Language of document : ECLI:EU:T:2020:294

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Ir-Raba’ Awla)

25 ta’ Ġunju 2020 (*)

“Aċċess għal dokumenti ‐ Deċiżjoni tal-BĊE li jqiegħed lil Banca Carige SpA taħt amministrazzjoni temporanja – Rifjut ta’ aċċess – Proċedura fil-kontumaċja”

Fil-Kawża T‑552/19,

Malacalza Investimenti Srl, stabbilita f’Genova (l-Italja), irrappreżentata minn P. Ghiglione, E. De Giorgi u L. Amicarelli, avukati,

rikorrenti,

vs

Il-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE), irrappreżentat minn F. von Lindeiner u M. Van Hoecke, bħala aġenti, assistiti minn D. Sarmiento Ramírez-Escudero, avukat,

konvenut,

li għandha bħala suġġett talba bbażata fuq l-Artikolu 263 TFUE u intiża għall-annullament tad-Deċiżjoni tal-BĊE LS/LdG/19/185 tat‑12 ta’ Ġunju 2019 li tirrifjuta l-aċċess għal diversi dokumenti relatati mad-Deċiżjoni tal-Bord tal-Gvernaturi tal-BĊE ECB‑SSM‑2019‑ITCAR‑11 tal‑1 ta’ Jannar 2019 li tqiegħed lil Banca Carige SpA taħt amministrazzjoni temporanja,

IL-QORTI ĠENERALI (Ir-Raba’ Awla),

komposta minn S. Gervasoni, President, P. Nihoul (Relatur) u J. Martín y Pérez de Nanclares, Imħallfin,

Reġistratur: E. Coulon,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1        Ir-rikorrenti, Malacalza Investimenti Srl, hija kumpannija rregolata mid-dritt Taljan. Hija l-azzjonista prinċipali ta’ Banca Carige SpA, u għandha direttament 27.555 % tal-kapital tagħha.

2        Fl‑20 ta’ Settembru 2018, il-bord tad-diretturi ta’ Banca Carige ġie mġedded permezz tal-laqgħa ġenerali tal-azzjonisti. Minħabba s-sehem tagħha fl-imsemmija kumpannija, ir-rikorrenti ħatret il-maġġoranza tal-membri tal-bord tad-diretturi.

3        Fit‑22 ta’ Diċembru 2018, wara laqgħa ġenerali ġdida tal-azzjonisti ta’ Banca Carige li matulha ġiet miċħuda żieda ppjanata tal-kapital azzjonarju ta’ EUR 400 miljun, ċerti membri tal-bord tad-diretturi rriżenjaw.

4        Permezz ta’ deċiżjoni tal‑1 ta’ Jannar 2019 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni tal‑1 ta’ Jannar 2019”), il-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) qiegħed lil Banca Carige taħt amministrazzjoni temporanja skont id-dritt Taljan li jittrasponi l-Artikolu 29 tad-Direttiva 2014/59/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑15 ta’ Mejju 2014 li tistabbilixxi qafas għall-irkupru u r-riżoluzzjoni ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu u ditti ta’ investiment u li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 82/891/KE u d-Direttivi 2001/24/KE, 2002/47/KE, 2004/25/KE, 2005/56/KE, 2007/36/KE, 2011/35/KE, 2012/30/UE u 2013/36/UE, u r-Regolamenti (UE) Nru 1093/2010 u (UE) Nru 648/2012, tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU 2014, L 173, p. 190). Huwa għalhekk ordna x-xoljiment tal-korpi amministrattivi u ta’ sorveljanza tal-imsemmija kumpannija u ħatar tliet amministraturi temporanji u kumitat ta’ sorveljanza kompost minn tliet membri.

5        Id-deċiżjoni tal‑1 ta’ Jannar 2019 ma ġietx ippubblikata u l-motivi li fuqhom hija bbażata ma humiex magħrufa mir-rikorrenti. L-unika forma ta’ pubbliċità adottata mill-BĊE hija stqarrija għall-istampa tat‑2 ta’ Jannar 2019 li ħabbret l-ismijiet tal-amministraturi temporanji ta’ Banca Carige kif ukoll tal-membri tal-bord ta’ sorveljanza tal-imsemmija kumpannija u li ddeskriviet b’mod ġenerali l-kunċett ta’ amministrazzjoni temporanja kif ukoll id-dmirijiet tal-amministraturi temporanji.

6        Fil‑15 ta’ Jannar 2019, ir-rikorrenti ppreżentat talba għal aċċess lill-BĊE, skont l-Artikolu 6 tad-Deċiżjoni tal-BĊE 2004/258/KE tal‑4 ta’ Marzu 2004 dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-BĊE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 5, p. 51), dwar:

–        id-deċiżjoni tal‑1 ta’ Jannar 2019 u l-annessi tagħha;

–        id-dokumenti, relatati mal-perijodu bejn it‑30 ta’ Novembru 2018 u t‑2 ta’ Jannar 2019, li jinkludu d-deċiżjonijiet l-oħra meħuda mill-BĊE fil-konfront ta’ Banca Carige, inkluż l-abbozz ta’ deċiżjoni dwar il-pjan ta’ konverżjoni f’ekwità flimkien mat-tabelli tiegħu u mal-annessi tiegħu, il-komunikazzjonijiet bejn il-BĊE u l-bord tad-diretturi tal-imsemmija kumpannija jew wieħed jew iktar mill-membri tiegħu kif ukoll il-minuti tal-laqgħat bejn il-BĊE u l-bord tad-diretturi ta’ din il-kumpannija jew wieħed jew iktar mill-membri tiegħu.

7        Fl‑14 ta’ Frar 2019, il-BĊE informa lir-rikorrenti li t-terminu għal tweġiba għat-talba għal aċċess għad-dokumenti kien ġie estiż b’20 jum ta’ xogħol, konformement mal-Artikolu 7(3) tad-Deċiżjoni 2004/258, minħabba żieda fix-xogħol.

8        Fis‑17 ta’ Frar 2019, ir-rikorrenti wieġbet lill-BĊE billi kkontestat il-kompatibbiltà tal-proroga tat-terminu għall-ipproċessar tat-talba tagħha mal-Artikolu 7(3) tad-Deċiżjoni 2004/258.

9        Fid‑19 ta’ Frar 2019, il-BĊE wieġeb lir-rikorrenti, billi indika li l-Artikolu 7(3) tad-Deċiżjoni 2004/258 kien ġie invokat sabiex jestendi t-terminu għall-ipproċessar tat-talba għal aċċess għad-dokumenti ppreżentata mir-rikorrenti minħabba li huwa kien irċieva diversi talbiet li jikkonċernaw lil Banca Carige u minħabba konsultazzjonijiet mal-Bank Ċentrali tal-Italja dwar din l-istess kwistjoni.

10      Permezz ta’ deċiżjoni tat‑13 ta’ Marzu 2019, il-BĊE ċaħad it-talba għal aċċess fl-intier tagħha.

11      Fit‑8 ta’ April 2019, ir-rikorrenti ppreżentat talba konfermattiva lill-Bord Eżekuttiv tal-BĊE skont l-Artikolu 7(2) tad-Deċiżjoni 2004/258, li fiha hija talbet reviżjoni tad-deċiżjoni tal-BĊE tat‑13 ta’ Marzu 2019. F’din it-talba konfermattiva, hija madankollu eskludiet mit-talba tagħha għal aċċess il-pjan ta’ konverżjoni f’ekwità flimkien mat-tabelli tiegħu u mal-annessi tiegħu, li fil-frattemp hija kienet irċeviet mingħand l-amministraturi temporanji ta’ Banca Carige.

12      Ir-rikorrenti rrilevat li estratti minn dokument ippreżentat bħad-deċiżjoni tal‑1 ta’ Jannar 2019 kienu ġew ippubblikati, fil-forma ta’ ritratti, fuq is-sit internet ta’ gazzetta Taljana. Hija indikat li, għalkemm dawn ir-ritratti kienu effettivament jirriproduċu l-imsemmija deċiżjoni, l-estratti li dawn kienu juru ma setgħux jibqgħu jitqiesu bħala kunfidenzjali, minħabba li, peress li kienu ġew ippubblikati, minn dak il-punt ’l hemm huma kienu jinsabu fid-dominju pubbliku. Hija sostniet li, fi kwalunkwe każ, dawn l-estratti ma kienu jinkludu l-ebda informazzjoni kunfidenzjali, peress li d-data kollha li kienet tinsab fihom tidher fid-dokumenti ta’ informazzjoni li Banca Carige tippubblika konformement mal-leġiżlazzjoni applikabbli għall-istabbilimenti ta’ kreditu kkwotati fis-swieq irregolati.

13      Ir-rikorrenti tenniet ukoll it-talba tagħha għal aċċess għall-verżjoni sħiħa tad-dokumenti mitluba jew, sussidjarjament, għal verżjoni mhux kunfidenzjali li tieħu inkunsiderazzjoni estratti diġà ppubblikati fuq l-internet tad-deċiżjoni tal‑1 ta’ Jannar 2019 kif ukoll taż-żmien li għadda mill-imsemmija talba, li minħabba fih il-kunfidenzjalità ta’ ċerta informazzjoni ma hijiex iktar meħtieġa. Fir-rigward tal-komunikazzjonijiet bil-miktub bejn il-BĊE u l-bord tad-diretturi ta’ Banca Carige kif ukoll tal-minuti tal-laqgħat bejn dawn l-istess intervenjenti, hija talbet li tikseb il-lista tal-komunikazzjonijiet u tal-laqgħat, l-ismijiet tal-parteċipanti u deskrizzjoni ġenerali tal-kontenut ta’ dawn il-komunikazzjonijiet u l-laqgħat.

14      Fit‑3 ta’ Mejju 2019, il-BĊE informa lir-rikorrenti li, konformement mal-Artikolu 8(2) tad-Deċiżjoni 2004/258, huwa kien iddeċieda li jestendi t-terminu għal tweġiba għat-talba konfermattiva b’20 jum ta’ xogħol minħabba ammont ta’ xogħol eċċezzjonali.

15      Permezz ta’ ittra tad‑29 ta’ Mejju 2019, il-BĊE ħabbar li l-iskadenza l-ġdida, stabbilita għall‑4 ta’ Ġunju 2019, ma kinitx ser tiġi osservata.

16      Fit‑12 ta’ Ġunju 2019, il-BĊE ddeċieda li jiċħad it-talba konfermattiva (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”) fl-intier tagħha. Din id-deċiżjoni tirriproduċi, essenzjalment, il-motivi li kienu ġew invokati fid-deċiżjoni tal-BĊE tat‑13 ta’ Marzu 2019.

 Id-deċiżjoni kkontestata

17      Fid-deċiżjoni kkontestata, il-BĊE identifika, fir-rigward tat-talba għal aċċess ippreżentata mir-rikorrenti, tmien dokumenti, li kklassifika f’erba’ kategoriji:

–        id-deċiżjoni tal‑1 ta’ Jannar 2019;

–        il-pjan ta’ konverżjoni f’ekwità u kull deċiżjoni oħra bil-miktub dwar Banca Carige adottata matul il-perijodu bejn it‑30 ta’ Novembru 2018 u t‑2 ta’ Jannar 2019;

–        il-komunikazzjonijiet bil-miktub bejn il-BĊE u l-bord tad-diretturi ta’ Banca Carige jew wieħed jew iktar mill-membri tiegħu li saru matul dan l-istess perijodu;

–        il-minuti tal-laqgħat bejn il-BĊE u l-bord tad-diretturi ta’ Banca Carige jew wieħed jew iktar mill-membri tiegħu li saru matul dan l-istess perijodu.

18      Ir-rifjut ta’ aċċess għad-dokument li jaqa’ taħt l-ewwel kategorija, jiġifieri d-deċiżjoni tal‑1 ta’ Jannar 2019, huwa bbażat fuq l-eċċezzjoni msemmija fl-Artikolu 4(1)(ċ) tad-Deċiżjoni 2004/258, li jipprevedi li “[l-BĊE] għandu jiċħad l-aċċess għal dokument meta l-pubblikazzjoni ddgħajjef il-protezzjoni […] [tal]-kunfidenzjalita’ ta’ l-informazzjoni li hija protetta bil-liġi tal-Unjoni”.

19      Il-BĊE qies li l-Artikolu 4(1)(ċ) tad-Deċiżjoni 2004/258 kien jinkludi preżunzjoni ġenerali ta’ kunfidenzjalità li tkopri l-fajls kollha li jaqgħu taħt il-funzjoni ta’ superviżjoni prudenzjali fdata lilu.

20      Il-BĊE ddeduċa l-eżistenza ta’ din il-preżunzjoni ġenerali ta’ kunfidenzjalità mill-fatt li l-leġiżlatur tal-Unjoni Ewropea kien stabbilixxa regoli li, minn naħa, jimponu s-sigriet professjonali fuq il-persuni kollha li jaħdmu jew li kienu jaħdmu għall-awtoritajiet ta’ superviżjoni prudenzjali u li, min-naħa l-oħra, jeżiġu li l-informazzjoni kunfidenzjali li dawn il-persuni jirċievu fl-eżerċizzju tal-funzjonijiet tagħhom tista’ tiġi żvelata biss f’forma mqassra jew aggregata, b’tali mod li l-istabbilimenti ta’ kreditu ma jkunux jistgħu jiġu identifikati. F’dan il-kuntest, hija rreferiet għall-Artikolu 27 tar-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1024/2013 tal‑15 ta’ Ottubru 2013 li jikkonferixxi kompiti speċifiċi lill-Bank Ċentrali Ewropew fir-rigward ta’ politiki relatati mas-superviżjoni prudenzjali ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu (ĠU 2013, L 287, p. 63), għall-Artikoli 53 et seq. tad-Direttiva 2013/36/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Ġunju 2013 dwar l-aċċess għall-attività tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u s-superviżjoni prudenzjali tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u tad-ditti tal-investiment, li temenda d-Direttiva 2002/87/KE u li tħassar id-Direttivi 2006/48/KE u 2006/49/KE (ĠU 2013, L 176, p. 338, rettifiki fil-ĠU 2013, L 208, p. 73, u fil-ĠU 2017, L 20, p. 1), kif ukoll għall-Artikolu 84 tad-Direttiva 2014/59.

21      Abbażi tas-sentenza tad‑19 ta’ Ġunju 2018, Baumeister (C‑15/16, EU:C:2018:464, punti 35 sa 43), il-BĊE indika li, fil-qasam tas-superviżjoni prudenzjali, l-obbligu li tiġi protetta l-informazzjoni kunfidenzjali ma kellux jinftiehem bħala eċċezzjoni għall-prinċipju ġenerali ta’ trasparenza, iżda pjuttost bħala regola ġenerali fih innifsu. Fil-fehma tiegħu, dawn ir-regoli u l-preżunzjoni ġenerali ta’ kunfidenzjalità li tirriżulta minnhom jiżguraw kondotta effikaċi tal-attivitajiet ta’ superviżjoni, peress li kemm l-istabbilimenti ssorveljati kif ukoll l-awtoritajiet kompetenti setgħu jibbażaw ruħhom fuq il-fatt li, bħala prinċipju, l-informazzjoni kunfidenzjali pprovduta ma kinitx ser tiġi żvelata. Din il-fiduċja hija essenzjali għal skambju effettiv ta’ informazzjoni, li huwa kruċjali għall-iżvolġiment tajjeb tal-attività ta’ superviżjoni prudenzjali.

22      Fl-aħħar nett, il-BĊE rrileva li r-regoli msemmija fil-punt 20 iktar ’il fuq kienu jippermettu l-iżvelar ta’ informazzjoni kunfidenzjali biss f’ċerti każijiet espressament previsti, li ma seħħewx f’dan il-każ.

23      Għat-tliet kategoriji l-oħra ta’ dokumenti mitluba, ir-rifjut ta’ aċċess huwa bbażat fuq l-eċċezzjoni msemmija fl-Artikolu 4(1)(ċ) tad-Deċiżjoni 2004/258 flimkien ma’ dik prevista fl-ewwel inċiż tal-Artikolu 4(2) tal-istess deċiżjoni, li jipprovdi li “[l-BĊE] għandu jiċħad l-aċċess għal xi dokument fejn il-pubblikazzjoni ddgħajjef il-protezzjoni [tal]-interessi kummerċjali ta’ xi persuna naturali jew legali, inkluża l-propjeta’ intelletwali”.

24      Fir-rigward tal-ewwel inċiż tal-Artikolu 4(2) tad-Deċiżjoni 2004/258, il-BĊE indika li l-komunikazzjoni lir-rikorrenti tad-dokumenti miksuba jew ippreparati fil-kuntest tas-sorveljanza kontinwa ta’ Banca Carige setgħet tippreġudika l-interessi kummerċjali ta’ din il-kumpannija, peress li l-informazzjoni li kien fihom ma kinitx magħrufa mill-pubbliku u kienet tirrifletti element essenzjali tal-pożizzjoni kummerċjali attwali tal-imsemmija kumpannija.

25      Peress li ma identifika l-ebda interess pubbliku superjuri li jiġġustifika l-iżvelar tad-dokumenti msemmija, il-BĊE talab ukoll li tiġi miċħuda t-talba għal aċċess għal dawn id-dokumenti, mingħajr ma jitwettaq eżami konkret u individwali ta’ kull wieħed minnhom.

 Il-proċedura

26      B’att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis‑7 ta’ Awwissu 2019, ir-rikorrenti ppreżentat dan ir-rikors.

27      Permezz ta’ att separat, ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl-istess jum, ir-rikorrenti talbet li dan ir-rikors jiġi deċiż bi proċedura mħaffa, konformement mal-Artikolu 152 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali. Ir-rikors u t-talba għal proċedura mħaffa ġew innotifikati lill-BĊE fl‑20 ta’ Awwissu 2019. Fit‑3 ta’ Settembru 2019, il-BĊE ppreżenta l-osservazzjonijiet tiegħu fuq din it-talba.

28      Permezz ta’ deċiżjoni tat‑18 ta’ Settembru 2019, il-Qorti Ġenerali (L-Ewwel Awla) ċaħdet it-talba għal proċedura mħaffa. Il-BĊE ġie informat bil-fatt li, konformement mal-Artikolu 154(2) tar-Regoli tal-Proċedura, it-terminu għall-preżentata tar-risposta, li miegħu jiżdied it-terminu għal raġuni ta’ distanza ta’ għaxart ijiem, kien ġie estiż b’xahar addizzjonali.

29      Peress li kien hemm bidla fil-kompożizzjoni tal-Awli u l-Imħallef Relatur ġie assenjat lir-Raba’ Awla, din il-kawża ġiet assenjata lil din l-Awla.

30      Il-BĊE ppreżenta r-risposta fis‑6 ta’ Novembru 2019.

31      Permezz ta’ ittra tat‑8 ta’ Novembru 2019, fid-dawl tal-preżentata tardiva tar-risposta, ir-Reġistratur tal-Qorti Ġenerali stieden lir-rikorrenti tippreżenta l-osservazzjonijiet tagħha dwar it-tkomplija tal-proċedura.

32      Fl‑20 ta’ Novembru 2019, ir-rikorrenti ppreżentat l-osservazzjonijiet tagħha fuq it-tkomplija tal-proċedura u, skont l-Artikolu 123(1) tar-Regoli tal-Proċedura, talbet lill-Qorti Ġenerali tilqa’ t-talbiet tagħha.

 It-talbiet tar-rikorrenti

33      Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

–        tikkundanna lill-BĊE għall-ispejjeż.

34      Ir-rikorrenti titlob ukoll lill-Qorti Ġenerali tieħu, skont l-Artikolu 88 tar-Regoli tal-Proċedura, miżura istruttorja dwar il-produzzjoni ta’ dokumenti li l-aċċess għalihom ġie rrifjutat fid-deċiżjoni kkontestata.

 Id‑dritt

35      Skont l-Artikolu 123(1) tar-Regoli tal-Proċedura, meta l-Qorti Ġenerali tikkonstata li l-konvenut, b’mod regolari, ma jkunx wieġeb fit-terminu previst, ir-rikorrent jista’ jitlob lill-Qorti Ġenerali tilqa’ t-talbiet tiegħu.

36      F’dan il-każ, il-BĊE ppreżenta r-risposta tiegħu fis‑6 ta’ Novembru 2019, jiġifieri sebat ijiem wara l-iskadenza tat-terminu previst fl-Artikolu 154(2) tar-Regoli tal-Proċedura.

37      Fil-fatt, it-terminu għall-preżentata tar-risposta, li, kieku l-Qorti Ġenerali laqgħet it-talba għal proċedura mħaffa, kien jiskadi fit‑30 ta’ Settembru 2019, skada fit‑30 ta’ Ottubru 2019, peress li terminu wieħed biss għal raġuni ta’ distanza huwa applikat fil-kuntest tal-kalkolu tat-terminu għall-preżentata tar-risposta fil-każ ta’ ċaħda ta’ talba għal proċedura mħaffa (ara, f’dan is-sens, id-digriet tas‑7 ta’ Ġunju 2017, De Masi vs Il‑Kummissjoni, T‑11/16, mhux ippubblikat, EU:T:2017:385, punti 17 sa 20 u 22).

38      Għalhekk, il-BĊE ma rrispondiex għar-rikors fit-terminu previst.

39      Peress li r-rikorrenti, kif indikat fil-punt 32 iktar ’il fuq, talbet lill-Qorti Ġenerali tilqa’ t-talbiet tagħha, għandu jiġi applikat l-Artikolu 123(3) tar-Regoli tal-Proċedura.

40      Konformement mal-Artikolu 123(3) tar-Regoli tal-Proċedura, il-Qorti Ġenerali għandha tilqa’ t-talbiet tar-rikorrenti, sakemm manifestament ma jkollhiex kompetenza sabiex tieħu konjizzjoni tar-rikors jew sakemm dan ir-rikors ma jkunx manifestament inammissibbli jew manifestament infondat fid-dritt.

41      Fl-ewwel lok, għandu jiġi rrilevat li, kif jirriżulta mir-rikors, ir-rikorrenti titlob lill-Qorti Ġenerali tannulla deċiżjoni tal-Bord Eżekuttiv tal-BĊE indirizzata lilha, li tikkonferma r-rifjut ta’ aċċess għad-dokumenti mitluba mir-rikorrenti.

42      Issa, skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea għandha tistħarreġ il-legalità tal-atti tal-BĊE intiżi sabiex jipproduċu effetti legali fir-rigward ta’ terzi. Skont ir-raba’ paragrafu tal-istess artikolu, kull persuna ġuridika tista’ tippreżenta, quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, rikors kontra l-atti indirizzati lilha.

43      Barra minn hekk, l-Artikolu 8(1) tad-Deċiżjoni 2004/258 jikkonferma li, fil-każ ta’ rifjut totali jew parzjali ta’ aċċess, l-applikant għandu r-rimedju previst fl-Artikolu 263 TFUE.

44      Barra minn hekk, skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 256(1) TFUE, il-Qorti Ġenerali hija kompetenti, b’mod partikolari, sabiex tieħu konjizzjoni fl-ewwel istanza tar-rikorsi msemmija fl-Artikolu 263 TFUE, bl-eċċezzjoni ta’ dawk li l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea jirriżerva għall-Qorti tal-Ġustizzja. L-Artikolu 51 tal-imsemmi statut jelenka l-kategoriji ta’ rikorsi li, b’deroga mir-regola stabbilita fl-Artikolu 256(1) TFUE, huma rriżervati għall-Qorti tal-Ġustizzja. Issa, għandu jiġi kkonstatat li dan ir-rikors ma jappartjeni għal ebda waħda minn dawn il-kategoriji.

45      F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jitqies li l-Qorti Ġenerali manifestament ma hijiex kompetenti sabiex tiddeċiedi fuq dan ir-rikors.

46      Fit-tieni lok, għandu jiġi rrilevat li r-rikorrenti hija d-destinatarja tad-deċiżjoni kkontestata, li tiċħad talba konfermattiva ppreżentata minnha konformement mal-Artikolu 7(2) tad-Deċiżjoni 2004/258.

47      Issa, skont ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, kull persuna tista’ tippreżenta rikors kontra l-atti indirizzati lilha. Għaldaqstant, ir-rikorrenti għandha locus standi u tista’, barra minn hekk, tinvoka interess ġuridiku kontra d-deċiżjoni kkontestata (ara, f’dan is-sens, id-digriet tat‑30 ta’ April 2001, British American Tobacco International (Holdings) vs Il‑Kummissjoni, T‑41/00, EU:T:2001:125, punt 20).

48      F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-rikors, ippreżentat, barra minn hekk, fit-terminu previst mis-sitt paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, ma jistax jitqies li huwa manifestament inammissibbli.

49      Fit-tielet lok, għandu jiġi rrilevat li, insostenn tar-rikors, ir-rikorrenti tippreżenta żewġ motivi, li kull wieħed minnhom jinkludi diversi partijiet, li l-eżami tagħhom ma jippermettix lill-Qorti Ġenerali tqis ir-rikors bħala manifestament infondat.

50      Fil-fatt, ir-rikorrenti tikkontesta, b’mod partikolari, fil-kuntest tal-ewwel parti tal-ewwel motiv, l-eżistenza ta’ preżunzjoni ġenerali li tirriżulta mill-Artikolu 4(1)(ċ) tad-Deċiżjoni 2004/258 li tippermetti lill-BĊE jżomm kunfidenzjali d-deċiżjonijiet li permezz tagħhom huwa jqiegħed stabbiliment ta’ kreditu taħt amministrazzjoni temporanja.

51      F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti ssostni, ġustament, li l-eżistenza ta’ tali preżunzjoni ġenerali ta’ kunfidenzjalità, ibbażata fuq l-Artikolu 4(1)(ċ) tad-Deċiżjoni 2004/258, ma ġietx irrikonoxxuta, jew stabbilita, sal-lum, mill-ġurisprudenza.

52      Ir-rikorrenti tikkontesta wkoll, fil-kuntest tat-tieni parti tat-tieni motiv, il-konsegwenzi li l-BĊE silet, fid-deċiżjoni kkontestata, mid-dispożizzjonijiet dwar is-sigriet professjonali u l-kunfidenzjalità msemmija fil-punt 20 iktar ’il fuq.

53      Filwaqt li tinvoka s-sentenza tad‑19 ta’ Ġunju 2018, Baumeister (C‑15/16, EU:C:2018:464, punt 46), ir-rikorrenti ssostni li d-dispożizzjonijiet imsemmija fil-punt 20 iktar ’il fuq ma jistgħux jiġu interpretati bħala li jimponu obbligu assolut ta’ kunfidenzjalità fuq il-BĊE. Għall-kuntrarju, skont dawn id-dispożizzjonijiet, f’ċerti sitwazzjonijiet, il-komunikazzjoni ta’ informazzjoni tista’ tkun iġġustifikata.

54      Fl-aħħar nett, ir-rikorrenti tirrileva, fil-kuntest tat-tieni parti tal-ewwel motiv, li d-deċiżjoni tal‑1 ta’ Jannar 2019, li, skont il-BĊE, ma setgħetx tiġi kkomunikata lilha minħabba n-natura sensittiva tagħha, kienet ġiet ippubblikata, mingħajr dubju b’mod mhux awtorizzat, fil-forma ta’ estratti, riprodotti fuq is-sit internet ta’ gazzetta Taljana.

55      Ir-rikorrenti ssostni li l-eżami tal-estratti tad-deċiżjoni tal‑1 ta’ Jannar 2019 li ġew ippubblikati jippermetti li jiġi kkonstatat li l-kontenut tal-imsemmija deċiżjoni ma huwiex kunfidenzjali, peress li dan jikkonċerna informazzjoni li, bħala kumpannija kkwotata fis-swieq irregolati, Banca Carige kienet obbligata li tippubblika.

56      Skont ir-rikorrenti, dan il-fatt għandu effett fuq l-evalwazzjoni tar-riskji li jista’ jiġi kkawżat minn żvelar, skont il-ġurisprudenza (sentenza tat‑3 ta’ Lulju 2014, Il‑Kunsill vs in’ t Veld, C‑350/12 P, EU:C:2014:2039, punt 60).

57      Fid-dawl ta’ dawn l-elementi, jidher li diversi lmenti ppreżentati mir-rikorrenti ma jistgħux jitqiesu bħala manifestament infondati fid-dritt.

58      Għalhekk, il-Qorti Ġenerali tikkonstata, fid-dawl tal-elementi tal-proċess u fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, minn naħa, li hija ma hijiex manifestament inkompetenti sabiex tieħu konjizzjoni tar-rikors u, min-naħa l-oħra, li r-rikors la huwa manifestament inammissibbli u lanqas manifestament infondat fid-dritt.

59      Għaldaqstant, it-talbiet tar-rikorrenti għandhom jintlaqgħu mingħajr ma jkun meħtieġ li tiġi adottata l-miżura istruttorja mitluba.

 Fuq l-ispejjeż

60      Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li l-BĊE tilef, hemm lok li huwa jiġi kkundannat għall-ispejjeż, skont it-talbiet tar-rikorrenti.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (Ir-Raba’ Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Id-Deċiżjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) LS/LdG/19/185 tat12 ta’ Ġunju 2019 li tirrifjuta l-aċċess għal diversi dokumenti relatati mad-Deċiżjoni tal-Bord tal-Gvernaturi tal-BĊE ECBSSM2019ITCAR11 tal1 ta’ Jannar 2019 li tqiegħed lil Banca Carige SpA taħt amministrazzjoni temporanja, hija annullata.

2)      Il-BĊE huwa kkundannat għall-ispejjeż.

Gervasoni

Nihoul

Martín y Pérez de Nanclares

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fil‑25 ta’ Ġunju 2020.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: it‑Taljan.