Language of document : ECLI:EU:T:2011:171

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (It-Tmien Awla)

13 ta’ April 2011(*)

“Trade mark Komunitarja – Proċedimenti ta’ oppożizzjoni – Applikazzjoni għat-trade mark Komunitarja figurattiva FIRST DEFENSE AEROSOL PEPPER PROJECTOR – Raġuni relattiva għal rifjut – Artikolu 8(3) tar-Regolament (KE) Nru 207/2009 – Eżekuzzjoni mill-UASI ta’ sentenza li tannulla deċiżjoni tal-Bordijiet tal-Appell tiegħu – Drittijiet tad-difiża – Obbligu ta’ motivazzjoni – Artikolu 63(2), Artikolu 65(6), Artikoli 75 u 76 tar-Regolament Nru 207/2009”

Fil-Kawża T‑262/09,

Safariland LLC, li qabel kienet Defense Technology Corporation of America, stabbilita f’Jacksonville, Florida (l-Istati Uniti tal-Amerka), irrappreżentata minn R. Kunze u G. Würtenberger, avukati,

rikorrenti,

vs

L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI), irrappreżentat minn D. Botis, bħala aġent,

konvenut,

il-parti l-oħra fil-proċedimenti quddiem il-Bord tal-Appell tal-UASI, intervenjenti quddiem il-Qorti Ġenerali, hija

DEF-TEC Defense Technology GmbH, stabbilita fi Frankfurt am Main (il-Ġermanja), inizjalment irrappreżentata minn H. Daniel u O. Haleen, sussegwentement minn O.Haleen, avukati,

intervenjenti,

li għandha bħala suġġett rikors ippreżentat kontra d-deċiżjoni tar-Raba’ Bord tal-Appell tal-UASI, tal-4 ta’ Mejju 2009 [Każ R 493/2002-4(II)], dwar proċedimenti ta’ oppożizzjoni bejn Defense Technology Corporation of America u DEF-TEC Defense Technology GmbH,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tmien Awla),

komposta minn M. E. Martins Ribeiro, President tal-Awla, S. Papasavvas (Relatur) u A. Dittrich, Imħallfin,

Reġistratur: J. Palacio González, Amministratur Prinċipali,

wara li rat ir-rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis-6 ta’ Lulju 2009,

wara li rat ir-risposta tal-UASI ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali tat-13 ta’ Ottubru 2009,

wara li rat ir-risposta tal-intervenjenti ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl-10 ta’ Novembru 2009,

wara s-seduta tat-22 ta’ Settembru 2010,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1        Fid-19 ta’ Mejju 1995, l-intervenjenti, DEF-TEC Defense Technology GmbH u l-kumpannija Defense Technology Corporation of America, li hija suġġetta għad-dritt tal-Istat ta’ Wyoming (l-Istati Uniti tal-Amerka) (iktar ’il quddiem “il-kumpannija ta’ Wyoming”), ikkonkludew ftehim ta’ distribuzzjoni li skontu l-ewwel kumpannija ntrabtet li tittrasferixxi 50 % mill-ishma tagħha lil persuna fiżika jew ġuridika miżmuma u nnominata mit-tieni kumpannija u li tiddistribwixxi l-prodotti ta’ din tal-aħħar, bħall-sprejs tad-difiża, fl-Ewropa u għal dan hija tieħu kummissjoni ta’ 10 % li tinġabar minn fuq il-bejgħ kollu li jkun sar kif ukoll linja ta’ kreditu (iktar ’il quddiem il-“ftehim tad-19 ta’ Mejju 1995”)

2        Fl-1 ta’ Ġunju 1996, il-president tal-kumpannija ta’ Wyoming iddikjara, f’isem din tal-aħħar, fir-rigward tat-trade marks verbali u figurattivi FIRST DEFENSE u FIRST DEFENSE AEROSOL PEPPER PROJECTOR, li kienet ser tirrinunzja espressament għad-drittijiet kollha li għandha fit-territorju Ewropew u li tat il-kunsens tagħha għar-reġistrazzjoni tal-imsemmija trade marks tal-intervenjenti fl-Ewropa.

3        Fit-23 ta’ Awwissu 1996, ir-rikorrenti, Safariland LLC, li qabel kienet Defense Technology Corporation of America, xtrat l-attiv tal-kumpannija ta’ Wyoming. Din iċ-ċessjoni kienet tinkludi l-isem kummerċjali Defense Technology Corporation of America, it-trade marks irreġistrati fl-Istati Uniti tal-Amerka, miżmuma mill-kumpannija ta’ Wyoming u l-linja ta’ prodotti ta’ sprej tad-difiża.

4        Sa Ġunju 1997, l-intervenjenti baqgħet tirċievi mingħand ir-rikorrenti sprejs tad-difiża FIRST DEFENSE u kienet tiddistribwixxihom fl-Ewropa taħt isimha stess. Ir-relazzjonijiet bejn ir-rikorrenti u l-intervenjenti spiċċaw fis-sajf tal-1997 jew fil-bidu tal-ħarifa tal-istess sena.

5        Fis-16 ta’ Settembru 1997, l-intervenjenti ppreżentat applikazzjoni għal reġistrazzjoni ta’ trade mark Komunitarja quddiem l-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI) skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 40/94, tal-20 ta’ Diċembru 1993, dwar it-trade mark Komunitarja (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 146) kif emendat [sostitwit bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 207/2009, tas-26 ta’ Frar 2009, dwar it-trade mark Komunitarja (ĠU L 78, p. 1)].

6        It-trade mark li għaliha ntalbet ir-reġistrazzjoni kienet it-trade mark figurattiva FIRST DEFENSE AEROSOL PEPPER PROJECTOR (iktar ’il quddiem “it-trade mark inkwistjoni”), riprodotta kif ġej:

Image not found

7        Il-prodotti li għalihom intalbet ir-reġistrazzjoni tat-trade mark jaqgħu taħt il-klassijiet 5, 8 u 13 skont il-Ftehim ta’ Nice dwar il-klassifikazzjoni internazzjonali tal-prodotti u servizzi għall-finijiet tar-reġistrazzjoni ta’ trade marks, tal-15 ta’ Ġunju 1957, kif irrivedut u emendat u li jikkorrispondi għal kull waħda minn dawn il-klassijiet, għad-deskrizzjoni li ġejja:

–        klassi 5: “prodotti farmaċewtiċi, veterinarji u sanitarji; sustanzi dijetetiċi għal użu mediku, ikel għat-trabi; ġibs mediku, materjal għal faxex għal feriti; materjal għall-mili tas-snien u xama’ dentali; diżinfettanti, prodotti għall-qerda tal-annimali li jagħmlu l-ħsara; funguċidi; erbiċidi”;

–        klassi 8: “għodda u strumenti tal-idejn għall-użu manwali; pożati, frieket u mgħaref, armi li jistgħu jinġarru fuq il-persuna, apparat għat-tqaxxir tal-leħja”;

–        klassi 13: “ammunizzjoni, projettili, sprej ta’ gass irritanti, armi oħra għall-attakk jew għad-difiża”.

8        L-applikazzjoni għal trade mark ġiet ippubblikata fil-Bullettin tat-Trade marks Komunitarji Nru 93/1998 fis-7 ta’ Diċembru 1998.

9        Fit-8 ta’ Marzu 1999, ir-rikorrenti ppreżentat oppożizzjoni skont l-Artikolu 42 tar-Regolament Nru 40/94 (li sar Artikolu 41 tar-Regolament Nru 207/2009) għar-reġistrazzjoni tat-trade mark inkwistjoni għall-prodotti msemmija fil-punt 7 iktar ’il fuq.

10      Ir-rikorrenti bbażat l-oppożizzjoni tagħha, b’mod partikolari, fuq l-Artikolu 8(3) tar-Regolament Nru 40/94 (li sar l-Artikolu 8(3) tar-Regolament Nru 207/2009) b’kunsiderazzjoni għall-fatt li l-intervenjenti kienet l-aġent tagħha skont l-imsemmija dispożizzjoni u li kienet applikat, mingħajr il-kunsens tagħha, għar-reġistrazzjoni ta’ trade mark li kienet tixbah ħafna t-trade marks li ġejjin irreġistrati fl-Istati Uniti tal-Amerka:

–        it-trade mark verbali FIRST DEFENSE, irreġistrata taħt in-numru 1763666, bħala “arma għad-difiża mhux splussiva fl-għamla ta’ gass irritanti organiku ppakkjat f’reċipjent ta’ sprej”, li taqa’ taħt il-klassi 13;

–        it-trade mark figurattiva li tikkonsisti fir-rappreżentazzjoni ta’ ajkla li qiegħda ttir, irreġistrata taħt in-numru 1885967 għall-“arma għad-difiża mhux splussiva fl-għamla ta’ gass irritanti organiku ppakkjat f’reċipjent ta’ sprej”, li taqa’ taħt il-klassi 13; kif jidher hawn taħt:

Image not found

–        it-trade mark figurattiva li tinkludi l-element verbali “def-tec products” li kienet tidher ġewwa figura trijangolari, irreġistrata taħt in-numru 1792165, għal serje ta’ prodotti li jaqgħu taħt il-klassi 13, irrappreżentata kif ġej:

Image not found

11      B’deċiżjoni tal-21 ta’ Marzu 2002, id-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni laqgħet parzjalment l-oppożizzjoni sa fejn din kienet ibbażata fuq l-Artikolu 8(3) tar-Regolament Nru 40/94, u fir-rigward ta’ “armi li jistgħu jinġarru fuq il-persuna” li jaqgħu taħt il-klassi 8 u “ammunizzjoni, projettili, sprej ta’ gass irritanti, armi għall-attakk jew għad-difiża”, li jaqgħu taħt il-klassi 13.

12      Fil-21 ta’ Mejju 2002, l-intervenjenti appellat mid-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni quddiem l-UASI skont l-Artikoli 57 sa 62 tar-Regolament Nru 40/94 (li saru l-Artikoli 58 sa 64 tar-Regolament Nru 207/2009).

13      B’deċiżjoni tat-8 ta’ Novembru 2004 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni tal-2004”), it-Tieni Bord tal-Apell tal-UASI ċaħad l-appell u kkundanna lill-intervenjenti għall-ispejjeż.

14      Fit-12 ta’ Jannar 2005, l-intervenjenti ppreżentat rikors kontra d-deċiżjoni tal-2004 permezz ta’ att fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali bir-referenza T-6/05.

15      Il-Qorti Ġenerali annullat id-deċiżjoni tal-2004 permezz tas-sentenza tagħha tas-6 ta’ Settembru 2006 DEF-TEC Defense Technology vs UASI – Defense Technology (FIRST DEFENSE AEROSOL PEPPER PROJECTOR) (T-6/05, Ġabra p. II‑2671, iktar ’il quddiem is-“sentenza tal-Qorti Ġenerali”).

16      Fil-punt 39 tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali, ġie deċiż li “peress illi [l-intervenjenti] ma kkontestatx quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza l-kwalità tagħha ta’ uffiċjal tal-proprjetarju tat-trade mark, għandu jiġi stabbilit jekk [l-intervenjenti] kinitx kisbet kunsens mill-proprjetarju tat-trade mark li jawtorizzaha sabiex tipproċedi għall-applikazzjoni ta’ reġistrazzjoni antiċipata”.

17      Fil-punt 46 tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tfakkar li “[l-intervenjenti] u l-kumpannija ta’ Wyoming kienu daħlu f’relazzjoni kummerċjali reali u effettiva meta d-dikjarazzjoni tal-1 ta’ Ġunju 1996 kienet ġiet adottata, fatt li għandu mnejn jispjega li l-proprjetarju preċedenti kien iddeċieda li jagħti dan il-kunsens mingħajr kumpens finanzjarju”. Il-Qorti Ġenerali żiedet li “f’kull każ, il-fatt li tali ftehim jista’ eventalwament ikun atipiku ma jistax, minnu nnifsu, iqajjem dubju, bħalma fisser il-Bord tal-Appell, dwar il-validità tal-kunsens effettivament mogħti”.

18      Fil-punt 48 tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali, ġie deċiż li d-dikjarazzjoni tal-1 ta’ Ġunju 1996 kien fiha kunsens ċar, preċiż u inkundizzjonat. Issa, peress li l-proprjetarju tat-trade mark inbidel bejn il-ġurnata li fiha ngħata l-kunsens u dik li fiha ġiet ippreżentata l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni tat-trade mark imsemmija, il-Qorti Ġenerali kkunsidrat li jkun aħjar jekk hija tiddetermina jekk il-kunsens kienx validu u jekk l-intervenjenti setgħetx tinvokah.

19      Il-Qorti Ġenerali, barra minn hekk, irrilevat, fil-punt 49 tas-sentenza, li “peress li l-Bord tal-Appell kien ikkunsidra inġustament li d-dikjarazzjoni tal-1 ta’ Ġunju 1996 ma kienx fiha kunsens ċar, preċiż u inkundizzjonat li jawtorizza lill-[intervenjenti] tipproċedi għall-applikazzjoni għal reġistrazzjoni tat-trade mark imsemmija, huwa ma kienx ikkunsidra l-kwistjoni jekk l-imsemmi kunsens kienx baqa’ jeżisti wara x-xiri tal-attiv tal-kumpannija tal-Wyoming”. Il-Qorti Ġenerali ppreċiżat li “peress li din il-kwistjoni, li r-riżoluzzjoni tagħha tiddependi mill-qrib fuq id-dritt li għandu jiġi applikat għar-relazzjonijiet ġuridiċi u kummerċjali bejn il-partijiet [għall-ftehim tad-19 ta’ Mejju 1995], ma kinitx ġiet ikkunsidrata matul il-proċedimenti quddiem l-UASI, il-Qorti tal-Prim’Istanza ma tistax tagħti deċiżjoni fuq dan il-punt”.

20      Fl-aħħar nett, fil-punt 50 tas-sentenza, il-Qorti Ġenerali kkunsidrat li “il-Bord tal-Appell kellu jivverifika, fid-dawl tad-dritt applikabbli għar-relazzjonijiet ġuridiċi u kummerċjali eżistenti bejn il-partijiet [fil-ftehim tad-19 ta’ Mejju 1995], jekk u, skont il-każ, sa fejn l-imsemmija relazzjonijiet kienu effettivament baqgħu jeżistu wara x-xiri tal-attiv tal-kumpannija tal-Wyoming, b’tali mod li [ir-rikorrenti] ġiet sostitwita fid-drittijiet u, eventwalment, fl-obbligi tal-proprjetarju preċedenti tat-trade mark”. Il-Qorti Ġenerali kkonkludiet li “f’dan il-kuntest, kien obbligu tiegħu li jiddetermina, b’mod partikolari, jekk il-kunsens li nkiseb mill-[intervenjenti] fl-1 ta’ Ġunju 1996 kienx baqa’ jeżisti wara x-xiri tal-attiv tal-kumpannija ta’ Wyoming” u li “fil-każ ta’ risposta affermattiva, huwa kellu jeżamina jekk, fil-ġurnata tal-applikazzjoni għal reġistrazzjoni tat-trade mark imsemmija, l-[ir-rikorrenti] baqgħetx marbuta b’dan il-kunsens”. Il-Qorti Ġenerali, fl-aħħar ikkunsidrat li “fl-ipoteżi li [r-rikorrenti] ma kinitx iktar marbuta bl-imsemmi kunsens, il-Bord tal-Appell kellu allura jevalwa jekk [l-intervenjenti] kinitx fil-pożizzjoni li tinvoka motiv ġust sabiex tikkumpensa n-nuqqas ta’ tali kunsens”.

21      Il-Qorti Ġenerali għalhekk, annullat id-Deċiżjoni tal-2004 peress li l-Bord tal-Appell ma ħax inkunsiderazzjoni l-validità tal-kunsens tal-1 ta’ Ġunju 1996.

22      Permezz tad-deċiżjoni tas-16 ta’ Frar 2007, il-Presidju tal-Bordijiet tal-Appell tal-UASI attribwixxa mill-ġdid l-każ lir-Raba’ Bord tal-Appell. Il-każ ġie rreġistrat bir-referenza R 0493/2002‑4.

23      Permezz tad-deċiżjoni tal-4 ta’ Mejju 2009 (iktar ’il quddiem id-“deċizjoni kkontestata”), ir-Raba’ Bord tal-Appell tal-UASI annulla d-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni tal-21 ta’ Marzu 2002, ċaħad l-oppożizzjoni u kkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

24      Essenzjalment, l-ewwel nett, il-Bord tal-Appell ikkonstata, dwar it-trade marks kunfliġġenti, li t-trade mark inkwistjoni kienet tixbah ħafna lil tnejn minn tliet trade marks irreġistrati fl-Istati Unit tal-Amerka, it-trade marks Nri 1885967 u 1763666 (iktar ’il quddiem it-“trade marks preċedenti”), sa fejn din kienet tinkorpora l-elementi distintivi tagħhom, jiġifieri r-rappreżentazzjoni ta’ ajkla u l-kliem “first defense”. Barra minn hekk, il-Bord tal-Appell ikkunsidra li xi prodotti li għalihom kienet intlaqgħet l-oppożizzjoni, jiġifieri l-“isprej ta’ gass irritanti” u l-“armi għall-attakk jew għad-difiża” kienu koperti mit-trade marks preċedenti. Madankollu, skont dan il-Bord, il-prodotti li huma “armi li jistgħu jinġarru fuq il-persuna u ammunizzjoni” li ma kinux koperti mit-trade marks preċedenti, ma kinux ta’ natura paragunabbli għall-prodotti li kienu jiffurmaw parti mill-ftehim tad-19 ta’ Mejju 1995, jiġifieri l-isprejs ta’ gass tal-bżar. Fil-fatt, jekk sprej tal-gass tal-bżar huwa maħsub biex igerrex lill-aggressuri, mingħajr ma joħloq dannu fiżiku serju, il-prodotti tal-intervenjenti, li jikkostitwixxu “armi li jistgħu jinġarru fuq il-persuna, ammunizzjoni u projettili” ikunu jew armi jew prodotti użati fl-armi tan-nar.

25      Il-Bord tal-Appell ikkunsidra li, fid-deċiżjoni tagħha, id-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni ma indikatx ir-raġunijiet li għalihom it-trade marks preċedenti kienu jippermettu li tiġi miċħuda l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni tat-trade mark Komunitarja ddepożitata mill-intervenjenti għall-prodotti li huma “armi li jistgħu jinġarru fuq il-persuna, ammunizzjoni u projettili”. Barra minn hekk, wara li nnota li l-protezzjoni mogħtija mill-Artikolu 8(3) tar-Regolament Nru 207/2009 ma kinitx testendix biss għal prodotti u servizzi identiċi għal dawk tal-proprjetarju tat-trade mark preċedenti invokata, iżda wkoll għall-prodotti u servizzi li huma relatati mill-qrib jew li huma ekwivalenti f’termini ekonomiċi, il-Bord tal-Appell ikkonkluda li, f’dan il-każ, peress li prodotti bħall-armi li jistgħu jinġarru fuq il-persuna u ammunizzjoni, ma kinux manifestament suġġett għal attività kummerċjali mill-proprjetarju tat-trade marks preċedenti, ma kinux koperti minn din id-dispożizzjoni.

26      It-tieni nett, rigward l-eżistenza ta’ relazzjoni ta’ rappreżentazzjoni fis-sens tal-Artikolu 8(3) tar-Regolament Nru 207/2009, il-Bord tal-Appell ikkunsidra li kien marbut biss mill-klassifikazzjoni fis-sentenza tal-Qorti Ġenerali, tar-relazzjoni bejn il-kumpannija ta’ Wyoming u l-intervenjenti li tirriżulta mill-ftehim tad-19 ta’ Mejju 1995, li hija “relazzjoni kumpannija prinċipal-aġent”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni. Madankollu, huwa kkunsidra li ma kienx marbut mal-konklużjonijiet tal-Qorti Ġenerali dwar il-konsegwenzi li jirriżultaw minnhom, jiġifieri, wara x-xiri tal-attiv tal-kumpannija ta’ Wyoming mir-rikorrenti.

27      Skont il-Bord tal-Appell, ir-raġuni għal oppożizzjoni bbażata fuq l-Artikolu 8(3) tar-Regolament Nru 207/2009, għandha tiġi miċħuda, peress li ebda relazzjoni ta’ rappreżentazzjoni bejn ir-rikorrenti u l-intervenjenti ma kienet teżisti ħlief għall-kontinwazzjoni tal-fatt tar-relazzjoni kummerċjali preċedenti bejn l-intervenjenti u l-kumpannija ta’ Wyoming. Fid-dawl tal-fatt li l-kunsens mogħti lill-intervenjenti qatt ma ġie revokat, il-kwistjoni tal-oppożizzjoni tagħha fil-konfront tar-rikorrenti hija irrilevanti. Barra minn hekk, bħar-relazzjoni ta’ rappreżentazzjoni bejn il-kumpannija ta’ Wyoming u l-intervenjenti, il-kunsens miksub f’dan il-kuntest kien ser jibqa’ jkollu effetti wara li dan tal-aħħar ikun spiċċa. Il-Bord tal-Appell ikkonkluda li d-drittijiet taħt l-Artikolu 8(3) tar-Regolament Nru 207/2009 jirriżultaw minn relazzjoni partikolarment stretta bejn il-partijiet inkwistjoni u mhux minħabba li d-drittijiet fuq it-trade marks jappartjenu għall-proprjetarju. Għalhekk, ir-rikorrenti ma setgħetx tinvoka din id-dispożizzjoni u tinjora kunsens li qatt ma ġie revokat billi tinvoka l-kwalifika tagħha ta’ aventi kawża tal-proprjetarju tat-trade marks preċedenti, laladarba trasferiment tal-imsemmija trade marks ma setax jagħtiha iktar drittijiet minn dawk disponibbli lill-proprjetarju preċedenti tagħhom.

28      Ir-rikorrenti setgħet tagħmel dan, skont il-Bord tal-Appell, biss jekk hija kienet saret il-kumpannija prinċipali tal-intervenjenti. Ir-rikorrenti ma tallegax l-eżistenza ta’ relazzjoni kuntrattwali kwalunkwe bejn il-partijiet fil-proċedimenti ta’ oppożizzjoni u relazzjoni simili ma tkunx tista’ tiġi dedotta mill-fatt li rikorrenti tkun ġabet ruħha bħallikieku ma kienet saret ebda ċessjoni tal-attiv. Sabiex iseħħ dan, kien ikun hemm bżonn li r-rikorrenti tistabbilixxi li l-intervenjenti kienet taf li kienet f’relazzjoni kummerċjali ma’ kumpannija oħra.

29      Il-Bord tal-Appell kkonkluda li anki jekk jitqies li l-intervenjenti tista’ tiġi kkunsidrata bħala l-aġent tar-rikorrenti, l-azzjonijiet tagħha kienu jkunu gġustifikati peress li l-aġir tar-rikorrenti li b’mod kostanti aġixxiet bħallikieku ma kienet seħħet ebda ċessjoni kif ukoll in-nuqqas tagħha li tikkonkludi ftehim kummerċjali ġdid mal-parti l-oħra jew li tirrevoka formalment il-kunsens tal-predeċessur tagħha, kienu jammontaw għal raġunijiet suffiċjenti sabiex wieħed jaħseb li din kellha dritt li tiddepożita t-trade mark f’isimha stess.

30      Wara li kien ġie ċċarat li l-oppożizzjoni ma setgħetx tiġi aċċettata fuq il-bażi biss tal-Artikolu 8(3) tar-Regolament Nru 207/2009 invokat mir-rikorrenti, il-Bord tal-Appell eżamina d-drittijiet kollha preċedenti u r-raġunijiet għall-oppożizzjoni li kienu ġew validament invokati mir-rikorrenti, jiġifieri t-trade marks magħrufa skont l-Artikolu 8(4) tar-Regolament Nru 207/2009. Dawn l-argumenti kif ukoll l-oppożizzjoni ġew miċħuda fl-intier tagħhom.

 It-talbiet tal-partijiet

31      Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

–        tikkundanna lill-UASI għall-ispejjeż.

32      L-UASI u l-intervenjenti jitolbu li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

33      Waqt is-seduta, ir-rikorrenti kkompletat it-talbiet tagħha billi talbet li l-intervenjenti tiġi kkundannata għall-ispejjeż bl-istess mod bħall-UASI.

 Id-dritt

34      Insostenn tar-rikors, ir-rikorrenti invokat tliet motivi, ibbażati, l-ewwel wieħed, fuq il-ksur tal-Artikolu 8(3) tar-Regolament Nru 207/2009, it-tieni wieħed, fuq il-ksur tal-Artikolu 65(6) tal-imsemmi regolament u t-tielet wieħed, fuq il-ksur tal-Artikolu 63(2) kif ukoll tal-Artikoli 75 u 76 tal-istess regolament.

35      Huwa xieraq li jiġu eżaminati, suċċessivament, it-tieni, l-ewwel u t-tielet motiv.

1.     Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 65(6) tar-Regolament Nru 207/2009

 L-argumenti tal-partijiet

36      Ir-rikorrenti ssostni li l-Bord tal-Appell kiser l-Artikolu 65(6) tar-Regolament Nru 207/2009 peress li ma ħax inkunsiderazzjoni s-sentenza tal-Qorti Ġenerali u konsegwentement, tal-portata tagħha. Din issostni li, skont it-tali dispożizzjoni, il-Bord tal-Appell kien obbligat jieħu inkunsiderazzjoni l-konsegwenzi xierqa tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali u tal-motivi li fuqha kienet ibbażata, mingħajr ma jbiddel jew jemenda l-kunsiderazzjonijiet li kienu jinsabu f’din tal-aħħar. Skont ir-rikorrenti, kieku l-Bord tal-Appell kien applika kif suppost it-termini u “l-linji gwida” tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali u, barra minn hekk, eżamina l-kwistjonijiet imqajma minn din tal-aħħar, kieku kien jagħti deċiżjoni favorevoli għat-talbiet tagħha.

37      Ir-rikorrenti tafferma li l-fatt li l-Qorti Ġenerali ppreċiżat b’mod ċar li l-Bord tal-Appell kellu jiddetermina, b’mod partikolari, jekk il-kunsens miksub fl-1 ta’ Ġunju 1996 kienx baqa’ validu wara x-xiri tal-attiv tal-kumpannija ta’ Wyoming, kien iġiegħel lill-Bord tal-Appell sabiex jistieden lill-partijiet fil-proċedimenti tal-oppożizzjoni jesprimu l-pożizzjoni tagħhom dwar il-punti espressi fis-sentenza tal-Qorti Ġenerali. Meta l-Bord tal-Appell ma eżaminax fid-dettall il-kwistjonijiet imqajma mill-Qorti Ġenerali u fuq kollox, meta ma ħax inkunsiderazzjoni l-eżistenza ta’ relazzjoni ta’ rappreżentanza, dan kiser il-prinċipju ta’ “amministrazzjoni tajba” u eċċeda s-setgħat mogħtija mid-dispożizzjonijiet rilevanti tar-Regolament Nru 207/2009.

38      L-UASI jikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

39      Skont l-Artikolu 65(6) tar-Regolament Nru 207/2009, l-UASI huwa marbut jieħu l-miżuri neċessarji għall-eżekuzzjoni tas-sentenza tal-qorti tal-Unjoni Ewropea.

40      Skont ġurisprudenza stabbilita, sentenza ta’ annullament topera ex tunc u għalhekk ikollha l-effett li telimina b’mod retroattiv l-att annullat mis-sistema legali [ara sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-25 ta’ Marzu 2009, Kaul vs UASI – Bayer (ARCOL), T-402/07, Ġabra p.II-737, punt 21 u l-ġurisprudenza ċċitata].

41      Mill-istess ġurisprudenza jirriżulta li, sabiex tikkonforma ruħha mas-sentenza ta’ annullament u sabiex din tingħata eżekuzzjoni sħiħa, l-istituzzjoni li tkun l-awtur tal-att annullat għandha tosserva mhux biss id-dispożittiv tas-sentenza, iżda wkoll il-motivi li wasslu għal tali sentenza u li jikkostitwixxu l-bażi meħtieġa tagħha, fis-sens li huma indispensabbli sabiex tiġi ddeterminata t-tifsira eżatta ta’ dak li ġie deċiż fid-dispożittiv. Fil-fatt, huma dawn il-motivi li, minn naħa, jidentifikaw id-dispożizzjoni eżatta kkunsidrata bħala illegali u, min-naħa l-oħra, juru r-raġunijiet eżatti tal-illegalità kkonstatata fid-dispożittiv u li l-istituzzjoni kkonċernata għandha tieħu inkunsiderazzjoni meta tiġi biex tissostitwixxi l-att annullat (ara sentenza ARCOL, iċċitata iktar ’il fuq, punt 22, u l-ġurisprudenza ċċitata).

42      Fil-kawża preżenti, wara l-annullament tad-deċiżjoni tal-2004, l-appell imressaq mill-intervenjenti quddiem il-Bord tal-Appell sar pendenti mill-ġdid. Sabiex jikkonforma mal-obbligu tiegħu, li jirriżulta mill-Artikolu 65(6) tar-Regolament Nru 207/2009, li jadotta miżuri għall-eżekuzzjoni tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali, l-UASI kellu jara li l-appell iwassal għal deċiżjoni ġdida tal-Bord tal-Appell. Dan kien effettivament il-każ, peress li l-każ ġie rrinvjat quddiem ir-Raba’ Bord tal-Appell, li adotta d-deċiżjoni kkontestata (ara, f’dan ir-rigward, is-sentenza ARCOL, iċċitata iktar ’il fuq, punt 23).

43      Ir-rikorrenti ma tikkontestax il-legalità tar-rinviju tal-każ quddiem ir-Raba’ Bord tal-Appell. Madankollu, hija ssostni li l-Bord tal-Appell għandu jiddetermina, b’mod partikolari, jekk il-kunsens miksub fl-1 ta’ Ġunju 1996 kienx għadu validu wara x-xiri tal-attiv tal-kumpannija ta’ Wyoming.

44      Għandu jiġi rrilevat li, f’din il-kawża, fis-sentenza tal-Qorti Ġenerali, din tal-aħħar ma tatx sentenza dwar l-eżistenza ta’ relazzjoni ta’ rappreżentazzjoni bejn il-partijiet fil-proċedimenti tal-oppożizzjoni li tiġġustifika l-applikazzjoni tal-Artikolu 8(3) tar-Regolament Nru 207/2009. Fil-fatt, kif ġie rrilevat fil-punt 16 iktar ’il fuq, il-Qorti Ġenerali ddikjarat li, peress li l-intervenjenti ma kkontestatx il-kwalifika tagħha ta’ aġent tal-proprjetarju tat-trade mark, il-kwistjoni rilevanti kienet li jiġi ddeterminat jekk din kinitx kisbet kunsens tal-proprjetarju tat-trade mark li kien jawtorizzaha tipproċedi għall-applikazzjoni ta’ reġistrazzjoni antiċipata.

45      Għandu jiġi kkonstatat li, kif ġie sostnut mill-UASI, il-Qorti Ġenerali ma kinitx intalbet tagħti deċiżjoni dwar l-eżistenza ta’ relazzjoni ta’ rappreżentazzjoni bejn il-partijiet fil-proċedimenti ta’ oppożizzjoni, iżda dwar l-eżistenza ta’ kunsens fis-sens tal-Artikolu 8(3) tar-Regolament Nru 207/2009. Din allura ma setgħetx twettaq ex officio l-eżami tal-ewwel waħda mill-kundizzjonijiet tal-applikabbilità ċċitati ta’ tali dispożizzjoni.

46      Għalhekk ma jistax jiġi ammess, kif issostni r-rikorrenti, li fin-nuqqas ta’ kontestazzjoni min-naħa tal-partijiet fil-proċedimenti ta’ oppożizzjoni rigward l-eżistenza ta’ relazzjoni ta’ rappreżentanza bejniethom, il-Qorti Ġenerali adottat l-eżistenza ta’ tali relazzjoni, sitwazzjoni li fiha l-Bord tal-Appell kien ikun marbut b’tali interpretazzjoni u kien allegatment kiser l-Artikolu 65(6) tar-Regolament Nru 207/2009 bl-esklużjoni tal-applikazzjoni tal-Artikolu 8(3) tal-istess Regolament.

47      Anki jekk, fis-sentenza tal-Qorti Ġenerali, din tal-aħħar ikkonfermat fil-punt 48 li kien jeżisti kunsens ċar, preċiż u inkundizzjonat f’“din id-data”, ċirkustanza bħal din ma kellha l-ebda effett fuq il-klassifikazzjoni tar-relazzjoni bejn il-partijiet fil-proċedimenti ta’ oppożizzjoni. Fil-fatt, kif sostnut mill-UASI, il-kunsens inkwistjoni ngħata mill-kumpannija prinċipali lill-aġent tagħha fl-1 ta’ Ġunju 1996, fl-ambitu tar-relazzjoni kummerċjali li kienet stabbilità permezz ta’ ftehim dwar distribuzzjoni. Huwa fil-kuntest ta’ din ir-relazzjoni li l-Qorti Ġenerali rrikonoxxiet l-eżistenża ta’ kunsens ċar, preċiż u inkundizzjonali skont l-Artikolu 8(3) tar-Regolament Nru 207/2009.

48      Għalkemm huwa paċifiku li din l-imsemmija dispożizzjoni kienet applikabbli għal din ir-relazzjoni, l-istess ma jistax jingħad għar-relazzjoni li teżisti bejn il-partijiet fil-proċedimenti ta’ oppożizzjoni. Il-fatt li l-eżistenza ta’ tali kunsens kienet ġiet stabbilita ma jagħti l-ebda dritt lir-rikorrenti u ma jagħtihiex awtomatikament il-possibbiltà li tinvoka, għall-vantaġġ tagħha, relazzjoni ta’ rappreżentazzjoni skont l-Artikolu 8(3) tar-Regolament Nru 207/2009. F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-Qorti Ġenerali ħadet pożizzjoni rigward l-eżistenza tal-kunsens biss fis-sens ta’ kundizzjoni għall-applikabbilità tal-Artikolu 8(3) tar-Regolament Nru 207/2009. Fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk ir-rikorrenti kinitx marbuta b’dan il-kunsens, li ma hijiex l-awtur tiegħu u li nkiseb fl-ambitu ta’ relazzjoni kuntrattwali li ma kinitx tagħmel parti minnha, huwa meħtieġ li tiġi eżaminata l-kwistjoni dwar jekk ir-relazzjoni kuntrattwali ta’ bejn il-partijiet għall-ftehim tad-19 ta’ Mejju 1995 kinitx ġiet ittrasferita għar-rikorrenti permezz ta’ ċessjoni tal-attiv, li minkejja dan kollu din ir-relazzjoni kienet taqa’ taħt id-dritt applikabbli għall-kuntrattt ta’ ċessjoni tal-attiv.

49      Mill-kunsiderazzjonijiet li saru iktar ’il fuq jirriżulta li l-Bord tal-Appell kien obbligat jwettaq eżami tal-kundizzjonijiet kollha meħtieġa mill-Artikolu 8(3) tar-Regolament Nru 207/2009, inkluż dak tal-eżistenza ta’ relazzjoni ta’ rappreżentazzjoni li kienu neċessarjament meħtieġa qabel l-eżami tal-kunsens, fid-dawl tar-relazzjoni li kienet torbot il-proprjetarju l-ġdid tat-trade marks u l-intervenjenti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza ARCOL, iċċitata iktar ’il fuq, punt 38). Għalhekk, u kuntrarjament għal dak li ssostni r-rikorrenti, il-Bord tal-Appell ħa l-miżuri meħtieġa sabiex jikkonforma mas-sentenza tal-Qorti Ġenerali.

50      Minn dak li ntqal jirriżulta li l-Bord tal-Appell ma kisirx l-Artikolu 65(6) tar-Regolament Nru 207/2009 meta eżamina l-eżistenza tar-relazzjoni ta’ rappreżentazzjoni.

51      Konsegwentement, it-tieni motiv għandu jiġi miċħud.

2.     Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 8(3) tar-Regolament Nru 207/2009

 L-argumenti tal-partijiet

52      Ir-rikorrenti essenzjalment issostni li l-Bord tal-Appell kiser l-Artikolu 8(3) tar-Regolament Nru 207/2009 peress li ma rrikonoxxiex li dispożizzjoni bħal din kienet tipprovdi lir-rikorrenti bid-dritt li topponi r-reġistrazzjoni tat-trade mark Komunitarja min-naħa tal-intervenjenti f’isimha stess.

53      Fir-rigward, fl-ewwel lok, tal-prodotti koperti mid-dispożizzjoni msemmija iktar ’il fuq, ir-rikorrenti ssostni li dawk l-“armi li jistgħu jinġarru fuq il-persuna, munizjoni u projettili” huma simili għall-prodotti koperti mit-trade marks preċedenti fir-rigward tan-natura tagħhom peress li dawn il-prodotti huma relatati mas-sigurtà tal-persuna iżda wkoll mad-destinazzjoni tagħhom u maċ-ċirkwit ta’ distribuzzjoni tagħhom.

54      Fir-rigward, fit-tieni lok, tal-kunsens meħtieġ skont l-Artikolu 8(3) tar-Regolament Nru 207/2009, ir-rikorrenti ssostni li l-Bord tal-Appell wettaq żball meta rrifjuta li jammetti li l-kunsens tal-proprjetarju tat-trade marks preċedenti, il-kumpannija ta’ Wyoming, ma kienx baqa’ validu wara ċ-ċessjoni tal-attiv ta’ din tal-aħħar b’tali mod li seta’ jorbot lir-rikorrenti. Hija tafferma li, fin-nuqqas ta’ kwalunkwe aċċettazzjoni jew espressjoni tal-eżistenza ta’ dritt reali fuq it-trade marks, hija kisbithom fl-istat li kienu fih meta kienu ġew inklużi fir-reġistru u fil-kuntratt ta’ ċessjoni tal-attiv. Għalhekk, ir-rikorrenti tafferma li ma hijiex marbuta bil-kunsens tal-proprjetarju preċedenti ta’ dawn it-trade marks peress li l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni kienet ġiet ppreżentata biss wara li kienu ġew ittrasferiti lilha stess dawn it-trade marks. Barra minn hekk, hija ssostni li, fi kwalunkwe każ, id-dikjarazzjoni tal-president tal-kumpannija ta’ Wyoming tal-1 ta’ Ġunju 1996 kienet tinkludi biss rinunzja tal-proprjetarju għad-dritt li jopponi l-preżentazzjoni tat-trade mark mill-aġent tagħha fuq territorju partikolari u kienet tipproduċi effett relattiv bejn il-partijiet fil-kuntratt ta’ ċessjoni tal-attiv.

55      Barra minn hekk, ir-rikorrenti turi li, peress li ma hijiex is-suċċessur tal-kumpannija ta’ Wyoming, li ser tkompli teżisti, hija biss terz meta mqabbla mal-imsemmija kumpannija li kisbet uħud minn dan l-attiv mingħandha, li fosthom kien hemm it-trade marks preċedenti. Barra minn hekk, l-intervenjenti ma ppreżentat ebda prova li turi li hija kienet kisbet il-kunsens tar-rikorrenti għar-reġistrazzjoni tat-trade mark inkwistjoni u fin-nuqqas ta’ dan il-kunsens, hija ma jkollha ebda raġunijiet sabiex tagħmel dan.

56      Ir-rikorrenti ssostni, fl-aħħar nett, li anki jekk ingħata kunsens, l-effetti tiegħu kienu jkunu limitati għat-tul tar-relazzjoni ta’ rappreżentazzjoni u fl-iskadenza ta’ dan it-terminu l-kunsens kien ikun rrevokat, b’mod taċitu, fl-istess waqt tar-relazzjoni ta’ rappreżentazzjoni, skont l-espressjoni rebus sic stantibus. Ir-rikorrenti ssostni li l-Bord tal-Appell wettaq żball manifest ta’ evalwazzjoni meta kkunsidra li l-intervenjenti qatt ma kienet irċiviet indikazzjoni tal-fatt li l-proprjetarju tat-trade mark ma kienx ikkonsenta għar-reġistrazzjoni tat-trade mark, fid-dawl tal-fatt li din għamlet oppożizzjoni kontra l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tat-trade mark Komunitarja.

57      L-UASI u l-intervenjenti jikkontestaw l-argumenti tar-rikorrenti.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

58      Preliminarjament, għandu jiġi osservat li, għalkemm il-Bord tal-Appell ċaħad l-oppożizzjoni għall-motivi kollha mressqa mir-rikorrenti fil-kuntest tar-rikors preżenti, din tal-aħħar tikkontesta d-deċiżjoni kkontestata biss fir-rigward tal-interpretazzjoni tal-Artikolu 8(3) tar-Regolament Nru 207/2009.

59      Għalhekk, id-decizjoni saret finali sa fejn il-Bord tal-Appell ċaħad ir-raġuni għall-oppozizzjoni bbażata fuq ksur tal-Artikolu 8(4) tar-Regolament Nru 207/2009 għat-trade marks magħrufa u għad-drittijiet li ma humiex irreġistrati bit-trade marks FIRST DEFENSE AND DESIGN u FIRST DEFENSE, kif ukoll għall-isem kummerċjali FIRST DEFENSE.

60      Sussegwentement, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 8(3) tar-Regolament Nru 207/2009, trade mark ma għandhiex tigi rreġistrata jekk l-aġent jew ir-rappreżentant tal-proprjetarju tat-trade mark japplika għar-reġistrazzjoni tagħha f’ismu mingħajr il-kunsens tal-proprjetarju, sakemm l-aġent jew ir-rappreżentant ma jiġġustifikax l-aġir tiegħu.

61      Mill-kliem ta’ din id-dispozizzjoni jirriżulta li, sabiex oppozizzjoni tigi milqugħa fuq tali bażi hemm bżonn, fl-ewwel lok, li l-opponent ikun il-proprjetarju tat-trade mark preċedenti u fit-tieni lok li min qed jagħmel l-applikazzjoni huwa jew kien l-aġent jew ir-rappreżentant tal-proprjetarju tat-trade mark, fit-tielet lok li l-applikazzjoni ġiet depożitata skont il-liġi mill-aġent jew mir-rappreżentant mingħajr il-kunsens tal-proprjetarju u mingħajr ma kien hemm raġunijiet leġittimi li jiġġustifikaw l-aġir tal-aġent jew tar-rappreżentant u fir-raba’ lok, li l-preżentazzjoni essenzjalment tikkonċerna disinni u prodotti identiċi jew simili. Dawn il-kundizzjonijiet huma kumulattivi.

62      Huwa xieraq li jigi eżaminat jekk il-kundizzjonijiet meħtieġa skont l-Artikolu 8(3) tar-Regolament Nru 207/2009 ġewx sodisfatti fil-kawża preżenti.

 Fuq l-ewwel kundizzjoni, dwar il-proprjetà tat-trade marks preċedenti

63      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li r-rikorrenti kisbet, permezz tax-xiri tal-attiv tal-kumpannija ta’ Wyoming, it-trade marks Amerikani, li jinkludu t-trade mark li għaliha ntalbet ir-reġistrazzjoni. Għalhekk, din hija l-proprjetarju tat-trade marks preċedenti, skont l-Artikolu 8(3) tar-Regolament Nru 207/2009, u tali fatt ma huwiex ikkontestat mill-intervenjenti.

 Fuq it-tieni kundizzjoni, dwar l-eżistenza ta’ relazzjoni ta’ rappreżentazzjoni

64      Fir-rigward tal-kliem “aġent” u “rappreżentant” imsemmija fl-Artikolu 8(3) tar-Regolament Nru 207/2009, għandu jitqies li, bħal dak li huwa previst fil-linji gwida dwar il-proċedimenti ta’ oppożizzjoni quddiem l-UASI, fir-rigward ta’ preżentazzjoni mhux awtorizzata min-naħa tal-aġenti tal-proprjetarju tat-trade mark, tali kliem għandu jiġi interpretat f’sens wiesa’ sabiex jinkludi kull tip ta’ relazzjoni bbażata fuq ftehim kuntrattwali li skontu parti minnhom tirrappreżenta l-interessi tal-oħra, indipendentement min-nomen juris tar-relazzjoni kuntrattwali stabbilita bejn il-proprjetarju jew il-mandant u l-applikant tat-trade mark Komunitarja. Skont dawn il-linji gwida u għall-finijiet tal-Artikolu 8(3) tar-Regolament Nru 207/2009, huwa biżżejjed li jkun hemm ftehim ta’ kollaborazzjoni kummerċjali bejn il-partijiet ta’ natura li joħloq relazzjoni ta’ bona fide li timponi fuq l-applikant, b’mod espress jew impliċitu, obbligu ġenerali li jaġixxi in bona fide u b’lealtà fir-rigward tal-interessi tal-proprjetarju tat-trade mark. Madankollu, għandu jkun hemm ftehim bejn il-partijiet. Jekk l-applikant jaġixxi b’mod kompletament awtonomu, mingħajr ma qatt tkun ġiet stabbilità relazzjoni mal-proprjetarju, ma jistax jiġi kkunsidrat bħala aġent skont l-Artikolu 8(3) tar-regolament imsemmi iktar ’il fuq. Għalhekk, sempliċi xerrej jew klijent tal-proprjetarju ma jistax jiġi kkunsidrat bħala “aġent” jew bħala “rappreżentant” skont l-Artikolu 8(3) tal-istess regolament peress li tali persuni ma huma marbuta b’ebda obbligu partikolari ta’ bona fede fil-konfront tal-proprjetarju tat-trade mark.

65      Fir-rigward tat-tmiem tar-relazzjoni kuntrattwali fil-mument tad-preżentazzjoni tal-applikazzjoni għal trade mark, għandu jiġi kkunsidrat li kif jirriżulta wkoll mil-linji gwida diġà ċċitati, ma huwiex meħtieġ li l-ftehim konkluż bejn il-partijiet ikun għadu fis-seħħ fid-data tal-preżentazzjoni tal-applikazzjoni għal trade mark u li l-Artikolu 8(3) tar-Regolament Nru 207/2009 jiġi applikat anki għal ftehim li spiċċaw qabel id-data tal-preżentazzjoni tal-applikazzjoni għat-trade mark Komunitarju, bil-kundizzjoni li t-terminu li jkun iddekorra jkun tali li jista’ leġittimament jitqies li l-obbligu ta’ bona fide u ta’ kunfidenzjalità kien għadu jeżisti fil-mument meta ġiet ippreżentata l-applikazzjoni għal trade mark Komunitarja. Tali interpretazzjoni estensiva tal-Artikolu 8(3) tar-Regolament Nru 207/2009 għandha l-għan li tipproteġi lill-proprjetarju tat-trade marks, anki wara li tkun intemmet ir-relazzjoni kuntrattwali li minnha kien jirriżulta l-obbligu ta’ bona fide.

66      F’din il-kawża, għalkemm ir-rikorrenti fir-rikors tidher li qed tikkontesta l-konklużjoni tal-Bord tal-Appell li skont dan ma kienet teżisti ebda relazzjoni ta’ rappreżentazzjoni bejn il-partijiet fil-proċedimenti ta’ oppożizzjoni skont l-Artikolu 8(3) tar-regolament diġà iċċitat, għandu jiġi kkonstatat li din ma tippreżenta ebda argument insostenn tal-pożizzjoni tagħha dwar dan il-punt. Hija tafferma biss li, fil-punt 39 tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali, ġie “ddikjarat b’mod korrett li kienet teżisti konnessjoni ta’ rappreżentanza u li din ma kinitx punt ta’ kontroversja bejn il-partijiet”. Issa, argument simili ma jistax jigi aċċettat fid-dawl tal-kundizzjonijiet esposti fil-punti 45 u 46 iktar ’il fuq.

67      F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li, kif ikkonkluda ġustament il-Bord tal-Appell fil-punt 41 tad-deċiżjoni kkontestata, l-oneru li tiġi pprovata l-eżistenza ta’ relazzjoni ta’ rappreżentazzjoni jaqa’ fuq ir-rikorrenti. Huwa importanti li jiġi nnutat li, fil-kuntest ta’ proċedimenti ta’ oppożizzjoni, ir-rikorrenti ma pprovdiet ebda evidenza li tipprova l-eżistenza ta’ tali relazzjoni. Għalkemm huwa minnu li r-rikorrenti ppreżentat fatturi u ordnijiet diretti li ġew indirizzati lilha, li abbażi tagħhom l-eżistenza ta’ ftehim kummerċjali bejn il-partijiet fil-proċedimenti ta’ oppożizzjoni tista’, f’ċirkustanzi oħra, tiġi preżunta, dawn l-elementi ma jurux li l-intervenjenti qiegħda taġixxi f’isem ir-rikorrenti, iżda sempliċement jaffermaw li hemm relazzjoni bejjiegħ-klijent li setgħet tiġi stabbilita mingħajr ftehim minn qabel bejniethom. Din ir-relazzjoni ma tkunx biżżejjed sabiex japplika l-Artikolu 8(3) tar-Regolament Nru 207/2009.

68      Bl-istess mod, l-affidavit iffirmat mid-Direttriċi Ġenerali ta’ Defense Technology Corporation of America prodotta mir-rikorrenti fil-proċedimenti ta’ oppożizzjoni, li skont din, din tal-aħħar tkun identika għall-kumpannija ta’ Wyoming, ma tistax tikkostitwixxi prova tan-natura tar-relazzjoni li torbot lill-partijiet fil-proċedimenti ta’ oppożizzjoni. Fil-fatt, il-fatt li r-rikorrenti twettaq l-attivitajiet tal-kumpannija ta’ Wyoming taħt l-istess isem jirriżulta biss miċ-ċessjoni tal-attiv, li jinkludi l-akkwist tal-ismijiet kummerċjali ta’ min qiegħed jittrasferixxi. Il-fatt li dan kollu jagħti l-impressjoni li jirrigwarda l-istess kumpannija ma huwiex biżżejjed sabiex tipprova l-eżistenza effettiva ta’ relazzjoni kummerċjali bejn ir-rikorrenti u l-intervenjenti simili għal relazzjoni ta’ rabta bejn kumpannija prinċipali u l-aġent tagħha.

69      Għaldaqstant, għandu jiġi konkluż li, kif ikkonstata l-Bord tal-Appell fil-punt 45 tad-deċiżjoni kkontestata, dawn il-provi ma kinux tali li jistabbilixxu l-eżistenza ta’ relazzjoni ta’ rappreżentanza skont l-Artikolu 8(3) tar-Regolament Nru 207/2009. Barra minn hekk, fil-kuntest tal-proċedimenti ta’ oppożizzjoni, ir-rikorrenti ma sostnietx li hija kienet ikkonkludiet ftehim ġdid mal-intervenjenti.

70      Fin-nuqqas ta’ provi li ftehim kummerċjali simili għal dak li jorbot kumpannija prinċipali mal-aġent tagħha kien ġie konkluż bejn il-partijiet fil-proċedimenti ta’ oppożizzjoni, kif ukoll tal-prova li l-intervenjenti kienet qiegħda taġixxi f’isem ir-rikorrenti u mhux b’mod indipendenti, il-Bord tal-Appell ġustament ikkonkluda li din ir-relazzjoni ma teżistix u li għalhekk l-Artikolu 8(3) tar-Regolament Nru 207/2009 ma kienx applikabbli.

71      Anki jekk jitqies li l-kunsens miksub mill-intervenjenti skada fil-mument tat-terminazzjoni tar-relazzjoni ta’ rappreżentanza li kienet tiġġustifika dan, dan ma jaffettwax il-legalità tad-deċiżjoni kkontestata u, b’mod partikolari, il-fatt li l-Artikolu 8(3) tar-Regolament Nru 207/2009 ma jistax jiġi invokat mir-rikorrenti, minħabba n-nuqqas ta’ relazzjoni ta’ rappreżentanza bejn ir-rikorrenti u l-intervenjenti, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.

72      Fir-rigward tal-kwistjoni tat-trasferiment lir-rikorrenti tar-relazzjoni kuntrattwali bejn il-partijiet tal-ftehim tad-19 ta’ Mejju 1995, għandu jitfakkar li kuntratt ta’ ċessjoni tal-attiv jinvolvi t-trasferiment ta’ drittijiet u ta’ obbligi ta’ min qiegħed ibigħ lix-xerrej. F’dan il-każ, mill-kuntratt ta’ ċessjoni tal-attiv jirriżulta li, fost dawn id-drittijiet, hemm it-trade marks preċedenti li r-rikorrenti kienet saret il-proprjetarja tagħhom. Madankollu, il-kuntratt ma jsemmix l-eżistenza ta’ ftehim ta’ distribuzzjoni mal-intervenjenti u lanqas l-eżistenza ta’ drittijiet fuq it-trademarks. Kif ikkonkluda l-Bord tal-Appell fil-punt 35 tad-deċiżjoni kkontestata, “ir-rikorrenti ma tissuġġerixxix li s-sitwazzjoni rigward l-attivitajiet kummerċjali fl-Ewropa jew id-drittijiet li jiġu ppreżentati applikazzjonijiet għal reġistrazzjoni tat-trade mark hija rregolata b’mod speċifiku mix-xiri tal-attiv”. F’dan ir-rigward, kif ġie indikat ġustament fil-punt 53 tad-deċiżjoni kkontestata, “kull dritt li jeċċedi l-istatus tal-proprjetarju tat-trade mark ma jirriżultax minn ċessjoni tad-drittijiet bil-permess mill-kumpannija prinċipali (preċedenti) lil terz, iżda min-natura tar-relazzjoni li [l-intervenjenti] kellha mal-kumpannija Amerikana li minnha hija kisbet il-prodott li kienet tbigħ fl-Ewropa”.

73      Minn dan isegwi li r-rikorrenti, billi naqset milli tipproduċi prova tal-konklużjoni ta’ ftehim mal-intervenjenti simili għal dak li jorbot kumpannija prinċipali mal-aġent tagħha, ma tistax tgawdi mill-protezzjoni mogħtija mill-Artikolu 8(3) tar-Regolament Nru 207/2009 u topponi r-reġistrazzjoni tat-trade mark inkwistjoni fuq din il-bażi bis-sempliċi status tagħha ta’ proprjetarju tat-trade marks preċedenti.

74      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, hemm lok li jiġi konkluż li l-Bord tal-Appell ġustament ikkonkluda li l-kundizzjoni meħtieġa mill-Artikolu 8(3) tar-Regolament Nru 207/2009 dwar l-eżistenza ta’ konnessjoni ta’ rappreżentazzjoni ma kinitx sodisfatta, b’mod li din id-dispożizzjoni ma kinitx applikabbli. Għalhekk, għandu jiġi miċħud l-ewwel motiv mingħajr il-bżonn li jiġu eżaminati l-argumenti mressqa mir-rikorrenti fir-rigward tal-kundizzjonijiet l-oħra, inklużi dawk relatati max-xebh tal-prodotti koperti mit-trade marks inkwistjoni.

3.     Fuq it-tielet motiv, ibbażat fuq ksur tad-dritt għal smigħ kif ukoll tal-Artikolu 63(2) u tal-Artikoli 75 u 76 tar-Regolament Nru 207/2009

 L-argumenti tal-partijiet

75      Ir-rikorrenti ssostni li l-Bord tal-Appell kiser l-Artikolu 63(2) tar-Regolament Nru 207/2009, peress li ma talabx lill-partijiet fil-proċedimenti ta’ oppożizzjoni jissottomettu l-osservazzjonijiet tagħhom dwar il-ftuħ mill-ġdid tal-proċedimenti wara l-annullament tad-deċiżjoni tal-2004 li ngħatat fis-sentenza tal-Qorti Ġenerali. Barra minn hekk, hija tindika li l-Bord tal-Appell kiser id-dritt għal smigħ u d-drittijiet tad-difiża tagħha, li l-protezzjoni tagħhom hija ggarantita mill-Artikolu 75 tar-Regolament Nru 207/2009, peress li, fl-ewwel lok, allegatament dan ma tahiex l-opportunità tieħu pożizzjoni dwar id-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali qabel ma tieħu deċiżjoni ġdida, u fit-tieni lok, il-Bord tal-Appell ma kienx għamel eżami globali tal-argumenti u tal-provi fl-intier tagħhom.

76      L-UASI jikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

77      Dan il-motiv jinkludi tliet partijiet, ibbażati, l-ewwel waħda, fuq ksur tal-Artikolu 63(2) tar-Regolament Nru 207/2009, it-tieni waħda fuq ksur tal-Artikolu 75 tal-imsemmi regolament u t-tielet waħda fuq ksur tal-Artikolu 76 tal-istess regolament.

 Fuq l-ewwel u t-tieni parti tat-tielet motiv

78      Fir-rigward tal-ewwel żewġ partijiet ta’ dan il-motiv, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, għandu jiġi osservat li r-rikorrenti essenzjalment tallega li l-Bord tal-Appell kiser id-drittijiet tagħha tad-difiża u d-dritt tagħha għal smigħ, billi naqas milli jiġbor l-osservazzjonijiet tal-partijiet fil-proċedimenti ta’ oppożizzjoni dwar is-sentenza tal-Qorti Ġenerali qabel ma jieħu d-deċiżjoni kkontestata. Fir-rigward tal-argument imressaq mir-rikorrenti fit-tieni parti ta’ dan il-motiv, li skont din l-osservazzjonijiet tagħha ma kinux meqjusa biżżejjed mill-Bord tal-Appell, dan ser jiġi eżaminat fil-kuntest tal-evalwazzjoni tal-motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata (ara l-punti 90 sa 97 iktar ’il fuq).

–       Fuq id-dritt ta’ smigħ tal-partijiet fil-proċedimenti ta’ oppożizzjoni rigward l-interpretazzjoni tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali

79      Skont l-Artikolu 75 tar-Regolament Nru 207/2009, id-deċiżjonijiet tal-UASI jistgħu biss ikunu bbażati fuq raġunijiet li fuqhom il-partijiet setgħu jieħdu pożizzjoni. Din id-dispożizzjoni tnaqqax, fil-kuntest tal-liġi tat-trade mark Komunitarja, il-prinċipju ġenerali ta’ protezzjoni tad-drittijiet tad-difiża [sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-15 ta’ Settembru 2005, Citicorp vs UASI (LIVE RICHLY), T‑320/03, Ġabra p. II‑3411, punt 21). Permezz ta’ dan il-prinċipju ġenerali tad-dritt Komunitarju, id-destinatarji tad-deċiżjonijiet tal-awtoritajiet pubbliċi li jaffettwaw b’mod sensibbli l-interessi tagħhom għandhom jitpoġġew f’pożizzjoni fejn ikunu jistgħu jesprimu l-opinjoni tagħhom (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-23 ta’ Ottubru 1974, Transocean Marine Paint vs Il-Kummissjoni, 17/74, Ġabra p.1063, punt 15; is-sentenzi tal-Qorti Ġenerali tas-27 ta’ Frar 2002, Eurocool Logistik vs UASI (EUROCOOL), T‑34/00, Ġabra, p. II‑683, punt 21; LIVE RICHLY, iċċitata ’il fuq, punt 22, u ARCOL, iċċitata iktar ’il fuq, punt 55).

80      Id-dritt għal smigħ japplika għall-punti kollha ta’ fatt jew ta’ liġi li jiffurmaw il-bażi tad-deċiżjoni u mhux għall-pożizzjoni finali li l-amministrazzjoni għandha l-intenzjoni tadotta (sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-3 ta’ Diċembru 2003, Audi vs UASI (TDI), T 16/02, Ġabra p. II 5167, punt 75, u ARCOL, iċċitata iktar ’il fuq, punt 55).

81      F'dan il-każ, mill-fajl tal-UASI ma jirriżultax li l-partijiet fil-proċedimenti ta’ oppożizzjoni ġew mistiedna jissottomettu l-osservazzjonijiet tagħhom dwar is-sentenza tal-Qorti Ġenerali wara r-rinviju tal-kawża. L-UASI sempliċiment innotifikahom, permezz ta’ ittra tat-23 ta’ Frar 2007, bid-deċiżjoni tal-President tal-Bord tal-Appell tas-16 ta’ Frar 2007, dwar l-attribuzzjoni mill-ġdid tal-kawża lir-Raba’ Bord tal-Appell, skont l-Artikolu 1(d) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 216/96, tal-5 ta’ Frar 1996, li jistipula r-regoli tal-proċedura tal-Bordijiet tal-Appell tal-UASI (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 221) kif emendat bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2082/2004 tas-6 ta’ Diċembru 2004 (ĠU L 183M, p. 345).

82      Bi tweġiba għal din in-notifika, ir-rikorrenti, permezz ta’ ittra tal-10 ta’ Ġunju 2008 u l-intervenjenti, permezz ta’ ittra tal-25 ta’ Novembru 2008, talbu informazzjoni dwar l-istat tal-proċedimenti. L-UASI kkonferma li rċieva dawn l-ittri, fis-26 ta’ Ġunju u fl-1 ta’ Diċembru 2008 rispettivament u informa lill-partijiet fil-proċedimenti ta’ oppożizzjoni li dawn kienu ntbagħtu lir-Raba’ Bord tal-Appell. Permezz ta’ ittra tal-5 ta’ Mejju 2009, l-UASI kkomunika d-deċiżjoni kkontestata lill-partijiet fil-proċedimenti ta’ oppożizzjoni

83      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li la r-Regolament Nru 207/2009 u lanqas ir-Regolament Nru 2868/95 tal-Kummissjoni tat-13 ta’ Diċembru 1995 li jimplimenta r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 40/94 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malta, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 189) ma jipprovdu proċedimenti partikolari quddiem il-Bord tal-Appell fil-każ fejn deċiżjoni hija annullata mill-Qorti Ġenerali u rrinvjata quddiem il-Bord tal-Appell u li għalhekk, ma hemmx obbligu li l-partijiet inkwistjoni jinstemgħu mill-ġdid. Tali obbligu jista’ biss jirriżulta mill-prinċipju ġenerali tad-dritt Komunitarju rigward l-osservanza tad-drittijiet tad-difiża, stabbiliti fl-Artikolu 75(2) tar-Regolament Nru 207/2009.

84      Madankollu, kuntrarjament għal dak li tallega r-rikorrenti, it-tieni sentenza tal-Artikolu 75 bl-ebda mod ma teżiġi li, wara l-ftuħ mill-ġdid tal-proċedimenti quddiem l-UASI, wara li tkun ġiet annullata d-deċiżjoni tal-Bord tal-Appell min-naħa tal-Qorti Ġenerali, ir-rikorrenti hija mistiedna mill-ġdid tippreżenta l-osservazzjonijiet tagħha dwar punti ta’ liġi u ta’ fatt li fuqhom hija diġà kellha ċans tesprimi ruħha fil-kuntest tal-proċedimenti bil-miktub li jkunu saru preċedentement, peress li l-fajl f’dan ir-rigward ittieħed lura fl-istat li kien mir-Raba’ Bord tal-Appell (ara, f’dan is-sens, id-digriet tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-4 ta’ Marzu 2010, Kaul vs UASI, Kawża C-193/09 P, Ġabra p. I‑0027, punt 60).

85      F’dan il-każ, huwa paċifiku li, fil-kawża li wasslet għall-adozzjoni tad-deċiżjoni tal-2004, ir-rikorrenti kellha l-opportunità li tippreżenta l-osservazzjonijiet tagħha rigward l-aspetti kollha tal-oppożizzjoni li hija kienet għamlet skont l-Artikolu 80(3) tar-Regolament Nru 207/2009, inkluża l-eżistenza ta’ relazzjoni ta’ aġenzija. Barra minn hekk, mid-deċiżjoni kkontestata ma jirriżulta bl-ebda mod li r-Raba’ Bord tal-Appell kien ibbaża ruħu fuq punti ta’ fatt u ta’ liġi differenti minn dawk li l-Bord tal-Appell kellu meta ġiet adottata d-deċiżjoni tal-2004 (ara, f’dan is-sens, id-digriet Kaul vs UASI, iċċitat iktar ’il fuq, punt 59).

86      Barra minn hekk, għandu jitfakkar li d-deċiżjoni kkontestata hija bbażata fuq punti ta’ fatt u ta’ liġi li fuqhom inġabru suffiċjentement l-osservazzjonijiet tal-partijiet fil-proċedimenti ta’ oppożizzjoni fil-kuntest tal-proċedura amministrattiva qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni tal-2004.

87      F’dawn iċ-ċirkustanzi, lanqas ma jista’ jiġi allegat li l-Bord tal-Appell kiser l-Artikolu 63(2) tar-Regolament Nru 207/2009, li jipprovdi li dan għandu jistieden lill-partijiet kemm-il darba jkun hemm bżonn sabiex jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom dwar in-notifiki indirizzati lilhom jew dwar il-komunikazzjonijiet mill-partijiet l-oħrajn.

88      B’hekk, la t-tieni sentenza tal-Artikolu 75 tar-Regolament Nru 207/2009, la l-Artikolu 63(2) tal-imsemmi regolament u lanqas l-Artikolu 65(6) ta’ dan l-istess regolament ma kienu jeħtieġu li r-rikorrenti tingħata dritt għal smigħ dwar il-konsegwenzi li jirriżultaw mis-sentenza tal-Qorti Ġenerali (ara, f’dan is-sens, id-digriet Kaul vs UASI, iċċitat iktar ’il fuq, punt 62).

–        Fuq il-motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata

89      F’dak li jikkonċerna, b’mod iktar speċifiku, l-argument tar-rikorrenti invokat fit-tieni parti tat-tielet motiv li jipprovdi li l-osservazzjonijiet tagħha ma ttiħdux inkunsiderazzjoni biżżejjed mill-Bord tal-Appell, għandu jiġi kkonstatat li, b’tali allegazzjoni, ir-rikorrenti takkuża, fir-realtà, lill-Bord tal-Appell bil-fatt li ma motivax suffiċjentement fid-dritt id-deċiżjoni kkontestata peress li ma rrispondiex għall-argumenti kollha tagħha.

90      Skont l-ewwel sentenza tal-Artikolu 75 tar-Regolament Nru 207/2009, id-deċiżjonijiet tal-UASI għandhom ikunu motivati. Skont il-ġurisprudenza, dan l-obbligu għandu jkollu l-istess applikazzjoni bħal dak stabbilit mill-Artikolu 253 KE u l-għan tiegħu huwa li jippermetti, minn naħa, lill-persuni interessati jsiru jafu bil-ġustifikazzjonijiet tal-miżura li ttieħdet sabiex jiddefendu d-drittijiet tagħhom, u min-naħa l-oħra, lill-qorti tal-Unjoni sabiex teżerċita l-istħarriġ tagħha fuq il-legalità tad-deċiżjoni [ara s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-28 ta’ April 2004, Sunrider vs UASI - Vitakraft-Werke Wührmann u Friesland Brands (VITATASTE u METABALANCE 44), T‑124/02 u T‑162/02, Ġabra p. II‑1149, punti 72 u 73, u l-ġurisprudenza ċċitata).

91      Mill-istess ġurisprudenza jirriżulta li l-kwistjoni li jsir magħruf jekk il-motivazzjoni ta’ deċiżjoni tissodisfax dawn ir-rekwiżiti għandha tiġi evalwata mhux biss fid-dawl tal-kliem tagħha, iżda anki tal-kuntest tagħha, kif ukoll tar-regoli ġuridiċi kollha li jirregolaw il-qasam ikkonċernat (ara s-sentenza VITATASTE u METABALANCE 44, iċċitata iktar ’il fuq, punt 73, u l-ġurisprudenza ċċitata).

92      Madankollu, ma huwiex meħtieġ li l-Bordijiet tal-Appell jipprovdu preżentazzjoni li ssegwi b’mod eżawrjenti, u wieħed wieħed, ir-raġunamenti kollha esposti mill-partijiet quddiemhom. Għaldaqstant, il-motivazzjoni tista’ tkun impliċita sakemm tippermetti lill-persuni kkonċernati jkunu jafu r-raġunijiet li għalihom ittieħdu l-miżuri inkwistjoni u lill-qorti kompetenti jkollha għad-dispożizzjoni tagħha informazzjoni suffiċjenti sabiex teżerċita l-istħarriġ ġudizzjarju tagħha (ara, b’analoġija, is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-7 ta’ Jannar 2004, Aalborg Portland et vs Il-Kummissjoni, C‑204/00 P, C‑205/00 P, C‑211/00 P, C‑213/00 P, C‑217/00 P u C‑219/00 P, Ġabra p. I‑123, punt 372, u tat-8 ta’ Frar 2007, Groupe Danone vs Il-Kummissjoni, C‑3/06 P, Ġabra p. I‑1331, punt 46).

93      Min-naħa waħda, għandu jiġi rrilevat, kif jirriżulta mill-punti 19 u 22 tad-deċiżjoni kkontestata, li jirrigwardaw l-identità u x-xebh tal-prodotti koperti mit-trade marks preċedenti, mill-punt 35 tiegħu, dwar id-drittijiet miksuba mir-rikorrenti wara x-xiri tal-attiv tal-kumpannija ta’ Wyoming u, finalment, mill-punti 41 sa 46, dwar il-kwistjoni tal-eżistenza ta’ relazzjoni ta’ rappreżentazzjoni bejn il-partijiet fil-proċedimenti ta’ oppożizzjoni, li l-Bord tal-Appell wettaq eżami tal-argumenti u tal-provi preżentati minn dawn il-partijiet fil-proċedura amministrattiva. B’mod partikolari, il-Bord tal-Appell ikkonkluda, fil-punti 41 u 42 tad-deċiżjoni kkontestata, li r-rikorrenti kellha tinvoka u eventwalment tipprova l-fatti b’mod li tikkonkludi li kien hemm relazzjoni simili għal dik li torbot kumpannija prinċipali mal-aġent tagħha mhux biss bejn l-intervenjenti u l-kumpannija ta’ Wyoming sa Awwissu 1996, iżda anki bejn l-intervenjenti u r-rikorrenti stess minn Awwissu 1996 sas-sajf 1997 jew, sa mhux iktar tard minn Settembru 1997, ħaġa li r-rikorrenti ma wettqitx.

94      Minn dan isegwi li l-Bord tal-Appell ma kisirx l-obbligu tiegħu ta’ motivazzjoni meta evalwa l-kontenut tas-sottomissjonijiet tar-rikorrenti u l-forza probatorja tal-provi prodotti insostenn tagħhom sabiex jistabbilixxi l-eżistenza ta’ relazzjoni ta’ rappreżentanza bejn il-partijiet fil-proċedimenti ta’ oppożizzjoni u meta ċaħadhom.

95      Min-naħa l-ohra, għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrenti b’ebda mod ma ppreċiżat liema kienu l-argumenti li kienu ġew allegatament injorati mill-Bord tal-Appell fid-deċiżjoni kkontestata.

96      Għalhekk isegwi li, skont il-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 93 iktar ’il fuq, il-Bord tal-Appell ma kisirx l-obbligu tiegħu ta’ motivazzjoni. Għalhekk, l-ewwel żewġ partijiet tat-tielet motiv għandhom jiġu miċħuda.

 Fuq it-tielet parti tat-tielet motiv

97      Skont l-Artikolu 76(1) tar-Regolament Nru 207/2009, matul il-proċedimenti, l-UASI għandu jwettaq eżami ex officio tal-fatti; madankollu, fi proċedimenti li jirrigwardaw raġunijiet relattivi għal ċaħda ta’ reġistrazzjoni, l-eżami huwa ristrett għar-raġunijiet invokati u għall-argumenti ppreżentati mill-partijiet. L-Artikolu 76(2) ta’ dan l-istess regolament jipprovdi li l-UASI jista’ ma jiħux inkunsiderazzjoni l-fatti li ma ġewx invokati mill-partijiet jew provi li ma ġewx prodotti mill-partijiet fit-terminu previst.

98      F’dan ir-rigward huwa xieraq li jiġi rrilevat li r-rikorrenti ma tipprovdi ebda argument speċifiku li jista’ jagħti prova tal-ksur tal-Artikolu 76 tar-Regolament Nru 207/2009.

99      Għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 21(1) tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea li japplika għall-proċeduri quddiem il-Qorti Ġenerali skont l-Artikolu 53(1) tal-istess statut u tal-Artikolu 44(1)(c) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, ir-rikors għandu jinkludi s-suġġett tal-kawża u espożizzjoni sommarja tal-motivi invokati. Dawn l-elementi għandhom ikunu ċari u preċiżi biżżejjed sabiex jippermettu lill-konvenut jipprepara ruħu għad-difiża tiegħu u lill-Qorti Ġenerali tiddeċiedi dwar ir-rikors, skont jekk ikun il-każ, mingħajr iktar informazzjoni. Sabiex tkun iggarantita ċertezza legali u amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja, huwa meħtieġ, sabiex rikors jiġi kkunsidrat ammissibbli, li joħorġu l-punti essenzjali ta’ fatt u ta’ liġi li fuqhom huwa bbażat, anki jekk fil-qosor, iżda b’mod koerenti u li jinftiehem, mit-test tar-rikors stess (digriet tal-Qorti Ġenerali tat-28 ta’ April 1993, De Hoe vs Il-Kummissjoni, T‑85/92, Ġabra p. II‑523, punt 20 u tal-21 ta’ Mejju 1999, Asia Motor France et vs Il-Kummissjoni, T‑154/98, Ġabra p. II‑1703, put 49; sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-15 ta’ Ġunju 1999, Ismeri Europa vs Il-Qorti tal-Awdituri, T‑277/97, Ġabra p. II‑1825, punti 28 u 29).

100    Peress li r-rikorrenti tinvoka l-ksur tal-Artikolu 76 tar-Regolament Nru 207/2009 b’mod ġenerali, mingħajr ma tibbaża ruħha fuq argumenti konkreti, it-tielet parti ta’ dan il-motiv għandha tiġi miċħuda bħala inammissibbli.

101    Fi kwalunkwe każ, jekk jitqies li dan l-ilment jista’ jiġi interpretat fis-sens li r-rikorrenti tallega li d-deċiżjoni kkontestata ma kinitx bbażata fuq punti ta’ fatt u ta’ liġi invokati mill-partijiet fil-proċedimenti ta’ oppożizzjoni, sa fejn din ikkonkludiet li r-relazzjoni ta’ rappreżentanza meħtieġa mill-Artikolu 8(3) tar-Regolament Nru 207/2009 ma kinitx teżisti, dan l-ilment għandu jiġi miċħud bħala infondat, fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet esposti fil-kuntest tal-motiv ibbażat fuq il-ksur tat-tieni sentenza tal-Artikolu 75 tal-imsemmi regolament.

102    Barra minn hekk, kif ġie kkonstatat waqt l-eżami tat-tieni motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 65(6) tar-Regolament Nru 207/2009 (ara l-punti 42 sa 50 iktar ’il fuq), il-Bord tal-Appell ġustament sostna li l-Qorti Ġenerali ma kinitx iddeċidiet dwar l-eżistenza ta’ relazzjoni ta’ rappreżentanza bejn il-partijiet fil-proċedimenti ta’ oppożizzjoni li kienet tiġġustifika l-applikazzjoni tal-Artikolu 8(3) tal-istess regolament u wettqet eżami tal-kundizzjonijiet kollha previsti minn tali dispożizzjoni.

103    Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li l-Bord tal-Appell ma qajjimx raġunijiet għal rifjut ġodda, iżda bbaża l-evalwazzjoni tiegħu fuq ir-raġuni relattiva għal rifjut imqajma mir-rikorrenti, ibbażata fuq ksur tal-Artikolu 8(3) tar-Regolament Nru 207/2009. Il-partijiet fil-proċedimenti ta’ oppożizzjoni esprimew ruħhom biżżejjed rigward l-applikazzjoni ta’ tali dispożizzjoni matul il-proċedura amminsitrattiva li żvolġiet qabel l-adozzjoni tad-decizjoni tal-2004 u li għalhekk ma kienx meħtieġ li jinstemgħu mill-ġdid l-elementi ta’ evalwazzjoni li wasslu għall-adozzjoni tad-decizjoni kkontestata. Għalhekk, il-Bord tal-Appell ma kisirx l-Artikolu 76 tar-Regolament Nru 207/2009 meta adotta d-deċiżjoni kkontestata.

104    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, hemm lok li jiġi miċħud it-tielet motiv, u għalhekk ir-rikors fl-intier tiegħu.

 Fuq l-ispejjeż

105    Skont l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawk ikunu ntalbu. Peress illi r-rikorrenti tilfet, hemm lok li tiġi kkundannata tbati l-ispejjeż, kif mitlub mill-UASI u mill-intervenjenti.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tmien Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      Safariland LLC għandha tbati l-ispejjeż tagħha stess kif ukoll dawk tal-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI) u ta’ DEF-TEC Defense Technology GmbH.

Martins Ribeiro

Papasavvas

Dittrich

Firem

Werrej

Il-fatti li wasslu għall-kawża

It-talbiet tal-partijiet

Id-dritt

1.  Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 65(6) tar-Regolament Nru 207/2009

L-argumenti tal-partijiet

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

2.  Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 8(3) tar-Regolament Nru 207/2009

L-argumenti tal-partijiet

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

Fuq l-ewwel kundizzjoni, dwar il-proprjetà tat-trade marks preċedenti

Fuq it-tieni kundizzjoni, dwar l-eżistenza ta’ relazzjoni ta’ rappreżentazzjoni

3.  Fuq it-tielet motiv, ibbażat fuq ksur tad-dritt għal smigħ kif ukoll tal-Artikolu 63(2) u tal-Artikoli 75 u 76 tar-Regolament Nru 207/2009

L-argumenti tal-partijiet

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

Fuq l-ewwel u t-tieni parti tat-tielet motiv

–  Fuq id-dritt ta’ smigħ tal-partijiet fil-proċedimenti ta’ oppożizzjoni rigward l-interpretazzjoni tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali

–  Fuq il-motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata

Fuq it-tielet parti tat-tielet motiv

Fuq l-ispejjeż


* Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.