Language of document : ECLI:EU:C:2005:665

SENTENZA TAL-QORTI (Awla Manja)

8 ta' Novembru 2005 (*)

"Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili – Notifika ta’ dokumenti ġudizzjarji u extra-ġudizzjarji – Nuqqas ta' traduzzjoni tad-dokument – Konsegwenzi"

Fil-kawża C-443/03

li għanda bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skond l-Artikoli 68 KE u 234 KE, imressqa mill-Hoge Raad der Nederlanden (l-Olanda), permezz tad-deċiżjoni tas-17 ta' Ottubru 2003, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl-20 ta' Ottubru 2003, fil-kawża

Götz Leffler

vs

Berlin Chemie AG,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),

komposta minn V. Skouris, President, P. Jann, C. W. A. Timmermans, A. Rosas (Relatur) u J. Malenovský, Presidenti ta' Awla, S. von Bahr, J. N. Cunha Rodrigues, R. Silva de Lapuerta, K. Lenaerts, E. Juhász, G. Arestis, A. Borġ Barthet u M. Ilešič, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: C. Stix-Hackl,

Reġistratur: M. Ferreira, Amministratur Prinċipali,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-12 ta' April 2005,

wara li rat is-sottomissjonijiet ippreżentati:

–       għall-M. Leffler, minn D. Rijpma u R. Bakels, advocaten,

–       għall-Berlin Chemie AG, minn A. Hagedorn, B. Gabriel u J. I. van Vlijmen, advocaten,

–       għall-Gvern Olandiż, minn H. G. Sevenster u C. M. Wissels, bħala aġenti,

–       għall-Gvern Ġermaniż, minn W.-D. Plessing, bħala aġent,

–       għall-Gvern Franċiż, minn G. de Bergues u A. Bodard-Hermant, bħala aġenti,

–       għall-Gvern Portugiż, minn L. Fernandes u M. Fernandes, bħala aġenti,

–       għall-Gvern Finlandiż, minn T. Pynnä, bħala aġent,

–       għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn A.‑M. Rouchaud-Joët u R. Troosters, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet ta' l-Avukat Ġenerali fis-seduta tat-28 ta' Ġunju 2005,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1       It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni ta' l-Artikolu 8 tar-Regolament (KE) tal-Kunsill Nru 1348/2000, tad-29 ta' Mejju 2000, dwar in-notifika fl-Istati Membri ta’ dokumenti ġudizzjarji u extra-ġudizzjarji fi kwistjonijiet ċivili jew kummerċjali (ĠU L 160, p.37, iktar 'il quddiem "ir-Regolament")

2       Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta' kawża bejn M. Leffler, domiċiljat l-Olanda, u l-kumpannija stabbilita taħt id-dritt Ġermaniż Berlin Chemie AG (iktar 'il quddiem "Berlin Chemie"), sabiex tinkiseb ir-revoka ta' mandati ta' sekwestru magħmula minn din il-kumpannija fuq il-beni ta' M. Leffler.

 Il-Kuntest Ġuridiku

3       Ir-Regolament għandu bħala għan it-titjib ta' l-effiċjenza u l-ħeffa fi proċeduri ġudizzjarji billi jistabbilixxi l-prinċipju ta' trażmissjoni diretta ta' dokumenti ġudizzjarji u extra-gudizzjarji.

4       Qabel id-dħul fis-seħħ tar-Regolament, il-parti l-kbira ta' l-Istati Membri kienu marbutin mill-Konvenzjoni ta' l-Aja tal-15 ta' Novembru ta' l-1965 dwar in-notifika barra mill-pajjiż ta' kull dokument ġudizzjarju jew extra-ġudizzjarju f'materji ċivili jew kummerċjali, li stabbiliet mekkaniżmu ta' kooperazzjoni amministrattiva li jippermetti n-notifika jew it-trażmissjoni ta' dokument permezz ta' awtorità ċentrali. Barra minn dan, l-Artikolu IV tal-Protokoll anness mal-Konvenzjoni ta’ Brussell tas-27 ta’ Settembru 1968 dwar il-Ġurisdizzjoni u l-Eżekuzzjoni ta’ Sentenzi fi Kwistjonijiet Ċivili u Kummerċjali (ĠU 1972, L 299, p. 32) kif emendata bil-Konvenzjoni tad-9 ta' Ottubru 1978 dwar l-Adeżjoni tar-Renju tad-Danimarka, ta' l-Irlanda u tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u ta' l-Irlanda ta' Fuq (ĠU L 304, p. 1, u – test emendat – p. 77), bil-Konvenzjoni tal-25 ta' Ottubru 1982 dwar l-Adeżjoni tar-Repubblika tal-Greċja (ĠU L 388, p. 1), bil-Konvenzjoni tas-26 ta' Mejju 1989 dwar l-Adeżjoni tar-Renju ta' Spanja u tar-Repubblika tal-Portugall (ĠU L 258, p. 1) u bil-Konvenzjoni tad-29 ta' Novembru 1996 dwar l-Adeżjoni tar-Repubblika ta' l-Awstrija, tar-Repubblika tal-Finlandja u tar-Renju ta' l-Iżvezja (ĠU 1997, C 15, p.1, iktar 'il quddiem "il-Konvenzjoni ta' Brussell"), jipprovdi għall-possibbiltà ta' notifika b'modi iktar diretti. It-tieni paragrafu ta' l-Artikolu IV ta' l-imsemmi Protokoll huwa fformulat kif ġej :

"Kemm-il darba l-Istat fejn ikollha ssir in-notifika ma joġġezzjonax permezz ta' dikjarazzjoni lis-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill tal-Komunitajiet Ewropej, dawk id-dokumenti jistgħu wkoll jintbagħtu mill-uffiċjali pubbliċi idoneji ta’ l-iStat fejn ikun ġie abbozzat id-dokument direttament lill-uffiċjali pubbliċi idoneji ta’ l-Istat fejn id-destinatarju tkun tista’ tinsab. F’dan il-każ l-uffiċjal ta’ l-ewwel Stat għandu jibgħat kopja tad-dokument lill-uffiċjal ta’ l-Istat fejn issir l-applikazzjoni dwar min ikun kompetenti li jwassalha lill-persuna indirizzata. Id-dokument għandu jintbagħat bil-mod kif speċifikat bil-liġi ta’ l-Istat fejn issir l-applikazzjoni. Dan it-twassil għandu jiġi reġistrat b’ċertifikat li jintbagħat direttament lill-uffiċjal ta’ l-ewwel Stat."

5       Il-Kunsill tal-Ministri tal-Ġustizzja, li ltaqgħa fid-29 u fit-30 ta' Ottubru 1993, ta mandat lil grupp ta' xogħol, imsemmi "Grupp għas-semplifikazzjoni tat-trażmissjoni tad-dokumenti", sabiex jelabora strument intiż għas-semplifikazzjoni u t-tħaffif tal-proċeduri ta' trażmissjoni tad-dokumenti bejn l-Istati Membri. Dan ix-xogħol wassal għall-adozzjoni, fuq il-bażi ta' l-Artikolu K. 3 tat-Trattat UE (l-Artikoli K. sa K.9 tat-Trattat UE inbidlu permezz ta' l-Artikoli 29 UE sa 42 UE), tal-Konvenzjoni dwar in-notifika fl-Istati Membri ta' l-Unjoni Ewropea ta' dokumenti ġudizzjarji u extra-ġudizzjarji f'materji ċivili jew kummerċjali (iktar 'il quddiem "il-Konvenzjoni"). Din il-Konvenzjoni ġiet stabbilita permezz ta' att tal-Kunsill ta' l-Unjoni Ewropea tas-26 ta' Mejju 1997 (ĠU C 261, p. 1; test tal-Konvenzjoni, p. 2; Protokoll dwar l-interpretazzjoni tal-Konvenzjoni mill-Qorti tal-Ġustizzja, p. 17).

6       Il-Konvenzjoni ma daħlitx fis-seħħ. Safejn it-test tagħha nebbaħ dak tar-Regolament, ir-rapport ta' spjegazzjoni ta' din l-istess Konvenzjoni (ĠU 1997, C 261, p. 26) intuża sabiex jikkjarifika l-interpretazzjoni ta' l-imsemmi Regolament.

7       Wara d-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta' Amsterdam, il-Kummissjoni ppreżentat, fis-26 ta' Mejju 1999, proposta għal Direttiva tal-Kunsill dwar in-notifika fl-Istati Membri ta' l-Unjoni Ewropea ta' dokumenti ġudizzjarji u extra-ġudizzjarji f'materji ċivili jew kummerċjali (ĠU C 247 E, p. 11).

8       Meta dan id-dokument tpoġġa quddiem il-Parlament Ewropew, dan ta' l-aħħar wera x-xewqa li jiġi adottat fil-forma ta' Regolament. F'dan ir-rigward il-Parlament, fir-rapport finali tiegħu (A5-0060/1999 finali, tal-11 ta' Novembru 1999), osserva li:

"Ir-Regolament, bil-kontra tad-Direttiva, għandu l-vantaġġ li jassigura implementazzjoni ta' malajr, trasparenti u omoġenea tat-test komunitarju, li jikkorispondi ma' l-għan mixtieq. Dan it-tip ta' strument, minn barra dan, diġa intuża għall-"komuniterizazzjoni" ta' Konvenzjonijiet oħra li qegħdin jiġu attwalment ikkunsidrati ".

9       It-tieni premessa tar-Regolament tipprovdi:

"Il-funzjonament xieraq fis-suq intern jenħtieġ il-bżonn li jkunu mtejba u mħaffa t-trażmissjoni ta’ dokumenti ġudizzjarji u extra-ġudizzjarji fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali għal servizz [notifika] bejn l-Istati Membri"

10     Il-premessi 7 sa disa' ta' l-imsemmi Regolament huma formulati kif ġej:

"(7) Ħeffa fit-trażmissjoni tenħtieġ l-użu tal-mezzi kollha xierqa, basta li ċerti kondizzjonijiet rigward il-leġibilità u l-kwalità tad-dokumenti li jkun waslu tkun osservata. Sigurezza fit-trażmissjoni tenħtieġ li d-dokument li għandu jkun trasmess ikun akkumpanjat minn formula stampata minn qabel, biex tkun mimlija fil-lingwa tal-post fejn is-servizz [notifika] irid ikun effetwat, jew f’xi lingwa oħra aċċettata mill-Istat Membru f’dak il-każ.

(8)      Biex tkun assigurata l-effettività ta’ dan ir-Regolament, il-possibbilità ta’ rifjut tas-servizz [notifika] ta’ dokumenti huwa limitat għal sitwazzjonijiet eċċezzjonali.

(9)      Il-ħeffa tat-trażmissjoni tippermetti li d-dokumenti jkunu notifikati fi ftit ġranet mill-wasla tad-dokument. B’dana kollu, jekk ma ssirx in-notifika wara li jkun għadda xahar, l-aġenzija li tirċievi għandha tinforma lill-aġenzija li tittrażmetti. L-iskadenza ta’ dan il-perijodu m’għandhiex timplika li t-talba tkun mibugħta lura lill-aġe[n]zija li tittrażmetti meta jkun ċar li n-notifika hija fattibbli f’perjodu raġjonevoli.

(10)      Għall-protezzjoni ta’ l-interessi ta’ min ikun indirizzat, in-notifika għandha ssir fil-lingwa uffiċjali ta’ waħda mill-lingwi uffiċjali tal-post fejn għandha ssir jew fl-lingwa oħra ta’ l-Istat Membru li joriġina li min ikun indirizzat ikun jifhem."

11     L-Artikolu 4(1) tar-Regolament jipprovdi:

"Dokumenti ġudizzjarji għandhom ikunu trasmessi direttament u malajr kemm jista’ jkun possibbli bejn l-aġenziji nnominati fuq il-bażi ta’ l-Artikolu 2."

12     L-Artikolu 5 tar-Regolament jipprovdi:

"Traduzzjoni tad-dokumenti

1.      L-applikant għandu jkun avżat mill-aġenzija li tittrażmetti li lilha hu jew hi jgħaddu d-dokument għat-trażmissjoni li dak indirizzat jista’ jiċħad li jaċċettah jekk ma jkunx b’waħda mil-lingwi li hemm disposizzjoni dwarhom fl-Artikolu 8.

2.      L-applikant għandu jerfa’ l-ispejjes tat-traduzjoni qabel it-trażmissjoni tad-dokument, mingħajr preġudizzju għal xi deċiżjoni sussegwenti possibbli mill-Qorti jew awtorità kompetenti dwar ir-responsabbilità ta’ dawk l-ispejjes."

13     L-Artikolu 7 tar-Regolament huwa fformulat kif ġej:

"Notifika ta’ dokumenti

1.      L-aġenzija li tirċievi għandha hija stess tinnotifika d-dokument jew tara li jkun notifikat, jew bi qbil mal-liġijiet ta’ l-Istat Membru indirizzat jew b’formula partikolari mitluba mill-aġenzija li titrasmetti, sakemm metodu bħal dan ma jkunx inkompatibbli mal-liġi ta’ dak l-Istat Membru.

2.      Il-passi kollha meħtieġa għan-notifika tad-dokument għandhom ikunu effettwati malajr kemm jista’ jkun possibbli. F’kull każ, jekk ma jkunx possibbli li ssir in-notifika fi żmien xahar wieħed mill-wasla tiegħu, l-aġenzija li tirċievi għandha tinforma lill-aġenzija li tittrażmetti permezz ta’ ċertifikat fil-formula normali [li tidher] fl-Anness, li hi għandha tħejji permezz tal-kondizzjonijiet li hemm referenza għalihom fl-Artikolu 10 (2). Il-perjodu għandu jkun ikkalkulat bi qbil mal-liġi ta’ l-Istat Membru indirizzat."

14     L-Artikolu 8 ta' l-imsemmi Regolament jipprovdi:

"Rifjut ta’ aċċettazzjoni ta’ dokument

1.      L-aġenzija li tirċievi għandha tinforma lill-indirizzat li hu jew hi jistgħu jirrifjutaw li jaċċettaw id-dokument li għandu jkun notifikat jekk dan ikun b’xi lingwa oħra apparti minn waħda minn dawn il-lingwi li ġejjin:


a)       il-lingwa uffiċjali ta’ l-Istat Membru indirizzat jew, jekk ikun hemm diversi lingwi uffiċjali f’dak l-Istat Membru, il-lingwa uffiċjali jew waħda mill-lingwi uffiċjali tal-post fejn in-notifika għandha issir;

jew

b)       il-lingwa ta’ l-Istat Membru tat-trażmissjoni li l-indirizzat ikun jifhem.

2.       Meta l-aġenzija li tirċievi tkun infurmata li l-indirizzat jirrifjuta li jaċċetta d-dokument bi qbil mal-paragrafu 1, hi għandha immedjatament tinforma lill-aġenzija li tittrażmetti permezz taċ-ċertifikat li hemm disposizzjoni dwaru fl-Artikolu 10 u tibgħat lura t-talba u d-dokumenti li tkun mitluba t-traduzjoni tagħhom."

15     L-Artikolu 9 ta' l-istess Regolament huwa fformulat kif ġej:

"Data tan-notifika

1.       Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 8, id-data tan-notifika tad-dokument permezz ta’ l-Artikolu 7 għandha tkun id-data li fiha jkun nnotifikat skond il-liġi ta’ l-Istat Membru indirizzat.

2.       Iżda, meta dokument ikun nnotifikat ma tul perjodu partikolari fil-kuntest tal-proċeduri li għandhom jinġiebu jew li jkunu pendenti fl-Istat Membru ta’ l-oriġini, id-data li għadha titqies fir-rigward ta’ l-applikant għandha tkun stabbilita bil-liġi ta’ dak l-Istat Membru

3.       Stat Membru għandu jkun awtorizzat li jidderoga mid-disposizzjonijiet tal-paragrafi 1 u 2 għal perjodu transitorju ta’ ħames snin, għal raġunijiet xierqa.

Dan il-perjodu transitorju jista’ jiġġedded minn Stat Membru f’intervalli ta’ ħames snin skond is-sistema legali tiegħu. Dak l-Istat Membru għandu jinforma lill-Kummissjoni bil-kontenut ta’ deroga bħal dik u għaċ-ċirkostanzi ta’ dak il-każ."

16     L-Artikolu 19 tar-Regolament jipprovdi:

"Konvenut li ma jidhirx

1.       Meta ċitazzjoni jew dokument ekwivalenti kellu jkun trasmess lil Stat Membru ieħor għall-iskop ta’ notifika, permezz tad-disposizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament, u l-konvenut ma jkunx deher, m’għandhiex tingħata s-sentenza sa kemm ikun stabbilit li:

a)       id-dokument kien nnotifikat b’metodu preskritt bil-liġi internazzjonali ta’ l-Istat Membru indirizzat għan-notifika ta’ dokumenti f’azzjonijiet domestiċi fuq persuni li jkunu fit-territorju tiegħu; jew

b)       id-dokument ikun attwalment imwassal lill-konvenut jew fir-residenza tiegħu permezz ta’ metodu ieħor provdut f’dan ir-Regolament;

u li f’xi wieħed minn dawn il-każi n-notifika jew il-konsenja ssir fi żmien suffiċjenti sabiex il-konvenut ikunu jista’ jiddefendi [ruħhu].

[…]"

17     Ir-Regolament jipprevedi l-użu ta' diversi formuli normali, li huma annessi miegħu. Waħda minn dawn il-formuli, stabbilita skond l-Artikolu 10 tar-Regolament, hija msemmija "Ċertifikat ta' notifika jew ta' nuqqas ta' notifika ta' dokumenti". Il-punt 14 ta' din il-formula jipprovdi għal notazzjoni għal meta d-destinatarju jirrifjuta li jaċċetta d-dokument minħabba l-lingwa użata. Il-punt 15 ta' l-imsemmija formula jindika diversi raġunijiet għan-nuqqas ta' notifika tad-dokument.

18     L-Artikolu 26 (1) sa (3) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 44/2001 tat-22 ta' Diċembru 2000, dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali (ĠU 2001, L 12, p. 1), huwa fformulat kif ġej:

"1.       Meta konvenut domiċiljat fi Stat Membru wieħed ikun infittex f’Qorti ta’ Stat Membru ieħor u li ma jidhirx quddiem il-Qorti, il-Qorti għandha tiddikjara bl-inizjattiva tagħha stess li m’ għandhiex ġurisdizzjoni sa kemm il-ġurisdizzjoni tagħha ma tkunx ġejja mid-disposizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament.

2.       Il-Qorti għandha twaqqaf il-proċedimenti sa kemm ma jkunx jidher li dak il-konvenut seta’ rċieva d-dokument li jiftħu l-proċedimenti jew dokument ekwivalenti fi żmien suffiċjenti sabiex ikun jista’ jħejji d-difiża tiegħu jew li jkunu ttieħdu l-passi kollha meħtieġa għal dan il-għan.

3.       Artikolu 19 ta’ Regolament (KE) Nru 1348/2000 [...] għandhom japplikaw [għandu japplika] minflok id-disposizzjonijiet ta’ paragrafu 2 jekk id-dokument li jiftaħ il-proċedimenti jew dokument ekwivalenti jkun ġie trażmess minn Stat Membru wieħed lill Stat Membru ieħor bis-saħħa ta’ dan ir-Regolament."

19     Minn barra dan, l-Artikolu 34 (2) tar-Regolament Nru 44/2001, jipprevedi li deċiżjoni mogħtija fi Stat Membru ma tiġix rikonoxxuta fi Stat Membru ieħor "jekk il-konvenut ma kienx ġie servut [nnotifikat] bid-dokument li jkun fetaħ il-proċedimenti jew b’dokument ekwivalenti fi żmien suffiċjenti u b’tali manjiera li dan ikun jista’ jħejji għad-difiża tiegħu, sa kemm id-difensur ma jkunx naqas milli jibda l-proċedimenti biex jiddisputa s-sentenza meta kien possibli għalih jagħmel hekk".

 Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

20     Mid-deċiżjoni ta' rinviju jirriżulta li, is-sur Leffler, permezz taċ-ċitazzjoni tiegħu tat-22 ta' Ġunju 2001, ressaq lill-Berlin Chemie quddiem il-President tal-Rechtbank te Arnhem sabiex jikseb ir-revoka tal-mandati ta' sekwestru magħmula minn din il-kumpannija, kif ukoll ordni li tiprojbixxi lil din ta' l-aħħar milli toħroġ mandati ġodda ta' sekwestru. Berlin Chemie kkontestat it-talba u, permezz tad-digriet tat-13 ta' Lulju 2001, il-President tar-Rachtbank ċaħad it-talbiet tas-sur Leffler.

21     Permezz ta' rikors tas-27 ta' Lulju 2001, ippreżentat fl-uffiċju ta' l-avukat ta' Berlin Chemie, is-sur Leffler ressaq appell quddiem il-Gerechtshof te Arnhem. Berlin Chemie ġiet ordnata tidher quddiem dik il-Qorti fis-seduta tas-7 ta' Awissu 2001.

22     Madankollu, safejn il-kawża in kwistjoni ma ġietx imniżżla fil-lista tal-kawżi tal-Gerechtshof, is-sur Leffler għamel mod li jiġi nnotifikat, fid-9 ta' Awissu 2001, rikors emendat. Bis-saħħa ta' dan ta' l-aħħar, Berlin Chemie ġiet ordnata tidher fis-seduta tat-23 ta' Awissu 2001, iżda din ma resqitx għal dik is-seduta.

23     Wara t-talba tas-sur Leffler sabiex tagħti deċiżjoni kontra l-Berlin Chemie minħabba li din ma dehritx, il-Gerechtshof iddeċidiet li tissospendi l-proċedura sabiex tagħti l-ooportunità lir-rikorrenti jintima l-imsemmija kumpannija sabiex tidher, skond l-Artikolu 4(7) (verżjoni preċedenti) tal-Kodiċi ta' Proċedura Ċivili Olandiż (Wetboek van Burgerlijke Rechtsvordering) u skond ir-Regolament.

24     Biċ-ċitazzjoni tas-7 ta' Settembru 2001, innotifikata lill-uffiċju tal-Prokuratur Generali tal-Gerechtshof, Berlin Chemie ġiet intimata tidher għas-seduta tad-9 ta' Ottubru 2001. Madankollu din il-kumpannija ma dehritx għall-imsemmija seduta.

25     Fuq it-talba tas-sur Leffler sabiex tagħti deċiżjoni kontra l-Berlin Chemie minħabba li din ma dehritx, il-Gerechtshof reġgħet iddeċidiet li tissospendi l-proċedura din id-darba sakemm jiġu ppreżentati elementi li juru li n-notifika kienet seħħet skond l-Artikolu 19 tar-Regolament. Ċerti dokumenti ġew ippreżentati fis-seduta ta' l-4 ta' Diċembru 2001.

26     Permezz tas-sentenza tat-18 ta' Diċembru 2001, il-Gerechtshof irrifjutat li tagħti deċiżjoni kontra l-Berlin Chemie minħabba li din ma dehritx kif kien talabha s-sur Leffler u ddeċidiet li l-proċedura kienet magħluqa.

27     Il-punti relevanti ta' l-imsemmija sentenza, hekk kif riprodotti mill-Qorti ta' rinviju, huma dawn li ġejjin:

"3.1 Mill-elementi ppreżentati jirriżulta li n-notifika taċ-ċitazzjoni indirizzata lil Berlin Chemie seħħet skond il-liġi Ġermaniża, madankollu Berlin Chemie irrifjutat li tirċevi d-dokumenti minħabba li dawn ma kinux miktuba bil-Ġermaniż.

3.2 Iċ-ċitazzjoni ppreżentata fil-Ġermanja ma kinitx ġiet tradotta fil-lingwa uffiċjali ta' l-Istat mitlub jew f'lingwa li d-destinatarju jifħem. Din għalhekk ma tissodisfax il-ħtiġijiet imsemmija fl-Artikolu 8 tar-Regolament KE fuq in-notifika. Konsegwentement, għanda tiġi miċħuda t-talba għal deċiżjoni minħabba li parti ma dehritx."

28     Is-sur Leffler ressaq appell fil-Kassazzjoni kontra s-sentenza tat-18 ta' Diċembru 2001. Huwa jsostni li l-Gerechtshof kienet għamlet żball ta' dritt fil-punt 3.2 tar-raġunijiet ta' dik is-sentenza. Skond dan, l-imsemmija Qorti kellha tagħti deċiżjoni minħabba li parti ma dehritx, alternattivament, huwa jqis li kellha tappunta data ġdida għas smiegħ u tordna li Berlin Chemie tkun intimata tidher f'dik il-ġurnata, wara li jkunu ġew rettifikati żbalji eventwali fiċ-ċitazjonijiet preċedenti.

29     Il-Qorti ta' rinviju tikkonstata li l-Artikolu 8 tar-Regolament ma jipprovdix għall-konsegwenzi f'każ li notifika ma tiġix aċċettata. Hija tosserva b'mod partikolari:

"[...] Jista jkun possibli li jiġi meqjus li, peress li d-destinatarju jirrifjutat li jaċċetta d-dokument għal raġunijiet validi, għandu jiġi kkunsidrat li n-notifika ma seħħitx. Madankollu irid ukoll jingħad li huwa permess, wara li d-destinatarju jirrifjuta li jaċċetta d-dokument, li dan in-nuqqas jiġi rrettifikat billi terġa tingħata traduzzjoni lil-persuna kkonċernata. F'din l-aħħar ipoteżi, timponi ruħha l-kwistjoni tat-terminu taż-żmien u l-modalitajiet li bihom it-traduzzjoni għanda tiġi mgħarrfa lid-destinatarju. Sabiex it-traduzzjoni tiġi mgħarrfa lid-destinatarju, hemm bżonn li wieħed jimxi ma l-indikazzjonijiet tar-Regolament dwar in-notifika jew inkella dan jista' jsir b'mod ħieles? Huwa importanti wkoll li jiġi determinat, la darba hemm il-possibbiltà ta' rettifika, jekk id-dritt proċedurali nazzjonali japplikax f'dan ir-rigward."

30     Il-Hoge Raad der Nederlanden għalhekk iddeċidiet li tissospendi l-proċedura u tqiegħed quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja t-talbiet preliminari li ġejjin:

"1)      Għandu l-Artikolu 8(1) tar-Regolament jiġi interpretat fis-sens li, fil-każ fejn id-destinatarju jirrifjuta li jaċċetta d-dokument minħabba l-ksur tar-regola stabbilita f'din id-dispożizzjoni f'dak li jirrigwarda l-lingwa, jippermetti lill-mittenti jirrettifika dan in-nuqqas?

2)      Jekk ir-risposta għall-ewwel mistoqsija tkun fin-negattiv, għandu r-rifjut li jiġi aċċettat dokument jiġi meqjus li, fid-dritt, iċaħħad lin-notifika minn kull effett?

3)      Fil-każ fejn ir-risposta għall-ewwel mistoqsija tkun pożittiva:

a)      F'liema terminu u b'liema mod għanda t-traduzzjoni tiġi mgħarrfa lid-destinatarju?

L-eżiġenzi msemmija mir-regolament għat-trażmissjoni u n-notifika tad-dokumenti jiswew ukoll għat-trażmissjon tat-traduzzjoni, jew dan il-mod ta' trażmissjoni jista' jsir liberament?

b)      Għandu d-dritt proċedurali nazzjonali japplika għall-possibbiltà li jiġi rrettifikat in-nuqqas?"

 Fuq it-talbiet preliminari

 Fuq l-ewwel talba

31     Permezz ta' l-ewwel talba tagħha, il-Qorti ta' rinviju tistaqsi jekk l-Artikolu 8(1) tar-Regolament għandux jiġi interpretat fis-sens li, kemm il-darba d-destinatarju ma jaċċettax dokument li kien indirizzat lilu minħabba li ma kienx miktub f'lingwa uffiċjali ta' l-Istat Membru mitlub jew f'lingwa ta' l-Istat Membru li jittrażmetti li l-imsemmi destinatarju jifhem, il-mittenti jistax jirrimedja għan-nuqqas ta' traduzzjoni.

 Osservazzjonijiet ippreżentati lill-Qorti tal-Ġustizzja

32     Il-Gvernijiet tal-Ġermanja u tal-Finlandja jqisu li l-konsegwenzi tar-rifjut tad-dokument għandhom jiġu ddeterminati skond id-dritt nazzjonali. Is-sostenn ta' din it-teżi huma jinvokaw il-kummentarju ta' l-Artikoli 5 u 8 li jidhru fir-rapport ta' spjegazzjoni tal-Konvenzjoni, ir-rinviju tal-Qorti tal-Ġustizzja, fis-sentenza tat-3 ta' Lulju 1990, Lancray (C-305/88, Ġabra p. I-2725, punt 29), id-dritt nazzjonali sabiex tiġi evalwata r-rettifika eventwali tal-vizzju ta' notifika kif ukoll ix-xogħolijiet preparatorji tar-Regolament, hekk kif deskritt minn kummentatur, li minnhom jirriżulta li d-delegazzjonijiet ta' l-Istati Membri ma wrewx ix-xewqa li r-regolament ikun ta' xkiel għad-dritt proċedurali nazzjonali. Skond is-soluzzjoni prevista mil-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli, ma jkunx possibbli rimedju fin-nuqqas ta' traduzzjoni.

33     Is-sur Leffler, il-Gvern Olandiz, Franċiż u Portugiż, kif ukoll il-Kummissjoni, fis-sottomissjonijiet verbali tagħhom, isostnu li l-konsegwenzi ta' rifjut ta' aċċettazzjoni ta' dokument għandhom jirriżultaw minn interpretazzjoni awtonoma tar-Regolament u li, skond ir-Regolament stess, għandu jkun permess rimedju għan-nuqqas ta' traduzzjoni. Huma jiġbdu l-attenzjoni fuq l-għan tar-Regolament li jħaffef u li jissemplifika l-proċeduri ta' notifika ta' dokumenti u jenfasizzaw li l-fatt li ma jkunx permess rmedju għan-nuqqas ta' traduzzjoni jneħħi mill-effikaċja ta' l-artikolu 5(1) tar-Regolament, peress li, f'dan il-każ, l-operaturi ma jieħdu ebda riskju u sistematikament jittraduċu d-dokumenti. Huma josservaw min-naħa l-oħra li t-termini "li t-traduzjoni tagħhom hija mitluba " li jidhru fl-Artikolu 8(2) tar-Regolament jagħmlu sens biss safejn ikun possibbli li jiġi rmedjat in-nuqqas ta' traduzzjoni, kif ukoll il-fatt li ċerti siltiet tar-rapport ta' spjegazzjoni tal-konvenzjoni jagħtu x'jifhem bl-eżistenza ta' tali possibbiltà.

34     Il-Kummissjoni min-naħa l-oħra ssostni diversi elementi li jiġġustifikaw li n-nuqqas ta' traduzzjoni mhuwiex ikkunsidrat bħala kawża ta' nullità assoluta tan-notifika. B'mod partikolari, il-formuli normali jiddistingwu bejn in-notamenti dwar in-nuqqas ta' notifika regolari (punt 15 tal-formula stabbilita skond l-Artikolu 10 tar-Regolament) u dawk dwar rifjut ta' dokument għal raġunijiet lingwistiċi (punt 14 ta' l-istess formula). Barra minn hekk, l-Artikolu 8(2) tar-Regolament jirrigwarda r-rinviju tad-dokumenti li tagħhom tintalab it-traduzzjoni, u mhux tad-dokumenti kollha, kif kien ikun il-każ kieku n-notifika ma kellha ebda effett. Il-Kummissjoni tenfasizza li ebda test ma jipprevedi n-nullità awtomatika tan-notifika fil-każ fejn ma jkunx hemm traduzzjoni u li l-aċċettazzjoni ta' tali nullità tmur kontra l-prinċipju li jgħid li nullità trid tkun prevista f'test ("ebda nullità mingħajr test"). Fl-aħħar hija tosserva li nullità assoluta teċċedi dak li huwa neċessarju sabiex ikunu mħarsa l-interessi tad-destinatarju, filwaqt li nullità ma tistax tiġi kkonċepita mingħajr ilment ("l-ebda nullità mingħajr ilment").

35     Berlin Chemie ssostni li s-semplifikazzjoni tan-notifiki m'għandiex isseħħ la b'detriment taċ-ċertezza legali u lanqas tad-drittijiet tad-destinatarju. Dan ta' l-aħħar għandu jkun jista' jifhem kemm jista' jkun malajr f'liema tip ta' proċedura huwa mdaħħal u jipprepara d-difiża tiegħu b'mod xieraq. Berline Chemie tesponi li, f'każ ta' dubju fuq l-urġenza eventwali tal-proċedura in kwistjoni, id-destinatarju tad-dokument għandu, bħala prekawzjoni, jittraduċi huwa stess dan id-dokument, filwaqt li m'għandhux ikun huwa li jerfa r-responsabbiltà u jbati l-ispejjeż tan-nuqqas ta' traduzzjoni. Min-naħa l-oħra, il-mittenti jkun infurmat fuq ir-riskji marbutin ma' nuqqas ta' traduzzjoni u jkun jista' jieħu l-passi meħtieġa sabiex jevithom. Fl-aħħar, il-fatt li jkun permess rimedju għan-nuqqas ta' traduzzjoni jikkawża dewmien fil-proċeduri, b'mod partikolari fl-ipoteżi fejn il-Qorti jkollha qabel kollox tiddetermina jekk ir-rifjut ta' aċċettazzjoni tad-dokument mhux tradott huwiex ġustifikat. Dan jista jagħti lok għal ċerti abbużi f'dan ir-rigward.

36     F'dak li jirrigwarda l-protezzjoni tad-destinatarju, konvenut f'kawża, M. Leffler u l-Gvern Olandiż isostnu li din hija assigurata biżżejjed permezz ta' l-Artikolu 19 tar-Regolament. L-istess bħal Gvern Franċiż, huma jqisu li l-Qorti għandha s-setgħa li tiffissa t-termini sabiex jittieħdu in kunsiderazzjoni l-interessi tal-partijiet in kwistjoni u, b'mod partikolari, li tippermetti lill-konvenut jipprepara d-difiża tiegħu. Dwar id-dewmien fil-proċedura ikkawżat mill-ħtieġa ta' rmedju għan-nuqqas ta' traduzzjoni, il-Gvern Olandiż isostni li essenzjalment dan ikun iktar ta' dannu għar-rikorrenti milli għall-konvenut destinatarju.

 Ir-risposta tal-Qorti tal-Ġustizzja

37     Bilfors għandu jiġi kkonstatat li l-Artikolu 8 tar-Regolament ma jipprovdix għall-konsegwenzi legali li jirriżultaw mir-rifjut ta' destinatarju li jaċċetta dokument minħabba li dan ma jkunx miktub f'lingwa uffiċjali ta' l-Istat Membru mitlub jew f'lingwa ta' l-Istat Membru li jittrażmetti u li d-destinatarju jifhem.

38     Madankollu, id-dispożizjonijiet l-oħra tar-Regolament, l-għan imfakkar fil-premessi 2 u 6 sa' 9 tar-Regolament, li tkun assigurata l-ħeffa u l-effiċjenza tat-trażmissjoni tad-dokumenti u l-effikaċja li għanda tingħaraf lill-possibbiltà, prevista fl-Artikoli 5 u 8 ta' l-imsemmi Regolament, li d-dokument ma jiġix tradott fil-lingwa uffiċjali ta' l-Istat mitlub, jiġġustifikaw li tkun prekluża n-nullita tad-dokument meta dan ikun irrifjutat mid-destinatarju minħabba li ma jkunx miktub fl-imsemmija lingwa jew f'lingwa ta' l-Istat Membru li jittrażmetti u li d-destinatarju jifhem, iżda li, min-naħa l-oħra, tkun permessa l-possibbiltà ta' rmedju għan-nuqqas ta' traduzzjoni.

39     Qabel kollox, hemm lok li jiġi kkonstatat li ebda dispożizzjoni tar-Regolament ma tipprevedi li r-rifjut tad-dokument minħabba li d-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 8 ma ġewx irrispettati jġib miegħu n-nullità ta' dan id-dokument. Bil-kontra ta' dan, jekk ir-Regolament ma jispeċifikax il-konsegwenzi eżatti tar-rifjut ta' dokument, minn ta' l-anqas diversi dispożizzjonijiet tiegħu jagħtu x'jifhem li n-nuqqas ta' traduzzjoni jista' jiġi rrimedjat.

40     Għalhekk, ir-referenza "dokumenti li tagħhom hija mitluba t-traduzjoni", li tidher fl-Artikolu 8(2) tar-Regolament, tfisser li huwa possibbli għad-destinatarju li jitlob traduzzjoni u, għalhekk, għall-mittenti li jirrimedja n-nuqqas ta' traduzzjoni billi jibgħat it-traduzzjoni meħtieġa. Din ir-referenza fil-fatt hija differenti mit-termini "dokumenti trażmessi" użati fl-Artikolu 6(2) u (3) tar-Regolament sabiex jindikaw id-dokumenti kollha mibgħuta mill-aġenzija li tittrażmetti lill-aġenzija li tirċevi u mhux għal parti minnhom biss.

41     Bl-istess mod, il-formula normali li tiċċertifika n-notifika jew in-nuqqas tagħha, mimlija skond kif stabbilit fl-Artikolu 10 tar-Regolament, ma tinkludix ir-rifjut tad-dokument minħabba r-raġuni tal-lingwa użata fost ir-raġunijiet li għalihom ma seħħitx in-notifika, iżda tipprovdi post separat għal dan in-notament. Dan jippermetti l-konklużjoni li rifjut tad-dokument m'għanduk jiġi kkunsidrat bħala nuqqas ta' notifika.

42     Min-naħa l-oħra, jekk jiġi meqjus li dan ir-rifjut qatt ma jista' jkun irmedjat, dan ikun ta' dannu għad-drittijiet tal-mittenti b'tali mod li dan qatt ma jieħu r-riskju li jinnotifika dokument mhux tradott, b'tali mod li tiġi kkontestata l-effikaċja tar-regolament u, b'mod iktar partikolari, tad-dispożizzjonijiet tiegħu li jirrigwardaw it-traduzzjoni tad-dokumenti, li jikkontribwixxu għall-għan li titħaffef it-trażmissjoni tagħhom.

43     Fir-rigward ta' din l-interpretazzjoni ma jistax ikollu suċċess l-argument li l-konsegwenzi tar-rifjut tad-dokument għandhom ikunu determinati mid-dritt nazzjonali. F'dan ir-rigward ma jistgħux jiġu invokati l-kummentarji li jidru fir-rapport ta' spjegazzjoni tal-Konvenzjoni, id-deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Lancray, iċċitata iktar 'il fuq, jew ix-xogħolijiet preparatorji tar-Regolament.

44     Fil-fatt, jekk id-dritt nazzjonali jitħalla jiddetermina l-istess prinċipju tal-possibbiltà li jiġi rrimedjat in-nuqqas ta' traduzzjoni, dan jippreġudika kull applikazzjoni uniformi tar-Regolament, għaliex mhuwiex eskluż li l-Istati Membri jipprovdu soluzzjonijiet diverġenti f'dan ir-rigward.

45     Issa, l-għan tat-Trattat ta' Amsterdam li tinħoloq żona ta' libertà, ta' sigurta u ta'ġustizzja li tagħti lill-Komunita dimensjoni ġdida, u t-trasferiment, mit-Trattat UE għat-Trattat KE , tas-sistema li tippermetti l-adozzjoni ta' miżuri li jaqgħu fl-ambitu tal-kooperazzjoni ġudizzjarja f'materji ċivili li jkollhom implikazzjonijiet transfrontaljeri juri r-rieda ta' l-Istati Membri li jistabbilixxu tali miżuri fl-ordinament ġudizzjarju tal-Komunita u b'hekk jistabbilixxu l-prinċipju li għandhom ikunu interpretati b'mod awtonomu.

46     Bl-istess mod, l-għażla tal-forma ta' Regolament, iktar milli dik ta' Direttiva li għall-ewwel kienet proposta mill-Kummissjoni, turi l-importanza li l-legiżlatur Komunitarju jagħti lin-natura direttament applikabbli tad-dispożizzjonijiet ta' l-imsemmi Regolament u l-aplikazzjoni uniformi tagħhom.

47     Minn dan isegwi li, għalkemm utli, il-kummentarji li jidhru fir-rapport ta' spjegazzjoni tal-Konvenzjoni, li ġiet adottata qabel ma daħal fis-seħħ it-Trattat ta' Amsterdam, ma jistgħux jiġu invokati kontra interpretazzjoni awtonoma tar-Regolament li titlob applikazzjoni uniformi għar-rifjut tad-dokumnet għar-raġuni li dan id-dokument ma ġiex miktub f'lingwa uffiċjali ta' l-Istat Membru mitlub jew f'lingwa ta' l-Istat Membru li jittrażmetti u li d-destinatarju jifhem. Bl-istess mod, għandu jiġi osservat li l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja kif tirriżulta mis-sentenza Lancray, iċċitata iktar 'il fuq, tinsab fil-kuntest ta' l-interpretazzjoni ta' strument ġudizzjarju ta' natura differenti u li, b'differenza mir-Regolament, mhijiex intiża sabiex tistabbilixxi sistema ta' notifika intrakomunitarja.

48     Fl-aħħar, f'dak li jirrigwarda l-konklużjonijiet li wasal għalihom il-Gverm Ġermaniż fuq ix-xogħolijiet preparatorji deskritti minn kummentatur, huwa biżżejjed li jiġi osservat li l-allegata rieda tad-delegazzjonijiet ta' l-Istati Membri ma ħaditx sura fl-istess test tar-Regolament. Minn dan isegwi li dawn l-allegati xogħolijiet preparatorji ma jistgħux jiġu invokati kontra interpretazzjoni awtonoma tar-Regolament intiża sabiex tassigura l-effikaċja tad-dispożizzjonijiet li jinstabu fiħ, fid-dawl ta' l-applikazzjoni uniformi tiegħu fi-ħdan il-Komunita, fir-rispett tal-finijiet tiegħu.

49     Li r-Regolament jiġi interpretat bħala li jitlob il-possibbiltà li jiġi rmedjat in-nuqqas ta' traduzzjoni bħala konsegwenza uniformi tar-rifjut tad-dokument minħabba li dan id-dokument ma ġiex miktub f'lingwa uffiċjali ta' l-Istat Membru mitlub jew f'lingwa ta' l-Istat Membru mitlub u li d-destinatarju jifhem ma jikkontestax l-importanza tad-dritt nazzjonali u l-funzjoni tal-Qorti nazzjonali. Fil-fatt, kif jirriżulta min ġurisprudenza kostanti, fin-nuqqas ta' dispożizzjonijiet komunitarji, huwa l-ordni ġudizzjarju intern ta' kull Stat Membru li għandu jirregola l-modalitajiet proċedurali ta' azzjonijiet legali intiżi li jassiguraw il-ħarsien tad-drittijiet ta' l-individwi li jirriżultaw mill-effett dirett tad-dritt komunitarju (ara, b'mod partikolari, is-sentenza tas-16 ta' Diċembru 1976, Rewe, 33/76, Ġabra p. 1989, punt 5).

50     Il-Qorti tal-Ġustizzja madankollu ppreċiżat li dawn il-modalitajiet ma jistgħux ikunu inqas favorevoli minn dawk li jirrigwardaw drittijiet li joriġinaw mill-ordni ġudizzjarju intern (prinċipju ta' l-ekwivalenza) u li dawn m'għandhomx jagħmlu l-użu tad-drittijiet mogħtija mill-ordni ġudizzjarju komunitarju pratikament impossibbli u eċċessivament diffiċli (prinċipju ta' effettività) (ara s-sentenzi Rewe, iċċitata iktar il-fuq punt 5; ta' l-10 ta' Lulju 1997, Palmisani, C-261/95, Ġabra p. I-4025, punt 27, u tal-15 ta' Settembru 1998, Edis, C-231/96, Ġabra p. I-4951, punt 34). F'dan ir-rigward, kif osserva l-Avukat Ġenerali fil-punti 38 u 64 tal-konklużjonijiet tiegħu, il-prinċipju ta' effettività għandu jwassal lill-Qorti nazzjonali li tapplika l-modalitajiet proċedurali previsti mill-ordni gudizzjarju intern biss safejn dawn ma jikkontestawx l-għanijiet u l-finalitajiet tar-Regolament.

51     Minn dan isegwi li, peress li r-Regolament ma jipprevedix il-konsegwenzi ta' ċerti fatti, hija l-Qorti nazzjonali li għandha tapplika, fil-prinċipju, id-dritt nazzjonali tagħha filwaqt li tishar sabiex tkun assigurata l-effikaċja tad-dritt komunitarju, u dan jista' jwassalha li, jekk ikun hemm bżonn, twarrab liġi nazzjonali li tkun ta' xkiel jew li tinterpreta liġi nazzjonali li oriġinalment kienet intiża biss għal sitwazzjoni interna sabiex tkun tista' taplikha għas-sitwazzjoni transfrontaliera in kwistjoni (ara b'mod partikolari, f'dan is-sens, is-sentenzi tad-9 ta' Marzu 1978, Simmenthal, 106/77, Ġabra p. 629, punt 16; tad-19 ta' Ġunju 1990, Factortame et., C-213/89, Ġabra p. I-2433, punt 19; ta' l-20 ta' Settembru 2001, Courage u Crehan, C-453/99, Ġabra p. I-6297, punt 25, u tas-17 ta' Settembru 2002, Muñoz u Superior Fruiticola, C-253/00, Ġabra p. I-7289, punt 28).

52     Hija wkoll il-Qorti nazzjonali li għandha tishar sabiex ikunu mħarsa d-drittijiet tal-partijiet fil-kawża, b'mod partikolari l-possibbiltà, għad-destinatarju, li jkollu biżżejjed żmien sabiex iħejji d-difiża tiegħu jew id-dritt, għall-parti li tkun ittrażmettiet id-dokument, li ma tbatix, per eżempju fi proċedura ta' urġenza fejn il-konvenut ma jidhirx, il-konsegwenzi negattivi ta' rifjut ta' aċċettazzjoni ta' dokument li jkun purament dilatorju u evidentement abużiv, meta jista' lkun ippruvat li l-persuna li lilha dan id-dokument kien indirrizat kienet tifhem il-lingwa ta' l-Istat Membru li jittrażmetti u li biha l-imsemmi dokument kien miktub.

53     Għalhekk, it-tweġiba għall-ewwel talba, jiġifieri jekk l-Artikolu 8(1) tar-Regolament għandux jiġi interpretat fis sens li, peress li d-destinatarju tad-dokument irrifjutaħ minħabba li dan ma ġiex miktub f'lingwa uffiċjali ta' l-Istat Membru mitlub jew f'lingwa ta' l-Istat Membru li jittrażmetti li d-destinatarju jifhem, il-mittenti għandu l-possibbiltà li jirmedja billi jibgħat it-traduzzjoni.

 Fuq it-tieni talba

54     It-tieni talba, magħmula fil-każ fejn l-Artikolu 8 tar-Regolament jiġi interpretat fis-sens li mhuwiex possibbli li n-nuqqas ta' traduzzjoni ma jistax isib rimedju, trid tara jekk ir-rifjut tad-dokument għandux bħala konsegwenza li jċaħħad lin-notifika minn kull effett.

55     Fid-dawl tar-risposta mogħtija għall-ewwel talba, mhemmx lok li tingħata rispost għat-tieni talba.

 Fuq it-tielet talba

56     Permezz tat-tielet talba magħmula fil-każ ta' risposta pożittiva għall-ewwel talba, l-Qorti ta' rinviju sostanzjalment saqsiet f'liema terminu u b'liema mod għandha t-traduzzjoni tiġi mgħarrfa lid-destinatarju u jekk id-dritt proċedurali nazzjonali japplikax għall-possibbiltà li jiġi rmedjat in-nuqqas ta' traduzzjoni.

 L-osservazzjonijiet imressqa quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

57     F'dak li jirrigwarda t-teminu li fih wieħed jista' jirmedja għan-nuqqas ta' traduzzjoni, il-Gvern Olandiż u dak Portugiż jirreferu għall-Artikolu 7(2) tar-Regolament. Huma jqisu li t-traduzzjoni għandha tintbgħat mill-iktar fis possibbli u li t-terminu ta' xahar jista' jkun ikkunsidrat bħala raġonevoli.

58     Dwar l-effett tat-trażmissjoni tat-traduzzjoni fuq it-terminu, il-Gvern Olandiż isostni li, anke jekk id-destinatarju kien iġġustifikat li jirrifjuta d-dokument indirizzat lilu, għandu xorta waħda jinżamm l-effett ta' salvagwardja tat-terminu previst fl-Artikolu 9(2) u (3) tar-Regolament. Il-Kummissjoni tosserva li d-dati tan-notifika jiġu ddeterminati skond l-imsemmi Artikolu 9. F'dak li jirrigwarda d-destinatarju, hija biss in-notifika tad-dokument tradott li tiġi kkunsidrata, u dan jispjega t-termini "mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 8" li jidhru fl-Artikolu 9(1) ta' l-istess Regolament. F'dak li jirrigwarda r-rikorrent, id-data tibqa' tiġi ddeterminata skond l-Artikolu 9(2).

59     Il-Gvern Franċiż ifakkar li l-Qorti għandha tkun tista' tbiddel it-termini ta' żmien sabiex tippermetti lid-destinatarju tad-dokument jipprepara d-difiża tiegħu.

60     F'dak li jirrigwarda l-modalitajiet li bihom għanda tintbgħat it-traduzzjoni, is-sur Leffler, il-Gvern Franċiż u dak Portugiż iqisu li t-trażmissjoni tat-traduzzjoni għanda ssir skond il-ħtiġiet tar-Regolament. Il-Gvern Olandiż isostni, min-naħa l-oħra, li t-trażmissjoni tista ssir b'mod informali iżda li, sabiex jiġi evitat kull ekwivoku, ikun aħjar li tiġi evitata trażmissjoni diretta mill-aġenzija li tittrażmetti lid-destinatarju u li jkun aħjar li tgħaddi minn idejn l-aġenzija li tirċevi.

61     Berlin Chemie ssostni li, jekk il-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi li t-trażmissjoni tat-traduzzjoni hija possibbli, hemm bżonn, sabiex tiġi ggarantita ċ-ċertezza legali, li l-konsegwenzi ta' din il-possibbiltà jkunu armoniżżati, b'mod konformi ma' l-għanijiet tar-Regolament.

 Ir-risposta tal-Qorti tal-Ġustizzja

62     Għalkemm l-Artikolu 8 tar-Regolament ma fiħx dispożizzjonijiet preċiżi dwar ir-regoli li għandhom jiġu segwiti meta jkun hemm bżonn li jiġi rmedjat rifjut ta' dokument minħabba li dan ma ġiex miktub f'lingwa uffiċjali ta' l-Istat Membru indirizzat jew f'lingwa ta' l-Istat Membru li jittrażmetti li d-destinatarju tad-dokument jifhem, għandu madankollu jiġi kkonstatat li l-prinċipji ġenerali tad-dritt komunitarju u d-dispożizzjonijiet l-oħra tad-dokument jagħtu numru ta' indikazzjonijiet lill-Qorti nazzjonali, sabiex tingħata effikaċja lir-Regolament.

63     Għal raġunijiet ta' ċertezza legali, ir-Regolament għandu jiġi interpretat fis-sens li n-nuqqas ta' traduzzjoni għandu jiġi rmedjat skond il-modalitajiet previsti f'dan ir-Regolament.

64     Meta l-aġenzija li tittrażmetti tkun infurmata li d-destinatarju rrifjuta li jaċċetta d-dokument minħabba nuqqas ta' traduzzjoni, u jekk ikun hemm bżonn wara li tisma' lir-rikorrenti, din għandha, skond l-Artikolu 4(1) tar-Regolament, tirmedja għal dan billi tibgħat it-traduzzjoni mill-iktar fis possibbli. F'dan ir-rigward, kif issuġġerew il-Gvern Olandiż u dak Portugiż, terminu ta' xahar, li jibda jiddekorri minn meta l-agenzija li tittrażmetti tkun infurmata bir-rifjut, jista' jkun ikkunsidrat bħala xieraq iżda l-Qorti nazzjonali tista' tevalwa dan it-terminu fid-dawl taċ-ċirkustanzi. Għandu jiġi kkunsidrat, b'mod partikolari, il-fatt li ċerti testi jistgħu jkunu ta' tul mhux tas-soltu u li jkunu jridu jiġu tradotti f'lingwa li għaliha ma tantx ikun hemm tradutturi disponibbli.

65     F'dak li jirrigwarda l-effett tat-trażmissjoni ta' traduzzjoni fuq id-data tan-notifika, hemm lok li tiġi determinata b'analoġija mas-sistema ta' data doppja kif stabbilita fl-Artikolu 9(1) u (2) tar-Regolament. Sabiex tkun preservata l-effikaċja tar-Regolament, hemm bżonn li d-drittijiet tad-diversi partijiet in kwistjoni jiġu protetti bl-aħjar mod possibbli u bilanċjat.

66     Id-data ta' notifika tista' tkun importanti għar-rikorrenti, per eżempju meta d-dokument notifikat ikun jikkonstitwixxi l-ftuħ ta' proċedura li għanda titressaq f'terminu perenptorju jew ikun intiż sabiex jinterrompi preskrizzjoni. Min-naħa l-oħra, kif ġie indikat fil-punt 38 ta' din is-sentenza, in-nuqqas li jiġu rrispettati d-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 8 (1) tar-Regolament ma jġibx miegħu n-nullità tan-notifika. Fid-dawl ta' dawn l-elementi, hemm lok li jiġi kkunsidrat li r-rikorrent jista' jibbenefika, fir-rigward tad-data, mill-effett ta' l-ewwel notifika safejn dan wera diliġenza sabiex jirmedja d-dokument bit-trażmissjoni mill-aktar fis possibbli tat-traduzzjoni.

67     Madankollu, id-data ta' notifika tista' wkoll tkun importanti għad-destinatarju, b'mod partikolari għaliex din tikkostitwixxi l-punt meta jibda' jiddekorri t-terminu li fiħ jista' jressaq rikors jew jipprepara difiża. Protezzjoni effettiva tad-destinatarju tad-dokument għandha tikkunsidra, fir-rigward tiegħu, biss id-data li fiha setgħa mhux biss isir jaf iżda wkoll jifhem id-dokument innotifikat, jiġifieri d-data li fiha rċeva t-traduzzjoni.

68     Hija l-Qorti nazzjonali li għandha tikkunsidra u tipproteġi l-interessi tal-partijiet in kwistjoni. Għalhekk, b'analoġija ma' l-Artikolu 19 (1) (a) u (b) tar-Regolament, jekk dokument ġie rrifjutat għar-raġuni li dan id-dokument ma ġiex miktub f'lingwa uffiċjali ta' l-Istat Membru mitlub jew f'lingwa ta' l-Istat Membru li jittrażmetti li d-destinatarju tad-dokument jifhem u l-konvenut ma dherx, il-Qorti għandha jissospendi l-proċedura sakemm ma jiġix stabbilit li d-dokument in kwistjoni ġie rrettifikat bit-trażmissjoni ta' traduzzjoni u li minn meta din seħħet, il-konvenut kellu żmien biżżejjed sabiex jiddefendi ruħhu. Dan l-obbligu jirriżulta wkoll mill-prinċipju msemmi fl-Artikolu 26(2) tar-Regolament Nru 44/2001, u r-rispett ta' dan il-prinċipju għandu jiġi mistħarreġ qabel ma tkun rikonoxxuta deċiżjoni, skond l-Artikolu 34 (2) ta' l-istess regolament.

69     Sabiex jissolvew il-problemi marbutin mal-mod ta' kif wieħed għandu jirmedja għan-nuqqas ta' traduzzjoni li mhuwiex previst mir-Regolament hekk kif interpretat mill-Qorti tal-Ġustizzja, hija l-Qorti nazzjonali, kif indikat fil-punti 50 u 51 ta' din is-sentenza, li għandha tapplika d-dritt proċedurali nazzjonali tagħha filwaqt li tara li tassigura l-effikaċità tar-Regolament, fir-rispett ta' l-għan tiegħu.

70     Għalhekk għandu jiġi mfakkar li, meta titressaq kwistjoni li tirrigwarda l-interpretazzjoni tar-Regolament, il-Qorti nazzjonali tista', skond il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 68(1), issaqsi lill-Qorti tal-Gustizzja dwarha.

71     Fid-dawl ta' dawn iċ-ċirkustanzi kollha, it-tweġiba għat-tielet mistoqsija għanda tkun li:

–       L-Artikolu 8 tar-Regolament għandu jiġi interpretat fis-sens li, meta d-destinatarju ta' dokument jirrifjutaħ minħabba li dan id-dokument ma ġiex miktub f'lingwa uffiċjali ta' l-Istat Membru mitlub jew f'lingwa ta' l-Istat Membru li jittrażmetti li d-destinatarju jifhem, din is-sitwazzjoni tista' tiġi rmedjata billi tintbgħat it-traduzzjoni tad-dokument skond il-modalitajiet previsti mir-Regolament u mill-iktar fis possibbli;

–       Sabiex jissolvew il-problemi marbutin mal-mod ta' kif wieħed għandu jirmedja għan-nuqqas ta' traduzzjoni li mhuwiex previst mir-Regolament hekk kif interpretat mill-Qorti tal-Ġustizzja, hija l-Qorti nazzjonali, kif indikat fil-punti 50 u 51 ta' din is-sentenza, li għandha tapplika d-dritt proċedurali nazzjonali tagħha filwaqt li tara li tassigura l-effikaċità ta' l-imsemmi Regolament, fir-rispett ta' l-għan tiegħu.

 Dwar l-ispejjeż

72     Peress li l-proċedura preżenti għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta' kwistjoni mressqa quddiem il-Qorti tar-rinviju, hija din il-Qorti li għandha, għaldaqstant, tiddeċiedi dwar l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjonijiet ta' osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra dawk ta' l-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tiddeċiedi li:

1)      L-Artikolu 8(1) tar-Regolament (KE) tal-Kunsill Nru. 1348/2000 tad-29 ta' Mejju 2000, dwar is-servizz [notifika] fl-Istati Membri ta’ dokumenti ġudizzjarji u extra-ġudizzjarji fi kwistjonijiet [materji] ċivili jew kummerċjali, għandu jiġi interpretat fis-sens li, meta d-destinatarju ta' dokument jirrifjutah minħabba li dan id-dokument ma ġiex miktub f'lingwa uffiċjali ta' l-Istat Membru mitlub jew f'lingwa ta' l-Istat Membru li jittrażmetti li d-destinatarju jifhem, il-mittenti għandu l-possibbiltà li jirmedja għal dan billi jitrasmetti t-traduzzjoni meħtieġa.

2)      L-Artikolu 8 tar-Regolament Nru 1348/2000 għandu jiġi interpretat fis-sens li, meta d-destinatarju tad-dokument jirrifjutaħ minħabba li dan id-dokument ma ġiex miktub f'lingwa uffiċjali ta' l-Istat Membru mitlub jew f'lingwa ta' l-Istat Membru li jittrażmetti li d-destinatarju jifhem, din is-sitwazzjoni tista' tiġi rmedjata billi tintbgħat it-traduzzjoni tad-dokument skond il-modalitajiet previsti mir-Regolament Nru 1348/2000 u mill-iktar fis possibbli.

Sabiex jissolvew il-problemi marbutin mal-mod ta' kif wieħed għandu jirmedja għan-nuqqas ta' traduzzjoni li mhuwiex previst mir-Regolament Nru 1348/2000 hekk kif interpretat mill-Qorti tal-Ġustizzja, hija l-Qorti nazzjonali li għandha tapplika d-dritt proċedurali nazzjonali tagħha filwaqt li tara li tassigura l-effikaċja ta' l-imsemmi Regolament, fir-rispett ta' l-għan tiegħu.

Firem


* Lingwa tal-kawża: l-Olandiż.