b’mod ideali mat-trade mark [Komunitarja] li għaliha [huwa] kien ippreżenta applikazzjoni għal reġistrazzjoni” xahar qabel, għandu jiġi konkluż li l-Bord tal-Appell ġustament qies li l-imsemmi proprjetarju “kien jaf sew li t-trade mark SIMCA kienet tgawdi minn reputazzjoni fir-rigward tal-vetturi bil-mutur”. Fil-fatt, l-elementi msemmija iktar ’il fuq jippermettu lill-Qorti Ġenerali li tikkonstata li, f’għajnejn l-ex proprjetarju, it-trade mark inkwistjoni kienet ikkunsidrata, għall-inqas, bħala li għad għandha ċerta reputazzjoni residwa, u dan jispjega, barra minn hekk, l-interess tiegħu għal din it-trade mark fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-każ, kif ukoll l-intenzjoni tiegħu li jissalvagwardaha għall-ġenerazzjonijiet futuri.

50      Din il-konstatazzjoni hija kkorroborata mill-allegazzjoni tar-rikorrenti magħmula fir-rikors, li tgħid li kien “għarfien komuni li t-trade mark SIMCA ma kinitx għadha tintuża mill-[intervenjenti] għal għexieren ta’ snin”. Fil-fatt, tali dikjarazzjoni tippresupponi li l-eżistenza stess tat-trade mark SIMCA, bħala trade mark “storika”, kien fatt magħruf sew, tal-inqas min-naħa tal-pubbliku kkonċernat li huwa kkostitwit minn persuni li kienu jafu b’vetturi kkummerċjalizzati b’din it-trade mark fil-passat.

51      Dawn l-iżviluppi ma jistgħux jiġu vvizzjati mir-riferiment tar-rikorrenti għall-kontenut tal-ittra prekontenzjuża tagħha datata t-2 ta’ Awwissu 2011 u indirizzata lill-UASI, li fiha huwa ddikjarat li anki l-pubbliku espert ma għadux jiftakar it-trade mark SIMCA. F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-elementi ppreżentati insostenn ta’ din id-dikjarazzjoni, fl-anness tal-imsemmija ittra, jikkonsistu, b’mod partikolari, f’estratti ta’ paġni tal-internet ta’ ċerti bejjiegħa ta’ vetturi bil-mutur, b’mod partikolari fis-suq tal-vetturi użati.

52      Madankollu, sa fejn huwa possibbli li jinsiltu ċerti konklużjonijiet mill-estratti tal-paġni tal-internet imsemmija iktar ’il fuq, dawn ma jurux, l-iktar, li l-fatt li ċerti bejjiegħa ma għadhomx joffru iktar għall-bejgħ vetturi tat-trade mark SIMCA fuq is-suq tal-vetturi użati. Għalhekk, fl-assenza ta’ provi oħra li jikkorroboraw, bħal stħarriġ mal-pubbliku rilevanti, ma jistax jiġi eskluż li, kif isostni l-Bord tal-Appell fil-punt 25 tad-deċiżjoni kkontestata, billi jsir riferiment fil-punt 5 tagħha, għall-provi li jirrigwardaw “l-istorja” tat-trade mark SIMCA, reputazzjoni residwa setgħet tibqa’, b’mod partikolari fil-parti tal-pubbliku rilevanti kif iddefinit mill-Bord tal-Appell (ara l-punti 46 sa 50 iktar ’il fuq).

53      Barra minn hekk, għandu jingħad ukoll, minbarra l-artiklu f’magazin Ġermaniż, datat Diċembru 1989 u li jirrigwarda l-istorja tal-karozzi prodotti bit-trade mark SIMCA 1000, dokument li rreferiet għalih l-intervenjenti fil-proċedura amministrattiva quddiem l-UASI, b’mod partikolari fl-ittra tagħha tad-29 ta’ Marzu 2010 u li hija msemmija fil-punt 5 tad-deċiżjoni kkontestata, il-konklużjoni li kienet teżisti, fid-data rilevanti tal-preżentazzjoni tal-applikazzjoni għal reġistrazzjoni tat-trade mark ikkontestata, ċerta reputazzjoni residwa tat-trade marks preċedenti SIMCA tal-intervenjenti hija kkorroborata bir-riferiment tal-ex proprjetarju, fl-ittra tiegħu prekontenzjuża datata s-26 ta’ Diċembru 2008 u indirizzata lill-UASI, għall-estratt ta’ paġna ta’ internet li jirrigwarda l-espożizzjoni ta’ vetturi Franċiżi Francemobile. Fil-fatt, sa fejn anki l-organizzatur tal-imsemmija espożizzjoni juri fuq is-sit tiegħu ta’ reklamar, fost il-logos differenti ta’ produtturi ta’ vetturi esposti, dak tat-trade mark SIMCA, dan l-estratt jista’ jitqies li huwa indizju addizzjonali li jirrigwarda r-reputazzjoni tagħha, irrispettivament mill-kwistjoni dwar jekk dan il-logo kienx jikkorrispondi preċiżament għal dak irreġistrat għall-intervenjenti.

54      Barra minn hekk, kuntrarjament għal dak li tallega r-rikorrenti, il-Bord tal-Appell lanqas wettaq żball ta’ liġi billi ħa inkunsiderazzjoni, fil-kuntest tal-evalwazzjoni globali tiegħu ta’ indizji li juru l-mala fide tal-ex proprjetarju, fatti li jirrigwardaw l-intenzjonijiet tiegħu u l-għanijiet tiegħu fid-data tal-preżentazzjoni tal-applikazzjoni għal reġistrazzjoni. F’dan ir-rigward, huwa ma jistax jiġi kkritikat li analizza elementi “soġġettivi tal-motivazzjoni intrinsika” tal-azzjoni tal-ex proprjetarju, b’mod partikolari fid-dawl tal-ittri tiegħu indirizzati lis-sieħba kummerċjali u, wara l-preżentazzjoni tal-applikazzjoni tiegħu għal reġistrazzjoni, ukoll lill-intervenjenti, b’risposta għall-ittri ta’ din tal-aħħar.

55      Fil-fatt, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li mis-sentenza Chocoladefabriken Lindt & Sprüngli, punt 19 iktar ’il fuq (punti 38 sa 42) jirriżulta li, sabiex tiġi evalwata l-eżistenza tal-mala fide tal-applikant fil-mument tal-preżentazzjoni tal-applikazzjoni għal reġistrazzjoni ta’ sinjal, kien neċessarju, barra minn hekk, li tittieħed inkunsiderazzjoni l-“intenzjoni” tiegħu li jimpedixxi terz milli jkompli jużah, il-Qorti tal-Ġustizzja osservat li l-imsemmija intenzjoni kienet element suġġettiv li kellu jiġi ddeterminat b’riferiment għaċ-ċirkustanzi oġġettivi tal-każ ineżami.

56      Fid-dawl li ntqal preċedentement, hemm lok li jiġi kkunsidrat li l-Bord tal-Appell seta’ jiddeduċi, ġustament, miċ-ċirkustanzi partikolari tal-każ ineżami li l-ex proprjetarju kellu l-intenzjoni, fir-realtà, permezz tal-applikazzjoni tiegħu għal reġistrazzjoni ta’ trade mark Komunitarja li juża b’mod parassitiku r-reputazzjoni tat-trade marks irreġistrati mill-intervenjenti u li jikseb vantaġġ minnha.

57      Ċertament, kif issostni r-rikorrenti u kif enfasizzat, inizjalment, id-Diviżjoni ta’ Kanċellazzjoni, mill-premessa 10 tar-Regolament Nru 207/2009 jirriżulta li ma hemm ebda ġustifikazzjoni għall-protezzjoni ta’ trade marks Komunitarji jew, għall-protezzjoni favur trade mark li tkun ġiet irreġistrata qabel trade mark Komunitarja, ħlief fejn it-trade marks ikunu fil-fatt qed jintużaw.

58      B’istess mod, minn naħa, ir-rikorrenti tirreferi għall-Ewwel Direttiva tal-Kunsill Nru 89/104/KEE, tal-21 ta’ Diċembru 1988, biex jiġu approssimati l-liġijiet tal-Istati Membri dwar it-trade marks (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 92), b’mod iktar speċifiku għall-Artikolu 12 tagħha, li jistabbilixxi r-“Raġunijiet għar-[revoka]”, moqri flimkien mal-Artikolu 1 tal-imsemmija direttiva, li japplika, “għat-trade marks […] li kienu s-suġġett ta’ reġistrazzjoni jew ta’ applikazzjoni għal reġistrazzjoni fi Stat Membru jew mal-Uffiċċju tat-Trade mark tal-Benelux jew li kienu s-suġġett ta’ reġistrazzjoni internazzjonali li tipproduċi l-effetti tagħha fi Stat Membru”. Min-naħa l-oħra, hija tirreferi għall-Artikolu L‑714.5 tal-Kodiċi tal-Proprjetà Intellettwali Franċiża u għall-Artikoli 25 u 49 tal-Gesetz über den Schutz von Marken und sonstigen Kennzeichen (Markengesetz, Liġi Ġermaniża dwar il-protezzjoni tat-trade mark u sinjali oħrajn), tal-25 ta’ Ottubru 1994 (BGBl. 1994 I, p. 3082, BGBl. 1995 I, p. 156, u BGBl. 1996 I, p. 682), peress li dawn id-dispożizzjonijiet jipprovdu, essenzjalment, huma wkoll, fil-livell nazzjonali, taħt liema kundizzjonijiet ir-revoka tad-drittijiet fuq it-trade marks tista’ tiġi kkonstatata fl-assenza ta’ użu ġenwin, b’mod partikolari wara azzjoni ġudizzjarja mressqa minn persuna kkonċernata.

59      F’din il-kawża, għandu jiġi kkonstatat li ma kienx biss il-fatt, imfakkar fil-punt 37 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-ex proprjetarju kien applika għar-reġistrazzjoni tat-trade mark ikkontestata minkejja li kien jaf bit-trade marks preċedenti, u dan mingħajr ma, qabel, talab revoka, kontrihom, li kien ġie deċiż rilevanti, mill-Bord tal-Appell, sabiex jiddeċiedi fuq l-eżistenza tal-mala fide tiegħu.

60      Fil-fatt, kif jirriżulta mill-punt 38 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Bord tal-Appell ħa inkunsiderazzjoni b’mod partikolari l-għan speċifiku tal-ex proprjetarju li “juża, b’mod parassitiku, il-valur tat-trade marks irreġistrati magħrufa tal-[intervenjenti] u jikseb vantaġġi mir-reputazzjoni tajba [tagħhom] permezz ta’ użu illeġittimu u intenzjonat tas-sinjal SIMCA”. Dan l-approċċ ma jikkostitwixxix żball ta’ liġi, peress li, kif jirriżulta mis-sentenza Chocoladefabriken Lindt & Sprüngli, punt 19 iktar ’il fuq, il-mala fide tal-applikant, fis-sens tal-Artikolu 52(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009, għandha tiġi evalwata b’mod globali, filwaqt li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-fatturi kollha rilevanti tal-każ ineżami. L-ewwel nett, kif diġà tfakkar (ara l-punt 39 iktar ’il fuq), jifformaw parti minn dawn il-fatturi l-oriġini tal-kelma jew tas-sinjal li jikkostitwixxu t-trade mark ikkontestata u l-użu preċedenti tagħha fil-qasam tan-negozju bħala trade mark, b’mod partikolari minn impriżi kompetitriċi, jiġifieri, f’din il-kawża, iċ-ċirkustanzi mhux ikkontestati li jiżvelaw użu ġenwin, għall-inqas “storiku”, ta’ trade marks li jinkludu s-sinjal SIMCA mill-intervenjenti jew minn impriża li tifforma parti mill-grupp tagħha, qabel l-użu tal-imsemmi sinjal mill-ex proprjetarju fil-kuntest tat-trade mark ikkontestata.

61      It-tieni nett, il-Bord tal-Appell seta’, ġustament, jirreferi għal-loġika kummerċjali li ntużat fil-preżentazzjoni tal-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tas-sinjal bħala trade mark kummerċjali mill-ex proprjetarju, b’teħid inkunsiderazzjoni tal-fatt li dan tal-aħħar irrefera espliċitament, quddiem is-sieħba kummerċjali tiegħu, għal loġika li tirrigwarda l-intenzjoni li tiġi użata trade mark adattata għall-prodotti msemmija mir-reġistrazzjoni, irrispettivament jekk hijiex trade mark li ma hijiex irreġistrata jew trade mark li, għalkemm irreġistrata, kienet tilfet kull protezzjoni ġuridika, b’mod partikolari minħabba l-assenza ta’ użu ġenwin mill-proprjetarju tagħha (ara l-punti 45 et seq iktar ’il fuq). Barra minn hekk, ir-rikorrenti tenfasizza din l-istess motivazzjoni fil-punt 41 tar-rikors, billi tenfasizza li kien preċiżament il-fatt li t-trade marks preċedenti ma kinux għadhom użati għal ħafna żmien li seta jitqies li huwa “raġuni li ħeġġet [l-ex proprjetarju], informat b’dan il-fatt, li jippreżenta applikazzjoni għal trade mark sabiex jużaha favurih”.

62      F’dawn iċ-ċirkustanzi, u sa fejn ma huwiex stabbilit li l-ex proprjetarju kien ikkummerċjalizza, anki qabel il-preżentazzjoni tal-applikazzjoni għal reġistrazzjoni tat-trade mark ikkontestata, prodotti fuq is-suq rilevanti bl-imsemmija trade mark, ma huwiex possibbli li tiġi pperċepita loġika kummerċjali oħra, indipendenti minn dik li tagħti vantaġġ lir-riferiment għall-intervenjenti jew għall-impriżi li jaqgħu taħt il-grupp tagħha. B’mod partikolari, ir-rikorrenti ma tistax tallega li l-ex proprjetarju kellu l-intenzjoni, permezz tal-imsemmija applikazzjoni, li jipprekludi impriżi terzi milli jużaw it-trade mark tiegħu mingħajr l-awtorizzazzjoni tiegħu, billi joħloq mal-klijenti l-illużjoni ta’ distributur tal-istess prodotti bħal dawk tal-ex proprjetarju, jew li huwa kellu l-intenzjoni sempliċement li jestendi l-protezzjoni tat-trade mark ikkontestata billi jirreġistraha.

63      F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-rikorrenti ma tistax tibbaża ruħha fuq il-fatt biss li t-trade marks preċedenti ma kinux għadhom jintużaw sabiex tiġi miċħuda l-konstatazzjoni tal-mala fide tal-ex proprjetarju fid-data ta’ reġistrazzjoni. Fil-fatt, kif kien ġie kkonstatat, l-elementi tal-kawża jistabbilixxu li r-reġistrazzjoni tas-sinjal ikkontestat kienet ġiet deliberatament mitluba sabiex toħloq assoċjazzjoni mat-trade marks preċedenti u sabiex tgawdi mir-reputazzjoni tagħhom fuq is-suq tal-karozzi, jew anki sabiex tikkompeti magħhom fil-każ li huma jerġgħu jintużaw mill-intervenjenti fil-futur. F’dan ir-rigward, ma huwiex l-ex proprjetarju li għandu jevalwa l-intenzjonijiet kummerċjali tal-intervenjenti bħala proprjetarju tat-trade marks preċedenti, imġedda regolarment, u lanqas li jikkonkludi, fl-assenza ta’ talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità li tinkludi lil dawn tal-aħħar, li l-intervenjenti “ma kellhiex il-kwalità ta’ proprjetarju li jixirqilha protezzjoni”. Barra minn hekk, mingħajr ma jkun neċessarju li tiġi evalwata l-veraċità tal-allegazzjoni tal-UASI ppreżentata quddiem il-Qorti Ġenerali, li tipprovdi li kien komuni fuq is-suq tal-karozzi li trade marks li ma kinux użati għal żmien twil ħafna jerġgħu jiġu użati, bħala edizzjonijiet limitati, għal min iħobb il-karozzi, għandu jiġi kkonstatat li mill-artiklu ppubblikat fit-2 ta’ Settembru 2008 f’gazzetta, riprodott mis-sit tal-internet Autohaus online, li estratt tiegħu huwa mehmuż mal-ittra tal-ex proprjetarju datata s-26 ta’ Diċembru 2008 u indirizzata lill-UASI jirriżulta li dan tal-aħħar sar jaf, mhux iktar tard minn din id-data u mingħajr ma dan kellu konsegwenza li huwa jirrinunzja għat-trade mark ikkontestata, bil-fatt li l-intervenjenti kellha l-intenzjoni li tuża mill-ġdid trade marks “bħal Talbot”, b’mod partikolari għal vetturi irħas, billi jsegwi, skont l-artiklu, fuq dan il-punt, lill-impriża Renault li kienet reġgħet użat it-trade mark tagħha Dacia. F’dawn iċ-ċirkustanzi, intenzjoni futura tal-intervenjenti intiża li tuża mill-ġdid ukoll it-trade mark tagħha SIMCA ma tistax tiġi eskluża.

64      Dawn il-konklużjonijiet ma jistgħux jiġu vvizzjati mid-diversi allegazzjonijiet tar-rikorrenti, li jirrigwardaw il-“preskrizzjoni akkwiżittiva fid-dritt ta’ trade marks”.

65      Kif jirriżulta mill-allegazzjonijiet tar-rikorrenti, din tal-aħħar tikkontesta li jista’ jeżisti prinċipju legali li jgħid li trade mark, li tkun diġà rreġistrata, iżda li jkun wasal “it-tmiem tal-perijodu ta’ protezzjoni” tagħha, ma tistax tiġi rreġistrata mill-ġdid f’isem terz li ma kienx il-proprjetarju oriġinali tagħha. Ir-rikorrenti tirreferi, f’dan ir-rigward, għall-Artikolu 19 u għall-premessa 11 tar-Regolament Nru 207/2009.

66      Jeħtieġ li jiġi kkonstatat li l-kwistjoni li tqum fil-każ ineżami ma hijiex limitata għall-kwistjoni msemmija iktar ’il fuq, iżda kif diġà ġie enfasizzat, il-Bord tal-Appell ħa inkunsiderazzjoni, sabiex jiddeċiedi fuq il-mala fide tal-ex proprjetarju, ukoll fatti li jirrigwardaw ir-reputazzjoni residwa tat-trade marks preċedenti u l-loġika kummerċjali li ntużat fil-preżentazzjoni tal-applikazzjoni għal reġistrazzjoni tat-trade mark ikkontestata, peress li l-ex proprjetarju ried jikseb vantaġġ, b’dan il-mod, mill-imsemmija trade marks. Għaldaqstant, kuntrarjament għall-evalwazzjoni tar-rikorrenti, li tirriżulta minn qari żbaljat tad-deċiżjoni kkontestata, il-Bord tal-Appell ma pproponiex li jiġi adottat il-prinċipju msemmi fil-punt preċedenti. Għalhekk, ir-riferimenti tar-rikorrenti għall-premessa 11 u għall-Artikolu 19 tar-Regolament Nru 270/2009 huma ineffettivi, peress li ma għandhom ebda rabta konkreta mal-element deċiżiv li wassal lill-Bord tal-Appell li jiddeċiedi li l-aġir tal-ex proprjetarju kien kostituttiv ta’ mala fide, jiġifieri li huwa kellu l-intenzjoni li jikseb vantaġġ mir-reputazzjoni residwa tat-trade marks preċedenti.

67      Fir-rigward tad-diversi allegazzjonijiet tar-rikorrenti li jipprovdu li l-bidu ta’ azzjoni kontra trade marks preċedenti li jistgħu jiġu kkontestati, li jistgħu jiġu ddikjarati invalidi, ma kinitx kundizzjoni tal-konfutazzjoni tal-preżunzjoni ta’ mala fide, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li l-Bord tal-Appell ma applikax tali kundizzjoni, iżda, kif diġà ġie kkonstatat, li huwa analizza globalment l-elementi kollha rilevanti f’din il-kawża (ara, b’mod partikolari, il-punti 37 sa 39 tad-deċiżjoni kkontestata, moqrija flimkien mal-punt 25 tagħha).

68      Sussegwentement, fir-rigward tal-allegazzjonijiet tar-rikorrenti li jipprovdu li, anki jekk it-trade marks preċedenti ma setgħux jiġu ddikjarati invalidi, huma jipproteġu “biss elementi figurattivi jew l-abbinament ta’ elementi figurattivi u verbali filwaqt li t-trade mark kontenzjuża [kienet] trade mark purament verbali li l-qasam ta’ protezzjoni tagħha [kien] differenti”, ir-rikorrenti ssostni għalhekk li l-“oqsma ta’ protezzjoni” ta’ dawn it-trade marks kienu differenti, jeħtieġ li jiġi rrilevat li mir-raġunament tal-Bord tal-Appell fid-deċiżjoni kkontestata, b’mod partikolari fil-punti 25, 27 u 28 tagħha, jirriżulta li huwa qies li r-reputazzjoni residwa tat-trade marks preċedenti kienet tirrigwarda, b’mod partikolari, l-kelma “simca”, l-element verbali uniku tal-imsemmija trade marks figurattivi, inkluż, kif inhu, fit-trade mark ikkontestata. Bl-istess mod, mir-raġunament tal-Bord tal-Appell jirriżulta li huwa ddeċieda li t-trade mark Komunitarja tal-ex proprjetarju kienet ispirata minn trade marks preċedenti, sabiex tintuża b’mod parassitiku r-reputazzjoni tagħhom u sabiex jinkiseb vantaġġ minnhom permezz ta’ użu illeġittimu tas-sinjal Simca. Barra minn hekk, minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li ma hemm xejn li jipprekludi li tiġi vverifikata l-eżistenza ta’ xebh bejn trade mark verbali u trade mark figurattiva, peress li dawn iż-żewġ tipi ta’ trade marks għandhom konfigurazzjoni grafika li tista’ toħloq impressjoni viżiva [ara s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-23 ta’ April 2013, Apollo Tyres vs UASI – Endurance Technologies (ENDURACE), T‑109/11, punt 60, u l-ġurisprudenza ċċitata].

69      F’dawn iċ-ċirkustanzi u sa fejn l-ex proprjetarju ma kienx issuġġerixxa quddiem l-UASI, argumenti konkreti insostenn, li t-trade marks kunfliġġenti huma differenti sal-punt li ma joħolqux konfużjoni, iżda rrefera biss, b’mod ġenerali, għall-fatt li t-trade marks preċedenti kienu figurattivi, għandu jiġi konkluż li l-Bord tal-Appell ma kellux neċessarjament l-obbligu li jispjega iktar fid-dettall l-evalwazzjoni tiegħu tax-xebh bejn l-imsemmija trade marks, peress li l-imsemmi Bord spjega, barra minn hekk, b’mod suffiċjenti l-kunsiderazzjonijiet tiegħu msemmija iktar ’il fuq, li jirrigwardaw l-eżistenza ta’ reputazzjoni residwa tal-element verbali li dawn it-trade marks għandhom komuni.

70      Fir-rigward tal-allegazzjoni tar-rikorrenti li tirrigwarda l-fatt li l-“offerta ta’ kumpens” li kienet saret mill-ex proprjetarju lill-intervenjenti ma tistax, skont il-ġurisprudenza [sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-1 ta’ Frar 2012, Carrols vs UASI – Gambettola (Pollo Tropical CHICKEN ON THE GRILL), T‑291/09, titqies li hija indizju ta’ mala fide, u l-allegazzjoni tagħha li tgħid li la l-ex proprjetarju u lanqas hija stess ma kienu “avviċinaw [l-intervenjenti] sabiex jiksbu l-attenzjoni tagħha fuq [it-trade mark Komunitarja inkwistjoni] jew sabiex jiksbu vantaġġ pekunarju”, għandu jiġi enfasizzat li, kif irrilevat ir-rikorrenti stess fir-rikors, għalkemm il-Bord tal-Appell fakkar fil-parti tad-deċiżjoni kkontestata intitolata “fatti mhux ikkontestati” ċerti elementi meqjusa “ta’ importanza deċiżiva għall-evalwazzjoni tal-fatti”, madankollu, hija ma inkludiethomx kollha fil-parti li tirrigwarda l-eżistenza tal-mala fide. B’mod partikolari, għandu jiġi kkonstatat li l-Bord tal-Appell ma silitx konsegwenzi speċifiċi f’dan ir-rigward mill-konstatazzjoni tiegħu magħmula fil-punt 31 tad-deċiżjoni kkontestata u li tirrigwarda l-“offerta ta’ kumpens”, fil-kuntest li fih l-ex proprjetarju ddikjara li huwa lest, taħt ċerti kundizzjonijiet, li jirrinunzja għat-trade mark ikkontestata.

71      Għaldaqstant, l-allegazzjoni msemmija iktar ’il fuq, li tipprovdi li l-offerta ta’ tranżazzjoni li tirrigwarda l-proposta ta’ rinunzja għal trade mark permezz ta’ kumpens, ma tikkostitwixxix indizju suffiċjenti tal-mala fide hija, fiċ-ċirkustanzi tal-kawża, ineffettiva u ma tistax ikollha effett fuq il-legalità tad-deċiżjoni kkontestata.

72      Għandu jingħad ukoll, għall-finijiet ta’ kompletezza, li, filwaqt li fil-kuntest tal-kawża li tat lok għas-sentenza Pollo Tropical CHICKEN ON THE GRILL, punt 70 iktar ’il fuq (punti 61 u 62), il-Qorti Ġenerali kienet ikkonstatat li l-parti li qed titlob id-dikjarazzjoni ta’ invalidità ta’ trade mark Komunitarju ma pproduċietx provi li jippermettu li jiġi preżunt li l-proprjetarju tagħha ma setax jinjora l-eżistenza ta’ trade marks preċedenti li fuqhom kienet ibbażata l-allegazzjoni ta’ mala fide tiegħu, f’din il-kawża, bil-kontra, huwa paċifiku li l-ex proprjetarju kien, diġà fid-data tal-preżentazzjoni tat-trade mark ikkontestata, jaf bl-eżistenza tat-trade marks preċedenti SIMCA tal-intervenjenti u tal-użu preċedenti tagħhom fis-snin 70. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-proposta ta’ rinunzja għat-trade mark Komunitarja fil-każ ta’ kumpens għandha portata differenti minn dik magħmula fil-kawża li tat lok għas-sentenza Pollo Tropical CHICKEN ON THE GRILL, punt 70 iktar ’il fuq, b’mod partikolari minħabba l-fatt li l-ex proprjetarju seta’, mill-preżentazzjoni tal-applikazzjoni tiegħu għal reġistrazzjoni, jistenna, b’mod mhux purament ipotetiku, li jirċievi proposta ta’ kumpens finanzjarju min-naħa tal-intervenjenti.

73      Fl-aħħar nett, jeħtieġ li l-allegazzjonijiet speċifiċi l-oħra tar-rikorrenti jiġu miċħuda, peress li l-ebda waħda minnhom ma tippermetti li jiġu vvizzjati l-konklużjonijiet imsemmija iktar ’il fuq.

74      Fl-ewwel lok, is-sempliċi fatt li l-ex proprjetarju kien realment ikkummerċjalizza, bit-trade mark Simca, roti li jaħdmu bl-elettriku, “tal-inqas […] mill-2008”, li għandu jitqies ipprovat, ma setax jitqies li huwa rilevanti, inkwantu, kif jirriżulta mill-punti 37 sa 40 tad-deċiżjoni kkontestata, il-konklużjoni tal-Bord tal-Appell li tirrigwarda l-eżistenza tal-mala fide tal-ex proprjetarju ma kinitx tibbaża ruħha fuq l-assenza ta’ interess reali li jiġu kkummerċjalizzati l-prodotti msemmija mill-imsemmija trade mark, iżda pjuttost fuq l-intenzjonijiet tiegħu ta’ użu parassitiku tar-reputazzjoni ta’ trade mark irreġistrata f’isem ħaddieħor u magħrufa fuq is-suq rilevanti.

75      Fit-tieni lok, fir-rigward tar-riferimenti differenti tar-rikorrenti għall-proċeduri amministrattivi u ġudizzjarji fil-Ġermanja, għandu jiġi kkonstatat li l-Bord tal-Appell ġustament qies, b’mod partikolari fil-punti 20 u 21 tad-deċiżjoni kkontestata, li s-sistema Komunitarja tat-trade mark Komunitarja kienet sistema awtonoma kkostitwita minn ġabra ta’ għanijiet u regoli li huma speċifiċi għaliha u li l-applikazzjoni tagħha hija indipendenti minn kull sistema nazzjonali [ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-11 ta’ Lulju 2007, Mülhens vs UASI – Minoronzoni (TOSCA BLU), T‑150/04, Ġabra p. II‑2353, punt 40, u l-ġurisprudenza ċċitata]. Fis-sens ta’ din is-sentenza, deċiżjoni li tkun ġejja minn awtorità nazzjonali ma tistax torbot la lid-dipartimenti tal-UASI, u lanqas lill-qorti Komunitarja.

76      Madankollu, mill-ġurisprudenza jirriżulta wkoll li la l-partijiet u lanqas il-Qorti Ġenerali stess ma huma preklużi milli jiġu ispirati, fl-interpretazzjoni tad-dritt Komunitarju, minn elementi li jirriżultaw mill-ġurisprudenza tal-Unjoni, nazzjonali jew internazzjonali [ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-12 ta’ Lulju 2006, Vitakraft-Werke Wührmann vs UASI – Johnson’s Veterinary Products (VITACOAT), T‑277/04, Ġabra p. II‑2211, punti 69 sa 71].

77      Madankollu, f’din il-kawża, minbarra r-rilevanza tad-dikjarazzjoni tal-Bord tal-Appell magħmula fil-punt 21 tad-deċiżjoni kkontestata, li tipprovdi li huwa ma kienx jaf li dawn kienu l-provi prodotti fil-proċedura parallela fil-Ġermanja, b’tali mod li s-sentenza tal-Bundesgerichtshof ma setgħetx tikkostitwixxi preċedent, għandu jiġi kkonstatat li t-trade marks preċedenti, waħda Franċiża u l-oħra internazzjonali, protetta, b’mod partikolari, f’diversi Stati Membri tal-Unjoni, jistgħu jipproduċu effetti proċedurali differenti, minn naħa, fil-proċedura parallela li tirrigwarda t-talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità ta’ trade mark Komunitarja minħabba mala fide u li fiha l-kwistjoni tar-reputazzjoni residwa tat-trade marks preċedenti tittieħed inkunsiderazzjoni.

78      Fit-tielet lok, ir-rikorrenti ssostni li l-attività indipendenti li l-ex proprjetarju kien wettaq għal Citroën AG f’Köln u, fl-2005, għal fergħa ta’ Peugeot fi Bremen ma kellha l-ebda relazzjoni mal-applikazzjoni tiegħu għal trade mark Komunitarja. B’mod partikolari, fil-fehma tagħha, jekk l-ex proprjetarju kien kiseb informazzjoni fil-kuntest tal-attività temporanja tiegħu bħala fornitur ta’ softwer huwa ma kellux, preċiżament, bżonn ta’ riċerki supplimentari sabiex jippreżenta l-applikazzjoni għal trade mark “allegatament parassitika”.

79      F’dan ir-rigward, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat, b’mod analogu għal dak li ġie deċiż fil-punti 70 u 71 iktar ’il fuq, mill-istruttura u l-kontenut tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-Bord tal-Appell ma bbażax ruħu, sabiex jikkonstata l-eżistenza tal-mala fide tal-ex proprjetarju, fuq l-imsemmija relazzjoni ta’ kooperazzjoni li huwa kellu, fil-passat, mal-intervenjenti jew ma’ impriżi oħrajn li jaqgħu taħt il-grupp tagħha.

80      Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-allegazzjonijiet tar-rikorrenti, li jirrigwardaw il-“qosor sproporzjonat” tad-deċiżjoni kkontestata u l-allegat assenza ta’ “kwalunkwe evalwazzjoni tal-prinċipji tad-dritt tat-trade marks”, dawn għandhom jiġu miċħuda, peress li huma jirreferu għal żball ta’ evalwazzjoni fil-mertu mill-Bord tal-Appell jew għal insuffiċjenza ta’ motivazzjoni.

81      F’dan ir-rigward, l-ewwel nett, sa fejn ir-rikorrenti tirreferi għalhekk għall-evalwazzjoni fil-mertu tal-każ ineżami mill-Bord tal-Appell, il-Qorti Ġenerali kienet diġà kkonstatat, fl-iżviluppi kollha ppreżentati f’din is-sentenza, il-fondatezza tad-deċiżjoni kkontestata. F’dan il-kuntest, il-Qorti Ġenerali ħadet inkunsiderazzjoni kemm żviluppi legali ppreżentati mill-Bord tal-Appell kif ukoll “prinċipji tad-dritt tat-trade marks”.

82      It-tieni nett, jekk l-allegazzjonijiet imsemmija iktar ’il fuq għandhom jinftiehmu bħala li jirreferu għal allegata insuffiċjenza ta’ motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li, kif jirriżulta mill-kunsiderazzjonijiet esposti mill-Bord tal-Appell, kif miġbura fil-qosor fil-punti 9 sa 22 iktar’ il fuq, huwa wera, skont ġurisprudenza stabbilita, b’mod ċar u inekwivoku r-raġunament tiegħu, li għaldaqstant ippermetta lir-rikorrenti li tagħraf il-ġustifikazzjonijiet tal-miżura adottata, u sussegwentement, li tiddefendi d-drittijiet tagħha, u lill-qorti tal-Unjoni li teżerċita l-istħarriġ tagħha fuq il-legalità tal-imsemmija deċiżjoni [ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-15 ta’ Ottubru 2013, Electric Bike World vs UASI – Brunswick (LIFECYCLE), T‑379/12, punt 30, u l-ġurisprudenza ċċitata].

83      Fid-dawl ta’ dawk li ntqal preċedentement, għandu jiġi miċħud il-motiv uniku tar-rikorrenti u r-rikors kollu kemm hu.

 Fuq l-ispejjeż

84      Skont l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu.

85      Peress illi r-rikorrenti tilfet, hemm lok li din tiġi kkundannata għall-ispejjeż, skont it-talbiet tal-UASI u tal-intervenjenti.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (Il-Ħames Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      Simca Europe Ltd hija kkundannata għall-ispejjeż.

Dittrich

Schwarcz

Tomljenović

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fit-8 ta’ Mejju 2014.

Firem


* Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.