Language of document : ECLI:EU:C:2017:349

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

SHARPSTON

ippreżentati fl-4 ta’ Mejju 2017 (1)

Kawża C-18/16

K.

vs

Staatssecretaris van Veiligheid en Justitie

[Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mir-rechtbank Den Haag zittingsplaats Haarlem (qorti distrettwali, Den Haag, sede f’Haarlem, il-Pajjiżi l-Baxxi)]

“Poltika tal-ażil – Standards għall-akkoljenza ta’ applikanti għall-protezzjoni internazzjonali – Direttiva 2013/33/UE – Artikolu 9 – Detenzjoni – Punti (a) u (b) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 8(3) – Verifika tal-identità jew in-nazzjonalità – Verifika tal-elementi li fuqhom hija bbażata l-applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali – Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Artikoli 6 u 52 – Proporzjonalità”






1.        Permezz ta’ din it-talba għal deċiżjoni preliminari, ir-rechtbank Den Haag zittingsplaats Haarlem (qorti distrettwali, Den Haag, sede f’Haarlem, il-Pajjiżi l-Baxxi), qiegħda titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tgħid jekk il-punti (a) u (b) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 8(3) tad-Direttiva 2013/33 li tistabbilixxi l-istandards dwar l-akkoljenza ta’ applikanti għall-protezzjoni internazzjonali (2) humiex validi. Essenzjalment, il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf jekk dawk id-dispożizzjonijiet humiex kompatibbli mad-dritt għal-libertà u s-sigurtà sanċiti fl-Artikolu 6 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (3). Dik id-domanda qamet f’tilwima dwar deċiżjoni tas-17 ta’ Diċembru 2015 li ordnat id-detenzjoni fil-Pajjiżi l-Baxxi ta’ K., applikant għall-ażil li kien twaqqaf u ġie detenut fl-ajruport ta’ Schiphol talli uża passaport falz waqt li kien fi triqtu lejn ir-Renju Unit.

 Id-dritt internazzjonali

 Il-Konvenzjoni ta’ Ġinevra dwar l-istatus tar-refuġjati

2.        L-Artikolu 31(1) tal-Konvenzjoni ta’ Ġinevra (4) jipprojbixxi l-impożizzjoni ta’ penalitajiet fuq refuġjati ġejjin direttament minn territorju fejn ħajjithom jew il-libertà tagħhom kienu mhedda minħabba d-dħul jew il-preżenza illegali tagħhom (jew ikunu preżenti mingħajr awtorizzazzjoni), iżda dawn għandhom jippreżentaw ruħhom mingħajr dewmien quddiem l-awtoritajiet u jagħtu raġunijiet validi għad-dħul jew għall-preżenza illegali tagħhom. L-Artikolu 31(2) jgħid li r-restrizzjonijiet ma għandhomx jiġu applikati għall-movimenti ta’ refuġjati ħlief għal dawk li jkunu neċessarji. Kull restrizzjoni bħal dik għandha tiġi applikata biss sakemm jiġi regolarizzat l-istatus tar-refuġjat fil-pajjiż jew ir-refuġjat jikseb ammissjoni xi mkien ieħor.

 Il-Konvenzjoni Ewropea dwar il-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Libertajiet Fundamentali.

3.        L-Artikolu 5(1) tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Libertajiet Fundamentali (5) jiggarantixxi d-dritt għal-libertà u għas-sigurtà tal-persuna. Dak id-dritt huwa kkwalifikat b’numru ta’ eċċezzjonijiet previsti wkoll fl-Artikolu 5(1), li kull waħda minnhom għandha tkun “soġġetta għal proċedura preskritta bil-liġi”. Hawnhekk il-kwistjoni hija jekk id-dritt għal-libertà għandux jitqies bħala kwalifikat bl-eċċezzjoni fl-Artikolu 5(1)(f), li tapplika f’każijiet tal-“arrest jew id-detenzjoni skont il-liġi ta’ persuna biex jiġi evitat li tidħol mingħajr awtorità fil-pajjiż jew ta’ persuna li kontra tagħha tkun qed tittieħed azzjoni għad-deportazzjoni jew għall-estradizzjoni”.

4.        L-indħil fid-dritt għal-libertà personali u s-sigurtà fuq il-bażi tal-eċċezzjonijiet elenkati fl-Artikolu 5(1)(a) sa (f) għandu, sabiex ikun leġittimu, ikun konformi wkoll mal-garanziji stabbiliti fl-Artikolu 5(2) sa (5) tal-KEDB. Fir-rigward ta’ applikazzjoni għall-ażil, dawk il-garanziji jinkludu l-għoti immedjat ta’ informazzjoni dwar l-arrest; l-intitolament biex jieħdu fil-pront proċeduri li jikkontestaw id-detenzjoni quddiem il-qrati li huma kapaċi li jiżguraw il-ħelsien tiegħu (jekk dik id-detenzjoni hija illegali); u dritt eżegwibbli għal kumpens meta d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 5 tal-KEDB jinkisru (6).

 Id-dritt tal-Unjoni

 Il-Karta

5.        L-Artikolu 6 tal-Karta jikkorrispondi mal-Artikolu 5(1) tal-KEDB. Dan jgħid li “Kull persuna għandha d-dritt għal-libertà u għas-sigurtà”.

6.        L-Artikolu 52 tal-Karta huwa intitolat “L-ambitu u l-interpretazzjoni ta’ drittijiet u ta’ prinċipji”. Dan jipprovdi:

“1.      Kull limitazzjoni fl-eżerċizzju tad-drittijiet u tal-libertajiet rikonoxxuti minn din il-Karta għandha tkun prevista mil-liġi u għandha tirrispetta l-essenza ta’ dawk id-drittijiet u l-libertajiet. Bla ħsara għall-prinċipju ta’ proporzjonalità, jistgħu jsiru limitazzjonijiet f’dawk il-każijiet biss fejn ikun meħtieġ u fejn ġenwinament jintlaħqu l-objettivi ta’ interess ġenerali rikonoxxuti mill-Unjoni jew il-ħtieġa li jiġu protetti d-drittijiet u l-libertajiet ta’ oħrajn.

2.      Id-drittijiet rikonoxxuti minn din il-Karta li għalihom hemm dispożizzjonijiet fit-Trattati għandhom jiġu eżerċitati skond il-kondizzjonijiet u fil-limiti definiti fihom.

3.      Safejn din il-Karta fiha drittijiet li jikkorrispondu għal drittijiet iggarantiti mill-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Libertajiet Fundamentali, it-tifsira u l-ambitu ta’ dawk id-drittijiet għandhom ikunu l-istess bħal dawk stabbiliti mill-Konvenzjoni msemmija. Din id-dispożizzjoni ma żżommx lil-liġi ta’ l-Unjoni milli jipprevedi protezzjoni aktar estensiva.

[…]

7.      L-ispjegazzjonijiet imfassla bħala gwida għall-interpretazzjoni ta’ din il-Karta għandhom jingħataw il-kunsiderazzjoni dovuta mill-qrati ta’ l-Unjoni u ta’ l-Istati Membri.”

 Id-Direttiva dwar ir-Ritorn

7.        Id-Direttiva 2008/115 dwar standards u proċeduri komuni fl-Istati Membri għar-ritorn ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu qegħdin fil-pajjiż illegalment (7) għandha l-għan li tipprovdi sett ta’ regoli orizzontali li japplikaw għaċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi kollha li ma jissodisfawx il-kundizzjonijiet għad-dħul, il-waqfa jew ir-residenza fi Stat Membru (8). Bis-saħħa tal-Artikolu 1, id-direttiva “tistabbilixxi standards u proċeduri komuni li għandhom jiġu applikati fl-Istati Membri biex jiġu rritornati ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu qegħdin fil-pajjiż illegalment, skond id-drittijiet fundamentali bħala prinċipji ġenerali tal-liġi [tal-UE] kif ukoll tal-liġi internazzjonali, inkluż il-protezzjoni tar-refuġjati u l-obbligi dwar id-drittijiet tal-bniedem.”

8.        L-Artikolu 2(1) jiddikjara li d-Direttiva dwar ir-Ritorn tapplika għal ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu qegħdin illegalment fit-territorju ta’ Stat Membru. “Ċittadin ta’ pajjiż terz” huwa ddefinit fl-Artikolu 3(1) bħala “kwalunkwe persuna li m’hijiex ċittadin ta’ l-Unjoni Ewropea fis-sens [tal-Artikolu 20(1) TFEU] u li m’hijiex persuna li tgawdi d-dritt tal-moviment liberu Komunitarju, kif definit fl-Artikolu 2(5) tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen” (9). “[D]eċiżjoni ta’ ritorn” hija definita fl-Artikolu 3(4) bħala “deċiżjoni jew att amministrattiv jew ġudizzjarju, li jgħid jew jiddikjara li s-soġġorn ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz hija illegali u li jimponi jew jiddikjara l-obbligu ta’ ritorn”.

 Id-Direttiva dwar il-Kwalifika

9.        Id-Direttiva 2011/95/UE (10) tistabbilixxi l-istandards għall-kwalifika ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi jew persuni mingħajr stat bħala benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali (11). Skont l-Artikolu 2(h), applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali hija ddefinita bħala “talba magħmula minn ċittadin nazzjonali ta’ pajjiż terz jew persuna mingħajr stat għal protezzjoni minn Stat Membru, li tista’ tinftiehem li tfittex stat ta’ refuġjat jew stat ta’ protezzjoni sussidjarja, u li ma titlobx espliċitament tip ieħor ta’ protezzjoni, barra mill-iskop ta’ [dik id-Direttiva] li tista’ ssir applikazzjoni separata għaliha”.

10.      L-Artikolu 4(1) jipprovdi li l-Istati Membri jistgħu jqisu li huwa d-dmir tal-applikanti li jissottomettu kemm jista’ jkun malajr l-elementi kollha meħtieġa biex tiġi ssostanzjata applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali. Skont l-Artikolu 4(2), dawk l-elementi jikkonsistu fid-dikjarazzjonijiet tal-applikant u “d-dokumentazzjoni kollha għad-dispożizzjoni tal-applikant rigward l-età tal-applikant, l-isfond, inkluż dawk ta’ qraba rilevanti, l-identità, in-nazzjonalità(jiet), il-pajjiż(i) u l-post(ijiet) ta’ residenza ta’ qabel, l-applikazzjonijiet ta’ ażil preċedenti, ir-rotot ta’ vjaġġar, id-dokumenti ta’ vjaġġar u r-raġunijiet għall-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali”. Skont l-Artikolu 4(3), l-eżami ta’ applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali għandu jsir fuq bażi individwali u għandu jqis: il-fatti kollha rilevanti dwar il-pajjiż ta’ oriġini fil-mument tat-teħid ta’ deċiżjoni fuq l-applikazzjoni; id-dikjarazzjonijiet u d-dokumentazzjoni rilevanti preżentati minn applikant; u l-pożizzjoni individwali u ċ-ċirkustanzi personali tiegħu, inklużi fatturi bħalma huma l-ambjent minn fejn ikun ġej, is-sess u l-età (12). F’dak ir-rigward, il-premessa 22 tgħid li “[k]onsultazzjonijiet mal-Kummissarju Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għal Refuġjati jistgħu jipprovdu gwida ta’ valur għall-Istati Membri meta jistabbilixxu status ta’ refuġjat”.

11.      Ir-raġunijiet għall-esklużjoni mill-istatus ta’ refuġjat huma elenkati fl-Artikolu 12. L-effett tal-applikazzjoni ta’ dawk il-motivi huwa li applikant jiċċaħħad mill-protezzjoni tal-istatus ta’ refuġjat. Għalhekk, dawn jikkostitwixxu eċċezzjoni għad-dritt għall-ażil fir-rigward ta’ persuna li altrimenti tidħol fl-ambitu ta’ dik il-protezzjoni (13).

 Id-Direttiva dwar Proċeduri

12.      Bis-saħħa tal-Artikolu 9(1) tad-Direttiva 2013/32/UE dwar proċeduri komuni għall-għoti u l-irtirar tal-protezzjoni internazzjonali (14), l-applikanti għandhom jitħallew jibqgħu fi Stat Membru waqt li jkun pendenti l-eżami ta’ talbiet għal din il-protezzjoni.

13.      L-Artikolu 10 jistabbilixxi ċerti rekwiżiti għal dak l-eżami. Dawn jinkludu l-ħtieġa li jiġi eżaminat, minn naħa, jekk l-applikanti jikkwalifikawx bħala refuġjati u, jekk le, jekk humiex eliġibbli għal protezzjoni sussidjarja; biex jiġi żgurat li jkun hemm eżami xieraq tal-applikazzjoni; u biex jiġi żgurat li kwalunkwe eżami bħal dan u d-deċiżjoni sussegwenti tittieħed b’mod individwali, oġġettivament u imparzjalment (15).

14.      Skont l-Artikolu 13, l-Istati Membri għandhom jimponu fuq l-applikanti l-obbligu li jikkooperaw mal-awtoritajiet kompetenti bl-għan li jistabbilixxu l-identità tagħhom u elementi oħra li hemm riferiment għalihom fl-Artikolu 4(2) tad-Direttiva dwar il-kwalifika.

15.      Huma previsti garanziji partikolari għal ċerti applikanti bl-Artikolu 24, u l-pożizzjoni ta’ minuri mhux akkumpanjati hija koperta mill-Artikolu 25.

16.      L-Artikolu 26(1) jirrifletti l-Artikolu 31 tal-Konvenzjoni ta’ Ġinevra, sa fejn il-pożizzjoni ġenerali hija li l-Istati Membri huma pprojbiti milli jżommu persuna f’detenzjoni għall-unika raġuni li huwa ċittadin ta’ pajjiż terz li qiegħed jitlob protezzjoni internazzjonali meta kull applikazzjoni bħal din tibqa’ pendenti. Fejn applikant ikun detenut, ir-raġunijiet u l-kundizzjonijiet għad-detenzjoni tiegħu u l-garanziji disponibbli għandhom ikunu skont id-Direttiva dwar l-Akkoljenza.

17.      Skont l-Artikolu 33 tad-Direttiva dwar Proċeduri, l-Istati Membri jistgħu jikkunsidraw applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali bħala inammissibbli f’ċerti ċirkustanzi, inkluż meta Stat Membru ieħor ikun diġà ta protezzjoni internazzjonali kif stabbilit fl-Artikolu 33(2)(a).

 Id-Direttiva dwar l-Akkoljenza

18.      Isiru d-dikjarazzjonijiet li ġejjin fil-premessi tad-Direttiva dwar l-Akkoljenza:

–        Politika komuni dwar l-asil, inkluża Sistema Komuni Ewropea tal-Asil (iktar ’il quddiem is-“CEAS”), hija parti kostitwenti mill-għan tal-Unjoni Ewropea biex tistabbilixxi progressivament żona ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja miftuħa għal dawk li, imġiegħla minn ċirkustanzi, ifittxu b’mod leġittimu protezzjoni fit-territorju tal-Unjoni Ewropea (16).

–        Is-CEAS hija bbażata fuq l-applikazzjoni sħiħa u inklużiva tal-Konvenzjoni ta’ Ġinevra (17).

–        L-Istati Membri huma marbuta b’obbligi skont l-istrumenti tal-liġi internazzjonali li tagħhom huma parti fir-rigward tat-trattament ta’ persuni li jidħlu fl-ambitu tad-Direttiva dwar l-Akkoljenza (18).

–        Id-detenzjoni tal-applikanti għandha tkun applikata skont il-prinċipju sottostanti li persuna ma għandhiex tinżamm f’detenzjoni għall-unika raġuni li huwa jew hija qiegħda tfittex protezzjoni internazzjonali, b’mod partikolari skont l-obbligi legali internazzjonali tal-Istati Membri, u skont l-Artikolu 31 tal-Konvenzjoni ta’ Ġinevra. L-applikanti jistgħu jiġu detenuti biss taħt ċirkustanzi eċċezzjonali definiti b’mod ċar ħafna stabbiliti f’din id-Direttiva u suġġetti għall-prinċipju ta’ neċessità u proporzjonalità fir-rigward kemm tal-manjiera kif ukoll tal-iskop ta’ tali detenzjoni. Meta applikant jinżamm detenut huwa jew hija għandu jkollhom aċċess effettiv għall-garanziji proċedurali neċessarji bħal rimedju ġudizzjarju quddiem awtorità ġudizzjarja nazzjonali (19).

–        Il-kunċett ta’ “diliġenza meħtieġa” tal-anqas jirrikjedi li l-proċeduri amministrattivi dwar ir-raġunijiet għad-detenzjoni jitwettqu fl-inqas żmien possibbli, partikolarment fir-rigward tat-teħid ta’ “passi konkreti u siewja” sabiex jiġu vverifikati r-raġunijiet għad-detenzjoni. Id-detenzjoni ma għandhiex taqbeż iż-żmien raġonevolment meħtieġ biex jitlestew il-proċeduri rilevanti (20).

–        Sabiex tiġi żgurata aħjar l-integrità fiżika u psikoloġika tal-applikanti, id-detenzjoni għandha tkun miżura tal-aħħar rikors u għandha tiġi applikata biss wara li jkunu ġew eżaminati kif adatt il-miżuri alternattivi kollha mhux ta’ kustodja għad-detenzjoni. Kwalunkwe miżura alternattiva għad-detenzjoni għandha tirrispetta d-drittijiet fundamentali tal-bniedem tal-applikanti (21).

–        Id-Direttiva dwar l-Akkoljenza tirrispetta d-drittijiet fundamentali u tosserva l-prinċipji rrikonoxxuti b’mod partikolari mill-Karta (22).

19.      L-Artikolu 2(a) jinkorpora d-definizzjoni ta’ “applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali” stabbilita fid-Direttiva dwar il-Kwalifika fid-Direttiva dwar l-Akkoljenza. “Applikant” huwa ddefinit fl-Artikolu 2(b) bħala “ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna apolida li jkun għamel applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali li dwarha deċiżjoni finali tkun għadha ma tteħditx” (23). L-Artikolu 2(h) jiddefinixi “detenzjoni” bħala “restrizzjoni ta’ applikant minn Stat Membru f’post partikulari, fejn l-applikant ikun imċaħħad mil-libertà ta’ moviment tiegħu jew tagħha”.

20.      Bis-saħħa tal-Artikolu 3(1), id-direttiva tapplika “għaċ-ċittadini kollha minn pajjiżi terzi u dawk apolidi li jagħmlu applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali fit-territorju, inkluż fil-fruntiera fl-ibħra territorjali jew fiż-żoni ta’ transitu, ta’ Stat Membru, sakemm jitħallew joqogħdu fit-territorju bħala applikanti, kif ukoll għal membri tal-familja, jekk huma koperti minn applikazzjoni għall- protezzjoni internazzjonali skont il-liġi nazzjonali”.

21.      Skont l-Artikolu 8:

“1.      L-Istati Membri ma’ għandhomx iżommu persuna f’detenzjoni għall-unika raġuni li huwa jew hija soġġetta għall-proċedura stabbilita [skont id-Direttiva dwar Proċeduri].

2.      Meta jkun meħtieġ u fuq il-bażi ta’ valutazzjoni individwali ta’ kull każ, l-Istati Membri jistgħu jżommu applikant f’detenzjoni, sakemm miżuri inqas dixxiplinari oħra ma jistgħux ikunu applikati b’mod effettiv.

3.      Applikant jista’ jinżamm f’detenzjoni biss:

(a)      sabiex tiġi determinata, aċċertata jew ivverifikata l-identità jew in-nazzjonalità tiegħu jew tagħha;

(b)      sabiex jiġu determinati dawk l-elementi li fuqhom hija bbażata l-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali u li ma jkunux ottenibbli fin-nuqqas ta’ detenzjoni b’mod partikolari fejn ikun hemm riskju li l-applikant jaħrab;

[…]

Ir-raġunijiet għad-detenzjoni għandhom jiġu stipulati fil-liġi nazzjonali.”

22.      Ċerti garanziji għall-applikanti detenuti huma pprovduti mill-Artikolu 9. Dawn jinkludu rekwiżiti li:

–        applikanti għandhom jiġi detenuti biss għal żmien qasir kemm jista’ jkun u għandhom jinżammu detenuti biss sakemm ikunu applikabbli r-raġunijiet imsemmija fl-Artikolu 8(3) [l-Artikolu 9(1)];

–        id-detenzjoni ta’ applikanti għandha tiġi ordnata bil-miktub mill-awtoritajiet kompetenti u l-ordni tad-detenzjoni għandha tiddikjara r-raġunijiet ta’ fatt u ta’ dritt li fuqhom hi bbażata [l-Artikolu 9(2)];

–        l-Istati Membri għandhom jipprovdu għall-istħarriġ ġudizzjarju rapidu tal-legalità tad-detenzjoni skont l-Artikolu 9(3);

–        l-applikanti detenuti għandhom ikunu mgħarrfa minnufih bil-miktub f’ilsien li huma jifhmu (jew li huwa preżunt li jifhmu) dwar ir-raġunijiet għad-detenzjoni u l-proċeduri għall-kontestazzjoni ta’ tali deċiżjonijiet [l-Artikolu 9(4)];

–        id-detenzjoni hija suġġetta għall-istħarriġ minn awtorità ġudizzjarja [l-Artikolu 9(5)]; u

–        l-applikanti għandhom ikunu intitolati għall-għajnuna u rappreżentanza legali b’xejn sabiex ikunu jistgħu jikkontestaw skont l-Artikolu 9(3) [l-Artikolu 9(6) u (7)].

 Id-dritt nazzjonali

23.      L-Artikolu 59b(1)(a) u (b) tal-Vreemdelingenwet 2000 (liġi dwar iċ-Ċittadini Barranin tal-2000; iktar ’il quddiem l-“Vw”) jgħid:

“1.      Ċittadin barrani li huwa residenti legalment skont ir-raġunijiet fl-Artikolu 8(f) […], [(24)] sa fejn jirrigwarda applikazzjoni għall-ħruġ ta’ permess ta’ residenza ta’ tul limitat maħruġ lil persuni mogħtija l-ażil, jista’ jiġi detenut mill-[Ministru għas-Sigurtà u l-Ġustizzja], jekk:

(a)      id-detenzjoni tkun neċessarja sabiex tiġi stabbilita l-identità jew in-nazzjonalità tal-barrani;

(b)      id-detenzjoni tkun neċessarja sabiex jiġu ddeterminati dawk l-elementi neċessarji għall-evalwazzjoni ta’ applikazzjoni għall-ħruġ ta’ permess ta’ residenza ta’ tul limitat […] jekk hemm riskju ta’ ħarba;

[…]

2.      Id-detenzjoni skont il-paragrafu 1(a) [jew] (b) […] ma għandhiex iddum iktar minn erba’ ġimgħat […]”

 Il-fatti, il-proċedura u d-domandi preliminari

24.      Il-proċeduri prinċipali jirrigwardaw lil K. (iktar ’il quddiem l-“applikant”), ċittadin Iranjan. Huwa wasal fl-ajruport ta’ Schipol, Amsterdam (il-Pajjiżi l-Baxxi), fit-30 ta’ Novembru 2015 fuq titjira minn Vjenna (l-Awstrija). L-intenzjoni tiegħu kienet li jtir lejn Edinburgh (ir-Renju Unit) fl-istess jum. Verifiki fil-kontroll tal-passaport li saru qabel ma tela’ fuq it-titjira lejn Edinburgh qajmu suspetti li kien qed juża passaport falz. Dawk is-suspetti ġew ikkonfermati b’iktar verifiki li stabbilixxew li l-passaport tiegħu kien tabilħaqq falz.

25.      Huwa ġie detenut waqt li ttieħdu passi kriminali kontrih fir-rigward tal-passaport falz li kien ippreżenta lill-awtoritajiet tal-Pajjiżi l-Baxxi. Il-qorti tar-rinviju tgħid li ma hemm xejn x’jissuġġerixxi li huwa ġie detenut sabiex pprevenut id-dħul illegali tiegħu ġewwa l-Pajjiżi l-Baxxi. Anzi ġara li d-detenzjoni inizjali tiegħu kienet tirrigwarda l-arrest tiegħu fuq suspett li wettaq reat kriminali (jew reati kriminali). In-natura eżatta tal-imputazzjoni(jiet) kontrih ma hijiex imfissra fid-digriet tar-rinviju. Madankollu l-qorti tar-rinviju fil-fatt tispjega li l-proċeduri kriminali kienu bbażati fuq dan li ġej: dħul irregolari ġewwa l-Pajjiżi l-Baxxi; ksur tal-leġiżlazzjoni dwar l-immigrazzjoni; nuqqas ta’ kooperazzjoni jew nuqqas ta’ kooperazzjoni fir-rigward li jiġu stabbiliti l-identità u n-nazzjonalità; nuqqas li tintwera raġuni tajba biex titwarrab dokumentazzjoni dwar l-ivvjaġġar u l-identifikazzjoni; u l-użu ta’ dokumenti foloz jew iffalsifikati. Dawk ir-raġunijiet huma deskritti bħala “raġunijiet sostanzjali”. Dawn ir-“raġunijiet mhux sostanzjali” li ġejjin dwar K. huma ċċitati wkoll: in-nuqqas ta’ konformità ma’ obbligu wieħed jew iżjed oħrajn minn dawk applikabbli skont il-Kapitolu 4 tal- Vreemdelingenbesluit 2000 (digriet fuq iċ-Ċittadini Barranin 2000); li ma għandux residenza permanenti; li ma għandux riżorsi finanzjarji adegwati, u li huwa ssuspettat, jew instab ħati, ta’ reat.

26.      Meta kien fid-detenzjoni, K. indika li kellu l-intenzjoni li japplika għall-ażil fil-Pajjiżi l-Baxxi għaliex kien qed jibża’ għall-ħajtu fl-Iran. Skont l-istorja tiegħu, dik it-talba saret fid-9 ta’ Diċembru 2015.

27.      Fil-15 ta’ Diċembru 2015, il-qorti kriminali nazzjonali ddikjarat li l-prosekuzzjoni kriminali ta’ K. kienet inammissibbli. Jidher li, bħala riżultat, l-awtoritajiet kompetenti ddeċidew li ma jipproċedux kontrih (25). Permezz ta’ ordni ta’ “Rilaxx immedjat” tas-16 ta’ Diċembru 2015, il-prosekutur pubbliku ordna l-ħelsien tiegħu mid-detenzjoni. Fis-17 ta’ Diċembru, K. għamel applikazzjoni formali għall-ażil. Fl-istess data, kien detenut bis-saħħa tal-Artikolu 59b(1)(a) u (b) tal-Vw (iktar ’il quddiem “id-deċiżjoni ta’ detenzjoni”).

28.      Id-deċiżjoni ta’ detenzjoni kienet ibbażata fuq ir-raġunijiet, l-ewwel nett, li d-detenzjoni kienet neċessarja sabiex tiġi stabbilita l-identità jew in-nazzjonalità tal-applikant (26), u, it-tieni nett, li kienet meħtieġa sabiex tinkiseb id-data neċessarja għall-evalwazzjoni tal-applikazzjoni tiegħu għall-ażil. Kien ikkunsidrat b’mod partikolari li kien hemm riskju li jista’ jaħrab (27).

29.      Fis-17 ta’ Diċembru 2015, K. ippreżenta appell kontra d-deċiżjoni ta’ detenzjoni u talab kumpens fl-istess ħin. K. isostni li, fid-dawl tas-sentenza N. (28) tal-Qorti tal-Ġustizzja, id-detenzjoni tiegħu kienet tikser l-Artikolu 5 tal-KEDB, li d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 8(3)(a) u (b) tad-Direttiva dwar l-Akkoljenza jiksru dik ir-regola u jiksru wkoll l-Artikolu 6 tal-Karta.

30.      Il-qorti tar-rinviju tagħmel l-osservazzjonijiet li ġejjin. L-ewwel nett, K. ma huwiex suġġett għal deċiżjoni ta’ ritorn. It-tieni nett, l-Artikolu 9(1) tad-Direttiva dwar Proċeduri jistabbilixxi r-regola bażika li applikant (fis-sens tal-imsemmija direttiva) għandu jitħalla jibqa’ fl-Istat Membru kkonċernat sakemm tittieħed deċiżjoni fir-rigward tat-talba tiegħu għall-protezzjoni internazzjonali. Għalhekk, tali persuna ma tistax tiġi kkunsidrata li tkun qed toqgħod illegalment fit-territorju ta’ Stat Membru fis-sens tad-Direttiva dwar ir-Ritorn. It-tielet nett, kemm id-Direttiva dwar Proċeduri kif ukoll il-liġi nazzjonali jidhru li jipprekludu d-deportazzjoni ta’ applikant f’ċirkustanzi bħal dawn. Ir-raba’ nett, dik il-pożizzjoni hija kkonfermata mid-deċiżjoni tal-Qorti ta’ Strasbourg li interpretat l-Artikolu 5(1)(f) tal-KEDB fis-sentenza Nabil et vs L‑Ungerija (29). Il-ħames nett, id-detenzjoni fuq il-bażi tar-raġunijiet imsemmija fl-Artikolu 8(3)(a) u (b) tad-Direttiva dwar l-Akkoljenza (iktar ’il quddiem “id-dispożizzjonijiet inkwistjoni”) jidher li ma hijiex immirata lejn it-tneħħija ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz. Il-qorti tar-rinviju hija tal-fehma li l-pożizzjoni deskritta tkun inkompatibbli mal-Artikolu 5(1)(f) tal-KEDB. Hija għalhekk tikkunsidra li hemm bżonn li tiġi eżaminata l-validità tal-Artikolu 8(3)(a) u (b) ta’ dik id-direttiva.

31.      Il-qorti tar-rinviju tirrikonoxxi li mis-sentenza Foto‑Frost (30) jirriżulta li qorti nazzjonali ma għandhiex is-setgħa li tiddikjara l-atti tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni bħala invalidi. Għaldaqstant, hija għamlet id-domanda li ġejja lill-Qorti tal-Ġustizzja għal deċiżjoni preliminari:

“L-Artikolu 8(3)(a) u (b) tad-Direttiva dwar l-Akkoljenza huwa validu fid-dawl tal-Artikolu 6 tal-Karta:

(1)      f’sitwazzjoni fejn ċittadin ta’ pajjiż terz jiġi detenut skont l-Artikolu 8(3)(a) u (b) tad-Direttiva dwar l-Akkoljenza u, skont l-Artikolu 9 tad-[Direttiva dwar Proċeduri] ikollu d-dritt li jibqa’ fi Stat Membru sakemm tittieħed deċiżjoni fl-ewwel istanza dwar l-applikazzjoni tiegħu għal ażil, u

(2)      fid-dawl tal-Ispjegazzjoni (ĠU 2007 C 303, p. 17) li l-limitazzjonijiet li jistgħu jiġu imposti b’mod leġittimu fuq id-drittijiet fl-Artikolu 6 tal-Karta ma jistgħux jeċċedu dawk permessi mill-KEDB fil-formulazzjoni tal-Artikolu 5(1)(f), u l-interpretazzjoni mogħtija mill-[Qorti ta’ Strasbourg] tad-dispożizzjoni msemmija l-aħħar, inter alia, fis-sentenza tat-22 ta’ Settembru 2015, [Nabil], li d-detenzjoni ta’ applikant għall-ażil tmur kontra l-Artikolu 5(1)(f) imsemmi hawn fuq jekk tali detenzjoni ma kinitx imposta bl-għan ta’ deportazzjoni?”

32.      Osservazzjonijiet bil-miktub ġew ippreżentati mill-Belġju, l-Estonja, l-Irlanda, u l-Pajjżi l-Baxxi, kif ukoll mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, il-Parlament Ewropew u l-Kummissjoni Ewropea. Ma ntalbet li ssir l-ebda seduta u ma saret l-ebda waħda.

 Evalwazzjoni

 Ammissibbiltà

33.      Il-Parlament huwa tal-fehma li d-domanda tal-qorti tar-rinviju hija inammissibbli. Huwa jsostni li l-kwistjoni mqajma u r-raġunijiet sottostanti huma fis-sustanza identiċi għall-kwistjonijiet imqajma mir-Raad van State fis-sentenza N (31). Essenzjalment, ir-rikorrent f’dik il-kawża kien suġġett għal deċiżjoni ta’ ritorn, filwaqt li K. ma huwiex. Il-Parlament isostni li l-kwistjonijiet esposti fil-digriet tar-rinviju hawnhekk ma humiex rilevanti biex jiġi ddeterminat jekk id-dispożizzjonijiet inkwistjoni humiex konformi mal-Karta.

34.      Jien ma naqbilx mal-fehma tal-Parlament għar-raġunijiet segwenti.

35.      L-ewwel nett, hija ġurisprudenza stabbilita li meta qorti nazzjonali jkollha dubji rigward il-validità ta’ att tal-Unjoni hija għandha r-responsabbiltà li tressaq talba għal deċiżjoni preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja (32). It-tieni nett, meta tqum domanda dwar il-validità ta’ miżura tal-Unjoni quddiem qorti nazzjonali, hija dik il-qorti li għandha tiddeċiedi jekk deċiżjoni dwar il-kwistjoni tkunx meħtieġa biex tkun tista’ tagħti s-sentenza u għaldaqstant jekk għandhiex titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tiddeċiedi fuq dik il-kwistjoni. Għalhekk, fejn id-domandi tal-qorti nazzjonali jirrigwardaw il-validità ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja hija obbligata, bħala prinċipju li tagħti deċiżjoni. Huwa possibbli għall-Qorti tal-Ġustizzja li tirrifjuta li tagħti deċiżjoni preliminari fuq domanda magħmula minn qorti nazzjonali biss meta, inter alia, ikun pjuttost ovvju li d-deċiżjoni mitluba minn dik il-qorti dwar l-interpretazzjoni jew il-validità tad-dritt tal-Unjoni ma jkollhiex x’taqsam mal-fatti jew l-iskop attwali tal-kawża prinċipali jew meta l-problema tkun ipotetika (33).

36.      It-tielet nett, il-qorti tar-rinviju tispjega fil-paragrafu tal-ftuħ tad-digriet tar-rinviju tagħha li jikkonċerna r-“Raġunijiet” għat-talba għal deċiżjoni preliminari li jekk id-dispożizzjonijiet inkwistjoni huma invalidi, id-detenzjoni ta’ K. hija mingħajr ebda bażi legali u l-appell tiegħu għandu jirnexxi. L-eżitu tal-proċeduri preżenti huwa rilevanti wkoll għall-pretensjoni tiegħu għall-kumpens għal detenzjoni allegatament illegali. Huwa għalhekk ċar li l-validità tad-dispożizzjonijiet ikkontestati għandha effett dirett fuq il-proċeduri quddiem il-qorti nazzjonali.

37.      Ir-raba’ nett, l-Artikolu 6(3) TUE jikkonferma li d-drittijiet fundamentali rikonoxxuti mill-KEDB jikkostitwixxu prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni. F’dan ir-rigward, l-Ispjegazzjonijiet tal-Karta jagħmluha ċara li d-drittijiet stabbiliti fl-Artikolu 6 tal-Karta jikkorrispondu ma’ dawk iggarantiti fl-Artikolu 5 tal-KEDB (34). Għalhekk, jekk id-dispożizzjonijiet inkwistjoni huma inkompatibbli mal-Karta kif jidhru mill-priżma tal-KEDB, ma jistgħux ikunu validi; u d-detenzjoni ta’ K. li kienet ibbażata fuq ir-regoli nazzjonali li jimplementaw l-Artikolu 8(3)(a) u (b) tad-Direttiva dwar l-Akkoljenza ma tistax tkun legali.

38.      Il-ħames nett, il-qorti tar-rinviju essenzjalment titlob deċiżjoni preliminari għaliex tinterpreta s-sentenza Nabil tal-qorti ta’ Strasbourg bħala li tfisser li d-detenzjoni ta’ persuni (inkluż dawk li jfittxu ażil) tiġi ġġustifikata skont l-Artikolu 5(1)(f) tal-KEDB biss sakemm idumu għaddejjin il-proċeduri ta’ deportazzjoni jew ta’ estradizzjoni. Il-qorti tar-rinviju hija tal-fehma li l-Artikolu 9(1) tad-Direttiva dwar Proċeduri tipprekludi t-tneħħija ta’ applikant għall-ażil matul il-perjodu meta t-talba tiegħu għall-protezzjoni internazzjonali tkun għadha pendenti. Hija tosserva li K. ma huwiex suġġett għal deċiżjoni ta’ ritorn fis-sens tad-Direttiva dwar ir-Ritorn. Il-qorti tar-rinviju tindika li d-detenzjoni tiegħu taħt id-dispożizzjonijiet inkwistjoni ma hijiex ibbażata fuq raġunijiet li għandhom x’jaqsmu mat-tneħħija tiegħu mit-territorju tal-Unjoni.

39.      Peress li d-drittijiet fl-Artikolu 6 tal-Karta huma wkoll dawk iggarantiti fl-Artikolu 5 tal-KEDB u li skont l-Artikolu 52(3) tal-Karta, huma għandhom l-istess tifsira u ambitu (35), jiena nikkunsidra li huwa neċessarju li tiġi eżaminata d-deċiżjoni tal-Qorti ta’ Strasbourg fis-sentenza Nabil sabiex jiġi evalwat jekk dak il-każ għandux implikazzjonijiet għall-interpretazzjoni u l-validità tal-Artikolu 8(3)(a) u (b) tad-Direttiva dwar l-Akkoljenza. Huwa ċar li dik l-evalwazzjoni tirrigwarda l-fatti stabbiliti fid-digriet tar-rinviju, kif inhuma r-raġunijiet mogħtija għat-talba għal deċiżjoni preliminari. Ir-risposta tal-Qorti tal-Ġustizzja se tkun deċiżiva għall-kwistjoni fil-qofol tal-kawża prinċipali – jekk id-detenzjoni ta’ K. kinitx legali. Id-domanda magħmula mill-qorti tar-rinviju hija wkoll manifestament mhux ipotetika. Għalhekk, it-talba għal deċiżjoni preliminari hija ammissibbli.

 Kummenti preliminari

40.      Kif jagħmilha ċara l-Artikolu 78(1) TFUE, il-politika komuni dwar l-ażil għandha tkun skont il-Konvenzjoni ta’ Ġinevra u trattati oħra rilevanti. Skont l-Artikolu 78(2)(ċ) u (f) tat-TFUE, il-leġiżlatur tal-Unjoni għandu s-setgħa li jadotta miżuri għal dik is-sistema li jinkludu, inter alia, “standards dwar il-kondizzjonijiet sabiex jintlaqgħu l-applikanti għal asil […]”.

41.      L-Artikolu 31 tal-Konvenzjoni ta’ Ġinevra jipprojbixxi l-impożizzjoni ta’ penalitajiet imposti, minħabba d-dħul jew il-preżenza illegali tagħhom, fuq refuġjati li ġejjin minn territorju fejn ħajjithom jew il-libertà tagħom kienu mhedda. Dak il-prinċipju japplika fejn refuġjati jidħlu jew huma preżenti mingħajr awtorizzazzjoni, iżda l-persuni kkonċernati għandhom jippreżentaw ruħhom mingħajr dewmien lill-awtoritajiet u jkunu kapaċi juru li għandhom kawża ġusta għad-dħul jew il-preżenza illegali tagħhom. Il-Linji Gwida tal-Kummissarju Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Detenzjoni tar-Refuġjati (36) jgħidu li d-“d-detenzjoni fil-kuntest tal-migrazzjoni la hija pprojbita skont id-dritt internazzjonali fiha nnifisha, u lanqas ma hu d-dritt għal-libertà assolut”. Il-prinċipji ġenerali li ġejjin huma stabbiliti f’dawk il-linji gwida: id-detenzjoni f’dak il-kuntest għandha (i) tkun skont u awtorizzata mil-liġi; (ii) ma tkunx arbitrarja u tkun ibbażata fuq evalwazzjoni taċ-ċirkustanzi partikolari tal-individwu kkonċernat; (iii) tintuża bħala miżura eċċezzjonali u tista’ tkun iġġustifikata biss għal skop leġittimu, inkluż għal verifika inizjali tal-identità u biex jiġu stabbiliti l-elementi li fuqhom tkun ibbażata applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali li ma setgħux jinkisbu fin-nuqqas tad-detenzjoni; u (iv) tkun proporzjonata (37).

42.      Il-Qorti tal-Ġustizzja rriferiet għal verżjoni preċedenti dawk il-Linji Gwida fid-deċiżjoni tagħha N (38). Madankollu f’dak il-każ, ir-rikorrent kien ġie arrestat taħt l-Artikolu 8(3)(e) tad-Direttiva dwar l-Akkoljenza (għal raġunijiet ta’ protezzjoni tas-sigurtà nazzjonali u ordni pubbliku). Huwa kien suġġett għal ordni ta’ ritorn (jiġifieri, ordni biex jitlaq mill-Unjoni Ewropea) u projbizzjoni ta’ dħul ta’ 10 snin li kienet inħarġet wara r-rifjut ta’ applikazzjoni anterjuri għall-ażil. Dawk il-miżuri kienu ġew imposti bis-saħħa tar-regoli nazzjonali li jimplementaw id-Direttiva dwar ir-Ritorn (39). N. kien effettivvament detenut fiż-żmien meta l-każ tiegħu kien ġiet riferut lil din il-Qorti tal-Ġustizzja għal deċiżjoni preliminari.

43.      Iċ-ċirkustanzi ta’ K. huma differenti ħafna. Ma huwiex ikkontestat li d-detenzjoni tiegħu kienet tikkostitwixxi ċaħda tal-libertà (40). Madankollu, il-bażi għad-detenzjoni fil-każ tiegħu kienet l-Artikolu 8(3)(a) u (b) tad-Direttiva dwar l-Akkoljenza. Il-qorti tar-rinviju ma tissuġġerixxix li qatt kienu ttieħdu miżuri insegwitu għad-Direttiva dwar ir-Ritorn fil-każ tiegħu. Huwa ma huwiex suġġett għal ordni li jitlaq mit-territorju tal-Unjoni, u lanqas ma nħarġet projbizzjoni kontrih li jerġa’ jidħol lura; u għalhekk ma hemm l-ebda miżura bħal din sospiża pendenti l-eżitu tat-talba tiegħu għal protezzjoni internazzjonali.

44.      Minkejja dan, jiena nikkunsidra li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha tapplika l-istess metodoloġija f’din il-kawża bħal dik li hija segwiet fis-sentenza N. Għalhekk, l-evalwazzjoni għandha ssir biss b’riferiment għad-drittijiet fundamentali ggarantiti mill-Karta (41).

 Validità fid-dawl tal-Artikolu 52(1) tal-Karta

45.      Il-partijiet kollha li ppreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub lill-Qorti tal-Ġustizzja fil-proċeduri preżenti – li ma kinux, madankollu, jinkludu lil K. – jaqblu li ma hijiex fid-dubju l-validità tal-Artikolu 8(3)(a) u (b) tad-Direttiva dwar l-Akkoljenza.

46.      Jiena tal-istess fehma.

47.      Skont id-digriet tar-rinviju, ir-rikorrent kien ġie inizjalment detenut fuq suspett li wettaq reat kriminali. Il-premessa 17 tad-Direttiva dwar l-Akkoljenza ssemmi li r-raġunijiet għad-detenzjoni stabbiliti fl-Artikolu 8(3) huma mingħajr preġudizzju għal raġunijiet oħra, bħad-detenzjoni fil-qafas tal-proċeduri kriminali. Għalhekk, id-detenzjoni inizjali tar-rikorrent mill-awtoritajiet tal-Pajjiżi l-Baxxi għar-raġuni li kien issuspettat li wettaq reat kriminali − ippreżenta passaport falz − ma hijiex inkwistjoni f’din il-kawża.

48.      Wara li l-prosekuzzjoni kriminali ġiet iddikjarata inammissibbli, K. kien arrestat fil-kuntest tat-talba tiegħu għall-ażil. Hemm qbil li ż-żamma tiegħu kienet tikkostitwixxi detenzjoni skont it-tifsira tad-Direttiva dwar l-Akkoljenza (42). L-awtoritajiet tal-Pajjiżi l-Baxxi taw żewġ raġunijiet għad-detenzjoni ta’ K: l-ewwel nett, sabiex tiġi ddeterminata l-identità tiegħu u/jew in-nazzjonalità tiegħu u, it-tieni nett, għaliex id-detenzjoni tiegħu kienet neċessarja biex jiġu stabbiliti dawk l-elementi meħtieġa għall-evalwazzjoni tal-applikazzjoni tiegħu u kien ikkunsidrat li kien hemm riskju li jista’ jaħrab.

49.      Id-dritt fundamentali għal-libertà ggarantit fl-Artikolu 6 tal-Karta għandu l-istess tifsira bħal fl-Artikolu 5 tal-KEDB, għalkemm dan tal-aħħar ma jiffurmax parti mill-acquis tal-Unjoni (43). Il-“[…] limitazzjonijiet li jistgħu leġittimament jiġu imposti fuq l-eżerċizzju tad-drittijiet irrikonoxxuti [fl-Artikolu 6 tal-Karta] ma jistgħux jeċċedu l-limitazzjonijiet awtorizzati mill-KEDB” (44). Huwa wkoll prinċipju ġenerali tal-interpretazzjoni li miżura tal-Unjoni għandha tiġi interpretata, kemm jista’ jkun possibbli, b’mod li ma tiġix affettwata l-validità tagħha u f’konformità mad-dritt primarju inġenerali u, b’mod partikolari, mad-dispożizzjonijiet tal-Karta (45).

50.      Sa fejn l-Artikolu 8(3)(a) u (b) jippermetti lill-Istati Membri li jżommu f’detenzjoni applikanti għal ażil, dawk id-dispożizzjonijiet jawtorizzaw limitazzjoni fuq l-eżerċizzju tad-dritt għal-libertà stabbilit fl-Artikolu 6 tal-Karta (46). Din il-limitazzjoni hija mnissla minn direttiva – att leġiżlattiv tal-Unjoni Ewropea. Għalhekk hija pprovduta mil-liġi għall-finijiet tal-Artikolu 52(1) tal-Karta (47).

51.      Id-dispożizzjonijiet inkwistjoni huma kompatibbli mad-dritt għal-libertà pprovdut fl-Artikolu 6 tal-Karta?

52.      Fl-opinjoni tiegħi, ir-risposta hija “iva”.

53.      L-ewwel nett, il-punt tat-tluq stabbilit fl-Artikolu 8(1) tad-Direttiva dwar l-Akkoljenza huwa li l-Istati Membri huma pprojbiti milli jżommu f’detenzjoni individwi għar-raġuni biss li għamlu talba għal protezzjoni internazzjonali (48). It-tieni nett, skont id Direttiva dwar l-Akkoljenza d-detenzjoni titqies bħala, b’mod partikolari, “miżura partikolarment drastika li tittieħed kontra applikant għall-protezzjoni internazzjonali” (49), li tista’ tiġi adottata biss “taħt ċirkostanzi eċċezzjonali definiti b’mod ċar” (50). It-tielet nett, skont l-Artikolu 8(2) id-detenzjoni hija permissibbli f’ċirkustanzi preskritti: (i) meta tkun neċessarja; (ii) fuq il-bażi ta’ evalwazzjoni individwali tal-każ ikkonċernat; u (iii) jekk miżuri oħra alternattivi inqas koerċittivi ma jistgħux jiġu applikati b’mod effettiv. Ir-raba’ nett, applikant jista’ jinżamm detenut biss meta tkun teżisti waħda mir-raġunijiet elenkati fl-Artikolu 8(3). Kull raġuni tissodisfa bżonn speċifiku u hija awtonoma (51).

54.      Dawk il-kundizzjonijiet stretti huma suġġetti wkoll għall-ħtieġa li r-raġunijiet għad-detenzjoni jkunu stabbiliti fil-liġi nazzjonali u l-garanziji proċedurali għall-applikanti detenuti jkunu ssodisfatti (52). Dawk il-garanziji jinkludu l-kundizzjoni li jekk applikant ikun detenut dan għandu jkun għall-iqsar żmien possibbli u li l-libertà tiegħu tista’ tkun ristretta biss sakemm ir-raġunijiet stipulati fl-Artikolu 8(3) ikunu applikabbli [Artikolu 9(1)].

55.      Il-kliem attwali tal-Artikolu 8(3)(a) u (b) tad-Direttiva dwar l-Akkoljenza bħala tali, ma huwiex kuntrarju għad-dritt għal-libertà stabbilit fl-Artikolu 6 tal-Karta (53).

56.      Mill-Artikolu 78 TFUE jsegwi li l-istabbiliment u l-funzjonament tajjeb tas-CEAS huwa għan ta’ interess ġenerali rrikonoxxut mill-Unjoni Ewropea.

57.      Huwa mbagħad meħtieġ li jiġi eżaminat jekk l-indħil fid-dritt għal-libertà permess mid-dispożizzjonijiet inkwistjoni jaqbiżx il-limiti ta’ dak li huwa xieraq u neċessarju sabiex jintlaħqu l-għanijiet leġittimi mfittxija mil-leġiżlazzjoni inkwistjoni. Dan huwa għaliex l-iżvantaġġi kkawżati mir-regoli legali ma għandhomx ikunu sproporzjonati meta mqabbla mal-għanijiet mixtieqa (54).

58.      L-elementi tas-CEAS jinkludu dispożizzjoni għal status uniformi għal persuni eliġibbli għal protezzjoni internazzjonali bbażata fuq l-applikazzjoni sħiħa u inklużiva tal-Konvenzjoni ta’ Ġinevra (55). Is-sistema hija bbażata fuq il-kunċett li l-Istati Membri għandhom japplikaw kriterji komuni biex jiġu identifikati persuni ġenwinament fil-bżonn ta’ tali protezzjoni (56).

59.      Fir-rigward tal-Artikolu 8(3)(a) tad-Direttiva dwar l-Akkoljenza, id-determinazzjoni jew il-verifika tal-identità jew in-nazzjonalità ta’ applikant hija parti ewlenija fl-aċċertament dwar jekk dak l-applikant jissodisfax il-kundizzjonijiet għall-kisba tal-istatus ta’ refuġjat. Huwa meħtieġ li jiġi aċċertat għall-finijiet tad-definizzjoni ta’ “refuġjat” fl-Artikolu 2(d) tad-Direttiva dwar il-Kwalifika jekk applikant għandux “biża’ bir-raġun li jiġi persegwitat għar-raġunijiet ta’ razziżmu, reliġjon, nazzjonalita, opinjoni politika jew sħubija ta’ grupp soċjali partikolari, huwa barra mill-pajjiż ta’ nazzjonalita u ma jistax, jew minħabba f’din il-biża, ma jixtieqx japprofitta ruħu jew ruħha mill-protezzjoni ta’ dak il-pajjiż, jew persuna mingħajr stat, li, minħabba li qiegħed barra mill-pajjiż tar-residenza abitwali ta’ qabel għall-istess raġunijiet kif imsemmija hawn fuq, ma jistax jew, minħabba f’din il-biża, ma jixtieqx jirritorna lejha […]”. In-nazzjonalità hija kriterju importanti li jiġi kkunsidrat fl-evalwazzjoni li għandha titwettaq bis-saħħa tal-Artikolu 4(3) ta’ dik id-direttiva. L-informazzjoni rigward is-sitwazzjoni fil-pajjiż ta’ oriġini tal-applikant hija preċiżament it-tip ta’ dettall li l-Istati Membri jistgħu jfittxu li jivverifikaw ma’ organizzazzjonijiet bħall-UNHCR (57). Madankollu, dawn l-inkjesti ma jistgħux isiru sakemm in-nazzjonalità tar-rikorrenti (jew status ta’ mingħajr Stat) ssir magħrufa.

60.      Barra minn hekk, huwa meħtieġ ukoll għall-Istati Membri li jikkunsidraw jekk il-persuna kkonċernata ma jistħoqqilhiex protezzjoni internazzjonali għaliex hija eskluża mill-benefiċċji ta’ status ta’ refuġjat skont l-Artikolu 12 tad-Direttiva dwar il-Kwalifika. Dan ma jistax jiġri qabel ma tiġi stabbilita l-identità tal-persuna.

61.      B’mod iktar ġenerali, l-identità ta’ applikant hija element sinjifikanti taħt is-CEAS u hija partikolarment rilevanti fir-rigward tal-operazzjoni ta’ dak li hu magħruf bħala s-“sistema ta’ Dublin” (58). Dik is-sistema tipprovdi proċess għad-determinazzjoni tal-Istat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali ddepożitata f’wieħed mill-Istati Membri minn ċittadin ta’ pajjiż terz. Mingħajr informazzjoni dwar l-identità ta’ applikant, ma jkunx possibbli għall-Istati Membri li japplikaw il-kriterji stabbiliti fir-Regolament Nru 604/2013 biex jiġi stabbilit l-Istat Membru responsabbli fi kwalunkwe każ partikolari.

62.      L-identità hija rilevanti wkoll biex jiġi stabbilit jekk applikazzjoni hijiex inammissibbli skont l-Artikolu 33 tad-Direttiva dwar Proċeduri. Talba għall-ażil tkun ipprojbita skont l-Artikolu 33(2)(a) tad-direttiva msemmija meta Stat Membru ieħor ikun diġà ta protezzjoni internazzjonali.

63.      Fl-aħħar nett, l-identità tal-applikant hija rilevanti wkoll għall-kwistjoni ta’ jekk il-garanziji proċedurali speċjali għandhomx japplikaw skont l-Artikolu 24 tad-Direttiva dwar Proċeduri jew fil-każ ta’ minuri mhux akkumpanjati (l-Artikolu 25 ta’ dik d-direttiva).

64.      Minħabba dawn il-karatteristiċi sistemiċi tas-CEAS, jidhirli li d-detenzjoni ta’ applikant sabiex tiġi vverifikata l-identità jew in-nazzjonalità tiegħu fuq il-bażi tal-Artikolu 8(3)(a) tad-Direttiva dwar l-Akkoljenza tista’, f’każ partikolari, tkun miżura xierqa.

65.      L-Artikolu 8(3)(b) tad-Direttiva dwar l-Akkoljenza jirrigwarda d-determinazzjoni tal-“elementi li fuqhom hija bbażata l-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali u li ma jkunux ottenibbli fin-nuqqas ta’ detenzjoni”. Hawnhekk infakkar li l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva dwar il-Kwalifika jipprovdi li, għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-fatti u taċ-ċirkustanzi li għandhom x’jaqsmu ma’ applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali, l-Istati Membri jistgħu jikkunsidraw li jkun id-dmir ta’ applikant li jissottometti kemm jista’ jkun malajr l-elementi kollha meħtieġa biex jissostanzja t-talba tiegħu. F’ħafna każijiet ikun l-applikant stess li jkun is-sors ewlieni ta’ informazzjoni, billi l-evalwazzjoni tal-Istati Membri hija primarjament ibbażata fuq ir-rakkont tiegħu dwar l-istorja tiegħu, li tista’ tiġi vverifikata b’riferiment għal sorsi oħra (59). L-Istati Membri huma meħtieġa li jeżaminaw l-applikazzjonijiet kollha għall-protezzjoni internazzjonali b’mod individwali, oġġettivament u imparzjalment (60). Meta jagħmlu dan, l-Istati Membri għandhom jivverifikaw ukoll il-kredibbiltà tal-istorja tal-applikant (61).

66.      Għalhekk, jekk individwu jitlob l-ażil bbażat fuq biża’ ta’ persekuzzjoni minħabba l-opinjonijiet politiċi tiegħu, l-awtoritajiet tal-Istati Membri huma meħtieġa li jivverifikaw dawn il-pretensjonijiet skont id-Direttiva dwar il-Kwalifika u d-Direttiva dwar Proċeduri. L-Artikolu 13 tad-Direttiva dwar Proċeduri, fil-fatt, jimponi fuq l-applikanti obbligu li jikkooperaw mal-awtoritajiet kompetenti bl-għan li jistabbilixxu l-identità tagħhom u elementi oħra li hemm referenza għalihom fl-Artikolu 4(2) tad-Direttiva dwar il-Kwalifika.

67.      Jekk applikant ma jikkooperax mal-awtoritajiet kompetenti u, a fortiori jekk jirrifjuta li jagħmel lilu nnifsu disponibbli għal intervista jew jekk jaħrab dik l-evalwazzjoni ma tistax isseħħ.

68.      Għaldaqstant inqis li, sabiex jintlaħaq l-għan ġenerali tas-CEAS ta’ applikazzjoni ta’ kriterji komuni għall-identifikazzjoni ta’ dawk li huma ġenwinament fil-bżonn ta’ protezzjoni internazzjonali u jkunu distinti minn applikanti li ma jikkwalifikawx għal din il-protezzjoni, l-Artikolu 8(3)(b) tad-Direttiva dwar l-Akkoljenza huwa miżura xierqa.

69.      Il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat li, fid-dawl tal-importanza tad-dritt għal-libertà stabbilit fl-Artikolu 6 tal-Karta u l-gravità tal-indħil ma’ dak id-dritt li d-detenzjoni tirrappreżenta, il-limitazzjonijiet fuq l-eżerċizzju tad-dritt għandhom japplikaw biss sa fejn ikun strettament neċessarju (62).

70.      Iż-żewġ dispożizzjonijiet inkwistjoni huma suġġetti għal konformità ma’ sensiela ta’ kundizzjonijiet li l-għan tagħhom huwa li jinħoloq qafas strettament ċirkoskritt fejn tista’ tintuża kull miżura (63).

71.      L-Artikolu 8(3)(a) u (b) huma kull waħda raġuni awtonoma għad-detenzjoni. Għalhekk, ser neżamina kull miżura separatament biex nara jekk tissodisfax it-test tan-neċessità.

72.      Peress li l-applikanti għall-ażil qegħdin jaħarbu mill-persekuzzjoni, wieħed jista’ jistenna li ħafna jivvjaġġaw b’dokumenti foloz jew mhux kompluti. Huwa impliċitu fil-kliem tal-Artikolu 8(3)(a) tad-Direttiva dwar l-Akkoljenza, moqri flimkien mal-Artikolu 8(1) u (2), li d-detenzjoni ta’ applikant bbażata fuq dan il-motiv għandha sseħħ biss fejn hu ma jagħtix l-identità jew in-nazzjonalità tiegħu jew jekk l-awtoritajiet kompetenti ma jaċċettawx l-istorja tiegħu. Mhux kull applikant jista’ jinżamm detenut biex jiġu vverifikati l-identità jew in-nazzjonalità tiegħu. Barra minn hekk, l-Artikolu 8(3)(a) għandu japplika b’riferiment għall-għanijiet tad-direttiva. Dawn jinkludu l-prinċipji ta’ proporzjonalità u neċessità u l-għan li ż-żmien meħtieġ għall-verifika tar-raġunijiet għad-detenzjoni għandu jkun qasir kemm jista’ jkun (64).

73.      L-Artikolu 8(3)(b) huwa limitat espressament għall-każijiet fejn l-informazzjoni insostenn tal-applikazzjoni “ma [t]kunux ottenibbli fin-nuqqas ta’ detenzjoni”. Għalhekk, il-kliem użat jindika li l-leġiżlatura xtaqet tenfasizza li l-Istati Membri ma jistgħux jagħmlu użu arbitrarju minn dik ir-raġuni. Dik il-limitazzjoni hija enfasizzata mill-kliem “b’mod partikolari fejn ikun hemm riskju li l-applikant jaħrab”. Bl-istess mod, l-għanijiet stabbiliti fil-premessi 15 u 16 jikkonfermaw li dik id-dispożizzjoni għandha tintuża biss meta jkun strettament meħtieġ.

74.      Barra minn hekk, is-salvagwardji statutorji msemmijin fl-Artikolu 8(1) u (2) it-tnejn jirriflettu r-Rakkomandazzjoni [Rec(2003)5] tal-Kumitat tal-Ministri tal-Kunsill tal-Ewropa u l-Linji Gwida dwar id-Detenzjoni tal-UNHCR li d-detenzjoni għandha tkun irriżervata għal każijiet eċċezzjonali.

75.      Għandu jitfakkar wkoll li d-Direttiva dwar l-Akkoljenza għandha tinqara flimkien mar-rekwiżiti proċedurali stabbiliti fid-Direttiva dwar Proċeduri. L-Artikolu 26 tagħha jipprojbixxi d-detenzjoni għall-unika raġuni li l-persuna kkonċernata hija applikant. Il-kuntest usa’ tas-CESA jagħmilha ċara wkoll li d-dispożizzjonijiet dwar id-detenzjoni fl-Artikolu 8(3) tad-Direttiva dwar l-Akkoljenza huma maħsuba għal każijiet eċċezzjonali, iktar milli r-regola ġenerali.

76.      L-istorja leġiżlattiva tad-Direttiva dwar l-Akkoljenza tikkonferma li l-kwistjoni tad-detenzjoni kienet ikkunsidrata b’riferiment għall-iskema ġenerali u l-għanijiet tas-CEAS u li d-detenzjoni hija permissibbli biss fejn tkun konsistenti mad-drittijiet fundamentali u fejn tkun meħtieġa u proporzjonata (65).

77.      Fl-aħħar nett, jidhirli li d-dispożizzjonijiet inkwistjoni jilħqu bilanċ ġust bejn l-interess individwali u l-interess ġenerali li jipprovdu għal CEAS biex tiffunzjona tajjeb li tagħti protezzjoni internazzjonali lil dawk iċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jissodisfaw il-kriterji, b’ċaħda tal-allegazzjonijiet li ma jissodisfawx il-kriterji, u li jippermettu lill-Istati Membri jimmobilitaw ir-riżorsi limitati tagħhom meta jissodisfaw l-obbligi internazzjonali tagħhom, inklużi r-rekwiżiti tad-dritt tal-Unjoni li evolvew fid-dawl tal-prinċipji stabbiliti fil-Konvenzjoni ta’ Ġinevra kif ukoll tal-KEDB (66).

 Validità fid-dawl tal-Artikolu 52(3) tal-Karta

78.      Kif diġà indikat hawn fuq, l-Artikolu 6 tal-Karta jikkorrispondi mal-Artikolu 5(1) tal-KEDB (67). Skont l-Artikolu 52(3) tal-Karta, it-tifsira u l-ambitu tad-dritt għal-libertà personali u s-sigurtà ggarantita mill-Artikolu 6 tal-Karta għalhekk huma l-istess bħal dawk stabbiliti fil-KEDB (68). Għaldaqstant, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tqis l-Artikolu 5 tal-KEDB kif interpretat mill-Qorti ta’ Strasbourg meta teżamina l-validità tad-dispożizzjonijiet inkwistjoni fid-dawl tal-Artikolu 6 tal-Karta.

79.      L-Artikolu 5 tal-KEDB ipprovda ġurisprudenza rikka minn dik il-Qorti. Id-dritt għal-libertà u s-sigurtà ggarantit minn din id-dispożizzjoni ma huwiex assolut. Dan huwa suġġett għal lista eżawrjenti ta’ raġunijiet permissibbli li permezz tagħhom persuni jistgħu jiġu mċaħħda mil-libertà tagħhom (69). L-Artikolu 5(1)(f) ġie deskritt bħala l-bażi li jippermetti lill-Istati jżommu f’detenzjoni “barrani” (jew ċittadin ta’ pajjiż terz) fil-kuntest tal-eżerċizzju tal-funzjonijiet fir-rigward tal-immigrazzjoni jew l-ażil. Hemm żewġ partijiet f’dik ir-raġuni partikolari. L-ewwel nett, id-detenzjoni tista’ tkun permessa biex tipprevjeni dħul mhux awtorizzat fil-pajjiż. It-tieni nett, ċittadin ta’ pajjiż terz jista’ jinżamm detenut sabiex jiġi ddeportat jew estradit.

80.      Fid-dawl tal-fatti stabbiliti fid-digriet tar-rinviju, jidhirli li huwa neċessarju li tiġi eżaminata l-validità tad-dispożizzjonijiet inkwistjoni fir-rigward tal-ewwel parti tal-Artikolu 5(1)(f) tal-KEDB biss.

81.      Il-Qorti ta’ Stasbourg interpretat dik il-parti għall-ewwel darba fis-sentenza Saadi (70). Hija fakkret li “bla ħsara għall-obbligi tagħhom taħt il-Konvenzjoni, l-Istati jgawdu minn ‘dritt sovran innegabbli li jikkontrollaw [id-dħul ta’] barranin’ ġewwa u residenza fit-territorju tagħhom’ […] Hija żieda neċessarja ma’ dan id-dritt li l-Istati jkunu permessi li jżommu detenuti immigranti potenzjali li jkunu applikaw għal permess biex jidħlu, kemm jekk permezz tal-ażil jew le. Huwa evidenti li […] id-detenzjoni ta’ immigranti potenzjali, inklużi dawk li jfittxu ażil, tista’ tkun kompatibbli mal-Artikolu 5(1)(f) [tal-KEDB]” (71).

82.      Il-Qorti ta’ Strasbourg kompliet tgħid li “[…] sakemm Stat ikun ‘awtorizza’ dħul fil-pajjiż, kwalunkwe dħul huwa ‘mhux awtorizzat’ u d-detenzjoni ta’ persuna li tkun tixtieq tidħol u li teħtieġ iżda għad ma għandhiex awtorizzazzjoni li tagħmel hekk tista’ tkun, mingħajr l-ebda distorsjoni tal-lingwa, sabiex ‘tipprevjeniha milli tidħol mingħajr awtorità’. [L-Awla Manja] ma taċċettax li hekk kif min ifittex ażil ikun ċeda lilu nnifsu lill-awtoritajiet tal-immigrazzjoni, ikun qiegħed jipprova jagħmel dħul ‘awtorizzat’, bir-riżultat li dik id-detenzjoni ma tistax tiġi ġġustifikata taħt l-ewwel parti tal-Artikolu 5(1)(f). Jekk l-ewwel parti tal-Artikolu 5(1)(f) tiġi interpretata fis-sens li tippermetti d-detenzjoni biss ta’ persuna li jintwera li tkun qiegħda tipprova tevadi restrizzjonijiet tad-dħul dan jirriżulta f’tifsira ristretta wisq tat-termini tad-dispożizzjoni u tal-poter tal-Istat li jeżerċita d-dritt inkontestabbli tiegħu ta’ kontroll imsemmi iktar ’il fuq” (72). Il-Qorti ta’ Strasbourg esprimiet il-fehma li tali interpretazzjoni ma tkunx konsistenti mal-Konklużjoni Nru 44 tal-Kumitat Eżekuttiv tal-Programm tar-Refuġjati tal-Kummissarju Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti, tal-Linji Gwida tal-UNHCR u r-Rakkomandazzjoni [Rec (2003) 5] tal-Kumitat tal-Ministri tal-Kunsill tal-Ewropa (73). Dawk it-testi jaċċettaw li l-applikanti għall-ażil jistgħu jinżammu f’detenzjoni f’ċerti ċirkustanzi, sabiex isiru kontrolli ta’ identità li għandhom jitwettqu jew sabiex jiġu stabbiliti l-elementi li fuqhom hija bbażata t-talba għall-protezzjoni internazzjonali.

83.      Minn dan isegwi li l-ewwel parti tal-Artikolu 5(1)(f) tista’ tiġi applikata bħala eċċezzjoni għar-regola ġenerali li tiggarantixxi l-libertà f’każijiet li jikkonċernaw l-applikanti għall-ażil li ma humiex suġġetti għal ordni tat-tkeċċija tagħhom mit-territorju tal-Unjoni Ewropea. Bħala prinċipju, ma huwiex inkompatibbli ma’ dik id-dispożizzjoni, u għalhekk mal-Artikolu 6 tal-Karta, li applikant għal ażil jiġi detenut fil-punt meta jipprova jidħol fit-territorju tal-Unjoni sabiex tiġi ddeterminata jew ivverifikata l-identità tiegħu (l-Artikolu 8(3)(a) tad-Direttiva dwar l-Akkoljenza). Huwa wkoll kompatibbli ma’ din id-dispożizzjoni li applikant jiġi detenut sabiex jiġu ddeterminati l-elementi li fuqhom hi bbażata l-applikazzjoni li ma setgħux jinkisbu mingħajr id-detenzjoni tiegħu, b’mod partikolari fejn ikun hemm riskju ta’ ħarba [Artikolu 8(3)(b) tad-Direttiva tal-Akkoljenza].

84.      Fir-rigward tal-possibbiltà li applikant jista’ jaħrab, jidhirli li ma huwiex neċessarju li jintwera li d-detenzjoni hija meħtieġa biex tipprevjeni l-ħarba tal-individwu (74). Dak li huwa meħtieġ huwa li tittieħed l-azzjoni biex jiġi żgurat li l-awtoritajiet kompetenti jkunu jistgħu jwettqu l-funzjonijiet tagħhom taħt l-Artikolu 4 tad-Direttiva dwar il-Kwalifika u l-Artikolu 10 tad-Direttiva dwar Proċeduri sabiex tiġi evalwata l-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali, u li għandu jkun hemm riskju possibbli li l-applikant inkella jkun jista’ jaħrab.

85.      Madankollu, il-Qorti ta’ Strasbourg iddeċidiet f’diversi okkażjonijiet li kull ċaħda tal-libertà għandha, minbarra li taqa’ f’waħda mill-eċċezzjonijiet elenkati fl-Artikolu 5(1)(a) sa (f), tkun “legali”. F’dan ir-rigward, il-KEDB “tirreferi essenzjalment għal-liġi nazzjonali u tistabbilixxi l-obbligu ta’ konformità mar-regoli sostantivi u proċedurali tad-dritt nazzjonali” (75).

86.      Id-detenzjoni skont l-Artikolu 5(1)(f) ma tistax tkun kompatibbli mal-KEDB jekk hija arbitrarja (76). Ma hemm l-ebda definizzjoni globali dwar x’jista’ jikkostitwixxi trattament arbitrarju min-naħa tal-awtoritajiet nazzjonali. Kunċett ewlieni li huwa applikat f’eżami każ b’każ huwa jekk id-detenzjoni, għalkemm tikkonforma mal-ittra tal-liġi nazzjonali, għandhiex element ta’ mala fide jew qerq min-naħa tal-awtoritajiet (77). Meta applikant għall-ażil ikun f’detenzjoni, id-detenzjoni tiegħu “għandha tkun konnessa mill-qrib mal-finijiet tal-prevenzjoni tad-dħul mhux awtorizzat tiegħu fil-pajjiż”. Il-Qorti ta’ Strasbourg iddikjarat ukoll li l-post u l-kundizzjonijiet ta’ detenzjoni għandhom ikunu xierqa u wieħed għandu jżomm f’moħħu li “l-miżura hija applikabbli mhux għal dawk li jkunu wettqu reati kriminali, imma għal barranin li, ta’ spiss f’biża għal ħajjithom, ikunu ħarbu minn pajjiżhom stess”. Għalhekk it-tul tad-detenzjoni ma għandux jaqbeż dak raġonevolment meħtieġ għall-iskop mixtieq (78).

87.      Mill-eżami tiegħi tal-Artikolu 8(3)(a) u (b) tad-Direttiva dwar l-Akkoljenza fir-rigward tal-Artikolu 52(1) tal-Karta jirriżulta li jien nikkunsidra l-użu tad-detenzjoni bħala restrizzjoni proporzjonata tad-dritt għal-libertà f’każ xieraq fiċ-ċirkustanzi stipulati f’dawk id-dispożizzjonijiet. Dik l-evalwazzjoni tapplika bl-istess mod għall-finijiet tal-Artikolu 52(3) (79).

88.      Inżid ngħid li r-restrizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 8(3)(a) u (b) tad-Direttiva dwar l-Akkoljenza għandhom jinqraw ukoll fid-dawl tal-Artikolu 9 tiegħu, li jirrifletti s-salvagwardji għall-applikanti li jipprovdi l-Artikolu 5(2) sa (5) tal-KEDB. Dawn jinkludu l-għoti immedjat tar-raġunijiet għall-arrest, skrutinju ġudizzjarju fil-pront tal-arrest jew tad-detenzjoni, intitolament biex jittieħdu proċeduri li jikkontestaw il-legalità tad-detenzjoni u dritt eżegwibbli għall-kumpens għal arrest jew detenzjoni illegali. Garanziji korrispondenti huma pprovduti fl-Artikolu 9 tad-Direttiva dwar l-Akkoljenza, b’mod partikolari fil-paragrafi 1 sa 5. Kif iddikjarat fil-konklużjonijiet tiegħi għall-kawża N., għalkemm ma hemm l-ebda ekwivalenti għall-Artikolu 5(5) tal-KEDB f’dik id-direttiva, din madankollu “tħalli lill-Istati Membri d-diskrezzjoni kollha meħtieġa sabiex jikkonformaw ruħhom mar-rekwiżit li semmejt iktar ’il fuq” (80).

89.      Għalhekk, ir-restrizzjonijiet fuq id-dritt għal-libertà stabbilit fl-Artikolu 8(3)(a) u (b) tad-Direttiva dwar l-Akkoljenza, moqrija flimkien mal-garanziji mogħtija għall-applikanti detenuti, jiżguraw li d-dritt għal-libertà, li ġie deskritt bħala “tal-ogħla importanza kbira f’‘soċjetà demokratika’” (81) japplika skont kemm it-tifsira kif ukoll l-ispirtu tal-Artikolu 5 tal-KEDB.

90.      Fl-aħħar nett, nosserva li l-qorti tar-rinviju tifformula d-domanda tagħha b’riferiment għas-sentenza tal-Qorti ta’ Strasbourg fis-sentenza Nabil. F’dak il-każ, l-applikanti għall-ażil kienu suġġetti kemm għal ordni ta’ tkeċċija milli l-Ungerija kif ukoll għal projbizzjoni ta’ dħul. Iż-żewġ miżuri kienu nħarġu qabel ma huma ressqu talbiet għall-ażil. Il-każijiet tar-rikorrenti kienu ġew eżaminati sabiex jiġi ddeterminat jekk l-użu tad-detenzjoni kienx kompatibbli mad-dritt għal-libertà fuq il-bażi tat-tieni parti tal-Artikolu 5(1)(f) – detenzjoni fir-rigward ta’ persuna li kontriha tkun qed tittieħed azzjoni bil-għan ta’ deportazzjoni jew ta’ estradizzjoni (82).

91.      Peress li applikazzjoni għall-ażil ta’ K. tibqa’ pendenti u minħabba li ma hemm l-ebda informazzjoni fid-digriet tar-rinviju li tindika li ttieħdet xi azzjoni kontrih skont id-Direttiva dwar ir-Ritorn, ma hemm xejn li jissuġġerixxi li bħalissa huwa suġġett “għad-deportazzjoni jew l-estradizzjoni”. Huwa għalhekk f’pożizzjoni differenti ħafna mir-rikorrenti fis-sentenza Nabil. F’dawn iċ-ċirkustanzi, u fid-dawl tar-rendikont tal-fatti mogħtija mill-qorti tar-rinviju, iċ-ċirkustanzi tiegħu ma jistgħux jaqgħu taħt it-tieni parti tal-Artikolu 5(1)(f) tal-KEDB. Għaldaqstant l-interpretazzjoni ta’ dik id-dispożizzjoni mill-Qorti ta’ Strasbourg fis-sentenza Nabil ma għandha l-ebda effett fuq l-evalwazzjoni tal-validità tal-Artikolu 8(3)(a) għall-iskopijiet preżenti.

92.      Inżid ngħid għall-finijiet tal-bon ordni li, fi-dawl tas-sentenza ta’ din il-Qorti tal-Ġustizza fil-kawża N. fis-sens li ma jsegwix neċessarjament mis-sentenza Nabil li każ pendenti tal-ażil ifisser li d-detenzjoni ta’ persuna li tkun għamlet tali talba ma tibqax detenzjoni “bl-għan ta’ deportazzjoni”, il-pożizzjoni hija fi kwalunkwe każ iktar sfumata milli tissuġġerixxi l-qorti tar-rinviju (83).

 Konklużjoni

93.      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha magħmula iktar ’il fuq, jiena tal-opinjoni li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha tiddikjara:

Il-kunsiderazzjoni tad-domanda magħmula mir-rechtbank Den Haag zittingsplaats Haarlem (qorti distrettwali, Den Haag, sede f’Haarlem, il-Pajjiżi l-Baxxi) lill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea ma żvelat l-ebda fattur ta’ tali natura li jaffettwa l-validità tal-punti (a) u (b) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 8(3) tad-Direttiva 2013/33/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-26 ta’ Ġunju 2013, li tistabbilixxi l-istandards dwar l-akkoljenza ta’ applikanti għall-protezzjoni internazzjonali fid-dawl tal-Artikoli 6 u 52(1) u (3) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.


1 –      Lingwa oriġinali: l-Ingliż.


2 –      Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-26 ta’ Ġunju 2013, (ĠU 2013 L 180, p. 96) (iktar ’il quddiem id-“Direttiva dwar l-Akkoljenza”).


3 –      ĠU 2010 C 83, p. 389 (iktar ’il quddiem il-“Karta”).


4 –      Il-Konvenzjoni dwar l-Istatus tar-Refuġjati, iffirmata f’Genève, fit-28 ta’ Lulju 1951, li daħlet fis-seħħ fit-22 ta’ April 1954 [Serje tat-Trattati tan-Nazzjonijiet Uniti, Vol. 189, p. 150, Nru 2545 (1954)], kif issupplimentata mill-Protokoll dwar l-Istatus tar-Refuġjati, konkluż fi New York fil-31 Jannar 1967, li daħal fis-seħħ fl-4 ta’ Ottubru 1967 (flimkien, il-“Konvenzjoni ta’ Ġinevra”). Il-Protokoll ma huwiex rilevanti biex tingħata risposta għat-talba preżenti għal deċiżjoni preliminari.


5 –      Iffirmata f’Ruma fl-4 ta’ Novembru 1950 (iktar ’il quddiem il-“KEDB”).


6 –      Ara rispettivament, l-Artikolu 5 (2), (4) u (5). L-Artikolu 5(3) jirrigwarda individwi arrestati jew detenuti konformement mal-Artikolu 5(1)(c) fejn ikun hemm suspett raġonevoli li dawn ikkommettew reat jew meta huwa meħtieġ li jiġu pprevenuti reati milli jitwettqu. Il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem (“il-Qorti ta’ Strasbourg”) iddeċidiet li dik id-dispożizzjoni tapplika biss fil-kuntest ta’ proċeduri kriminali (ara s-sentenza tal-31 ta’ Lulju 2000, Jėčius vs il-Litwanja, CE:ECHR:2000:0731JUD003457897, §50). Huwa ċar mid-digriet tar-rinviju li d-detenzjoni ta’ K. ma kinitx relatata ma’ proċeduri kriminali (ara l-punti 24 sa 28 iktar ’l isfel). Għalhekk la l-Artikolu 5(1)(ċ) u lanqas l-Artikolu 5(3) tal-KEDB ma huma rilevanti għall-proċeduri preżenti.


7 –      Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-16 ta’ Diċembru 2008 (ĠU 2008 L 348, p. 98) (iktar ’il quddiem id-“Direttiva dwar ir-Ritorn”).


8 –      Premessa 5.


9 –      Il-kategoriji ta’ individwi li jgawdu d-dritt ta’ moviment liberu fit-territorju tal-Unjoni għall-iskopijiet tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva dwar ir-Ritorn huma definiti fl-Artikolu 2(5) tar-Regolament (UE) 2016/399 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tad-9 ta’ Marzu 2016, dwar Kodiċi tal-Unjoni dwar ir-regoli li jirregolaw il-moviment ta’ persuni min-naħa għall-oħra tal-fruntiera (Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen) (ĠU 2016 L 77, p. 1). Dak l-att ħassar u ssostitwixxa d-dispożizzjonijiet tar-Regolament (KE) Nru 562/2006, li kien il-verżjoni preċedenti ta’ dak il-kodiċi. Dawk il-kategoriji jinkludu ċittadini tal-Unjoni fis-sens tal-Artikolu 20 TFUE u l-membri tal-familja ċittadini ta’ pajjiżi terzi tagħhom fejn iċ-ċittadin tal-Unjoni kkonċernat jeżerċita d-drittijiet ta’ moviment liberu. Huma jinkludu wkoll ċittadini ta’ pajjiżi terzi u membri tal-familja tagħhom li, skont diversi ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha u l-pajjiż terz rilevanti, igawdu drittijiet ta’ moviment ħieles ekwivalenti għal dawk ta’ ċittadini tal-Unjoni (dawk il-pajjiżi huma l-Islanda, il-Liechtenstein, in-Norveġja u l-Isvizzera).


10 –      Id-Direttiva 2011/95/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-13 ta’ Diċembru 2011, dwar standards għall-kwalifika ta’ ċittadini nazzjonali ta’ pajjiżi terzi jew persuni mingħajr stat bħala benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali, għal stat uniformi għar-refuġjati jew għal persuni eliġibbli għal protezzjoni sussidjarja, u għall-kontenut tal-protezzjoni mogħtija (ĠU 2011 L 337, p. 9) (iktar ’il quddiem id-“Direttiva dwar il-Kwalifika”).


11 –      Artikolu 1.


12 –      Ara l-Artikolu 4(3)(a),(b) u (c) rispettivament.


13 –      Jiena ma elenkajtx ir-raġunijiet individwali, peress li huwa biss il-kunċett ta’ esklużjoni mill-istatus ta’ refuġjat li huwa rilevanti għall-każ inkwistjoni.


14 –      Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-26 ta’ Ġunju 2013 (ĠU 2013 L 180, p. 60) (iktar ’il quddiem id-“Direttiva dwar Proċeduri”).


15 –      Ara, b’mod partikolari, l-Artikolu 10(2) u(3)(a).


16 –      Premessa 2.


17 –      Premessa 3.


18 –      Premessa 10.


19 –      Premessa 15.


20 –      Premessa 16.


21 –      Premessa 20.


22 –      Premessa 35.


23 –      L-istess definizzjoni tintuza wkoll fl-Artikolu 2(i) tad-Direttiva dwar il-Kwalifika u l-Artikolu 2(c) tad-Direttiva dwar Proċeduri.


24 –      Nifhem mid-digriet tar-rinviju li skont l-Artikolu 8(f) tal-Vw ċittadin ta’ pajjiż terz li japplika għall-ażil huwa meqjus bħala residenti legalment fil-Pajjiżi l-Baxxi sakemm deċiżjoni dwar applikazzjoni tiegħu għal permess ta’ residenza tkun pendenti, u li, fuq il-bażi tal-applikazzjoni tiegħu (jew ordni tal-qorti), id-deportazzjoni tiegħu tiġi ddifferita sakemm tittieħed deċiżjoni dwar it-talba għall-ażil.


25 –      Mir-riċerka tiegħi stess ibbażata fuq il-proċess nazzjonali, jidher li l-konstatazzjoni ta’ “inammissibbiltà” kienet għaliex K. kien applika għal status ta’ refuġjat. Għalhekk, l-awtoritajiet tal-Pajjiżi l-Baxxi qisuh bħala li huwa suġġett għal protezzjoni taħt il-Konvenzjoni ta’ Ġinevra, b’mod partikolari, skont l-Artikolu 31 tagħha.


26 –      Artikolu 59b(1)(a) tal-Vw.


27 –      Artikolu 59b(1)(b) tal-Vw.


28 –      Sentenza tal-15 ta’ Frar 2016, N., C‑601/15 PPU, EU:C:2016:84.


29 –      Sentenza tat-22 ta’ Settembru 2015, CE:ECHR:2015:0922JUD006211612 (iktar ’il quddiem is-“sentenza Nabil”).


30 –      Sentenza tat-22 ta’ Ottubru 1987, 314/85, EU:C:1987:452, punti 15 u 16.


31 –      Sentenza tal-15 ta’ Frar 2016, N., C‑601/15 PPU, EU:C:2016:84.


32 –      Sentenza tal-10 ta’ Jannar 2006, IATA u ELFAA, C‑344/04, EU:C:2006:10, punti 30 u 31.


33 –      Sentenza tat-12 ta’ Lulju 2012, Association Kokopelli, C‑59/11, EU:C:2012:447, punt 28 u 29 u l-ġurisprudenza ċċitata.


34 –      Artikolu 6(1) TUE u l-Artikolu 52(7) tal-Karta. Ara wkoll, l-Ispjegazzjonijiet fuq il-Karta dwar id-Drittijiet Fundamentali (ĠU 2007 C 303, p. 17) (iktar ’il quddiem l-“Ispjegazzjonijiet”).


35 –      Spjegazzjoni tal-Artikolu 6 – Dritt għal-libertà u għas-sigurtà, p. 19 tal-Ispjegazzjonijiet.


36 –      Detention Guidelines – Guidelines on the applicable criteria and standards relating to the detention of asylum-seekers and alternatives to detention [Linji Gwida għad-detenzjoni – Linji Gwida fuq il-kriterji applikabbli u standards relatati mad-detenzjoni ta’ min ifittex l-ażil u alternattivi għad-detenzjoni], ippubblikati mill-Kummissarju Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għar-Refuġjati (2012) (iktar ’il quddiem il-“Linji Gwida dwar id-detenzjoni tal-UNHCR”).


37 –      Ara wkoll ir-Rapport tal-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti tal-Gruppi ta’ Ħidma fuq id-Detenzjoni Arbitrarja ppubblikat fl-4 ta’ Mejju 2015, “Guideline 21. Specific measures for non-nationals, including migrants regardless of their migration status, asylum seekers, refugees and stateless persons” [Linja Gwida 21. Miżuri speċifiċi għal persuni mhux ċittadini, inklużi migranti irrispettivament mill-istatus ta’ migrazzjoni tagħhom, dawk li jfittxu l-ażil, refuġjati u persuni apolidi].


38      Linji Gwida tal-Kummissarju Għoli għar-Refuġjati tan-Nazzjonijiet Uniti dwar kriterji u standards applikabbli relatati mad-detenzjoni ta’ applikanti għall-ażil tas-26 ta’ Frar 1999.


39 –      Fid-dawl tal-applikazzjoni ta’ N. għall-ażil, it-tkeċċija tiegħu mill-Pajjiżi l-Baxxi baqgħet sospiża skont l-Artikolu 9 tad-Direttiva dwar Proċeduri.


40 –      Sentenza tal-Qorti ta’ Strasbourg tat-23 ta’ Frar 2012, Creangă vs Ir-Rumanija, CE:ECHR:2012:0223JUD002922603, § 92.


41 –      Is-sentenza tal-15 ta’ Frar 2016,N., C‑601/15 PPU, EU:C:2016:84, punt 46.


42 –      Ara l-Artikolu 2(h) tad-Direttiva dwar l-Akkoljenza.


43 –      Sentenza tal-15 ta’ Frar 2016, N., C‑601/15 PPU, EU:C:2016:84, punt 45 u l-ġurisprudenza ċċitata.


44 –      Sentenza tal-15 ta’ Frar 2016, N., C‑601/15 PPU, EU:C:2016:84, punt 47.


45 –      Sentenza tal-15 ta’ Frar 2016, N., C‑601/15 PPU, EU:C:2016:84, punt 48 u l-ġurisprudenza ċċitata.


46 –      Ara, b’analoġija [fir-rigward tal-Artikolu 8(3)(e)], is-sentenza tal-15 ta’ Frar 2016, N., C‑601/15 PPU, EU:C:2016:84, punt 49.


47 –      Ara, b’analoġija [dwar l-Artikolu 8(3)(e)], is-sentenza tal-15 ta’ Frar 2016, N., C‑601/15 PPU, EU:C:2016:84, punti 50 u 51.


48 –      Ara wkoll l-Artikolu 9 tad-Direttiva dwar Proċeduri.


49 –      Ara l-konklużjonijiet tiegħi f’N., C‑601/15 PPU, EU:C:2016:85, punt 113, ara wkoll il-premessa 20 tad-Direttiva dwar l-Akkoljenza.


50 –      Ara l-premessa 15 tad-Direttiva dwar l-Akkoljenza.


51 –      Sentenza tal-15 ta’ Frar 2016, N., C‑601/15 PPU, EU:C:2016:84, punt 59.


52 –      Ara l-Artikoli 8(3) in fine u 9 tad-Direttiva dwar l-Akkoljenza.


53 –      Ara, b’analoġija, is-sentenza tal-15 ta’ Frar 2016, N., C‑601/15 PPU, EU:C:2016:84, punt 52.


54 –      Sentenza tal-15 ta’ Frar 2016, N., C‑601/15 PPU, EU:C:2016:84, punt 54 u l-ġurisprudenza ċċitata.


55 –      Ara l-Artikolu 1 tad-Direttiva dwar il-Kwalifika u l-premessa 3 tad-Direttiva dwar l-Akkoljenza.


56 –      L-Artikolu 4 tad-Direttiva dwar il-Kwalifika.


57 –      Ara l-premessa 22 tad-Direttiva dwar il-Kwalifika.


58 –      Is-“sistema ta’ Dublin” tirreferi, inter alia, għar-regoli fir-Regolament (UE) Nru 604/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-26 ta’ Ġunju 2013, li jistabbilixxi l-kriterji u l-mekkaniżmi biex ikun iddeterminat liema hu l-Istat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali iddepożitata għand wieħed mill-Istati Membri minn ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna apolida (ĠU 2013 l 180, p. 31). Hemm dispożizzjoni speċifika fl-Artikolu 28 tal-imsemmi regolament għad-detenzjoni tal-applikanti għall-finijiet ta’ trasferiment. Madankollu, dik id-dispożizzjoni, ma hijiex rilevanti hawnhekk.


59 –      Artikolu 4 tad-Direttiva dwar il-Kwalifika.


60 –      Artikolu 10(2) u (3)(a) tad-Direttiva dwar il-Proċedura.


61 –      Ara, pereżempju, is-sentenza tat-2 ta’ Diċembru 2014, A et C‑148/13 sa C‑150/13, EU:C:2014:2406, punt 55 et seq.


62 –      Sentenza tal-15 ta’ Frar 2016, N., C‑601/15 PPU, EU:C:2016:84, punt 56 u l-ġurisprudenza ċċitata.


63 –      Ara, b’analoġija (fir-rigward tal-Artikolu 8(3)(e), is-sentenza tal-15 ta’ Frar 2016, N., C‑601/15 PPU, EU:C:2016:84, punt 57.


64 –      Ara, rispettivament, il-premessi 15 u 16 tad-Direttiva dwar l-Akkoljenza.


65 –      Ara l-proposta tal-Kummissjoni għal direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tistabbilixxi standards minimi għall-akkoljenza ta’ dawk li jfittxu ażil COM(2008) 815 finali, paġni 6 u 8; ara wkoll il-premessa 35 tad-Direttiva dwar l-Akkoljenza.


66 –      Ara, b’analoġija, is-sentenza tal-15 ta’ Frar 2016, N., C‑601/15 PPU, EU:C:2016:84, punt 68.


67 –      Ara l-punt 5 iktar ’il fuq.


68 –      Ara l-punti 49 u 50 iktar ’il fuq.


69 –      Ara s-sentenza Nabil, § 26.


70 –      Sentenza tal-Qorti ta’ Strasbourg tad-29 ta’ Jannar 2008, Saadi vs Ir-Renju Unit, CE:ECHR:2008:0129JUD001322903 (iktar ’il quddiem is-“sentenza Saadi”).


71 –      Sentenza Saadi, § 64.


72 –      Sentenza Saadi, § 65.


73 –      Sentenza Saadi, §§ 34, 35 u 37.


74 –      Ara, b’analoġija, is-sentenza tal-Qorti ta’ Strasbourg tal-15 ta’ Novembru, Chahal vs Ir-Renju Unit, CE:ECHR:1996:1115JUD002241493, § 112.


75 –      Sentenza Saadi, § 67.


76 –      Sentenza Saadi, § 67.


77 –      Sentenza Saadi, §§ 69 sa 73.


78 –      Sentenza Saadi, § 74.


79 –      Ara l-punti 57 sa 77 iktar ’il fuq.


80 –      Ara l-konklużjonijiet tiegħi f’N., C‑601/15 PPU, EU:C:2016:85, punt 136.


81 –      Ara s-sentenza tal-Qorti ta’ Strasbourg tad-29 ta’ Marzu 2010, Medvedyev et vs Franza, CE:ECHR:2010:0329JUD000339403, § 76.


82 –      Sentenza Nabil, §§ 28 u 38 et seq.


83 –      Dak kollu li huwa meħtieġ huwa li għandha tittieħed azzjoni bl-iskop ta’ deportazzjoni jew estradizzjoni (ara s-sentenza 15 ta’ Frar 2016, N., C‑601/15 PPU, EU:C:2016:84, punti 79 u 80). Dik il-pożizzjoni hija kkonfermata mill-ġurisprudenza tal-Qorti ta’ Strasbourg (ara, pereżempju, is-sentenza tal-Qorti ta’ Strasbourg tat-23 ta’ Ottubru 2008, Soldatenko vs L-Ukraina, CE:ECHR:2008:1023JUD000244007, § 109). Dik il-Qorti ddeċidiet ukoll li d-detenzjoni tista’ tiġi ġġustifikata fuq il-bażi tat-tieni parti tal-Artikolu 5(1)(f) tal-KEDB anki jekk ma tkunx saret talba formali jew ma tkunx inħarġet ordni għall-estradizzjoni, ara d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem tad-9 ta’ Diċembru 1980, X. vs L-Isvizzera, CE:. KEDB: 1980: CE:ECHR:1980:1209DEC000901280.