SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Is-Seba’ Awla)
24 ta’ Settembru 2019 (*)
“Trade mark tal-Unjoni Ewropea – Proċedimenti ta’ oppożizzjoni – Applikazzjoni għat-trade mark tal-Unjoni Ewropea figurattiva V V‑WHEELS – Trade marks tal-Unjoni Ewropea, nazzjonali u mhux irreġistrati figurattivi preċedenti VOLVO – Raġuni relattiva għal rifjut – Xebh tas-sinjali – Artikolu 8(5) tar-Regolament (UE) 2017/1001”
Fil-Kawża T‑356/18,
Volvo Trademark Holding AB, stabbilita f’Göteborg (l-Isvezja), irrappreżentata minn T. Dolde, avukat, u M. Hawkins, solicitor,
rikorrenti,
vs
L-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO), irrappreżentat minn S. Bonne u H. O’Neill, bħala aġenti,
konvenut,
il-parti l-oħra fil-proċedimenti quddiem il-Bord tal-Appell tal-EUIPO kienet
Paalupaikka Oy, stabbilita f’Iisalmi (il-Finlandja),
li għandha bħala suġġett rikors ippreżentat kontra d-deċiżjoni tar-Raba’ Bord tal-Appell tal-EUIPO tal-21 ta’ Marzu 2018 (Każ R 1852/2017‑4) dwar proċedimenti ta’ oppożizzjoni bejn Volvo Trademark Holding u Paalupaikka,
IL-QORTI ĠENERALI (Is-Seba’ Awla),
komposta minn V. Tomljenović, President, E. Bieliūnas u A. Kornezov (Relatur), Imħallfin,
Reġistratur: R. Ūkelytė, Amministratur,
wara li rat ir-rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis-7 ta’ Ġunju 2018,
wara li rat ir-risposta ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl-4 ta’ Ottubru 2018,
wara s-seduta tas-16 ta’ Mejju 2019,
tagħti l-preżenti
Sentenza
Il-fatti li wasslu għall-kawża
1 Fl-4 ta’ Awwissu 2015, Paalupaikka Oy ippreżentat applikazzjoni għar-reġistrazzjoni ta’ trade mark tal-Unjoni Ewropea lill-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO), taħt ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 207/2009 tas-26 ta’ Frar 2009 dwar it-trademark tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2009, L 78, p. 1), kif emendat (issostitwit bir-Regolament (UE) 2017/1001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑14 ta’ Ġunju 2017 dwar it-trademark tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2017, L 154, p. 1)).
2 
It-trade mark li għaliha ntalbet ir-reġistrazzjoni huwa s-sinjal figurattiv li ġej:
3 Fl-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni dan is-sinjal huwa deskritt bħala li huwa “ċirku blu li f’nofsu tinsab l-ittra ‘v’ kulur il-fidda”, liema ċirku “jinsab imdawwar b’delimitazzjoni fina kulur il-fidda” u jidher fuq “il-kelma ‘v-wheels’” li “l-ittra ‘v’ tagħha […] hija kulur il-fidda u l-karattri l-oħra huma ta’ kulur blu”. Il-prodotti li għalihom intalbet ir-reġistrazzjoni jaqgħu taħt il-klassi 12 fis-sens tal-Ftehim ta’ Nice dwar il-Klassifikazzjoni Internazzjonali ta’ Prodotti u Servizzi għall-Finijiet tar-Reġistrazzjoni ta’ Trade Marks tal-15 ta’ Ġunju 1957 kif rivedut u emendat u jikkorrispondu għad-deskrizzjoni li ġejja: “Rimmijiet tar-roti tal-karrozzi; [r]immijiet tar-roti għall-vetturi; [r]oti; [r]oti partikulari għall-vetturi; [r]oti għall-karrozzi; [r]oti għall-muturi; [r]oti tal-vetturi; [r]oti żgħar għal trolis [vetturi]; [r]oti [partijiet tal-vetturi tal-art]; [r]oti għall-karts tat-tlielaq; [r] Roti, tajers u binarji kontinwi”.
4 L-applikazzjoni għat-trade mark ġiet ippubblikata fil-Bulettin tat-Trade Marks tal-Unjoni Ewropea Nru 182/2015 tal-25 ta’ Settembru 2015.
5 Fil-31 ta’ Diċembru 2015, ir-rikorrenti, Volvo Trademark Holding AB, ressqet oppożizzjoni kontra r-reġistrazzjoni tas-sinjal li għalih saret l-applikazzjoni għall-prodotti msemmija fil-punt 3 iktar ’il fuq.
6 L-oppożizzjoni kienet ibbażata fuq it-trade marks preċedenti li ġejjin, li kollha jkopru prodotti li jaqgħu fil-klassi 12:
– it-trade mark tal-Unjoni Ewropea figurattiva rreġistrata taħt in-numru 10397016, riprodotta hawn taħt:

– it-trade mark tal-Unjoni Ewropea figurattiva rreġistrata taħt in-numru 4804522, riprodotta hawn taħt:

– it-trade mark tal-Unjoni Ewropea figurattiva rreġistrata taħt in-numru 9045311, riprodotta hawn taħt:

– it-trade mark Finlandiża figurattiva rreġistrata taħt in-numru 66240, riprodotta hawn taħt:
