Language of document : ECLI:EU:F:2014:215

SENTENZA TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU TAL-UNJONI EWROPEA

(It-Tielet Awla)

17 ta’ Settembru 2014

Kawża F‑117/13

Kari Wahlström

vs

L-Aġenzija Ewropea għall-Ġestjoni ta’ Kooperazzjoni Operattiva fil-Fruntieri Esterni tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea (Frontex)

“Servizz pubbliku – Persunal ta’ Frontex – Membru tal-persunal temporanju – Nuqqas ta’ tiġdid ta’ kuntratt għal żmien determinat – Proċedura ta’ tiġdid – Artikolu 41(2)(a) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Dritt għal smigħ – Ksur – Influwenza fuq is-sens tad-deċiżjoni”

Suġġett:      Rikors, ippreżentat skont l-Artikolu 270 TFUE, li permezz tiegħu K. Wahlström jitlob l-annullament tad-deċiżjoni tad-Direttur Eżekuttiv tal-Aġenzija Ewropea għall-Ġestjoni ta’ Kooperazzjoni Operattiva fil-Fruntieri Esterni (Frontex), tad-19 ta’ Frar 2013, li l-kuntratt tiegħu ta’ membru tal-persunal temporanju ma jiġġeddidx.

Deċiżjoni:      Id-deċiżjoni tad-Direttur Eżekuttiv tal-Aġenzija Ewropea għall-Ġestjoni ta’ Koperazzjoni Operazzjonali fil-Fruntieri Esterni tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea, tad-19 ta’ Frar 2013, li l-kuntratt bħala membru tal-persunal temporanju ta’ K. Wahlström ma jiġġedditx, hija annullata. Il-kumplament tar-rikors huwa miċħud. L-Aġenzija Ewropea għall-Ġestjoni ta’ Koperazzjoni Operazzjonali fil-Fruntieri Esterni tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea għandha tbati l-ispejjeż tagħha u hija kkundannata tbati l-ispejjeż ta’ K. Wahlström.

Sommarju

Uffiċjali – Membri tal-persunal temporanju – Reklutaġġ – Nuqqas ta’ tiġdid ta’ kuntratt għal żmien determinat – Adozzjoni tad-deċiżjoni mingħajr ma tingħata minn qabel lill-parti kkonċernata l-possibbiltà li tippreżenta l-osservazzjonijiet tagħha – Ksur tad-dritt ta’ smigħ

(Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea; Artikolu 41(2)(a); Kondizzjonijiet tal-impjieg ta’ impjegati oħra, Artikolu 47)

Ladarba deċiżjoni li kuntratt għal żmien determinat ta’ membru tal-persunal temporanju ma jiġġeddidx taffettwa b’mod sfavorevoli s-sitwazzjoni tal-impjegat ikkonċernat, sa fejn din għandha l-effett li ċċaħħdu mill-possibbiltà li jkompli r-relazzjoni ta’ xogħol tiegħu, hija l-istituzzjoni li għandha, skont l-Artikolu 41(2)(a) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, tippermetti li dan l-impjegat jagħmel b’mod effettiv l-osservazzjonijiet tiegħu qabel ma tadotta d-deċiżjoni. Id-drittijiet tad-difiża, kif issa stipulati permezz tal-imsemmi Artikolu 41, ikopru, filwaqt li huma iktar estiżi, id-dritt proċedurali, previst fil-paragrafu (2)(a) ta’ dan l-artikolu, ta’ kull persuna li tinstema’ qabel ma miżura individwali tittieħed fil-konfront tagħha.

Madankollu, sabiex ksur tad-dritt ta’ smigħ jista’ jwassal għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata, huwa neċessarju wkoll li jiġi eżaminat jekk, fl-assenza ta’ din l-irregolarità, il-proċedura setgħetx twassal għal riżultat differenti.

F’dan ir-rigward, meta kuntratt ta’ membru tal-persunal temporanju jiġi mġedded biss fuq il-bażi ta’ evalwazzjoni tal-kwalitajiet u l-kwalifiki tal-persuna kkonċernata, ma jistax jiġi eskluż li l-konklużjoni li l-kuntratt ma jiġix imġedded setgħet kienet differenti kieku l-parti kkonċernata ngħatat l-opportunità li tikkomunika b’mod effettiv il-perspettiva tagħha dwar il-livell tas-servizzi professjonali tagħha, u dan flimkien mal-perspettiva tat-tkomplija tar-relazzjoni ta’ xogħol tagħha, u li, għaldaqstant, ir-rispett għad-dritt ta’ smigħ seta’ influwenza l-kontenut tad-deċiżjoni ta’ nuqqas ta’ tiġdid.

(ara l-punti 27, 28 u 32)

Referenza:

Il-Qorti tal-Ġustizzja: sentenzi Franza vs People’s Mojahedin Organization of Iran, C-27/09 P, EU:C:2011:853, punt 65, M., C-277/11, EU:C:2012:744, punti 81 sa 83, Il-Kummissjoni vs Kadi, C-584/10 P, C-593/10 P u C-595/10 P, EU:C:2013:518, punti 98 u 99, u G. u R., C-383/13 PPU, EU:C:2013:533, punt 38 u l-ġurisprudenza ċċitata

Il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea: sentenza L vs Il-Parlament, T-317/10 P, EU:T:2013:413, punt 81

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: sentenza CH vs Il-Parlament, F-129/12, EU:F:2013:203, punt 38