Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Bundesarbeitsgericht (il-Ġermanja) fis-16 ta’ Novembru 2020 – ROI Land Investments Ltd. vs FD

(Kawża C-604/20)

Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

Qorti tar-rinviju

Bundesarbeitsgericht

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrent: ROI Land Investments Ltd.

Konvenut: FD

Domandi preliminari

1)    L-Artikolu 6(1) flimkien mal-Artikolu 21(2) u mal-Artikolu 21(1)(b)(i) tar-Regolament (UE) Nru 1215/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Diċembru 2012 dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali 1 , għandu jiġi interpretat fis-sens li ħaddiem jista’ jibda proċeduri kontra persuna ġuridika, li ma hijiex il-persuna li timpjegah, u li d-domiċilju tagħha fis-sens tal-Artikolu 63(1) tar-Regolament Nru 1215/2012 ma huwiex fit-territorju ta’ Stat Membru, iżda li madankollu hija direttament responsabbli lejn ħaddiem fuq il-bażi ta’ ftehim ta’ garanzija għal talbiet li jirriżultaw minn kuntratt ta’ xogħol individwali ma’ terz, quddiem il-qorti tal-post fejn jew minn fejn il-ħaddiem abitwalment iwettaq jew l-aħħar li wettaq ix-xogħol tiegħu fir-relazzjoni ta’ xogħol ma’ terz, fil-każ li l-kuntratt ta’ xogħol mat-terz ma kienx jiġi konkluż fl-assenza ta’ ftehim ta’ garanzija?

2)    L-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 1215/2012 għandu jiġi interpretat fis-sens li r-riżerva fir-rigward tal-Artikolu 21(2) tar-Regolament Nru 1215/2012 tipprekludi l-applikazzjoni ta’ regola ta’ ġurisdizzjoni taħt id-dritt nazzjonali tal-Istat Membru li tippermetti lil ħaddiem jippreżenta rikors kontra persuna ġuridika li hija responsabbli lejh f’ċirkustanzi bħal dawk deskritti fl-ewwel domanda fir-rigward ta’ talbiet li jirriżultaw minn kuntratt ta’ xogħol individwali ma’ terz, bħala “aventi kawża” tal-persuna li timpjega, fil-qrati tal-post fejn il-ħaddiem abitwalment iwettaq ix-xogħol tiegħu, fejn ma hemmx tali ġurisdizzjoni taħt l-Artikolu 21(2) flimkien mal-Artikolu 21(1)(b)(i) tar-Regolament Nru 1215/2012?

3)    Fil-każ li l-ewwel domanda tingħata risposta fin-negattiv u t-tieni domanda tingħata risposta fl-affermattiv:

a)    L-Artikolu 17(1) tar-Regolament Nru 1215/2012 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-kunċett ta’ “attività professjonali” jinkludi attività bħala persuna impjegata f’relazzjoni ta’ xogħol?

b)    Fl-affermattiv, l-Artikolu 17(1) tar-Regolament Nru 1215/2012 għandu jiġi interpretat fis-sens li ftehim ta’ garanzija, li abbażi tiegħu persuna ġuridika hija direttament responsabbli għal talbiet ta’ ħaddiem li jirriżultaw minn kuntratt ta’ xogħol individwali ma’ terz, jikkostitwixxi kuntratt li l-ħaddiem ikkonkluda għal skop li jista’ jiġi attribwit għall-attività professjonali tiegħu?

4)    Fil-każ li, b’risposta għad-domandi magħmula iktar ’il fuq, il-qorti tar-rinviju jkollha ġurisdizzjoni internazzjonali sabiex tiddeċiedi dwar it-tilwima:

a)    L-Artikolu 6(1) tar-Regolament (KE) Nru 593/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Ġunju 2008 dwar il-liġi applikabbli għall-obbligazzjonijiet kuntrattwali (Ruma I) 2 , għandu jiġi interpretat fis-sens li l-kunċett ta’ “attività professjonali” jinkludi attività bħala persuna impjegata f’relazzjoni ta’ xogħol?

b)    Fl-affermattiv, l-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 593/2008 għandu jiġi interpretat fis-sens li ftehim ta’ garanzija, li abbażi tiegħu persuna ġuridika hija direttament responsabbli għal talbiet ta’ ħaddiem li jirriżultaw minn kuntratt ta’ xogħol individwali ma’ terz, jikkostitwixxi kuntratt li l-ħaddiem ikkonkluda għal skop li jista’ jiġi attribwit għall-attività professjonali tiegħu?

____________

1     ĠU 2012, L 351, p. 1.

2     ĠU 2008, L 177, p. 6, rettifika fil-ĠU 2009. L 309, p. 87.