Language of document : ECLI:EU:C:2017:15

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

SZPUNAR

ippreżentati fit-12 ta’ Jannar 2017 (1)

Kawża C‑48/16

ERGO Poist’ovňa, a.s.

vs

Alžbeta Barlíková

[Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Okresný súd Dunajská Streda (tribunal distrettwali, Dunajská Streda, is-Slovakkja)]

“Talba għal deċiżjoni preliminari – Aġenti kummerċjali li jaħdmu għal rashom – Direttiva 86/653/KEE – Artikolu 11 – Dritt għal kommissjoni – Estinzjoni – Nuqqas ta’ eżekuzzjoni parzjali ta’ kuntratt bejn terz u prinċipal – Tifsira ta’ ‘raġuni li għaliha l-prinċipal m’għandux ħtija’”






 Introduzzjoni

1.        Dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari mill-Okresný súd Dunajská Streda (tribunal distrettwali, Dunajská Streda, is-Slovakkja) jipprovdi l-opportunità lill-Qorti tal-Ġustizzja biex tikkjarifika għadd ta’ kunċetti ewlenin tal-Artikolu 11 tad-Direttiva 86/653/KEE (2), li jikkonċernaw ir-remunerazzjoni ta’ aġent kummerċjali f’sitwazzjoni fejn kuntratt konkluż bejn prinċipal u terz parzjalment ma jiġix eżegwit.

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt tal-Unjoni

2.        L-Artikolu 11 tad-Direttiva 86/653 huwa fformulat kif ġej:

“1.      Id-dritt għal kommissjoni jista’ jitħassar biss jekk u sal-limiti li:

–        ikun ġie stabbilit li l-kuntratt bejn il-parti terzi u l-prinċipal mhux ser jiġi eżegwit, u

–        l-fatt ikun dovut għal raġuni li għaliha l-prinċipal m’għandux ħtija.

2.      Kull kommissjoni li l-aġent kummerċjali jkun diġà rċieva għandha tingħata lura jekk id-dritt għaliha jitħassar.

3.      M’għandux ikun permess ftehim għal deroga mill-paragrafu 1 għad-detriment ta’ l-aġent kummerċjali.”

 Id-dritt Slovakk

3.        Id-Direttiva 86/653 ġiet trasposta fid-dritt tar-Repubblika Slovakka mill-paragrafu 652 et seq tal-Obchodný zákonník (il-kodiċi kummerċjali) Nru 513/1991.

4.        Skont il-paragrafu 652(1) u (5):

“(1)      Permezz ta’ kuntratt ta’ aġenzija kummerċjali, aġent kummerċjali bħala negozjant jikkommetti ruħu li jwettaq attività għall-prinċipal li twassal għall-konklużjoni ta’ ċertu tip ta’ kuntratti (‘tranżazzjonijiet’) jew li jinnegozja u jikkonkludi tranżazzjonijiet f’isem jew għan-nom tal-prinċipal, u l-prinċipal jikkommetti ruħu li jħallas il-kommissjoni lill-aġent kummerċjali.

[...]

(5)      Sakemm ma jkunx ipprovdut mod ieħor f’dan il-Kapitolu, id-dispożizzjonijiet ta’ ftehim ta’ medjazzjoni għandhom japplikaw għal kuntratt għal aġenzija kummerċjali.”

5.        Barra minn hekk, l-Artikolu 801 tal-Obchodný zákonník (Kodiċi Ċivili) (zákon č. 40/1964 Zb.) jipprovdi dan li ġej:

“(1)      L-assigurazzjoni tintemm meta l-primjum għall-ewwel perijodu tal-assigurazzjoni jew il-primjum ta’ darba ma jkunx tħallas sa tliet xhur minn meta kien dovut.

(2)      L-assigurazzjoni tintemm meta l-primjum għal perijodu ieħor ma jkunx tħallas sa xahar mid-data tal-preżentata ta’ notifika mill-assiguratur għall-ħlas, jekk il-primjum ma jkunx tħallas qabel il-preżentata ta’ dik in-notifika [...]”

 Il-fatti, il-proċedura u d-domandi preliminari

6.        Fit-13 ta’ Marzu 2012, ERGO, kumpannija tal-assigurazzjoni, u Alžbeta Barliková, ir-rikorrenti u l-konvenuta rispettivament fil-kawża prinċipali, ikkonkludew kuntratt intitolat “Ftehim ta’ intermedjazzjoni ma’ aġent finanzjarju marbut” (iktar ’il quddiem il-“kuntratt”).

7.        Il-kuntratt kien jistipula li A. Barlíková kellha tkompli bl-intermedjazzjoni tal-assigurazzjoni bħala aġent finanzjarju marbut għal ERGO. “Intermedjazzjoni” fis-sens tal-kuntratt kienet tikkonsisti fis-sottomissjoni ta’ offerti biex jiġi konkluż kuntratt tal-assigurazzjoni ma’ terz (iktar ’il quddiem il-“klijent”), fil-konklużjoni ta’ kuntratt tal-assigurazzjoni mal-klijent, u fit-twettiq ta’ attivitajiet oħrajn li jwasslu għall-konklużjoni ta’ kuntratt tal-assigurazzjoni mal-klijent. A. Barlíková kienet awtorizzata tikkonkludi u tiffirma kuntratti tal-assigurazzjoni f’isem ERGO.

8.        Il-kuntratt kien jistipula wkoll li l-intermedjazzjoni tkun ta’ suċċess jekk il-klijent ikun ħallas lil ERGO l-primjum għall-assigurazzjoni nnegozjata. Barra minn hekk, A. Barlíková kellha tfittex klijenti b’mod attiv, twettaq analiżi u tipprovdi informazzjoni lill-klijenti.

9.        A. Barlíková kellha tirċievi kommissjoni għall-konklużjoni ta’ kuntratti tal-assigurazzjoni ġodda, li tikkonsisti f’ċertu perċentwali tal-ammont tal-primjum jew tal-primjum annwali ta’ tali kuntratt. Din il-kommissjoni kellha titħallas lil A. Barlíková bil-quddiem, fid-data tal-konklużjoni ta’ kuntratt tal-assigurazzjoni ġdid, bil-kundizzjoni li l-kuntratt tal-assigurazzjoni kkonċernat ikompli u l-primjum ikun tħallas mill-klijent għal perijodu ta’ żmien speċifiku ta’ tliet jew ħames snin. Jekk il-primjum ma jkunx tħallas għall-ewwel xahar, id-dritt ta’ kommissjoni għall-kuntratt tal-assigurazzjoni inkwistjoni kellu jispiċċa. Jekk il-klijent jieqaf iħallas il-primjum għal kwalunkwe raġuni wara l-iskadenza ta’ tliet xhur tat-terminu tal-kuntratt tal-assigurazzjoni, il-kommissjoni kienet titnaqqas b’mod proporzjonali.

10.      A. Barlíková sabet diversi klijenti għal ERGO, li kkonkludew kuntratti tal-assigurazzjoni ma’ din il-kumpannija tal-assigurazzjoni. Fuq din il-bażi hija tħallset il-kommissjoni provviżorjament bil-quddiem. Meta xi wħud mill-klijenti waqfu jħallsu l-primjum miftiehem bejn tliet u sitt xhur wara l-konkluzjoni ta’ kuntratt tal-assigurazzjoni, il-kuntratti tal-assigurazzjoni spiċċaw skont il-liġi, wara li ERGO kienet talbet lill-klijenti jħallsu mingħajr suċċess. Uħud minnhom kienu waqfu jħallsu l-primjum għar-raġuni li “tilfu l-fiduċja fir-rikorrenti”.

11.      Wara li l-kuntratti tal-assigurazzjoni ntemmu, ERGO ħarġet fattura lil A. Barlíková għal kommissjoni ta’ kanċellazzjoni abbażi tad-dispożizzjonijiet ta’ hawn fuq, li tammonta għal EUR 11 421.42, li A. Barlíková ma ħallsitx. ERGO għalhekk ippreżentat rikors.

12.      Fl-osservazzjonijiet tagħha A. Barlíková ssostni li t-tmiem tal-kuntratti tal-assigurazzjoni individwali kien il-ħtija ta’ ERGO. Fil-fehma tagħha ERGO kienet ittrattat lill-klijenti b’mod irraġonevoli. Hija ssostni li ERGO kienet staqsiethom ħafna domandi anki wara l-konklużjoni ta’ kuntratt u fakkrithom biex iħallsu l-primjum anki meta kienu diġà għamlu dan. Bħala riżultat, il-klijenti kienu tilfu l-fiduċja f’ERGO bħala assiguratur u ma baqgħux iħallsu l-primjum. Il-klijenti kienu għamlu stqarrijiet f’dak is-sens f’ittri li bagħtu lil ERGO.

13.      Il-qorti tar-rinviju qed tfittex li tistabbilixxi jekk, abbażi tal-Artikolu 11 tad-Direttiva 86/653, aġent kummerċjali għandux dritt iżomm kommissjoni mħallsa diġà f’każ bħal dak inkwistjoni.

14.      Huwa fil-kuntest ta’ dawn il-proċedimenti li, permezz ta’ digriet tat-23 ta’ Novembru 2015, li wasal għand il-Qorti tal-Ġustizzja fis-27 ta’ Jannar 2016, l-Okresný súd Dunajská Streda (tribunal distrettwali, Dunajská Streda) għamel id-domandi preliminari segwenti:

“1)      L-espressjoni ‘l-kuntratt bejn il-parti terzi u l-prinċipal mhux ser jiġi eżegwit’ fl-Artikolu 11 tad-Direttiva tal-Kunsill 86/653/KEE tat-18 ta’ Diċembru 1986, dwar il-koordinazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri li jirrigwardaw aġenti kummerċjali li jaħdmu għal rashom (iktar ’il quddiem id-‘Direttiva 86/653’) għandha tiġi interpretata fis-sens li tinkludi:

a)      in-nuqqas totali ta’ eżekuzzjoni tal-kuntratt, u għaldaqstant il-każ fejn la l-prinċipal u lanqas it-terz ma jipprovdu, lanqas parzjalment, is-servizzi previsti fil-kuntratt, jew

b)      anki n-nuqqas ta’ eżekuzzjoni parzjali tal-kuntratt, u għaldaqstant, pereżempju, jekk ma jintlaħaqx id-dħul mill-bejgħ stabbilit, jew, jekk ikun il-każ, il-kuntratt ma jkunx ġie osservat għall-perijodu ta’ żmien previst?

2)      Jekk l-interpretazzjoni kellha tkun dik imsemmija fil-paragrafu b) tal-ewwel domanda, l-Artikolu 11(2) tad-Direttiva 86/653 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-klawżola ta’ agenzija kuntrattwali li biha l-aġent ikun obbligat jirritorna kwota proporzjonali tal-provvista [kommissjoni] tiegħu jekk il-kuntratt bejn il-prinċipal u t-terz ma jiġix eżegwit fil-portata prevista, u, b’mod partikolari, fil-portata stabbilita fil-kuntratt ta’ aġenzija kummerċjali, ma jikkostitwixxix deroga għad-detriment tal-aġent?

3)      Fiċ-ċirkustanzi bħal dawk fil-kawża prinċipali, sabiex jiġi evalwat jekk jeżistix ‘fatt […] dovut għal raġuni li għaliha l-prinċipal […] għandu […] ħtija’ fis-sens tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 11(1) tad-Direttiva 86/653, għandhom jiġu eżaminati:

a)      unikament iċ-ċirkustanzi legali li wasslu direttament għax-xoljiment tal-kuntratt (pereżempju, meta x-xoljiment tal-kuntratt ikun dovut għall-inadempjenza tal-obbligi li jirriżultaw minnu minn naħa tat-terz)

b)      jew għandu jiġi eżaminat ukoll jekk tali ċirkustanzi legali kinux konsegwenza tal-imġieba tal-prinċipal fir-rapporti legali mal-imsemmija terz, li jkun wassal għal telf ta’ fiduċja minn naħa tat-terz lejn il-prinċipal u konsegwentement dan ikun wassal lit-terz jikser l-obbligu li jirriżulta mill-kuntratt mal-prinċipal?”

15.      Il-Gvern Slovakk u l-Gvern Ġermaniż ippreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub, kif għamlet ukoll il-Kummissjoni Ewropea.

 Analiżi

 Il-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja

16.      Skont l-Artikolu 1 tad-Direttiva 86/653, id-direttiva għandha l-għan li tarmonizza l-miżuri nazzjonali li jirregolaw ir-relazzjonijiet bejn l-aġenti kummerċjali u l-prinċipali tagħhom f’dak li għandu x’jaqsam man-negozjar “[tal-]bejgħ jew ix-xiri ta’ merkanzija” (3). Madankollu, il-każ inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma jirrigwardax il-bejgħ ta’ merkanzija iżda ta’ servizzi (tal-assigurazzjoni). Għalhekk, id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 86/653 ma japplikawx f’din il-kawża.

17.      Għalhekk, wieħed jista’ jkollu dubji dwar jekk, fuq kollox, il-Qorti tal-Ġustizzja għandhiex ġurisdizzjoni sabiex tagħti deċiżjoni preliminari f’tali każ peress li, kif jidher biċ-ċar, dan ma jaqax fl-ambitu ttrattat mil-leġiżlatura tal-Unjoni. Tabilħaqq, merkanzija (fiżika) u servizzi (immaterjali) huma pjuttost xi ħaġa differenti.

18.      Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà indirizzat din il-kwistjoni fir-rigward tad-Direttiva 86/653. Il-Qorti tal-Ġustizzja tisħaq konsistentement li, meta leġiżlazzjoni nazzjonali jkollha l-intenzjoni tikkonforma ruħha għal soluzzjonijiet stabbiliti fid-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari, sabiex tevita l-preżenza ta’ diskriminazzjoni jew distorsjonijiet eventwali tal-kompetizzjoni, jeżisti interess ċert li, sabiex jiġu evitati diverġenzi ta’ interpretazzjoni iktar ’il quddiem, id-dispożizzjonijiet jew il-kunċetti derivanti mid-dritt tal-Unjoni għandhom jirċievu interpretazzjoni uniformi, ikunu liema jkunu ċ-ċirkustanzi li fihom qed tintalab l-applikazzjoni tagħhom (4).

19.      F’dan ir-rigward, għal li għandu x’jaqsam mad-dritt Belġjan dwar kuntratti ta’ aġenzija kummerċjali, il-Qorti tal-Ġustizzja speċifikat espressament li “għalkemm id-domanda mressqa mill-qorti tar-rinviju ma tirrigwardax kuntratt ta’ bejgħ jew ta’ xiri ta’ merkanzija iżda kuntratt ta’ aġenzija kummerċjali relatata mal-operat ta’ servizz [...], xorta jibqa’ l-fatt li, waqt it-traspożizzjoni fid-dritt intern tad-dispożizzjonijiet tad-direttiva, il-leġiżlatur Belġjan iddeċieda li japplika trattament identiku għal dawk iż-żewġ tipi ta’ sitwazzjonijiet” (5).

20.      Kif jenfasizza l-Gvern Slovakk, id-dritt nazzjonali inkwistjoni kien adottat bil-għan li tiġi trasposta d-Direttiva 86/653. B’dan il-mod, il-leġiżlatura Slovakka kellha l-intenzjoni tapplika l-istess trattament kemm għall-aġenti kummerċjali li jbigħu merkanzija kif ukoll għal dawk li jbigħu is-servizzi.

21.      Konsegwentement inqis li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha ġurisdizzjoni sabiex twieġeb id-domandi magħmula mill-qorti tar-rinviju.

 Fuq l-ewwel domanda

22.      Bl-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tfittex li ssir taf jekk l-Artikolu 11(1) tad-Direttiva 86/653 għandux jiġi interpretat fis-sens li d-dritt għal kommissjoni ta’ aġent kummerċjali jista’ jispiċċa wkoll f’każ ta’ nuqqas ta’ eżekuzzjoni parzjali ta’ kuntratt.

 Il-formulazzjoni tal-Artikolu 11(1) tad-Direttiva 86/653

23.      L-Artikolu 11(1) tad-Direttiva 86/653 jistipula li d-dritt għal kommissjoni jista’ jispiċċa biss u sa fejn ikun ġie stabbilit li l-kuntratt bejn it-terz u l-prinċipal ma huwiex ser jiġi eżegwit u dan għal raġuni li l-prinċipal ma jaħtix għaliha.

24.      B’rabta ma’ dan, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà kkonstatat li “[d]in l-unika kawża ta’ estinzjoni, li teħtieġ żewġ ċirkustanzi flimkien li fihom hemm espressement referenza għall-prinċipal, tenfasizza l-importanza tar-rwol ta’ dan ta’ l-aħħar għall-eżistenza tad-dritt tal-kommissjoni” (6).

25.      Il-kliem “sal-limiti li” jindika li għandha ssir distinzjoni bejn in-nuqqas ta’ eżekuzzjoni totali u parzjali tal-kuntratt, għaliex inkella dan il-kliem ikun żejjed.

26.      L-Artikolu 11(1) tad-Direttiva 86/653 huwa fformulat b’mod simili fil-maġġoranza tal-verżjonijiet lingwistiċi (7). Madankollu, uħud mill-verżjonijiet lingwistiċi, fosthom dik Slovakka, ma fihomx il-kwalifika ta’ “sal-limiti li” (8).

27.      Il-verżjonijiet lingwistiċi differenti tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni huma awtentiċi b’mod ugwali (9). Interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni b’hekk timplika paragun tal-verżjonijiet lingwistiċi (10). Barra minn hekk, id-diversi verżjonijiet lingwistiċi ta’ test tad-dritt tal-Unjoni Ewropea għandhom jiġu interpretati b’mod uniformi (11).

28.      Peress li l-maġġoranza vasta tal-verżjonijiet lingwistiċi tal-Artikolu 11(1) tad-Direttiva jinkludu l-kliem “sal-limiti li”, għalija jidher pjuttost ċar li dan huwa kif il-leġiżlatura tal-Unjoni kellha l-intenzjoni li tiġi fformulata d-dispożizzjoni. Dan huwa iktar u iktar minnu meta wieħed iqis li l-verżjonijiet lingwistiċi kollha – bl-eċċezzjoni tal-verżjoni Griega – eżistenti fil-mument tal-adozzjoni tad-Direttiva 86/653, jinkludu dan il-kliem addizzjonali.

29.      Iżda xorta waħda, minħabba d-diverġenzi bejn dawn il-verżjonijiet lingwistiċi, id-dispożizzjoni inkwistjoni għandha tiġi interpretata abbażi tal-istruttura ġenerali u tal-għan tal-leġiżlazzjoni li tifforma element minnha (12).

 L-istruttura ġenerali u l-għan tad-Direttiva 86/653

30.      Kif diġà indikajt, l-Artikolu 11(1) tad-Direttiva 86/653 jindirizza l-estinzjoni tad-dritt għal kommissjoni. Min-naħa l-oħra, l-Artikolu 7(1) u l-Artikolu 10(1) tad-Direttiva 86/653 jindirizzaw it-tnissil ta’ dritt għal kommissjoni u l-fatt li din tkun dovuta rispettivament. Dawn id-dispożizzjonijiet jikkostitwixxu, biex ngħid hekk, in-naħa l-oħra tal-munita tal-estinzjoni tad-dritt.

31.      L-Artikolu 10(1) tad-Direttiva jispeċifika, b’rabta ma’ dan, li l-kommissjoni għandha tkun dovuta ladarba u sa fejn tirriżulta waħda minn serje ta’ ċirkustanzi (13). Peress li din id-dispożizzjoni “tirrefletti” l-Artikolu 11(1) tad-Direttiva 86/653, iż-żewġ dispożizzjonijiet għandhom jiġu interpretati b’mod parallel.

32.      Barra minn hekk, l-Artikolu 17(2)(a) tad-Direttiva 86/653 jistipula li aġent kummerċjali huwa intitolat għal indennizz jekk u sa fejn numru ta’ kundizzjonijiet jiġu ssodisfatti.

33.      Id-dritt għal indennizz huwa marbut mill-qrib mad-dritt għal kommissjoni billi dan iservi biex jippremja lill-aġent kummerċjali għar-rieda tajba li huwa wera fil-konfront tal-prinċipal u għall-benefiċċju finanzjarju kontinwu li jirriżulta mill-azzjonijiet tal-aġent kummerċjali.

34.      Fuq livell iktar ġenerali, id-Direttiva 86/653 għandha l-għan li tikkoordina l-liġijiet tal-Istati Membri fir-rigward tar-relazzjoni ġuridika bejn il-partijiet f’kuntratt ta’ aġenzija kummerċjali (14). Mit-tieni premessa tad-Direttiva jsegwi li l-intenzjoni tagħha hija, b’mod partikolari, li tarmonizza l-kundizzjonijiet ta’ kompetizzjoni ġewwa l-Unjoni, sabiex jiġu eliminati restrizzjonijiet fuq it-twettiq ta’ attivitajiet tal-aġenti kummerċjali u sabiex tiżdied is-sigurtà ta’ tranżazzjonijiet kummerċjali (15).

35.      Barra minn dan, il-Qorti tal-Ġustizzja kkjarifikat, f’diversi okkażjonijiet, li d-Direttiva għandha l-għan, b’mod partikolari, li tipproteġi l-aġenti kummerċjali fir-relazzjonijiet tagħhom mal-prinċipali tagħhom u, għal dak l-iskop, tistabbilixxi b’mod partikolari regoli dwar il-konklużjoni u t-terminazzjoni ta’ kuntratti ta’ aġenzija (l-Artikoli 13 sa 20 tad-direttiva) (16). Fir-rigward tal-Artikoli 17 sa 19 tad-Direttiva 86/653, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat li d-Direttiva tistabbilixxi regoli mandatarji (17) li jipprovdu għal rekwiżiti ta’ protezzjoni minima għall-aġent kummerċjali (18).

36.      Barra minn hekk, nifhem li l-loġika inizjali tad-Direttiva kienet li jinħolqu kundizzjonijiet ekwi għall-prinċipali li jwettqu l-attivitajiet tagħhom fis-suq intern billi jirrikorru għal aġenti kummerċjali: sabiex jinvestu u jwettqu n-negozju, il-prinċipali jeħtieġ li jkunu jafu għal liema regoli huma suġġetti fir-rigward tal-kumpens u r-remunerazzjoni tal-aġenti kummerċjali li huma jużaw (19).

37.      Għal dan l-għan, id-Direttiva 86/653 tistabbilixxi sistema bl-għan li tibbilanċja b’mod ekwu l-interessi kemm tal-prinċipal kif ukoll tal-aġent kummerċjali.

38.      Ejja nħarsu iktar mill-qrib lejn is-sistema tar-remunerazzjoni stabbilita fil-Kapitolu III (20) tad-direttiva.

39.      Skont l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 86/653, fl-assenza ta’ ftehim dwar din il-kwistjoni bejn il-partijiet, u mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet obbligatorji tal-Istati Membri li jikkonċernaw il-livell ta’ remunerazzjoni, aġent kummerċjali huwa intitolat għar-remunerazzjoni li l-aġenti kummerċjali maħtura għall-merkanzija li tifforma s-suġġett tal-kuntratt tal-aġenzija tiegħu jkunu normalment permessi fil-post fejn huwa jwettaq l-attivitajiet tiegħu.

40.      L-Artikolu 6(2) tad-Direttiva 86/653 jistipula li kwalunkwe parti tar-remunerazzjoni li tvarja skont in-numru jew il-valur tat-tranżazzjonijiet tan-negozju hija meqjusa bħala kommissjoni fis-sens tad-Direttiva.

41.      Skont l-Artikolu 7(1)(a) tad-Direttiva, aġent kummerċjali għandu jkun intitolat għal kommissjoni fuq tranżazzjonijiet kummerċjali konklużi matul il-perijodu kopert mill-kuntratt tal-aġenzija meta t-tranżazzjoni tkun ġiet konkluża b’riżultat tal-azzjoni tiegħu.

42.      L-Artikolu 10 tad-Direttiva jistabbilixxi ċ-ċirkustanzi li jwasslu għall-kommissjoni (21). L-ewwel paragrafu tiegħu jistipula li l-kommissjoni tkun dovuta ladarba u sa fejn il-prinċipal jew it-terz ikun wettaq, jew il-prinċipal kellu jkun wettaq it-tranżazzjoni.

43.      Finalment, wieħed għandu jżomm f’moħħu li l-kawża inkwistjoni tikkonċerna obbligu kontinwu bejn il-prinċipal u t-terzi. Dan huwa fin-natura stess tal-kuntratt tal-assigurazzjoni. F’tali sitwazzjoni, fil-fehma tiegħi, ma jkunx fattibbli r-rekwiżit ta’ nuqqas totali ta’ eżekuzzjoni peress li dan ikun ifisser li, f’każ ta’ obbligu kontinwu, prinċipal ikollu jġorr ir-riskju b’mod sistematiku u mingħajr eċċezzjoni jekk il-kuntratt ma jiġix eżegwit kif kien intenzjonat. Dan ma huwiex konformi mal-bilanċ tal-interessi bejn l-aġent kummerċjali u l-prinċipal kif stabbilit permezz tad-Direttiva 86/653.

 Risposta ssuġġerita għad-Domanda 1

44.      Abbażi tal-kunsiderazzjonijiet ta’ hawn fuq, l-Artikolu 11(1) tad-Direttiva 86/653 jista’ jiġi interpretat b’tali mod li dritt għal kommissjoni ta’ aġent kummerċjali jista’ jispiċċa wkoll fil-każ ta’ nuqqas ta’ eżekuzzjoni parzjali.

 Fuq it-tieni domanda

45.      Bit-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tfittex kjarifika fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk l-Artikolu 11(2) u (3) tad-Direttiva 86/653 jipprekludix klawżola tal-kuntratt ta’ aġenzija kummerċjali, li biha l-aġent ikun obbligat jirritorna kwota proporzjonali tal-kommissjoni tiegħu jekk il-kuntratt bejn il-prinċipal u t-terz ma jiġix eżegwit fil-portata prevista jew fil-portata stabbilita fil-kuntratt ta’ aġenzija kummerċjali.

46.      Skont l-Artikolu 11(2) tad-Direttiva, kull kommissjoni li l-aġent kummerċjali jkun diġà rċieva għandha tingħata lura jekk id-dritt għaliha jispiċċa.

47.      Naturalment dan jista’ jirreferi biss għall-punt sa fejn id-dritt jispiċċa.

48.      Min-naħa tiegħu, l-Artikolu 11(3) tad-Direttiva jistipula li ma humiex permessi ftehimiet biex wieħed jidderoga mill-Artikolu 11(1) għad-detriment tal-aġent kummerċjali.

49.      Nifhem li dan jimplika li sakemm il-partijiet ma jkunux idderogaw mill-prinċipji ċari stabbiliti fl-Artikolu 11(1) tad-Direttiva, jiġifieri li d-dritt għal kommissjoni jispiċċa biss jekk u sa fejn (1) ikun ġie stabbilit li l-kuntratt bejn it-terz u l-prinċipal ma huwiex ser jiġi eżegwit u (2) dan minħabba raġuni li għaliha l-prinċipal ma għandux ħtija, ma jkunx hemm ksur tal-Artikolu 11(3) tad-Direttiva.

50.      Għaldaqstant, ir-risposta għat-tieni domanda għandha tkun li l-Artikolu 11(2) u (3) tad-Direttiva 86/653 ma jipprekludix klawżola ta’ kuntratt ta’ aġenzija kummerċjali, li skontha l-aġent ikun obbligat jirritorna kwota proporzjonali tal-kommissjoni tiegħu jekk il-kuntratt bejn il-prinċipal u t-terz ma jiġix eżegwit fil-portata prevista, jew fil-portata stabbilita fil-kuntratt ta’ aġenzija kummerċjali. Tali klawżola ma tistax twassal sabiex il-kundizzjonijiet li joriġinaw mill-Artikolu 11(1) tad-Direttiva jiġu interpretati għad-detriment tal-aġent kummerċjali.

 Fuq it-tielet domanda

51.      Bit-tielet domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tfittex kjarifika dwar jekk il-kliem “[i]l-prinċipal m’għandux ħtija” fis-sens tal-Artikolu 11(1) tad-Direttiva 86/653 huwiex relatat biss ma’ raġunijiet ġuridiċi li jwasslu direttament għat-terminazzjoni tal-kuntratt jew ukoll mal-imġiba tal-prinċipal fir-relazzjoni ġuridika mat-terz.

52.      Jidher li bis-saħħa tad-dritt Slovakk, in-nuqqas ta’ ħlas tal-primjum miftiehem huwa sempliċement mod ieħor kif jiġi tterminat kuntratt. Dan huwa għaliex il-qorti tar-rinviju teħtieġ li taċċerta sa fejn l-imġiba tal-prinċipal issir rilevanti f’dan ir-rigward.

53.      Il-formulazzjoni tal-Artikolu 11(1) tad-Direttiva ma hijiex konklużiva, peress li mill-kliem “m’għandux ħtija” ma jirriżultax b’mod ċar dwar xiex ma għandux ħtija l-prinċipal (22). Barra minn hekk, dan il-kliem ma huwiex iddefinit f’iktar dettall fid-direttiva.

54.      F’konformità ma’ ġurisprudenza stabbilita, it-termini ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, li ma tagħmel ebda riferiment espliċitu għad-dritt tal-Istati Membri sabiex jiġu ddeterminati t-tifsira u l-portata tiegħu, għandhom normalment jiġu interpretati b’mod independenti u uniformi (23).

55.      Jekk wieħed iqabbel il-formulazzjoni tal-Artikolu 11(1) tad-Direttiva 86/653 ma’ dik tal-Artikolu 18 tad-Direttiva, tirriżulta stampa daqsxejn differenti.

56.      L-Artikolu 18 jiddetermina f’liema istanzi ma għandhomx jitħallsu indennizz jew kumpens li għalihom huwa intitolat l-aġent kummerċjali wara t-terminazzjoni tal-kuntratt ta’ aġenzija. F’dan ir-rigward jistipula, fil-paragrafu (a) tiegħu, li tali indennizz jew kumpens ma humiex pagabbli “meta l-prinċipal ikun ittermina l-kuntratt ta’ l-aġenzija minħabba nuqqas li jista jkun attribwit lill-aġent kummerċjali li kien jiġġustifika t-terminazzjoni immedjata tal-kuntratt ta’ l-aġenzija skond il-liġi nazzjonali” (24).

57.      Filwaqt li wieħed jaf jistaqsi jekk “nuqqas” huwiex iktar estensiv minn “ħtija” jew le (25), għalija tidher kruċjali r-rabta li saret mad-dritt nazzjonali. Tali rabta ma tidhirx fl-Artikolu 11(1) tad-Direttiva u huwa għalhekk li t-terminu “ħtija” għandu, fir-rigward tal-prinċipal, jingħata tifsira iktar wiesgħa f’dik id-dispożizzjoni mit-terminu “nuqqas” fl-Artikolu 18(a) tad-Direttiva, rigward l-aġent kummerċjali.

58.      Barra minn hekk, irridu neżaminaw l-Artikolu 11(1) tad-Direttiva mill-ġdid fid-dawl tal-għanijiet segwiti mid-direttiva u s-sistema li tistabbilixxi (26). B’rabta ma’ dan, il-kunċett ta’ “ħtija” għandu jiġi interpretat b’mod awtonomu.

59.      Il-liġijiet nazzjonali tal-kuntratt li fuqhom huwa bbażat il-kuntratt ta’ aġenzija kummerċjali ġeneralment ivarjaw sostanzjalment. F’ċerti każijiet, jista’ jkun suffiċjenti għal parti li sempliċement tieqaf tħallas il-primjum miftiehem, sabiex il-kuntratt jiġi tterminat. Meta tiġi stabbilita t-tifsira ta’ ħtija, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni elementi li jmorru lil hinn mir-raġunijiet ġuridiċi li jwasslu direttament għat-terminazzjoni tal-kuntratt, billi ħafna drabi dawn ir-raġunijiet ma jipprovdux indikazzjoni dwar il-ħtija possibbli.

60.      Prinċipal għandu jkun ħati għal riskji li joriġinaw fl-isfera tal-influwenza tiegħu. Dan jista’ u għandu jkun iddeterminat billi jitqiesu l-elementi fattwali kollha tal-kawża inkwistjoni. Meta twettaq evalwazzjoni bħal din, il-qorti nazzjonali għandha tqis il-prattika kummerċjali rilevanti.

61.      Għalhekk, ir-risposta għat-tielet domanda għandha tkun li t-termini “l-prinċipal m’għandux ħtija” fis-sens tal-Artikolu 11(1) tad-Direttiva 86/653 ma humiex relatati biss ma’ raġunijiet ġuridiċi li jwasslu direttament għat-terminazzjoni tal-kuntratt, iżda wkoll ma’ mġiba tal-prinċipal fir-relazzjoni ġuridika ma’ dak it-terz.

 Konklużjoni

62.      Abbażi tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti nipproponi li tingħata r-risposta li ġejja għad-domandi tal-Okresný súd Dunajská Streda (tribunal distrettwali, Dunajská Streda, is-Slovakkja):

L-Artikolu 11(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 86/653/KEE tat-18 ta’ Diċembru 1986, dwar il-koordinazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri li jirrigwardaw aġenti kummerċjali li jaħdmu għal rashom, għandu jiġi interpretat fis-sens li d-dritt għal kommissjoni ta’ aġent kummerċjali jista’ jispiċċa wkoll f’każ ta’ nuqqas ta’ eżekuzzjoni parzjali ta’ kuntratt.

L-Artikolu 11(2) u (3) tad-Direttiva 86/653 ma jipprekludix klawżola ta’ kuntratt ta’ aġenzija kummerċjali, li skontha l-aġent ikun obbligat jirritorna kwota proporzjonali tal-kommissjoni tiegħu jekk il-kuntratt bejn il-prinċipal u t-terz ma jiġix eżegwit fil-portata prevista, jew fil-portata stabbilita fil-kuntratt ta’ aġenzija kummerċjali. Tali klawżola ma tistax twassal sabiex il-kundizzjonijiet li joriġinaw mill-Artikolu 11(1) tad-Direttiva jiġu interpretati għad-detriment tal-aġent kummerċjali.

It-termini “l-prinċipal m’għandux ħtija” fis-sens tal-Artikolu 11(1) tad-Direttiva 86/653 ma humiex relatati biss ma’ raġunijiet ġuridiċi li jwasslu direttament għat-terminazzjoni tal-kuntratt, iżda wkoll ma’ mġiba tal-prinċipal fil-kuntest tar-relazzjoni ġuridika ma’ dak it-terz.


1      Lingwa oriġinali: l-Ingliż.


2 Direttiva tal-Kunsill, tat-18 ta’ Diċembru 1986, dwar il-koordinazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membru li jirrigwardaw aġenti kummerċjali li jaħdmu għal rashom (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 1, p. 177).


3 –      Enfasi magħmula minni.


4 Fir-rigward tad-Direttiva 86/653 b’mod partikolari, din tikkostitwixxi ġurisprudenza stabbilita sa mis-sentenza tas-16 ta’ Marzu 2006, Poseidon Chartering (C‑3/04, EU:C:2006:176, punti 14 sa 19). Ara wkoll is-sentenza tas-17 ta’ Ottubru 2013, Unamar (C‑184/12, EU:C:2013:663, punt 30).


5 –      Ara s-sentenza tas-17 ta’ Ottubru 2013, Unamar (C‑184/12, EU:C:2013:663, punt 30).


6 –      Ara s-sentenza tas-17 ta’ Jannar 2008, Chevassus-Marche (C‑19/07, EU:C:2008:23, punt 20).


7 –      Ara pereżempju l-verżjoni lingwistika Spanjola (“en la medida”), Daniża (“i det omfang”), Ġermaniża (“soweit”), Estonjana (“ulatuses”), Franċiża (“dans la mesure où”), Taljana (“nella misura in cui”), Litwana (“tik tiek, kiek”), Maltija (“sal-limiti li”), Olandiża (“voor zover”), Pollakka (“o ile”), Portugiża (“na medida em que”), u dikRumena (“în măsura în care”).


8 –      Ara wkoll il-verżjoni Ċeka, dik Griega, dik Latvjana u dik Slovakka.


9 –      Ara s-sentenza tas-6 ta’ Ottubru 1982, Cilfit et (283/81, EU:C:1982:335, punt 18).


10Ibid.


11 Ara, pereżempju, is-sentenzi tat-30 ta’ Mejju 2013, Genil 48 u Comercial Hostelera de Grandes Vinos (C‑604/11, EU:C:2013:344, punt 38 u l-ġurisprudenza ċċitata), u tas-6 ta’ Settembru 2012, Il-Parlament vs Il-Kunsill (C‑490/10, EU:C:2012:525, punt 68).


12 –      Ara s-sentenza tal-14 ta’ Ġunju 2007, Euro Tex (C‑56/06, EU:C:2007:347, punt 27 u l-ġurisprudenza ċċitata).


13 –      Skont il-ftehim tiegħu mat-terz, il-prinċipal ikun eżegwixxa jew kellu jkun eżegwixxa t-tranżazzjoni jew it-terz ikun eżegwixxa t-tranżazzjoni.


14 Ara s-sentenzi tat-30 ta’ April 1998, Bellone (C‑215/97, EU:C:1998:189, punt 10); tat-13 ta’ Lulju 2000, Centrosteel (C‑456/98, EU:C:2000:402, punt 13); tat-23 ta’ Marzu 2006, Honyvem Informazioni Commerciali (C‑465/04, EU:C:2006:199, punt 18); tas-26 ta’ Marzu 2009, Semen (C‑348/07, EU:C:2009:195, punt 14), u tas-17 ta’ Ottubru 2013, Unamar (C‑184/12, EU:C:2013:663, punt 36). Ara wkoll, pereżempju, Fock, T., Die europäische Handelsvertreter-Richtlinie, Nomos Verlagsgesellschaft, Baden-Baden, 2001, p. 25.


15 Ara s-sentenzi tat-30 ta’ April 1998, Bellone (C‑215/97, EU:C:1998:189, punt 17); tad-9 ta’ Novembru 2000, Ingmar (C‑381/98, EU:C:2000:605, punt 23); tat-23 ta’ Marzu 2006, Honyvem Informazioni Commerciali (C‑465/04, EU:C:2006:199, punt 19), u tas-17 ta’ Ottubru 2013, Unamar (C‑184/12, EU:C:2013:663, punt 37).


16 Ara s-sentenzi tat-30 ta’ April 1998, Bellone (C‑215/97, EU:C:1998:189, punt 13); tad-9 ta’ Novembru 2000, Ingmar (C‑381/98, EU:C:2000:605, punti 20 u 21); tat-23 ta’ Marzu 2006, Honyvem Informazioni Commerciali (C‑465/04, EU:C:2006:199, punti 19 u 22); tas-17 ta’ Jannar 2008, Chevassus-Marche (C‑19/07, EU:C:2008:23, punt 22), u tas-26 ta’ Marzu 2009, Semen (C‑348/07, EU:C:2009:195, punt 14).


17 Ara s-sentenzi tad-9 ta’ Novembru 2000, Ingmar (C‑381/98, EU:C:2000:605, punti 21 u 22); tat-23 ta’ Marzu 2006, Honyvem Informazioni Commerciali (C‑465/04, EU:C:2006:199, punti 22 u 34); u tas-17 ta’ Ottubru 2013, Unamar (C‑184/12, EU:C:2013:663, punt 40).


18 Ara s-sentenza tas-17 ta’ Ottubru 2013, Unamar (C‑184/12, EU:C:2013:663, punt 52). Ara wkoll Rott-Pietrzyk, E., Agent Handlowy — Regulacje Polskie i Europejskie, C.H. Beck, Varsavja, 2006, p. 68.


19 –      Ara l-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Agro (C‑507/15, EU:C:2016:809, punt 56).


20 –      Artikoli 6 sa 12 tad-Direttiva 86/653.


21 –      Ara s-sentenza tas-17 ta’ Jannar 2008, Chevassus-Marche (C19/07, EU:C:2008:23, punt 18).


22      Minbarra dan, jidher li xi wħud mill-verżjonijiet lingwistiċi tal-Artikolu 11(1) tad-Direttiva 86/653 iħallu miftuħ jekk hijiex meħtieġa xi tip ta’ mġiba ħażina min-naħa tal-prinċipal. Filwaqt li għalija dan jidher pjuttost ċar fir-rigward tal-verżjoni Ingliża (“blame”), l-istess ma jistax jintqal għal, pereżempju, dik Franċiża, li iktar tirreferi għall-kwistjoni dwar jekk tistax tiġi attribwita r-responsabbiltà lill-prinċipal (l’inexécution n’est pas due à des circonstances imputables au commettant). Jidher ukoll li l-verżjoni Slovakka hija qrib għal dik Ingliża peress li fiha element ta’ “ħtija”.


23 Ara s-sentenza tas-16 ta’ Lulju 2015, Abcur (C‑544/13 u C‑545/13, EU:C:2015:481, punt 45 u l-ġurisprudenza ċċitata).


24 Enfasi magħmula minni.


25 U, għal darba oħra, il-verżjonijiet lingwistiċi jvarjaw. Pereżempju l-verżjoni tal-lingwa Ġermaniża titkellem dwar imġiba ta’ ħtija (“wegen eines schuldhaften Verhaltens”), filwaqt li dik Franċiża tirrikorri, mill-ġdid, għall-kunċett tal-imputabbiltà (“un manquement imputable”).


26 Ara, fir-rigward tal-Artikolu 17 tad-Direttiva 86/653, is-sentenza tat-3 ta’ Diċembru 2015, Quenon K. (C‑338/14, EU:C:2015:795, punt 21 u l-ġurisprudenza ċċitata).t