Language of document :

Edizzjoni Provviżorja

DIGRIET TAL‑QORTI TAL‑ĠUSTIZZJA (L‑Ewwel Awla)

17 ta’ Lulju 2024 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Proċedura b’urġenza għal deċiżjoni preliminari – Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali – Rikonoxximent tas-sentenzi li jimponu pieni jew miżuri li jċaħħdu l-libertà bil-għan li jiġu infurzati fi Stat Membru ieħor – Deċiżjoni Qafas 2008/909/ĠAI – Artikolu 53(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja – Artikolu 267 TFUE – Kunċett ta’ ‘qorti jew tribunal’ – Proċedura ta’ eżami mill-ġdid fuq talba tal-Ministru – Inammissibbiltà manifesta tat-talba għal deċiżjoni preliminari”

Fil-Kawża C‑235/24 PPU [Niesker] (i),

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Awla Speċjalizzata tal-Gerechtshof Arnhem‑Leeuwarden (il-Qorti tal-Appell ta’ Arnhem‑Leeuwarden, il-Pajjiżi l-Baxxi), permezz ta’ deċiżjoni tad‑29 ta’ Marzu 2024, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit‑2 ta’ April 2024, fil-proċedura

S.A.H.,

fil-preżenza ta’:

Openbaar Ministerie,

IL‑QORTI TAL‑ĠUSTIZZJA (L‑Ewwel Awla),

komposta minn A. Arabadjiev, President tal-Awla, T. von Danwitz (Relatur), P. G. Xuereb, A. Kumin u I. Ziemele, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Campos Sánchez‑Bordona,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal S.A.H., minn T. de Boer u F. Dölle, advocaten,

–        għall-Openbaar Ministerie, minn A.K. Kooij, H.J. Lambers u V. Smink,

–        għall-Gvern tal-Pajjiżi l-Baxxi, minn M. K. Bulterman u A. Hanje, bħala aġenti,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn H. Leupold, F. van Schaik u J. Vondung, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni meħuda, wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li tingħata deċiżjoni permezz ta’ digriet motivat, konformement mal-Artikolu 53(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja,

tagħti l-preżenti

Digriet

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 267 TFUE, tal-Artikoli 6, 8 u 9 tad-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2008/909/ĠAI tas‑27 ta’ Novembru 2008 dwar l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku ta’ sentenzi f’materji kriminali li jimponu pieni ta’ kustodja jew miżuri li jinvolvu ċ-ċaħda tal-libertà bil-għan li jiġu infurzati fl-Unjoni Ewropea (ĠU 2008, L 327, p. 27), u kif ukoll tal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”).

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ proċedura għal eżami mill-ġdid, fuq talba tal-Minister van Veiligheid en Justitie (il-Ministru għas-Sigurtà u għall-Ġustizzja, il-Pajjiżi l-Baxxi) (iktar ’il quddiem il-“Ministru”), ta’ evalwazzjoni tal-Awla Speċjalizzata tal-Gerechtshof Arnhem‑Leeuwarden (il-Qorti tal-Appell ta’ Arnhem‑Leeuwarden, il-Pajjiżi l-Baxxi) (iktar ’il quddiem l-“Awla Speċjalizzata”) tat‑18 ta’ Jannar 2019, li tikkonċerna r-rikonoxximent, l-eżekuzzjoni u l-adattament fil-Pajjiżi l-Baxxi ta’ sanzjoni ta’ priġunerija imposta fuq S.A.H. fl-Isvezja.

 Ilkuntest ġuridiku

 Iddritt talUnjoni

3        L-Artikolu 6 tad-Deċiżjoni Qafas 2008/909, intitolat “Opinjoni u notifika tal-persuna sentenzjata”, jipprovdi.

“1.      Mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 2, sentenza flimkien ma’ ċertifikat tista’ tintbagħat biss lill-Istat ta’ esekuzzjoni għall-fini tar-rikonoxximent tagħha u l-infurzar tal-piena bil-kunsens tal-persuna sentenzjata skond il-liġi ta’ l-Istat emittenti.

2.      Il-kunsens tal-persuna sentenzjata m’għandux jenħtieġ meta tiġi trasferita s-sentenza flimkien maċ-ċertifikat:

[...]

(c)      lill-Istat Membru fejn il-persuna ħarbet jew marret lura b’xi mod ieħor minħabba l-proċedimenti kriminali pendenti kontriha fl-Istat emittenti jew wara kundanna f’dak l-Istat emittenti.

3.      Fil-każijiet kollha fejn il-persuna tkun għadha fl-Istat emittenti, il-persuna għandha tingħata opportunità li tiddikjara l-opinjoni tiegħu jew tagħha oralment jew bil-miktub. Meta l-Istat emittenti jikkunsidra li dan huwa meħtieġ fid-dawl ta’ l-età tal-persuna sentenzjata jew il-kondizzjoni fiżika jew mentali tagħha, dik l-opportunità għandha tingħata lir-rappreżentant legali tagħha.

Għandu jittieħed kont ta’ l-opinjoni tal-persuna sentenzjata meta tkun qed tiġi deċiża l-kwistjoni tat-trasferiment tas-sentenza flimkien maċ-ċertifikat. Fejn il-persuna tkun għamlet użu mill-opportunità provduta f’dan il-paragrafu, l-opinjoni tal-persuna sentenzjata għandha tiġi trasmessa lill-Istat ta’ esekuzzjoni, partikolarment bil-ħsieb ta’ l-Artikolu 4(4). Jekk il-persuna tkun iddikjarat l-opinjoni tagħha orlament, l-Istat emittenti għandu jiżgura li r-rekord bil-miktub ta’ tali dikjarazzjoni hija disponibbli fl-Istat ta’ esekuzzjoni.

4.      L-awtorità kompetenti ta’ l-Istat emittenti għandha tinforma lill-persuna sentenzjata, f’lingwa li hija tifhem, li hi ddeċidiet li s-sentenza flimkien maċ-ċertifikat ikunu trasmessi bl-użu tal-formola standard ta’ notifikazzjoni elenkata fl-Anness II. Meta l-persuna sentenzjata tkun fl-Istat ta’ esekuzzjoni fil-ħin ta’ dik id-deċiżjoni, dik il-formola għandha tiġi trasmessa lill-Istat ta’ esekuzzjoni li għandu jinforma lill-persuna kif meħtieġ.

[…]”

4        L-Artikolu 8 tal-istess deċiżjoni qafas, intitolat “Rikonoxximent tas-sentenza u infurzar tal-piena”, jipprevedi:

“1.      L-awtorità kompetenti ta’ l-Istat ta’ esekuzzjoni għandha tirrikonoxxi s-sentenza li tkun ġiet trasmessa skond l-Artikolu 3a u waqt li tiġi segwita l-proċedura taħt l-Artikolu 5, u għandha minnufih tieħu l-miżuri kollha meħtieġa għall-infurzar tal-piena, sakemm ma tiddeċidix li tinvoka waħda mir-raġunijiet għal non‑rikonoxximent jew non‑infurzar previsti fl-Artikolu 9.

2.      Fejn il-piena tkun inkompatibbli mal-liġi ta’ l-Istat ta’ esekuzzjoni fir-rigward tat-tul tagħha, l-awtorità kompetenti ta’ l-Istat ta’ esekuzzjoni tista’ tiddeċiedi li tadatta l-piena biss fejn dik il-piena taqbeż il-piena massima prevista għal reati simili taħt il-liġi nazzjonali tiegħu. Il-piena adattata m’għandhiex tkun anqas mill-piena massima prevista għal reati simili taħt il-liġi ta’ l-Istat ta’ esekuzzjoni.

3.      Fejn il-piena tkun inkompatibbli mal-liġi ta’ l-Istat ta’ esekuzzjoni f’termini tan-natura tagħha, l-awtorità kompetenti ta’ dak l-Istat ta’ esekuzzjoni tista’ tadattaha għall-piena jew għall-miżura prevista taħt il-liġi tagħha stess għal reati simili. Tali piena jew miżura għandha tikkorrispondi kemm jista’ jkun possibbli mal-piena imposta fl-Istat emittenti u għalhekk l-piena m’għandhiex tiġi konvertita f’piena pekunjarja.

4.      Il-piena adattata m’għandhiex taggrava l-piena li ngħatat fl-Istat emittenti fin-natura jew id-dewmien tagħha.”

5        Skont l-Artikolu 9 tal-imsemmija deċiżjoni qafas, intitolat “Raġunijiet għal non-rikonoxximent jew non-infurzar”:

“1.      L-awtorità kompetenti ta’ l-Istat ta’ esekuzzjoni tista’ tirrifjuta li tirrikonoxxi s-sentenza u li tinforza l-piena, jekk:

[...]

(k)      il-piena imposta tinkludi miżura ta’ kura psikjatrika jew tas-saħħa jew miżura oħra li tinvolvi ċ-ċaħda tal-libertà, li, minkejja l-Artikolu 8(3), ma jistgħux jiġu esegwiti mill-Istat ta’ esekuzzjoni skond is-sistemi legali jew tal-kura tas-saħħa tiegħu;

[...]”

 Iddritt Olandiż

6        Il-Wet wederzijdse erkenning en tenuitvoerlegging vrijheidsbenemende en voorwaardelijke sancties (il-Liġi dwar ir-Rikonoxximent Reċiproku u l-Eżekuzzjoni Reċiproka ta’ Kundanni għal Sanzjonijiet ta’ Priġunerija Sospiżi jew mhux Sospiżi) tat‑12 ta’ Lulju 2012 (Stb. 2012, Nru 333), li tittrasponi fid-dritt Olandiż id-Deċiżjoni Qafas 2008/909, fil-verżjoni tagħha li tapplika għat-tilwima fil-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem il-“WETS”), tipprevedi, fl-Artikolu 2: 11 tagħha:

“1.      Il-Ministru għandu jibgħat id-deċiżjoni ġudizzjarja u ċ-ċertifikat lill-Avukat Ġenerali tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Distrettwali, sakemm ma jkunx iqis sa mill-bidu nett li hemm raġunijiet sabiex jiġi rrifjutat ir-rikonoxximent tad-deċiżjoni ġudizzjarja.

2.      L-Avukat Ġenerali għandu jippreżenta minnufih id-deċiżjoni ġudizzjarja u ċ-ċertifikat lill-[Awla Speċjalizzata] imsemmija fl-Artikolu 67 tal-Wet op de rechterlijke organisatie [(il-Liġi dwar l-Organizzazzjoni Ġudizzjarja)]. Huwa għandu jippreżenta quddiemha kwalunkwe osservazzjoni li jista’ jkollu fuq id-dokumenti msemmija iktar ’il fuq fi żmien erbatax‑il jum mid-data li fiha huwa jkun issottomettielha d-dokumenti.

3.      L-[Awla Speċjalizzata] għandha tiddeċiedi:

(a)      jekk hemmx raġunijiet sabiex jiġi rrifjutat ir-rikonoxximent tad-deċiżjoni ġudizzjarja skont l-Artikolu 2: 13(1);

(b)      jekk is-sanzjoni ta’ priġunerija tkunx ġiet imposta għal fatt punibbli wkoll taħt id-dritt Olandiż u, fl-affermattiv, liema huwa dan il-fatt;

(c)      kif is-sanzjoni ta’ priġunerija għandha tiġi adattata, konformement mal-paragrafi 4 jew 5.

4.      Jekk it-tul tas-sanzjoni ta’ priġunerija jkun iktar mit-tul massimu tal-piena imposta fid-dritt Olandiż għar-reat ikkonċernat, it-tul tas-sanzjoni ta’ priġunerija għandu jitnaqqas għal dan it-tul massimu.

5.      Jekk in-natura tas-sanzjoni ta’ priġunerija mogħtija tkun inkompatibbli mad-dritt Olandiż, din is-sanzjoni għandha tiġi ssostitwita b’piena jew miżura prevista fid-dritt Olandiż u li tkun tikkorrispondi kemm jista’ jkun għas-sanzjoni ta’ priġunerija mogħtija fl-Istat Membru emittenti.

6.      L-adattament previst fil-paragrafi 4 jew 5 ma għandu, fl-ebda każ, iwassal għal żieda fis-sanzjoni ta’ priġunerija mogħtija.

7.      Fi żmien sitt ġimgħat mid-data li fiha tkun irċeviet id-deċiżjoni ġudizzjarja u ċ-ċertifikat, l-[Awla Speċjalizzata] għandha tibgħat lill-Ministru l-evalwazzjoni bil-miktub u motivata li hija tkun għamlet skont il-paragrafu 3.”

7        L-Artikolu 2: 12 tal-WETS jipprevedi:

“1.      Il-Ministru għandu jiddeċiedi dwar ir-rikonoxximent tad-deċiżjoni ġudizzjarja billi jieħu inkunsiderazzjoni l-evalwazzjoni tal-[Awla Speċjalizzata].

[...]”

8        L-Artikolu 2: 13 ta’ din il-liġi jipprovdi:

“1.      Ir-rikonoxximent tad-deċiżjoni ġudizzjarja għandu jiġi rrifjutat meta:

[...]

(i)       is-sanzjoni mogħtija tkun tikkonċerna miżura li ċċaħħad il-libertà fil-qasam tal-kura tas-saħħa li ma tkunx tista’ tiġi eżegwita skont id-dritt Olandiż jew fil-kuntest tas-sistema legali Olandiża tal-kura tas-saħħa.

2.      Ir-rikonoxximent tad-deċiżjoni ma għandux jiġi rrifjutat abbażi tal-paragrafu 1(a), (b), (e) u (i), kemm‑il darba l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru emittenti ma jkollhiex l-opportunità li tipprovdi informazzjoni f’dan ir-rigward.”

9        L-Artikolu 2: 14 tal-imsemmija liġi jipprevedi:

“1.      Ir-rikonoxximent tad-deċiżjoni ġudizzjarja jista’ jiġi rrifjutat meta:

(a)      il-fatt li għalih tkun ingħatat is-sanzjoni ta’ priġunerija:

1°.      ikun meqjus li twettaq totalment jew parzjalment fit-territorju Olandiż jew barra mill-Pajjiżi l-Baxxi abbord bastiment jew inġenju tal-ajru Olandiż; jew

2°.      ikun twettaq barra mit-territorju tal-Istat Membru emittenti, meta, skont id-dritt Olandiż, ma setgħu jinbdew ebda proċeduri kriminali jekk il-fatt ikun twettaq barra mill-Pajjiżi l-Baxxi;

(b)      fil-mument li fih tkun ġiet irċevuta d-deċiżjoni ġudizzjarja, ikun fadal inqas minn sitt xhur mill-piena ta’ priġunerija mogħtija.

2.      Ir-rikonoxximent tad-deċiżjoni ma għandux jiġi rrifjutat abbażi tal-paragrafu 1(a), kemm‑il darba l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru emittenti ma jkollhiex il-possibbiltà li tipprovdi informazzjoni f’dan ir-rigward.”

10      L-Artikolu 67 tal-Liġi dwar l-Organizzazzjoni Ġudizzjarja huwa fformulat kif ġej:

“1.      Il-Kulleġġ responsabbli għall-amministrazzjoni tal-Gerechtshof Arnhem Leeuwarden [(il-Qorti tal-Appell ta’ Arnhem‑Leeuwarden)] għandu jifforma awla kulleġġjali [...]. Il-kompożizzjoni ta’ din l-awla għandha tiġi ddeterminata mill-Kulleġġ responsabbli għall-amministrazzjoni.

2.      Din l-awla għandha wkoll tkun responsabbli għall-kompiti fdati lilha [...] fl-Artikoli 2: 11(3) u 2: 27 [...] tal-[WETS]. [...]”

 Ilkawża prinċipali u ddomandi preliminari

11      S.A.H., ta’ nazzjonalità Iraqina, ilu jgħix fil-Pajjiżi l-Baxxi sa mill‑1996, fejn huwa kiseb permess ta’ residenza permanenti fl‑2001.

12      Permezz ta’ sentenza tas‑26 ta’ Frar 2015, huwa ġie kkundannat mill-Göta hovrätt (il-Qorti tal-Appell, sedenti f’Jönköping, l-Isvezja) għal pussess ta’ armi pprojbiti, theddid illegali, abbuż, kif ukoll offiżi gravi fuq il-persuna. Dik il-qorti kkonstatat li dawn l-atti, ilkoll ta’ natura kriminali, ma setgħux jiġu imputati lil S.A.H. minħabba mard tal-moħħ u imponiet fuq dan tal-aħħar miżura li ċċaħħdu mil-libertà, jiġifieri trattament psikjatriku mediko‑legali għal żmien indeterminat b’eżami speċjali fil-mument li fih huwa jiġi rrilaxxat.

13      Peress li l-persuna kkonċernata talbet li l-eżekuzzjoni ta’ din il-miżura tiġi ttrasferita lejn il-Pajjiżi l-Baxxi, l-awtoritajiet Svediżi talbu lill-Ministru jirrikonoxxi u jeżegwixxi din is-sentenza u sussegwentement bagħtulu l-imsemmija sentenza u ċ-ċertifikat imsemmi fl-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni Qafas 2008/909.

14      Skont l-Artikolu 2: 11 tal-WETS, dawn id-dokumenti ntbagħtu lill-Awla Speċjalizzata li, fit‑18 ta’ Jannar 2019, qieset b’mod partikolari li l-miżura li ċaħdet lil S.A.H. mil-libertà tiegħu kellha tiġi adattata u ssostitwita b’miżura ta’ żamma taħt detenzjoni bl-obbligu li huwa jippreżenta ruħu għall-kura pprovduta mill-awtoritajiet, mingħajr ma jiġi ffissat tul massimu.

15      Fit‑18 ta’ Frar 2019, il-Ministru, bħala awtorità kompetenti fis-sens tad-Deċiżjoni Qafas 2008/909, irrikonoxxa d-deċiżjoni tas‑26 ta’ Frar 2015 billi ħa inkunsiderazzjoni l-evalwazzjoni tal-Awla Speċjalizzata tat‑18 ta’ Jannar 2019. Il-miżura li ċċaħħad il-libertà ġiet ikkonvertita f’tali żamma taħt detenzjoni u l-persuna kkonċernata tqiegħdet f’ċentru psikjatriku mediko‑legali fil-Pajjiżi l-Baxxi.

16      Fis‑6 ta’ Awwissu 2020, l-iStaatssecretaris van Justitie en Veiligheid (is-Segretarju tal-Istat għall-Ġustizzja u għas-Sigurtà, il-Pajjiżi l-Baxxi) adotta digriet li permezz tiegħu l-permess ta’ residenza ġie rtirat b’effett retroattiv mid‑29 ta’ Awwissu 2014 u ddikjara lil S.A.H. bħala persuna barranija mhux mixtieqa.

17      S.A.H. ikkontesta l-legalità tad-deċiżjoni ta’ rikonoxximent tat‑18 ta’ Frar 2019 quddiem il-qorti ċivili, minħabba, b’mod partikolari, li l-proċedura li wasslet għall-evalwazzjoni tat‑18 ta’ Jannar 2019 ma kinitx tissodisfa r-rekwiżiti tal-Artikolu 47 tal-Karta. Permezz ta’ sentenza tal‑5 ta’ Settembru 2023, il-Gerechtshof Den Haag (il-Qorti tal-Appell ta’ Den Haag, il-Pajjiżi l-Baxxi) laqgħet it-talba u ordnat lill-Ministru jeżamina mill-ġdid id-deċiżjoni tiegħu.

18      Permezz ta’ ittra tal‑15 ta’ Settembru 2023, il-Ministru talab lill-Awla Speċjalizzata twettaq eżami mill-ġdid fil-kuntest ta’ proċedura konformi ma’ dawn ir-rekwiżiti.

19      Wara li saret din it-talba, l-Awla Speċjalizzata sejħet laqgħa informali fit‑12 ta’ Jannar 2024, li għaliha ġew mistiedna l-avukati ta’ S.A.H., kif ukoll rappreżentanti tal-Uffiċju tal-Prosekutur Pubbliku.

20      F’dan ir-rigward, l-Awla Speċjalizzata tiddeskrivi l-proċedura mmexxija minnha bil-mod kif ġej: il-Ministru jitlobha, permezz tal-Avukat Ġenerali, twettaq evalwazzjoni limitata għal jekk hemmx raġuni għal rifjut ta’ rikonoxximent obbligatorju skont il-WETS, għan-natura punibbli tal-fatti fil-Pajjiżi l-Baxxi u għall-ħtieġa possibbli ta’ adattament tal-piena jew tal-miżura li ċċaħħad il-libertà mogħtija fi Stat Membru ieħor. Hija żżid tgħid li ma hija prevista ebda possibbiltà ta’ appell mid-deċiżjoni tal-Ministru. Madankollu, din l-awla tista’ tiġi adita b’talba għal eżami mill-ġdid fuq talba tal-Ministru, jew wara ilment tal-persuna kkundannata quddiem dan tal-aħħar, jew inkella wara proċedura ċivili mibdija minn din il-persuna, bħal f’dan il-każ.

21      F’dan il-kuntest, l-Awla Speċjalizzata tistaqsi, qabelxejn, jekk għandhiex in-natura ta’ “qorti jew tribunal” fis-sens tal-Artikolu 267 TFUE li jistgħu jagħmlu domandi preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja. F’dan ir-rigward, hija tindika li sal-lum hija qieset li dan ma kienx il-każ u li r-Rapport ta’ Evalwazzjoni dwar il-Pajjiżi l-Baxxi tat‑2 ta’ Diċembru 2022, imħejji fil-kuntest tad-Disa’ Serje ta’ Evalwazzjonijiet Reċiproċi dwar Strumenti Legali għal Rikonoxximent Reċiproku fil-Qasam taċ-Ċaħda jew ir-Restrizzjoni tal-Libertà, ikkoordinat mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea (13190/1/22 REV 1), ikkonkluda wkoll f’dan is-sens. Madankollu, mill-oriġini tal-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali jirriżulta li l-leġiżlatur Olandiż xtaq evalwazzjoni ġudizzjarja dwar il-kwistjonijiet legali mqajma mill-Artikolu 8(2) sa (4) u mill-Artikolu 9 tad-Deċiżjoni Qafas 2008/909.

22      L-Awla Speċjalizzata tqis ukoll li l-kwistjoni dwar jekk il-proċedura quddiemha tistax tiġi kklassifikata bħala kontradittorja hija waħda determinanti u tippreċiża li l-imsemmija proċedura toriġina mil-liġi, li għandha natura permanenti, li tapplika dispożizzjonijiet legali, li hija indipendenti u li tieħu inkunsiderazzjoni l-argumenti tal-persuna kkundannata li jiġu ppreżentati quddiemha. Barra minn hekk, għalkemm l-evalwazzjoni tagħha hija limitata għal ċertu numru ta’ kwistjonijiet, din tal-aħħar għandha natura vinkolanti.

23      L-Awla Speċjalizzata tistaqsi, imbagħad, jekk l-evalwazzjoni legali li hija tagħmel skont l-Artikolu 2: 11 tal-WETS taqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni jew tagħmilx parti mis-sitwazzjonijiet irregolati minn dan id-dritt u, fl-affermattiv, jekk il-possibbiltà li jintalab eżami mill-ġdid fil-kuntest ta’ proċedura bil-miktub, kif din żviluppat fil-prattika, tissodisfax ir-rekwiżiti tal-Artikolu 47 tal-Karta. Fl-aħħar nett, hija titlob kjarifika dwar il-possibiltajiet ta’ adattament ta’ miżura li ċċaħħad il-libertà permess mid-Deċiżjoni Qafas 2008/909.

24      F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-Awla Speċjalizzata ddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“(1)      Il-kunċett ta’ ‘qorti jew tribunal’ fis-sens tal-Artikolu 267 TFUE, moqri flimkien mal-Artikolu 8(2) sa (4) u mal-Artikolu 9 tad-Deċiżjoni Qafas [2008/909], għandu jiġi interpretat fis-sens li jkopri wkoll qorti ordinarja għajr l-awtorità kompetenti prevista fl-Artikolu 8(1) [ta’ din id-deċiżjoni qafas], maħtura għall-finijiet ta’ kwistjonijiet legali li hemm riferiment għalihom fl-Artikolu [8](2) sa (4) u fl-Artikolu 9 [tal-imsemmija deċiżjoni qafas], u li tiddeċiedi esklużivament fuq dawn il-kwistjonijiet legali skont proċedura bil-miktub li fiha, fil-prinċipju, ma tintervjenix il-persuna kkundannata?

(2)      L-Artikolu 47 tal-[Karta] għandu jiġi interpretat fis-sens li, fejn fil-kuntest ta’ proċedura ta’ rikonoxximent skont id-Deċiżjoni Qafas [2008/909], qorti nazzjonali maħtura għal dan l-għan fl-Istat ta’ eżekuzzjoni tkun ġiet inkarigata tevalwa l-aspetti msemmija fl-Artikolu 8(2) sa (4) u fl-Artikolu 9 ta’ din id-deċiżjoni qafas, il-persuna kkundannata għandha tingħata, minbarra l-possibbiltà li tippreżenta l-osservazzjonijiet tagħha fl-Istat emittenti skont l-Artikolu 6(3) [tal-imsemmija deċiżjoni qafas], rimedju effettiv fl-Istat eżekuzzjoni?

Fil-każ li tingħata risposta fl-affermattiv għal din id-domanda:

(3)      L-Artikolu 47 tal-Karta, moqri fid-dawl tad-Deċiżjoni Qafas [2008/909], għandu jiġi interpretat fis-sens li, fir-rigward tar-rimedju effettiv fl-Istat eżekuzzjoni, huwa biżżejjed li l-persuna kkundannata tkun tista’ tippreżenta osservazzjonijiet bil-miktub, qabel ma l-qorti tiddeċiedi permezz ta’ deċiżjoni ta’ rikonoxximent, jew wara l-adozzjoni tad-deċiżjoni ta’ rikonoxximent, fil-kuntest ta’ eżami mill-ġdid tal-evalwazzjoni inizjali?

u

(4)      L-Artikolu 47 tal-Karta, moqri fid-dawl tad-Deċiżjoni Qafas [2008/909], għandu jiġi interpretat fis-sens li persuna kkundannata li ma jkollhiex riżorsi finanzjarji suffiċjenti u li teħtieġ għajnuna legali sabiex jiġi ggarantit aċċess effettiv għall-ġustizzja għandha tibbenefika mill-għajnuna legali fl-Istat eżekuzzjoni, minkejja li dan ma jkunx previst fil-liġi?

(5)      Il-kriterju stabbilit fl-Artikolu 8(3) tad-Deċiżjoni Qafas [2008/909] għandu jiġi interpretat fis-sens li, fil-każ ta’ modifika ta’ piena jew ta’ miżura minħabba li, min-natura tagħha, tkun inkompatibbli mad-dritt tal-Istat ta’ eżekuzzjoni, ikun hemm lok li jiġi eżaminat liema miżura l-qorti tal-Istat ta’ eżekuzzjoni kienet probabbilment tapplika li kieku l-proċeduri żvolġew fl-Istat ta’ eżekuzzjoni jew għandha ssir evalwazzjoni dwar il-portata effettiva tal-miżura fl-Istat emittenti fejn, jekk neċessarju, tiġi mitluba informazzjoni addizzjonali?

(6)      Kif u sa fejn għandu l-Istat ta’ eżekuzzjoni jieħu inkunsiderazzjoni l-iżviluppi u l-informazzjoni li jiżvolġu wara d-deċiżjoni ta’ rikonoxximent fil-każ ta’ evalwazzjoni ġdida possibbli tal-projbizzjoni tal-aggravazzjoni tal-piena skont l-Artikolu 8(4) tad-Deċiżjoni Qafas [2008/909]? ”

 Fuq ilproċedura b’urġenza

25      L-Awla Speċjalizzata talbet li dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari jiġi suġġett għall-proċedura b’urġenza għal deċiżjoni preliminari prevista fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 23a tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea u fl-Artikolu 107 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja.

26      Insostenn ta’ din it-talba, dik l-awla sostniet li S.A.H. kien imċaħħad mil-libertà tiegħu u li r-risposta għad-domandi preliminari tista’ ġġib fi tmiemha din iċ-ċaħda mil-libertà.

27      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar, fl-ewwel lok, li dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari jirrigwarda l-interpretazzjoni tad-Deċiżjoni Qafas 2008/909, li tagħmel parti mit-Titolu V tat-Tielet Parti tat-Trattat FUE, li jikkonċerna l-ispazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja. Konsegwentement, l-imsemmi rinviju jista’ jiġi suġġett għall-proċedura b’urġenza għal deċiżjoni preliminari.

28      Fir-rigward, fit-tieni lok, tal-kundizzjoni dwar l-urġenza, din il-kundizzjoni tkun, b’mod partikolari, issodisfatta meta l-persuna kkonċernata fil-kawża prinċipali tkun effettivament imċaħħda mil-libertà u meta ż-żamma tagħha taħt detenzjoni tkun tiddependi mis-soluzzjoni tat-tilwima fil-kawża prinċipali u dan filwaqt li jiġi ppreċiżat li s-sitwazzjoni ta’ din il-persuna għandha tiġi evalwata hekk kif tkun fid-data li fiha tiġi eżaminata t-talba sabiex ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari jkun suġġett għall-proċedura b’urġenza (sentenza tat-8 ta’ Diċembru 2022, CJ (Deċiżjoni ta’ konsenja posposta minħabba proċeduri kriminali), C‑492/22 PPU, EU:C:2022:964, punt 46 u l-ġurisprudenza ċċitata).

29      F’dan il-każ, mit-talba għal deċiżjoni preliminari jirriżulta li l-persuna kkonċernata hija effettivament imċaħħda mil-libertà tagħha peress li tinsab f’ċentru psikjatriku mediko‑legali fil-Pajjiżi l-Baxxi. Barra minn hekk, l-Awla Speċjalizzata ppreċiżat li r-risposta għad-domandi preliminari, li jirrigwardaw ir-rekwiżiti li jirriżultaw mid-dritt tal-Unjoni li jistgħu japplikaw għas-sitwazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali, setgħet iġġib fi tmiemha ċ-ċaħda mil-libertà, peress li l-miżura li ċċaħħad il-libertà mogħtija fil-konfront tal-persuna kkonċernata fl-Isvezja tista’, b’mod partikolari, tiġi adattata f’miżura li ma ċċaħħadx il-libertà fil-Pajjiżi l-Baxxi.

30      F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-Ewwel Awla tal-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, fit‑22 ta’ April 2024, fuq proposta tal-Imħallef Relatur u wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li tilqa’ t-talba tal-Awla Speċjalizzata sabiex dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari jkun suġġett għall-proċedura b’urġenza għal deċiżjoni preliminari.

 Fuq lammissibbiltà tattalba għal deċiżjoni preliminari

31      Skont l-Artikolu 53(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, meta r-rinviju għal deċiżjoni preliminari jkun manifestament inammissibbli, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’, wara li tisma’ lill-Avukat Ġenerali, tiddeċiedi permezz ta’ digriet motivat, mingħajr ma tkompli l-proċedura.

32      Din id-dispożizzjoni għandha tapplika fil-kuntest ta’ din il-kawża.

33      Għandu jitfakkar li l-proċedura stabbilita fl-Artikolu 267 TFUE hija strument ta’ kooperazzjoni bejn il-Qorti tal-Ġustizzja u l-qrati nazzjonali, li permezz tiegħu l-Qorti tal-Ġustizzja tagħti lil dawn tal-aħħar l-elementi ta’ interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni li huma jkunu jeħtieġu sabiex jiddeċiedu l-kawżi mressqa quddiemhom (sentenza tad‑9 ta’ Marzu 2010, ERG et, C‑378/08, EU:C:2010:126, punt 72, kif ukoll id-digriet tad‑9 ta’ Jannar 2024, Bravchev, C‑338/23, EU:C:2024:4, punt 18).

34      Minn dan jirriżulta li, sabiex ikun jista’ jadixxi lill-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest tal-proċedura għal deċiżjoni preliminari, il-korp tar-rinviju għandu jkun jista’ jiġi kklassifikat bħala “qorti jew tribunal” fis-sens tal-Artikolu 267 TFUE u li hija l-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tivverifika dan abbażi tat-talba għal deċiżjoni preliminari (sentenza tas‑7 ta’ Mejju 2024, NADA et, C‑115/22, EU:C:2024:384, punt 34, kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

35      Skont ġurisprudenza stabbilita, sabiex jiġi evalwat jekk il-korp tar-rinviju inkwistjoni għandux in-natura ta’ “qorti jew tribunal” fis-sens tal-Artikolu 267 TFUE, kwistjoni li taqa’ unikament taħt id-dritt tal-Unjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tieħu inkunsiderazzjoni numru ta’ fatturi, bħal, fost oħrajn, l-oriġini legali ta’ dan il-korp, il-permanenza tiegħu, in-natura obbligatorja tal-ġurisdizzjoni tiegħu, in-natura kontradittorja tal-proċeduri tiegħu, l-applikazzjoni, mill-korp inkwistjoni, tad-dispożizzjonijiet legali, kif ukoll l-indipendenza tiegħu (sentenza tas‑7 ta’ Mejju 2024, NADA et, C‑115/22, EU:C:2024:384, punt 35, kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

36      Minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li l-qrati nazzjonali jistgħu jadixxu lill-Qorti tal-Ġustizzja biss fil-każ li jkun hemm tilwima pendenti quddiemhom u fil-każ li dawn ikunu ntalbu jagħtu deċiżjoni fil-kuntest ta’ proċedura intiża sabiex twassal għal deċiżjoni ta’ natura ġudizzjarja (sentenza tat‑3 ta’ Mejju 2022, CityRail, C‑453/20, EU:C:2022:341, punt 42 u l-ġurisprudenza ċċitata).

37      Għalhekk, il-kwistjoni dwar jekk korp jistax jadixxi lill-Qorti tal-Ġustizzja għandha tiġi ddeterminata abbażi ta’ kriterji kemm strutturali kif ukoll funzjonali. F’dan ir-rigward, korp nazzjonali jista’ jiġi kklassifikat bħala “qorti jew tribunal”, fis-sens tal-Artikolu 267 TFUE, meta jkun qiegħed jeżerċita funzjonijiet ġudizzjarji, iżda mhux ukoll meta jkun qiegħed jeżerċita funzjonijiet oħra, b’mod partikolari ta’ natura amministrattiva (sentenza tat‑3 ta’ Mejju 2022, CityRail, C‑453/20, EU:C:2022:341, punt 43 u l-ġurisprudenza ċċitata).

38      Dan ifisser li, sabiex jiġi stabbilit jekk korp nazzjonali, li l-liġi tafdalu funzjonijiet ta’ natura differenti, għandux jiġi kklassifikat bħala “qorti jew tribunal”, fis-sens tal-Artikolu 267 TFUE, huwa neċessarju li tiġi vverifikata n-natura speċifika tal-funzjonijiet li huwa jeżerċita fil-kuntest legali speċifiku li fih huwa jkun intalab jadixxi lill-Qorti tal-Ġustizzja (sentenza tat‑3 ta’ Mejju 2022, CityRail, C‑453/20, EU:C:2022:341, punt 44 u l-ġurisprudenza ċċitata).

39      Barra minn hekk, meta l-korp tar-rinviju jaġixxi bħala awtorità amministrattiva mingħajr fl-istess ħin ma jkun intalab jiddeċiedi tilwima, huwa ma jistax jitqies li jkun qiegħed jeżerċita funzjoni ġudizzjarja (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑27 ta’ April 2006, Standesamt Stadt Niebüll, C‑96/04, EU:C:2006:254, punt 14 u l-ġurisprudenza ċċitata).

40      F’dan il-każ, fid-dawl tal-elementi li jinsabu fil-proċess ippreżentat lill-Qorti tal-Ġustizzja, b’mod partikolari tad-dispożizzjonijiet tal-Liġi dwar l-Organizzazzjoni Ġudizzjarja u tal-WETS, l-Awla Speċjalizzata tidher li tissodisfa l-kriterji rilevanti sabiex korp tar-rinviju jiġi kklassifikat bħala “qorti jew tribunal”, fis-sens tal-Artikolu 267 TFUE, u dan fid-dawl tal-oriġini legali tagħha, tal-permanenza tagħha, tal-applikazzjoni ta’ dispożizzjonijiet legali, kif ukoll tal-indipendenza tagħha.

41      Fir-rigward tal-kriterji l-oħra rilevanti f’dan ir-rigward u, fl-ewwel lok, tal-kwistjoni dwar jekk l-Awla Speċjalizzata teżerċitax, fil-proċedura inkwistjoni fil-kawża prinċipali, funzjoni ġudizzjarja, minn dawn l-elementi jirriżulta li, skont l-Artikoli 2: 11 u 2: 12 tal-WETS, l-Awla Speċjalizzata għandha tiġi adita mill-Ministru sabiex tibgħatlu evalwazzjoni dwar il-kwistjonijiet legali ddelimitati previsti f’dan l-Artikolu 2: 11(3), liema artikolu dan tal-aħħar għandu jieħu inkunsiderazzjoni sabiex jiddeċiedi dwar ir-rikonoxximent tad-deċiżjoni ġudizzjarja mogħtija fi Stat Membru ieħor, kif proprju tindika b’mod espliċitu l-formulazzjoni ta’ dan l-Artikolu 2: 12.

42      Kif ikkonferma l-Gvern Olandiż fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu, għalkemm il-Ministru huwa marbut isegwi din l-evalwazzjoni dwar dawn il-kwistjonijiet, dan tal-aħħar għandu, madankollu, huwa stess setgħa ta’ evalwazzjoni u s-setgħa li jadotta jew le d-deċiżjoni ta’ rikonoxximent tas-sentenza tal-Istat emittenti. Fil-fatt, il-Ministru jista’ jiddeċiedi li fid-deċiżjoni tiegħu ma jinvolvix lill-Awla Speċjalizzata, konformement mal-Artikolu 2: 11 tal-WETS, meta huwa jqis sa mill-bidu li jkun hemm raġunijiet għal rifjut. Il-Ministru għandu jeżamina wkoll ir-raġunijiet għal rifjut ta’ rikonoxximent previsti fl-Artikolu 2: 14 tal-WETS u, konsegwentement, jista’ jqis li jkun hemm raġuni għal rifjut ta’ rikonoxximent tas-sentenza, minkejja li l-Awla Speċjalizzata tkun qieset li ma kien hemm ebda raġuni għal rifjut. Barra minn hekk, fir-rigward tal-garanziji li l-Ministru effettivament isegwi l-evalwazzjoni tal-Awla Speċjalizzata, għandu jiġi rrilevat li r-Rapport ta’ Evalwazzjoni dwar il-Pajjiżi l-Baxxi, imsemmi fil-punt 21 ta’ dan id-digriet, indika li din l-evalwazzjoni ma kinitx “teknikament” vinkolanti għall-Ministru.

43      Fit-tieni lok, fir-rigward tal-eżistenza ta’ “tilwima” pendenti quddiem l-Awla Speċjalizzata, għandu jitfakkar li l-Awla Speċjalizzata għandha tiġi adita, skont l-Artikolu 2: 11 tal-WETS, mhux fuq inizjattiva tal-persuna kkundannata iżda fuq inizjattiva tal-Ministru.

44      Barra minn hekk, mill-informazzjoni li għandha quddiemha l-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-persuna kkundannata ma tistax tikkontesta quddiem l-Awla Speċjalizzata d-deċiżjoni li jkun ħa l-Ministru. Effettivament, huwa biss dan tal-aħħar li jista’ jadixxi dik l-awla b’talba għal eżami mill-ġdid. F’dan ir-rigward, l-Awla Speċjalizzata ppreċiżat li hija ma kinitx taf jekk il-Ministru kienx jagħżel bejn l-ilmenti li huwa jibgħatilha sabiex teżamina mill-ġdid.

45      Għandu jiġi rrilevat ukoll li l-evalwazzjoni tal-Awla Speċjalizzata la hija mogħtija pubblikament u lanqas innotifikata lill-persuna kkundannata, peress li din tal-aħħar għandha tiġi informata biss bid-deċiżjoni tal-Ministru.

46      Fir-rigward, fit-tielet lok, tan-natura kontradittorja tal-proċedura inkwistjoni fil-kawża prinċipali, għalkemm l-Awla Speċjalizzata indikat li, fil-prattika, hija kienet tieħu inkunsiderazzjoni l-osservazzjonijiet bil-miktub tal-persuna kkundannata li jkunu ntbagħtu lilha mill-Ministru jew direttament minn din il-persuna, il-possibbiltà għal din tal-aħħar li tipparteċipa fil-proċedura u li tippreżenta osservazzjonijiet, kemm bil-miktub kif ukoll orali, ma hijiex prevista fil-WETS, filwaqt li, konformement ma’ din il-liġi, l-Avukat Ġenerali tal-Uffiċċju tal-Prosekutur għandu tali possibbiltà.

47      Dan ifisser li huwa ċar, minn naħa, li l-evalwazzjoni tal-Awla Speċjalizzata ssir fil-kuntest ta’ proċedura mhux kontradittorja u li ma hijiex intiża sabiex tiddeċiedi tilwima. Min-naħa l-oħra, din l-evalwazzjoni la għandha l-forma, la l-isem u lanqas il-kontenut ta’ sentenza mogħtija fil-kuntest tal-eżerċizzju ta’ funzjoni ġudizzjarja, iżda tagħmel parti mill-proċedura għall-adozzjoni ta’ deċiżjoni ta’ natura amministrattiva tal-Ministru.

48      Fi kwalunkwe każ, mill-indizji fit-talba għal deċiżjoni preliminari u fl-osservazzjonijiet tal-partijiet jirriżulta li l-persuna kkundannata tista’ tikkontesta d-deċiżjoni tal-Ministru quddiem il-qorti ċivili, bis-saħħa tal-ġurisdizzjoni residwa tagħha, billi titlob lil din il-qorti, li huwa stabbilit, fil-kuntest ta’ din il-proċedura, li għandha n-natura ta’ “qorti jew tribunal” fis-sens tal-Artikolu 267 TFUE, tagħmel eżami mill-ġdid ta’ din id-deċiżjoni jew tadattaha.

49      Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet kollha, fil-kuntest tal-proċedura msemmija fl-Artikolu 2: 11 tal-WETS, huwa ċar li l-Awla Speċjalizzata ma hijiex qiegħda tintalab tagħti deċiżjoni ta’ natura ġudizzjarja u, għaldaqstant, ma tikkostitwixxix “qorti jew tribunal” fis-sens tal-Artikolu 267 TFUE.

50      Minn dak kollu premess jirriżulta li din it-talba għal deċiżjoni preliminari hija manifestament inammissibbli.

 Fuq lispejjeż

51      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem l-organu tar-rinviju, huwa dan tal-aħħar li għandu jiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

It-talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Awla Speċjalizzata tal-Gerechtshof ArnhemLeeuwarden (il-Qorti tal-Appell ta’ ArnhemLeeuwarden, il-Pajjiżi l-Baxxi) permezz ta’ deċiżjoni tad29 ta’ Marzu 2024, hija manifestament inammissibbli.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: l-Olandiż.


i      L-isem ta’ din il-kawża huwa fittizju. Dan l-isem ma jikkorrispondi għall-isem reali ta’ ebda waħda mill-partijiet fil-proċedura.