Language of document : ECLI:EU:C:2017:680

Kawża C-18/16

K.

vs

Staatssecretaris van Veiligheid en Justitie

(talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mir-rechtbank Den Haag zittingsplaats Haarlem)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Standards għall-akkoljenza ta’ applikanti għall-protezzjoni internazzjonali – Direttiva 2013/32/UE – Artikolu 9 – Dritt li wieħed jibqa’ fi Stat Membru sakemm tiġi eżaminata l-applikazzjoni – Direttiva 2013/33/UE – Punti (a) u (b) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 8(3) – Tqegħid f’detenzjoni – Verifika tal-identità jew tan-nazzjonalità – Determinazzjoni tal-elementi li hija bbażata fuqhom l-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali –Validità – Karta tad-drittijiet fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Artikoli 6 u 52 – Limitazzjoni – Proporzjonalità”

Sommarju – Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) tal-14 ta’ Settembru 2017

Kontrolli fil-fruntieri, ażil u immigrazzjoni – Politika tal-ażil – Standards dwar l-akkoljenza ta’ applikanti għall-protezzjoni internazzjonali – Direttiva 2013/33 – Punti (a) u (b) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 8(3) – Tqegħid f’detenzjoni ta’ applikant għall-protezzjoni internazzjonali, sabiex tiġi stabbilita jew ivverifikata l-identità jew in-nazzjonalità tiegħu, jew sabiex jiġu ddeterminati elementi li tista’ tkun ibbażata fuqhom l-applikazzjoni tiegħu u li ma jistgħux jinkisbu mod ieħor – Evalwazzjoni tal-validità tal-imsemmija dispożizzjoni fid-dawl tal-Artikoli 6 u 52 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Validità

(Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikoli 6 u 52(1) u (3); Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2013/33, Artikoli 8(3)(1)(a) u (b) u 9(1))

L-eżami tal-punti (a) u (b) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 8(3) tad-Direttiva 2013/33/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-26 ta’ Ġunju 2013, li tistabbilixxi l-istandards dwar l-akkoljenza ta’ applikanti għall-protezzjoni internazzjonali, ma wera ebda element ta’ natura li jaffettwa l-validità ta’ din id-dispożizzjoni fid-dawl tal-Artikoli 6 u 52(1) u (3) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.

F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-limitazzjoni tal-eżerċizzju tad-dritt għal-libertà li jirriżulta mill-punti (a) u (b) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 8(3) tad-Direttiva 2013/33 hija prevista minn att leġiżlattiv tal-Unjoni u li ma jaffettwax il-kontenut essenzjali tad-dritt għal-libertà stabbilit fl-Artikolu 6 tal-Karta Fil-fatt, il-punti (a) u (b) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 8(3) tal-imsemmija direttiva ma tqiegħedx inkwistjoni l-garanzija ta’ dan id-dritt u, kif jirriżulta mill-formulazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni u tal-premessa 15 ta’ din id-direttiva, tagħti lill-Istati Membri s-setgħa li jżommu lil applikant f’detenzjoni biss minħabba l-aġir individwali tiegħu u fiċ-ċirkustanzi eċċezzjonali previsti fl-istess dispożizzjoni, liema ċirkustanzi, barra minn hekk, huma llimitati mill-kundizzjonijiet kollha li jinsabu fl-Artikoli 8 u 9 tal-imsemmija direttiva (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-15 ta’ Frar 2016, N., C‑601/15 PPU, EU:C:2016:84, punti 51 u 52). F’dan ir-rigward, kemm mill-formulazzjoni kif ukoll mill-kuntest u mill-oriġini tal-Artikolu 8 tad-Direttiva 2013/33 jirriżulta li din is-setgħa hija suġġetta għall-osservanza ta’ diversi kundizzjonijiet li għandhom l-għan li jistabbilixxu b’mod strett il-parametri tar-rikors għal din il-miżura.

Il-limitazzjonijiet għall-eżerċizzju tad-dritt mogħti mill-Artikolu 6 tal-Karta magħmula mill-punt (a) sa (b) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 8(3) ta’ din id-direttiva lanqas ma huma żmiżurati meta mqabbla mal-għanijiet intiżi. F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-imsemmi punt (a) bħall-punt (b) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 8(3) jibbilanċja l-interess ġenerali intiż, jiġifieri l-funzjonament tajjeb tas-sistema komuni Ewropea għall-ażil, li tippermetti li tingħata protezzjoni internazzjonali lill-applikanti li għandhom verament bżonnha u li jiġu miċħuda l-applikazzjonijiet ta’ dawk li ma jissodisfawx il-kundizzjonijiet, minn naħa, u l-indħil fid-dritt għal-libertà kkawżat minn miżura ta’ detenzjoni, min-naħa l-oħra. Fil-fatt, għalkemm il-funzjonament tajjeb tas-sistema komuni Ewropea għall-ażil jeżiġi, fil-fatt, li l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti jkollhom informazzjoni affidabbli dwar l-identità jew in-nazzjonalità tal-applikant għall-protezzjoni internazzjonali u l-elementi li tkun ibbażata fuqhom id-domanda, l-imsemmija dispożizzjoni ma tistax tiġġustifika li miżuri ta’ detenzjoni jiġu deċiżi mingħajr ma dawn l-awtoritajiet nazzjonali jkunu vverifikaw minn qabel, każ b’każ, jekk dawn humiex proporzjonati mal-għanijiet intiżi.

(ara l-punti 35, 41, 47, 48, 54, u d-dispożittiv)