Language of document : ECLI:EU:T:2021:758


 


 



Digriet tal-Qorti Ġenerali (Ir-Raba’ Awla) tat-3 ta’ Novembru 2021 – ExxonMobil Production Deutschland vs Il-Kummissjoni

(Kawża T731/20)

“Rikors għal annullament – Ambjent – Direttiva 2003/87/KE – Gassijiet serra – Allokazzjoni ta’ kwoti ta’ emissjoni – Talba għat-trasferiment ta’ ċertifikati ta’ emissjoni lill-Ġermanja – Talba mressqa fil-kuntest ta’ proċedura għal miżuri provviżorji nazzjonali bil-għan li jiġi żgurat l-effett utli tal-proċedura għal deċiżjoni preliminari fil-Kawża C‑126/20 – Deċiżjoni ta’ rifjut tal-Kummissjoni – Locus standi – Nuqqas ta’ interess dirett – Inammissibbiltà”

1.      Rikors għal nuqqas li tittieħed azzjoni – Nuqqas – Kunċett – Astensjoni milli tittieħed azzjoni – Att li ma jagħtix sodisfazzjon – Esklużjoni

(Artikolu 265 TFUE)

(ara l-punti 23, 28, 29)

2.      Rikors għal annullament – Atti li jistgħu jiġu kkontestati – Atti intiżi li joħolqu effetti legali – Teħid ta’ pożizzjoni mill-Kummissjoni fuq talba ta’ awtorità nazzjonali – Inklużjoni

(Artikolu 263 TFUE)

(ara l-punt 30)

3.      Rikors għal annullament – Persuni fiżiċi jew ġuridiċi – Atti li jikkonċernawhom direttament u individwalment – Inċidenza diretta – Kriterji – Deċiżjoni tal-Kummissjoni, indirizzata lil awtorità nazzjonali, li tirrifjuta li tittrasferixxi lilha kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra addizzjonali sat-tmiem definittiv ta’ proċedura ġudizzjarja nazzjonali – Rikors ippreżentat mir-rikorrenti fil-proċedura ġudizzjarja nazzjonali – Deċiżjoni li ma tipproduċix direttament effetti fuq is-sitwazzjoni legali tal-imsemmija rikorrenti – Awtorità nazzjonali li ma hijiex responsabbli mill-implementazzjoni ta’ din id-deċiżjoni fil-mument tal-adozzjoni tagħha – Assenza ta’ interess dirett – Inammissibbiltà

(ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE)

(ara l-punti 33, 34, 38, 40–55)

4.      Rikors għal annullament – Persuni fiżiċi jew ġuridiċi – Atti li jikkonċernawhom direttament u individwalment – Kundizzjonijiet ta’ natura kumulattiva – Inammissibbiltà tar-rikors fil-każ li waħda biss minn dawn il-kundizzjonijiet ma tkunx issodisfatta

(ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE)

(ara l-punt 35)

Suġġett

Talba bbażata fuq l-Artikolu 263 TFUE u intiża għall-annullament tal-ittra tal-Kummissjoni tat-8 ta’ Diċembru 2020 li permezz tagħha din l-istituzzjoni ċaħdet it-talba tad-Deutsche Emissionshandelsstelle (dipartiment Ġermaniż għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet) li tittrasferixxi, b’mod kawtelatorju, fuq il-kont ta’ depożitu nazzjonali tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja jew, sussidjarjament, fuq il-kont ta’ depożitu ta’ operatur tar-rikorrenti, u mhux iktar tard mill-31 ta’ Diċembru 2020, numru ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra ekwivalenti għan-numru ta’ kwoti addizzjonali li r-rikorrenti talbet li jiġu allokati lilha, mingħajr ħlas u fir-rigward tat-tielet perijodu ta’ skambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra, quddiem il-Verwaltungsgericht Berlin (il-Qorti Amministrattiva ta’ Berlin, il-Ġermanja).

Dispożittiv

1)

Ir-rikors huwa miċħud bħala inammissibbli.

2)

ExxonMobil Production Deutschland GmbH hija kkundannata għall-ispejjeż, inklużi dawk relatati mal-proċeduri għal miżuri provviżorji.