Language of document : ECLI:EU:F:2014:215

SENTENZA TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU TAL-UNJONI EWROPEA (It-Tielet Awla)

17 ta’ Settembru 2014 (*)

“Servizz pubbliku – Persunal tal-Frontex – Membru tal-persunal temporanju – Nuqqas ta’ tiġdid ta’ kuntratt għal żmien determinat – Proċedura ta’ tiġdid – Artikolu 41(2)(a) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Dritt għal smigħ – Ksur – Influwenza fuq is-sens tad-deċiżjoni”

Fil-Kawża F‑117/13,

li għandha bħala suġġett rikors ippreżentat taħt l-Artikolu 270 TFUE,

Kari Wahlström, ex membru tal-persunal temporanju tal-Aġenzija Ewropea għall-Ġestjoni ta’ Koperazzjoni Operazzjonali fil-Fruntieri Esterni tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea, residenti f’Espoo (il-Finlandja), irrappreżentat minn S. Pappas, avukat,

rikorrent,

vs

Aġenzija Ewropea għall-Ġestjoni ta’ Koperazzjoni Operazzjonali fil-Fruntieri Esterni tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea (Frontex), irrappreżentata minn S. Vuorensola u H. Caniard, bħala aġenti, assistiti minn D. Waelbroeck u A. Duron, avukati,

konvenuta,

IT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU (It-Tielet Awla),

kompost minn S. Van Raepenbusch (Relatur), President, R. Barents u K. Bradley, Imħallfin,

Reġistratur: P. Cullen, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-18 ta’ Ġunju 2014,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        Permezz ta’ rikors li wasal fir-Reġistru tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku fit‑30 ta’ Novembru 2013, K. Wahlström jitlob l-annullament tad-deċiżjoni tad‑Direttur Eżekuttiv tal-Aġenzija Ewropea għall-Ġestjoni ta’ Koperazzjoni Operazzjonali fil-Fruntieri Esterni tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea (Frontex), tad-19 ta’ Frar 2013, li ma jiġġedidx il-kuntratt tiegħu ta’ membru tal‑persunal temporanju.

 Il-kuntest ġuridiku

2        Skont l-Artikolu 17 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2007/2004, tas-26 ta’ Ottubru 2004, li jistabbilixxi Aġenzija Ewropea għall-Ġestjoni ta’ Koperazzjoni Operazzjonali fil-Fruntieri Esterni tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea (ĠU L 153M p. 136), ir-Regolamenti tal-Persunal tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem ir-“Regolamenti tal-Persunalˮ), u l-Kondizzjonijiet tal-impjieg applikabbli għall-aġenti l-oħra tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Kondizzjonijiet tal-impjiegˮ japplikaw għall-persunal tal-Frontex.

 Il-Kondizzjonijiet tal-impjieg

3        Skont l-Artikolu 2 tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg, fil-verżjoni tiegħu applikabbli għal din il-kawża:

“Għall-iskopijiet ta’ dawn il-kondizzjonijiet ta’ l-impieg, ‘persunal temporanju’ tfisser:

a)      [il-]persunal imqabbad biex jimla post li huwa nkluż fil-lista tal-postijiet imwaħħla mat-taqsima tal-budget rigward kull istituzzjoni u li l-awtoritajiet ta’ l-estimi kklassifikaw bħala temporanji;

[…]ˮ

4        Fir-rigward tat-tmiem tal-kuntratt, l-Artikolu 47 tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg, fil-verżjoni tiegħu applikabbli għal din il-kawża, jipprovdi:

“Minbarra t-tmiem mal-mewt, l-impieg tal-persunal temporanju għandu jieqaf:

[…]

b)      meta l-kuntratt ikun għal perjodu fiss:

i)      fid-data ddikjarata fil-kuntratt;

ii)      fi tmiem il-perjodu ta’ notifika speċifikat fil-kuntratt li jagħti l-ħaddiem jew lill-istituzzjoni l-għażla li jitterminaw il-kuntratt qabel. […]ˮ

 Il-proċedura ta’ tiġdid tal-kuntratti ta’ membru tal-persunal temporanju fi ħdan il-Frontex

5        Fiż-żmien tal-fatti, il-proċedura ta’ tiġdid tal-kuntratti ta’ membru tal-persunal temporanju fi ħdan il-Frontex kienet irregolata minn Linji Gwida, ikkomunikati lill-persunal tal-Frontex fis-26 ta’ Lulju 2010 permezz tan-nota amministrattiva Nru 40, li l-għan tagħha kien b’mod partikolari li tiġi żgurata l-koerenza, it‑trasparenza u l-ekwità fl-iżvolġiment tal-proċedura (iktar ’il quddiem il-“Linji Gwidaˮ). Skont il-punt 2 tal-Linji Gwida, il-proċedura ta’ tiġdid tinvolvi erba’ stadji:

–        wara li l-membru tal-persunal temporanju jkun wera l-interess tiegħu għat-tiġdid tal-kuntratt tiegħu, l-evalwatur jinkludi l-kummenti u l-proposta tiegħu dwar it-tiġdid f’formula ad hoc;

–        il-validatur jeżamina l-proposta tal-evalwatur u fuq l-istess formula jesprimi jekk jaqbilx jew le u jimmotiva din l-opinjoni; f’każ ta’ nuqqas ta’ qbil bejn l-evalwatur u l-validatur, dan tal-aħħar jesprimi bil-miktub ir-raġunijiet għan-nuqqas ta’ qbil tiegħu;

–        id-Direttur tad-Diviżjoni kkonċernata jagħmel rakkomandazzjoni fil-formula;

–        id-Direttur Eżekuttiv jieħu d-deċiżjoni finali.

6        Skont il-punt 3(a) tal-Linji Gwida:

“Jekk id-Direttur Eżekuttiv jiddeċiedi li jġedded il-kuntratt għal [ħames] snin, [id-Dipartiment tar-Riżorsi Umani] jipprepara ittra li tipproponi lil membru tal‑persunal tiġdid tal-kuntratt għal dan il-perijodu […]

Wara li jkun irċieva risposta pożittiva mingħand il-membru tal-persunal, [id‑Dipartiment tar-Riżorsi Umani] jipprepara addendum li jitlesta [xahrejn] qabel l‑iskadenza tal-kuntratt li jkun għadu għaddej, li l-membru tal-persunal jaqbel miegħu u jiffirma […]ˮ

7        Il-punt 3(ċ) tal-Linji Gwida jipprovdi:

“Jekk id-Direttur Eżekuttiv jiddeċiedi li ma jġeddidx il-kuntratt, [id-Dipartiment tar-Riżorsi Umani] jipprepara ittra li ssemmi l-argumenti mogħtija mill-evalwatur, (raġunijiet marbuta mal-interess tas-servizz, raġunijiet marbuta mal-prestazzjoni jew taħlita tat-tnejn). Din l-ittra hija ffirmata mid-Direttur Eżekuttiv u mibgħuta lill‑membru tal-persunal [tnax-il xahar] qabel l-iskadenza tal-kuntratt fis-seħħ.ˮ

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

8        Ir-rikorrent daħal fis-servizz tal-Frontex fl-1 ta’ Awwissu 2006, bħala membru tal‑persunal temporanju fis-sens tal-Artikolu 2(a) tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg, għal perijodu ta’ ħames snin li jista’ jiġġedded. Fil-bidu huwa nħatar Kap tal‑Unità tas-Servizzi Amministrattivi tal-Frontex u ġie kklassifikat fil-grad A*12, it-tieni skala.

9        Fil-bidu tal-2008, inħoloq livell ieħor ta’ pożizzjonijiet maniġerjali, magħmul minn “Diviżjonijietˮ, immexija minn “Diretturi ta’ Diviżjoniˮ bejn l-Unitajiet u d‑Direttur Eżekuttiv. Fir-Rebbiegħa tal-2008, ġiet imnedija proċedura ta’ selezzjoni għall-karigi ta’ pożizzjonijiet maniġerjali intermedji ta’ Diretturi ta’ Diviżjonijiet. Ir-rikorrent, li dak iż-żmien kien inkoraġġit sabiex jipparteċipa f’din il‑proċedura mid-Direttur Eżekuttiv, applika għall-kariga ta’ Direttur tad-Diviżjoni Amministrattiva, applikazzjoni li madankollu ma ġietx milqugħa, peress li ntgħażel is‑Sur C. sabiex jokkupa din il-kariga.

10      Wara proċedura ta’ selezzjoni interna u skont addendum għall-kuntratt tiegħu, iffirmat fit-22 ta’ Ġunju 2010, ir-rikorrent ġie assenjat, b’effett mill-1 ta’ Awwissu 2010, fil-kariga ta’ Kap tal-Uffiċċju Operazzjonali tal-Frontex f’Pireas (il-Greċja). Minn Ġunju 2010, il-funzjonijiet tiegħu ta’ Kap tal-Unità tas-Servizzi Amministrattivi ġew ittrasferiti lis-Sur C, id-Direttur tad-Diviżjoni Amministrattiva, li b’din il-kariga kien ukoll is-superjur ġerarkiku tiegħu.

11      Fir-rigward tal-evalwazzjoni tal-prestazzjonijiet professjonali tar-rikorrent, f’Novembru 2009 tlesta’ rapport ta’ evalwazzjoni għas-sena 2008. F’dan ir‑rapport, id-Direttur tad-Diviżjoni Amministrattiva, is-Sur C, superjur ġerarkiku dirett u bis-saħħa ta’ dan it-titolu evalwatur tar-rikorrent, u l-Assistent Direttur Eżekuttiv, bħala validatur, qiesu li l-prestazzjoni tar-rikorrent kienet taqa’ fil-livell III peress li, fl-opinjoni tagħhom, huwa kien “parzjalment issoddisfa l-miri fir‑rigward ta’ effiċjenza, kompetenza u kondotta fis-servizzˮ. Għall-kuntrarju, fir‑rapport ta’ evalwazzjoni sussegwenti, iffinalizzat fit-23 ta’ Ġunju 2010 għas‑sena 2009, l-istess evalwatur u validatur ikklassifikaw il-prestazzjoni tar‑rikorrent fil-livell II, peress li fl-opinjoni tagħhom, huwa kien “issodisfa b’mod komplet il-miri fir-rigward ta’ effiċjenza, kompetenza u kondotta fis-servizzˮ. Finalment, fit-23 ta’ Frar 2011, ir-rikorrent irċieva abbozz ta’ rapport ta’ evalwazzjoni li jkopri s-sena 2010, li fih, l-evalwatur u l-validatur, li kienu nbidlu u issa kienu l-Assistent Direttur Eżekuttiv u d-Direttur Eżekuttiv, ikkunsidraw li għandhom jikklassifikaw il-prestazzjoni tar-rikorrent fil-livell III.

12      Fit-28 ta’ April 2011, ir-rikorrent ressaq rikors, quddiem il-Kumitat ta’ Evalwazzjoni Konġunt, stabbilit bl-Artikolu 13 tad-Deċiżjoni tad-Direttur Eżekuttiv tal-Frontex, tas-27 ta’ Awwissu 2009, li tistabbilixxi proċedura ta’ evalwazzjoni tal-persunal, kontra l-abbozz tar-rapport ta’ evalwazzjoni li jkopri s‑sena 2010. Fit-13 ta’ Ġunju 2012, l-imsemmi Kumitat ta l-opinjoni tiegħu li fih huwa kkonkluda li, “fir-rigward tan-nuqqas li jintlaħqu l-miri stabbiliti fir-rapport u l-insuffiċjenza ta’ provi insostenn ta’ ċertu evalwazzjonijietˮ, kien meħtieġ li “jitjiebu l-imparzjalità u l-oġġettivitàˮ tar-rapport, u li “minħabba perijodi twal ta’ leave tal-mard tar-rikorrent fl-2011 u xi diffikultajiet li rriżultaw minħabba f’hekk sabiex iseħħu l-istadji kollha tal-proċedura ta’ evalwazzjoni, […] minn-naħa, […] il-proċedura applikabbli ma [kinitx] ġiet segwita, iżda, min-naħa l-oħra, li r-responsabbiltà ma [setgħetx] tiġi imposta fuq l-evalwatur u/jew il-validaturˮ.

13      Permezz ta’ messaġġ elettroniku tal-11 ta’ Lulju 2012, ir-rikorrent ġie informat li l-validatur kien iddeċieda li jikkonferma r-rapport ta’ evalwazzjoni għas-sena 2010 u li ma jagħmel l-ebda bidla fih. Ir-rikorrent ikkontesta l-imsemmi rapport quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku li, permezz ta’ sentenza tad-9 ta’ Ottubru 2013, Wahlström vs Frontex (F‑116/12, EU:F:2013:143, li hija s-suġġett ta’ appell pendenti quddiem il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea, Kawża T‑653/13 P), ċaħdet ir-rikors.

14      Barra minn hekk, fir-rigward tat-tiġdid tal-kuntratt ta’ membru tal-persunal temporanju tar-rikorrent li skont il-kuntratt kellu jintemm fil-31 ta’ Lulju 2011, id-Dipartiment tar-Riżorsi Umani, permezz ta’ messaġġ elettroniku tat-22 ta’ Lulju 2010, talab lir-rikorrent jekk kienx interessat fit-tiġdid tal-kuntratt tiegħu sabiex ikun jaf jekk għandhiex “tinbeda l-proċedura ta’ tiġdid tnax-il xahar qabelˮ, kif kienu jistipulaw il-Linji Gwida. Permezz ta’ messaġġ elettroniku tal-istess ġurnata, ir-rikorrent irrisponda fl-affermattiv, filwaqt li indika “li kien interessat iktar minn qatt qabel […] mill-missjonijiet kurrenti, iċ-ċirkustanzi u l-perspettivi tal-futur [tal-kariga], li kienu jippermettulu jservi lil Frontex filwaqt li juża t-taħriġ tiegħu bħala uffiċjal tal-gwardja tal-kosta u l-20 sena esperjenza tiegħu fil-qasam tat-tmexxija tal-fruntieriˮ. Id-Dipartiment tar-Riżorsi Umani rrisponda immedjatament lir-rikorrent, permezz ta’ risposta għall-messaġġ elettroniku, li kien ser “iniediˮ l-proċedura ta’ tiġdid tal-kuntratt u li deċiżjoni f’dan ir-rigward kienet mistennija għal tmiem ix-xahar ta’ Settembru jew il-bidu tax-xahar ta’ Ottubru 2010.

15      Matul laqgħa, fid-9 ta’ Diċembru 2010, id-Direttur Eżekuttiv, fil-kwalità tiegħu ta’ awtorità li għandha s-setgħa tikkonkludi l-kuntratti ta’ reklutaġġ tal-Frontex (iktar ’il quddiem l-“AHCCˮ), informa lir-rikorrent bl-intenzjoni tiegħu li ma jġeddidlux il-kuntratt tiegħu. L-għada, skont ir-rakkomandazzjoni tal-Assistent Direttur Eżekuttiv, li, bħala evalwatur tar-rikorrenti, fil-formula tat-tiġdid tal‑kuntratt kien enfasizza li l-prestazzjoni professjonali tar-rikorrent matul l-aħħar erba’ snin ma kinitx issodisfat il-miri, id-Direttur Eżekuttiv formalment adotta d‑deċiżjoni li ma jġeddidx il-kuntratt tar-rikorrent. Din id-deċiżjoni ġiet innotifikata lir-rikorrent fis-16 ta’ Diċembru tal-istess sena.

16      Id-deċiżjoni tal-10 ta’ Diċembru 2010 tad-Direttur Eżekuttiv tal-Frontex li ma jġeddidx il-kuntratt tar-rikorrent kienet is-suġġett ta’ proċedura amministrattiva prekontenzjuża u sussegwentement ġiet ikkontestata mir-rikorrent quddiem it‑Tribunal għas-Servizz Pubbliku, li bis-sentenza tat-30 ta’ Jannar 2013, Wahlström vs Frontex (F‑87/11, EU:F:2013:10), annulla l-imsemmija deċiżjoni minħabba ksur tal-forom proċedurali sostanzjali, peress li t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku kkonstata li l-proċedura ta’ tiġdid tal-kuntratt tar-rikorrent kienet ivvizzjata minħabba nuqqas ta’ kompetenza tal-evalwatur ikkonsultat. Wara dan l‑annullament, id-Direttur Eżekuttiv tal-Frontex, fil-kwalità tiegħu ta’ AHCC, fid‑19 ta’ Frar 2013, ħa deċiżjoni ġdida li ma jġeddidx il-kuntratt tar-rikorrenti (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestataˮ), li ġiet innotifikata lir-rikorrent fit‑22 ta’ Frar ta’ wara, bil-formula l-ġdida ta’ tiġdid tal-kuntratt tiegħu mimlija mill-evalwatur u mill-validatur.

17      Fit-23 ta’ April 2013, ir-rikorrent ressaq ilment, abbażi tal-Artikolu 90(2) tar‑Regolamenti tal-Persunal, kontra d-deċiżjoni kkontestata. Dan l-ilment ġie miċħud permezz ta’ deċiżjoni tal-AHCC tal-21 ta’ Awwissu 2013.

 It-talbiet tal-partijiet

18      Ir-rikorrent jitlob li t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jogħġbu:

–        jannulla d-deċiżjoni kkontestata;

–        jeżerċita “s-setgħa tiegħu ta’ ġurisdizzjoni sħiħa sabiex jiżgura l-effettività tad-deċiżjoni tiegħuˮ;

–        jikkundanna lill-Frontex għall-ispejjeż.

19      Frontex titlob li t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jogħġbu:

–        jiċħad ir-rikors;

–        jikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

 Id-dritt

 Fuq it-talbiet għal annullament

20      Insostenn tat-talbiet tiegħu għal annullament, ir-rikorrent iqajjem ħames motivi, ibbażati, l-ewwel wieħed, fuq ksur tad-drittijiet tad-difiża, it-tieni, fuq ksur tal‑punt 3(ċ) tal-Linji Gwida, it-tielet, fuq ksur tal-prinċipju ta’ osservanza tal‑aspettattiva leġittima, ir-raba’, fuq in-nuqqas ta’ osservanza tad-dmir ta’ premura, u l-ħames, fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni.

21      Fil-kuntest tal-ewwel motiv, ir-rikorrent jikkritika lil Frontex talli ma tagħtux dritt għal smigħ qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, li tikkostitwixxi att li jikkawża preġudizzju li jista’ jkollu konsegwenzi serji fuq is-sitwazzjoni professjonali tiegħu, peress li, filwaqt li tibbaża ruħha fuq evalwazzjoni tal‑kwalitajiet u tal-kwalifiki tiegħu, hija ma tippermettilux iżomm ir-relazzjoni ta’ impjieg tiegħu. Tali deċiżjoni għandha għalhekk tkun analizzata bħala deċiżjoni meħuda wara proċedura miftuħa fil-konfront tar-rikorrent.

22      Ir-rikorrent josserva wkoll li d-dritt għal smigħ huwa prinċipju fundamentali tad-dritt tal‑Unjoni, li huwa superjuri għal-Linji Gwida, b’tali mod li, anki jekk dawn ma jipprovdux li għandha ssir konsultazzjoni mal-membri tal-persunal ikkonċernati, dan il-fatt ma għandux ixekkel l-applikazzjoni tal-imsemmi prinċipju. Huwa biss f’każijiet partikolari ħafna, meta jirriżulta, fil-prattika, impossibbli jew inkompatibbli mal-interess tas-servizz li ssir konsultazzjoni minn qabel mal‑persuna kkonċernata, li r-rekwiżiti li jirriżultaw mill-prinċipju hawn fuq imsemmi jistgħu jiġu ssodisfatti permezz ta’ laqgħa fl-iqsar żmien possibbli wara l-adozzjoni tad-deċiżjoni li tikkawża preġudizzju. F’dan il-każ, Frontex ma kkonsultatx mar-rikorrent la qabel u l-anqas mal-ewwel okkażjoni li kellha wara l‑adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata.

23      Frontex ma tikkontestax li d-deċiżjoni kkontestata tikkawża preġudizzju lir‑rikorrent, u lanqas li r-rispett tad-drittijiet tad-difiża f’kull proċedura miftuħa fil-konfront ta’ persuna u li tista’ twassal għal att li jikkawża preġudizzju jikkostitwixxi prinċipju fundamentali tad-dritt tal-Unjoni li għandu jiġi żgurat, anki fin-nuqqas ta’ leġiżlazzjoni li tirrigwarda l-proċedura inkwistjoni. Madankollu, Frontex issostni li s-sempliċi fatt li deċiżjoni tikkostitwixxi, mill‑perspettiva proċedurali, att li jikkawża preġudizzju ma huwiex biżżejjed sabiex l-amministrazzjoni jkollha l-obbligu li tisma’ effettivament lill-membru tal‑persunal ikkonċernat qabel l-adozzjoni tal-imsemmija deċiżjoni. Hemm bżonn ukoll li l-proċedura amministrattiva li fi tmiemha ġiet adottata d-deċiżjoni li tikkawża preġudizzju tkun inbdiet fil-konfront tal-persuna kkonċernata. Issa, dan ma huwiex il-każ tal-proċedura ta’ tiġdid tal-kuntratt ta’ membru tal-persunal temporanju, li tapplika, skont l-istess regoli u kriterji ta’ evalwazzjoni, għall‑membri tal-persunal temporanju kollha li l-kuntratti tagħhom ikunu se jiskadu fil‑futur qrib u li jixtiequ speċifikament li dawn jiġġeddu. F’dawn iċ-ċirkustanzi jkun kontradittorju li jiġi ddikjarat li tali proċedura hija mibdija fil-konfront tal‑membru tal-persunal ikkonċernat.

24      Waqt is-seduta, Frontex ikkunsidrat ukoll li l-anqas l-Artikolu 41(2)(a) tal-Karta tad‑Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea ma kienx jobbligaha tisma’ lir-rikorrent dwar it-tiġdid tal-kuntratt tiegħu, peress li tali tiġdid ma setax jikkawżalu preġudizzju.

25      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, id-drittijiet tad-difiża huma imposti bħala prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni fil-proċeduri kollha mibdija fil-konfront ta’ persuna u li jistgħu jwasslu għal att li jikkawżalha preġudizzju li għandu jiġi żgurat anki fin-nuqqas ta’ kwalunkwe leġiżlazzjoni li tirrigwarda l-proċedura inkwistjoni (sentenzi Il-Belġju vs Il-Kummissjoni, 234/84, EU:C:1986:302, punt 27; Il-Ġermanja vs Il-Kummissjoni, C‑288/96, EU:C:2000:537, punt 99, u Il-Kummissjoni vs De Bry, C‑344/05 P, EU:C:2006:710, punt 37).

26      F’dan il-każ, ir-rikorrent isostni li d-deċiżjoni kkontestata ġiet meħuda wara proċedura mibdija fil-konfront tiegħu sa fejn hija tissanzjonah billi ma tippermettilux iżomm ir-relazzjoni ta’ impjieg tiegħu abbażi ta’ evalwazzjoni tal-kwalitajiet u tal-kwalifiki tiegħu. Madankollu, kif tosserva korrettament Frontex, il-proċedura ta’ tiġdid tal-kuntratti ta’ membri tal-persunal temporanju, kif irregolata mil-Linji Gwida, hija intiża speċifikament sabiex tippermetti lill-AHCC teżamina, wara li l-membri tal‑persunal ikunu wrew ix-xewqa, jekk hemmx lok li jiġġeddu l-kuntratti tagħhom li jkunu waslu sabiex jiskadu, skont regoli li jiżgurawlhom trattament ugwali, f’qasam fejn l-AHCC għandha setgħa diskrezzjonali wiesgħa. F’dawn iċ‑ċirkustanzi, ma għandux jiġi kkunsidrat li l-proċedura li wasslet għad-deċiżjoni kkontestata tkun saret fil-konfront tar-rikorrent, li għaldaqstant ma jistax, b’dan il‑mod, jipprevalixxi ruħu mid-drittijiet tad-difiża.

27      Għalkemm f’dan il-każ ma huwiex stabbilit li d-deċiżjoni kkontestata ttieħdet wara proċedura li saret fil-konfront tar-rikorrent, xorta jibqa’ l-fatt li din id-deċiżjoni taffettwa b’mod sfavorevoli s-sitwazzjoni ta’ dan tal-aħħar, peress li ċċaħħdu mill‑possibbiltà li jkompli r-relazzjoni ta’ impjieg tiegħu mal-Frontex. Issa, id-drittijiet tad-difiża, kif stabbiliti permezz tal-Artikolu 41 tal-Karta, li, skont il-qorti tal-Unjoni, huwa ta’ applikazzjoni ġenerali (sentenza L vs Il‑Parlament, T‑317/10 P, EU:T:2013:413, punt 81), ikopru, peress li huma iktar wiesgħa, id-dritt proċedurali, previst fil-paragrafu 2(a) tal-imsemmi artikolu, ta’ kull persuna għal smigħ qabel ma tiġi adottata fil-konfront tagħha miżura individwali li taffettwaha b’mod ħażin (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Franza vs People’s Mojahedin Organization of Iran, C‑27/09 P, EU:C:2011:853, punt 65; M., C‑277/11, EU:C:2012:744, punti 81 sa 83, u Il-Kummissjoni vs Kadi, C‑584/10 P, C‑593/10 P u C‑595/10 P, EU:C:2013:518, punti 98 u 99). Konsegwentement, kienet il-Frontex li kellha l-obbligu, b’applikazzjoni tal-Artikolu 41(2)(a) tal‑Karta, li tippermetti lir-rikorrent li jsostni b’mod effettiv l-osservazzjonijiet tiegħu qabel ma tadotta d-deċiżjoni kkontestata. Issa, Frontex bl-ebda mod ma tikkontesta li ma ppermettietx li r-rikorrent jinstema qabel l-adozzjoni ta’ din id-deċiżjoni.

28      Madankollu, sabiex ksur tad-dritt għal smigħ ikun jista’ jwassal għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata, huwa wkoll meħtieġ, skont ġurisprudenza stabbilita, li jiġi eżaminat jekk, fl-assenza ta’ din l-irregolarità, il-proċedura setgħetx twassal għal riżultat differenti (sentenzi G. u R., C‑383/13 PPU, EU:C:2013:533, punt 38, u l-ġurisprudenza ċċitata, u CH vs Il-Parlament, F‑129/12, EU:F:2013:203, punt 38).

29      F’dan il-każ, mill-formula l-ġdida ta’ tiġdid tal-kuntratt jirriżulta li r‑rakkomandazzjoni tal-evalwatur li ma jġeddidx il-kuntratt tar-rikorrent hija bbażat fuq il-livell tal-prestazzjonijiet professjonali tiegħu għas-sena 2009, kif evalwati fir-rapport ta’ evalwazzjoni konkluż fit-23 ta’ Ġunju 2010. Fil-fatt, dawn l-evalwazzjonijiet ġew riprodotti, essenzjalment, fil-parti l-kbira tagħhom saħansitra letteralment, fid-deċiżjoni kkontestata, peress li l-evalwatur kien enfasizza “il‑livell ta’ prestazzjoni insuffiċjenti (kompetenzi u kondotta) fl-oqsma meqjusa bħala essenzjali, ewlenin u ta’ prijorità għall-kariga inkwistjoniˮ billi enfasizza speċifikament iż-żewġ miri mhux milħuqa u msemmija fit-Taqsima B (intitolata “Miri milħuqa matul il-perijodu ta’ referenzaˮ) tar-rapport ta’ evalwazzjoni hawn fuq imsemmi. Bl-istess mod, id-diffikultajiet fir-relazzjonijiet ma’ ċerti unitajiet u l‑persistenza fit-teħid ta’ deċiżjonijiet inadegwati, enfasizzati fit-Taqsima D “Kapaċitajiet (kompetenzi u kwalifiki) matul il-perijodu ta’ referenzaˮ tal‑imsemmi rapport, ġew letteralment riprodotti fid-deċiżjoni kkontestata taħt il‑kummenti tal-evalwatur. Issa, ma huwiex ikkontestat li r-rikorrent instema’ fil‑kuntest tal-proċedura ta’ evalwazzjoni li tkopri s-sena 2009.

30      Madankollu, il-laqgħa li saret bejn ir-rikorrent u l-evalwatur fil-kuntest ta’ din il-proċedura ma tistax, minnha nnifisha, tistabbilixxi li, anki fl-assenza tal‑irregolarità proċedurali kkonstatata fil-punt 27 hawn fuq, jiġifieri anki fil-każ fejn ir-rikorrent ikun instema’ qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata u għalhekk kien f’pożizzjoni li jsostni d-difiża tiegħu quddiem ir-riskju li jitlef l‑impjieg tiegħu, il-proċedura ta’ tiġdid tal-kuntratt ma setgħetx twassal għal riżultat differenti, peress li ż-żewġ proċeduri inkwistjoni, waħda li tirrigwarda r‑redazzjoni ta’ rapport ta’ evalwazzjoni, l-oħra t-tiġdid jew le ta’ kuntratt, li ċertament għandhom għanijiet qrib xulxin, iżda xorta differenti u li jistgħu jiġu bbażati fuq kriterji ta’ evalwazzjoni differenti. B’mod partikolari, il-livell ta’ prestazzjonijiet u ta’ kompetenzi tal-membru tal-persunal ikkonċernat huwa biss wieħed mill-elementi li jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni mill-AHCC mitluba tiddeċiedi dwar it-tiġdid ta’ kuntratt.

31      Dan japplika iktar u iktar fir-rigward tal-kummenti tal-validatur, jiġifieri l‑Assistent Direttur Eżekuttiv, li ġie wkoll ikkonsultat fil-kuntest tal-proċedura l-ġdida ta’ tiġdid tal-kuntratt mibdija wara s-sentenza ta’ annullament tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku. Dawn il-kummenti kienu jirrigwardaw il-prestazzjonijiet professjonali tar-rikorrent matul is-sena 2010, li kienu diġà ġew evalwati minn dan tal-aħħar, din id-darba fil-kapaċità tiegħu ta’ evalwatur tar-rikorrent, fil‑kuntest tal-proċedura ta’ evalwazzjoni tal-2011. Issa, fis-sentenza tiegħu Wahlström vs Frontex (EU:F:2013:143, punt 38) li ddeċidiet fuq ir-rikors kontra r-rapport ta’ evalwazzjoni stabbilit fil-kuntest tal-proċedura ta’ evalwazzjoni 2011, it‑Tribunal għas-Servizz Pubbliku speċifikament ikkonstata li ma kienet inżammet l-ebda laqgħa bejn l-evalwatur u r-rikorrent fil-kuntest ta’ din il-proċedura.

32      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ma għandux jiġi eskluż li l‑konklużjoni tal-AHCC li ma ġġeddidx il-kuntratt tar-rikorrent kienet tkun differenti li kieku r-rikorrent tpoġġa f’pożizzjoni li jkun jista’ effettivament juri l‑perspettiva tiegħu fuq il-livell tal-prestazzjonijiet professjonali tiegħu kemm fl‑2009 kif ukoll fl-2010, u dan b’rabta mal-perspettiva tat-tkomplija tar-relazzjoni ta’ impjieg tiegħu mal-Frontex, u li, għaldaqstant, ir-rispett tad-dritt għal smigħ seta’ għalhekk jaffettwa l-kontenut tad-deċiżjoni kkontestata.

33      Fiċ-ċirkustanzi ta’ dan il-każ, jekk ikun iddikjarat li l-Frontex kienet tadotta deċiżjoni identika, anki wara li tkun semgħet lir-rikorrent, iwassal sabiex id-dritt fundamentali għal smigħ kif stabbilit fl-Artikolu 41(2)(a) tal‑Karta jitlef is-sustanza tiegħu, peress li l-kontenut stess ta’ dan id-dritt jimplika li l-persuna kkonċernata jkollha l-possibbiltà li tinfluwenza l-proċess deċiżjonali inkwistjoni (sentenza Marcuccio vs Il-Kummissjoni, T‑236/02, EU:T:2005:417, punt 115).

34      Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-ewwel motiv huwa fondat u li, konsegwentement, hemm lok li d-deċiżjoni kkontestata tiġi annullata mingħajr il‑bżonn li jiġu eżaminati l-motivi l-oħra.

 Fuq it-talbiet sabiex it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jeżerċita l-ġurisdizzjoni sħiħa tiegħu

35      Ir-rikorrent, wara li kkunsidra li r-rikors tiegħu, inkwantu jitlob l-annullament ta’ deċiżjoni ta’ nuqqas ta’ tiġdid tal-kuntratt ta’ membru tal-persunal temporanju, għandu konsegwenzi pekunjarji, jitlob lit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku sabiex jeżerċita l-ġurisdizzjoni sħiħa li jagħtih l-Artikolu 91(1) tar‑Regolamenti tal-Persunal billi jikkundanna lill-Frontex għal pagament ta’ ammont li huwa jidhirlu neċessarju ex æquo et bono sabiex jiżgura l-effettività tad-deċiżjoni tiegħu.

36      Frontex tikkunsidra li ma hemmx lok li t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jeżerċita l-ġurisdizzjoni sħiħa tiegħu u li tiġi kkundannata għall-ħlas tad‑danni.

37      F’dan ir-rigward, għandu jiftakkar li l-annullament ta’ att minn qorti tal-Unjoni għandu l-effett li jelimina b’mod retroattiv dan l-att mill-ordinament ġuridiku u li, meta l-att annullat ikun diġà ġie eżegwit, it-tħassir tal-effetti tiegħu jirrikjedi li terġa’ tiġi stabbilita s-sitwazzjoni ġuridika li fiha r-rikorrent kien jinsab qabel l‑adozzjoni ta’ dan l-att (sentenzi Landgren vs ETF, F‑1/05, EU:F:2006:112, punt 92, u Kalmár vs Europol, F‑83/09, EU:F:2011:66, punt 88). Barra minn hekk, skont l-Artikolu 266 TFUE, hija l-istituzzjoni li minnha joħroġ l-att annullat li għandha “[t]ieħu l-miżuri neċessarji sabiex [t]ikkonforma ruħ[ha] mas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ta’ l-Unjoni Ewropeaˮ.

38      Għandu jerġa’ jiġi enfasizzat li d-deċiżjoni kkontestata ġiet annullata għaliex ir‑rikorrent ma ġiex mismugħ b’mod effettiv mill-AHCC qabel ma ġiet adottata din id-deċiżjoni.

39      Fi kwalunkwe każ, f’dan il-kuntest ma jistax jiġi eskluż li l-AHCC tqis li tista’ tadotta mill-ġdid deċiżjoni ta’ nuqqas ta’ tiġdid tal-kuntratt ta’ membru tal‑persunal temporanju tar-rikorrent wara eżami mill-ġdid tal-fajl, filwaqt li tieħu inkunsiderazzjoni l-motivi ta’ din is-sentenza.

40      Barra minn hekk, li kieku dawn it-talbiet kellhom jiġu kkunsidrati bħala intiżi għall-kumpens tad-dannu morali li r-rikorrent allegatament sofra minħabba l-illegalitajiet li dwarhom hija kkritikata l-AHCC fil-kuntest tat-talbiet tiegħu għal annullament, madankollu għandu jiġi kkonstatat li r-rikors ma fih xejn x’juri li d-dannu morali allegat ma jistax jiġi kkumpensat b’mod sħih bl-annullament tad-deċiżjoni kkontestata, li minnha huwa ġie kkawżat.

41      Konsegwentement, ma hemmx lok li t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, billi jeżerċita l-ġurisdizzjoni sħiħa mogħtija lilu bis-saħħa tal‑Artikolu 91(1) tar‑Regolamenti tal-Persunal, jiżgura li jiggarantixxi l‑effikaċja prattika ta’ din is-sentenza ta’ annullament.

 Fuq l-ispejjeż

42      Skont l-Artikolu 87(1) tar-Regoli tal-Proċedura, bla ħsara għad-dispożizzjonijiet l‑oħra tal-Kapitolu Tmienja tat-Tieni Titolu ta’ dawn ir-regoli, il-parti li titlef il‑kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Skont il‑paragrafu 2 tal-istess artikolu, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jista’ jiddeċiedi, jekk ikun meħtieġ għal raġunijiet ta’ ekwità, li parti telliefa għandha tiġi kkundannata tbati biss parti mill-ispejjeż, jew saħansitra li hija ma għandhiex tiġi kkundannata f’dan ir-rigward.

43      Mill-motivi ddikjarati f’din is-sentenza jirriżulta li Frontex tilfet il-kawża. Barra minn hekk, fit-talbiet tiegħu, ir-rikorrent talab espressament li Frontex tiġi kkundannata għall-ispejjeż. Peress li ċ-ċirkustanzi ta’ dan il-każ ma jiġġustifikawx l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura, Frontex għandha tbati l-ispejjeż tagħha u hija kkundannata għall-ispejjeż sostnuti mir-rikorrent.

Għal dawn il-motivi,

IT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU (It-Tielet Awla)

jaqta’ u jiddeċiedi:

1)      Id-deċiżjoni tad-Direttur Eżekuttiv tal-Aġenzija Ewropea għall‑Ġestjoni ta’ Koperazzjoni Operazzjonali fil-Fruntieri Esterni tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea, tad-19 ta’ Frar 2013, li ma jġeddidx il-kuntratt ta’ membru tal-persunal temporanju ta’ K. Wahlström hija annullata.

2)      Il-kumplament tar-rikors huwa miċħud.

3)      L-Aġenzija Ewropea għall-Ġestjoni ta’ Koperazzjoni Operazzjonali fil‑Fruntieri Esterni tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea għandha tbati l-ispejjeż tagħha u hija kkundannata għall-ispejjeż ta’ K. Wahlström.

Van Raepenbusch

Barents

Bradley

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fis-17 ta’ Settembru 2014.

W. Hakenberg

 

       S. Van Raepenbusch

Reġistratur

 

      President


* Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.