Language of document : ECLI:EU:T:2019:215

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Il-Ħames Awla)

4 ta’ April 2019 (*)

“REACH – Regolament (KE) Nru 1907/2006 – Bis(2-etileksil) ftalat (DEHP) – Talba għal eżami mill-ġdid intern ta’ deċiżjoni ta’ awtorizzazzjoni ta’ tqegħid fis-suq miċħuda bħala infondata – Żball ta’ liġi – Żball manifest ta’ evalwazzjoni – Artikolu 10 tar-Regolament (KE) Nru 1367/2006”

Fil-Kawża T‑108/17,

ClientEarth, stabbilita f’Londra (ir-Renju Unit), irrappreżentata minn A. Jones, barrister,

rikorrenti,

vs

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn G. Gattinara, R. Lindenthal u K. Mifsud-Bonnici, bħala aġenti,

konvenuta,

sostnuta minn

L-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi (ECHA), irrappreżentata minn M. Heikkilä u W. Broere, bħala aġenti,

intervenjenti,

li għandha bħala suġġett talba bbażata fuq l-Artikolu 263 TFUE u intiża għall-annullament tal-ittra tal-Kummissjoni tas-7 ta’ Diċembru 2016 li permezz tagħha din l-istituzzjoni ċaħdet talba għal eżami mill-ġdid intern tat-2 ta’ Awwissu 2016 imressqa mir-rikorrenti kontra d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni C(2016) 3549 final tas-16 ta’ Ġunju 2016 li tagħti awtorizzazzjoni għall-użi tal-bis(2-etileksil) ftalat (DEHP) skont ir-Regolament (KE) Nru 1907/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill,

IL-QORTI ĠENERALI (Il-Ħames Awla),

komposta minn D. Gratsias, President, A. Dittrich (Relatur) u I. Ulloa Rubio, Imħallfin,

Reġistratur: F. Oller, Amministratur,

wara li rat il-fażi bil-miktub tal-proċedura u wara s-seduta tas-6 ta’ Settembru 2018,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1        Billi adottat ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 143/2011 tas-17 ta’ Frar 2011 li jemenda l-Anness XIV għar-Regolament (KE) Nru 1907/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ir-Reġistrazzjoni, il-Valutazzjoni, l-Awtorizzazzjoni u r-Restrizzjoni ta’ sustanzi kimiċi (REACH) (ĠU 2011, L 44, p. 2, rettifika fil-ĠU 2011, L 49, p. 2), il-Kummissjoni Ewropea inkludiet il-bis(2-etileksil) ftalat (DEHP), kompost organiku essenzjalment użat sabiex irattab il-plastik abbażi ta’ klorur tal-polivinil (PVC), fl-Anness XIV tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Diċembru 2006 dwar ir-reġistrazzjoni, il-valutazzjoni, l-awtorizzazzjoni u r-restrizzjoni ta’ sustanzi kimiċi (REACH), li jistabbilixxi Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi, li jemenda d-Direttiva 1999/45/KE u li jħassar ir-Regolament (KEE) Nru 793/93 tal-Kunsill u r-Regolament (KE) Nru 1488/94 tal-Kummissjoni kif ukoll id-Direttiva 76/769/KEE tal-Kunsill u d-Direttivi 91/155/KEE, 93/67/KEE, 93/105/KE u 2000/21/KE tal-Kummissjoni (ĠU 2006, L 396, p. 1, rettifiki fil-ĠU 2007, L 136, p. 3, ĠU 2008, L 141, p. 22, u ĠU 2009, L 36, p. 84), minħabba proprjetajiet tossiċi ta’ din is-sustanza għar-riproduzzjoni fis-sens tal-Artikolu 57(ċ) ta’ dan ir-regolament.

2        Fit-13 ta’ Awwissu 2013, tliet kumpanniji ta’ riċiklaġġ ta’ skart (iktar ’il quddiem l-“applikanti għall-awtorizzazzjoni”) ippreżentaw applikazzjoni konġunta għal awtorizzazzjoni skont l-Artikolu 62 tar-Regolament Nru 1907/2006, moqri flimkien mal-Artikolu 60(2), ta’ dan ir-regolament (iktar ’il quddiem l-“applikazzjoni għal awtorizzazzjoni”), bil-ħsieb li jitqiegħed fis-suq id-DEHP għall-“użi” li ġejjin:

–        “il-formulazzjoni ta’ poliklorur tal-vinil (PVC) artab irriċiklat li fih id-DEHP f’komposti u f’taħlitiet niexfa;

–        użu industrijali tal-PVC artab irriċiklat li fih id-DEHP fl-ipproċessar tal-polimeri bil-kalandratura, bl-estrużjoni, bil-kompressjoni u ffurmar bl-injezzjoni għall-produzzjoni ta’ oġġetti tal-PVC”.

3        Fl-analiżi tal-alternattivi li takkumpanja l-applikazzjoni għal awtorizzazzjoni, l-applikanti għall-awtorizzazzjoni indikaw dan li ġej:

“Id-DEHP huwa plastifikant li ilu jintuża għal bosta għexieren ta’ snin biex il-PVC jitrattab għall-manifattura tal-PVC plastifikat jew artab. […]

Id-DEHP għandu għalhekk jiżdied mal-PVC qabel ma l-plastik jiġi pproċessat f’oġġetti tal-plastik u qabel ma dawn l-oġġetti tal-plastik isiru skart, jiġifieri prodott potenzjalment ta’ valur għall-applika[nti għall-awtorizzazzjoni]. Fis-sens strett tal-kelma, id-DEHP għaldaqstant ma għandu l-ebda rwol funzjonali speċifiku għall-applika[nti għall-awtorizzazzjoni]; dan huwa biss preżenti bħala impurità (fil-biċċa l-kbira mhux mixtieqa) fl-iskart miġbur, magħżul u pproċessat u li sussegwentement jitqiegħed fis-suq fil-forma ta’ ‘materjal irriċiklat’. Madankollu, il-preżenza limitata ta’ DEHP (jew ta’ plastifikanti oħra) fil-prodott irriċiklat tista’ teoretikament toffri xi benefiċċji għall-utenti downstream (dawk li jipproċessaw il-PVC):

–        dan jista’ jiffaċilita l-ipproċessar tal-materja prima għar-riċiklaġġ f’oġġetti tal-PVC ġodda; u

–        dan jista’ jippermetti lil dawk li jipproċessaw il-PVC li jnaqqsu l-kwantità ta’ DEHP pur (jew ‘verġni’) (jew plastifikanti oħra) li għandu jiżdied mal-komposti tagħhom sabiex jiġu prodotti oġġetti ġodda tal-PVC artab”.

4        Fl-applikazzjoni għal awtorizzazzjoni, l-applikanti għall-awtorizzazzjoni ppreċiżaw ukoll li d-“DEHP ma [kellu] ebda rwol funzjonali speċifiku għalihom.” Din is-sustanza hija sempliċement preżenti bħala impurità (fil-biċċa l-kbira mhux mixtieqa) fl-iskart miġbur, magħżul, ipproċessat, u li sussegwentement jitqiegħed fis-suq fil-forma ta’ materjal irriċiklat. Minn din l-applikazzjoni għal awtorizzazzjoni jirriżulta wkoll li l-preżenza limitata ta’ DEHP fil-materjal irriċiklat tista’ tiffaċilita l-ipproċessar tiegħu f’oġġetti ġodda tal-PVC billi titnaqqas il-kwantità ta’ DEHP pur jew verġni jew ta’ plastifikanti oħra li jistgħu jiġu miżjuda mal-komposti qabel il-manifattura ta’ oġġetti ġodda tal-PVC artab.

5        Fl-10 ta’ Ottubru 2014, il-Kumitat għall-Istima tar-Riskji u l-Kumitat għall-Analiżi Soċjo-ekonomika tal-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi (ECHA) taw l-opinjoni tagħhom dwar l-applikazzjoni għal awtorizzazzjoni. Skont il-Kumitat għall-Istima tar-Riskji, l-applikanti għall-awtorizzazzjoni ma kinux urew li r-riskji għas-saħħa tal-ħaddiema li jirriżultaw miż-żewġ “użi” mitluba kienu kkontrollati adegwatament fis-sens tal-Artikolu 60(2) tar-Regolament Nru 1907/2006. Min-naħa tiegħu, il-Kumitat għall-Analiżi Soċjo-ekonomika kkonkluda li, minkejja l-eżistenza ta’ ċerti nuqqasijiet fl-analiżi ppreżentata mill-applikanti għall-awtorizzazzjoni biex juru l-benefiċċji soċjo-ekonomiċi li jirriżultaw mill-“użi” li għalihom kienet ġiet ippreżentata l-applikazzjoni għal awtorizzazzjoni, minn naħa, u abbażi ta’ “analiżi kwalitattiva” li tinkludi l-inċertezzi rilevanti, min-naħa l-oħra, l-awtorizzazzjoni setgħet tingħata f’dan il-każ.

6        Fit-22 ta’ Ottubru 2014, il-Kumitat għall-Istima tar-Riskji u l-Kumitat għall-Analiżi Soċjo-ekonomika tal-ECHA fasslu dokument li fih verżjoni komuni u kkonsolidata tal-opinjonijiet tagħhom. Dan id-dokument, bir-referenza “ECHA/CER/CASE Opinjoni Nru AFA-0-0000004151-87-17/D”, huwa intitolat “Opinjoni dwar applikazzjoni għal awtorizzazzjoni għall-użu tal-bis(2-etileksil) ftalat (DEHP): “[f]ormulazzjoni ta’ PVC artab irriċiklat li fih id-DEHP f’komposti u taħlitiet niexfa”. Fl-24 ta’ Ottubru 2014, l-ECHA bagħtet din l-opinjoni komuni kkonsolidata lill-Kummissjoni.

7        Fit-12 ta’ Diċembru 2014, l-ECHA aġġornat u kkompletat l-entrata eżistenti dwar id-DEHP fil-“lista ta’ kandidati [lista tas-sustanzi identifikati] għall-inklużjoni eventwali fl-Anness XIV” imsemmija fl-Artikolu 59(1) tar-Regolament Nru 1907/2006 (iktar ’il quddiem il-“lista tas-sustanzi kandidati”) fejn identifikatu bħala sustanza bi proprjetajiet li jfixklu s-sistema endokrina, li fir-rigward tagħha kien xjentifikament ipprovat li seta’ jkollha effetti serji fuq l-ambjent li jagħtu lok għal livell ta’ tħassib ekwivalenti għal dak ikkawżat bl-użu ta’ sustanzi oħra elenkati fl-Artikolu 57(a) sa (e) tar-Regolament Nru 1907/2006, fis-sens tal-Artikolu 57(f) ta’ dan l-istess regolament.

8        L-applikazzjoni għal awtorizzazzjoni ġiet diskussa wkoll fi ħdan il-kumitat previst fl-Artikolu 133 tar-Regolament Nru 1907/2006.

9        Fis-16 ta’ Ġunju 2016, il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni C(2016) 3549 final tas-16 ta’ Ġunju 2016 li tagħti awtorizzazzjoni għall-użi tal-bis(2-etileksil) ftalat (DEHP) skont ir-Regolament Nru 1907/2006 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni ta’ awtorizzazzjoni”). Permezz tal-Artikolu 1 ta’ dik id-deċiżjoni, il-Kummissjoni tat awtorizzazzjoni għall-“użi” li ġejjin:

–        “il-formulazzjoni ta’ poli(klorur tal-vinil) (PVC) artab irriċiklat li fih id-DEHP f’komposti u taħlitiet niexfa;

–        L-użu industrijali tal-PVC artab irriċiklat li fih id-DEHP fl-ipproċessar tal-polimeri bil-kalandratura, bl-estrużjoni, bil-kompressjoni u fformar bl-injezzjoni għall-produzzjoni ta’ oġġetti tal-PVC ħlief: ġugarelli u oġġetti għall-kura tat-tfal; gomom għal-lapsijiet; ġugarelli tal-adulti (ġugarelli tas-sess u oġġetti oħra għall-adulti b’kuntatt intensiv mal-membrani mukożi); oġġetti domestiċi iżgħar minn 10 cm li t-tfal jistgħu jsoffuhom jew jomogħduhom; tessuti/ħwejjeġ tal-konsumatur maħsuba biex jintlibsu mal-ġilda; kożmetiċi u materjali li jiġu f’kuntatt mal-ikel irregolati bil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni speċifika għas-settur” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

10      Skont l-Artikolu 1 tad-deċiżjoni ta’ awtorizzazzjoni, essenzjalment, l-awtorizzazzjoni ngħatat skont l-Artikolu 60(4) tar-Regolament Nru 1907/2006, bil-kundizzjoni, minn naħa, li l-miżuri ta’ maniġġjar tar-riskji u l-kondizzjonijiet operattivi deskritti fir-rapport dwar is-sigurtà kimika ppreżentat skont l-Artikolu 62(4)(d) tal-istess regolament, jiġu applikati bis-sħiħ għal kull wieħed mill-użi rispettivi u, min-naħa l-oħra, li l-proporzjon ta’ DEHP fil-PVC artab irriċiklat f’komposti u taħlitiet niexfa ma għandux jaqbeż 20 % piż b’piż.

11      Fl-Artikolu 2 tad-deċiżjoni ta’ awtorizzazzjoni, il-Kummissjoni ffissat il-perijodu ta’ reviżjoni tal-awtorizzazzjoni, imsemmi fl-Artikolu 60(9)(e) tar-Regolament Nru 1907/2006, għal erba’ snin mid-data ta’ skadenza stabbilita fl-Anness XIV tar-Regolament Nru 1907/2006, jiġifieri l-21 ta’ Frar 2019. Fl-Artikolu 3 tad-deċiżjoni ta’ awtorizzazzjoni, il-Kummissjoni imponiet monitoraġġ fis-sens tal-Artikolu 60(9)(f) tar-Regolament Nru 1907/2006.

12      Fl-Artikolu 4 tad-deċiżjoni ta’ awtorizzazzjoni, il-Kummissjoni ppreċiżat li din id-deċiżjoni kienet indirizzata lill-applikanti għall-awtorizzazzjoni.

13      Fil-premessa 8 tad-deċiżjoni ta’ awtorizzazzjoni, il-Kummissjoni ddikjarat li r-regolament Nru 1907/2006 “ma kienx japplika għall-iskart kif iddefinit fid-Direttiva 2008/98/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill” u li, konsegwentement, l-“awtorizzazzjoni li jitqiegħdu fis-suq u jintużaw komposti u taħlitiet niexfa ta’ PVC artab irriċiklat li fih id-DEHP skont l-Artikolu 64 tar-[Regolament Nru 1907/2006] kienet tapplika inkwantu dawn il-komposti u taħlitiet niexfa kienu waqfu jkunu skart skont l-Artikolu 6 ta’ din id-direttiva” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

14      Permezz ta’ ittra tat-2 ta’ Awwissu 2016 (iktar ’il quddiem it-“talba għal eżami mill-ġdid intern”), ir-rikorrenti, ClientEarth, li hija korp mingħajr skop ta’ lukru li għandha l-għan, b’mod partikolari, li tħares l-ambjent, talbet lill-Kummissjoni twettaq eżami mill-ġdid intern tad-deċiżjoni ta’ awtorizzazzjoni skont l-Artikolu 10 tar-Regolament (KE) Nru 1367/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta’ Settembru 2006 dwar l-applikazzjoni għall-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità tad-disposizzjonijiet tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus dwar l-Aċċess għall-Informazzjoni, il-Parteċipazzjoni tal-Pubbliku fit-Teħid ta’ Deċiżjonijiet u l-Aċċess għall-Ġustizzja fi Kwistjonijiet Ambjentali (ĠU 2006, L 264, p. 13).

15      Permezz tad-Deċiżjoni C(2016) 8454 finali, tas-7 ta’ Diċembru 2016 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni dwar it-talba għal eżami mill-ġdid intern”), il-Kummissjoni ċaħdet it-talba għal eżami mill-ġdid intern, essenzjalment, minħabba li kienet infondata.

 Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

16      Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis-17 ta’ Frar 2017, ir-rikorrenti ressqet din l-azzjoni.

17      Ir-risposta ġiet ippreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl-4 ta’ Mejju 2017.

18      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fid-29 ta’ Mejju 2017, l-ECHA talbet sabiex titħalla tintervjeni insostenn tat-talbiet tal-Kummissjoni. Permezz ta’ deċiżjoni tal-President tal-Ħames Awla tal-Qorti Ġenerali tad-29 ta’ Ġunju 2017, intlaqgħet it-talba għal intervent.

19      Ir-replika u l-kontroreplika ġew iddepożitati fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-22 ta’ Ġunju u fil-21 ta’ Awwissu 2017 rispettivament.

20      Fil-21 ta’ Awwissu 2017, l-ECHA ppreżentat in-nota ta’ intervent tagħha fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali.

21      Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiddikjara r-rikors ammissibbli u fondat;

–        tannulla d-deċiżjoni dwar it-talba għal eżami mill-ġdid intern;

–        tannulla d-deċiżjoni ta’ awtorizzazzjoni;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż;

–        “tordna kwalunkwe miżura oħra meqjusa xierqa”.

22      Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

23      L-ECHA titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

 Id-dritt

 Fuq it-talba għal annullament tad-deċiżjoni ta’ awtorizzazzjoni

24      Mingħajr ma tqajjem formalment eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà skont l-Artikolu 130 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, il-Kummissjoni, sostnuta mill-ECHA, tinvoka l-inammissibbiltà parzjali ta’ dan ir-rikors sa fejn, permezz tat-tielet kap ta’ talbiet tagħha, ir-rikorrenti titlob l-annullament tad-deċiżjoni ta’ awtorizzazzjoni.

25      Essenzjalment, l-ewwel nett, skont il-Kummissjoni, id-deċiżjoni ta’ awtorizzazzjoni ma hijiex is-suġġett ta’ dan ir-rikors għal annullament. It-tieni nett, ir-rikorrenti ma għandhiex locus standi sabiex tikkontesta d-deċiżjoni ta’ awtorizzazzjoni skont l-Artikolu 263 TFUE.

26      Waqt is-seduta, ir-rikorrenti ppreċiżat li hija ma kinitx qiegħda tikkontesta direttament id-deċiżjoni ta’ awtorizzazzjoni minħabba l-fatt li hija kienet tqis li hija ma kellhiex il-locus standi meħtieġ sabiex tippreżenta rikors ibbażat fuq l-Artikolu 263 TFUE u intiż kontra din id-deċiżjoni. Għaldaqstant, għandu jiġi kkonstatat li d-deċiżjoni ta’ awtorizzazzjoni ma hijiex is-suġġett ta’ dan ir-rikors inkwantu dan huwa bbażat fuq l-Artikolu 263 TFUE.

27      Madankollu, skont ir-rikorrenti, l-ewwel nett, annullament eventwali tad-deċiżjoni dwar it-talba għal eżami mill-ġdid intern loġikament għandu jwassal għall-annullament tad-deċiżjoni ta’ awtorizzazzjoni.

28      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li s-sistema ta’ stħarriġ ġudizzjarju prevista mit-Trattati ma jipprevedix il-possibbiltà, għall-Qorti Ġenerali, li tannulla deċiżjoni li ma tkunx is-suġġett ta’ rikors għal annullament dirett ibbażat fuq l-Artikolu 263 TFUE.

29      It-tieni nett, ir-rikorrenti żżid li, fi kwalunkwe każ, skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 266 TFUE, il-Qorti Ġenerali għandha s-setgħa, bħala miżura neċessarja sabiex jingħata effett għas-sentenza f’din il-proċedura, teħtieġ li l-Kummissjoni “tirrevoka” d-deċiżjoni ta’ awtorizzazzjoni. Għal din ir-raġuni, ir-rikorrenti indikat fis-seduta li hija xtaqet iżżomm it-tielet kap ta’ talbiet.

30      Sa fejn ir-rikorrenti tirreferi għall-fatt li l-Qorti Ġenerali għandha s-setgħa, allegatament prevista fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 266 TFUE, li titlob lill-Kummissjoni li “tirrevoka” d-deċiżjoni ta’ awtorizzazzjoni, hemm lok li jiġi rrilevat li r-rikorrenti titlaq minn interpretazzjoni żbaljata ta’ din id-dispożizzjoni. Fil-fatt, minn naħa, annullament mill-Qorti Ġenerali tad-deċiżjoni ta’ awtorizzazzjoni, kif mitlub mir-rikorrenti fil-kuntest tat-tielet kap ta’ talbiet, ma għandu l-ebda rabta ma’ revoka eventwali, mill-Kummissjoni, ta’ din id-deċiżjoni. Min-naħa l-oħra, din id-dispożizzjoni ma tagħti lill-Qorti Ġenerali ebda setgħa li tmur lil hinn mis-setgħat ġudizzjarji previsti espliċitament fit-Trattati. Kuntrarjament għal dak li jidher li qed tissuġġerixxi r-rikorrenti, l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 266 TFUE jirrigwarda b’mod espliċitu l-obbligu tal-istituzzjoni, tal-korp jew tal-organu li tkun adottat att annullat mill-qorti tal-Unjoni Ewropea, li jieħu l-miżuri li l-eżekuzzjoni tas-sentenza ta’ annullament timplika. Skont il-ġurisprudenza, ma hijiex il-qorti tal-Unjoni li għandha tindirizza ordnijiet lill-istituzzjonijiet tal-Unjoni jew li tissostitwixxihom fil-kuntest tal-istħarriġ tal-legalità li hija teżerċita (ara s-sentenza tat-30 ta’ Mejju 2013, Omnis Group vs Il-Kummissjoni, T‑74/11, mhux ippubblikata, EU:T:2013:283, punt 26 u l-ġurisprudenza ċċitata). Għalhekk, f’dan il-każ, ma hijiex il-Qorti Ġenerali li għandha tindirizza ordnijiet lill-Kummissjoni, fil-każ ta’ annullament tad-deċiżjoni dwar it-talba għal eżami mill-ġdid intern, u lanqas li tirrevoka d-deċiżjoni ta’ awtorizzazzjoni.

31      Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal, hemm lok li jiġi kkonstatat li t-tielet kap ta’ talbiet huwa manifestament inammissibbli u għalhekk għandu jiġi miċħud.

 Fuq it-talba għal annullament tad-deċiżjoni dwar it-talba għal eżami mill-ġdid intern

32      Sa fejn, kif jirriżulta mit-tieni kap ta’ talbiet, ir-rikors huwa intiż għall-annullament tad-deċiżjoni dwar it-talba għal eżami mill-ġdid intern, ir-rikorrenti tinvoka erba’ motivi.

33      L-ewwel motiv huwa bbażat fuq li d-deċiżjoni dwar it-talba għal eżami mill-ġdid intern hija vvizzjata bi żbalji ta’ liġi u żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni dwar il-konformità tal-applikazzjoni ta’ awtorizzazzjoni fir-rigward tal-Artikolu 62 u tal-Artikolu 60(7) tar-Regolament Nru 1907/2006. Permezz tat-tieni motiv tagħha, ir-rikorrenti ssostni li d-deċiżjoni dwar it-talba għal eżami mill-ġdid intern hija vvizzjata bi żbalji ta’ liġi u żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni dwar l-evalwazzjoni soċjo-ekonomika bbażata fuq l-Artikolu 60(4) tar-Regolament Nru 1907/2006. It-tielet motiv huwa bbażat fuq li d-deċiżjoni dwar it-talba għal eżami mill-ġdid intern hija vvizzjata bi żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni dwar l-analiżi tal-alternattivi skont l-Artikolu 60(4) u (5) tar-Regolament Nru 1907/2006. Permezz tar-raba’ motiv, ir-rikorrenti ssostni li d-deċiżjoni dwar it-talba għal eżami mill-ġdid intern hija vvizzjata bi żbalji ta’ liġi u bi żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni dwar l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ prekawzjoni fil-kuntest tal-proċedura ta’ awtorizzazzjoni prevista fir-Regolament Nru 1907/2006.

 Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq l-eżistenza ta’ żbalji ta’ liġi u ta’ evalwazzjoni dwar il-konformità tal-applikazzjoni għal awtorizzazzjoni fir-rigward tal-Artikolu 62 u l-Artikolu 60(7) tar-Regolament Nru 1907/2006

34      L-ewwel motiv jinqasam f’erba’ partijiet li huma intiżi li juru l-eżistenza, fid-deċiżjoni dwar it-talba għal eżami mill-ġdid intern, ta’ żbalji ta’ liġi u żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni dwar il-konformità tal-applikazzjoni għal awtorizzazzjoni fir-rigward tal-Artikolu 62 u tal-Artikolu 60(7) tar-Regolament Nru 1907/2006, l-ewwel nett, fl-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “użu” li jinsab fl-Artikolu 62(4)(ċ) tar-Regolament Nru 1907/2006, it-tieni nett, fir-rigward tal-eżistenza tal-allegati nuqqasijiet fir-rapport dwar is-sigurtà kimika, it-tielet nett, fir-rigward tal-eżistenza ta’ allegati nuqqasijiet fl-evalwazzjoni tal-alternattivi xierqa u, ir-raba’ nett, fl-interpretazzjoni tal-Artikolu 60(7) u tal-Artikolu 64(3) tar-Regolament Nru 1907/2006.

–       Fuq l-ewwel parti, ibbażata fuq żbalji ta’ liġi u ta’ evalwazzjoni fl-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “użu” fl-Artikolu 56(1)(a), u fl-Artikolu 62(4)(ċ) tar-Regolament Nru 1907/2006

35      Fl-ewwel lok, ir-rikorrenti ssostni li l-applikanti għall-awtorizzazzjoni ma ddefinixxewx l-“użu jew użi ta’ dik is-sustanza” kif jeħtieġ l-Artikolu 56(1)(a) tar-Regolament Nru 1907/2006. Il-Kummissjoni allegatament ukoll tat interpretazzjoni żbaljata tal-kunċett ta’ “użu” imsemmi fl-Artikolu 56(1)(a) tar-Regolament Nru 1907/2006 u fl-Artikolu 62(4)(ċ) ta’ dan l-istess regolament.

36      L-ewwel nett, fil-fehma tar-rikorrenti, dan il-kunċett jirreferi għall-każijiet fejn tintalab awtorizzazzjoni għall-użu attiv jew għall-introduzzjoni ta’ sustanza “fi proċess industrijali”. Il-kunċetti ta’ użu attiv u ta’ introduzzjoni ta’ sustanza fi proċess industrijali jikkorrispondu għal kunċett ta’ użu intenzjonat. L-antiteżi ta’ dan il-kunċett ta’ użu attiv huwa l-każ li fih is-sustanza hija sempliċement preżenti, bħala element imprevist ta’ proċess pre-eżistenti. Issa, skont ir-rikorrenti, il-preżenza kontinwa u aċċidentali ta’ sustanza fi proċess pre-eżistenti ma tistax tiġi kklassifikata bħala “użu” fil-veru sens tal-kelma.

37      F’dan il-każ, l-applikazzjoni għal awtorizzazzjoni allegatament ġiet suġġetta għal “użi ta’ PVC irriċiklat li fih id-DEHP”. Fid-dawl tal-indikazzjonijiet li jinsabu fl-applikazzjoni għal awtorizzazzjoni, kif ukoll fid-dawl tal-indikazzjonijiet li jinsabu fl-analiżi tal-alternattivi mfassla mill-applikanti għall-awtorizzazzjoni, huwa permess li jiġi konkluż li l-applikanti għall-awtorizzazzjoni ma kinux talbu l-awtorizzazzjoni għal użu attiv jew sabiex jintroduċu d-DEHP fi “proċess industrijali” mwettaq minn dawn. L-applikazzjoni għal awtorizzazzjoni tirrigwarda s-sempliċi preżenza involontarja ta’ sustanza fi proċess pre-eżistenti u mhux fuq “użu” fis-sens tar-Regolament Nru 1907/2006. Fil-fatt, l-applikanti għall-awtorizzazzjoni qegħdin jitolbuha biss għal proċess ta’ ġbir, ta’ pproċessar u ta’ tqegħid fis-suq ta’ skart magħmul mill-plastik li fih ċertu proporzjon ta’ DEHP bħala ingredjent anċillari. Fi kliem ieħor, f’dan il-każ dawn huma użi ta’ PVC irriċiklat li fih id-DEHP, jiġifieri “ipproċessar ta’ skart magħmul mill-plastik”, b’kuntrast mal-ipproċessar tad-DEHP fih innifsu.

38      Billi, fid-deċiżjoni tagħha dwar it-talba għal eżami mill-ġdid intern, segwiet l-interpretazzjoni sostnuta mill-applikanti għall-awtorizzazzjoni fir-rigward tal-kunċett ta’ “użu”, il-Kummissjoni wettqet żball ta’ liġi “manifest”. Billi għamlet dan, il-Kummissjoni, fil-verità u b’mod żbaljat, awtorizzat “proċess fl-intier tiegħu”, jiġifieri r-“riċiklaġġ ta’ materjali li jkun fihom sustanza ta’ tħassib serju ħafna”, filwaqt li r-Regolament Nru 1907/2006 jippermetti biss li jiġi awtorizzat l-użu intenzjonat ta’ sustanza ta’ tħassib serju ħafna fis-sens tal-Artikolu 57 tar-Regolament Nru 1907/2006 fi proċess industrijali.

39      B’risposta għal wieħed mill-argumenti tal-Kummissjoni, li jgħid li d-deċiżjoni ta’ awtorizzazzjoni ngħatat għal sustanza, bħala li tinsab “f’taħlita”, ir-rikorrenti ssostni li mill-frażi “f’taħlita”, imsemmija fl-Artikolu 56(1)(a) tar-Regolament Nru 1907/2006, jirriżulta li l-interpretazzjoni korretta għandha pjuttost tirrigwarda l-użu ta’ “sustanza individwali fil-kuntest tat-taħlita” u mhux l-użu “tat-taħlita b’mod sħiħ”. Skont ir-rikorrenti, għalkemm l-użu tat-taħlita hija relevanti biex wieħed jifhem il-valur miżjud u l-funzjoni tas-sustanza fit-taħlita, l-applikazzjoni għal awtorizzazzjoni kellha tiġi fformulata fir-rigward tal-użu speċifiku tas-sustanza nnifisha f’din it-taħlita. Issa, dan ma kienx il-każ hawnhekk.

40      Barra minn hekk, waħda mir-raġunijiet għalfejn huwa importanti li l-applikant għal awtorizzazzjoni skont ir-Regolament Nru 1907/2006 jieħu inkunsiderazzjoni l-użu tas-“sustanza ta’ tħassib serju ħafna f’taħlita” minflok “l-użu tat-taħlita b’mod sħiħ”, hija li l-eżattezza tal-analiżi tal-alternattivi u tal-evalwazzjoni soċjo-ekonomika tkun tiddependi mid-definizzjoni tal-użu. F’dan il-każ, fil-kuntest tal-analiżi tagħhom tal-alternattivi, l-applikanti għall-awtorizzazzjoni ma eżaminawx is-sustanzi jew it-teknoloġiji li jistgħu jissostitwixxu l-użu tad-DEHP fit-taħlita. Min-naħa l-oħra, l-applikazzjoni għal awtorizzazzjoni kopriet biss modi oħra kif tinkiseb taħlita li ma tinkludix DEHP, jiġifieri PVC mingħajr DEHP permezz tas-separazzjoni jew permezz tal-eliminazzjoni, jew inkella minn sorsi oħra.

41      Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni ssostni b’mod żbaljat li l-argumenti tar-rikorrenti, imsemmija fil-punti 36 sa 38 iktar ’il fuq, ma tqajmux fit-talba għal eżami mill-ġdid intern. Fit-talba għal eżami mill-ġdid intern, ir-rikorrenti spjegat li d-definizzjoni tat-terminu “użu” kellha tiġi interpretata bħala li tirreferi għal “funzjoni teknika” tas-sustanza kkonċernata minflok li tirreferi għad-dikjarazzjoni magħmula mill-applikanti għall-awtorizzazzjoni li jaffermaw li “ma jużawx is-sustanza [DEHP] fiha nnifisha [u li din] hija biss preżenti bħala impurità (fil-biċċa l-kbira mhux mixtieqa)”. Ir-rikorrenti tispeċifika li, anki jekk hija ma kinitx użat l-aġġettiv “attiv” f’dan il-kuntest, fil-punt 49 tat-talba tagħha għal eżami mill-ġdid intern hija kienet indikat li d-deċiżjoni ta’ awtorizzazzjoni ma kinitx tippermetti li “d-DEHP jkompli jintuża, waħdu jew f’taħlita”. Fi kliem ieħor, hija indikat li d-deċiżjoni ta’ awtorizzazzjoni ma kinitx tippermetti li d-DEHP jintuża b’mod attiv.

42      It-tieni nett, il-Kummissjoni pprovat tidentifika użu tad-DEHP konformi mar-Regolament Nru 1907/2006 billi lill-applikazzjoni għal awtorizzazzjoni attribwixxitilha indikazzjoni ta’ funzjoni tad-DEHP li tkun diffiċilment konċiljabbli mar-Regolament Nru 1907/2006.

43      Fil-fatt, fid-deċiżjoni dwar it-talba għal eżami mill-ġdid intern, il-Kummissjoni spjegat li kien hemm lok li titwettaq distinzjoni bejn il-“preżenta ta’ DEHP fl-iskart […] u l-funzjoni li s-sustanza għandha fil-materjal irkuprat li waqaf ikun skart”. Skont il-Kummissjoni, il-funzjoni rilevanti tad-DEHP fil-materjal irkuprat huwa “li jitnaqqas l-ammont ta’ plastifikanti li għandu jiġi miżjud għall-produzzjoni ta’ oġġetti tal-PVC artab abbażi tal-materjal tal-PVC artab irriċiklat”.

44      Issa, minn naħa, din il-funzjoni ma kinitx indikata bħala tali fl-applikazzjoni għal awtorizzazzjoni. Għall-kuntrarju, l-applikanti għall-awtorizzazzjoni kienu ddikjaraw espressament li d-“DEHP ma [kellu] ebda rwol funzjonali speċifiku [għalihom]”. Il-funzjoni tad-DEHP li l-Kummissjoni analizzat għalhekk ma tirriflettix l-applikazzjoni għal awtorizzazzjoni.

45      Min-naħa l-oħra, u iktar importanti, il-fatt li l-ammont ta’ sustanza ta’ tħassib serju ħafna verġni użat bħala plastifikant permezz ta’ sustanza ta’ tħassib serju ħafna rriċiklata jitnaqqas ma jistax jiġi kkwalifikat bħala “funzjoni” li tista’ tiġi awtorizzata skont ir-Regolament Nru 1907/2006.

46      Fil-fatt, skont ir-rikorrenti, li kieku dan ir-raġunament kellu jiġi applikat barra minn din il-kawża, allura kwalunkwe sustanza ta’ tħassib serju ħafna preżenti f’materjal irriċiklat ikollha din il-funzjoni, jiġifieri l-funzjoni li tnaqqas l-ammont ta’ sustanza ta’ tħassib serju ħafna verġni fil-materjal. Dan ir-raġunament jkollu l-effett li kull użu ta’ sustanza ta’ tħassib serju ħafna preżenti f’materjal irkuprat ikun awtorizzat sempliċement minħabba li jkun ġie użat materjal irriċiklat. F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-applikazzjonijiet kollha għal awtorizzazzjoni li jikkonċernaw l-użu ta’ materjali rriċiklati għandhom neċessarjament jintlaqgħu. Issa, il-fatt li r-“riċiklaġġ ta’ materjali li jkun fihom sustanza ta’ tħassib serju ħafna” jiġi awtorizzat imur direttament kontra l-għanijiet tar-Regolament Nru 1907/2006. Fil-fatt, dan tal-aħħar ma huwiex intiż biex jippromwovi r-riċiklaġġ ta’ materjali li fihom sustanzi ta’ tħassib serju ħafna, iżda għall-kuntrarju huwa intiż sabiex jissostitwixxi, jew saħansitra jelimina b’mod gradwali lil dawn tal-aħħar, ikunu fejn ikunu u irrispettivament minn kemm ikunu ilhom jinsabu f’ċerti applikazzjonijiet.

47      Barra minn hekk, li kieku l-fatt li jitnaqqas l-ammont ta’ plastifikanti verġni kien funzjoni “konformi mal-Artikolu 62 [tar-Regolament Nru 1907/2006]”, l-analiżi tal-alternattivi messha, fil-fehma tar-rikorrenti, ġiet redatta abbażi ta’ din il-funzjoni. Għalhekk, kien ikun neċessarju li jiġi stabbilit jekk kinux jeżistu alternattivi għall-użu tad-DEHP irriċiklat li jippermettu li jitnaqqas l-ammont ta’ DEHP verġni meħtieġ biex jiġu prodotti oġġetti tal-PVC. Fi kliem ieħor, jekk id-definizzjoni tal-kliem “użu” u “funzjoni” mill-Kummissjoni kienet korretta, l-analiżi tal-alternattivi pprovduta mill-applikanti għall-awtorizzazzjoni kellha tippreżenta modi oħrajn ta’ kif jitnaqqas l-ammont ta’ plastifikanti fil-PVC verġni, li din l-analiżi ma għamlitx.

48      Barra minn hekk, il-Kummissjoni twettaq żball ieħor meta ssostni li kien biss fl-istadju tar-rikors li r-rikorrenti ppreżentat l-argumenti marbuta mal-eżistenza ta’ awtorizzazzjoni għal “proċess fl-intier tiegħu”, jiġifieri r-riċiklaġġ ta’ taħlita ta’ skart tal-PVC li fih id-DEHP, b’kuntrast għal awtorizzazzjoni għal użu speċifiku tad-DEHP f’dan il-proċess jew din it-taħlita. Kuntrarjament għal dak li tallega l-Kummissjoni, ir-rikorrenti kienet diġà indikat, fl-istadju tat-talba għal eżami mill-ġdid intern, li hija kienet fil-fatt “ikkonċentrat ruħha fuq is-sostituzzjoni [ta’] fluss ta’ skart”. Il-Kummissjoni eżaminat l-alternattivi ta’ skart irriċiklat “fl-intier tiegħu” u r-rikorrenti kkritikat lill-Kummissjoni talli naqset milli tanalizza s-sustanzi alternattivi reali li kapaċi jaqdu l-funzjoni tad-DEHP.

49      Fit-tieni lok, l-interpretazzjoni li l-Kummissjoni tat lill-kunċett ta’ “użu” f’dan il-każ tista’ tinterferixxi b’mod żbaljat mas-sistema regolatorja tal-iskart.

50      Fl-assenza ta’ kriterji biex jiġi stabbilit meta sustanza kisbet l-istatus ta’ “tmiem tal-kwalità ta’ skart”, ikun hemm ir-riskju li, jekk tkun ingħatat awtorizzazzjoni skont ir-Regolament Nru 1907/2006 għal skart, l-impriżi jistgħu jinvokaw din l-awtorizzazzjoni bħala prova tal-evalwazzjoni pożittiva tal-effetti fuq l-ambjent jew fuq is-saħħa tal-bniedem meta jippruvaw juru li skart għandu jikseb l-istatus ta’ “tmiem tal-kwalità ta’ skart”. Għalhekk, il-kumpaniji tar-riċiklaġġ jistgħu jużaw l-għoti ta’ awtorizzazzjoni skont ir-Regolament Nru 1907/2006 għal dak li kien skart bil-għan li jinkiseb l-istatus ta’ “tmiem tal-kwalità tal-iskart” fis-sens tad-Direttiva 2008/98/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta’ Novembru 2008 dwar l-iskart u li tħassar ċerti Direttivi (ĠU 2008, L 312, p. 3, iktar ’il quddiem id-“Direttiva Qafas dwar l-iskart”).

51      Fl-aħħar nett, kuntrarjament għal dak li ssostni l-Kummissjoni, l-argumenti tar-rikorrenti, imsemmija fil-punti 49 u 50 iktar ’il fuq, kienu diġà tqajmu essenzjalment fit-talba għal eżami mill-ġdid intern. Fil-fatt, fil-punti 117 u 118 ta’ din tal-aħħar, ir-rikorrenti kienet indikat b’mod ċar li r-relazzjoni bejn ir-Regolament Nru 1907/2006 u d-Direttiva Qafas dwar l-iskart ma kellhiex tiġi mfixkla.

52      Il-Kummissjoni tikkontesta dan l-argument.

53      Preliminarjament, għandu jiġi enfasizzat li, b’differenza minn dak li jidher li qed issostni r-rikorrenti f’ċerti punti tar-rikors, dan ir-rikors jista’ jirrigwarda biss il-legalità tad-deċiżjoni dwar it-talba għal eżami mill-ġdid intern u mhux in-natura suffiċjenti jew le tal-applikazzjoni għal awtorizzazzjoni. Il-motivi mqajma fir-rikors għalhekk għandu jkollhom l-għan li juru żbalji eventwali ta’ liġi jew ta’ evalwazzjoni mwettqa mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni dwar it-talba għal eżami mill-ġdid intern u mhux żbalji eventwali mwettqa mill-applikanti għall-awtorizzazzjoni.

54      Għaldaqstant, l-argument intiż li jsostni li, l-ewwel nett, l-applikanti għall-awtorizzazzjoni ma ddefinixxewx huma stess b’mod korrett l-“użu jew użi ta’ dik is-sustanza” fis-sens tal-Artikolu 56(1)(a) tar-Regolament Nru 1907/2006 (ara l-punt 35 iktar ’il fuq), li, it-tieni nett, skont l-indikazzjonijiet li jinsabu fl-applikazzjoni għal awtorizzazzjoni, l-applikanti għall-awtorizzazzjoni ma talbux l-awtorizzazzjoni sabiex jużaw b’mod attiv jew sabiex jintroduċu d-DEHP fi “proċess industrijali”, iżda li l-applikazzjoni għal awtorizzazzjoni pjuttost tirrigwarda s-sempliċi preżenza involontarja ta’ sustanza f’taħlita (ara l-punt 37 iktar ’il fuq) u li, it-tielet nett, l-applikanti għall-awtorizzazzjoni kienu qegħdin jirreferu sempliċement għal proċess ta’ ġbir, ta’ proċessar u ta’ tqegħid fis-suq ta’ skart magħmul mill-plastik li fih id-DEHP (ara l-punt 37 iktar ’il fuq), jista’ jkollu effett fuq dan ir-rikors biss li kieku l-Kummissjoni, fit-talba għal eżami mill-ġdid intern, tkun adottat l-elementi li jinsabu fl-applikazzjoni għal awtorizzazzjoni daqslikieku kienu tagħha. L-istess jgħodd fir-rigward tal-argument li l-applikazzjoni għal awtorizzazzjoni ma tindikax liema funzjoni tad-DEHP il-Kummissjoni stabbilixxiet fid-deċiżjoni tagħha dwar it-talba għal eżami mill-ġdid intern (ara l-punt 44 iktar ’il fuq).

55      Sussegwentement, dejjem bħala kumment preliminari, hemm lok li jiġi rrilevat li l-motivi u l-argumenti mqajma quddiem il-Qorti Ġenerali fil-kuntest ta’ rikors intiż għall-annullament ta’ deċiżjoni li tiċħad talba għal eżami mill-ġdid intern jistgħu jiġu kkunsidrati li huma ammissibbli biss sa fejn dawn il-motivi u dawn l-argumenti jkunu diġà ġew ippreżentati mir-rikorrent fit-talba għal eżami mill-ġdid intern, b’tali mod li l-Kummissjoni setgħet twieġeb għalihom (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-15 ta’ Diċembru 2016, TestBioTech et vs Il-Kummissjoni, T‑177/13, mhux ippubblikata, taħt appell, EU:T:2016:736, punt 68).

56      Din il-konklużjoni tapplika fid-dawl tal-kliem tal-Artikolu 10(1) tar-Regolament Nru 1367/2006. Fil-fatt, minn din id-dispożizzjoni jirriżulta li talba għal eżami mill-ġdid intern ta’ att amministrattiv adottat minn istituzzjoni tal-Unjoni taħt id-dritt dwar l-ambjent għandha tindika espliċitament l-att li hija tkopri u tispeċifika r-raġunijiet għall-eżami mill-ġdid. Minn dan l-obbligu jirriżulta li l-applikant għal eżami mill-ġdid intern għandu biss id-dritt li l-Kummissjoni tieħu pożizzjoni dwar ir-raġunijiet li huwa sostna fit-talba tiegħu. Min-naħa l-oħra, huwa ma għandu l-ebda dritt sabiex il-Kummissjoni tieħu pożizzjoni dwar kwistjonijiet li ma tqajmux, tal-inqas, b’mod raġonevolment identifikabbli f’din it-talba.

57      F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat ukoll li, sabiex jiġu speċifikati r-raġunijiet għall-eżami mill-ġdid kif meħtieġ, l-applikant għal eżami mill-ġdid intern ta’ att amministrattiv adottat taħt id-dritt ambjentali għandu jindika kwalunkwe element fattwali u provi jew kwalunkwe argument legali li jqajjem dubji serji fir-rigward tal-evalwazzjoni magħmula mill-istituzzjoni jew mill-korp tal-Unjoni fl-att imsemmi. It-terz li jikkontesta l-awtorizzazzjoni ta’ tqegħid fis-suq għaldaqstant għandu jġib provi sostanzjali li jistgħu ikunu ta’ bażi għad-dubji serji fir-rigward tal-legalità tal-għoti ta’ din l-awtorizzazzjoni (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenzi tal-21 ta’ Mejju 2015, Schräder vs CPVO, C‑546/12 P, EU:C:2015:332, punt 57, u tal-15 ta’ Diċembru 2016, TestBioTech et vs Il-Kummissjoni, T‑177/13, mhux ippubblikata, taħt appell, EU:T:2016:736, punti 66 u 67).

58      Il-konklużjoni stabbilita fil-punt 55 iktar ’il fuq tapplika wkoll fid-dawl tal-kliem tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 10(2) tar-Regolament Nru 1367/2006. Skont din id-dispożizzjoni, l-istituzzjoni adita b’talba għal eżami mill-ġdid intern għandha tqis kull talba bħal din, sakemm dawn ma jkunux manifestament infondati. Skont din id-dispożizzjoni, huwa għaldaqstant il-kompitu tal-Kummissjoni li teżamina, bir-reqqa u b’imparzjalità, l-elementi kollha invokati f’talba għal eżami mill-ġdid intern sakemm dawn ma jkunux manifestament infondati. Minn naħa, il-Kummissjoni ma għandhiex l-obbligu li teżamina raġunijiet oħra ħlief dawk invokati minn min jagħmel it-talba għal eżami mill-ġdid intern. Min-naħa l-oħra, sabiex il-Kummissjoni tkun tista’ tirrispondi b’mod sodisfaċenti lil persuna li titlob eżami mill-ġdid intern, din tal-aħħar għandha tqiegħed lill-Kummissjoni f’pożizzjoni li tkun taf b’mod suffiċjentement preċiż il-kritiki fformulati kontra l-att amministrattiv ikkontestat (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-15 ta’ Diċembru 2016, TestBioTech et vs Il-Kummissjoni, T‑177/13, mhux ippubblikata, taħt appell, EU:T:2016:736, punti 262 sa 264).

59      F’dan il-każ, il-Kummissjoni ssostni li l-argument tar-rikorrenti, li jgħid li l-kunċett ta’ “użu” jimplika l-introduzzjoni jew l-użu “attiv” ta’ ċerta sustanza fi proċess industrijali, huwa argument ġdid fis-sens li ma kienx jinsab fit-talba għal eżami mill-ġdid intern.

60      Mill-punt 49 tat-talba għal eżami mill-ġdid intern jirriżulta li, skont ir-rikorrenti, l-ewwel nett, l-awtorizzazzjoni inkwistjoni f’dan il-każ hija relatata mal-użu ta’ “materjal li fih id-DEHP li huwa introdott bħala parti minn fluss ta’ skart tal-plastik li, fih, id-DEHP ma għandux funzjoni teknika”. It-tieni nett, minn dan il-punt tat-talba għal eżami mill-ġdid intern jirriżulta li, skont ir-rikorrenti, “l-awtorizzazzjoni [inkwistjoni f’din il-kawża] għaldaqstant ma hijiex intiża li tippermetti lill-applikant juża d-DEHP bħala tali, fi preparat, u lanqas jintroduċi [din is-sustanza] f’oġġett”.

61      Issa, għandu jiġi kkonstatat li, meta, fil-kuntest ta’ dan ir-rikors, ir-rikorrenti ssostni li l-kunċett ta’ “użu” jfisser introduzzjoni jew użu “attiv” ta’ ċerta sustanza fi “proċess industrijali”, hija tressaq ilment li la kien indikat b’mod ċar u speċifiku u lanqas b’mod raġonevolment ċar għall-Kummissjoni fit-talba għal eżami mill-ġdid intern. Li wieħed jenfasizza, bħalma tagħmel ir-rikorrenti fil-kuntest ta’ dan ir-rikors, fuq il-fatt li d-DEHP huwa użat “bħala parti minn fluss ta’ skart” jew li wieħed jitlob li din is-sustanza tintuża “fi preparat” jew introdotta “f’oġġett”, minn naħa, u li wieħed iqis li hija biss l-introduzzjoni attiva jew l-użu attiv ta’ sustanza “fi proċess industrijali” li jikkorrispondi għall-kunċett ta’ “użu”, min-naħa l-oħra, huma żewġ affarijiet differenti.

62      Madankollu, hemm lok li jiġi konkluż li l-argument tar-rikorrenti li jgħid li l-kunċett ta’ “użu” jimplika l-introduzzjoni jew l-użu “attiv” ta’ ċerta sustanza fi “proċess industrijali” ma kienx ġie sottomess lill-Kummissjoni fil-kuntest tat-talba għal eżami mill-ġdid intern u, minħabba f’hekk, huwa inammissibbli.

63      Sussidjarjament, fir-rigward tal-mertu ta’ dan l-argument, jiġifieri, fir-rigward tal-kwistjoni dwar liema interpretazzjoni għandha tingħata lill-kunċett ta’ “użu” li jinsab fl-Artikolu 56(1)(a) u fl-Artikolu 62(4)(ċ) tar-Regolament Nru 1907/2006, għandu jiġi rrilevat li dan il-kunċett huwa ddefinit fil-punt 24 tal-Artikolu 3 tal-istess regolament. Skont din id-dispożizzjoni, għandu jitqies bħala użu “kwalunkwe proċessar, formulazzjoni, konsum, ħażna, żamma, trattament, mili f’kontenituri, trasferiment minn kontenitur għall-ieħor, taħlit, produzzjoni ta’ oġġett jew kwalunkwe utilizzazzjoni oħra”.

64      Kuntrarjament għal dak li essenzjalment issostni r-rikorrenti (ara l-punt 36 iktar ’il fuq), il-kunċett ta’ “użu” li jinsab fil-punt 24 tal-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 1907/2006 ma huwiex limitat għall-introduzzjoni attiva ta’ sustanza “fi proċess industrijali”. Barra minn hekk, xejn f’din id-dispożizzjoni ma jindika li, sabiex jiġi konkluż li sustanza tkun “użata”, dik is-sustanza għandha tkun intenzjonalment introdotta f’dan il-proċess.

65      Għall-kuntrarju, il-kliem tal-punt 24 tal-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 1907/2006 jippermetti li jiġi konkluż li huwa possibbli li wieħed jitkellem fuq l-“użu” ta’ sustanza anki fil-każ fejn din tal-aħħar tkun taqa’ fil-kompożizzjoni ta’ diversi sustanzi, kompożizzjoni, li, min-naħa tagħha, ġiet suġġetta għal waħda mill-operazzjonijiet imsemmija fil-punt 24 tal-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 1907/2006. Fi kliem ieħor, meta kompożizzjoni ta’ sustanzi tiġi, pereżempju, ipproċessata, ifformulata, ikkonsmata jew maħżuna, is-sustanzi kollha li jaqgħu f’din il-kompożizzjoni jiġu “użati” fis-sens tar-Regolament Nru 1907/2006.

66      Jiffavorixxi din l-interpretazzjoni, l-ewwel nett, l-użu tal-kliem “kwalunkwe utilizzazzjoni oħra” li tinsab fil-punt 24 tal-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 1907/2006. Dan il-kliem, minn naħa, jesprimi l-fatt li jaqgħu taħt il-kunċett ta’ “użu” operazzjonijiet li ma jagħmlux parti minn dawk previsti espressament f’din id-dispożizzjoni. Min-naħa l-oħra, dan il-kliem juri wkoll il-fatt li l-leġiżlatur adotta interpretazzjoni wiesgħa li tgħid li l-użu attiv ta’ kompożizzjoni ta’ sustanzi jikkostitwixxi fl-istess ħin użu attiv tas-sustanzi li jagħmlu parti mill-kompożizzjoni.

67      Jimmilita favur tali interpretazzjoni, it-tieni nett, il-kliem tal-Artikolu 56(1)(a) tar-Regolament Nru 1907/2006. Skont din id-dispożizzjoni, awtorizzazzjoni hija meħtieġa mhux biss għall-użu ta’ sustanza waħedha, iżda wkoll l-użu ta’ sustanza li tinsab f’“taħlita”. Mill-punt 2 tal-Artikolu 3 tal-istess regolament jirriżulta li “taħlita” fis-sens ta’ dan ir-regolament hija “taħlita jew soluzzjoni komposta minn żewġ sustanzi jew aktar”.

68      Fl-aħħar nett, hekk kif sostniet ġustament il-Kummissjoni, jirriżulta wkoll b’mod impliċitu mill-Artikolu 56(6) tar-Regolament Nru 1907/2006, li jeżenta mill-obbligu ta’ awtorizzazzjoni l-“użu ta’ sustanzi meta dawn ikunu preżenti f’taħlitiet” taħt ċerti livelli ta’ konċentrazzjoni speċifikati fih, li hemm ħtieġa ta’ awtorizzazzjoni għall-użu tas-sustanzi msemmija fl-Anness XIV ta’ dan ir-Regolament preżenti “f’taħlitiet”. L-argument li fuqu hija bbażata din id-dispożizzjoni huwa, għal darb’oħra, dak li sustanza li tifforma parti minn kompożizzjoni tintuża kull darba li din il-kompożizzjoni hija użata.

69      Kuntrarjament għal dak li ssostni r-rikorrenti (ara l-punt 39 iktar ’il fuq), ma huwiex biss meta jintwera li sustanza għandha funzjoni speċifika “fil-kuntest tat-taħlita” – b’kuntrast mal-użu tat-“taħlita b’mod sħiħ” – li għandu jiġi deċiż li sustanza li tinstab f’taħlita hija użata.

70      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li taħlita tista’ tkun magħmula, b’mod partikolari, minn sustanzi li għandhom funzjoni speċifika fi ħdan it-taħlita u minn sustanzi li l-funzjoni tagħhom tkun tidher biss meta t-taħlita stess tiġi użata. Imbagħad jista’ jkun hemm ukoll taħlitiet li fihom, il-komponenti kollha jissodisfaw funzjoni biss bħala riżultat tal-użu tat-taħlita bħala tali. Madankollu, il-kliem “kwalunkwe utilizzazzjoni oħra” previst fil-punt 24 tal-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 1907/2006 jippermetti li jiġi konkluż li, fiż-żewġ każijiet, l-użu ta’ taħlita jimplika l-użu tas-sustanzi kollha li jkunu jinsabu fiha.

71      F’dan il-każ, sabiex jiġġustifika l-konklużjoni tiegħu li tgħid li d-deċiżjoni ta’ awtorizzazzjoni kienet tikkonċerna “użu” tad-DEHP, il-Kummissjoni, fid-deċiżjoni dwar it-talba għal eżami mill-ġdid intern, indikat, l-ewwel nett, li l-awtorizzazzjoni kienet intalbet għad-DEHP bħala sustanza “preżenti bħala impurità (fil-biċċa l-kbira mhux mixtieqa) fl-iskart miġbur, magħżul u pproċessat u li sussegwentement jitqiegħed fis-suq fil-forma ta’ materjal irriċiklat”. It-tieni nett, f’konformità ma’ dan l-approċċ, u skont l-Artikolu 2(2) tar-Regolament Nru 1907/2006, il-Kummissjoni indikat li, peress li l-iskart ma kienx sustanza, ir-rekwiżiti previsti fir-Regolament Nru 1907/2006 kienu, f’dan il-każ, japplikaw biss fil-każ fejn l-iskart li fih id-DEHP ma baqax jitqies bħala skart. F’dan ir-rigward, din hija kjarifika addizzjonali intiża sabiex tenfasizza d-distinzjoni bejn, minn naħa, l-iskart magħmul mill-PVC u, min-naħa l-oħra, il-materjal irriċiklat, jiġifieri l-iskart magħmul mill-PVC li tilef il-kwalità ta’ skart u li, għalhekk, jista’ jitqiegħed fis-suq. Mid-deċiżjoni dwar it-talba għal eżami mill-ġdid intern jirriżulta li l-awtorizzazzjoni hija applikabbli biss għal dan l-aħħar xenarju. It-tielet nett, minn din l-aħħar deċiżjoni jirriżulta b’mod espress li, meta d-DEHP ikun jinsab f’materjal irriċiklat, dan għandu funzjoni “teknika” preċiża, jiġifieri dik ta’ “jnaqqas l-ammont ta’ plastifikanti li għandu jiġi miżjud għall-produzzjoni ta’ oġġetti tal-PVC artab abbażi tal-materjal tal-PVC artab irriċiklat”. Ir-raba’ nett, għandu jiġi kkonstatat li, f’kull deskrizzjoni tal-funzjonijiet tad-DEHP, il-Kummissjoni telqet mill-premessa, li diġà kienet indikata fl-applikazzjoni għal awtorizzazzjoni, li tgħid li d-DEHP għandu b’mod ġenerali funzjoni ta’ plastifikant (ara l-punt 3 iktar ’il fuq). Fil-qosor, skont id-deċiżjoni dwar it-talba għal eżami mill-ġdid intern, l-awtorizzazzjoni ngħatat għad-DEHP fil-kwalità tiegħu ta’ plastifikant li jinsab fil-materjal irriċiklat tal-PVC mqiegħed fis-suq wara li l-PVC ikun tilef il-kwalità tiegħu ta’ skart. Fi kliem ieħor, il-Kummissjoni identifikat ċerti funzjonijiet tad-DEHP li jiġu attivati sa mhux aktar tard mill-waqt li, fih, il-materjal irriċiklat tal-PVC li fih dik is-sustanza jintuża.

72      F’dawn iċ-ċirkustanzi, hemm lok li jitqies li l-Kummissjoni ma wettqet l-ebda żball ta’ liġi meta qieset, essenzjalment, fid-deċiżjoni dwar it-talba għal eżami mill-ġdid intern, li d-deċiżjoni ta’ awtorizzazzjoni kienet ingħatat għal “użu” tad-DEHP fis-sens tal-punt 24 tal-Artikolu 3, tal-Artikolu 56(1)(a), tal-Artikolu 60 u tal-Artikolu 62(4)(ċ) tar-Regolament Nru 1907/2006.

73      L-argumenti l-oħra mressqa mir-rikorrenti ma humiex tali li jikkontestaw din il-konklużjoni.

74      Fl-ewwel lok, l-argument tar-rikorrenti, li jgħid li l-Kummissjoni fil-verità awtorizzat “proċess fl-intier tiegħu”, jiġifieri r-“riċiklaġġ ta’ materjali li jkun fihom sustanza ta’ tħassib serju ħafna” (ara l-punti 38 u 48 iktar ’il fuq), għandu jiġi miċħud.

75      Minn naħa, kif issostni ġustament il-Kummissjoni, dan huwa argument li bl-ebda mod ma kien jidher fit-talba għal eżami mill-ġdid intern u li, għaldaqstant, huwa inammissibbli.

76      Min-naħa l-oħra u fi kwalunkwe każ, fuq il-mertu, kif diġà ġie rrilevat fil-punt 71 iktar ’il fuq, fid-deċiżjoni dwar it-talba għal eżami mill-ġdid intern il-Kummissjoni spjegat li l-awtorizzazzjoni kienet ingħatat għall-użu tas-sustanza DEHP kif tinsab f’taħlita, jiġifieri d-DEHP kif inkluż fil-PVC irriċiklat, u mhux għar-“riċiklaġġ ta’ materjali li jkun fihom sustanza ta’ tħassib serju ħafna” jew “proċess fl-intier tiegħu”. Barra minn hekk, l-użu ta’ taħlita li jkun fiha d-DEHP ġie espressament deskritt fl-applikazzjoni għal awtorizzazzjoni. Kif sostniet ġustament il-Kummissjoni, dan ma jfissirx, madankollu, li l-awtorizzazzjoni tirrigwarda taħlita, iżda tirrigwarda sustanza li tinsab f’taħlita.

77      Fit-tieni lok, fir-rigward tal-argument tar-rikorrenti li jgħid li, minn naħa, l-indikazzjoni li l-funzjoni tad-DEHP li “jnaqqas l-ammont ta’ plastifikanti li għandu jiġi miżjud għall-produzzjoni ta’ oġġetti tal-PVC artab abbażi tal-materjal tal-PVC artab irriċiklat”, kif identifikata mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni dwar it-talba għal eżami mill-ġdid intern, dehret fl-applikazzjoni għal awtorizzazzjoni ngħatat għall-ewwel darba f’din id-deċiżjoni, u li skontu, min-naħa l-oħra, din il-funzjoni tmur kontra l-għan tar-Regolament Nru 1907/2006 li gradwalment jissostitwixxi s-sustanzi ta’ tħassib serju ħafna (ara l-punti 44 u 46 iktar ’il fuq), hemm lok li jiġi rrilevat dan li ġej.

78      L-ewwel nett, din il-funzjoni ma ġietx attribwita lid-DEHP mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni dwar it-talba għal eżami mill-ġdid intern. F’dan ir-rigward, l-ewwel parti tal-ewwel motiv hija bbażata fuq interpretazzjoni żbaljata, mir-rikorrenti, tad-dokumenti li l-applikanti għall-awtorizzazzjoni kienu ppreżentaw lill-Kummissjoni. Fil-fatt, diġà fl-istadju tal-applikazzjoni għal awtorizzazzjoni, dawn kienu indikaw li l-funzjoni plastifikanti tad-DEHP kienet rilevanti għall-PVC artab irriċiklat fis-sens li l-preżenza ta’ din is-sustanza f’dan il-materjal tikkontribwixxi għall-flessibbiltà tiegħu, u dan inaqqas l-ammont ta’ plastifikanti miżjuda waqt l-ipproċessar tiegħu f’oġġett tal-PVC artab (ara l-punti 3 u 4 iktar ’il fuq). Barra minn hekk, mill-punt 51 tat-talba għal eżami mill-ġdid intern jirriżulta li r-rikorrenti kienet konxja sew mill-fatt li l-applikanti għall-awtorizzazzjoni kienu semmew il-funzjoni tad-DEHP fl-applikazzjoni għal awtorizzazzjoni.

79      It-tieni nett, il-funzjoni tad-DEHP imsemmija mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni dwar it-talba għal eżami mill-ġdid intern ma tmurx kontra l-għan li progressivament is-sustanzi ta’ tħassib serju ħafna msemmija b’mod partikolari fil-premessa 70 u fl-Artikolu 55 tar-Regolament Nru 1907/2006 jiġu ssostitwiti. F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat li l-għan imsemmi f’dawn id-dispożizzjonijiet huwa dak li, “gradwalment”, is-sustanzi ta’ tħassib serju ħafna jiġu ssostitwiti minn sustanzi xierqa. Il-kelma “gradwalment” hija ta’ importanza partikolari f’dan il-kuntest. Il-fatt li d-DEHP diġà eżistenti jintuża f’PVC irriċiklat jippermetti li jiġi evitat li jiġu prodotti kwantitajiet ġodda ta’ DEHP. Miżura intiża li, b’mod partikolari, tnaqqas gradwalment il-produzzjoni ta’ DEHP verġni għaldaqstant ma tistax tmur kontra l-għan li s-sustanzi ta’ tħassib serju ħafna jiġu ssostitwiti “gradwalment”.

80      Barra minn hekk, ir-rikorrenti ma wrietx liema sustanza jew teknoloġija “adegwata” skont l-Artikolu 60(4) u (5) tar-Regolament Nru 1907/2006, moqri flimkien mal-premessa 73 ta’ dan ir-regolament, jistgħu jissostitwixxu d-DEHP fil-PVC użat matul l-użi msemmija fil-punt 9 iktar ’il fuq.

81      Fit-tielet lok, ma jistax jintlaqa’ l-argument tar-rikorrenti li jgħid li r-raġunament tal-Kummissjoni marbut ma’ funzjoni bħal dik eżaminata minn din l-istituzzjoni fid-deċiżjoni dwar it-talba għal eżami mill-ġdid intern għandu l-effett li kull użu ta’ sustanza ta’ tħassib serju ħafna preżenti f’materjal irkuprat jiġi awtorizzat sempliċement minħabba l-fatt li jkun intuża materjal irriċiklat u li, f’dawn iċ-ċirkustanzi, l-applikazzjonijiet kollha għal awtorizzazzjoni dwar l-użu ta’ materjali rriċiklati għandhom neċessarjament jintlaqgħu (ara l-punt 46 iktar ’il fuq).

82      F’dan ir-rigward, hemm lok li jiġi rrilevat li, kif sostniet ġustament il-Kummissjoni, din l-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “użu”, li jinsab fir-Regolament Nru 1907/2006, ma twassalx għar-riżultat li l-applikazzjonijiet kollha għal awtorizzazzjoni għall-użu ta’ materjali rriċiklati għandhom neċessarjament jintlaqgħu. Fil-fatt, sabiex awtorizzazzjoni tingħata, jeħtieġ li l-kundizzjonijiet kollha stabbiliti fl-Artikolu 60(2) jew (4) tar-Regolament Nru 1907/2007 ikunu ssodisfatti.

83      Fir-raba’ lok, fir-rigward tal-argumenti kollha tar-rikorrenti dwar l-għoti tal-awtorizzazzjoni inkwistjoni f’dan il-każ fir-rigward ta’ allegat “trattament ta’ skart” u dwar allegat nuqqas ta’ qbil bejn din l-awtorizzazzjoni u l-iskema tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni dwar l-iskart (ara l-punti 37 u 50 iktar ’il fuq), għandhom jiġu rrilevati l-elementi li ġejjin.

84      L-ewwel nett, l-argument tar-rikorrenti li jgħid li, essenzjalment, l-awtorizzazzjoni ngħatat għal “trattament ta’ skart tal-plastik”, liema trattament ma huwiex konformi mal-leġiżlazzjoni (ara l-punt 37 iktar ’il fuq), għandu jiġi miċħud.

85      Ċertament, fil-punti 117 u 118 tat-talba għal eżami mill-ġdid intern, ir-rikorrenti invokat b’mod relattivament impreċiż allegat nuqqas ta’ qbil bejn id-deċiżjoni ta’ awtorizzazzjoni u l-leġiżlazzjoni dwar l-iskart, b’mod li ma jistax jiġi kkunsidrat li dan l-argument ġie invokat għall-ewwel darba fil-kuntest tar-rikors preżenti u li huwa inammissibbli.

86      Għaldaqstant, dan l-argument huwa infondat. Fil-fatt, minn naħa, għandu jiġi rrilevat li, kif enfasizzat il-Kummissjoni essenzjalment fil-punt 1.1 tad-deċiżjoni dwar it-talba għal eżami mill-ġdid intern, mill-Artikolu 2(2) tar-Regolament Nru 1907/2006 jirriżulta li l-iskart kif definit fid-Direttiva Qafas dwar l-iskart ma huwiex sustanza, taħlita jew oġġett fis-sens ta’ dan ir-regolament. Min-naħa l-oħra, kif jirriżulta essenzjalment mill-istess punt tal-imsemmija deċiżjoni, fejn taħlita ta’ PVC li fiha d-DEHP tintuża mingħajr ma din it-taħlita tkun tilfet il-kwalità tagħha ta’ skart, l-awtorizzazzjoni inkwistjoni f’dan il-każ ma tkunx applikabbli għal din it-taħlita. Għalhekk ma hemm l-ebda nuqqas ta’ qbil bejn id-deċiżjoni ta’ awtorizzazzjoni u l-leġiżlazzjoni dwar l-iskart.

87      It-tieni nett, sa fejn ir-rikorrenti tirreferi għall-istatus ta’ “tmiem tal-kwalità ta’ skart” (ara l-punt 50 iktar ’il fuq), għall-kuntrarju għandu jiġi kkonstatat li dan l-ilment ma tqajjimx, la b’mod speċifiku u lanqas b’mod raġonevolment evidenti fit-talba għal eżami mill-ġdid intern. Għalhekk dan l-argument tqajjem biss fl-istadju tar-rikors. Għaldaqstant, fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet li jidhru fil-punti 55 sa 58 iktar ’il fuq, dan għandu jiġi miċħud bħala inammissibbli.

88      Fi kwalunkwe każ, fuq il-mertu, kif sostniet ġustament il-Kummissjoni, it-tħassib tar-rikorrenti fir-rigward tal-allegat fatt li, fin-nuqqas ta’ kriterji bbażati fuq id-dritt jew fuq prattika fil-livell tal-Unjoni biex jiġi stabbilit l-istatus ta’ “tmiem tal-kwalità ta’ skart”, l-għoti ta’ awtorizzazzjoni “għal skart” ma jippermettix li l-PVC artab irriċiklat li fih id-DEHP ma jibqax “skart”, ma huwiex fondat.

89      F’dan ir-rigward, mingħajr ma jiġi kkunsidrat il-fatt li dan l-argument huwa ta’ natura spekulattiva sa fejn huwa bbażat fuq xenarji li fir-rigward tagħhom ma huwiex ċert li diġà seħħew, jew li għad jistgħu jseħħu fl-Istati Membri, għandu jiġi osservat li, kif jirriżulta mill-Artikolu 6(4) tad-Direttiva Qafas dwar l-iskart, huwa f’idejn l-Istati Membri li jiddeċiedu jekk skart waqafx ikun skart. Din id-deċiżjoni għandha tittieħed fuq bażi ta’ każ b’każ, fid-dawl tal-ġurisprudenza tal-Unjoni applikabbli f’dan il-qasam. Anki jekk, sabiex jadotta tali deċiżjoni, meħuda fil-kuntest tal-applikazzjoni tal-kunċett ta’ “tmiem tal-kwalità ta’ skart”, Stat Membru jkun għażel li jibbaża ruħu fuq deċiżjoni ta’ awtorizzazzjoni mogħtija skont ir-Regolament Nru 1907/2006, bħal dik inkwistjoni, dan il-fatt ma jkunx seta’ jikkostitwixxi raġuni għal rifjut għad-deċiżjoni ta’ awtorizzazzjoni. Fil-fatt, deċiżjoni dwar l-istatus ta’ “tmiem tal-kwalità ta’ skart” ma jaqax taħt ir-Regolament Nru 1907/2006 u lanqas taħt id-deċiżjoni ta’ awtorizzazzjoni.

90      Fil-ħames lok, l-argument tar-rikorrenti li jgħid li, jekk il-fatt li jitnaqqas l-ammont ta’ plastifikanti verġni kien funzjoni “konformi mal-Artikolu 62 tar-Regolament Nru 1907/2006”, l-analiżi tal-alternattivi mwettqa mill-Kummissjoni kellha tkun ibbażata fuq din il-funzjoni (ara l-punt 47 iktar ’il fuq), ma huwiex konvinċenti.

91      Huwa minnu li l-kwistjoni dwar liema interpretazzjoni għandha tingħata lill-kunċett ta’ “użu” jista’ jkollha impatt fuq il-portata tal-analiżi tad-diversi kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 60(2) u (4) tar-Regolament Nru 1907/2006. Fi kwalunkwe każ, kif jirriżulta mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti, huwa possibbli li wieħed jitkellem dwar “użu” anki meta, bħal f’dan il-każ, ikollna quddiemna sustanza f’taħlita u l-karatteristiċi tas-sustanza jkollhom funzjoni speċifika fil-kuntest ta’ din it-taħlita, f’dan il-każ dik ta’ plastifikant, kif ukoll funzjoni li tidher biss meta jsir użu mit-taħlita, bħalma hija, f’dan il-każ, il-funzjoni marbuta mat-tnaqqis gradwali tal-produzzjoni tad-DEHP verġni. F’kuntest bħal dan, ma huwiex inkorrett li jitqiesu bħala alternattivi possibbli taħlitiet oħra li bl-ebda mod ma fihom is-sustanza jew proċessi oħra li fihom il-funzjoni mogħtija mis-sustanza tista’ tiġi żgurata b’mezzi oħra. B’mod partikolari u fi kwalunkwe każ, il-Kummissjoni ma kinitx obbligata tivverifika sa fejn eżattament l-użu awtorizzat jippermetti li titnaqqas il-preżenza tas-sustanza ta’ tħassib serju ħafna fis-suq.

92      Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq hemm lok li l-ewwel parti tal-ewwel motiv tiġi miċħuda bħala inammissibbli u, fi kwalunkwe każ, bħala infondata.

–       Fuq it-tieni parti, ibbażata fuq l-eżistenza ta’ żbalji ta’ liġi u ta’ evalwazzjoni b’rabta ma’ nuqqasijiet fir-rapport dwar is-sigurtà kimika

93      Skont ir-rikorrenti, l-evalwazzjonijiet żviluppati mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni dwar it-talba għal eżami mill-ġdid intern fuq ir-rapport dwar is-sigurtà kimika huma vvizzjati bi żbalji ta’ liġi u żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni.

94      Fl-ewwel lok, l-applikazzjoni għal awtorizzazzjoni ma huwiex konformi mal-Artikolu 62(4)(d) tar-Regolament Nru 1907/2006. In-nuqqas ta’ konformità ma’ din id-dispożizzjoni tikkostitwixxi żball li jivvizzja mhux biss l-applikazzjoni tal-Artikolu 60(7) ta’ dan ir-regolament fil-kuntest tad-deċiżjoni ta’ awtorizzazzjoni, iżda wkoll l-evalwazzjonijiet tal-Kummissjoni fir-rigward tal-applikazzjoni ta’ din l-aħħar dispożizzjoni, bħal dawk li jidhru fid-deċiżjoni dwar it-talba għal eżami mill-ġdid intern.

95      Fil-fatt, ir-rapport dwar is-sigurtà kimika anness mal-applikazzjoni għal awtorizzazzjoni ma eżaminax b’mod adegwat ir-riskji għas-saħħa ta’ kull kategorija ta’ persuni kkonċernati, jiġifieri l-ħaddiema esposti għad-DEHP. Id-data mogħtija fl-applikazzjoni għal awtorizzazzjoni fir-rigward tal-esponiment tal-ħaddiema tinkludi biss biomonitoraġġ minimu u miżuri tal-arja. Madankollu, din id-data ma hijiex biżżejjed sabiex ir-riskji għas-saħħa tal-ħaddiema jiġu evalwati b’mod korrett. Kemm il-Kumitat għall-Istima tar-Riskji kif ukoll il-Kumitat għall-Analiżi Soċjo-ekonomika rrilevaw in-natura insuffiċjenti tar-rapport dwar is-sigurtà kimika f’dan ir-rigward. B’mod partikolari, il-Kumitat għall-Istima tar-Riskji qies li l-informazzjoni pprovduta f’dan ir-rapport kellha “valur informattiv limitat” u li l-evalwazzjoni tal-esponiment tal-popolazzjoni tal-ħaddiema ma kinitx rappreżentattiva għall-applikazzjoni għal awtorizzazzjoni. Fid-deċiżjoni ta’ awtorizzazzjoni, il-Kummissjoni indikat ukoll li l-Kumitat għall-Analiżi Soċjo-ekonomika “kien irrikonoxxa n-nuqqasijiet tal-evalwazzjoni tal-esponiment fuq il-post tax-xogħol identifikati mill-Kumitat għall-Istima tar-Riskji u l-assenza ta’ evalwazzjoni tal-impatt fuq is-saħħa fl-analiżi Soċjo-ekonomika”.

96      B’risposta għall-ilmenti mressqa mir-rikorrenti fil-kuntest tat-talba tagħha għal eżami mill-ġdid intern ibbażati fuq, minn naħa, li l-applikazzjoni għal awtorizzazzjoni ma fihiex rapport dwar is-sigurtà kimika li jeżamina b’mod xieraq ir-riskji għas-saħħa tal-bniedem jew l-ambjent u, min-naħa l-oħra, konsegwentement, li d-deċiżjoni ta’ awtorizzazzjoni hija inkorretta, il-Kummissjoni kkuntentat ruħha li fid-deċiżjoni dwar it-talba għal eżami mill-ġdid intern tindika li l-Kumitat għall-Istima tar-Riskji kien ikkonstata nuqqasijiet fl-istima tar-riskji li jirriżultaw mid-DEHP, mingħajr madankollu ma adottat hi stess, wara eżami mill-ġdid fil-fond ta’ provi kontradittorji, pożizzjoni motivata fir-rigward tal-konformità tar-rapport dwar is-sigurtà kimika.

97      Il-Kummissjoni lanqas biss irrilevat l-inkoerenza li tinsab fl-opinjoni tal-Kumitat għall-Istima tar-Riskji, li kienet iddikjarat, minn naħa, li l-applikazzjoni għal awtorizzazzjoni kienet konformi mar-rekwiżiti tar-Regolament Nru 1907/2006, filwaqt li rrikonoxxiet b’mod ċar, min-naħa l-oħra, nuqqasijiet fl-informazzjoni ppreżentata.

98      Lil hinn milli tirrimedja għall-insuffiċjenza evidenti tar-rapport dwar is-sigurtà kimika, fil-punt 1.2 tad-deċiżjoni dwar it-talba għal eżami mill-ġdid intern il-Kummissjoni kkonstatat li, finalment, “minkejja li fl-opinjoni tiegħu [l-Kumitat għall-Istima tar-Riskji] kien effettivament qies li l-evalwazzjoni tal-esponiment kien jippreżenta ċerti nuqqasijiet, huwa qies li l-applikazzjoni kien fiha l-informazzjoni neċessarja […] u l-Kummissjoni qieset li l-applikazzjoni kienet konformi mal-Artikolu 62 [tar-Regolament Nru 1907/2006]”.

99      Issa, skont ir-rikorrenti, dan ir-raġunament huwa manifestament żbaljat. Fil-fatt, skont ir-rikorrenti, id-deċiżjoni dwar it-talba għal eżami mill-ġdid intern tibbaża ruħha fuq l-opinjoni tal-Kumitat għall-Istima tar-Riskji daqslikieku kienet prova konvinċenti. Madankollu, is-sempliċi fatt li l-Kumitat għall-Istima tar-Riskji fl-opinjoni tiegħu ddikjara li l-applikazzjoni għal awtorizzazzjoni kienet konformi ma jorbotx lill-Kummissjoni. Ir-raġunament ta’ din l-istituzzjoni li tinvoka biss il-konklużjoni tal-Kumitat għall-Istima tar-Riskji dwar il-konformità, jew saħansitra l-legalità, tal-applikazzjoni għal awtorizzazzjoni bħala prova konvinċenti huwa evidentement insuffiċjenti. Barra minn hekk, billi semmiet l-istess raġunament fid-deċiżjoni tagħha dwar it-talba għal eżami mill-ġdid intern, il-Kummissjoni turi li hija bbażat ruħha fuq il-fatt li d-deċiżjoni ta’ awtorizzazzjoni kienet iddeċidiet li l-applikazzjoni għal awtorizzazzjoni hija konformi mar-Regolament Nru 1907/2006. Fi kliem ieħor, il-Kummissjoni bbażat ruħha fuq id-deċiżjoni ta’ awtorizzazzjoni bħala prova tal-konformità effettiva tagħha. Id-deċiżjoni dwar it-talba għal eżami mill-ġdid intern għaldaqstant tippreżupponi li l-element fih innifsu, f’dan il-każ il-konformità tal-proċess deċiżjonali fl-istadju tal-awtorizzazzjoni, li l-Kummissjoni kellha tivverifika fl-istadju tal-eżami mill-ġdid intern, huwa stabbilit.

100    It-tieni nett, għandha tiġi kkonstatata l-eżistenza ta’ żbalji ta’ liġi “manifesti” fl-interpretazzjoni tal-Artikolu 61 tar-Regolament Nru 1907/2006, dwar ir-reviżjoni tal-awtorizzazzjoni, moqri flimkien mal-Artikolu 60(7) ta’ dan ir-regolament. Fil-fatt, fid-deċiżjoni tagħha dwar it-talba għal eżami mill-ġdid intern, il-Kummissjoni indikat li ħadet inkunsiderazzjoni l-konklużjoni tal-Kumitat għall-Istima tar-Riskji dwar in-nuqqasijiet tal-applikazzjoni għal awtorizzazzjoni, minn naħa, billi ffissat perijodu ta’ reviżjoni qasir ħafna għall-awtorizzazzjoni, li skada fil-21 ta’ Frar 2019, u, min-naħa l-oħra, billi imponiet monitoraġġ tad-detenturi tal-awtorizzazzjoni. Din il-motivazzjoni tissuġġerixxi li nuqqasijiet f’applikazzjoni għal awtorizzazzjoni, anki jekk dawn huma serji daqs dawk identifikati mill-Kumitat għall-Istima tar-Riskji, jistgħu jitranġaw permezz tal-istabbiliment ta’ “perijodu ta’ reviżjoni qasir ħafna”. Madankollu, skont ir-rikorrenti, l-Artikolu 60(7) tar-Regolament Nru 1907/2006 ma jagħtix lill-Kummissjoni “setgħa ta’ tiswija” li jkollha l-effett li tkun tista’ tilqa’ applikazzjoni li ma tissodisfax xi kundizzjonijiet restrittivi, u dan billi tiffissa żmien qasir ta’ reviżjoni jew b’xi mod ieħor. L-objettiv ta’ reviżjoni ma huwiex li tagħti lil impriża l-possibbiltà li timla n-nuqqasijiet li jkunu jinsabu f’applikazzjoni għal awtorizzazzjoni preċedenti, iżda li tagħti lil impriża l-possibbiltà li “taġġorna” l-applikazzjoni għal awtorizzazzjoni inizjali tagħha b’teħid inkunsiderazzjoni tal-bdil fiċ-ċirkustanzi, u, b’mod partikolari, l-informazzjoni dwar l-alternattivi disponibbli.

101    Fl-aħħar nett, bħala estensjoni ta’ dan l-argument, ir-rikorrenti ssostni li, meta indikat li d-deċiżjoni ta’ awtorizzazzjoni kienet se tiskadi fil-21 ta’ Frar 2019, il-Kummissjoni interpretat b’mod żbaljat l-implikazzjonijiet legali tal-għoti ta’ perijodu qasir ta’ reviżjoni. Fil-fatt, l-Artikolu 61 tar-Regolament Nru 1907/2006 jistipula li “għandhom jitqiesu bħala validi sakemm il-Kummissjoni tiddeċiedi li temenda jew tirtira l-awtorizzazzjoni fil-kuntest ta’ reviżjoni”. Peress li qieset li n-nuqqasijiet tal-applikazzjoni għal awtorizzazzjoni kienu ttieħdu debitament inkunsiderazzjoni u ngħata perijodu ta’ reviżjoni qasir ħafna, il-Kummissjoni wettqet żball “manifest” ta’ liġi li jċaħħad il-konklużjoni tagħha minn kull plawżibbiltà.

102    Il-Kummissjoni tikkontesta dan l-argument.

103    Preliminarjament, għandu jiġi osservat li l-argumenti invokati mir-rikorrenti fil-kuntest tat-tieni parti tal-ewwel motiv jirrigwardaw l-eżistenza ta’ żbalji ta’ liġi u ta’ żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni li, fil-fehma tagħha, jivvizzjaw l-applikazzjoni tal-Artikolu 60(7) tar-Regolament Nru 1907/2006 għal raġunijiet marbuta ma’ qari ta’ dan l-artikolu b’mod konġunt ma’ żewġ dispożizzjonijiet differenti. B’mod aktar speċifiku, l-ewwel ilment ta’ din il-parti huwa intiż li juri applikazzjoni żbaljata tal-Artikolu 60(7) tar-Regolament Nru 1907/2006 moqri flimkien mal-Artikolu 62(4)(d) tar-Regolament Nru 1907/2006, filwaqt li t-tieni lment ta’ din il-parti jikkonċerna interpretazzjoni tal-Artikolu 60(7) tar-Regolament Nru 1907/2006, moqri flimkien mal-Artikolu 61 ta’ dan ir-regolament.

104    Fir-rigward tal-ewwel ilment imsemmi fil-punt 103 iktar ’il fuq, hemm lok li jiġi rrilevat li l-Artikolu 60(7) tar-Regolament Nru 1907/2006 huwa intiż li jippermetti lill-Kummissjoni tivverifika jekk applikazzjoni għal awtorizzazzjoni hijiex konformi mar-rekwiżiti tal-Artikolu 62 ta’ dan l-istess regolament minn perspettiva formali. B’mod iktar preċiż, il-Kummissjoni hija obbligata tivverifika jekk l-elementi msemmija fl-Artikolu 62(4)(a) sa (f) tar-Regolament Nru 1907/2006 effettivament jinsabux fl-applikazzjoni għal awtorizzazzjoni jew le. Ċertament, id-dokumenti li l-applikanti għal awtorizzazzjoni għandhom jipprovdu biex jikkonformaw mal-Artikolu 62(4) tar-Regolament Nru 1907/2006 għandhom ikunu verifikabbli. B’mod partikolari, ir-rapport dwar is-sigurtà kimika għandu jiġi mfassal skont il-modalitajiet indikati fl-Anness I tal-istess regolament. Madankollu, l-Artikolu 60(7) tar-Regolament Nru 1907/2006 jissuġġetta lill-Kummissjoni għal obbligu ta’ natura formali u proċedurali u mhux għall-obbligu li teżamina l-fondatezza tal-elementi msemmija fl-Artikolu 62(4) tar-Regolament Nru 1907/2006.

105    Bl-istess mod, min-naħa tiegħu, l-Artikolu 62(4) tar-Regolament Nru 1907/2006 jindika l-informazzjoni li l-applikant għal awtorizzazzjoni għandu jippreżenta fil-mument tal-preżentazzjoni tal-applikazzjoni tiegħu. Skont din id-dispożizzjoni, l-applikazzjonijiet għal awtorizzazzjoni, li jiġu, barra minn hekk, kif jirriżulta mill-Artikolu 62(1) tal-istess regolament, ippreżentati quddiem l-ECHA, għandhom jinkludu, b’mod partikolari, rapport dwar is-sigurtà kimika u analiżi tal-alternattivi. L-Artikolu 62(4) tar-Regolament Nru 1907/2006 huwa wkoll ta’ natura formali u proċedurali.

106    Min-naħa l-oħra, la l-Artikolu 60(7) tar-Regolament Nru 1907/2006 u lanqas l-Artikolu 62 tal-istess regolament ma jikkonċerna l-kundizzjonijiet sostantivi għall-għoti ta’ awtorizzazzjoni jew l-obbligi imposti fuq il-Kummissjoni fl-evalwazzjoni tal-fatti u tal-provi li tippermetti l-għoti ta’ awtorizzazzjoni. B’mod partikolari, ma huwiex abbażi ta’ dawn id-dispożizzjonijiet li l-Kummissjoni għandha teżamina b’mod partikolari jekk ir-rapport dwar is-sigurtà kimika fir-rigward ta’ sustanza jislitx il-konklużjonijiet it-tajba fir-rigward tal-proprjetajiet ta’ sustanza kimika jew jekk il-Kumitat għall-Istima tar-Riskji wettaqx żbalji meta eżamina dan ir-rapport fit-tħejjija tal-opinjoni msemmija fl-Artikolu 60(4), u fl-Artikolu 64(4)(a) tar-Regolament Nru 1907/2006.

107    Fil-fatt, tali rekwiżiti huma imposti fuq il-Kummissjoni permezz tal-Artikolu 60(2), (4) u (5) tar-Regolament Nru 1907/2006.

108    Waqt is-seduta, il-partijiet instemgħu fir-rigward tal-evalwazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali msemmija fil-punti 104 sa 107 iktar ’il fuq. B’risposta għad-domandi tal-Qorti Ġenerali, ir-rikorrenti tindika li, fil-fehma tagħha, fl-“istruttura tar-Regolament [Nru 1907/2006]”, ċertament jeżisti, minn naħa, stadju intiż għall-eżami, mill-Kummissjoni, tal-konformità tal-applikazzjoni għal awtorizzazzjoni flimkien mar-rekwiżiti għalih u, min-naħa l-oħra, stadju intiż għall-eżami fuq il-mertu tal-kundizzjonijiet għall-għoti ta’ awtorizzazzjoni. Madankollu, l-ewwel stadju ma jistax jiġi ridott għal sempliċi eżerċizzju ta’ ttikkjar ta’ kaxxi, għaliex hemm rekwiżiti veri u proprji li jirrigwardaw is-sustanza tad-dokumenti ppreżentati, bħal, per eżempju, dawk li jirriżultaw mill-Anness I tar-Regolament Nru 1907/2006. Dan jindika, pereżempju, dak li għandu jkun inkluż f’rapport dwar is-sigurtà kimika.

109    Issa, dan l-argument għandu jiġi miċħud bħala infondat. Fil-fatt, l-Anness I tar-Regolament Nru 1907/2006 jiddeskrivi l-elementi li għandhom neċessarjament ikunu inklużi f’ċerti dokumenti ppreżentati mill-applikant għal awtorizzazzjoni, bħalma huwa r-rapport dwar is-sigurtà kimika. Madankollu, minkejja li hija tipprevedi l-obbligu għall-applikant għal awtorizzazzjoni li jagħmel riferiment għal ċerti elementi preċiżi fl-applikazzjoni tiegħu għal awtorizzazzjoni u fid-dokumenti relatati, dan l-Anness, skont il-formulazzjoni tiegħu stess, ma jimponix fuq il-Kummissjoni, fil-kuntest tal-eżami li din l-istituzzjoni għandha twettaq abbażi tal-Artikolu 60(7) tar-Regolament Nru 1907/2006, moqri flimkien mal-Artikolu 62 ta’ dan tal-aħħar, li teżamina dawn l-elementi fuq il-mertu.

110    Fl-aħħar nett, matul is-seduta, ir-rikorrenti essenzjalment enfasizzat li, fil-fehma tagħha, fi kwalunkwe każ, l-applikazzjoni għal awtorizzazzjoni kien fiha nuqqasijiet li jiksru mhux biss ir-rekwiżiti ta’ evalwazzjoni mill-Kummissjoni skont l-Artikolu 60(2) sa (5) tar-Regolament Nru 1907/2006, iżda wkoll ir-rekwiżiti tal-eżami tal-konformità tal-applikazzjoni skont l-Artikolu 62 ta’ dan ir-regolament. B’hekk, ir-rikorrenti tidher li tammetti li l-Artikolu 62(4) ta’ dan l-istess regolament jistabbilixxi l-kundizzjonijiet formali għall-għoti ta’ awtorizzazzjoni.

111    Madankollu dan l-argument ukoll għandu jiġi miċħud bħala infondat. Fil-fatt, minn naħa, ir-rikorrenti donnha titlaq mill-premessa li għandha ssir evalwazzjoni minn qabel ta’ jekk applikazzjoni għal awtorizzazzjoni li tinkludi l-elementi kollha msemmija fl-Artikolu 62(4) tar-Regolament Nru 1907/2006 u fl-Anness I tal-imsemmi regolament għandhiex nuqqasijiet li jirrigwardaw il-mertu tal-applikazzjoni talment serji li jkun permess li jiġi konkluż li din l-applikazzjoni ma hijiex konformi mar-Regolament Nru 1907/2006 diġà minn perspettiva formali. Issa, tali evalwazzjoni minn qabel ma hijiex prevista fir-Regolament Nru 1907/2006. Min-naħa l-oħra, fil-każ fejn ir-rikorrenti ma titlaqx minn din il-premessa, iżda pjuttost titlaq mill-ipoteżi li għandu jsir l-eżami previst fl-Artikolu 62(4) tar-Regolament Nru 1907/2006, għandu jiġi kkonstatat li hija ma tindikax x’jista’ jkun il-kriterju oġġettiv li jippermetti li jiġi ddeterminat, b’mod preċiż, jew tal-inqas b’mod rilevanti u konvinċenti, il-limitu ta’ nuqqasijiet ta’ applikazzjoni għal awtorizzazzjoni li jista’ jwassal għal ksur tal-kundizzjonijiet formali previsti f’din l-aħħar dispożizzjoni.

112    F’dan il-każ, huwa paċifiku li l-applikazzjoni għal awtorizzazzjoni kienet tinkludi l-elementi kollha msemmija fl-Artikolu 62 tar-Regolament Nru 1907/2006 u li l-kundizzjoni formali li tinsab fl-Artikolu 60(7) tar-Regolament Nru 1907/2006, dwar il-preżentazzjoni ta’ rapport dwar is-sigurtà kimika kienet issodisfatta. Kienet ukoll issodisfatta f’dan il-każ il-kundizzjoni li d-dokumenti msemmija fl-Artikolu 62(4) tar-Regolament Nru 1907/2006 għandhom ikunu verifikabbli. Fil-fatt, la l-Kumitati tal-ECHA u lanqas il-Kummissjoni ma sostnew li d-dokumenti ppreżentati mill-applikanti għall-awtorizzazzjoni ma kinux verifikabbli. Ir-rikorrenti lanqas ma sostniet b’mod speċifiku u permezz ta’ provi li d-dokumenti li kienu jakkumpanjaw l-applikazzjoni għal awtorizzazzjoni ma kinux verifikabbli. Barra minn hekk, huwa paċifiku bejn il-partijiet li, f’dak li jirrigwarda r-rapport dwar is-sigurtà kimika, l-applikanti għall-awtorizzazzjoni kienu kkonformaw mar-rekwiżiti tal-Anness I tar-Regolament Nru 1907/2006. L-ebda wieħed mill-atturi involuti ma sostna li dan ir-rapport ma kienx konformi mar-rekwiżiti tal-Anness I tar-Regolament Nru 1907/2006. Ir-rikorrenti lanqas ma pproduċiet provi, fit-talba tagħha għal eżami mill-ġdid intern, li jippermettu li wieħed jasal għal konklużjoni oħra f’dan ir-rigward.

113    F’dawn iċ-ċirkustanzi, hemm lok li jiġi kkonstatat li l-argumenti tar-rikorrenti dwar l-eżistenza ta’ allegati nuqqasijiet li jivvizzjaw l-opinjoni tal-Kumitat għall-Istima tar-Riskji u l-impatt tagħhom fuq l-għoti tal-awtorizzazzjoni inkwistjoni f’din il-kawża, minn naħa, u l-fatt li l-Kummissjoni ma kinitx irrimedjat għal dawn in-nuqqasijiet iżda llimitat ruħha li sempliċement tinvoka l-opinjoni tal-imsemmi kumitat u d-deċiżjoni ta’ awtorizzazzjoni bħala provi konvinċenti, min-naħa l-oħra, ma għandhom ebda effett fuq l-eżitu tal-kwistjoni ta’ jekk il-Kummissjoni naqsitx jew le milli twettaq l-obbligu tagħha taħt l-Artikolu 60(7) tar-Regolament Nru 1907/2006, moqri flimkien mal-Artikolu 62 ta’ dan ir-regolament. Fil-fatt, dawn l-argumenti jirrigwardaw kwistjonijiet dwar l-evalwazzjoni ta’ fatti kumplessi li serviet bħala bażi għat-tħejjija tal-opinjoni tal-Kumitat għall-Istima tar-Riskji, kif ukoll is-setgħa tal-Kummissjoni li tevalwa dawn il-fatti kumplessi, u b’hekk dwar il-legalità sostantiva tad-deċiżjoni ta’ awtorizzazzjoni.

114    Għalhekk, sa fejn ir-rikorrenti tikkontesta l-legalità formali tad-deċiżjoni ta’ awtorizzazzjoni billi invokat argumenti li jirrigwardaw il-kundizzjonijiet sostantivi tal-adozzjoni tagħha, għandu jiġi kkonstatat, bħala l-ewwel konklużjoni intermedjarja, li dawn l-argumenti huma ineffettivi.

115    Fir-rigward tat-tieni lment ippreżentat fil-kuntest tat-tieni parti tal-ewwel motiv (ara l-punt 103 iktar ’il fuq), għandu jiġi rrilevat li l-Artikolu 60(7) tar-Regolament Nru 1907/2006 ma jagħmilx riferiment għall-Artikolu 61 ta’ dan ir-regolament u ma għandux rabta miegħu.

116    Għaldaqstant, għandu jiġi kkonstatat, bħala t-tieni konklużjoni intermedjarja, li l-argument tar-rikorrenti bbażat fuq l-għaqda ta’ dawn iż-żewġ dispożizzjonijiet sabiex jintwera ksur tal-Artikolu 60(7) tar-Regolament Nru 1907/2006 huwa wkoll ineffettiv.

117    Barra minn hekk, l-argument dwar l-iffissar ta’ “perijodu qasir ta’ eżami mill-ġdid” u dwar l-għan ta’ “reviżjoni” skont l-Artikolu 61 tar-Regolament Nru 1907/2006 (ara l-punt 100 iktar ’il fuq) jidher li pjuttost jista’ jitressaq sabiex tintwera l-eżistenza ta’ insuffiċjenza fl-illegalità sostantiva tad-deċiżjoni ta’ awtorizzazzjoni. Dan huwa wkoll il-każ tal-argument tar-rikorrenti dwar l-allegata assenza ta’ “setgħa ta’ tiswija” tal-Kummissjoni biex tirrimedja għall-kontenut tal-applikazzjoni għal awtorizzazzjoni permezz tal-impożizzjoni ta’ perijodu qasir ta’ reviżjoni. Issa, kif diġà ġie rrilevat fil-punti 104 u 106 iktar ’il fuq, l-Artikolu 60(7) tar-Regolament Nru 1907/2006 ma jirrigwardax il-legalità sostantiva ta’ deċiżjoni ta’ awtorizzazzjoni.

118    Bħala t-tielet konklużjoni intermedjarja, għandu għaldaqstant jiġi kkonstatat li l-argument ibbażat fuq l-iffissar ta’ “perijodu qasir ta’ eżami mill-ġdid”, li jmur kontra l-għan ta’ “reviżjoni” skont l-Artikolu 61 tar-Regolament Nru 1907/2006, ma huwiex rilevanti sabiex tiġi deċiża l-kwistjoni ta’ jekk il-Kummissjoni kisritx jew le r-rekwiżiti formali tal-Artikolu 60(7) ta’ dan ir-regolament. Għalhekk, dan l-argument huwa wkoll irrilevanti.

119    It-tliet konklużjonijiet intermedjarji msemmija fil-punti 114, 116 u 118 hawn fuq jistgħu, fil-prinċipju, ikunu suffiċjenti sabiex it-tieni parti tal-ewwel motiv tiġi miċħuda.

120    Madankollu, tqum il-kwistjoni dwar jekk l-argumenti tar-rikorrenti msemmija fil-punti 94 sa 101, 113 u 117 ta’ hawn fuq jistgħux iservu bħala bażi sabiex issostni lmenti bbażati fuq ksur ta’ dispożizzjonijiet li ma humiex l-Artikolu 60(7) tar-Regolament Nru 1907/2006, jiġifieri l-Artikolu 60(4) ta’ dan ir-regolament, minn naħa waħda, u l-Artikolu 60(8) u (9) tal-istess regolament, moqri flimkien mal-ewwel sentenza tal-Artikolu 61(1) ta’ dan ir-regolament, min-naħa l-oħra.

121    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li awtorizzazzjoni skont ir-Regolament Nru 1907/2006 tista’ tingħata skont l-hekk imsejħa proċedura ta’ “kontroll adegwat”, bħal dik prevista fl-Artikolu 60(2) tar-Regolament Nru 1907/2006, jew, b’mod alternattiv, skont proċedura msejħa “soċjo-ekonomika”, bħal dik prevista fl-Artikolu 60(4) tar-Regolament Nru 1907/2006. Proċedura ta’ “kontroll adegwat” tiddistingwi ruħha minn proċedura “soċjo-ekonomika” fis-sens li din tal-aħħar tapplika biss fejn ma jkunx intwera li r-riskju għas-saħħa jew għall-ambjent li l-użu ta’ sustanza jirrappreżenta minħabba l-proprjetajiet intrinsiċi tagħha, imsemmija fl-Anness XIV tar-Regolament Nru 1907/2006, huwa kkontrollat b’mod adegwat skont l-Artikolu 60(2) ta’ dan ir-regolament.

122    Sussegwentement, għandu jiġi rrilevat li, fid-dawl tad-dritt għal rimedju effettiv, kif previst fl-Artikolu 47(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, meta rikorrent ikun ippreżenta fatti u argumenti biex juri l-ksur ta’ dispożizzjoni tad-dritt li jirriżulta li huwa irrilevanti, iżda dawn l-elementi u l-argumenti jistgħu jsostnu l-ksur ta’ dispożizzjoni oħra, xejn ma jipprekludi lill-Qorti Ġenerali milli tpoġġi dawn l-elementi fattwali u l-argumenti fil-kuntest ġuridiku rilevanti. Fi kliem ieħor, il-Qorti Ġenerali ma hijiex limitata milli tikkunsidra dawn l-elementi fattwali u dawn l-argumenti bħala li jirreferu għad-dispożizzjoni rilevanti. Fil-fatt, ma huwiex meħtieġ li parti tinvoka b’mod espress id-dispożizzjonijiet li skonthom hija intitolata li tressaq l-azzjoni legali tagħha jew, b’mod iktar ġenerali, li fuqhom tibbaża l-ilmenti li hija tinvoka (ara s-sentenza tat-13 ta’ Ġunju 2012, XXXLutz Marken vs UASI – Meyer Manufacturing (CIRCON), T‑542/10, mhux ippubblikata, EU:T:2012:294, punt 21 u l-ġurisprudenza ċċitata).

123    Madankollu, fil-kuntest ta’ rikors li jirrigwarda deċiżjoni bħal deċiżjoni dwar talba għal eżami mill-ġdid intern skont l-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 1367/2006, l-interpretazzjoni intiża li ċerti elementi fattwali u argumenti tar-rikorrent jitqiegħdu fil-kuntest ġuridiku rilevanti jista’ jiġi aċċettat biss sa fejn ma hemmx ksur tal-limitazzjonijiet imposti fuq il-Qorti Ġenerali permezz tal-Artikolu 10, kif deskritti fil-punti 55 sa 58 iktar ’il fuq.

124    Fl-aħħar nett, tali interpretazzjoni ma tistax issir mingħajr ma r-rikorrenti tkun taqbel, tal-inqas impliċitament, ma’ dan l-approċċ.

125    F’dan il-każ, waqt is-seduta, il-partijiet instemgħu mill-Qorti Ġenerali fir-rigward tan-natura ineffettiva tal-argumenti tar-rikorrenti msemmija fil-punti 94 sa 101, 113 u 117 iktar ’il fuq. B’mod partikolari, il-Qorti Ġenerali staqsiet lir-rikorrenti dwar ma’ liema motivi oħra tar-rikors setgħu jintrabtu l-argumenti tagħha.

126    B’risposta għal din id-domanda, ir-rikorrenti fakkret li, fil-kuntest tat-tieni u t-tielet motiv, hija kienet sostniet l-eżistenza ta’ żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni, li huwa ekwivalenti għal ksur tad-dritt sostantiv, jiġifieri, b’mod partikolari, l-Artikolu 60(4) u (5) tar-Regolament Nru 1907/2006. Barra minn hekk, ir-rikorrenti indikat essenzjalment li, fil-każ li l-argumenti mqajma fil-kuntest tat-tieni parti tal-ewwel motiv ma jintlaqgħux fil-kuntest ta’ din il-parti, dawn l-argumenti għandhom jiġu kkunsidrati fil-kuntest tat-tieni u t-tielet motiv.

127    F’dawn iċ-ċirkustanzi, jista’ jiġi interpretat bħala ilment ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 60(4) tar-Regolament Nru 1907/2006 l-argument tar-rikorrenti li jgħid li, essenzjalment, l-ewwel nett, il-Kummissjoni, fid-deċiżjoni dwar it-talba għal eżami mill-ġdid intern, naqset milli tadotta, hija stess, wara eżami mill-ġdid bir-reqqa ta’ evidenza kontradittorja, pożizzjoni motivata dwar il-konformità tar-rapport dwar is-sigurtà kimika, li d-data tiegħu kienet ġiet meqjusa bħala insuffiċjenti fir-rigward tal-esponiment tal-ħaddiema għad-DEHP mill-Kumitat għall-Istima tar-Riskji (ara l-punti 94 sa 97 iktar ’il fuq), u li t-tieni nett jgħid li l-Kummissjoni sempliċement indikat f’din id-deċiżjoni, bħala prova konvinċenti, li dan il-kumitat kien ikkonstata “nuqqasijiet” fl-evalwazzjoni tar-riskji li jirriżultaw mid-DEHP (ara l-punti 98 u 99 iktar ’il fuq).

128    Bl-istess mod, jista’ jiġi interpretat bħala ilment ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 60(8) u (9) tar-Regolament Nru 1907/2006, moqri flimkien mal-ewwel sentenza tal-Artikolu 61(1) ta’ dan ir-regolament, l-argument dwar l-impożizzjoni ta’ “perijodu qasir ta’ reviżjoni” (ara l-punti 100 u 101 iktar ’il fuq).

129    Fl-ewwel lok, l-argumenti tar-rikorrenti msemmija fil-punti 94 sa 99 iktar ’il fuq għandhom madankollu jiġu miċħuda, anki wara l-interpretazzjoni mill-ġdid tagħhom f’argumenti li jirrigwardaw l-Artikolu 60(4) tar-Regolament Nru 1907/2006.

130    Fil-fatt, meta evalwazzjoni tar-riskju li l-użu ta’ sustanza jwassal għas-saħħa tal-bniedem jew għall-ambjent li tkun tinsab f’rapport dwar is-sigurtà kimika tkun ivvizzjata b’inċertezzi jew b’nuqqasijiet, jista’ jiġi konkluż li ma ntweriex li dan ir-riskju huwa kkontrollat adegwatament. Meta dan ikun il-każ, l-awtorizzazzjoni ma tistax tingħata skont il-“proċedura ta’ kontroll adegwat” imsemmija fl-Artikolu 60(2) tar-Regolament Nru 1907/2006.

131    Min-naħa l-oħra, din iċ-ċirkustanza tista’ tkun l-opportunità sabiex wieħed jistaqsi jekk, abbażi tal-elementi fattwali u ta’ prova li għandha l-Kummissjoni, l-awtorizzazzjoni tistax tingħata b’applikazzjoni tal-Artikolu 60(4) tar-Regolament Nru 1907/2006, skont il-“proċedura soċjo-ekonomika”.

132    F’dan il-każ, meta tallega, essenzjalment, li fid-deċiżjoni dwar it-talba għal eżami mill-ġdid intern il-Kummissjoni naqset milli tadotta, hija stess, wara eżami mill-ġdid fil-fond ta’ provi kontradittorji, pożizzjoni motivata dwar il-konformità tar-rapport dwar is-sigurtà kimika mad-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 1907/2006 (ara l-punti 94 sa 97 iktar ’il fuq), ir-rikorrenti tikkontesta element li seta’ kellu effett fuq l-applikazzjoni tal-Artikolu 60(2) ta’ dan ir-regolament u mhux fuq l-applikazzjoni tal-Artikolu 60(4) tal-istess regolament.

133    Dan huwa wkoll il-każ tal-argument li jgħid li kulma għamlet il-Kummissjoni kien li sempliċement indikat fid-deċiżjonijiet tagħha, bħala prova konvinċenti, li l-Kumitat għall-Istima tar-Riskji kien ikkonstata xi nuqqasijiet fl-evalwazzjoni tar-riskji tad-DEHP (ara l-punti 98 u 99 iktar ’il fuq).

134    Sa fejn huma bbażati, essenzjalment, fuq il-premessa li l-eżistenza ta’ inċertezzi fir-rigward tal-kontroll tar-riskji li jirriżultaw mill-użu tad-DEHP kienet tikkostitwixxi ostakolu bħala tali għall-applikazzjoni tal-Artikolu 60(4) tar-Regolament Nru 1907/2006, l-argumenti msemmija fil-punti 94 sa 99 iktar ’il fuq huma ineffettivi.

135    Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat, hekk kif invokat il-Kummissjoni mingħajr ma ġiet kontradetta fuq dan il-punt b’mod issostanzjat mir-rikorrenti, li r-rapport dwar is-sigurtà kimika kien fih informazzjoni dwar il-monitoraġġ bijoloġiku mwettaq f’żewġ Stati Membri u fuq kejl imwettaq fl-arja, li jikkorrispondu għal studji dwar l-esponiment ta’ ħaddiema fis-settur tal-PVC li jużaw PVC verġni u DEHP, minflok PVC irriċiklat. Dawn l-istudji kienu jinkludu data dwar il-ħaddiema ta’ żewġ Stati Membri, u juru informazzjoni dwar il-monitoraġġ bijoloġiku, kif ukoll data provenjenti mill-Ġermanja, Franza, il-Pajjiżi l-Baxxi u l-Finlandja dwar il-kontroll tat-tniġġis tal-arja. L-impriżi li din id-data tirrigwarda huma attivi fil-formulazzjoni u fl-ipproċessar tal-PVC. Għalkemm l-informazzjoni pprovduta ma tikkonċernax speċifikament l-użu ta’ PVC irriċiklat li fih id-DEHP, hija tirrigwarda attivitajiet li jużaw il-PVC verġni li miegħu jiżdied id-DEHP verġni u tirrigwarda l-ipproċessar ulterjuri ta’ din is-sustanza. Barra minn hekk, l-applikanti għall-awtorizzazzjoni kienu ħolqu mudell tal-esponimenti tal-ħaddiema fir-rigward tat-trasferiment ta’ PVC artab irriċiklat minn boroż kbar jew żgħar, li hija attività speċifika għall-użu tal-PVC irriċiklat li ma kinitx koperta mill-miżuri bbażati fuq l-istudji dwar il-PVC verġni.

136    Issa, kif sostniet ġustament il-Kummissjoni, il-fatt li l-Kumitat għall-Istima tar-Riskji kienet ikkonkludiet li kien hemm inċertezzi fl-evalwazzjoni tal-esponiment tal-ħaddiema u li l-informazzjoni mogħtija ma kinitx rappreżentattiva għall-użi kollha koperti mill-applikazzjoni għal awtorizzazzjoni ma jfissirx li ebda informazzjoni dwar l-esponiment tal-ħaddiema ma kienet ġiet ippreżentata jew li l-ebda konklużjoni ma tista’ tinsilet minn dan.

137    Ir-rikorrenti ma kkontestatx b’mod issostanzjat din il-konstatazzjoni tal-Kummissjoni. Lil hinn mill-fatt li tikkontesta b’mod ġenerali r-rapport dwar is-sigurtà kimika, hija ma turix li l-ebda konklużjoni utli ma setgħet tinsilet minn dan ir-rapport.

138    Fl-assenza ta’ kontestazzjoni tali, l-argument tar-rikorrenti intiż li jikkritika lill-Kummissjoni talli naqset milli tadotta, wara eżami bir-reqqa tal-provi differenti, pożizzjoni motivata fir-rigward tar-rapport dwar is-sigurtà kimika ma huwiex suffiċjenti sabiex jiġi stabbilit ksur tal-Artikolu 60(4) tar-Regolament Nru 1907/2006. Għaldaqstant, dan ma jistax jintlaqa’. Dan huwa wkoll il-każ tal-argumenti l-oħra msemmija fil-punti 97 sa 99 iktar ’il fuq.

139    Fit-tieni lok, l-argument dwar l-iffissar ta’ “perijodu qasir ta’ reviżjoni” li, skont ir-rikorrenti, huwa tentattiv tal-Kummissjoni sabiex tirrimedja għan-nuqqasijiet tar-rapport dwar is-sigurtà kimika (ara l-punti 100 u 101 iktar ’il fuq), jista’ jissostanzja ksur tal-Artikolu 60(8) u (9) tar-Regolament Nru 1907/2006, moqri flimkien mal-ewwel sentenza tal-Artikolu 61(1) ta’ dan ir-regolament. Sabiex tiġi vverifikata l-fondatezza tiegħu, hemm lok li jiġi rrilevat dan li ġej.

140    Skont l-ewwel sentenza tal-Artikolu 60(8) tar-Regolament Nru 1907/2006, l-awtorizzazzjonijiet għandhom ikunu suġġetti għal “reviżjoni ta’ żmien limitat, mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe deċiżjoni dwar perjodu futur ta’ reviżjoni”. Skont l-Artikolu 60(9)(e) tar-Regolament Nru 1907/2006, “il-perjodu ta’ reviżjoni ta’ żmien limitat” għandu jiġi speċifikat fl-awtorizzazzjoni. Fl-aħħar nett, skont l-ewwel sentenza tal-Artikolu 61(1) tar-Regolament Nru 1907/2006, l-awtorizzazzjonijiet mogħtija skont l-Artikolu 60 għandhom jitqiesu bħala validi “sakemm il-Kummissjoni tiddeċiedi li temenda jew tirtira l-awtorizzazzjoni fil-kuntest ta’ reviżjoni, sakemm id-detentur ta’ l-awtorizzazzjoni jippreżenta rapport ta’ reviżjoni mill-inqas tmintax-il xahar qabel ma jiskadi l-perjodu ta’ reviżjoni ta’ żmien limitat”.

141    F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat qabel kollox li, kif jirriżulta, pereżempju, mill-verżjoni Ingliża u dik Ġermaniża tar-Regolament Nru 1907/2006, kif ukoll mill-kuntest ta’ dawk id-dispożizzjonijiet, il-kliem “réexamen” u “révision” użati fil-verżjoni Franċiża mit-tliet dispożizzjonijiet imsemmija fil-punt 140 iktar ’il fuq huma sinonimi.

142    Sussegwentement, għandu jiġi enfasizzat li, bħala prinċipju, irrispettivament mill-kontenut tagħhom, il-kundizzjonijiet imposti skont l-Artikolu 60(8) u (9)(d) u (e) tar-Regolament Nru 1907/2006 ma jistgħux, ċertament, ifittxu li jirrimedjaw għan-nuqqasijiet possibbli ta’ applikazzjoni għal awtorizzazzjoni jew tal-analiżi tal-alternattivi ppreżentata minn applikant għal awtorizzazzjoni jew inkella għan-nuqqasijiet possibbli tal-eżami, mill-Kummissjoni, tal-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 60(4) tar-Regolament Nru 1907/2006.

143    Fi kliem ieħor, il-possibbiltà li awtorizzazzjoni jkollha ċerti kundizzjonijiet, kif previst fl-Artikolu 60(8) u (9)(d) tar-Regolament Nru 1907/2006, ma tistax tiġi interpretata fis-sens li tippermetti lill-Kummissjoni tħalli miftuħa l-kwistjoni dwar jekk il-kundizzjonijiet tal-Artikolu 60 tar-Regolament Nru 1907/2006 humiex issodisfatti u tirreaġixxi għal din is-sitwazzjoni billi fl-awtorizzazzjoni timponi kundizzjonijiet intiżi sabiex jirrimedjaw għan-nuqqasijiet jew lakuni possibbli fl-evalwazzjoni li għandha twettaq taħt din l-aħħar dispożizzjoni.

144    Fil-fatt, fil-kuntest tal-eżami tal-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 60 tar-Regolament Nru 1907/2006, il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi jekk il-fatti rilevanti kollha u l-evalwazzjonijiet tekniċi u ekonomiċi relatati magħhom jippermettux li jiġi konkluż li l-kundizzjonijiet previsti f’din id-dispożizzjoni huma effettivament issodisfatti. Jekk dan ma jkunx il-każ, il-Kummissjoni ma tkunx tista’ tagħti awtorizzazzjoni, lanqas waħda b’kundizzjonijiet.

145    Madankollu, f’dan il-każ, kuntrarjament għal dak li ssostni essenzjalment ir-rikorrenti, ma jistax jiġi kkonstatat li l-perijodu ta’ reviżjoni stabbilit fid-deċiżjoni ta’ awtorizzazzjoni serva ta’ għodda sabiex, skont is-“setgħa ta’ tiswija” mogħtija lill-Kummissjoni, jagħmel tajjeb għan-nuqqasijiet li jinsabu fir-rapport dwar is-sigurtà kimika ppreżentat mill-applikanti għall-awtorizzazzjoni.

146    Fil-fatt, fil-mument meta l-Kummissjoni stabbilixxiet perijodu ta’ reviżjoni, f’dan il-każ qasir, ma kienx hemm lok li jiġu rrimedjati n-nuqqasijiet identifikati mill-Kumitat għall-Istima tar-Riskji.

147    Minn naħa, l-unika konsegwenza tal-inċertezzi relatati mar-rapport dwar is-sigurtà kimika kienet li l-bażi legali tad-deċiżjoni ta’ awtorizzazzjoni ma kinitx dik li tinsab fl-Artikolu 60(2) tar-Regolament Nru 1907/2006, iżda dik prevista fl-Artikolu 60(4) tal-istess regolament. Għaldaqstant, ma kienx hemm lok li jiġu rrimedjati n-nuqqasijiet li jivvizzjaw ir-rapport dwar is-sigurtà kimika mill-perspettiva tal-Artikolu 60(2) tar-Regolament Nru 1907/2006.

148    Min-naħa l-oħra, għandu jitfakkar li, fil-kuntest tal-analiżi kwalitattiva tiegħu, li kienet tinkludi l-inċertezzi identifikati mill-Kumitat għall-Istima tar-Riskji, il-Kumitat għall-Analiżi Soċjo-ekonomika kien indika li, fil-fehma tiegħu, l-awtorizzazzjoni setgħet tingħata f’dan il-każ, u dan jindika li l-inċertezzi rigward ir-rapport dwar is-sigurtà kimika finalment kienu ġew eliminati.

149    Issa, ir-rikorrenti ma tistax tinvoka b’mod iżolat l-insuffiċjenzi tar-rapport dwar is-sigurtà, mingħajr ma tikkontesta b’mod issostanzjat l-evalwazzjoni tal-Kumitat għall-Analiżi Soċjo-ekonomika.

150    Permezz tal-argumenti mqajma fil-kuntest tat-tieni parti tal-ewwel motiv, ir-rikorrenti ma wrietx li n-nuqqasijiet tar-rapport dwar is-sigurtà kimika kellhom impatt fuq l-applikazzjoni tal-kundizzjonijiet tal-Artikolu 60(4) tar-Regolament Nru 1907/2006 tant li ma hemmx lok li jiġi kkunsidrat li l-Kummissjoni pprovat tirrimedja għal dan billi stabbilixxiet perijodu ta’ eżami mill-ġdid. Għaldaqstant, l-ebda ksur tal-Artikolu 60(8) u 9(e) tar-Regolament Nru 1907/2006 ma jista’ jintlaqa’.

151    Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, it-tieni parti għandha tiġi miċħuda bħala infondata.

–       Fuq it-tielet parti, ibbażata fuq l-eżistenza ta’ żbalji ta’ liġi u ta’ żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni f’dak li jikkonċerna r-rabta ma’ nuqqasijiet fl-evalwazzjoni tal-alternattivi xierqa

152    Skont ir-rikorrenti, il-Kummissjoni wettqet żball manifest ta’ liġi fl-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “alternattivi” prevista fl-Artikolu 62(4)(e) tar-Regolament Nru 1907/2006 u, konsegwentement, “żball manifest ta’ evalwazzjoni tal-konformità tal-applikazzjoni għal awtorizzazzjoni fid-dawl tal-Artikolu 60(7) tal-istess regolament”. Dawn l-iżbalji jċaħħdu l-konklużjonijiet espressi mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni dwar it-talba għal eżami mill-ġdid intern “minn kull plawżibbiltà”.

153    Fil-fatt, fid-dawl tal-kliem tal-premessa 74 tar-Regolament Nru 1907/2006 u fid-dawl tar-rwol tal-evalwazzjoni tal-alternattivi, kif ukoll tas-sens normali tal-espressjoni “alternattiva”, għandu jiġi kkunsidrat li applikazzjoni għal awtorizzazzjoni għandha tinkludi analiżi tas-sustanzi jew tat-teknoloġiji li jistgħu jintużaw minflok is-sustanza ta’ tħassib serju ħafna “fil-proċess […] jew l-użu” li għalih qed tintalab l-awtorizzazzjoni. Skont ir-rikorrenti, fir-realtà, l-analiżi tal-“alternattivi” hija intiża sabiex jiġi eżaminat jekk xi sustanza jew teknoloġija oħra tista’ tissostitwixxi s-sustanza ta’ tħassib serju ħafna “fil-proċess propost”. Barra minn hekk, l-alternattivi għandhom jiġu evalwati fir-rigward tal-funzjoni li għaliha tintalab l-awtorizzazzjoni. B’mod partikolari, alternattiva għandha tinftiehem b’rabta mal-funzjoni tas-sustanza “fil-proċess” u wkoll b’paragun ma’ sustanza jew teknoloġija li hija inqas perikoluża.

154    F’dan il-każ, l-analiżi tal-alternattivi proposta fl-applikazzjoni għal awtorizzazzjoni kienet insuffiċjenti. Minħabba li din l-applikazzjoni ma ppreċiżatx il-funzjoni tad-DEHP, hija ma indikatx soluzzjonijiet li jippermettu li l-funzjoni ta’ din is-sustanza tiġi ssostitwita.

155    Ċertament, fid-deċiżjoni dwar it-talba għal eżami mill-ġdid intern il-Kummissjoni indikat li d-DEHP kellu l-funzjoni li “jnaqqas l-ammont ta’ plastifikanti li għandu jiġi miżjud għall-produzzjoni ta’ oġġetti tal-PVC”. Barra minn hekk, fid-deċiżjoni dwar it-talba għal eżami mill-ġdid intern il-Kummissjoni ddikjarat li l-applikazzjoni għal awtorizzazzjoni fil-fatt kien fiha evalwazzjoni tal-alternattivi “mil-perspettiva tal-applikan[ti għall-awtorizzazzjoni]”, b’mod partikolari s-soluzzjoni li jintuża PVC verġni.

156    Madankollu, il-fatt li jitqies li l-użu tal-PVC verġni jista’ jiġi kklassifikat bħala “alternattiva” meta l-produzzjoni ta’ PVC verġni wkoll tuża sustanza ta’ tħassib serju ħafna, jikkostitwixxi żball “manifest” ta’ liġi fl-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “alternattiva”.

157    Fi kwalunkwe każ, ir-rikorrenti tindika li, jekk, kif osservat il-Kummissjoni fid-deċiżjoni dwar it-talba għal eżami mill-ġdid intern, il-funzjoni tad-DEHP kienet li “jnaqqas l-ammont ta’ plastifikanti li għandu jiġi miżjud għall-produzzjoni ta’ oġġetti tal-PVC” u jekk tali funzjoni kienet verament kompatibbli mar-Regolament Nru 1907/2006, din l-istituzzjoni kellha teżamina l-eżistenza ta’ alternattivi li jippermettu li jitnaqqas l-ammont ta’ DEHP użat fil-produzzjoni ta’ oġġetti tal-PVC. Dan l-eżami kellu jieħu inkunsiderazzjoni numru ferm ikbar ta’ alternattivi għas-sostituzzjoni tad-DEHP fil-proċess tal-manifattura ta’ oġġetti tal-PVC, b’mod partikolari, pereżempju, l-użu ta’ plastifikanti li mhumiex sustanzi ta’ tħassib serju ħafna.

158    F’dan il-każ, min-naħa l-oħra, l-analiżi tal-alternattivi annessa mal-applikazzjoni għal awtorizzazzjoni lanqas biss tikkorrispondi għall-“funzjoni” tad-DEHP li l-Kummissjoni kienet ikkunsidrat fid-deċiżjoni dwar it-talba għal eżami mill-ġdid intern. Minflok ma tindika soluzzjoni sabiex “jitnaqqas l-ammont ta’ plastifikanti li għandu jiġi miżjud għall-produzzjoni ta’ oġġetti tal-PVC”, l-applikazzjoni għal awtorizzazzjoni ipprovdiet informazzjoni dwar tliet proċessi oħrajn fejn jiġi rriċiklat il-PVC, jiġifieri soluzzjoni li tikkonsisti fis-separazzjoni u fit-tneħħija mill-proċess ta’ riċiklaġġ l-iskart ta’ konsum li jkun fih ammonti ta’ DEHP li jeċċedu ċerta konċentrazzjoni (0.3 % piż b’piż), soluzzjoni li tikkonsisti fit-tneħħija tad-DEHP mill-iskart tal-PVC u soluzzjoni li tinvolvi l-użu ta’ tip ieħor ta’ skart tal-PVC industrijali.

159    Il-Kummissjoni tikkontesta dan l-argument.

160    Preliminarjament, għandu jitfakkar li, kif ġie rrilevat fil-punti 104 sa 106 iktar ’il fuq, l-Artikolu 60(7) u l-Artikolu 62(4) tar-Regolament Nru 1907/2006 jikkonċernaw il-kwistjoni ta’ jekk id-dokumenti msemmija ġewx ippreżentati insostenn għall-applikazzjoni għal awtorizzazzjoni u, għaldaqstant, jekk dawn jikkonċernawx aspetti formali tal-proċedura ta’ awtorizzazzjoni.

161    F’dan il-każ, huwa paċifiku li l-applikazzjoni għal awtorizzazzjoni kienet akkumpanjata minn preżentazzjoni ta’ alternattivi. Sa fejn huwa neċessarju wkoll li d-dokumenti li għandhom ikunu ppreżentati mill-applikanti għal awtorizzazzjoni biex jikkonformaw mal-Artikolu 62(4) tar-Regolament Nru 1907/2006 għandhom ikunu verifikabbli, għandu jiġi enfasizzat li r-rikorrenti ma wrietx b’mod speċifiku u permezz ta’ provi li d-dokumenti pprovduti mill-applikanti għall-awtorizzazzjoni ma kinux jikkorrispondu ma’ dan il-kriterju (ara l-punt 111 iktar ’il fuq).

162    Wara eżami mill-qrib, l-argumenti tar-rikorrenti intiżi li jinvokaw l-insuffiċjenzi li jivvizzjaw l-alternattivi jirrigwardaw il-fondatezza tad-deċiżjoni dwar it-talba għal eżami mill-ġdid intern. Dawn l-argumenti huma għalhekk ineffettivi inkwantu dawn ġew invokati sabiex jintwerew żbalji ta’ liġi jew żbalji ta’ evalwazzjoni f’dak li jikkonċerna l-applikazzjoni tal-Artikolu 60(7) u tal-Artikolu 62(4) tar-Regolament Nru 1907/2006.

163    Ċertament, għall-istess raġunijiet bħal dawk li ġew esposti fil-punti 122 sa 124 iktar ’il fuq, dawn l-argumenti jistgħu jiġu interpretati bħala li huma argumenti invokati insostenn tal-motiv ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 60(4) u (5) tar-Regolament Nru 1907/2006 permezz ta’ evalwazzjoni żbaljata, mill-Kummissjoni, tal-alternattivi.

164    Fil-fatt, fil-kuntest tat-tielet motiv imqajjem fir-rikors, ir-rikorrenti tinvoka preċiżament ksur tal-Artikolu 60(4) u (5) tar-Regolament Nru 1907/2006 billi tqajjem argumenti bbażati fuq evalwazzjoni allegatament żbaljata tal-alternattivi. Kemm din il-parti tal-ewwel motiv kif ukoll it-tielet motiv jirrigwardaw essenzjalment allegat żball ta’ liġi f’dak li jirrigwarda l-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “alternattivi”. Barra minn hekk, l-argumenti invokati mir-rikorrenti fil-kuntest ta’ din il-parti tal-ewwel motiv tar-rikors u dawk imqajma fil-kuntest tal-ewwel ilment tat-tielet motiv jikkoinċidu parzjalment.

165    F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat li, permezz tal-ewwel ilment tat-tielet motiv, ir-rikorrenti tinvoka ksur tal-Artikolu 60(4) u (5) tar-Regolament Nru 1907/2006 f’dak li jirrigwarda l-analiżi tal-alternattivi fir-rigward taż-żewġ elementi li ġejjin. Minn naħa, fid-deċiżjoni dwar it-talba għal eżami mill-ġdid intern, il-Kummissjoni, bħalma għamlu l-applikanti għall-awtorizzazzjoni fl-applikazzjoni għal awtorizzazzjoni, iffokat fuq “qafas ta’ referenza” żbaljat, jiġifieri “s-sostituzzjoni ta’ fluss ta’ skart, minflok is-sostituzzjoni tas-[sustanza ta’ tħassib serju ħafna] fil-proċess (il-produzzjoni ta’ oġġetti tal-PVC)”. Min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni irrepetiet li d-DEHP kellu l-funzjoni li jnaqqas l-ammont ta’ plastifikanti li għandu jiġi miżjud għall-produzzjoni ta’ oġġetti tal-PVC (ara l-punt 226 iktar ’il quddiem). Madankollu, il-mistoqsija marbuta mal-“qafas ta’ referenza” żbaljat u l-punt dwar jekk l-analiżi tal-alternattivi għandhiex tiffoka fuq sustanza ta’ tħassib serju ħafna “fi proċess”, kif imsemmi mir-rikorrenti fil-kuntest ta’ din il-parti tal-ewwel motiv, jikkoinċidu ma’ xulxin. Jikkoinċidu wkoll l-ilment dwar l-eżistenza ta’ żbalji li jivvizzjaw l-evalwazzjoni tal-alternattivi minħabba interpretazzjoni żbaljata tal-funzjoni tad-DEHP (ara l-punt 233 iktar ’il quddiem), minn naħa, u l-kritiki tar-rikorrenti li jinsabu fl-argument tagħha rrilevat fil-punti 155 sa 158 iktar ’il fuq, min-naħa l-oħra.

166    Barra minn hekk, il-kundizzjonijiet li jippermettu lill-Qorti Ġenerali tinterpreta argumenti sabiex tagħtihom effett utli (ara l-punti 122 sa 124 iktar ’il fuq) huma ssodisfatti. B’mod partikolari, għandu jiġi enfasizzat fost l-oħrajn li l-preċiżazzjonijiet ipprovduti mir-rikorrenti matul is-seduta dwar l-utilità tal-argumenti tagħha fir-rigward tal-Artikolu 60(4) u (5) tar-Regolament Nru 1907/2006 – b’kuntrast mal-utilità tagħhom fid-dawl tal-Artikolu 60(7) u tal-Artikolu 62(4) tar-Regolament Nru 1907/2006 – kienu jinkludu wkoll argumenti mqajma insostenn ta’ din il-parti tal-ewwel motiv. Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni nstemgħet ukoll f’dan ir-rigward.

167    F’dawn iċ-ċirkustanzi, hemm lok li jiġu eżaminati l-argumenti msemmija fil-punti 152 sa 158 iktar ’il fuq bħala supplimenti għall-argumenti mqajma fil-kuntest tat-tielet motiv.

–       Fuq ir-raba’ parti, ibbażata fuq żball ta’ liġi fl-interpretazzjoni tal-Artikolu 60(7) u tal-Artikolu 64(3) tar-Regolament Nru 1907/2006

168    Insostenn tar-raba’ parti tal-ewwel motiv, ir-rikorrenti tindika li l-Kumitat għall-Istima tar-Riskji tal-ECHA kien talab lill-applikanti għall-awtorizzazzjoni informazzjoni addizzjonali fi żmien meta, skont dan il-kumitat, l-applikazzjoni għal awtorizzazzjoni kienet diġà konformi mar-rekwiżiti tal-Artikolu 62 tar-Regolament Nru 1907/2006. Issa, billi pproċeda b’dan il-mod, dan il-kumitat wettqet żball “manifest” ta’ liġi, jiġifieri ksur tal-proċedura prevista fl-Artikolu 64(3) tar-Regolament Nru 1907/2006. Sa fejn fid-deċiżjoni tagħha dwar it-talba għal eżami mill-ġdid intern il-Kummissjoni approvat dan l-approċċ, din id-deċiżjoni wkoll hija vvizzjata minn żball “manifest” ta’ liġi. Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni stess kisret ukoll mhux biss l-Artikolu 64(3) tar-Regolament Nru 1907/2006, iżda anki l-Artikolu 60(7) tal-istess regolament.

169    Fil-fehma tar-rikorrenti, skont l-Artikolu 64(3) tar-Regolament Nru 1907/2006, meta applikazzjoni tkun ġiet iddikjarata konformi mar-rekwiżiti tal-Artikolu 62 tar-Regolament Nru 1907/2006, il-Kumitat għall-Analiżi Soċjo-ekonomika biss jista’ jitlob informazzjoni addizzjonali, u dan biss fir-rigward tal-alternattivi. Min-naħa l-oħra, minn din id-dispożizzjoni jirriżulta li l-Kumitat għall-Istima tar-Riskji ma għandux is-setgħa jitlob informazzjoni addizzjonali fir-rigward ta’ applikazzjoni li tkun diġà ġiet meqjusa bħala konformi mar-rekwiżiti tal-Artikolu 62 tar-Regolament Nru 1907/2006.

170    Il-Kummissjoni tikkontesta dan l-argument.

171    Preliminarjament, hemm lok li jiġi rrilevat li, kif jirriżulta mill-ewwel sentenza tal-Artikolu 64(3) tar-Regolament Nru 1907/2006, it-talbiet li l-Kumitat għall-Istima tar-Riskji u l-Kumitat għall-Analiżi Soċjo-ekonomika jistgħu jagħmlu lil applikant għal awtorizzazzjoni fuq il-bażi ta’ din id-dispożizzjoni jirrigwardaw il-kwistjoni dwar jekk l-applikazzjoni għal awtorizzazzjoni tinkludix l-informazzjoni rilevanti kollha msemmija fl-Artikolu 62 tar-Regolament Nru 1907/2006 li dawn il-kumitati għandu jkollhom sabiex iwettqu l-kompiti tagħhom ta’ tfassil tal-opinjonijiet imsemmija fl-Artikolu 64(1) tar-Regolament Nru 1907/2006. Skont it-tieni sentenza tal-Artikolu 64(3) tar-Regolament Nru 1907/2006, dawn il-kumitati għandhom, fejn xieraq, u wara li jiġu kkonsultati, jagħmlu talba konġunta lill-applikant fejn jistednuh jipprovdi informazzjoni addizzjonali sabiex l-applikazzjoni tiġi konformi mar-rekwiżiti tal-Artikolu 62 tar-Regolament Nru 1907/2006. B’hekk, mill-ewwel żewġ sentenzi tal-Artikolu 64(3) tar-Regolament Nru 1907/2006 jirriżulta li t-talba konġunta ta’ dawn il-kumitati għandha tiffoka fuq il-kwistjoni ta’ jekk l-applikazzjoni għal awtorizzazzjoni hijiex konformi mal-Artikolu 62 tar-Regolament Nru 1907/2006 minn perspettiva formali, jiġifieri jekk magħha hemmx id-dokumenti kollha u l-informazzjoni kollha msemmija f’din l-aħħar dispożizzjoni. Barra minn hekk, it-talba konġunta tal-imsemmija kumitati jista’ jkollha l-għan li tikseb mingħand l-applikant għall-awtorizzazzjoni dokumenti verifikabbli.

172    Minbarra l-kompetenza mogħtija mill-ewwel sentenza tal-Artikolu 64(3) tar-Regolament Nru 1907/2006, il-Kumitat għall-Analiżi Soċjo-ekonomika jista’, fuq il-bażi tat-tielet sentenza tal-Artikolu 64(3) ta’ dan ir-regolament, jekk iqis li jkun meħtieġ, jitlob lill-applikant għal awtorizzazzjoni jew lil terzi jippreżentaw, f’perijodu ta’ żmien speċifikat, informazzjoni addizzjonali dwar is-sustanzi jew it-teknoloġiji alternattivi possibbli.

173    B’differenza tat-talba msemmija fit-tieni sentenza tal-Artikolu 64(3) tar-Regolament Nru 1907/2006, it-talba msemmija fit-tielet sentenza tal-Artikolu 64(3) tal-istess regolament ma tirrigwardax il-kwistjoni dwar jekk l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 62 tar-Regolament Nru 1907/2006, kif ippreżentata mill-applikant għal awtorizzazzjoni, hijiex kompleta jew verifikabbli. It-talba msemmija fit-tielet sentenza tal-Artikolu 64(3) tar-Regolament Nru 1907/2006 għaldaqstant ma tirrigwardax aspett formali tal-applikazzjoni għal awtorizzazzjoni kkonċernata. Min-naħa l-oħra, hija għandha l-għan li tikseb informazzjoni addizzjonali meħtieġa biex isiru l-evalwazzjonijiet fuq il-mertu tal-Kumitat għall-Analiżi Soċjo-ekonomika dwar is-sustanza inkwistjoni u dwar l-evalwazzjoni tal-alternattivi. Tali talba tista’ tkun utli fit-tfassil, mill-Kumitat għall-Analiżi Soċjo-ekonomika, tal-opinjoni li jkun fiha l-elementi speċifikati fl-Artikolu 64(4)(b) tar-Regolament Nru 1907/2006. B’mod partikolari, meta, pereżempju, l-analiżi tal-alternattivi ppreżentata mill-applikant għal awtorizzazzjoni jkollha insuffiċjenzi jew nuqqasijiet li jistgħu jiġu indirizzati minnu, talba magħmula skont it-tielet sentenza tal-Artikolu 64(3) tar-Regolament Nru 1907/2006 tista’ tippermetti li jiġi evitat li l-Kumitat għall-Analiżi Soċjo-ekonomika jkun kostrett jistenna, f’każ li l-applikant għal awtorizzazzjoni jkun xtaq jippreżenta l-osservazzjonijiet imsemmija fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 64(5), li dan tal-aħħar ikun ippreżentahom, konformement mat-tieni sentenza tat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 64(5) tal-istess regolament.

174    Fir-Regolament Nru 1907/2006 ma teżisti ebda dispożizzjoni analoga li tippermetti lill-Kumitat għall-Istima tar-Riskji jagħmel mistoqsijiet addizzjonali lill-applikant għal awtorizzazzjoni sabiex jikseb l-elementi meħtieġa għal evalwazzjoni fuq il-mertu tad-data li għandha tiġi inkluża fl-opinjoni tiegħu, kif imsemmi fl-Artikolu 64(1) tar-Regolament Nru 1907/2006.

175    Madankollu, waqt it-tfassil tal-opinjoni tal-Kumitat għall-Istima tar-Riskji, jista’ jkun meħtieġ ukoll li l-applikant għal awtorizzazzjoni jintalab informazzjoni addizzjonali sabiex jiġu indirizzati kwalunkwe insuffiċjenzi jew nuqqasijiet li rapport dwar is-sigurtà kimika fir-rigward ta’ ċertu sustanza jista’ jkollu. Il-Kumitat għall-Istima tar-Riskji għandu jkun f’pożizzjoni li jista’ jagħmel mistoqsijiet lill-applikant ta’ awtorizzazzjoni, anki jekk sempliċement sabiex titħaffef il-proċedura ta’ tfassil tal-opinjoni tiegħu u sabiex jevita li jkollu jistenna sakemm l-applikant iressaq osservazzjonijiet, kif imsemmi fit-tielet subparagrafu tal-Artikolu 64(5) tar-Regolament Nru 1907/2006.

176    Fil-kuntest tad-dmir ta’ premura tiegħu u sabiex ikun hemm amministrazzjoni tajba tal-każ quddiemu, il-Kumitat għall-Istima tar-Riskji jista’ f’kull ħin jinnotifika lill-applikant għal awtorizzazzjoni bl-eżistenza ta’ nuqqasijiet li jinsabu fir-rapport dwar is-sigurtà kimika fir-rigward ta’ sustanza. Barra minn hekk, dan il-kumitat jista’ jagħżel li jagħti wkoll lill-applikant għal awtorizzazzjoni l-opportunità li jippreżenta kwalunkwe informazzjoni meħtieġa biex jissupplimenta jew jirfina l-evalwazzjonijiet li jkollu jwettaq fl-eżerċizzju tad-dmir tiegħu ta’ evalwazzjoni tar-riskji tas-sustanza kkonċernata, u dan anki jekk tali possibbiltà ma hijiex espressament prevista mir-Regolament Nru 1907/2006.

177    Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, kuntrarjament għal dak li ssostni r-rikorrenti permezz tal-argumenti kollha tagħha msemmija fil-punti 168 sa 169 iktar ’il fuq, ma jistax jiġi konkluż li l-Kumitat għall-Istima tar-Riskji kiser l-Artikolu 64(3) tar-Regolament Nru 1907/2006 billi staqsa mistoqsijiet addizzjonali fuq il-mertu tal-applikazzjoni għal awtorizzazzjoni, filwaqt li kien ikkonkluda li l-applikazzjoni għal awtorizzazzjoni kienet konformi mar-rekwiżiti tal-Artikolu 62 tal-istess regolament.

178    Konsegwentement, ebda żball ta’ liġi ma jista’ jiġi attribwit lill-Kummissjoni fl-adozzjoni tad-deċiżjoni dwar it-talba għal eżami mill-ġdid intern, u dan b’mod li r-raba’ parti tal-ewwel motiv għandu jiġi miċħud. Għaldaqstant, l-ewwel motiv għandu jiġi miċħud fl-intier tiegħu.

 Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni li jivvizzjaw l-evalwazzjoni soċjo-ekonomika msemmija fl-Artikolu 60(4) tar-Regolament Nru 1907/2006

179    It-tieni motiv invokat mir-rikorrenti huwa intiż sabiex juri l-eżistenza ta’ żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni li jivvizzjaw l-evalwazzjoni soċjo-ekonomika, kif prevista fl-Artikolu 60(4) tar-Regolament Nru 1907/2006, li fuqha l-Kummissjoni bbażat ruħha sabiex tagħti l-awtorizzazzjoni, u sabiex imbagħad tiċħad it-talba għal eżami mill-ġdid intern. Dan il-motiv jinqasam fi tliet partijiet.

–       Fuq l-ewwel parti, ibbażata fuq żbalji ta’ liġi u fuq żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni li jivvizzjaw l-qafas ta’ referenza tal-evalwazzjoni soċjo-ekonomika

180    Ir-rikorrenti tikkunsidra li d-deċiżjoni ta’ awtorizzazzjoni kellha bħala “qafas ta’ referenza” l-użu tad-DEHP, kif dan kien issemma mill-applikanti għall-awtorizzazzjoni fl-applikazzjoni għal awtorizzazzjoni.

181    F’dan il-każ, l-allegat żball ta’ liġi li jivvizzja dan il-“qafas ta’ referenza”, jiġifieri l-iżball li jirriżulta mill-interpretazzjoni, magħmula mill-applikanti għall-awtorizzazzjoni, tal-kunċett ta’ “użu” previst fl-Artikolu 56(1)(a) tar-Regolament Nru 1907/2006, imqajjem fil-kuntest tal-ewwel parti tal-ewwel motiv, jivvizzja wkoll l-evalwazzjoni, imwettqa mill-Kummissjoni, tal-benefiċċji allegati tal-“użu” li huma s-suġġett tal-applikazzjoni għal awtorizzazzjoni. Kif hija spjegat fit-talba għal eżami mill-ġdid intern, l-ebda benefiċċju soċjo-ekonomiku ma jista’ jirriżulta mill-“użu” ta’ sustanza ta’ tħassib serju ħafna li ma taqdi ebda funzjoni. Bi tweġiba għal dan l-argument, il-Kummissjoni għal darb’oħra ddikjarat fid-deċiżjoni dwar it-talba għal eżami mill-ġdid interna li l-funzjoni rilevanti tad-DEHP kienet li “jnaqqas l-ammont ta’ plastifikanti li għandu jiġi miżjud għall-produzzjoni ta’ oġġetti tal-PVC artab”. Issa, skont ir-rikorrenti, il-fatt li “jitnaqqas l-ammont ta’ plastifikanti li għandu jiġi miżjud għall-produzzjoni ta’ oġġetti tal-PVC artab” ma huwiex “funzjoni” konformi mar-rekwiżiti tar-Regolament Nru 1907/2006.

182    Barra minn hekk, bl-użu tal-“istess elementi” sabiex tiddeskrivi l-“użu” li jaqa’ taħt l-Artikolu 56(1)(a) tar-Regolament Nru 1907/2006, minn naħa, u biex tiddeskrivi l-“benefiċċju” soċjo-ekonomiku skont l-Artikolu 60(4)(b) tar-Regolament Nru 1907/2006, min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni wettqet ukoll żball ta’ liġi fl-interpretazzjoni tagħha tal-kunċett ta’ “benefiċċju”.

183    Il-Kummissjoni tikkontesta dan l-argument.

184    Preliminarjament, għandu jiġi enfasizzat li l-argumenti kollha invokati mir-rikorrenti insostenn tal-ewwel parti tat-tieni motiv tagħha huma bbażati fuq il-premessa esposta mir-rikorrenti fil-kuntest tal-ewwel parti tal-ewwel motiv, li tgħid li l-mod kif il-Kummissjoni interpretat il-kunċett ta’ “użu”, imsemmi b’mod partikolari fil-punt 24 tal-Artikolu 3, fl-Artikolu 56(1)(a), u fl-Artikolu 60 tar-Regolament Nru 1907/2006, jikkostitwixxi żball ta’ liġi.

185    Issa, kif ġie rrilevat fil-punti 63 sa 91 iktar ’il fuq, din l-istituzzjoni ma wettqet l-ebda żball ta’ liġi f’dan ir-rigward.

186    Barra minn hekk, fir-rigward tal-argument dwar l-“istess elementi” li l-Kummissjoni allegatament użat sabiex tiddeskrivi l-użu inkwistjoni f’dan il-każ u l-benefiċċji soċjo-ekonomiċi (ara l-punt 182 iktar ’il fuq), għandha ssir distinzjoni ta’ dan li ġej.

187    Sa fejn, permezz ta’ dan l-argument, ir-rikorrenti tipprova ttenni l-argument tagħha bbażat fuq l-ipoteżi li l-mod li bih il-Kummissjoni interpretat il-kunċett ta’ “użu” wassal għal żball ta’ liġi wkoll fir-rigward tal-kunċett ta’ “benefiċċju”, dan l-argument għandu jiġi miċħud, mingħajr ma jkun hemm biss ħtieġa li tingħata definizzjoni tal-kunċett ta’ “benefiċċju”. Fil-fatt, kif ġie rrilevat fil-punt 185 hawn fuq, din l-istituzzjoni ma wettqet l-ebda żball ta’ liġi f’dan ir-rigward.

188    Jekk, għall-kuntrarju, l-ilment dwar l-“istess elementi” li l-Kummissjoni allegatament użat sabiex tiddeskrivi l-użu inkwistjoni f’din il-kawża u l-benefiċċji soċjo-ekonomiċi (ara l-punt 182 iktar ’il fuq) għandu jinftiehem bħala li huwa argument addizzjonali, għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrenti ma tippreċiżax b’mod issostanzjat fiex jikkonsistu dawn l-“istess elementi”.

189    F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-ewwel parti tat-tieni motiv għandha tiġi miċħuda bħala infondata.

–       Fuq it-tieni parti, ibbażata fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni li jivvizzja l-evalwazzjoni tal-bilanċ bejn ir-riskji u l-benefiċċji

190    Skont ir-rikorrenti, l-eżistenza ta’ żball manifest ta’ evalwazzjoni fid-dawl tal-Artikolu 60(4) tar-Regolament Nru 1907/2006 li jivvizzja d-deċiżjoni dwar it-talba għal eżami mill-ġdid intern għandha tiġi stabbilita mill-elementi li ġejjin.

191    L-ewwel nett, fid-dawl tal-fatt li, skont il-Kumitat għall-Istima tar-Riskji, ir-riskju għas-saħħa tal-ħaddiema ma setax jiġi kkwantifikat, la l-Kumitat għall-Analiżi Soċjo-ekonomika u lanqas, konsegwentement, il-Kummissjoni ma seta’ jkollhom l-informazzjoni meħtieġa sabiex jiddeċiedu fuq l-evalwazzjoni Soċjo-ekonomika. Fl-assenza ta’ kwantifikazzjoni tar-riskju għas-saħħa tal-ħaddiema, l-ibbilanċjar sottostanti tar-riskji u tal-benefiċċji msemmija fl-Artikolu 60(4) tar-regolament Nru 1907/2006 ma setax jitwettaq b’mod korrett. Għalhekk, l-argument tal-Kummissjoni espress fid-deċiżjoni dwar it-talba għal eżami mill-ġdid intern, li jgħid li, minn naħa, essenzjalment, kellu jiġi segwit l-approċċ tal-Kumitat għall-Analiżi Soċjo-ekonomika, li, min-naħa tiegħu, kien “ikkonkluda, abbażi ta’ analiżi kwalitattiva tal-informazzjoni disponibbli, li l-benefiċċji tat-tkomplija tal-użu kienu ikbar mir-riskji” u, min-naħa l-oħra, jgħid li l-evalwazzjoni soċjo-ekonomika kienet sodisfaċenti, ikun assurd. Ċertament, l-Artikolu 60(4) tar-Regolament Nru 1907/2006 ma jippreċiżax jekk ir-riskju għandux ikun ikkwantifikat. Madankollu, skont il-punti 6.1 sa 6.5 tal-Anness I tar-Regolament Nru 1907/2006, ir-rapport dwar is-sigurtà kimika jeħtieġ kwantifikazzjoni tar-riskju għas-saħħa tal-bniedem, sakemm ma jkunx possibbli li jiġi stabbilit Livell Derivat ta’ Bla Effett (“Desired No-Effect level”, iktar ’il quddiem id-“DNEL”) u Konċentrazzjoni ta’ Bla Effett Previst (“Predicted no effect concentration”). Issa, f’dan il-każ, l-applikazzjoni għal awtorizzazzjoni tqis li d-DEHP hija “sustanza li timmarka limitu”, jiġifieri DNEL u PNEC setgħu jiġu ddeterminati.

192    Bl-istess mod, ir-rikorrenti tosserva li l-Kumitat għall-Istima tar-Riskji ma setax jikkwantifika r-riskju, u dan mhux għax qies li dan ma kienx possibbli minħabba l-għarfien xjentifiku attwali, pereżempju, minħabba li ma kienx possibbli li jiġi stabbilit DNEL, iżda minħabba li l-informazzjoni dwar ix-xenarji ta’ esponiment tal-ħaddiema kienu insuffiċjenti. Issa, “tali sitwazzjoni tmur kontra l-prinċipju bażiku tal-awtorizzazzjoni”, li jeżiġi li l-applikant għandu jagħti prova li r-riskju marbut mal-użu tas-sustanza huwa adegwatament ikkontrollat, skont l-Artikolu 60(2) tar-Regolament Nru 1907/2006, jew, jekk ma jistax juri kontroll adegwat, li l-applikant ta’ awtorizzazzjoni juri li l-benefiċċji tat-tkomplija tal-użu tas-sustanza huma ikbar mir-riskji, kif huwa previst fl-Artikolu 60(4) tar-Regolament Nru 1907/2006. F’dan il-każ, fi kwalunkwe każ, l-applikanti għall-awtorizzazzjoni ma pprovdewx id-data kollha meħtieġa biex titwettaq l-evalwazzjoni.

193    Bi tweġiba lill-Kummissjoni, ir-rikorrenti ssostni li qajmet dawn l-argumenti għall-ewwel darba mhux fil-kuntest ta’ din l-azzjoni, iżda fit-talba għal eżami mill-ġdid intern. Fil-fatt, il-konklużjonijiet tal-Kumitat għall-Istima tar-Riskji u tal-Kumitat għall-Analiżi Soċjo-ekonomika, li jissenjalaw in-nuqqasijiet li jikkostitwixxu l-assenza ta’ analiżi soċjo-ekonomika kompluta u l-assenza ta’ evalwazzjoni tal-impatt fuq is-saħħa tal-bniedem, kienu ġew espressament imsemmija fit-talba tagħha għal eżami mill-ġdid intern.

194    Il-Kummissjoni tikkontesta dan l-argument.

195    Preliminarjament, għandu jiġi rrilevat li, kuntrarjament għal dak li tallega r-rikorrenti, l-argument intiż sabiex juri l-eżistenza ta’ żball manifest ta’ evalwazzjoni mwettaq mill-Kummissjoni fl-applikazzjoni tal-Artikolu 60(4) tar-Regolament Nru 1907/2006, inkwantu fid-deċiżjoni dwar it-talba għal eżami mill-ġdid intern din l-istituzzjoni kienet approvat l-approċċ segwit mill-Kumitat għall-Analiżi Soċjo-ekonomika, liema kumitat, min-naħa tiegħu, kien “ikkonkluda, abbażi ta’ analiżi kwalitattiva tal-informazzjoni disponibbli, li l-benefiċċji tat-tkomplija tal-użu kienu ikbar mir-riskji”, ma ġiex invokat bħala tali fit-talba għal eżami mill-ġdid intern.

196    Fil-fatt, l-argumenti invokati mir-rikorrenti dwar il-benefiċċji u dwar jekk dawn ipattux għar-riskji li s-sustanza DEHP għandha għas-saħħa tal-bniedem, kif invokati fil-punti 93 sa 100 tat-talba għal eżami mill-ġdid intern, kienu jirrigwardaw, ċertament, xi aspetti relatati ma’ din il-kwistjoni. Dawn l-elementi ġew miġbura mir-rikorrenti fil-punt 99 tat-talba għal eżami mill-ġdid intern. Skont dan il-punt, “[g]lobalment, l-applikanti għall-awtorizzazzjoni ma rnexxilhomx jipprovaw li l-benefiċċji soċjo-ekonomiċi tal-użu kontinwu ta’ DEHP kienu ikbar mir-riskji skont it-tifsira tal-Artikolu 60[(4) tar-Regolament Nru 1907/2006], peress li 1) is-sustanza ma [kellhiex] funzjoni; 2) l-applikanti għall-awtorizzazzjoni kienu ddikjaraw b’mod inkorrett li l-użu tad-DEHP ma kienx jinvolvi riskji u 3) l-analiżi soċjo-ekonomika kienet tiffoka prinċipalment fuq l-impatt li seta’ jkollu rifjut ta’ awtorizzazzjoni”.

197    Min-naħa l-oħra, fit-talba għal eżami mill-ġdid intern ma jissemma mkien l-argument dwar il-kwistjoni dwar x’effetti kellha jew li seta’ jkollha l-assenza ta’ kwantifikazzjoni tar-riskju għas-saħħa tal-ħaddiema, kif ikkonstatata mill-Kumitat għall-Istima tar-Riskji fl-opinjoni tiegħu mfassla skont it-tieni sentenza tal-Artikolu 60(4) tar-Regolament Nru 1907/2006, moqri flimkien mal-Artikolu 64(1) ta’ dan ir-regolament, dwar il-bilanċ bejn ir-riskji u l-benefiċċji soċjo-ekonomiċi mill-użu tad-DEHP.

198    F’dan ir-rigward u għal raġunijiet ta’ kompletezza, għandu jiġi enfasizzat li s-silta tad-deċiżjoni dwar it-talba għal eżami mill-ġdid intern iċċitata mir-rikorrenti sabiex turi li l-Kummissjoni kienet effettivament ittrattat l-argument tagħha dwar l-impatt tal-assenza ta’ kwantifikazzjoni tar-riskju għas-saħħa tal-ħaddiema fuq il-bilanċ bejn ir-riskji u l-benefiċċji soċjo-ekonomiċi, jiġifieri s-silta fejn il-Kumitat għall-Analiżi Soċjo-ekonomika “kkonkluda, abbażi ta’ analiżi kwalitattiva tal-informazzjoni disponibbli, li l-benefiċċji tat-tkomplija tal-użu kienu ikbar mir-riskji”, hija ridotta u barra mill-kuntest tagħha.

199    Fil-fatt, f’din is-silta tad-deċiżjoni dwar it-talba għal eżami mill-ġdid intern, il-Kummissjoni ma rrispondietx għall-argument dwar l-insuffiċjenzi tar-rapport dwar is-sigurtà kimika dwar id-DEHP minħabba l-assenza ta’ kwantifikazzjoni tar-riskji għas-saħħa tal-ħaddiema esposti għal din is-sustanza. Fil-fatt, permezz tal-kliem imsemmi fil-punt 193 iktar ’il fuq, il-Kummissjoni rrispondiet għall-argument tar-rikorrenti mqajjem fil-punti 95 u 99 tat-talba għal eżami mill-ġdid intern, li jgħid li l-analiżi soċjo-ekonomika ppreżentata mill-applikanti għall-awtorizzazzjoni ma wrietx li l-benefiċċji soċjo-ekonomiċi tad-DEHP kienu ikbar mir-riskji ta’ din is-sustanza, peress li din l-analiżi kienet titlaq mill-premessa żbaljata li din is-sustanza assolutament ma kellha ebda riskju.

200    F’dawn iċ-ċirkustanzi, hemm lok li jiġi kkunsidrat li l-argument tar-rikorrenti espost fil-punti 190 sa 192 iktar ’il fuq ma kienx inkluż fit-talba għal eżami mill-ġdid intern. Għall-istess raġunijiet bħal dawk li jinsabu fil-punti 55 sa 58 iktar ’il fuq, dan għandu, għaldaqstant, jiġi miċħud bħala inammissibbli.

201    Barra minn hekk u fi kwalunkwe każ, fuq il-mertu, dan l-argument huwa infondat.

202    Fil-fatt, ir-rikorrenti ssostni, essenzjalment, li l-bilanċ bejn il-benefiċċji soċjo-ekonomiċi u r-riskji li jġib miegħu l-użu tad-DEHP għas-saħħa tal-bniedem, kif imwettaq mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni dwar it-talba għal eżami mill-ġdid intern, fih nuqqasijiet u dan minħabba l-fatt li wieħed mill-elementi, jiġifieri r-riskju li l-użu tad-DEHP għandu għall-ħaddiema, ma setax ikun “ikkwantifikat”, filwaqt li l-Kummissjoni, li, barra minn hekk, ma kisritx dan l-aspett, tenfasizza li hija adottat l-opinjoni tal-Kumitat għall-Analiżi Soċjo-ekonomika li kien għamel analiżi “kwalitattiva” f’dan ir-rigward.

203    Għal dan l-argument, hemm lok li r-risposta tkun li l-bilanċ bejn il-benefiċċji soċjo-ekonomiċi u r-riskji li jġib miegħu l-użu tad-DEHP għas-saħħa tal-bniedem ma kellux jillimita ruħu għat-teħid inkunsiderazzjoni ta’ elementi kwantitattivi. Barra minn hekk, meta ma jkunx hemm biżżejjed evidenza biex jiġi “kkwantifikat” riskju, xorta jibqa’ l-fatt li dan tal-aħħar jista’ jiġi vvalutat ukoll permezz ta’ elementi kwalitattivi.

204    Minn dak li ntqal jirriżulta li t-tieni parti tat-tieni motiv għandha tiġi miċħuda bħala inammissibbli u, fi kwalunkwe każ, bħala infondata.

–       Fuq it-tielet parti, ibbażata fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni minħabba n-nuqqas ta’ teħid inkunsiderazzjoni ta’ informazzjoni fil-kuntest tal-evalwazzjoni soċjo-ekonomika

205    Skont ir-rikorrenti, sa fejn, fl-applikazzjoni tal-Artikolu 60(4)(d) tar-Regolament Nru 1907/2006, il-Kummissjoni ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-informazzjoni relatata mal-proprjetajiet tad-DEHP bħala perturbatur tas-sistema endokrinali, din l-istituzzjoni wettqet “żball manifest ta’ liġi u ta’ evalwazzjoni”.

206    Fil-fatt, l-espressjoni “informazzjoni disponibbli” li tinsab f’din id-dispożizzjoni għandha tinftiehem fis-sens li tirreferi għall-informazzjoni kollha li effettivament kienet għad-dispożizzjoni tal-Kummissjoni fil-mument tal-evalwazzjoni tal-applikazzjoni għal awtorizzazzjoni. Minħabba li d-DEHP kien ġie identifikat f’Diċembru 2014 mill-ECHA bħala sustanza ta’ tħassib serju ħafna fis-sens tal-Artikolu 57(f) tar-Regolament Nru 1907/2006 minħabba l-proprjetajiet tagħha li jfixklu s-sistema endokrinali li huma ta’ tħassib serju ħafna (ara l-punt 7 iktar ’il fuq), il-Kummissjoni kien, f’dan il-każ, imissha ħadet inkunsiderazzjoni l-informazzjoni dwar il-proprjetajiet ta’ din is-sustanza bħala perturbatur tas-sistema endokrinali skont l-Artikolu 60(4)(d) tar-Regolament Nru 1907/2006. Fi kwalunkwe każ, il-formulazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni ma tippreċiżax li hija biss l-informazzjoni li hija “disponibbli għall-applikanti” li tista’ tiġi eżaminata.

207    Skont ir-rikorrenti, ċertament, il-Kummissjoni ipprovat tiġġustifika dan l-aħħar approċċ billi, fil-punt 3.2 tad-deċiżjoni dwar it-talba għal eżami mill-ġdid intern iddikjarat li “[w]ieħed ma setax jistenna li l-[applikanti għall-awtorizzazzjoni] jkunu antiċipaw l-identifikazzjoni ta’ proprjetà perikoluża addizzjonali tad-DEHP meta [dawn ippreparaw] l-applikazzjoni għal awtorizzazzjoni, matul is-snin 2012-2013, [peress] li din il-proprjetà ġiet identifikata biss [f’Diċembru 2014, jiġifieri,] 15-il xahar iktar tard”. Madankollu, il-kliem tal-Artikolu 60(4)(d) tar-Regolament Nru 1907/2006 ma jinkludi ebda dispożizzjoni li tispeċifika li hija biss l-informazzjoni li tkun disponibbli għall-applikanti li tista’ tiġi eżaminata. Fil-fatt, skont l-Artikolu 60(4) tar-Regolament Nru 1907/2006, l-obbligu ta’ evalwazzjoni tal-Kummissjoni ma jista’ jkun suġġett għal ebda limitazzjoni fir-rigward tat-tip ta’ perikolu għas-saħħa tal-bniedem u l-ambjent li għandu jiġi eżaminat u ma jistax ikun suġġett għar-restrizzjoni li biha tkun l-evidenza riċevuta mingħand l-applikanti għal awtorizzazzjoni biss li għandha tittieħed inkunsiderazzjoni.

208    F’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat li t-testi rilevanti għall-evalwazzjoni soċjo-ekonomika huma l-Artikolu 62(5)(a), u l-Anness XVI tar-Regolament Nru 1907/2006. Issa, dan l-anness mhuwiex limitat għall-“benefiċċji għas-saħħa tal-bniedem u l-ambjent” ta’ rifjut ta’ awtorizzazzjoni bbażat fuq il-perikoli elenkati fl-Anness XIV tal-istess regolament. Għalhekk, hemm lok li jiġi konkluż li l-informazzjoni dwar il-proprjetajiet perikolużi li mhumiex imsemmija fl-Anness XIV tar-Regolament Nru 1907/2006 għandhom jiġu kkunsidrati diġà fil-fażi tat-tħejjija tal-evalwazzjoni soċjo-ekonomika skont l-Artikolu 60(4) tal-istess regolament.

209    L-argument tal-Kummissjoni invokat fid-difiża tagħha, li jgħid li l-fatt li l-applikanti għal awtorizzazzjoni jintalbu jippreżentaw informazzjoni dwar ir-riskju riżultanti marbut mal-proprjetajiet ta’ tħassib serju ħafna li ma kinux ġew identifikati waqt il-preżentazzjoni tal-applikazzjoni għal awtorizzazzjoni jikser kompletament il-prinċipju ta’ ċertezza legali, ma huwiex, skont ir-rikorrenti, konvinċenti. Fil-fatt, dan l-argument huwa kontradett mill-ġurisprudenza stabbilita fuq l-aspettattivi leġittimi, li tistabbilixxi li l-operaturi ekonomiċi ma humiex ġustifikati li jqiegħdu l-aspettattivi leġittimi tagħhom fiż-żamma ta’ sitwazzjoni eżistenti li tista’ tiġi emendata fil-kuntest tas-setgħa diskrezzjonali tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni. L-applikanti għal awtorizzazzjoni għaldaqstant ma jkunux jistgħu leġittimament jistennew li s-sustanzi li jużaw jew jipproduċu ma joħolqux “tħassib serju ħafna” addizzjonali għal dawk li l-inklużjoni tagħhom fil-lista msemmija fl-Anness XIV tar-Regolament Nru 1907/2006 diġà ġiet iġġustifikata.

210    Il-Kummissjoni tikkontesta dan l-argument.

211    Preliminarjament, għandu jiġi rrilevat li, skont l-Artikolu 60(4)(d) tar-Regolament Nru 1907/2006, id-deċiżjoni ta’ awtorizzazzjoni hija adottata mill-Kummissjoni wara li jittieħed kont ta’ “informazzjoni disponibbli dwar ir-riskji għas-saħħa tal-bniedem jew għall-ambjent ta’ kwalunkwe sustanza jew teknoloġija alternattiva”.

212    Min-naħa l-oħra, kuntrarjament għal dak li jidher li qed tissuġġerixxi r-rikorrenti (ara l-punti 205 u 206 iktar ’il fuq), l-Artikolu 60(4)(d) tar-Regolament Nru 1907/2006 la b’mod espliċitu u lanqas b’mod impliċitu ma jsemmi l-proprjetajiet intrinsiċi tas-sustanza ta’ tħassib serju ħafna kkonċernata.

213    L-istess konklużjoni tista’ tinsilet mhux biss mill-kliem ta’ din id-dispożizzjoni iżda wkoll mill-kuntest tagħha. Fil-fatt, fil-kuntest tal-Artikolu 60(4) tar-Regolament Nru 1907/2006, il-proprjetajiet intrinsiċi tas-sustanzi ta’ tħassib serju ħafna huma msemmija b’mod impliċitu fl-ewwel sentenza u fil-punt (a) tat-tieni sentenza ta’ din id-dispożizzjoni.

214    Għalhekk, il-fatt li l-Kummissjoni ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-proprjetajiet intrinsiċi tad-DEHP bħala perturbatur tas-sistema endokrinali jista’ jikkostitwixxi l-iktar l-iktar ksur tal-ewwel sentenza u tal-punt (a) tat-tieni sentenza tal-Artikolu 60(4) tar-Regolament Nru 1907/2006.

215    Madankollu, ebda ksur tal-Artikolu 60(4)(d) tar-Regolament Nru 1907/2006 ma jista’ jiġi aċċettat.

216    Barra minn hekk, b’mod sussidjarju, għandu jiġi rrilevat li fil-kuntest tar-risposta li għandha tingħata għall-kwistjoni ta’ jekk intweriex li l-vantaġġi soċjo‑ekonomiċi huma ikbar mir-riskji li jirriżultaw mill-użu tas-sustanza [ta’ tħassib serju ħafna] għas-saħħa tal-bniedem jew għall-ambjent, kif tali riskji huma msemmija espressament fl-ewwel sentenza tal-Artikolu 60(4) tar-Regolament Nru 1907/2006 u kif isir riferiment għalihom b’mod impliċitu fil-punt (a) tat-tieni sentenza tal-Artikolu 60(4) tal-imsemmi regolament, il-Kummissjoni hija, ċertament, obbligata teżamina ex officio l-informazzjoni kollha rilevanti li hija jkollha fil-mument tal-adozzjoni tad-deċiżjoni ta’ awtorizzazzjoni, mingħajr ma l-valutazzjoni tar-riskji tkun limitata għall-eżami tal-informazzjoni pprovduta fl-applikazzjoni għal awtorizzazzjoni. Fil-fatt, ir-rwol ta’ din l-istituzzjoni waqt evalwazzjoni tar-riskji ma huwiex dak ta’ arbitru b’kompetenza limitata li tippermettilu jiddeċiedi biss fid-dawl tal-informazzjoni u tal-provi prodotti mill-applikant għall-awtorizzazzjoni.

217    Huwa veru li ma jirriżultax direttament mill-kliem tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 60(4) tar-Regolament Nru 1907/2006 li l-istima tar-riskji li għandha twettaq il-Kummissjoni għandha tiddependi biss fuq informazzjoni dwar il-proprjetajiet intrinsiċi tas-sustanza eżaminata, hekk kif imsemmija fl-Anness XIV tar-Regolament Nru 1907/2006, jew jekk, f’dan ir-rigward, il-Kummissjoni hijiex pjuttost obbligata tieħu inkunsiderazzjoni wkoll il-proprjetajiet ta’ sustanza li mhumiex inklużi f’dan l-anness, iżda fil-lista tas-sustanzi kandidati.

218    F’dan ir-rigward għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 60(2) tar-Regolament Nru 1907/2006, għandha tingħata awtorizzazzjoni jekk ir-riskju għas-saħħa tal-bniedem jew għall-ambjent mill-użu ta’ sustanza “li jkun ġej mill-proprjetajiet intrinsiċi speċifikati fl-Anness XIV [tal-imsemmi regolament]” ikun ikkontrollat adegwatament skont it-Taqsima 6.4 tal-Anness I u kif dokumentat fir-rapport ta’ sigurtà kimika tal-applikant għall-awtorizzazzjoni.

219    Bi qbil mal-Artikolu 60(2) tar-Regolament Nru 1907/2006, l-Artikolu 62(4)(d) tar-Regolament Nru 1907/2006 jipprovdi li applikazzjoni għal awtorizzazzjoni għandha tinkludi b’mod partikolari, jekk mhux diġà ppreżentati bħala parti mir-reġistrazzjoni, rapport dwar is-sigurtà kimika, redatt skont l-Anness I ta’ dan ir-regolament, li jkopri r-riskju għas-saħħa tal-bniedem jew għall-ambjent mill-użu tas-sustanza jew tas-sustanzi “li jkun ġej mill-proprjetajiet intrinsiċi speċifikati fl-Anness XIV [tal-istess regolament]”.

220    F’dawn iċ-ċirkustanzi, fid-dawl tal-Artikolu 60(2) u tal-Artikolu 62(4)(d) tar-Regolament Nru 1907/2006, għandu jiġi konkluż li hija biss id-data li tirrigwarda l-proprjetajiet intrinsiċi ta’ sustanza li ġiet inkluża fl-Anness XIV tar-Regolament Nru 1907/2006 li hija rilevanti għall-istima tar-riskji, imsemmija fl-ewwel sentenza tal-Artikolu 60(4) tar-Regolament Nru 1907/2006.

221    Min-naħa l-oħra, kwalunkwe informazzjoni dwar il-proprjetajiet intrinsiċi ta’ sustanza li ma kinitx is-suġġett ta’ inklużjoni f’dan l-Anness XIV ma għandhiex tittieħed inkunsiderazzjoni matul l-evalwazzjoni, u dan anki jekk dawn il-proprjetajiet intrinsiċi jkunu diġà ġew inklużi fil-lista tas-sustanzi kandidati prevista fl-Artikolu 59(1) tar-Regolament Nru 1907/2006.

222    Fil-fatt, l-inklużjoni ta’ sustanza fil-lista tas-sustanzi kandidati, minn naħa, u l-inklużjoni fl-Anness XIV tar-Regolament Nru 1907/2006, min-naħa l-oħra, huma żewġ fażijiet differenti tal-proċedura ta’ awtorizzazzjoni prevista fir-Regolament Nru 1907/2006, li huma rregolati minn regoli proprji tagħhom, għandhom għanijiet li jikkoinċidu biss parzjalment u, parzjalment, huma bbażati fuq kriterji ta’ evalwazzjoni differenti.

223    Barra minn hekk, kif jirriżulta mit-terminu “jistgħu” imsemmi fl-Artikolu 57 tar-Regolament Nru 1907/2006, is-sempliċi inklużjoni ta’ ċerti proprjetajiet intrinsiċi ta’ sustanza fil-lista tas-sustanzi kandidati ma twassalx neċessarjament jew awtomatikament għal inklużjoni ta’ dawn il-proprjetajiet fl-Anness XIV tar-Regolament Nru 1907/2006. Min-naħa l-oħra, hekk kif jirriżulta mill-Artikolu 58 tar-Regolament Nru 1907/2006, jeħtieġ ukoll li tittieħed deċiżjoni f’dan ir-rigward f’konformità mal-kundizzjonijiet kollha msemmija f’din l-aħħar dispożizzjoni. Id-deċiżjoni li sustanza tiġi inkluża fl-Anness XIV tar-Regolament Nru 1907/2006 hija adottata mill-Kummissjoni fuq rakkomandazzjoni mogħtija mill-ECHA li tieħu inkunsiderazzjoni l-opinjoni mogħtija minn qabel mill-Kumitat tal-Istati Membri u l-osservazzjonijiet, b’mod partikolari dwar l-użu li għandu jiġi eżenti mill-obbligu ta’ awtorizzazzjoni skont l-Artikolu 58(2) tal-istess regolament, ipprovduti mill-partijiet ikkonċernati fl-ambitu ta’ konsultazzjoni pubblika prevista fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 58(4) tal-imsemmi regolament (sentenza tal-25 ta’ Settembru 2015, VECCO et vs Il-Kummissjoni, T‑360/13, EU:T:2015:695, punt 30).

224    Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, l-argumenti tar-rikorrenti mressqa insostenn tat-tielet parti tat-tieni motiv u msemmija fil-punti 205 sa 209 iktar ’il fuq, għandhom jiġu miċħuda bħala infondati. Konsegwentement, peress li t-tliet partijiet tat-tieni motiv ġew miċħuda, hemm lok li t-tieni motiv jiġi miċħud fl-intier tiegħu.

 Fuq it-tielet motiv, ibbażat fuq żbalji ta’ liġi u żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni fir-rigward tal-Artikolu 60(4) u (5) tar-Regolament Nru 1907/2006 dwar l-analiżi tal-alternattivi

225    It-tielet motiv invokat mir-rikorrenti jinqasam f’żewġ ilmenti intiżi li juru l-eżistenza ta’ żbalji ta’ liġi u ta’ żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni li jivvizzjaw l-applikazzjoni, mill-Kummissjoni, tal-Artikolu 60(4) u (5) tar-Regolament Nru 1907/2006 fil-każ ineżami, u dan, b’mod iktar preċiż, fid-dawl tal-evalwazzjoni, mill-Kummissjoni, tal-fattibbiltà ekonomika, għall-applikanti għall-awtorizzazzjoni, tal-alternattivi li jikkonċernaw id-DEHP.

226    Fl-ewwel lok, l-analiżi pprovduta mill-applikanti għall-awtorizzazzjoni ikkonċentrat fuq “qafas ta’ referenza” żbaljat, jiġifieri s-sostituzzjoni ta’ fluss ta’ skart, b’kuntrast mas-sostituzzjoni tad-DEHP fi proċess industrijali u wasslet għal interpretazzjoni żbaljata, mill-applikanti għall-awtorizzazzjoni, tal-kunċetti ta’ “użu” u ta’ “alternattiva”, – interpretazzjoni li mbagħad intużat fid-deċiżjoni tal-awtorizzazzjoni. Bħala tweġiba għal dan l-argument imqajjem mir-rikorrenti fit-talba tagħha għal eżami mill-ġdid intern, il-Kummissjoni, fid-deċiżjoni dwar it-talba għal eżami mill-ġdid intern, irrepetiet l-evalwazzjoni tagħha fir-rigward tal-funzjoni tad-DEHP bħala sustanza li “tnaqqas l-ammont ta’ plastifikanti li għandu jiġi miżjud għall-produzzjoni ta’ oġġetti tal-PVC”. Dawn l-iżbalji ta’ liġi kienu riflessi fid-deċiżjoni dwar it-talba għal eżami mill-ġdid intern f’dak li jirrigwarda l-analiżi tal-alternattivi u wasslu sabiex din l-aħħar deċiżjoni tkun ivvizzjata minn żball ta’ liġi.

227    Fit-tieni lok, ir-rikorrenti ssostni li d-deċiżjoni dwar it-talba għal eżami mill-ġdid intern approvat interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “evalwazzjoni” tal-alternattivi li tmur kontra l-Artikolu 60(5) tar-Regolament Nru 1907/2006.

228    L-ewwel nett, ir-rikorrenti tindika li, fid-dawl tal-fatt li l-applikanti għall-awtorizzazzjoni kienu pprovdew kalkolu mgħaġġel li kien fih informazzjoni kunfidenzjali dwar l-ispejjeż u peress li l-Kumitat għall-Analiżi Soċjo-ekonomika ma kienx irnexxielu jsib informazzjoni adegwata fil-qasam pubbliku, dan il-kumitat ma setax jivverifika l-“medda tal-prezzijiet ta’ dawn il-flussi ta’ skart”]. Min-naħa tagħha, il-Kummissjoni indikat dan l-element fid-deċiżjoni dwar it-talba għal eżami mill-ġdid intern. F’dan ir-rigward, hija żiedet li “peress li l-konsultazzjoni pubblika ma kinix tat informazzjoni kontradittorja dwar iċ-ċifri prodotti mill-[applikanti għall-awtorizzazzjoni], il-Kumitat għall-Analiżi Soċjo-ekonomika kkonkluda li dawn kienu realistiċi”.

229    B’dan il-mod, il-Kummissjoni fil-fatt ikkunsidrat li kien legali li l-Kumitat għall-Analiżi Soċjo-ekonomika jippreżumi l-affidabbiltà tal-informazzjoni pprovduta mill-applikanti għall-awtorizzazzjoni sakemm tali informazzjoni tkun direttament kontradetta mill-osservazzjonijiet ippreżentati minn partijiet terzi. Madankollu, dan l-approċċ imur kontra l-obbligu għall-Kummissjoni li tivvaluta l-aspetti rilevanti kollha tal-alternattivi, inkluża l-fattibbiltà ekonomika tagħhom, u dan huwa obbligu impost fuq din l-istituzzjoni skont l-Artikolu 60(4) u l-Artikolu 60(5)(b) tar-Regolament Nru 1907/2006. F’dan ir-rigward, dan huwa żball manifest li għalih ma hemm l-ebda ġustifikazzjoni plawżibbli. Fil-fatt, skont ir-rikorrenti, l-obbligu li jiġu evalwati “l-aspetti rilevanti kollha” tal-alternattivi, inkluża l-“fattibilità ekonomika” tagħhom, ikun jagħmel sens biss jekk ikun jikkostitwixxi kontroll reali ta’ informazzjoni verifikabbli b’mod indipendenti. L-applikazzjoni ta’ “regola proċedurali” li tippreżupponi l-affidabbiltà tagħha tkun tikkostitwixxi mod sommarju ta’ kif tiġi evitata din l-evalwazzjoni. Għalhekk, hija assolutament ma tikkostitwixxix evalwazzjoni ekonomika.

230    It-tieni nett, skont ir-rikorrenti, approċċ li jikkonsisti fil-preżunzjoni li l-informazzjoni pprovduta mill-applikanti hija affidabbli sakemm terzi juru l-kuntrarju, jikkomprometti l-effettività tal-proċedura ta’ awtorizzazzjoni, għaliex huwa jħajjar lill-applikanti jaħbu l-informazzjoni li tkun tmur kontra l-interessi tagħhom. Barra minn hekk, peress li l-informazzjoni ekonomika tista’ wkoll tkun suġġetta għal restrizzjonijiet ta’ kunfidenzjalità kummerċjali, ma jkunx raġonevoli li wieħed jibbaża ruħu fuq il-fatt li din l-informazzjoni tinstab u tkun ikkomunikata minn partijiet terzi matul il-proċedura ta’ konsultazzjoni.

231    It-tielet nett, ir-rikorrenti ssostni li fil-punt 5.2 tad-deċiżjoni dwar l-eżami mill-ġdid intern, il-Kummissjoni ipprovat tiġġustifika dan l-approċċ billi ddikjarat li “l-fatt li l-Kumitat [għall-Analiżi Soċjo-ekonomika] jenħtieġ jagħmel riċerka indipendenti fir-rigward ta’ din id-data speċifika jkun jikkostitiwixxi oneru sproporzjonat għall-proċedura”. Madankollu, dawn il-motivi huma manifestament żbaljati. F’każ bħal dan, is-“soluzzjoni ovvja” tkun tikkonsisti sempliċement f’li l-applikanti għal awtorizzazzjoni jintalbu jipprovdu numru suffiċjenti ta’ evidenza affidabbli u verifikabbli.

232    Il-Kummissjoni tikkontesta dan l-argument.

233    Preliminarjament, għandu jitfakkar li, hekk kif ġie rrilevat fil-punt 167 iktar ’il fuq, l-argumenti żviluppati mir-rikorrenti fil-kuntest tat-tielet parti tal-ewwel motiv (ara l-punti 152 sa 158 iktar ’il fuq) għandhom jitqiesu bħala mqajma insostenn ta’ dan il-motiv u se jiġu indirizzati fil-kuntest tal-eżami tiegħu. Fil-fatt, sa fejn dawn huma intiżi sabiex jistabbilixxu l-eżistenza ta’ żball ta’ liġi mill-Kummissjoni fl-interpretazzjoni tagħha tal-kunċett ta’ “alternattiva” (ara l-punti 153 sa 156 iktar ’il fuq), dawn l-argumenti żviluppati huma essenzjalment suppliment għall-ewwel ilment imqajjem fil-kuntest ta’ dan il-motiv. Min-naħa l-oħra, l-argumenti l-oħra mressqa mir-rikorrenti insostenn tat-tielet parti tal-ewwel motiv huma intiżi li jissostanzjaw l-eżistenza ta’ żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni (ara l-punti 157 u 158 iktar ’il fuq).

234    Fl-ewwel lok, għandu jinċaħad qabelxejn, bħala inammissibbli, l-argument tar-rikorrenti li l-analiżi tal-alternattivi proposta fl-applikazzjoni għal awtorizzazzjoni kienet insuffiċjenti peress li, fil-fehma tagħha, din l-applikazzjoni ma kinitx tippreċiża l-funzjoni tad-DEHP (ara l-punt 154 iktar ’il fuq).

235    Fil-fatt, din l-azzjoni tista’ tikkonċerna biss il-legalità tad-deċiżjoni dwar it-talba għal eżami mill-ġdid intern u mhux in-natura suffiċjenti jew le tal-applikazzjoni għal awtorizzazzjoni. L-approċċ ġenerali tat-tielet motiv tar-rikors għandu għalhekk ikun dak li tintwera l-eżistenza ta’ eventwali żbalji mwettqa mill-Kummissjoni u mhux żbalji mwettqa mill-applikanti għall-awtorizzazzjoni fl-applikazzjoni għal awtorizzazzjoni.

236    Min-naħa l-oħra, sa fejn huwa intiż li juri l-eżistenza ta’ żbalji li jivvizzjaw id-deċiżjoni dwar it-talba għal eżami mill-ġdid intern, jiġifieri fl-ipoteżi fejn ikollu jiġi konkluż li din id-deċiżjoni tirriproduċi u tadotta l-elementi inklużi fl-applikazzjoni għal awtorizzazzjoni, l-argument imsemmi fil-punt 233 iktar ’il fuq għandu jiġi miċħud bħala infondat. Fil-fatt, indipendentement minn dak li l-applikanti għall-awtorizzazzjoni indikaw, jew ma indikawx, fl-applikazzjoni għal awtorizzazzjoni, il-Kummissjoni identifikat espressament funzjoni tad-DEHP għall-finijiet tal-awtorizzazzjoni inkwistjoni f’dan il-każ.

237    Fit-tieni lok, fir-rigward tar-raġunament żviluppat mir-rikorrenti sabiex turi li l-analiżi tal-alternattivi għandha tkun evalwazzjoni tas-sustanzi jew tat-teknoloġiji li jistgħu jissostitwixxu s-sustanza ta’ tħassib serju ħafna “fi proċess” li tintalab l-awtorizzazzjoni għalih (ara l-punt 165 iktar ’il fuq), għandu jiġi kkonstatat li dan ir-raġunament għandu rabta mal-argument ippreżentat fil-kuntest ta’ dan il-motiv, li jgħid li l-analiżi pprovduta mill-applikanti għall-awtorizzazzjoni ffokat fuq “qafas ta’ referenza” żbaljat, jiġifieri “s-sostituzzjoni ta’ fluss ta’ skart, b’kuntrast mas-sostituzzjoni tad-DEHP fi proċess industrijali”, li wassal għal interpretazzjoni żbaljata, mill-applikanti għall-awtorizzazzjoni, tal-kunċetti ta’ “użu” u ta’ “alternattiva” fid-deċiżjoni ta’ awtorizzazzjoni (ara l-punt 226 iktar ’il fuq). Barra minn hekk, dan ir-raġunament għandu rabta mal-argument li jsostni li l-Kummissjoni allegat li d-DEHP għandu funzjoni li hija inaċċettabbli fid-dawl tar-Regolament Nru 1907/2006, b’tali mod li, finalment, interpretazzjoni żbaljata tal-kunċetti ta’ “użu” u ta’ “alternattiva” li jidhru kemm fl-applikazzjoni għal awtorizzazzjoni kif ukoll fid-deċiżjoni ta’ awtorizzazzjoni, irriżultat fi żball ta’ liġi fid-deċiżjoni dwar it-talba għal eżami mill-ġdid intern (ara l-punt 226 iktar ’il fuq).

238    Issa, kif ġie rrilevat fil-kuntest tal-evalwazzjonijiet dwar l-ewwel parti tal-ewwel motiv, għar-raġunijiet esposti fil-punti 63 sa 91 hawn fuq, huwa possibbli li wieħed jitkellem fuq l-“użu” ta’ sustanza, anki jekk din ma tiġix introdotta b’mod attiv fi “proċess industrijali”. Għaldaqstant, il-Kummissjoni ma wettqitx żball meta kkonkludiet li, f’dan il-każ, kien hemm “użu” tas-sustanza inkwistjoni, kif tinsab “f’taħlita”. F’dan il-kuntest, il-Kummissjoni ma wettqitx żball ta’ liġi meta qieset li waħda mill-funzjonijiet tad-DEHP kien li “jitnaqqas l-ammont ta’ plastifikanti li għandu jiġi miżjud għall-produzzjoni ta’ oġġetti tal-PVC artab abbażi tal-materjal tal-PVC artab riċiklat”. Huwa wkoll mingħajr ma wettqet żball ta’ liġi li l-Kummissjoni telqet mill-premessa, indikata diġà fl-applikazzjoni għal awtorizzazzjoni, li d-DEHP għandu b’mod ġenerali funzjoni ta’ plastifikant. Dawn il-funzjonijiet, li jiġu attivati mhux iktar tard mill-mument li fih il-materjal irriċiklat tal-PVC li jkun fih din is-sustanza jintuża (ara l-punt 71 iktar ’il fuq), ippermettew li jiġi konkluż li d-deċiżjoni ta’ awtorizzazzjoni setgħet tingħata għal “użu” fis-sens tal-punt 24 tal-Artikolu 3, tal-Artikolu 56(1)(a) u tal-Artikolu 60 tar-Regolament Nru 1907/2006.

239    F’dawn il-kundizzjonijiet, kif sostniet ġustament il-Kummissjoni, l-evalwazzjoni tal-alternattivi setgħet, f’dan il-każ, tiffoka fuq it-taħlita iktar milli fuq is-sustanza li tinsab fiha. Min-naħa l-oħra, kuntrarjament għal dak li tallega r-rikorrenti, l-analiżi tal-alternattivi ma kellhiex tkun evalwazzjoni tas-sustanzi jew tat-teknoloġiji li jistgħu jissostitwixxu d-DEHP “fi proċess industrijali”.

240    Għalhekk, l-argument dwar l-analiżi tal-alternattivi relatati ma’ sustanzi jew teknoloġiji li jistgħu jissostitwixxu s-sustanza ta’ tħassib serju ħafna “fi proċess industrijali” għandu jiġi miċħud, u għandhom jiġu miċħuda wkoll l-ilmenti relatati mal-funzjoni ta’ DEHP identifikata mill-Kummissjoni.

241    Fit-tielet lok, għandu jiġi miċħud ukoll l-argument li jgħid li huwa żbaljat li jiġi kkunsidrat li l-użu ta’ PVC verġni jista’ jiġi kklassifikat bħala “alternattiva”, peress li l-produzzjoni ta’ PVC verġni wkoll tuża sustanza ta’ tħassib serju ħafna (ara l-punt 156 iktar ’il fuq).

242    Minn naħa, jidher ċar, essenzjalment, mid-deċiżjoni dwar it-talba għal eżami mill-ġdid intern li, skont il-Kummissjoni, il-fatt li jitnaqqas l-ammont ta’ sustanza ta’ tħassib serju ħafna verġni użata bħala plastifikant bl-użu ta’ sustanza ta’ tħassib serju ħafna rriċiklata jista’ jkun funzjoni konformi mar-Regolament Nru 1907/2006. Huwa fid-dawl ta’ tali funzjoni li l-Kummissjoni eżaminat l-alternattivi. Min-naħa l-oħra, kuntrarjament għal dak li jidher li qed tissuġġerixxi r-rikorrenti, fid-deċiżjoni dwar it-talba għal eżami mill-ġdid intern il-Kummissjoni la kkunsidrat b’mod espliċitu u lanqas b’mod impliċitu li l-użu tal-PVC verġni kien jikkorrispondi għal alternattiva bħala tali.

243    Min-naħa l-oħra, użu li jippermetti li jitnaqqas l-ammont ta’ DEHP, pur jew verġni, li għandu jiġi miżjud f’komposti għall-produzzjoni ta’ oġġetti ġodda magħmula mill-PVC artab la jmur kontra r-rekwiżiti espliċiti u lanqas kontra l-għanijiet tar-Regolament Nru 1907/2006.

244    Fil-fatt, l-għan imsemmi fl-Artikolu 55 tar-Regolament Nru 1907/2006 ma jipprekludix dan. L-għan imsemmi f’din id-dispożizzjoni ma huwiex li jiġu ssostitwiti s-sustanzi ta’ tħassib serju ħafna b’sustanzi jew b’teknoloġiji alternattivi adatti b’mod inkundizzjonat, unilaterali u immedjat. Għall-kuntrarju, hekk kif jirriżulta mill-formulazzjoni ta’ dan l-artikolu, l-għan imsemmi fih huwa dak li “progressivament [gradwalment]” is-sustanzi ta’ tħassib serju ħafna jiġu ssostitwiti b’sustanzi jew b’teknoloġiji alternattivi adatti “fejn dawn ikunu ekonomikament u teknikament vijabbli”. Barra minn hekk, dan l-għan huwa mtenni f’termini kważi identiċi fil-premessa 70 tar-Regolament Nru 1907/2006.

245    Fir-raba’ lok, fir-rigward tal-argumenti dwar l-eżistenza ta’ żball manifest ta’ evalwazzjoni minħabba li, anki jekk wieħed kellu jaċċetta l-funzjoni allegata mill-Kummissjoni, din l-istituzzjoni, fi kwalunkwe każ, ma eżaminatx l-eżistenza tal-alternattivi li jippermettu li jitnaqqas l-ammont ta’ DEHP fil-produzzjoni ta’ oġġetti tal-PVC b’kont meħud ta’ għadd kbir ta’ soluzzjonijiet li jinkludu, b’mod partikolari, l-użu ta’ plastifikanti li mhumiex sustanzi ta’ tħassib serju ħafna (ara l-punt 157 iktar ’il fuq), għandhom jiġu rrilevati l-elementi li ġejjin.

246    Skont il-ġurisprudenza, sabiex jiġi stabbilit li istituzzjoni wettqet żball manifest fl-evalwazzjoni ta’ fatti kumplessi li huwa ta’ natura li jiġġustifika l-annullament ta’ att, il-provi prodotti mir-rikorrenti għandhom ikunu biżżejjed sabiex ixejnu l-plawżibbiltà tal-evalwazzjonijiet tal-fatti sostnuti f’dan l-att. Bla ħsara għal dan l-eżami ta’ plawżibbiltà, il-Qorti Ġenerali ma tistax tissostitwixxi l-evalwazzjoni tal-awtur ta’ din id-deċiżjoni ta’ fatti kumplessi bl-evalwazzjoni tagħha (ara s-sentenza tad-9 ta’ Settembru 2011, Franza vs Il-Kummissjoni, T‑257/07, EU:T:2011:444, punt 86 u l-ġurisprudenza ċċitata). Konsegwentement, il-motiv ibbażat fuq l-eżistenza ta’ żball manifest għandu jiġi miċħud jekk, minkejja l-elementi mressqa mir-rikorrent, l-evalwazzjoni kkontestata tista’ titqies veraċi jew valida. Dan huwa partikolarment il-każ meta d-deċiżjoni inkwistjoni tkun ivvizzjata bi żbalji li, anki jekk jittieħdu flimkien, ikunu biss ta’ natura minuri li ma setgħetx influwenzat lill-amministrazzjoni (ara s-sentenza tad-9 ta’ Settembru 2011, Franza vs Il-Kummissjoni, T‑257/07, EU:T:2011:444, punt 87 u l-ġurisprudenza ċċitata).

247    F’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat, minn naħa, li l-applikanti għall-awtorizzazzjoni kienu sostnew disponibbiltà ta’ alternattivi fl-applikazzjoni għal awtorizzazzjoni. F’dan ir-rigward, dawn kienu alternattivi għal proċessuri downstream tal-PVC artab irriċiklat, bħall-użu ta’ PVC verġni li jkun fih plastifikanti li mhumiex sustanzi ta’ tħassib serju ħafna. Għalkemm din il-perspettiva ma ġietx ippreżentata bħala alternattiva mill-applikanti għall-awtorizzazzjoni, l-imsemmija soluzzjoni ġiet ikkunsidrata mill-Kumitat għall-Analiżi Soċjo-ekonomika bħala mhux xierqa, b’mod partikolari bħala mhux fattibbli ekonomikament għall-utenti downstream tal-prodotti tal-applikanti għall-awtorizzazzjoni, jew tal-inqas għal parti minnhom.

248    Kuntrarjament għal dak li għandu jwettaq rikorrent li jinvoka żball manifest ta’ evalwazzjoni skont ir-regoli stabbiliti mill-qorti tal-Unjoni, kif esposti fil-punt 246 iktar ’il fuq, li jagħti prova, ir-rikorrenti ma pprovdiet l-ebda element li jirrendi l-evalwazzjonijiet tal-fatti adottati fid-deċiżjoni dwar it-talba għal eżami mill-ġdid intern bħala mhux plawżibbli fir-rigward tan-nuqqas ta’ disponibbiltà ta’ alternattivi.

249    Minn naħa, ir-rikorrenti ma tispjegax abbażi ta’ liema elementi oħra għajr dawk indikati mill-applikanti għall-awtorizzazzjoni, mit-terzi li nstemgħu waqt il-konsultazzjoni pubblika msemmija fl-Artikolu 64(2) tar-Regolament Nru 1907/2006 u mill-Istati Membri li esprimew ruħhom dwar x’għandu jsir mill-applikazzjoni għal awtorizzazzjoni fid-diskussjonijiet tal-kumitat previst fl-Artikolu 133 tal-istess regolament, il-Kummissjoni setgħet, fl-istadju tal-adozzjoni tad-deċiżjoni dwar it-talba għal eżami mill-ġdid intern, waslet għal riżultat differenti minn dak li jinsab fl-opinjoni tal-Kumitat għall-Analiżi Soċjo-ekonomika dwar l-alternattivi bbażati fuq plastifikanti li mhumiex sustanzi ta’ tħassib serju ħafna. Fil-fatt, ir-rikorrenti ma tindikax liema sustanza oħra, li ma tikkostitwixxix sustanza ta’ tħassib serju ħafna, setgħet tittieħed inkunsiderazzjoni mill-Kummissjoni.

250    Min-naħa l-oħra u fi kwalunkwe każ, ir-rikorrenti ma kkontestatx, b’mod speċifiku, fit-talba għal eżami mill-ġdid intern tagħha, il-konklużjoni ġenerali misluta mill-Kummissjoni dwar in-nuqqas ta’ disponibbiltà ta’ alternattivi.

251    Barra minn hekk, għandu jiġi enfasizzat li, kif għadu kif ġie rrilevat fil-punti 249 u 250 iktar ’il fuq, li r-rikorrenti tiġi meħtieġa tispeċifika l-elementi li jistgħu jqiegħdu f’dubju l-konklużjoni tal-Kummissjoni dwar in-nuqqas ta’ disponibbiltà ta’ alternattivi fil-kuntest tal-azzjoni preżenti, jew inkella fil-kuntest tat-talba għal eżami mill-ġdid intern, ma jaqlibx l-oneru tal-prova fuq l-applikant għall-awtorizzazzjoni, kif imsemmi fl-Artikolu 60(4) tar-Regolament Nru 1907/2006, moqri flimkien mal-premessa 69 ta’ dan tal-aħħar. Min-naħa l-oħra, dawn huma, minn naħa, rekwiżiti marbuta mal-ħtieġa li, fil-kuntest ta’ rikors għal annullament, l-argumenti u l-motivi jiġu indikati b’mod ċar b’tali mod li l-Qorti Ġenerali tkun tista’ tanalizzahom b’mod xieraq, mingħajr il-ħtieġa li tasal għal konklużjoni bbażata fuq informazzjoni mhux kompluta dwar dak li r-rikorrent jixtieq u mingħajr ma jkollha tissostitwixxi r-raġunijiet tiegħu. Min-naħa l-oħra, dawn huma rekwiżiti ta’ preċiżjoni bħal dawk li jirriżultaw mill-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 1367/2006 (ara l-punti 56 u 57 iktar ’il fuq).

252    F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-argument imsemmi fil-punt 244 iktar ’il fuq għandu jiġi miċħud bħala infondat.

253    Fil-ħames lok, l-argument tar-rikorrenti li jgħid li, essenzjalment, il-Kummissjoni ppreżumiet l-affidabbiltà tad-data dwar il-prezzijiet, kif indikati mill-applikanti għall-awtorizzazzjoni fl-analiżi tagħhom tal-alternattivi u kif aċċettati mill-Kumitat għall-Analiżi Soċjo-ekonomika, mingħajr ma wettaq huwa stess evalwazzjoni indipendenti tal-affidabbiltà tagħha, li jwassal, fl-aħħar mill-aħħar, għal interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “evalwazzjoni” tal-alternattivi li tmur kontra l-Artikolu 60(5) tar-Regolament Nru 1907/2006, għandu wkoll jiġi miċħud bħala infondat.

254    F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat, l-ewwel nett, li, kuntrarjament għal dak li tissuġġerixxi r-rikorrenti, waqt l-eżami tal-fattibbiltà ekonomika tal-alternattivi proposti mill-applikanti għall-awtorizzazzjoni skont l-Artikolu 60(5)(b), tar-Regolament Nru 1907/2006, il-Kummissjoni ma “ppreżumietx” l-eżattezza tad-data dwar il-prezzijiet ippreżentati minnhom.

255    Fil-fatt, bi tweġiba għal dan l-argument tar-rikorrenti u mingħajr ma ġiet kontradetta fuq dan il-punt, fil-punt 5.2 tad-deċiżjoni dwar it-talba għal eżami mill-ġdid intern il-Kummissjoni rrilevat li l-applikanti għall-awtorizzazzjoni kienu pprovdew prezzijiet mhux disponibbli pubblikament għall-skart post-industrijali. Il-Kumitat għall-Analiżi Soċjo-ekonomika, min-naħa tiegħu, wettaq l-evalwazzjoni tiegħu dwar id-data dwar il-prezzijiet indikati fl-applikazzjoni għal awtorizzazzjoni filwaqt li pprova jikseb iktar informazzjoni li taqa’ fid-dominju pubbliku u filwaqt li vverifika l-informazzjoni kollha rilevanti ppreżentata fil-kuntest tal-konsultazzjoni pubblika msemmija fl-Artikolu 64(2) tar-Regolament Nru 1907/2006.

256    Dan l-approċċ li titfittex informazzjoni addizzjonali huwa indikazzjoni tal-fatt li l-Kumitat għall-Analiżi Soċjo-ekonomika effettivament wettaq eżami tal-informazzjoni ppreżentata mill-applikanti għall-awtorizzazzjoni.

257    Meta l-Kummissjoni approvat dan l-eżami tal-Kumitat għall-Analiżi Soċjo-ekonomika, hija għaldaqstant lanqas ma ppreżumiet l-eżattezza tal-imsemmija informazzjoni. Barra minn hekk, huwa b’mod partikolari minħabba li ma kien hemm l-ebda prova li tikkontradixxi l-eżattezza tad-data pprovduta mill-applikanti għall-awtorizzazzjoni li l-Kummissjoni adottat l-evalwazzjonijiet ta’ dan il-kumitat fir-rigward tal-prezzijiet għall-iskart post-industrijali.

258    It-tieni nett, għal iktar preċiżjoni, għandu jiġi indikat li l-allegazzjoni tar-rikorrenti li tgħid li l-Kummissjoni “ppreżumiet” li d-data ta’ natura ekonomika indikata mill-applikanti għall-awtorizzazzjoni kienet eżatta ma tikkonċernax kwistjoni ta’ dritt.

259    Fil-fatt, skont l-Artikolu 60(5) tar-Regolament Nru 1907/2006, fl-evalwazzjoni tad-disponibbiltà ta’ sustanzi jew ta’ teknoloġiji alternattivi adatti, l-aspetti kollha rilevanti għandhom jiġu kkunsidrati mill-Kummissjoni, u b’mod partikolari, skont l-imsemmi Artikolu 60(5)(b), il-fattibbiltà teknika u ekonomika ta’ alternattivi għall-applikant. Madankollu, l-Artikolu 60(5) tar-Regolament Nru 1907/2006 ma jiddefinixxix metodu speċifiku biex tiġi implimentata l-“evalwazzjoni” prevista f’din id-dispożizzjoni, li tista’ titqies bħala metodu meħtieġ mil-liġi u li, fi kliem ieħor, tagħmel parti integrali mill-kunċett legali ta’ “evalwazzjoni”.

260    Għall-kuntrarju, l-evalwazzjoni tad-disponibbiltà ta’ sustanzi jew ta’ teknoloġiji alternattivi xierqa prevista fl-Artikolu 60(5) tar-Regolament Nru 1907/2006 hija proċess ta’ evalwazzjoni ta’ kwistjonijiet ta’ natura teknika, ekonomika u xjentifika, kif ukoll ta’ fatti kumplessi, li huwa maħsub sabiex jivverifika l-aspetti kollha rilevanti fil-qasam, u b’mod partikolari l-aspetti msemmija fl-Artikolu 60(5)(a) u (b), u dan skont elementi ta’ informazzjoni li l-Kummissjoni seta’ jkollha fil-mument meta adottat id-deċiżjoni tagħha ta’ awtorizzazzjoni.

261    F’din il-perspettiva, l-allegazzjoni tar-rikorrenti, li tgħid li l-Kummissjoni kienet “ippreżumiet” li ċerta data indikata mill-applikanti għall-awtorizzazzjoni kienet eżatta, tindika, fir-realtà, ksur tal-Artikolu 60(5)(b) tar-Regolament Nru 1907/2006 fir-rigward tal-eżistenza ta’ eventwali żball (manifest) ta’ evalwazzjoni iktar milli ksur tal-kunċett ta’ “evalwazzjoni” bħala element ta’ dritt, kif tafferma r-rikorrenti.

262    F’dan ir-rigward, irrispettivament mill-fatt li l-Kummissjoni ma “ppreżumietx” ċerti elementi f’dan il-każ iżda adottat ir-riżultati ta’ eżami tal-Kumitat għall-Analiżi Soċjo-ekonomika, wara li indikat li ma kinux jeżistu provi li jikkontradixxu l-informazzjoni ppreżentata mill-applikanti għall-awtorizzazzjoni (ara l-punt 257 iktar ’il fuq), għandu jiġi osservat li f’dan il-każ ir-rikorrenti ma tressaq ebda argument li jista’ juri liema elementi ta’ fatt jew ta’ prova l-Kumitat għall-Analiżi Soċjo-ekonomika jew il-Kummissjoni setgħu jieħdu inkunsiderazzjoni sabiex jivverifikaw jew jinvalidaw wara tali verifika, l-affidabbiltà tad-data indikata fl-applikazzjoni għal awtorizzazzjoni. Barra minn hekk, ir-rikorrenti ma tispeċifikax liema seta’ jkun il-metodu partikolari ta’ natura teknika, ekonomika jew xjentifika li seta’ jippermetti li titnaqqas l-eżistenza ta’ dubji possibbli dwar l-affidabbiltà tal-informazzjoni ppreżentata mill-applikanti għall-awtorizzazzjoni fuq il-prezzijiet għall-iskart post-industrijali.

263    Barra minn hekk, kif ġie rrilevat fil-punt 251 iktar ’il fuq fir-rigward tan-nuqqas ta’ disponibbiltà ta’ alternattivi, għandu jiġi enfasizzat li r-rekwiżit li r-rikorrenti tispeċifika l-elementi li jistgħu jqiegħdu f’dubju l-konklużjonijiet misluta mill-Kummissjoni dwar l-affidabbiltà tad-data indikata fl-applikazzjoni għal awtorizzazzjoni ma jaqlibx l-oneru tal-prova fuq l-applikant għall-awtorizzazzjoni, kif imsemmi fl-Artikolu 60(4) tar-Regolament Nru 1907/2006, moqri flimkien mal-premessa 69 ta’ dan tal-aħħar. Min-naħa l-oħra, dawn huma rekwiżiti li jikkonċernaw il-ġurisprudenza msemmija fil-punt 246 iktar ’il fuq.

264    F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-fatt li purament u sempliċement issir kritika li l-Kummissjoni “ppreżumiet” l-eżattezza tad-data li kienet ġiet indikata mill-applikanti għall-awtorizzazzjoni fl-applikazzjoni għal awtorizzazzjoni u sussegwentement aċċettata mill-Kumitat għall-Analiżi Soċjo-ekonomika waqt it-tfassil tal-opinjoni tiegħu msemmija fl-Artikolu 64(4)(b) tar-Regolament Nru 1907/2006 ma huwiex suffiċjenti sabiex l-eżistenza ta’ żball manifest ta’ evalwazzjoni tkun issostanzjata.

265    Ebda wieħed mill-argumenti invokati mir-rikorrenti ma jista’ jqiegħed din il-konklużjoni fid-dubju.

266    L-ewwel nett, għandu jiġi miċħud l-argument li approċċ fejn tiġi preżunta bħala affidabbli l-informazzjoni pprovduta mill-applikanti għal awtorizzazzjoni “sakemm terzi juru l-kuntrarju” jikkomprometti l-effettività tal-proċedura ta’ awtorizzazzjoni, u dan billi jħeġġeġ lill-applikanti jaħbu l-informazzjoni li tmur kontra l-interessi tagħhom. L-istess jgħodd fir-rigward tal-argument li, peress li l-informazzjoni ekonomika tista’ wkoll tkun suġġetta għal restrizzjonijiet ta’ kunfidenzjalità kummerċjali, ma jkunx raġonevoli li wieħed jibbaża ruħu fuq il-fatt li din l-informazzjoni tinstab u tiġi kkomunikata minn partijiet terzi matul il-proċedura ta’ konsultazzjoni (ara l-punt 230 iktar ’il fuq).

267    F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li huwa ċertament minnu li jeżisti interess li l-applikanti għal awtorizzazzjoni ma jaħbux l-informazzjoni rilevanti fil-kuntest ta’ proċedura ta’ awtorizzazzjoni, li jistgħu jkunu lesti jagħmlu jekk din l-informazzjoni tkun tmur kontra l-interessi tagħhom.

268    Madankollu, hemm lok li jiġi nnotat mill-ġdid li r-rikorrenti ma tindikax il-metodu li jista’ jkun l-iktar adatt sabiex jiġi indirizzat ir-riskju li applikant għal awtorizzazzjoni jaħbi ċerta informazzjoni rilevanti li hija magħrufa minnu biss. Minn naħa, la l-Kummissjoni u lanqas il-kumitati tal-ECHA msemmija fl-Artikolu 64(1) tar-Regolament Nru 1907/2006 ma għandhom setgħat simili għal dawk ta’ awtorità tal-kompetizzjoni jew tal-prosekutur pubbliku ta’ Stat Membru, li jippermettu li tiġi vverifikata l-eżattezza tal-fatti permezz ta’ miżuri koerżivi bħal miżuri ta’ tfittxija u ta’ qbid. Min-naħa l-oħra, is-soluzzjoni li r-rikorrenti ddeskriviet bħala “evidenti”, fejn jista’ jkun sempliċement “li l-applikanti għal awtorizzazzjoni jintalbu jipprovdu numru suffiċjenti ta’ evidenza affidabbli u verifikabbli” (ara l-punt 231 iktar ’il fuq), hija l-bogħod milli tkun waħda minnhom. Fil-fatt, il-problema tal-eżistenza ta’ informazzjoni kunfidenzjali magħrufa biss mill-applikant tqum kull darba li jkun hemm lok jintalab jissupplimenta jew jiċċara l-informazzjoni li huwa biss ikollu.

269    It-tieni nett, għandha tiġi miċħuda l-kritika tar-rikorrenti dwar l-argument tal-Kummissjoni mqajjem fil-punt 5.2 tad-deċiżjoni dwar it-talba għal eżami mill-ġdid intern, li jgħid li “l-fatt li l-Kumitat [għall-Analiżi Soċjo-ekonomika] jenħtieġ jagħmel riċerka indipendenti fir-rigward ta’ din id-data speċifika jkun jikkostitiwixxi oneru sproporzjonat għall-proċedura” (ara l-punt 231 iktar ’il fuq).

270    Fil-fatt, indipendentement mill-kwistjoni tal-“oneru sproporzjonat għall-proċedura”, kif invokat mill-Kummissjoni, ir-rikorrenti ma pprovatx, konkretament, li l-Kumitat għall-Analiżi Soċjo-ekonomika seta’ jagħmel iktar sabiex jindirizza t-tħassib li ntwera mir-rikorrenti.

271    Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, it-tielet motiv għandu jiġi miċħud bħala infondat.

 Fuq ir-raba’ motiv, ibbażat fuq żbalji ta’ liġi u żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni minħabba ksur tal-prinċipju ta’ prekawzjoni fil-kuntest tal-proċedura ta’ awtorizzazzjoni

272    Permezz tar-raba’ motiv tagħha, ir-rikorrenti tinvoka ksur tal-prinċipju ta’ prekawzjoni, kif stabbilit fl-Artikolu 191(2) TFUE.

273    Fl-ewwel lok, skont ir-rikorrenti, applikazzjoni korretta tal-prinċipju ta’ prekawzjoni jirrikjedi li l-oneru tal-prova li sustanza għandha tiġi awtorizzata jinsab fuq l-applikant għal awtorizzazzjoni. Jekk jifdal inċertezzi fir-rigward tar-riskji għas-saħħa tal-bniedem jew għall-ambjent, anki wara li l-applikant ikun ippreżenta l-provi tiegħu, il-Kummissjoni għandha tikkonkludi li l-oneru tal-prova ma ġiex onorat u li l-użu tas-sustanza ma jistax jikseb l-awtorizzazzjoni.

274    F’dan il-każ, minn naħa, il-Kumitat għall-Istima tar-Riskji kkonkluda li “ma setax jikkwantifika” r-riskji għas-saħħa tal-ħaddiema. Min-naħa l-oħra, il-proprjetajiet tad-DEHP li jfixklu s-sistema endokrinali ma ġewx ikkunsidrati fil-proċess ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet. Għalhekk, il-Kummissjoni ma osservatx il-prinċipju ta’ prekawzjoni meta madanakollu hija ddeċidiet li tagħti awtorizzazzjoni għall-użu tad-DEHP. Dan l-iżball konsegwentement effettwa wkoll il-fondatezza tad-deċiżjoni dwar it-talba għal eżami mill-ġdid intern.

275    It-tieni nett, fid-dawl tal-proprjetajiet tad-DEHP bħala perturbatur tas-sistema endokrinali li huwa ta’ tħassib serju ħafna, li jimplikaw li din is-sustanza tqajjem tħassib ta’ livell ekwivalenti għal dawk li wasslu għall-inklużjoni tagħha fil-lista prevista fl-Anness XIV tar-Regolament Nru 1907/2006, skont ir-rikorrenti l-Kummissjoni kien imissha titlob lill-applikanti għall-awtorizzazzjoni taġġorna l-applikazzjoni għal awtorizzazzjoni skont il-prinċipju ta’ prekawzjoni.

276    It-tielet nett, b’risposta għall-argument invokat mill-Kummissjoni fir-risposta, li skontu teħid inkunsiderazzjoni, fil-kuntest tal-istima tar-riskji, ta’ proprjetajiet li ma kinux ġew identifikati fil-mument tal-preżentazzjoni tal-applikazzjoni għal awtorizzazzjoni, jikser il-prinċipju ta’ ċertezza legali, ir-rikorrenti tfakkar li, skont il-ġurisprudenza tal-qorti tal-Unjoni dwar il-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi, li huwa korollarju tal-prinċipju ta’ ċertezza legali, l-operaturi ekonomiċi ma humiex iġġustifikati jqiegħdu l-aspettattivi leġittimi tagħhom fiż-żamma ta’ sitwazzjoni eżistenti li tista’ tiġi emendata fil-kuntest tas-setgħa diskrezzjonali tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni.

277    Fit-tieni lok, u irrispettivament minn dak li ntqal hawn fuq, il-Kummissjoni ma pprovdiet ebda spjegazzjoni dwar kif hija applikat il-prinċipju ta’ prekawzjoni f’dan il-każ.

278    Il-Kummissjoni tikkontesta dan l-argument.

279    F’dan ir-rigward u fl-ewwel lok, għandu jitfakkar li, hekk kif jirriżulta mill-Artikolu 191(1) u (2) TFUE, il-politika tal-Unjoni fil-qasam tal-ambjent għandha tikkontribwixxi għall-kisba tal-għan tal-protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem u hija bbażata, b’mod partikolari, fuq il-prinċipju ta’ prekawzjoni. Dan il-prinċipju japplika meta l-istituzzjonijiet tal-Unjoni jieħdu miżuri ta’ protezzjoni tal-ambjent. Barra minn hekk, il-prinċipju ta’ prekawzjoni għandu l-għan li japplika meta l-istituzzjonijiet tal-Unjoni jadottaw miżuri ta’ protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-22 ta’ Diċembru 2010, Gowan Comércio Internacional e Serviços, C‑77/09, EU:C:2010:803, punt 72).

280    B’mod partikolari, mill-Artikolu 1(3) tar-Regolament Nru 1907/2006 jirriżulta li d-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-regolament huma bbażati fuq dan il-prinċipju.

281    Mill-prinċipju ta’ prekawzjoni jirriżulta li, meta jkun hemm inċertezzi dwar l-eżistenza jew il-portata ta’ riskji għas-saħħa tal-bniedem, jistgħu jittieħdu miżuri ta’ protezzjoni mingħajr ma jkun hemm bżonn li wieħed jistenna li r-realtà u l-gravità ta’ dawn ir-riskji jkunu murija b’mod sħiħ (ara s-sentenza tat-22 ta’ Diċembru 2010, Gowan Comércio Internacional e Serviços, C‑77/09, EU:C:2010:803, punt 73 u l-ġurisprudenza ċċitata). Applikazzjoni korretta ta’ dan il-prinċipju tippreżumi, fl-ewwel lok, l-identifikazzjoni tal-konsegwenzi potenzjalment negattivi għas-saħħa minħabba l-użu propost mis-sustanza inkwistjoni, u, fit-tieni lok, evalwazzjoni sħiħa tar-riskju għas-saħħa bbażata fuq l-iktar data xjentifika affidabbli disponibbli u fuq l-iktar riżultati reċenti tar-riċerka internazzjonali (ara s-sentenza tat-22 ta’ Diċembru 2010, Gowan Comércio Internacional e Serviços, C‑77/09, EU:C:2010:803, punt 75 u l-ġurisprudenza ċċitata).

282    Minn din il-perspettiva, skont il-ġurisprudenza, meta jirriżulta impossibbli li jiġu ddeterminati b’ċertezza l-eżistenza jew il-portata ta’ riskju minħabba n-natura insuffiċjenti, mhux konklużiva jew impreċiża tar-riżultati tal-istudji mwettqa, iżda l-probabbiltà ta’ dannu reali għas-saħħa pubblika tkun teżisti fil-każ li r-riskju jimmaterjalizza ruħu, il-prinċipju ta’ prekawzjoni jiġġustifika l-adozzjoni ta’ miżuri restrittivi (ara s-sentenza tat-22 ta’ Diċembru 2010, Gowan Comércio Internacional e Serviços, C‑77/09, EU:C:2010:803, punt 76 u l-ġurisprudenza ċċitata). Waqt l-adozzjoni ta’ miżura restrittiva li għandha bħala għan il-protezzjoni tal-ambjent jew tas-saħħa tal-bniedem, l-istituzzjoni kompetenti f’dan ir-rigward hija obbligata twettaq rabta ġusta bejn il-prinċipju ta’ prekawzjoni u l-prinċipju ta’ proporzjonalità. Din hija l-konsegwenza ta’ interpretazzjoni tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 281 iktar ’il fuq fid-dawl tal-prinċipju ta’ proporzjonalità li jinsab fl-Artikolu 5(4) TUE, u li jagħmel parti mill-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni. Madankollu, hemm lok li jiġi kkunsidrat li l-prinċipju ta’ prekawzjoni jiġġustifika l-adozzjoni ta’ miżuri restrittivi biss meta dawn ma jkunux biss mhux diskriminatorji u oġġettivi iżda wkoll proporzjonati (konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Bobek fil-Kawża Confédération paysanne et, C‑528/16, EU:C:2018:20, punt 51).

283    F’dan il-każ, ir-rikorrenti ssostni, essenzjalment, li, skont il-prinċipju ta’ prekawzjoni, l-eżistenza ta’ inċertezzi fir-rigward tar-riskji għall-ħaddiema identifikati mill-Kumitat għall-Istima tar-Riskji kienet topponi l-għoti tal-awtorizzazzjoni mogħtija mill-Kummissjoni skont l-Artikolu 60(4) tar-Regolament Nru 1907/2006. Fi kliem ieħor, fil-fehma tar-rikorrenti, il-Kummissjoni kellha tirrifjuta kompletament l-għoti tal-awtorizzazzjoni inkwistjoni f’dan il-każ.

284    Issa, l-ewwel nett, għandu jiġi rrilevat li l-prinċipju ta’ prekawzjoni, kif stipulat fl-Artikolu 191(2) TFUE, jikkonċerna l-azzjoni tal-Unjoni u li ma jistax jiġi interpretat fis-sens li istituzzjoni tal-Unjoni hija obbligata, abbażi ta’ dan il-prinċipju, tadotta miżura preċiża, bħalma huwa r-rifjut ta’ awtorizzazzjoni previst mir-rikorrenti. Fil-fatt, kulma tagħmel din id-dispożizzjoni huwa li tiddefinixxi l-għanijiet ġenerali tal-Unjoni fil-qasam tal-ambjent sa fejn l-Artikolu 192 TFUE jagħti lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja, il-kompitu li jiddeċiedu dwar l-azzjoni li għandha tittieħed sabiex jintlaħqu dawn l-għanijiet. Barra minn hekk, jekk huwa minnu li dan il-prinċipju jista’ jiġġustifika l-adozzjoni ta’ miżura restrittiva minn istituzzjoni, xorta jibqa’ l-fatt li dan ma jimponihiex.

285    Minbarra dan, għandu jiġi osservat li l-Artikolu 1(3) tar-Regolament Nru 1907/2006 lanqas ma jista’ jissostanzja, waħdu, l-argument tar-rikorrenti li jgħid li l-Kummissjoni kellha tirrifjuta li tagħti l-awtorizzazzjoni inkwistjoni.

286    It-tieni nett, f’dan il-każ, kuntrarjament għal dak li tissuġġerixxi r-rikorrenti (ara l-punt 273 iktar ’il fuq), ma kienx hemm inċertezzi fir-rigward tar-riskji għas-saħħa tal-bniedem. Għall-kuntrarju, kien ċert li d-DEHP kellu riskji għas-saħħa tal-bniedem. Kif ġie rrilevat fil-punt 1 iktar ’il fuq, din is-sustanza għandha proprjetajiet tossiċi għar-riproduzzjoni fis-sens tal-Artikolu 57(ċ) ta’ dan l-istess regolament. F’dan il-każ, il-Kumitat għall-Istima tar-Riskji kien ġibed l-attenzjoni tal-Kummissjoni dwar l-eżistenza ta’ inċertezzi fir-rigward tal-allegazzjonijiet tal-applikanti għall-awtorizzazzjoni fir-rigward tal-kontroll tar-riskji li jirriżultaw mid-DEHP meta l-ħaddiema jkunu esposti għal din is-sustanza. Fil-fehma ta’ dan il-kumitat, l-applikanti għall-awtorizzazzjoni ma kinux urew li r-riskji għas-saħħa tal-ħaddiema li jirriżultaw miż-żewġ użi mitluba kienu kkontrollati adegwatament skont l-Artikolu 60(2) tar-Regolament Nru 1907/2006. Essenzjalment, din hija r-raġuni li għaliha l-Kummissjoni għażlet il-“proċedura soċjo-ekonomika” prevista fl-Artikolu 60(4) tar-Regolament Nru 1907/2006.

287    Madankollu, ma jistax jiġi kkunsidrat li l-għażla tal-Kummissjoni li tapplika l-“proċedura soċjo-ekonomika” tal-Artikolu 60(4) tar-Regolament Nru 1907/2006 tikkostitwixxi ksur tal-prinċipju ta’ prekawzjoni. Il-proċedura ta’ awtorizzazzjoni skont din il-proċedura kienet preċiżament maħsuba biex tippermetti lill-kumpanniji jikkummerċjalizzaw sustanzi li jkunu, b’mod partikolari, ta’ riskju għas-saħħa tal-bniedem, iżda fejn il-benefiċċji soċjo-ekonomiċi tagħhom jipprevalu.

288    Hekk kif jirriżulta mill-premessa 69 tar-Regolament Nru 1907/2006, minn naħa, u mill-Artikolu 60(4) ta’ dan ir-regolament, min-naħa l-oħra, meta ma jkunx stabbilit li r-riskji li jirriżultaw mill-użu ta’ sustanza għas-saħħa tal-bniedem jew għall-ambjent huma kkontrollati adegwatament, tista’ tingħata awtorizzazzjoni jekk ikun jista’ jintwera li l-benefiċċji soċjo-ekonomiċi mill-użu tas-sustanza huma ikbar mir-riskji marbuta mal-użu tagħha u li ma hemmx sustanzi jew teknoloġiji alternattivi adegwati li jkunu ekonomikament jew teknikament vijabbli.

289    F’dan il-każ, għandu jitfakkar li, hekk kif jirriżulta mill-punti 211 sa 223 iktar ’il fuq, l-allegazzjoni tar-rikorrenti li tgħid li l-proprjetajiet tad-DEHP bħala perturbatur tas-sistema endokrinali kellhom jiġu kkunsidrati fl-evalwazzjoni tar-riskji msemmija fl-Artikolu 60(4) tar-Regolament Nru 1907/2006 kellha tiġi eskluża, minħabba l-interpretazzjoni sistematika tal-paragrafi (2) u (4) ta’ dan l-artikolu. Issa, il-prinċipju ta’ prekawzjoni ma jistax jiġi interpretat b’mod li jqiegħed inkwistjoni l-koerenza bejn dawn iż-żewġ paragrafi tal-Artikolu 60 tar-Regolament Nru 1907/2006.

290    It-tielet nett, meta tkun adottat miżura restrittiva li għandha bħala għan il-protezzjoni tal-ambjent jew tas-saħħa tal-bniedem, l-istituzzjoni kompetenti hija obbligata toħloq rabta ġusta bejn il-prinċipju ta’ prekawzjoni u l-prinċipju ta’ proporzjonalità (ara l-punt 282 iktar ’il fuq).

291    Skont ġurisprudenza stabbilita, il-prinċipju ta’ proporzjonalità, li jagħmel parti mill-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, jeżiġi li l-atti tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni jkunu adatti sabiex jilħqu l-għanijiet leġittimi mfittxija mil-leġiżlazzjoni inkwistjoni u ma jeċċedux il-limiti ta’ dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħqu dawn l-għanijiet, filwaqt li, meta jkun hemm possibbiltà ta’ għażla bejn diversi miżuri xierqa, għandha tintgħażel l-inqas waħda restrittiva, u l-inkonvenjenzi li jinħolqu ma għandhomx ikunu sproporzjonati meta mqabbla mal-għanijiet previsti (sentenza tal-4 ta’ Mejju 2016, Pillbox 38, C‑477/14, EU:C:2016:324, punt 48 u l-ġurisprudenza ċċitata).

292    F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li l-Artikolu 60(4) tar-Regolament Nru 1907/2006 jikkostitwixxi, b’mod astratt, l-espressjoni tar-rabta bejn il-prinċipju ta’ prekawzjoni u l-prinċipju ta’ proporzjonalità meta waħda mill-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 60(2) ta’ dan ir-regolament ma tkunx issodisfatta, f’dan il-każ dik dwar il-prova tal-kontroll tar-riskju għas-saħħa tal-bniedem jew għall-ambjent li jirriżulta mill-użu ta’ sustanza partikolari, minħabba l-proprjetajiet intrinsiċi tagħha, imsemmija fl-Anness XIV tar-Regolament Nru 1907/2006.

293    Fil-fatt, inkwantu ppermetta l-għoti ta’ awtorizzazzjoni f’sitwazzjoni fejn ir-riskji kollha relatati mal-użu ta’ sustanza ta’ tħassib serju ħafna ma jkunux ikkontrollati adegwatament, iżda l-benefiċċji soċjo-ekonomiċi li jirriżultaw mill-użu tas-sustanza inkwistjoni ikunu ikbar mir-riskji marbuta mal-użu tagħha u ma jkunx hemm sustanzi jew teknoloġiji alternattivi adatti li jkunu ekonomikament jew teknikament vijabbli, il-leġiżlatur tal-Unjoni wettaq ibbilanċjar bejn, minn naħa, il-protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem u tal-ambjent u, min-naħa l-oħra, l-interessi tal-applikant għal awtorizzazzjoni, kif ukoll il-benefiċċji soċjo-ekonomiċi li jirriżultaw mill-użu tas-sustanza kkonċernata.

294    Ċertament, f’każ bħal dak preżenti, l-ibbilanċjar, b’mod konkret, tal-interessi inkwistjoni jista’ jiġġustifika l-impożizzjoni mill-Kummissjoni ta’ monitoraġġ speċifiku u ta’ perijodu qasir ta’ eżami mill-ġdid. Madankollu, mill-Artikolu 60(4) tar-Regolament Nru 1907/2006 jirriżulta li, jekk il-kundizzjonijiet ta’ din id-dispożizzjoni jkunu ssodisfatti, il-Kummissjoni ma tistax tirrifjuta awtorizzazzjoni, taħt piena li tikser il-prinċipju ta’ proporzjonalità.

295    F’dawn iċ-ċirkustanzi, kuntrarjament għal dak li ssostni r-rikorrenti, il-prinċipju ta’ prekawzjoni ma jistax jiġi interpretat fis-sens li jippermetti li tiġi rrifjutata awtorizzazzjoni li tista’ tingħata abbażi tal-Artikolu 60(4) tar-Regolament Nru 1907/2006.

296    Fit-tieni lok, fir-rigward tal-ilment tar-rikorrenti bbażat fuq it-teżi li tgħid li, fid-dawl tal-proprjetajiet tad-DEHP bħala perturbatur tas-sistema endokrinali ta’ tħassib serju ħafna, il-Kummissjoni kellha titlob lill-applikanti għall-awtorizzazzjoni jaġġornaw l-applikazzjoni għal awtorizzazzjoni skont il-prinċipju ta’ prekawzjoni (ara l-punt 275 iktar ’il fuq), għandu jiġi rrilevat li, permezz ta’ dan l-argument, ir-rikorrenti tidher li tikkunsidra li l-Kummissjoni setgħet titlob lill-applikanti għall-awtorizzazzjoni biex jipprovdulha informazzjoni addizzjonali qabel ma tieħu d-deċiżjoni tagħha. Issa, tali argument ma tqajjimx mir-rikorrenti bħala tali fit-talba għal eżami mill-ġdid intern. Fil-fatt, ir-rikorrenti fl-ebda parti tat-talba għal eżami mill-ġdid intern ma allegat li, skont il-prinċipju ta’ prekawzjoni, il-Kummissjoni kienet obbligata titlob lill-applikanti għall-awtorizzazzjoni biex jipprovdulha informazzjoni addizzjonali u għalhekk jaġġornaw l-applikazzjoni għal awtorizzazzjoni. Għall-kuntrarju, fit-talba għal eżami mill-ġdid intern, ir-rikorrenti indikat ksur ta’ dan il-prinċipju minħabba li l-Kummissjoni ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-proprjetajiet tad-DEHP bħala perturbatur tas-sistema endokrinali ta’ tħassib serju ħafna.

297    Għall-istess raġunijiet bħal dawk imsemmija fil-punt 55 iktar ’il fuq, dan l-argument għandu jiġi miċħud bħala inammissibbli.

298    Barra minn hekk, b’mod superfluwu, fuq il-mertu, l-ilment tar-rikorrenti marbut mal-ħtieġa li l-applikanti għall-awtorizzazzjoni jaġġornaw l-applikazzjoni għal awtorizzazzjoni, fid-dawl tal-proprjetajiet tad-DEHP bħala perturbatur tas-sistema endokrinali ta’ tħassib serju ħafna, huwa infondat. Fil-fatt, peress li, fid-data tad-deċiżjoni ta’ awtorizzazzjoni, il-proprjetajiet tad-DEHP bħala perturbatur tas-sistema endokrinali ta’ tħassib serju ħafna ma kinux inklużi fl-Anness XIV tar-Regolament Nru 1907/2006, il-Kummissjoni ma kellhiex l-obbligu li teħodhom inkunsiderazzjoni. Dawn il-proprjetajiet ma jifformawx parti mill-elementi rilevanti kollha li l-Kummissjoni għandha tieħu inkunsiderazzjoni b’mod obbligatorju, bħalma hija l-informazzjoni rilevanti msemmija fil-punt 216 iktar ’il fuq.

299    F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-argument tar-rikorrenti espost fil-punt 275 iktar ’il fuq għandu jiġi miċħud.

300    Fit-tielet lok, fid-dawl ta’ dak li ntqal, l-ilment tar-rikorrenti li jgħid li, essenzjalment, f’każ li l-Kummissjoni tkun ħadet inkunsiderazzjoni l-proprjetajiet tad-DEHP bħala perturbatur tas-sistema endokrinali ta’ tħassib serju ħafna qabel l-għoti tad-deċiżjoni ta’ awtorizzazzjoni, l-applikanti għall-awtorizzazzjoni ma kinux ikunu f’pożizzjoni li jibbażaw l-aspettattivi leġittimi tagħhom fuq il-fatt li l-Kummissjoni ma titlobhomx aġġornament tad-data sabiex jitqiesu dawn il-karatteristiċi, huwa ineffettiv.

301    Dan japplika wkoll, fir-raba’ lok, fir-rigward tal-argument tar-rikorrenti, espost fil-punt 270 iktar ’il fuq, intiżi sabiex juri li l-Kummissjoni ma tistax tibbaża ruħha fuq il-prinċipju ta’ ċertezza legali sabiex tagħmel tajjeb għall-fatt li, fil-mument tal-preżentazzjoni tal-applikazzjoni għal awtorizzazzjoni, l-applikanti għall-awtorizzazzjoni ma kinux konxji mill-proprjetajiet tad-DEHP bħala perturbatur tas-sistema endokrinali ta’ tħassib serju ħafna.

302    Għandu fl-aħħar nett jiġi miċħud, fil-ħames lok, l-argument tar-rikorrenti, espost fil-punt 277 iktar ’il fuq, ibbażat fuq l-allegazzjoni li l-Kummissjoni ma pprovdiet ebda spjegazzjoni dwar kif hija applikat il-prinċipju ta’ prekawzjoni f’dan il-każ.

303    Sa fejn dan l-argument għandu jiġi interpretat bħala ilment intiż sabiex juri l-eżistenza ta’ difett fil-motivazzjoni tad-deċiżjoni dwar it-talba għal eżami mill-ġdid intern, hemm lok li jitfakkar dan li ġej.

304    Skont ġurisprudenza stabbilita, il-motivazzjoni meħtieġa mit-tieni paragrafu tal-Artikolu 296 TFUE għandha tkun adattata għan-natura tal-att inkwistjoni u għandha turi b’mod ċar u inekwivoku r-raġunament tal-istituzzjoni, li tkun l-awtur tal-att, b’mod li jippermetti lill-persuni kkonċernati jifhmu l-ġustifikazzjonijiet tal-miżura meħuda u b’mod li jippermetti lill-qorti kompetenti teżerċita l-istħarriġ tagħha. Il-ħtieġa ta’ motivazzjoni għandha tiġi evalwata fid-dawl taċ-ċirkustanzi kollha tal-kawża, b’mod partikolari l-kontenut tal-att, in-natura tal-motivi invokati u l-interess li d-destinatarji tal-att jew persuni oħra kkonċernati direttament u individwalment minnu jista’ jkollhom sabiex jirċievu xi spjegazzjonijiet (ara s-sentenza tal-1 ta’ Frar 2018, Schenker vs Il-Kummissjoni, C‑263/16 P, mhux ippubblikata, EU:C:2018:58, punt 51 u l-ġurisprudenza ċċitata).

305    Madankollu, ma huwiex meħtieġ li l-motivazzjoni tispeċifika l-punti ta’ fatt u ta’ liġi rilevanti kollha, sa fejn il-kwistjoni dwar jekk il-motivazzjoni ta’ att tissodisfax ir-rekwiżiti tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 296 TFUE għandha tiġi evalwata mhux biss fid-dawl tal-formulazzjoni tiegħu iżda wkoll fid-dawl tal-kuntest tiegħu u tat-totalità tar-regoli legali li jirregolaw il-qasam ikkonċernat (ara s-sentenza tal-1 ta’ Frar 2018, Schenker vs Il-Kummissjoni, C‑263/16 P, mhux ippubblikata, EU:C:2018:58, punt 51 u l-ġurisprudenza ċċitata).

306    Madankollu, f’dan il-każ, fil-punt 7 tad-deċiżjoni dwar it-talba għal eżami mill-ġdid intern, il-Kummissjoni ddikjarat li “jekk, abbażi tal-prinċipju ta’ prekawzjoni, l-użi kollha ta’ sustanza mniżżla fl-Anness XIV [tar-Regolament Nru 1907/2006] kellhom jiġu pprojbiti għaliex din is-sustanza ġiet identifikata bħala sustanza li tfixkel is-sistema endokrinali, l-għan u l-effettività tal-obbligu ta’ awtorizzazzjoni jixxejnu”. Minn dan isegwi li, kuntrarjament għal dak li tallega r-rikorrenti, il-Kummissjoni effettivament spjegat kif hija kellha l-intenzjoni li tapplika l-prinċipju ta’ prekawzjoni f’dan il-każ.

307    F’dawn iċ-ċirkustanzi, peress li l-argumenti kollha invokati insostenn tar-raba’ motiv ġew miċħuda, ir-raba’ motiv għandu jiġi miċħud fl-intier tiegħu.

308    Fid-dawl ta’ dak li ntqal hawn fuq, peress li l-erba’ motivi mqajma insostenn tat-tielet kap ta’ talbiet ġew miċħuda, kif ukoll it-tieni kap ta’ talbiet, ir-rikors għandu jiġi miċħud fl-intier tiegħu, inkluż il-ħames kap ta’ talbiet, li barra minn hekk ma huwiex issostanzjat minn xi argument, intiż li tiġi ordnata kull miżura oħra xierqa.

 Fuq l-ispejjeż

309    Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li r-rikorrenti tilfet, hemm lok li din tiġi ordnata tbati, minbarra l-ispejjeż tagħha, dawk sostnuti mill-Kummissjoni.

310    Skont l-Artikolu 138(1) tar-Regoli tal-Proċedura, l-istituzzjonijiet li intervjenew fil-kawża għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom. Skont l-Artikolu 1(2)(f) tar-Regoli tal-Proċedura, il-kelma “istituzzjonijiet” tindika l-istituzzjonijiet tal-Unjoni msemmija fl-Artikolu 13(1) TUE u l-korpi jew l-organi maħluqa mit-Trattati jew minn att adottat b’eżekuzzjoni tagħhom u li jistgħu jidhru quddiem il-Qorti Ġenerali. Skont l-Artikolu 100 tar-Regolament Nru 1907/2006, l-ECHA hija korp tal-Unjoni. Minn dan jirriżulta li l-ECHA għandha tbati l-ispejjeż tagħha.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (Il-Ħames Awla)

tiddikjara u tiddeċiedi:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      ClientEarth hija kkundannata tbati, minbarra l-ispejjeż tagħha stess, l-ispejjeż sostnuti mill-Kummissjoni Ewropea.

3)      L-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi (ECHA) għandha tbati l-ispejjeż tagħha stess.

Gratsias

Dittrich

Ulloa Rubio

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fl-4 ta’ April 2019.

Firem


Werrej


Il-fatti li wasslu għall-kawża

Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

Id-dritt

Fuq it-talba għal annullament tad-deċiżjoni ta’ awtorizzazzjoni

Fuq it-talba għal annullament tad-deċiżjoni dwar it-talba għal eżami mill-ġdid intern

Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq l-eżistenza ta’ żbalji ta’ liġi u ta’ evalwazzjoni dwar il-konformità tal-applikazzjoni għal awtorizzazzjoni fir-rigward tal-Artikolu 62 u l-Artikolu 60(7) tar-Regolament Nru 1907/2006

– Fuq l-ewwel parti, ibbażata fuq żbalji ta’ liġi u ta’ evalwazzjoni fl-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “użu” fl-Artikolu 56(1)(a), u fl-Artikolu 62(4)(ċ) tar-Regolament Nru 1907/2006

– Fuq it-tieni parti, ibbażata fuq l-eżistenza ta’ żbalji ta’ liġi u ta’ evalwazzjoni b’rabta ma’ nuqqasijiet fir-rapport dwar is-sigurtà kimika

– Fuq it-tielet parti, ibbażata fuq l-eżistenza ta’ żbalji ta’ liġi u ta’ żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni f’dak li jikkonċerna r-rabta ma’ nuqqasijiet fl-evalwazzjoni tal-alternattivi xierqa

– Fuq ir-raba’ parti, ibbażata fuq żball ta’ liġi fl-interpretazzjoni tal-Artikolu 60(7) u tal-Artikolu 64(3) tar-Regolament Nru 1907/2006

Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni li jivvizzjaw l-evalwazzjoni soċjo-ekonomika msemmija fl-Artikolu 60(4) tar-Regolament Nru 1907/2006

– Fuq l-ewwel parti, ibbażata fuq żbalji ta’ liġi u fuq żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni li jivvizzjaw l-qafas ta’ referenza tal-evalwazzjoni soċjo-ekonomika

– Fuq it-tieni parti, ibbażata fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni li jivvizzja l-evalwazzjoni tal-bilanċ bejn ir-riskji u l-benefiċċji

– Fuq it-tielet parti, ibbażata fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni minħabba n-nuqqas ta’ teħid inkunsiderazzjoni ta’ informazzjoni fil-kuntest tal-evalwazzjoni soċjo-ekonomika

Fuq it-tielet motiv, ibbażat fuq żbalji ta’ liġi u żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni fir-rigward tal-Artikolu 60(4) u (5) tar-Regolament Nru 1907/2006 dwar l-analiżi tal-alternattivi

Fuq ir-raba’ motiv, ibbażat fuq żbalji ta’ liġi u żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni minħabba ksur tal-prinċipju ta’ prekawzjoni fil-kuntest tal-proċedura ta’ awtorizzazzjoni

Fuq l-ispejjeż


*      Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.