Language of document : ECLI:EU:F:2007:189

SENTENZA TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU

(It-Tieni Awla)

8 ta’ Novembru 2007

Kawża F-40/05

Marta Andreasen

vs

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

“Servizz pubbliku – Uffiċjali – Miżuri dixxiplinari – Proċeduri dixxiplinari – Sanzjoni ta’ tneħħija minn pożizzjoni – Bord Dixxiplinari – Kompożizzjoni – Applikazzjoni ratione temporis ta’ dispożizzjonijiet ġodda – Artikolu 6 tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem – Osservanza tat-termini tal-proċeduri dixxiplinari – Ne bis in idem – Proporzjonalità – Motivazzjoni”

Suġġett: Rikors ippreżentat skond l-Artikoli 236 KE u 152 KEEA, li permezz tiegħu M. Andreasen qed titlob, b’mod partikolari, l-annullament tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-13 ta’ Ottubru 2004, li tiddikjara t-tneħħija tagħha minn pożizzjoni mingħajr l-irtirar tad-drittijiet tagħha għal pensjoni.

Deċiżjoni:      Ir-rikors huwa miċħud. Kull parti għandha tbati l-ispejjeż tagħha.

Sommarju

1.      Uffiċjali – Miżuri dixxiplinari – Proċeduri dixxiplinari – Legalità – Stħarriġ ġudizzjarju – Limiti

(Regolamenti tal-Persunal, Anness IX)

2.      Dritt Komunitarju – Prinċipji – Dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva

(Karta tad-Drittijiet Fundamentali ta’ l-Unjoni Ewropea, Artikolu 47)

3.      Uffiċjali – Miżuri dixxiplinari – Proċeduri dixxiplinari – Natura irrilevanti ta’ motiv ibbażat fuq l-Artikolu 6 tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem

(Regolamenti tal-Persunal, Anness IX)

4.      Uffiċjali – Miżuri dixxiplinari – Proċeduri dixxiplinari – Dħul fis-seħħ ta’ regoli ġodda applikabbli għall-Bord Dixxiplinari

(Regolamenti tal-Persunal, Anness IX, Artikoli 5(1) u (4), u 6(5))

5.      Uffiċjali – Miżuri dixxiplinari – Prinċipju ta’ ne bis in idem – Sospensjoni

(Regolamenti tal-Persunal, Anness IX, Artikoli 9(3), 23(1) u 24(2))

6.      Uffiċjali – Miżuri dixxiplinari – Proċeduri dixxiplinari – Terminu stabbilit sabiex tittieħed deċiżjoni dwar is-sitwazzjoni ta’ uffiċjal sospiż

(Regolamenti tal-Persunal, Anness IX, Artikolu 24(2))

7.      Uffiċjali – Miżuri dixxiplinari – Proċeduri dixxiplinari – Termini

(Regolamenti tal-Persunal, Anness IX, Artikoli 18 u 22(1))

8.      Uffiċjali – Miżuri dixxiplinari – Sanzjoni – Tneħħija minn pożizzjoni

9.      Uffiċjali – Drittijiet u obbligi – Libertà ta’ espressjoni – Proċedura – Limiti – Dinjità tal-kariga – Obbligu ta’ lealtà

(Regolamenti tal-Persunal, Artikoli 11, 12(1) u Artikolu 21)

10.    Uffiċjali – Drittijiet u obbligi – Parteċipazzjoni uffiċjali f’avvenimenti xjentifiċi

11.    Dritt Komunitarju – Prinċipji – Drittijiet fundamentali – Libertà ta’ espressjoni – Restrizzjonijiet ġustifikati mill-interess ġenerali

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 17(2))

12.    Uffiċjali – Deċiżjoni li tikkawża dannu – Sanzjoni dixxiplinari – Obbligu ta’ motivazzjoni – Portata

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 25(2))

1.      Ir-Regolamenti tal-Persunal jagħtu lill-Awtorità tal-Ħatra u lill-Bord Dixxiplinari r-responsabbiltà esklużiva fir-rigward ta’ l-implementazzjoni tal-proċeduri dixxiplinari. L-ebda dispożizzjoni tas-sistema dixxiplinari stabbilita mir-Regolamenti tal-Persunal ma tippermetti li proċeduri bħal dawn jerġgħu jsiru mit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku fuq inizjattiva tiegħu stess u indipendentement mill-motivi validament imqajma mir-rikorrenti. Anki fil-qasam dixxiplinari, l-istħarriġ tal-legalità mwettaq mill-qorti Komunitarja fil-kuntest tal-kawża għal annullament huwa limitat għall-verifika, fir-rigward biss tal-motivi mressqa, tal-legalità ta’ l-iżvolġiment tal-proċeduri dixxiplinari kif ukoll tal-veraċità, tal-portata u tal-gravità tal-fatti eżaminati mill-Awtorità tal-Ħatra għall-finijiet tas-sanzjoni dixxiplinari kkontestata.

(ara l-punt 111)

Referenza:

Il-Qorti tal-Prim’Istanza: 4 ta’ Mejju 1999, Z vs Il-Parlament, T‑242/97, ĠabraSP p. I‑A‑77 u II‑401, punt 19

2.      Id-drittijiet fundamentali jifformaw parti integrali mill-prinċipji ġenerali tad-dritt li l-qorti Komunitarja tiggarantixxi r-rispett tagħhom. Għal dan il-għan, din ta’ l-aħħar tispira ruħha mit-tradizzjonijiet kostituzzjonali komuni għall-Istati Membri kif ukoll mill-indikazzjonijiet ipprovduti mill-istrumenti internazzjonali dwar il-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem li l-Istati Membri kkooperaw magħhom jew aderixxew għalihom. F’dan il-kuntest, il-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem għandha sinjifikat partikolari.

Id-dritt għal qorti indipendenti u imparzjali jikkostitwixxi dritt fundamentali bħal dan. Fil-fatt, l-individwi għandhom ikunu jistgħu jibbenefikaw minn protezzjoni ġudizzjarja effettiva tad-drittijiet li huma għandhom taħt is-sistema legali Komunitarja. Dan id-dritt huwa wkoll stabbilit fl-Artikoli 6 u 13 tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u huwa kkonfermat mill-ġdid mill-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali ta’ l-Unjoni Ewropea.

(ara l-punti 122 u 124)

Referenza:

Il-Qorti tal-Ġustizzja: 15 ta’ Mejju 1986, Johnston, 222/84, Ġabra p. 1651, punt 18; 25 ta’ Lulju 2002, Unión de Pequeños Agricultores vs Il-Kunsill, C‑50/00 P, Ġabra p. I‑6677, punt 39; 12 ta’ Ġunju 2003, Schmidberger, C‑112/00, Ġabra p. 5659, punt 71; 1 ta’ April 2004, Il-Kummissjoni vs Jégo‑Quéré, C‑263/02 P, Ġabra p. I‑3425, punt 29; 27 ta’ Ġunju 2006, Il‑Parlament vs Il-Kunsill, C‑540/03, Ġabra p. I‑5769, punt 35; 18 ta’ Jannar 2007, PKK u KNK vs Il-Kunsill, C‑229/05 P, Ġabra p. I‑439, punt 76; 13 ta’ Mejju 2007, Unibet, C‑432/05, Ġabra p. I‑2271, punt 37

3.      Skond l-Artikolu 6(1) tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem, kulħadd huwa intitolat għal smigħ imparzjali u pubbliku fi żmien raġonevoli minn qorti indipendenti u imparzjali mwaqqfa b’liġi, li tiddeċiedi kwistjonijiet kemm dwar drittijiet u obbligi ċivili, kif ukoll dwar il-fondatezza ta’ kull akkuża kriminali kontrih.

Motiv ibbażat fuq l-Artikolu 6(1) tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem kontra sanzjoni legali adottata wara proċeduri dixxiplinari kontra uffiċjal ma jistax ħlief jiġi miċħud.

Fil-fatt, minn naħa, sanzjoni bħal din ma tippreżentax, b’mod ċar, il-karatteristiċi ta’ deċiżjoni dwar akkuża kriminali, skond l-Artikolu 6(1) tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem.

Min-naħa l-oħra, mill-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem jirriżulta li d-deċiżjoni dixxiplinari meħuda minn awtorità amministrattiva mhux bil-fors hija suġġetta għal kundizzjonijiet imposti mill-imsemmija dispożizzjoni, li teħtieġ biss il-possibbiltà li deċiżjoni bħal din tkun suġġetta għal stħarriġ minn qorti li tissodisfa l-kundizzjonijiet stabbiliti minnha.

(ara l-punti 125 sa 127)

Referenza:

Il-Qorti tal-Prim’Istanza: 17 ta’ Ottubru 1991, De Compte vs Il-Parlament, T‑26/89, Ġabra p. II‑781, punt 94

4.      L-Artikoli 5 sa 8 ta’ l-Anness IX tar-Regolamenti tal-Persunal li daħlu fis-seħħ fl-1 ta’ Mejju 2004 ġabu magħhom ċerti tibdiliet għat-twaqqif u l-kompożizzjoni tal-Bord Dixxiplinari. L-applikazzjoni tagħhom għal Bord Dixxiplinari mwaqqaf qabel din id-data sabiex jiddeċiedi l-każ ta’ uffiċjal li kien is-suġġett ta’ proċeduri dixxiplinari, ma tikkonċernax biss l-effetti futuri ta’ sitwazzjoni li seħħet taħt il-liġi l-antika, iżda ġġegħelhom neċessarjament ikollhom effett retroattiv.

Fid-dawl tal-prinċipji li, skond ġurisprudenza stabbilita, jirregolaw l-effetti ratione temporis tad-dispożizzjonijiet tad-dritt Komunitarju u fin-nuqqas ta’ kull indikazzjoni, anki impliċita, fid-dispożizzjonijiet il-ġodda, li tippermetti li jiġi kkunsidrat li dawn għandhom japplikaw retroattivament, għandu jiġi kkunsidrat li huma bl-ebda mod ma jirrikjedu r-reviżjoni tat-twaqqif u tal-kompożizzjoni ta’ Bord Dixxiplinari mwaqqaf qabel id-dħul fis-seħħ tagħhom.

(ara l-punti 159 u 171)

5.      Il-miżura ta’ sospensjoni li tista’ tiġi applikata għal uffiċjal li jkun is-suġġett ta’ proċeduri dixxiplinari għandha, min-natura tagħha stess, karattru provviżorju u fiha nnfisha, mhijiex miżura dixxiplinari, b’mod li ma titteħditx in kunsiderazzjoni għall-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ ne bis in idem, espressament stabbilit fid-dispożizzjonijiet tar-Regolamenti tal-Persunal li jirrigwardaw is-sistema dixxiplinari ta’ l-uffiċjali.

(ara l-punti 181 sa 183)

Referenza:

Il-Qorti tal-Ġustizzja: 29 ta’ Ġunju 2006, SGL Carbon vs Il-Kummissjoni, C‑308/04 P, Ġabra p. I‑5977, punt 26

Il-Qorti tal-Prim’Istanza: 18 ta’ Ottubru 2001, X vs BĊE, T‑333/99, Ġabra p. II‑3021, punti 149 u 151

6.      Billi jipprovdi li s-sitwazzjoni ta’ l-uffiċjal sospiż għandha definittivament tkun irregolata f’terminu ta’ sitt xhur mill-jum li fih tidħol fis-seħħ id-deċiżjoni ta’ sospensjoni u li jekk l-ebda deċiżjoni ma tittieħed f’dan it-terminu l-parti kkonċernata tirċievi mill-ġdid ir-remunerazzjoni tagħha kollha, l-Artikolu 24(2) ta’ l-Anness IX tar-Regolamenti tal-Persunal, li daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Mejju 2004, jimpedixxi milli uffiċjal, li jkun is-suġġett ta’ proċeduri dixxiplinari, jiġi mċaħħad mir-remunerazzjoni tiegħu għal iktar minn sitt xhur mingħajr ma tkun ittieħdet deċiżjoni dwar il-każ tiegħu. Għalhekk, minn dan jirriżulta li t-terminu previst huwa biss perentorju fis-sens li, wara li jiddekorri, l-uffiċjal jerġa’ jieħu r-remunerazzjoni kollha tiegħu. Min-naħa l-oħra, il-fatt li l-Awtorità tal-Ħatra ma tkunx iddeċidiet b’mod definittiv dwar il-każ ta’ l-uffiċjal ikkonċernat fit-terminu in kwistjoni ma jwassalx, fih innifsu, għall-konklużjoni ta’ l-illegalità tad-deċiżjoni li tagħlaq il-proċeduri dixxiplinari kontrih.

(ara l-punti 189 u 190)

Referenza:

Il-Qorti tal-Prim’Istanza: 26 ta’ Jannar 1995, D vs Il-Kummissjoni, T‑549/93, ĠabraSP p. I‑A‑13 u II‑43, punti 32 u 33; 16 ta’ Mejju 2000, Irving vs Il-Kummissjoni, T‑121/99, ĠabraSP p. I‑A‑85 u II‑357, punt 49

7.      It-termini stabbiliti għall-andament tal-proċeduri dixxiplinari, għalkemm mhumiex perentorji, madankollu jistabbilixxu regola ta’ amministrazzjoni tajba li l-għan tagħha huwa li tevita, fl-interess kemm ta’ l-amministrazzjoni kif ukoll ta’ l-uffiċjali, dewmien mhux ġustifikat fl-adozzjoni tad-deċiżjoni mat-tmiem tal-proċeduri dixxiplinari. L-awtoritajiet dixxiplinari b’hekk għandhom l-obbligu li jwettqu l-proċeduri dixxiplinari b’diliġenza u li jaġixxu b’mod li kwalunkwe proċeduri jseħħu f’terminu raġonevoli fir-rigward ta’ l-att preċedenti. In-nuqqas ta’ osservanza ta’ dan it-terminu, li jista’ jiġi evalwat biss skond iċ-ċirkustanzi partikolari ta’ dan il-każ, jista’ jwassal għall-annullament ta’ l-att adottat tard, u dan kemm taħt il-verżjoni l-antika tar-Regolamenti tal-Persunal kif ukoll taħt dik fis-seħħ mill-1 ta’ Mejju 2004.

(ara l-punti 194 u 195)

Referenza:

Il-Qorti tal-Ġustizzja: 4 ta’ Frar 1970, Van Eick vs Il-Kummissjoni, 13/69, Ġabra p. 3, punt 4; 29 ta’ Jannar 1985, F. vs Il-Kummissjoni, 228/83, Ġabra p. 275, punt 30; 19 ta’ April 1988, M. vs Il-Kunsill, 175/86 u 209/86, Ġabra p. 1891, punt 16

Il-Qorti tal-Prim’Istanza: De Compte vs Il-Parlament, iċċitata iktar ’il fuq, punt 88; D vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 25; 30 ta’ Mejju 2002, Onidi vs Il-Kummissjoni, T‑197/00, ĠabraSP p. I‑A‑69 u II‑325, punt 91; 10 ta’ Ġunju 2004, François vs Il-Kummissjoni, T‑307/01, Ġabra p. II‑1669, punt 47

8.      Deċiżjoni li timponi sanzjoni ta’ tneħħija minn pożizzjoni tinvolvi neċessarjament kunsiderazzjonijiet delikati mill-istituzzjoni, fid-dawl tal-konsegwenzi serji u irrevokabbli li jirriżultaw minnha. F’dan ir-rigward, l-istituzzjoni għandha setgħa diskrezzjonali wiesgħa u l-istħarriġ ġudizzjarju huwa limitat għal verifika tal-preċiżjoni materjali tal-fatti kkunsidrati u tan-nuqqas ta’ żball manifest fl-evalwazzjoni tal-fatti.

(ara l-punt 220)

Referenza:

Il-Qorti tal-Prim’Istanza: 28 ta’ Settembru 1999, Yasse vs BEI, T‑141/97, ĠabraSP p. I‑A‑177 u II‑929, punt 63

9.      L-ewwel paragrafu ta’ l-Artikolu 12 tar-Regolamenti tal-Persunal (fil-verżjoni tagħhom fis-seħħ sat-30 ta’ April 2004) jiggarantixxi li, fl-imġiba tagħhom, l-uffiċjali Komunitarji jippreżentaw imaġni dinjituża skond il-kondotta partikolarment korretta u rispettabbli li tkun ġustament mistennija mill-membri ta’ servizz pubbliku internazzjonali. Minn dan jirriżulta, b’mod partikolari, li atti jew kliem ta’ insult espressi pubblikament minn uffiċjal, u li jattakkaw l-unur tal-persuni indirizzati jikkostitwixxu, fihom infushom, preġudizzju għad-dinjità tal-kariga fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni. L-ewwel paragrafu ta’ l-Artikolu 12 ta’ dawn ir-Regolamenti tal-Persunal, bħall-Artikoli 11 u 21, jikkostitwixxi waħda mill-espressjonijiet speċifiċi ta’ l-obbligu tal-lealtà, li jirrikjedi li l-uffiċjal mhux biss jastjeni minn kondotta li tippreġudika d-dinjità tal-kariga u r-rispett dovut lill-istituzzjoni u lill-awtoritajiet tagħha, iżda wkoll li jagħti prova, l-iktar jekk għandu grad ogħla, ta’ imġiba ’l bogħod minn kwalunkwe suspett, sabiex ir-rabtiet ta’ fiduċja eżistenti bejnu u bejn l-istituzzjoni jkunu dejjem ippreżervati. L-imsemmi Artikolu 12 ma jikkostitwixxix xkiel għal-libertà ta’ espressjoni, li huwa dritt fundamentali li jgawdu l-uffiċjali Komunitarji, iżda jimponi limiti raġonevoli fuq l-eżerċizzju ta’ dan id-dritt fl-interess tas-servizz.

Skond l-ewwel paragrafu ta’ l-Artikolu 12 ta’ l-imsemmija Regolamenti tal-Persunal, ġew ikkunsidrati bħala atti jew kliem ta’ insult gravi li jattakkaw l-unur tal-persuni indirizzati, mhux biss l-allegazzjonijiet li jistgħu jikkawżaw dannu għad-dinjità ta’ dawn il-persuni, iżda wkoll l-allegazzjonijiet li jiskreditaw l-onorabbiltà professjonali tagħhom. Il-forma ta’ l-imsemmija allegazzjonijiet hija irrilevanti: l-attakki diretti kif ukoll l-allegazzjonijiet magħmula taħt forma dubjuża, indiretta, moħbija, b’insinwazzjoni jew indirizzati lil persuna mhux espressament imsemmija, iżda li minn dak li jkun intqal ikun possibbli li tiġi identifikata, xorta waħda huma koperti.

F’dan ir-rigward, it-trażmissjoni, minn uffiċjal, ta’ noti li min-natura tagħhom jippreġudikaw id-dinjità tal-kariga tiegħu jikkostitwixxu, fihom infushom, ksur ta’ l-obbligu msemmi fl-ewwel paragrafu ta’ l-Artikolu 12 ta’ l-imsemmija Regolamenti tal-Persunal, indipendentement mill-pubbliċità li setgħet ingħatat lil dawn in-noti.

(ara l-punti 233 sa 235)

Referenza:

Il-Qorti tal-Prim’Istanza: 26 ta’ Novembru 1991, Williams vs Il-Qorti ta’ l‑Awdituri, T‑146/89, Ġabra p. II‑1293, punt 76; 15 ta’ Mejju 1997, N vs Il‑Kummissjoni, T‑273/94, ĠabraSP p. I‑A‑97 u II‑289, punti 126 sa 129; 17 ta’ Frar 1998, E vs CES, T‑183/96, ĠabraSP p. I‑A‑67 u II‑159, punti 38, 39 u 41; 19 ta’ Mejju 1999, Connolly vs Il-Kummissjoni, T‑34/96 u, ĠabraSP p. I‑A‑87 u II‑463, punti 123, 124 u 129; 12 ta’ Settembru 2000, Teixeira Neves vs Il-Qorti tal-Ġustizzja, T‑259/97, ĠabraSP p. I‑A‑169 u II‑773, punti 29, 30 u 47

10.    Hija biss l-awtorità ġerarkika li għandha tiddeċiedi, bil-libertà kollha, dwar l-opportunità li tippermetti l-parteċipazzjoni ta’ l-uffiċjali tagħha, fil-kwalità uffiċjali tagħhom, f’avvennimenti xjentifiċi.

(ara l-punt 250)

Referenza:

Il-Qorti tal-Ġustizzja: 17 ta’ Mejju 1984, Albertini u Montagnani vs Il‑Kummissjoni, 338/82, Ġabra p. 2123, punt 32

11.    Id-dritt għal-libertà ta’ espressjoni, stabbilit fl-Artikolu 10 tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem, huwa dritt fundamentali li l-qorti Komunitarja tiggarantixxi r-rispett tiegħu u li jgawdu minnu, b’mod partikolari, l-uffiċjali Komunitarji. Madankollu, id-dritt għal-libertà ta’ espressjoni ma jidhirx li huwa prerogattiva assoluta iżda jista’ jinvolvi xi restrizzjonijiet bil-kundizzjoni li dawn iwieġbu b’mod effettiv għal għanijiet ta’ interess ġenerali mħaddna mill-Komunità u ma jikkostitwixxux, fid-dawl ta’ l-għan imħaddan, intervent sproporzjonat u intolerabbli li jippreġudika s-sustanza stess tad-dritt hekk iggarantit. Eżaminat fid-dawl ta’ dawn il-prinċipji, it-tieni paragrafu ta’ l-Artikolu 17 tar-Regolamenti tal-Persunal (fil-verżjoni tiegħu fis-seħħ sat-30 ta’ April 2004), li jikkonċerna l-pubblikazzjoni, mill-uffiċjali, ta’ testi relatati mal-attività tal-Komunitajiet ma jistax jiġi kkunsidrat bħala li jimponi restrizzjoni mhux ġustifikata fuq il-libertà ta’ espressjoni ta’ l-uffiċjali.

Fl-ewwel lok, il-ħtieġa, ipprovduta f’dan l-artikolu, ta’ awtorizzazzjoni minn qabel għal pubblikazzjoni twieġeb għall-għan leġittimu li test dwar l-attività tal-Komunitajiet ma jistax jikkawża dannu għall-interessi tagħhom u, b’mod partikolari, għar-reputazzjoni u għall-imaġini ta’ waħda mill-istituzzjonijiet. Fit-tieni lok, l-imsemmi tieni paragrafu ta’ l-Artikolu 17 ma jikkostitwixxix miżura sproporzjonata għall-għan ta’ interess ġenerali li huwa intiż li jipproteġi. Minn naħa, l-awtorizzazzjoni minn qabel għal pubblikazzjoni hija meħtieġa biss meta t-test li l-uffiċjal ikkonċernat ikollu l-intenzjoni li jippubblika jew li jara li jiġi ppubblikat jirrigwarda l-attività tal-Komunitajiet. Min-naħa l-oħra, dan ma jistabbilixxi l-ebda projbizzjoni assoluta ta’ pubblikazzjoni. Għall-kuntrarju, l-aħħar sentenza tat-tieni paragrafu ta’ l-Artikolu 17 ta’ l-imsemmija Regolamenti tal-Persunal tistabbilixxi, b’mod ċar, il-prinċipju ta’ l-għoti ta’ l-awtorizzazzjoni għal pubblikazzjoni, liema awtorizzazzjoni tista’ tiġi rrifjutata biss jekk il-pubblikazzjoni in kwistjoni tkun tali li tikkawża dannu għall-interessi tal-Komunitajiet.

(ara l-punti 251 u 252)

Referenza:

Il-Qorti tal-Prim’Istanza: Connolly vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punti 148 u 149 sa 152

12.    Il-motivazzjoni ta’ deċiżjoni li tikkawża dannu għandha l-għan li, minn naħa, tipprovdi lill-parti kkonċernata bl-informazzjoni neċessarja sabiex ikun magħruf jekk id-deċiżjoni tkunx fondata jew le u, min-naħa l-oħra, tirrendi possibbli l-istħarriġ ġudizzjarju.

Il-kwistjoni dwar jekk il-motivazzjoni tad-deċiżjoni ta’ l-Awtorità tal-Ħatra li timponi sanzjoni fuq uffiċjal, tissodisfax dawn il-ħtiġijiet għandha tiġi evalwata fid-dawl mhux biss tal-kliem tagħha, iżda wkoll fid-dawl tal-kuntest tagħha kif ukoll tad-dispożizzjonijiet legali kollha li jirregolaw il-qasam ikkonċernat. F’dan ir-rigward, għalkemm l-Awtorità tal-Ħatra għandha tindika, b’mod preċiż, il-fatti li jkun akkużat bihom l-uffiċjal, kif ukoll il-kunsiderazzjonijiet li wassluha tadotta s-sanzjoni magħżula, hija mhijiex meħtieġa tiddiskuti l-punti kollha ta’ fatt u ta’ dritt li tqajmu mill-parti kkonċernata matul il-proċeduri. Jekk l-Awtorità tal-Ħatra tagħżel l-istess sanzjoni bħal dik proposta mill-Bord Dixxiplinari, ma hemmx raġuni għal motivazzjoni ulterjuri dwar jekk is-sanzjoni hijiex ta’ natura xierqa jew le.

(ara l-punti 259 u 260)

Referenza:

Il-Qorti tal-Ġustizzja: 20 ta’ Novembru 1997, Il-Kummissjoni vs V, C‑188/96 P, Ġabra p. I‑6561, punti 26 sa 29;

Il-Qorti tal-Prim’Istanza: 28 ta’ Marzu 1995, Daffix vs Il-Kummissjoni, T‑12/94, ĠabraSP p. I‑A‑71 u II‑233, punt 33; 16 ta’ Lulju 1998, Y vs Il-Parlament, T‑144/96, ĠabraSP p. I‑A‑405 u II‑1153, punt 27; Connolly vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 93; Onidi vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 156; 5 ta’ Diċembru 2002, Stevens vs Il-Kummissjoni, T‑277/01, ĠabraSP p. I‑A‑253 u II‑1273, punti 70 u 71