Language of document : ECLI:EU:C:2020:503

Kawża C24/19

A et

vs

Gewestelijke stedenbouwkundige ambtenaar van het departement Ruimte Vlaanderen, afdeling Oost-Vlaanderen

(talba għal deċiżjoni preliminari,
imressqa mir-Raad voor Vreemdelingenbetwistingen)

 Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tal25 ta’ Ġunju 2020

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Direttiva 2001/42/KE – Stima tal-effetti fuq l-ambjent – Permess ta’ żvilupp urban għall-installazzjoni u għall-użu ta’ eoliċi – Artikolu 2(a) – Kunċett ta’ ‘pjanijiet u programmi’ – Kundizzjonijiet għall-ħruġ ta’ permess stabbiliti b’digriet u ċirkulari – Artikolu 3(2)(a) – Atti nazzjonali li jiddefinixxu qafas li fih l-implimentazzjoni ta’ proġetti tista’ tiġi awtorizzata fil-futur – Assenza ta’ evalwazzjoni ambjentali – Żamma tal-effetti tal-atti nazzjonali u tal-permessi maħruġa abbażi tagħhom wara li tkun ġiet ikkonstatata n-nuqqas ta’ konformità ta’ dawn l-atti mad-dritt tal-Unjoni – Kundizzjonijiet”

1.        Ambjent – Evalwazzjoni tal-effetti ta’ ċerti pjanijiet u programmi fuq l-ambjent – Direttiva 2001/42 – Pjan u programm – Kunċett – Kundizzjonijiet għall-għoti ta’ permess ta’ żvilupp urban għall-installazzjoni u għall-użu ta’ eoliċi stabbiliti b’digriet u ċirkulari – Inklużjoni

(Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2001/42, Artikolu 2(a))

(ara l-punti 35, 40 sa 43, 48, 50, 52 sa 63, u d-dispożittiv 1)

2.        Ambjent – Evalwazzjoni tal-effetti ta’ ċerti pjanijiet u programmi fuq l-ambjent – Direttiva 2001/42 – Kamp ta’ applikazzjoni – Pjanijiet u programmi li x’aktarx ikollhom effetti sinjifikattivi fuq l-ambjent – Setturi msemmija fl-Annessi I u II tad-Direttiva 2011/92 – Kundizzjonijiet dwar il-projezzjoni ta’ dell, is-sigurtà kif ukoll l-istandards dwar il-ħoss stabbiliti b’digriet u ċirkulari dwar l-installazzjoni u l-użu ta’ eoliċi – Inklużjoni

(Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2001/42, Artikolu 3(2)(a))

(ara l-punti 65 sa 79, u d-dispożittiv 2)

3.        Ambjent – Evalwazzjoni tal-effetti ta’ ċerti pjanijiet u programmi fuq l-ambjent – Direttiva 2001/42 – Pjan u programm – Assenza ta’ evalwazzjoni ambjentali minn qabel – Permess ta’ żvilupp urban maħruġ abbażi ta’ atti nazzjonali adottati bi ksur tad-dritt tal-Unjoni – Konsegwenzi ġuridiċi ta’ ksur tad-dritt tal-Unjoni – Possibbiltà li jinżammu l-effetti tal-atti inkwistjoni u tal-permess – Kundizzjonijiet

(Artikolu 4(3) TUE; Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2001/42, Artikoli 1, 2(a) u 3(2)(a))

(ara l-punti 81 sa 95, u d-dispożittiv 3)

Sunt

Digriet u ċirkulari li jistabbilixxu l-kundizzjonijiet ġenerali għall-ħruġ ta’ permess ta’ żvilupp urban għall-finijiet tal-installazzjoni u tal-użu ta’ eoliċi għandhom huma stess ikunu suġġetti għal evalwazzjoni ambjentali minn qabel

Permezz tas-sentenza A et (Eoliċi f’Aalter u f’Nevele) (C‑24/19), mogħtija fil‑25 ta’ Ġunju 2020, il-Qorti tal-Ġustizzja, komposta bħala Awla Manja, iddeċidiet dwar l-interpretazzjoni tad-Direttiva 2001/42 dwar l-evalwazzjoni tal-effetti ta’ ċerti pjanijiet u programmi fuq l-ambjent (1), billi pprovdiet preċiżazzjonijiet importanti dwar il-miżuri suġġetti għall-evalwazzjoni stabbilita minn din id-direttiva kif ukoll dwar il-konsegwenzi li jirriżultaw minn nuqqas ta’ evalwazzjoni.

Il-Qorti tal-Ġustizzja ġiet adita b’din it-talba għal interpretazzjoni fil-kuntest ta’ kawża bejn residenti ta’ sit qrib l-awtostrada E40 fit-territorju tal-komuni ta’ Aalter u ta’ Nevele, previst sabiex jilqa’ park eoliku, u l-Gewestelijke stedenbouwkundige ambtenaar van het Departement Ruimte Vlaanderen, afdeling Oost-Vlaanderen (l-uffiċjal reġjonali inkarigat bi kwistjonijiet urbanistiċi tad-Dipartiment tat-territorju tal-Vlaanderen, is-Sezzjoni tal-Vlaanderen tal-Lvant, il-Belġju), dwar il-ħruġ minn din l-awtorità ta’ permess ta’ żvilupp urban għall-finijiet tal-installazzjoni u tal-użu ta’ ħames eoliċi (iktar ’il quddiem il-“permess kontenzjuż”). Il-ħruġ, fit‑30 ta’ Novembru 2016, tal-permess kontenzjuż kien ġie suġġett, b’mod partikolari, għall-osservanza ta’ ċerti kundizzjonijiet stabbiliti mid-dispożizzjonijiet ta’ digriet tal-Gvern tal-Vlaanderen kif ukoll minn ċirkulari dwar l-installazzjoni u l-użu ta’ eoliċi.

Insostenn tar-rikors intiż għall-annullament tal-permess kontenzjuż ippreżentat quddiem ir-Raad voor Vergunningsbetwistingen (il-Kunsill għall-Kwistjonijiet dwar Permessi, il-Belġju) (iktar ’il quddiem il-“qorti nazzjonali”), ir-rikorrenti invokaw b’mod partikolari ksur tad-Direttiva 2001/42, minħabba li d-digriet u ċ-ċirkulari li abbażi tagħhom kien inħareġ il-permess ma kinux is-suġġett ta’ evalwazzjoni ambjentali. L-awtur tal-permess kontenzjuż ikkunsidra, għall-kuntrarju, li d-digriet u ċ-ċirkulari inkwistjoni ma kellhomx ikunu suġġetti għal tali evalwazzjoni.

Fis-sentenza tagħha tal-lum, il-Qorti tal-Ġustizzja fakkret li d-Direttiva 2001/42 tkopri l-pjanijiet u l-programmi, kif ukoll l-emendi tagħhom, li huma mfassla jew adottati minn awtorità ta’ Stat Membru, sakemm dawn kienu “meħtieġa permezz ta’ disposizzjonijiet leġislattivi, regolatorji jew amministrattivi” (2). Barra minn hekk, hija tissuġġetta l-obbligu li pjan jew programm partikolari jkun suġġett għal evalwazzjoni ambjentali għall-kundizzjoni li l-pjan jew il-programm ikun jista’ jkollu effetti sinjifikattivi fuq l-ambjent (3).

Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-kunċett ta’ “pjanijiet u programmi meħtieġa minn liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi”, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li jaqgħu taħt dan il-kunċett, digriet u ċirkulari, adottati mill-gvern ta’ entità federali ta’ Stat Membru, li jinkludu t-tnejn li huma dispożizzjonijiet differenti dwar l-installazzjoni u l-użu ta’ eoliċi.

Minn ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, fil-fatt, jirriżulta li għandhom jitqiesu bħala “meħtieġa”, fis-sens u għall-applikazzjoni ta’ din id-direttiva, il-pjanijiet u l-programmi li l-adozzjoni tagħhom hija rregolata minn liġijiet jew regolamenti nazzjonali, li jiddeterminaw l-awtoritajiet kompetenti sabiex jadottawhom u l-proċedura ta’ żvilupp tagħhom (4). Għalhekk, miżura għandha titqies li hija “meħtieġa” meta s-setgħa li tiġi adottata din issib il-bażi legali tagħha f’dispożizzjoni ta’ din in-natura, anki jekk ma jeżisti, fil-veru sens tal-kelma, ebda obbligu li tiġi adottata l-imsemmija miżura (5).

Mistiedna mill-qorti tar-rinviju u mill-Gvern tar-Renju Unit sabiex tikkunsidra mill-ġdid din il-ġurisprudenza, il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat qabelxejn li limitazzjoni tal-kundizzjoni msemmija fit-tieni inċiż tal-Artikolu 2(a) tad-Direttiva 2001/42 biss għall-“pjanijiet u programmi” li l-adozzjoni tagħhom hija obbligatorja tista’ tagħti lil dan il-kunċett portata marġinali u ma tippermettix li jiġi ppreżervat l-effett utli ta’ din id-dispożizzjoni. Fil-fatt, skont il-Qorti tal-Ġustizzja, fid-dawl tad-diversità tas-sitwazzjonijiet u tal-eteroġenità tal-prattiki tal-awtoritajiet nazzjonali, l-adozzjoni ta’ pjanijiet jew ta’ programmi u l-emendi tagħhom spiss la huma imposti b’mod ġenerali, u lanqas jitħallew kompletament fid-diskrezzjoni tal-awtoritajiet kompetenti. Barra minn hekk, il-livell għoli ta’ protezzjoni tal-ambjent li huwa intiż sabiex jiżgura d-Direttiva 2001/42 billi jissuġġetta l-pjanijiet u l-programmi li jista’ jkollhom effetti sinjifikattivi fuq l-ambjent għal evalwazzjoni ambjentali, jissodisfa r-rekwiżiti tat-Trattati kif ukoll tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea fil-qasam tal-protezzjoni u t-titjib tal-kwalità tal-ambjent (6). Issa, tali għanijiet jistgħu jiġu kompromessi minn interpretazzjoni restrittiva, li tista’ tippermetti lil Stat Membru jevita l-obbligu ta’ evalwazzjoni ambjentali billi jevita li jagħmel obbligatorja l-adozzjoni ta’ pjanijiet jew programmi. Fl-aħħar nett, il-Qorti tal-Ġustizzja rrilevat li l-interpretazzjoni estiża tal-kunċett ta’ “pjanijiet u programmi” kienet konformi mal-impenji internazzjonali tal-Unjoni (7).

Sussegwentement, il-Qorti tal-Ġustizzja eżaminat il-punt dwar jekk id-digriet u ċ-ċirkulari inkwistjoni kinux jissodisfaw il-kundizzjoni msemmija fit-tieni inċiż tal-Artikolu 2(a) tad-Direttiva 2001/42. F’dan ir-rigward, hija rrilevat li d-digriet kien ġie adottat mill-Gvern tal-Vlaanderen, bħala poter eżekuttiv ta’ entità federali Belġjana, bis-saħħa ta’ awtorizzazzjoni leġiżlattiva. Barra minn hekk, iċ-ċirkulari, li hija intiża sabiex tirregola s-setgħa diskrezzjonali tal-awtoritajiet kompetenti, toriġina ukoll mill-Gvern tal-Vlaanderen u temenda, billi tiżviluppa jew tidderoga minnhom, id-dispożizzjonijiet ta’ dan id-digriet, bla ħsara għall-verifiki li għandha twettaq il-qorti nazzjonali fir-rigward tan-natura ġuridika eżatta u tal-kontenut preċiż tagħha. Il-Qorti tal-Ġustizzja għaldaqstant ikkonkludiet li d-digriet u, bla ħsara għal dawn il-verifiki, iċ-ċirkulari kienu jaqgħu taħt il-kunċett ta’ “pjanijiet u programmi”, sa fejn kellhom jitqiesu bħala “meħtieġa” fis-sens tad-Direttiva 2001/42.

Fit-tieni lok, fir-rigward tal-punt dwar jekk id-digriet u ċ-ċirkulari għandhomx jiġu suġġetti għal evalwazzjoni ambjentali skont id-Direttiva 2001/42, minħabba li jista’ jkollhom effetti sinjifikattivi fuq l-ambjent, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li dawn l-atti, li t-tnejn li huma jinkludu dispożizzjonijiet differenti dwar l-installazzjoni u l-użu ta’ eoliċi, fosthom miżuri dwar il-projezzjoni ta’ dell, is-sigurtà kif ukoll l-istandards dwar il-ħoss, kienu fost dawk li għandhom ikunu s-suġġett ta’ tali evalwazzjoni.

F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li r-rekwiżiti stabbiliti mid-digriet u miċ-ċirkulari inkwistjoni dwar l-installazzjoni u l-użu ta’ eoliċi għandhom importanza u portata suffiċjentement sinjifikattivi sabiex jiġu ddeterminati l-kundizzjonijiet li għalihom kien suġġett il-ħruġ ta’ permess għall-installazzjoni u l-użu ta’ parks eoliċi, li l-effetti tagħhom fuq l-ambjent ma jistgħux jiġu miċħuda. Hija ppreċiżat li tali interpretazzjoni ma tistax tiġi kkontestata min-natura ġuridika partikolari taċ-ċirkulari.

Fit-tielet u l-aħħar lok, fir-rigward tal-possibbiltà li jinżammu l-effetti ta’ dawn l-atti u tal-permess, adottati bi ksur tad-Direttiva 2001/42, il-Qorti tal-Ġustizzja fakkret li l-Istati Membri huma obbligati jħassru l-konsegwenzi illegali ta’ tali ksur tad-dritt tal-Unjoni. Hija enfasizzat li, fid-dawl tal-ħtieġa ta’ applikazzjoni uniformi tad-dritt tal-Unjoni, hija biss setgħet, b’mod eċċezzjonali u minħabba kunsiderazzjonijiet imperattivi ta’ interess ġenerali, tagħti s-sospensjoni provviżorja tal-effett ta’ esklużjoni marbut mad-dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni miksura, sa fejn leġiżlazzjoni nazzjonali tawtorizza lill-qorti nazzjonali żżomm ċerti effetti ta’ tali atti fil-kuntest tal-kawża mressqa quddiemha. Konsegwentement, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, f’sitwazzjoni bħal dik f’din il-kawża, il-qorti nazzjonali setgħet iżżomm l-effetti tad-digriet u taċ-ċirkulari, kif ukoll tal-permess maħruġ abbażi tagħhom, biss jekk id-dritt intern kien jippermettilha tagħmel dan fil-kuntest tal-kawża li kellha quddiemha, u fl-ipoteżi fejn l-annullament ta’ dan il-permess jista’ jkollu konsegwenzi sinjifikattivi fuq il-provvista tal-elettriku, f’dan il-każ fil-Belġju, u biss matul iż-żmien strettament neċessarju sabiex tiġi rrimedjata din l-illegalità, li hija l-qorti tar-rinviju li għandha tevalwa, jekk ikun il-każ.


1      Direttiva 2001/42/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑27 ta’ Ġunju 2001 dwar l-istima ta’ l-effetti ta’ ċerti pjanijiet u programmi fuq l-ambjent (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 6, p. 157).


2      Artikolu 2(a) tad-Direttiva 2001/42.


3      Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/42.


4      Sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tat‑22 ta’ Marzu 2012, Inter-Environnement Bruxelles et (C‑567/10, EU:C:2012:159, punt 31); tas‑7 ta’ Ġunju 2018, Thybaut et (C‑160/17, EU:C:2018:401, punt 43), kif ukoll tat‑12 ta’ Ġunju 2019, Terre wallonne (C‑321/18, EU:C:2019:484, punt 34).


5      Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas‑7 ta’ Ġunju 2018, Inter-Environnement Bruxelles et (C‑671/16, EU:C:2018:403, punti 38 sa 40).


6      Artikolu 3(3) TUE, Artikolu 191(2) TFUE u Artikolu 37 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali.


7      Kif jirriżultaw b’mod partikolari mill-Artikolu 2(7) tal-Konvenzjoni dwar l-evalwazzjoni tal-impatt fuq l-ambjent f’kuntest transkonfinali, iffirmata f’Espoo (il-Finlandja) fis‑26 ta’ Frar 1991.