Language of document :

Rikors ippreżentat fl-24 ta' Awissu 2009 - Groupement Adriano, Jaime Ribeiro, Conduril - Construção vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-335/09)

Lingwa tal-kawża: Il-Portugiz

Partijiet

Rikorrenti: Groupement Adriano, Jaime Ribeiro, Conduril - Construção, ACE (Póvoa de Varzim, il-Portugall) (rappreżentanti: A. Pinto Cardoso u L. Fuzeta da Ponte, avukati)

Konvenuta: Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

Talbiet tar-rikorrenti

tannulla d-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tinsab fin-Nota ta' Debitu Nru 3230905272, tat-12 ta' Ġunju 2009, kif ukoll tad-deċiżjoni li tinsab fin-notifika tat-3 ta' Awwissu 2009, li jordnaw lir-rikorrenti tħallas din in-nota f'terminu ta' 15-il jum, miżjuda bl-interessi ta' dewmien, għall-eżekuzzjoni tal-kuntratt AH 04/2004, konkluż għall-kostruzzjoni ta' parti minn triq bejn Tangiers u Saïda ("Projet de la Rocade Méditerranéenne"), iffinanzjat mill-Komunità fil-kuntest tal-programm MEDA I;

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

L-atti jistgħu jiġu kkontestati, peress li huma ta' natura deċiżjonali u definittiva u ta' natura vinkolanti, u l-partijiet huma leġittimi.

Iż-żewġ atti huma vvizjati:

B'inkompetenza assoluta: il-konvenuta mhijiex "Pouvoir adjudicateur (Proprjetarja tal-kostruzzjoni)", peress li ma teżisti ebda dispożizzjoni kuntrattwali li tissostanzja l-imġiba tal-konvenuta. B'hekk, mhux biss il-konvenuta m'għandhiex kompetenza, iżda wkoll m'għandhiex setgħat taħt dawn il-proċeduri.

Ksur tal-forom proċedurali sostanzjali, b'mod partikolari tal-obbligu ta' motivazzjoni: Skont l-Artikolu 253 tat-Trattat, l-atti Komunitarji għandhom ikunu ssostanzjati. Fid-dawl tal-ġurisprudenza, din il-motivazzjoni għandha tkun espliċita, ċara, koerenti u rilevanti. L-att ma jistax ikun impliċitament jew taċitament immotivat u lanqas ma jista' jippreżenta nuqqas ta' kjarezza. Ma jistax ikun hemm kontradizzjoni bejn il-motivi nnifishom jew bejn il-motivi u d-dispożittiv. Id-deċiżjonijiet ikkontestati huma kompletament neqsin minn motivazzjoni. Barra minn hekk, hemm ksur tal-forom proċedurali sostanzjali ta' indikazzjoni tar-rimedji disponibbli.

Ksur tar-regoli tat-Trattat, b'mod partikolari tal-Artikoli 211 sa 219 tar-Regolament tal-Proċedura tal-konvenuta nnifisha u tal-prinċipju ta' "pacta sunt servanda".

____________