Language of document : ECLI:EU:T:2009:189

Kawża T‑297/02

ACEA SpA

vs

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

“Għajnuna mill-Istat — Skema ta’ għajnuna mogħtija mill-awtoritajiet Taljani lil ċerti impriżi tas-servizz pubbliku fil-forma ta’ eżenzjonijiet fiskali u ta’ self b’rata preferenzjali — Deċiżjoni li tiddikjara l-għajnuna inkompatibbli mas-suq komuni — Rikors għal annullament — Interess individwali — Ammissibbiltà — Għajnuna eżistenti jew għajnuna ġdida — Artikolu 87(3)(ċ) KE”

Sommarju tas-sentenza

1.      Rikors għal annullament — Persuni fiżiċi jew ġuridiċi — Atti li jikkonċernawhom direttament u individwalment — Deċiżjoni tal-Kummissjoni li tipprojbixxi skema ta’ għajnuna settorjali

(ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 230 KE)

2.      Għajnuna mogħtija mill-Istati — Eżami mill-Kummissjoni — Eżami ta’ skema ta’ għajnuna meħuda fil-globalità tagħha — Ammissibbiltà

(Artikolu 88 KE)

3.      Għajnuna mogħtija mill-Istati — Effett fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri — Effett ħażin fuq il-kompetizzjoni — Kriterji ta’ evalwazzjoni

(Artikolu 87(1) KE)

4.      Għajnuna mogħtija mill-Istati — Għajnuna eżistenti u għajnuna ġdida — Klassifikazzjoni bħala għajnuna ġdida

(Artikolu 88 KE; Regolament tal-Kunsill Nru 659/1999, Artikolu 1(b)(i) u (v))

5.      Għajnuna mogħtija mill-Istati — Deċiżjoni tal-Kummissjoni li tikkonstata l-inkompatibbiltà ta’ skema ta’ għajnuna mas-suq komuni — Obbligu ta’ rkupru tal-ammonti kollha rċevuti mill-benefiċjarji tal-imsemmija skema — Assenza

(Artikolu 88(2) KE)

1.      Persuna fiżika jew ġuridika li ma tkunx id-destinatarja ta’ deċiżjoni ma tistax tallega li hija kkonċernata individwalment minn din id-deċiżjoni ħlief jekk l-imsemmija deċiżjoni tolqotha minħabba ċerti kwalitajiet partikolari għaliha jew minħabba ċirkustanzi li jiddistingwuha mill-persuni l-oħra kollha, u li minħabba dan il-fatt, jindividwalizzawha bl-istess mod kif huwa individwalizzat id-destinarju tad-deċiżjoni.

Bħala prinċipju, mhuwiex ammissibbli li impriża tippreżenta rikors għall-annullament ta’ deċiżjoni tal-Kummissjoni li tipprojbixxi skema ta’ għajnuna settorjali jekk tkun ikkonċernata minn din id-deċiżjoni biss minħabba l-appartenenza tagħha għas-settur inkwistjoni u minħabba l-kwalità tagħha ta’ benefiċjarja potenzjali tal-imsemmija skema. Fil-fatt, fir-rigward ta’ tali impriża, deċiżjoni bħal din hija miżura ta’ portata ġenerali li tapplika għal sitwazzjonijiet determinati oġġettivament u li tinvolvi effetti legali fil-konfront ta’ kategorija ta’ persuni previsti b’mod ġenerali u astratt.

Madankollu, impriża li mhijiex biss ikkonċernata mid-deċiżjoni inkwistjoni inkwantu impriża tas-settur inkwistjoni, benefiċjarja potenzjali tal-iskema ta’ għajnuna kkonċernata, iżda wkoll minħabba l-kwalità tagħha ta’ benefiċjarja effettiva ta’ għajnuna individwali mogħtija taħt din l-iskema u li l-Kummissjoni kienet ordnat l-irkupru tagħha, hija kkonċernata individwalment mill-imsemmija deċiżjoni u r-rikors tagħha kontra din id-deċiżjoni huwa ammissibbli.

(ara l-punti 42-44)

2.      Fil-każ ta’ skema ta’ għajnuna, il-Kummissjoni tista’ tillimita ruħha li teżamina l-karatteristiċi ġenerali u astratti tal-iskema inkwistjoni, mingħajr mhija marbuta teżamina kull każ partikolari ta’ applikazzjoni, sabiex tivverifika jekk hemmx elementi ta’ għajnuna.

Fir-rigward ta’ skema ta’ għajnuna waħda li tkopri diversi setturi u mhux diversi skemi ta’ għajnuna kklassifikati skont l-attività jew is-suq ikkonċernat, il-Kummissjoni ma kinitx marbuta tieħu inkunsiderazzjoni kull tip ta’ attività jew ta’ suq sabiex tevalwa l-effetti tal-iskema inkwistjoni. Bl-istess mod, il-Kummissjoni mhijiex obbligata teżamina skema ta’ għajnuna filwaqt li fl-istess ħin tevalwa l-każijiet individwali ta’ applikazzjoni tagħha, b’mod partikolari minħabba li obbligu bħal dan jista’ jnaqqas l-effikaċja tas-setgħa tagħha ta’ stħarriġ fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat.

(ara l-punti 62, 64,, 65)

3.      Il-Kummissjoni mhijiex marbuta, meta tivverifika jekk għajnuna taffettwax il-kummerċ bejn l-Istati Membri u jekk toħloqx distorsjoni jew theddida ta’ distorsjoni tal-kompetizzjoni, li tistabbilixxi l-eżistenza ta’ effett reali ta’ din l-għajnuna fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri u distorsjoni effettiva tal-kompetizzjoni, iżda biss li teżamina jekk din l-għajnuna tistax taffettwa dan il-kummerċ u toħloq distorsjoni tal-kompetizzjoni.

Fil-każ ta’ skema ta’ għajnuna, il-Kummissjoni tista’ tillimita ruħha li teżamina l-karatteristiċi tal-iskema inkwistjoni sabiex tevalwa, fil-motivi tad-deċiżjoni tagħha jekk, minħabba regoli dettaljati li dan il-programm jipprovdi, dan tal-aħħar huwiex tali li jagħti vantaġġ essenzjalment lil impriżi li jipparteċipaw fil-kummerċ bejn Stati Membri.

Barra minn hekk, kull għajnuna mogħtija lil impriża li teżerċita l-attivitajiet tagħha fis-suq Komunitarju tista’ tikkawża distorsjonijiet tal-kompetizzjoni u taffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri. Ma jeżisti l-ebda limitu jew perċentwali li taħthom jista’ jitqies li l-kummerċ bejn l-Istati Membri mhuwiex affettwat. Fil-fatt, l-ammont relattivament baxx ta’ għajnuna jew id-daqs relattivament żgħir tal-impriża benefiċjarja ma jeskludux, a priori, l-eventwalità li l-kummerċ bejn l-Istati Membri jkun affettwat.

Fir-rigward tal-kundizzjoni li l-kummerċ bejn l-Istati jkun affettwat, il-fatt li impriża benefiċjarja ta’ miżura statali topera waħedha fis-suq nazzjonali tagħha jew fit-territorju tal-oriġini tagħha mhuwiex determinanti. Fil-fatt, il-kummerċ bejn l-Istati huwa affettwat mill-miżura kkonċernata meta jitnaqqsu l-opportunitajiet tal-impriżi stabbiliti fi Stati Membri oħrajn sabiex jipprovdu s-servizzi tagħhom fis-suq tal-Istat Membru kkonċernat.

(ara l-punti 83-86, 96)

4.      Kemm mill-kontenut kif ukoll mill-għanijiet tad-dispożizzjonijet tal-Artikolu 88 KE jirriżulta li għandha titqies bħala għajnuna eżistenti fis-sens tal- Artikolu 88(1) KE l-għajnuna li kienet teżisti qabel id-data tad-dħul fis-seħħ tat-Trattat KE u dik li setgħet tiġi eżegwita legalment taħt il-kundizzjonijiet previsti mill-Artikolu 88(3) KE, filwaqt li għandhom jiġu kkunsidrati bħala għajnuna ġdida suġġetti għall-obbligu ta’ notifika previst minn din l-aħħar dispożizzjoni, il-miżuri li jistabbilixxu jew ibiddlu għajnuna, filwaqt li jiġi ppreċiżat li t-tibdil jista’ jirrigwarda għajnuna eżistenti, jew proġetti inizjali nnotifikati lill-Kummissjoni. Meta t-tibdil jaffettwa l-essenza nfisha tal-iskema inizjali, din l-iskema tinbidel fi skema ta’ għajnuna ġdida. Madankollu, ma jistax ikun hemm tali bidla essenzjali meta l-element il-ġdid jista’ kjarament jinfired mill-iskema inizjali.

Fir-rigward ta’ skema ta’ għajnuna stabbilita qabel id-dħul fis-seħħ tat-Trattat KE u li tipprevedi kategorija speċifika ta’ impriżi li tkopri diversi setturi, ma għandux ikun mistenni mill-Kummissjoni li tagħmel eżami skont is-settur. Konsegwentement, il-possibbiltà li ċerti każijiet partikolari jkunu kkunsidrati bħala għajnuna eżistenti ma tistax tiġi eskluża.

(ara l-punti 113, 117, 127)

5.      It-tneħħija ta’ għajnuna illegali permezz ta’ rkupru, kif ukoll il-ħlas tal-interessi relatati, hija l-konsegwenza loġika tal-konstatazzjoni tal-inkompatibbiltà tagħha mas-suq komuni. Dan jgħodd kemm għal għajnuna individwali kif ukoll għal għajnuna mħallsa fil-kuntest ta’ skema ta’ għajnuna.

Madankollu, l-analiżi ġenerali u astratta ta’ skema ta’ għajnuna ma teskludix li, f’każ individwali, l-ammont mogħti abbażi ta’ din l-iskema ma jaqax taħt il-projbizzjoni prevista fl-Artikolu 87(1) KE, pereżempju, minħabba li l-għoti individwali ta’ għajnuna jaqa’ taħt ir-regoli de minimis.

Għalkemm ir-rwol tal-awtoritajiet nazzjonali jillimita ruħu, meta l-Kummissjoni tieħu deċiżjoni li tiddikjara għajnuna inkompatibbli mas-suq komuni, għall-eżekuzzjoni ta’ din id-deċiżjoni u għalkemm, f’dan ir-rigward, ma għandhom ebda marġni ta’ diskrezzjoni, l-awtoritajiet nazzjonali jistgħu, meta jeżegwixxu l-imsemmija deċiżjoni, jieħdu inkunsiderazzjoni dawn ir-riżervi. Għaldaqstant, il-Kummissjoni tordna biss l-irkupru tal-għajnuna fis-sens tal-Artikolu 87 KE u mhux tal-ammonti li, għalkemm ikunu tħallsu taħt l-iskema inkwistjoni, ma jikkostitwixxux għajnuna jew jikkostitwixxu għajnuna eżistenti jew kompatibbli mas-suq komuni skont regolament ta’ eżenzjoni skont il-kategorija jew skont ir-regoli de minimis jew inkella deċiżjoni oħra tal-Kummissjoni.

Il-qorti nazzjonali hija kompetenti sabiex tinterpreta l-kunċetti ta’ għajnuna u ta’ għajnuna eżistenti u tista’ tiddeċiedi fuq l-eventwali karatteristiċi speċifiċi ta’ każ definit, jekk ikun hemm bżonn, billi tagħmel domanda preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja.

(ara l-punti 159-163)