Language of document : ECLI:EU:T:2023:675

Edizzjoni Provviżorja

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Is-Seba’ Awla)

25 ta’ Ottubru 2023 (*)

“Klawżola ta’ arbitraġġ – Mekkaniżmu uniku ta’ riżoluzzjoni tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u ta’ ċerti impriżi ta’ investiment (SRM) – Fond uniku ta’ riżoluzzjoni (SRF) – Kuntratti relatati mal-impenn ta’ pagament irrevokabbli u l-arranġamenti ta’ kollateral – Ċaħda tat-talba għall-ħlas lura tal-kollateral marbuta mal-kontribuzzjonijiet ex ante pprovduti fil-forma ta’ impenji ta’ pagament irrevokabbli – Istituzzjoni li l-awtorizzazzjoni tagħha ġiet irtirata – Artikolu 7(3) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2015/81 – Responsabbiltà mhux kuntrattwali – Arrikkiment indebitu”

Kawża T‑688/21,

BNP Paribas Public Sector SA, stabbilita f’Pariġi (Franza), irrappreżentata minn A. Champsaur u A. Delors, avukati,

rikorrenti,

sostnuta minn

Ir-Repubblika Franċiża, irrappreżentata minn A.-L. Desjonquères u E. Leclerc, bħala aġenti,

u minn

Fédération bancaire française, stabbilita f’Pariġi, irrappreżentata minn A. Gosset-Grainville u M. Trabucchi, avukati,

intervenjenti,

vs

Il-Bord Uniku ta’ Riżoluzzjoni (SRB), irrappreżentat minn C. De Falco, C. Flynn u J. Kerlin, bħala aġenti, assistiti minn H.-G. Kamann, F. Louis, P Gey, É.  Bruc u A. Vallery, avukati,

konvenut,

IL-QORTI ĠENERALI (Is-Seba’ Awla),

komposta minn K. Kowalik-Bańczyk, Presidenta, G. Hesse (Relatur) u B. Ricziová, Imħallfin,

Reġistratur: L. Ramette, Amministratur,

wara li rat il-fażi bil-miktub tal-proċedura,

wara s-seduta tal‑20 ta’ April 2023,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        Permezz tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti, BNP Paribas Public Sector SA, titlob, essenzjalment, fl-ewwel lok, abbażi tal-Artikolu 272 TFUE u tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 340 TFUE, minn naħa, il-konstatazzjoni tal-ksur mill-Bord Uniku ta’ Riżoluzzjoni (SRB) tal-obbligu tiegħu ta’ ħlas lura skont il-Klawżola 12.5 tal-impenji ta’ pagament irrevokabbli sottoskritti minnha għall-perijodi ta’ kontribuzzjoni mill-2016 sal-2021 u, min-naħa l-oħra, il-ħlas lura tas-somom li s‑SRB żamm bi ksur tal-imsemmi obbligu kuntrattwali, kif ukoll tal-ispejjeż, tal-interessi moratorji u anċillari kollha ta’ kull natura marbuta miegħu, u, sussidjarjament, abbażi tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 340 TFUE, il-kumpens għad-dannu li hija allegatament ġarrbet minħabba l-aġir tas-SRB fir-rigward tal-impenji ta’ pagament irrevokabbli sottoskritti għall-perijodi ta’ kontribuzzjoni mill-2016 sal-2021, u, fit-tieni lok, abbażi tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 340 TFUE, il-kumpens għad-dannu li hija allegatament ġarrbet minħabba r-rifjut tas-SRB li jħallasha lura l-kollateral li jkopri l-impenn ta’ pagament irrevokabbli li hija ssottoskriviet għall-perijodu ta’ kontribuzzjoni 2015.

 Ilfatti li wasslu għallkawża

2        Wara l-kriżi finanzjarja tal‑2008, li tat lok għall-kriżi taż-żona tal-euro, ġie stabbilit qafas regolatorju intiż sabiex jiżgura l-istabbiltà u s-sigurtà tal-attività bankarja fl-Unjoni Ewropea. Dan il-qafas ġdid huwa kkaratterizzat minn ġabra leġiżlattiva unika applikabbli b’mod identiku għall-istituzzjonijiet ta’ kreditu tal-Istati Membri kollha kkonċernati. L-unjoni bankarja hija bbażata fuq tliet pilastri, fil-każ ineżami mekkaniżmu superviżorju uniku (MSU), mekkaniżmu uniku ta’ riżoluzzjoni (SRM) u skema Ewropea ta’ assigurazzjoni tad-depożiti.

3        Is-SRM, kif stabbilit bir-Regolament (UE) Nru 806/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Lulju 2014 li jistabbilixxi regoli uniformi u proċedura uniformi għar-riżoluzzjoni tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u ċerti ditti tal-investiment fil-qafas ta’ Mekkaniżmu Uniku ta’ Riżoluzzjoni u Fond Uniku għar-Riżoluzzjoni u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1093/2010 (ĠU 2014, L 225, p. 1), jipprevedi l-ħolqien ta’ Fond Uniku għar-Riżoluzzjoni li għalih għandhom jikkontribwixxu l-istituzzjonijiet ta’ kreditu. Dan il-fond jintuża biss sa fejn huwa neċessarju għall-applikazzjoni effettiva tal-istrumenti ta’ riżoluzzjoni (Artikolu 76(1) tar-Regolament Nru 806/2014).

4        Konformement mal-Artikolu 70 tar-Regolament Nru 806/2014, is-SRB għandu jikkalkola, kull sena, il-kontribuzzjoni individwali ta’ kull istituzzjoni, imsejħa wkoll “kontribuzzjoni ex ante”.

5        Il-ġbir annwali tal-kontribuzzjonijiet mingħand istituzzjonijiet ta’ kreditu ġie stabbilit sabiex jiġi żgurat li, fi tmiem perijodu inizjali ta’ tmien snin li jiddekorri mill-1 ta’ Jannar 2016, il-mezzi finanzjarji disponibbli tas-SRF jilħqu mill-inqas 1 % tal-ammont tad-depożiti koperti tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu kollha awtorizzati fl-Istati Membri parteċipanti kollha (iktar ’il quddiem il-“livell immirat”.

6        Skont l-Artikolu 8(3) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2015/81 tad-19 ta’ Diċembru 2014 li jispeċifika kundizzjonijiet uniformi għall-applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 806/2014 fir-rigward tal-kontribuzzjonijiet ex ante għall-Fond Uniku ta’ Riżoluzzjoni (ĠU 2015, L 15, p. 1), matul il-perijodu inizjali, f’kundizzjonijiet normali, is-SRB għandu jawtorizza l-użu ta’ impenji ta’ pagament irrevokabbli fuq talba ta’ istituzzjoni. Is-SRB għandu jiżgura li jalloka l-użu ta’ impenji ta’ pagament irrevokabbli b’mod ugwali fost dawk l-istituzzjonijiet li jitolbuh. L-ammont tal-impenji ta’ pagament irrevokabbli allokati ma għandux ikun ta’ inqas minn 15 % tal-obbligi ta’ pagament totali tal-istituzzjoni kkonċernata. Meta jikkalkola l-kontribuzzjonijiet annwali ta’ kull istituzzjoni, is-SRB għandu jiżgura li, fi kwalunkwe sena partikolari, is-somma ta’ dawk l-impenji ta’ pagament irrevokabbli ma taqbiżx it‑30 % tal-ammont totali tal-kontribuzzjonijiet annwali miġburin konformement mal-Artikolu 70 tar-Regolament (UE) Nru 806/2014.

7        Ir-rikorrenti kienet istituzzjoni ta’ kreditu Franċiża b’awtorizzazzjoni sal-24 ta’ Marzu 2021, data li fiha hija kisbet l-irtirar tal-awtorizzazzjoni tagħha mill-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE).

8        Qabel l-implimentazzjoni tas-SRM, ir-rikorrenti pprovdiet, għas-sena 2015, parti mill-kontribuzzjoni ex ante tagħha fil-forma ta’ impenn ta’ pagament irrevokabbli. Sabiex tagħmel dan, hija kkonkludiet mas-SRB, mal-Awtorità ta’ Sorveljanza Prudenzjali u ta’ Riżoluzzjoni (ASPR) u mal-Fond ta’ Assigurazzjoni tad-Depożiti u ta’ Riżoluzzjoni (FADR), impenn ta’ pagament irrevokabbli (iktar ’il quddiem l-“IPI 2015”).

9        Għall-perijodi ta’ kontribuzzjoni mill-2016 sal-2021, ir-rikorrenti pprovdiet mill-inqas parti mill-kontribuzzjonijiet ex ante tagħha fil-forma ta’ impenn ta’ pagament irrevokabbli. Għal dan l-għan, hija kkonkludiet mas-SRB, għal kull wieħed minn dawn il-perijodi, impenji ta’ pagament irrevokabbli (iktar ’il quddiem l-“IPI 2016–2021”).

10      Permezz ta’ posta elettronika tal-1 ta’ April 2021, ir-rikorrenti informat lis-SRB li, fuq talba tagħha, il-BĊE kien irtira l-awtorizzazzjoni tagħha. Ir-rikorrenti għalhekk talbet lis-SRB informazzjoni dwar il-passi li kellha tieħu sabiex tikseb ir-rimbors tal-kollateral marbut mal-impenji ta’ pagament irrevokabbli li hija kienet ikkonkludiet.

11      Permezz ta’ ittra tal-14 ta’ April 2021, is-SRB indika lir-rikorrenti l-formalitajiet li kellhom jiġu segwiti sabiex tikseb il-ħlas lura tal-kollateral li jkopri l-impenji ta’ pagament irrevokabbli li hija kienet ikkonkludiet.

12      Fid-29 ta’ Lulju 2021, wara diversi skambji, ir-rikorrenti kkomunikat lis-SRB ix-xoljiment tal-IPI 2015 u tal-IPI 2016–2021.

13      Wara iktar skambji, is-SRB indika lir-rikorrenti, permezz ta’ ittra tat-13 ta’ Awwissu 2021 (iktar ’il quddiem l-“ittra tat-13 ta’ Awwissu 2021”), li kien ser iħallasha lura l-kollateral li jkopri l-IPI 2015 u l-IPI 2016–2021 wara r-riċezzjoni tal-flus kontanti li jikkorrispondu għall-ammont impenjat taħt dawn l-impenji.

14      F’din l-ittra, is-SRB fakkar li r-rikorrenti kienet ikkonkludiet miegħu diversi impenji ta’ pagament irrevokabbli. Għal kull wieħed minn dawn l-impenji, is-SRB ippreċiża l-ammont impenjat. Wara li elenka dawn l-ammonti, huwa indika, b’mod partikolari li, fid-dawl tal-Artikolu 70(4) tar-Regolament Nru 806/2014, li jipprovdi li l-kontribuzzjonijiet debitament irċevuti ma kinux irrimborsati lill-entitajiet, u tal-Artikolu 7(1) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2015/81, li jipprovdi li l-użu tal-impenji ta’ pagament irrevokabbli bl-ebda mod ma jikkomprometti l-kapaċità finanzjarja u l-likwidità tas-SRF, l-annullament tal-IPI 2016–2021 u l-ħlas lura sussegwenti tal-kollateral li jkopri dawn l-impenji setgħu jseħħu biss wara l-ħlas fi flus kontanti ta’ somma fl-ammont ugwali għall-ammont tal-impenn ta’ pagament irrevokabbli kkonċernat. Is-SRB għalhekk stieden lir-rikorrenti tittrasferilhu somma ta’ ċertu ammont u tinformah b’dan permezz ta’ posta elettronika. Wara li jirċievi l-imsemmi somma, huwa kien ser jirrimborsaha l-kollateral, imnaqqsa bl-ammont tal-interessi negattivi akkumulati, mal-iskadenza ta’ terminu ta’ erbatax-il jum bankarju wara l-jum li fih jirċievi n-notifika ta’ xoljiment.

15      Fil-25 ta’ Ottubru 2021, ir-rikorrenti, essenzjalment, informat lis-SRB li, peress li skont il-fehim tagħha tal-qafas regolatorju applikabbli, hija ma kellhiex tittrasferixxilu l-flus li jikkorrispondu għas-somma totali tal-ammonti impenjati abbażi tal-IPI 2015 u l-IPI 2016–2021 sabiex jiġi rrestitwit il-kollateral, hija ma kinitx ser tipproċedi bl-imsemmi trasferiment.

 Ittalbiet talpartijiet

16      Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla, abbażi tal-Artikoli 256 u 263 TFUE, l-ittra tat-13 ta’ Awwissu 2021;

–        tilqa’ t-talba tagħha mressqa abbażi tal-Artikolu 272 TFUE u tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 340 TFUE billi tikkonstata li l-pożizzjoni espressa fl-ittra tat-13 ta’ Awwissu 2021 tmur kontra d-dispożizzjonijiet tal-IPI 2016‑2021 u billi tordna lis-SRB iħallasha lura s-somom li jikkorrispondu għall-kollateral fi flus kontanti marbut ma’ dawn l-impenji li huwa żamm bi ksur tal-obbligi kuntrattwali tiegħu kif ukoll l-ispejjeż, l-interessi moratorji u anċillari ta’ kull natura marbuta magħhom;

–        tilqa’ t-talba tagħha mressqa abbażi tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 340 TFUE billi tikkonstata li r-rifjut tas-SRB li jħallasha lura s-somom li jikkorrispondu għall-kollateral fi flus kontanti marbut mal-IPI 2015 jikkostitwixxi arrikkiment indebitu u billi tordna lis-SRB iħallasha dawn is-somom bħala danni kif ukoll l-ispejjeż, l-interessi moratorji u anċillari kollha ta’ kull natura marbuta magħhom;

–        sussidjarjament, tilqa’ t-talba tagħha mressqa abbażi tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 340 TFUE billi tikkonstata li r-rifjut tas-SRB li jħallasha lura s-somom li jikkorrispondu għall-kollateral fi flus kontanti marbut mal-IPI 2016‑2021 jikkostitwixxi arrikkiment indebitu u billi tordna lis-SRB iħallasha dawn is-somom bħala danni kif ukoll l-ispejjeż, l-interessi moratorji u anċillari kollha ta’ kull natura marbuta magħhom;

–        tikkundanna lis-SRB għall-ispejjeż.

17      Is-SRB jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors għal annullament bħala inammissibbli;

–        tiċħad it-talbiet abbażi tal-Artikolu 272 TFUE bħala infondati;

–        tiċħad it-talbiet skont l-Artikolu 340 TFUE bħala inammissibbli u, sussidjarjament, tiċħadhom bħala infondati;

–        tikkundanna lir-rikorrenti tħallas l-ispejjeż kollha sostnuti minnu, b’mod partikolari dawk relatati mat-talba għal annullament li kienet is-suġġett ta’ rinunzja, inizjalment imressqa skont l-Artikolu 263 TFUE.

18      Ir-Repubblika Franċiża titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha tilqa’ r-rikors tar-rikorrenti.

19      Il-Fédération bancaire française (FBF) titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiddikjara li, billi rrifjuta li jħallas lura s-somom li jikkorrispondu għall-kollateral fi flus kontanti marbut mal-IPI 2016–2021, s-SRB kiser l-obbligu ta’ ħlas lura impost fuqu skont l-imsemmija impenji;

–        tordna lis-SRB iħallas lura lir-rikorrenti s-somom li jikkorrispondu għall-kollateral fi flus kontanti li huwa żamm bi ksur tal-obbligi kuntrattwali tiegħu.

 Id-dritt

20      Fir-rikors, ir-rikorrenti talbet l-annullament, skont l-Artikolu 256 TFUE u l-Artikolu 263 TFUE, tal-ittra tat-13 ta’ Awwissu 2021, qabel ma rrinunzjat għal dan fil-mori tal-kawża.

21      F’dawn iċ-ċirkustanzi, hemm lok li jiġu eżaminati l-kapijiet tat-talbiet l-oħra tar-rikorrenti.

 Fuq ilkap tattalbiet ibbażat fuq l-Artikolu 272 TFUE u l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 340 TFUE

22      Il-Qorti Ġenerali għandha ġurisdizzjoni sabiex tieħu konjizzjoni tat-talba tar-rikorrenti mressqa abbażi tal-Artikolu 272 TFUE, bis-saħħa tal-klawżoli ta’ arbitraġġ li jinsabu fil-Klawżola 13.2 ta’ kull wieħed mill-IPI 2016–2021, liema klawżoli jattribwixxu l-ġurisdizzjoni lill-Qorti Ġenerali sabiex tiddeċiedi dwar kull tilwima li tirrigwarda l-legalità, il-validità, l-interpretazzjoni jew l-eżekuzzjoni ta’ dawn il-ftehimiet.

23      Insostenn tal-kap tat-talbiet ibbażat fuq l-Artikolu 272 TFUE u fuq l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 340 TFUE, ir-rikorrenti, sostnuta mir-Repubblika Franċiża u mill-FBF, issostni li s-SRB kiser l-obbligu ta’ ħlas lura li huwa għandu b’applikazzjoni tal-Klawżola 12.5 tal-IPI 2016–2021.

24      Preliminarjament, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 288 TFUE, ir-Regolament Nru 806/2014 u r-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2015/81 għandhom portata ġenerali, huma obbligatorji fl-intier tagħhom u huma direttament applikabbli fl-Istati Membri kollha kkonċernati. Ir-rikorrenti u s-SRB għaldaqstant ma humiex liberi li jikkonkludu ftehimiet li jmorru kontra d-dispożizzjonijiet ta’ dawn iż-żewġ regolamenti, kif interpretati mill-qorti tal-Unjoni.

25      Il-Klawżola 12.5 tal-IPI 2016–2021, invokata mir-rikorrenti, tistipula li “[d]an il-Ftehim huwa mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni tal-Artikolu 7(3) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2015/81”. Din il-klawżola tfakkar għalhekk li l-IPI 2016–2021 ma jistgħu fl-ebda każ jiksru l-Artikolu 7(3) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2015/81.

26      Għaldaqstant, billi tallega ksur tal-Klawżola 12.5 tal-IPI 2016‑2021, ir-rikorrenti fir-realità ssostni li s-sitwazzjoni tagħha, jiġifieri dik ta’ istituzzjoni li toħroġ mill-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 806/2014, taqa’ taħt l-Artikolu 7(3) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2015/81. Skont l-interpretazzjoni proposta mir-rikorrenti, din il-miżura regolatorja hija ċara u ma żżid ebda kundizzjoni għall-ħlas lura tal-kollateral fi flus kontanti li jkopri l-impenn ta’ pagament irrevokabbli. Il-pożizzjoni espressa fl-ittra tat-13 ta’ Awwissu 2021, li tgħid li s-SRB ma jistax iħallas lura l-kollateral fi flus kontanti li jkopri l-IPI 2016–2021 ħlief wara l-ħlas ta’ somma ta’ ammont li jikkorrispondi għal dak tal-kontribuzzjoni li għaliha ntużaw dawn l-istrumenti, tmur għaldaqstant kontra l-Artikolu 7(3) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2015/81.

27      Is-SRB jikkontesta l-argumentazzjoni tar-rikorrenti u jagħti, kif jirriżulta mill-punt 14 iktar ’il fuq, interpretazzjoni differenti minn dik proposta mir-rikorrenti.

28      Fl-ewwel lok, għandu jiġi enfasizzat li mill-Artikolu 70(1) tar-Regolament Nru 806/2014 jirriżulta li, għal kull sena ta’ kontribuzzjoni, l-istituzzjonijiet ta’ kreditu stabbiliti fi Stat Membru parteċipanti, bħalma kien il-każ tar-rikorrenti, huma obbligati jħallsu l-kontribuzzjoni ordinarja lis-SRF.

29      Konformement mal-Artikolu 69(1) tar-Regolament Nru 806/2014, il-ġbir annwali tal-kontribuzzjonijiet ex ante tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu ġie stabbilit sabiex jiġi żgurat li, fi tmiem il-perijodu inizjali, il-mezzi finanzjarji disponibbli tas-SRF jilħqu l-livell immirat.

30      Fid-dawl ta’ dan l-għan, il-leġiżlatur tal-Unjoni ppreċiża, fl-Artikolu 70(4) tar-Regolament Nru 806/2014, li l-kontribuzzjonijiet ex ante “riċevuti debitament” ma kinux irrimborsati. Permezz ta’ din il-formulazzjoni, il-leġiżlatur tal-Unjoni stabbilixxa regola li ma għandhiex eċċezzjoni. Din hija r-raġuni għaliex fiha ma hemm l-ebda indikazzjoni dwar il-possibbiltà li l-kontribuzzjonijiet ex ante jiġu aġġustati a posteriori (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑29 ta’ Settembru 2022, ABLV Bank vs SRB (C‑202/21 P, EU:C:2019:734, punt 56). Minn dan jirriżulta li bidla fl-istatus ta’ istituzzjoni, matul il-perjodu ta’ kontribuzzjoni, ma għandha l-ebda effett fuq l-ammont ta’ kontribuzzjoni dovuta għas-sena partikolari. Barra minn hekk, din ir-regola hija riprodotta fl-Artikolu 12(2) tar-Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) 2015/63 tal-21 ta’ Ottubru 2014 li jissupplimenta d-Direttiva 2014/59/UE tal-Parlament Ewropew u l-Kunsill fir-rigward tal-kontribuzzjonijiet ex ante għall-arranġamenti ta’ finanzjament ta’ riżoluzzjoni (ĠU 2015, L 11, p. 44, rettifika fil-ĠU 2017, L 156, p. 38), li jkopri wkoll is-SRB, hekk kif tindika l-premessa 7 ta’ dan ir-Regolament ta’ Delega.

31      F’dan ir-rigward, il-qorti tal-Unjoni ddeċidiet, b’mod partikolari, li l-fatt li entità tieqaf teżerċita l-attivitajiet tagħha ta’ istituzzjoni ta’ kreditu matul il-perijodu ta’ kontribuzzjoni, minħabba l-irtirar tal-awtorizzazzjoni tagħha, ma għandux effett fuq l-obbligu tagħha li tħallas il-kontribuzzjoni ex ante kollha dovuta għall-imsemmi perijodu ta’ kontribuzzjoni (sentenza tal-20 ta’ Jannar 2021, ABLV Bank vs SRB, T‑758/18, EU:T:2021:28, punt 85).

32      Fit-tieni lok, kif tirrileva r-rikorrenti, sabiex jissodisfaw l-obbligu tagħhom ta’ kontribuzzjoni għas-SRF, l-istituzzjonijiet ta’ kreditu għandhom, konformement mal-Artikolu 70(3) tar-Regolament Nru 806/2014, il-possibbiltà jew li jħallsu immedjatament il-kontribuzzjoni tagħhom, jew li jidħlu għal impenn ta’ pagament irrevokabbli.

33      Fit-tielet lok, l-Artikolu 7 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2015/81 jistabbilixxi ċerti regoli applikabbli għall-impenji ta’ pagament irrevokabbli, li għandhom il-partikolarità li huma kuntratti konklużi għal żmien indeterminat li jippermettu lill-istituzzjonijiet jiddifferixxu l-ħlas tal-kontribuzzjoni tagħhom. Din il-partikolarità wasslet lil-leġiżlatur tal-Unjoni jistabbilixxi sistema speċifika għal dawn l-impenji.

34      L-Artikolu 7 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2015/81 huwa fformulat kif ġej:

“1. Ir-rikors għal impenji ta’ pagamenti irrevokabbli, imsemmi fl-Artikolu 70(3) tar-Regolament (UE) Nru 806/2014 ma għandu b’ebda mod jaffettwa l-kapaċità finanzjarja u l-likwidità tal-Fond.

2. Meta azzjoni ta’ riżoluzzjoni tinvolvi l-Fond f’konformità mal-Artikolu 76 tar-Regolament (UE) Nru 806/2014, il-Bord għandu jsejjaħ, totalment jew parzjalment, l-impenji ta’ pagament irrevokabbli, li jkunu saru skont ir-Regolament (UE) Nru 806/2014, sabiex jiġi restawrat is-sehem ta’ impenji ta’ pagament irrevokabbli fil-mezzi finanzjarji disponibbli tal-Fond stabbiliti mill-Bord fi ħdan il-limitu massimu stabbilit mill-Artikolu 70(3) tar-Regolament (UE) Nru 806/2014.

Ladarba l-Fond jirċievi debitament il-kontribuzzjoni marbuta mal-impenji ta’ pagament irrevokabbli li jkunu ssejħu, għandu jintradd il-kollateral li jagħti sostenn lil tali impenji. Jekk il-Fond ma jirċevix debitament l-ammont meħtieġ ta’ flus kontanti mal-ewwel talba, il-Bord għandu jieħu taħt idejh il-kollateral li jagħti sostenn lill-impenn ta’ pagament irrevokabbli f’konformità mal-Artikolu 70(3) tar-Regolament (UE) Nru 806/2014.

3. L-impenji ta’ pagament irrevokabbli ta’ istituzzjoni li ma tibqax taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 806/2014 jiġu kkanċellati u jintradd il-kollateral li jagħti sostenn lil dawn l-impenji.”

35      Huwa f’dan il-kuntest li r-rikorrenti, sostnuta mir-Repubblika Franċiża u mill-FBF, issostni li l-annullament tal-impenn ta’ pagament irrevokabbli u l-ħlas lura tal-kollateral previsti mill-Artikolu 7(3) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2015/81 jimplikaw li l-parti ta’ kontribuzzjoni ex ante li għaliha ġie konkluż impenn ta’ pagament irrevokabbli ma għandhiex tiġi pprovduta peress li l-istituzzjoni kontributriċi ma taqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 806/2014 u li dan l-impenn ma ssejjaħx mis-SRB fil-kuntest ta’ miżura ta’ riżoluzzjoni. Waqt is-seduta, ir-rikorrenti ppreċiżat li hija ma kinitx qiegħda titlob il-ħlas lura tal-kontribuzzjonijiet tagħha fi flus kontanti. Hija ħallset sa 85 % tal-kontribuzzjoni tagħha. Hija titlob biss il-ħlas lura tas-somom li hija kienet ħallset kull sena sabiex tiggarantixxi l-impenji ta’ pagament irrevokabbli li hija kienet daħlet għalihom. Din hija r-raġuni għaliex it-talba tagħha ma tmurx kontra l-ġurisprudenza li tirriżulta mis-sentenzi tal-20 ta’ Jannar 2021, ABLV Bank vs SRB (T‑758/18, EU:T:2021:28) u tad‑29 ta’ Settembru 2022, ABLV Bank vs SRB (C‑202/21 P, EU:C:2022:734).

36      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, skont is-sens komuni, “irrevokabbli” tingħad għal aspetti li ma jistgħux jiġu kkontestati. Impenn ta’ pagament irrevokabbli jimplika għaldaqstant obbligu, li ma jistax jiġi kkontestat, li titħallas is-somma li għaliha jkun ġie konkluż dan l-impenn.

37      Barra minn hekk, huwa minnu li, kif tenfasizza r-rikorrenti, l-Artikolu 7(3) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2015/81 ma jispeċifikax b’mod espliċitu li l-istituzzjonijiet għandhom l-ewwel iħallsu l-kontribuzzjoni tagħhom sabiex il-kollateral tagħhom sussegwentement jitħallas lura lilhom. Madankollu, kif tfakkar fil-punti 28 u 29 iktar ’il fuq, l-istituzzjonijiet stabbiliti fi Stat Membru parteċipanti huma obbligati jħallsu, matul il-perijodu inizjali, kontribuzzjoni annwali lis-SRF sabiex dan tal-aħħar jilħaq il-livell immirat fi tmiem l-imsemmi perijodu.

38      Minn dan isegwi li, jekk il-kollateral li jkopri impenn ta’ pagament irrevokabbli jitħallas lura mingħajr ma tiġi rċevuta minn qabel il-kontribuzzjoni li għaliha dan l-impenn ikun ġie konkluż, jiġri li mhux biss l-istituzzjoni ma tissodisfax l-obbligu tagħha li tħallas il-kontribuzzjoni kollha dovuta għall-perijodu li fih hija kienet taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 806/2014, iżda l-kontribuzzjoni ex ante fil-forma ta’ impenn ta’ pagament irrevokabbli ma tilħaqx l-għan li tagħti lis-SRF mezzi finanzjarji li jikkorrispondu għal-livell previst mil-leġiżlatur tal-Unjoni.

39      Hekk kif tippreċiża l-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 31 iktar ’il fuq, il-fatt li entità tieqaf teżerċita l-attivitajiet tagħha ta’ istituzzjoni ta’ kreditu matul il-perijodu ta’ kontribuzzjoni, minħabba l-irtirar tal-awtorizzazzjoni tagħha, ma għandux effett fuq l-obbligu tagħha li tħallas il-kontribuzzjoni ex ante kollha dovuta għall-imsemmi perijodu ta’ kontribuzzjoni.

40      Sabiex tiġi evalwata l-portata tal-obbligu li din il-kontribuzzjoni titħallas kollha, ma hemmx lok li wieħed jillimita ruħu biss, kif issostni r-rikorrenti, għall-parti tal-ħlas imwettaq immedjatament, mingħajr ma tittieħed inkunsiderazzjoni l-parti l-oħra pprovduta permezz ta’ impenn ta’ pagament irrevokabbli.

41      Fil-fatt, l-Artikolu 7(1) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2015/81, jipprovdi b’mod espress li l-użu ta’ impenji ta’ pagament irrevokabbli bl-ebda mod ma għandu jaffettwa l-kapaċità finanzjarja jew il-likwidità tas-SFR. L-annullament ta’ impenn ta’ pagament irrevokabbli, ikkawżat mill-ħruġ tal-istituzzjoni mill-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 806/2014, u l-ħlas lura tal-kollateral korrispondenti, previsti fl-Artikolu 7(3) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2015/81, ma jistgħux għalhekk isiru għad-detriment tas-SRF (konklużjonijiet tal-Avukata Ġenerali Kokott fil-kawża ABLV Bank vs SRB, C‑202/21 P, EU:C:2022:327, punt 87). Kieku dan ma kienx il-każ, l-Artikolu 7(3) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2015/81 imur kontra l-għan imfittex mill-ġbir annwali tal-kontribuzzjonijiet ex ante kif jirriżulta mill-Artikoli 69 u 70 tar-Regolament Nru 806/2014.

42      Għaldaqstant, għall-kuntrarju ta’ dak li ssostni r-Repubblika Franċiża, l-Artikolu 7(1) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2015/81 japplika għall-ipproċessar tal-impenji ta’ pagament irrevokabbli ta’ istituzzjoni li ma taqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 806/2014 u, għaldaqstant, l-Artikolu 7(3) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2015/81 għandu jiġi interpretat fid-dawl ta’ din id-dispożizzjoni.

43      Tali interpretazzjoni hija konformi mal-għan imfittex mill-Artikolu 7(3) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2015/81. Kif tfakkar fil-punt 33 iktar ’il fuq, u hekk kif jirriżulta mill-Klawżola 11.2 tal-IPI 2016‑2021, l-impenji ta’ pagament irrevokabbli huma konklużi għal żmien indeterminat. Madankollu, ma huwiex mixtieq li dawn il-kuntratti jkomplu jeżistu meta, bħall-eżempju tar-rikorrenti, entità twaqqaf l-attivitajiet tagħha ta’ istituzzjoni ta’ kreditu u toħroġ għaldaqstant miċ-ċirku ta’ entitajiet, li jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 806/2014, li huma responsabbli għall-ħlas tal-kontribuzzjoni. Għaldaqstant, hekk kif isostni ġustament is-SRB, l-annullament tal-impenn ta’ pagament irrevokabbli previst fl-Artikolu 7(3) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2015/81 għandu l-għan li jtemm dan l-impenn, b’tali mod li dan ma jibqax jeżisti wara l-ħruġ tal-istituzzjoni kontributriċi mill-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 806/2014.

44      L-Artikolu 7(3) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2015/81 għalhekk ma għandux l-għan li jippermetti lill-istituzzjonijiet li joħorġu mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-regolament jevitaw l-obbligu tagħhom li jħallsu l-kontribuzzjoni kollha dovuta kif jallegaw ir-rikorrenti u l-intervenjenti, iżda huwa intiż li jiżgura li l-mezzi finanzjarji tas-SRF ikunu għad-dispożizzjoni tas-SRB kemm jista’ jkun malajr fil-każ ta’ riżoluzzjoni, jiġifieri li tiġi ssalvagwardjata l-kapaċità finanzjarja u l-likwidità tas-SRF.

45      Barra minn hekk, il-fatt li l-ħruġ ta’ istituzzjoni jnaqqas l-ammont totali tad-depożiti koperti, u għaldaqstant il-livell immirat, jekk jitqies li huwa stabbilit, lanqas ma jeħles lill-imsemmija istituzzjoni milli tħallas il-kontribuzzjoni ex ante kollha dovuta għall-perijodu ta’ kontribuzzjoni.

46      F’dan ir-rigward, huwa stabbilit li, kull l-1 ta’ Jannar tas‑snin 2016 sa 2021, ir-rikorrenti kienet taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 806/2014 u kienet għalhekk responsabbli għall-ħlas tal-kontribuzzjoni għas-SRF.

47      Għal kull waħda minn dawn is-snin, konformement mal-Artikolu 70(2) tar-Regolament Nru 806/2014, is-SRB ikkalkola l-kontribuzzjoni individwali tar-rikorrenti skont, b’mod partikolari, il-projezzjoni magħmula minnu, għas-sena inkwistjoni, tal-livell immirat li kellu jintlaħaq fi tmiem il-perijodu inizjali. Għaldaqstant, il-fatt li l-livell immirat jista’, wara l-ħruġ tar-rikorrenti mill-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 806/2014, jevolvi ma jista’ jkollu ebda effett fuq il-kalkolu, u għalhekk fuq l-ammont, tal-kontribuzzjonijiet dovuti għall-perijodu preċedenti għall-ħruġ tagħha mis-sistema. Konsegwentement, kuntrarjament għal dak li jissuġġerixxu r-Repubblika Franċiża u l-FBF, il-fatt li l-ħruġ tar-rikorrenti mill-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 806/2014 jista’ jinfluwenza l-livell immirat, jekk jiġi stabbilit, ma jistax jiġġustifika li jinbidel l-ammont tal-kontribuzzjonijiet li hija kellha tħallas għas-snin 2016 sa 2021. Dan lanqas ma jista’ jiġġustifika l-ħlas lura tal-kollatera li jkopri l-IPI 2016–2021 mingħajr il-ħlas minn qabel tal-kontribuzzjonijiet li għalihom ġew konklużi dawn l-impenji.

48      Barra minn hekk, diġà ġie deċiż li l-ħruġ ta’ istituzzjoni mill-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 806/2014 ma jagħtihiex dritt għal kalkolu ġdid tal-kontribuzzjoni ex ante sa fejn, kieku s-SRB kellu jieħu inkunsiderazzjoni l-iżvilupp tas-sitwazzjoni legali u finanzjarja tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu matul il-perijodu ta’ kontribuzzjoni kkonċernat, huwa jkun jista’ diffiċilment jikkalkola b’mod affidabbli u stabbli l-kontribuzzjonijiet dovuti minn kull wieħed minnhom u jsegwi l-għan li jikkonsisti f’li jintlaħaq, fi tmiem il-perijodu inizjali, mill-inqas 1 % tal-ammont tad-depożiti koperti tal-istituzzjonijiet kollha awtorizzati fit-territorju ta’ Stat Membru (sentenza tal-20 ta’ Jannar 2021, ABLV Bank vs SRB, T‑758/18, EU:T:2021:28, punti 75 u 76).

49      Għall-istess raġuni, ir-rikorrenti u l-intervenjenti ma jistgħux isostnu li huwa s-SRB li għandu jħallas lura lir-rikorrenti l-kollateral li jkopri l-IPI 2016–2021 mingħajr ma jirċievi minn qabel il-kontribuzzjonijiet li għalihom dawn l-impenji ġew konklużi u li jaġġusta l-kontribuzzjonijiet individwali futuri tal-istituzzjonijiet l-oħra sabiex jiżgura li jintlaħaq il-livell immirat.

50      Minn dan kollu li ntqal jirriżulta li l-annullament tal-impenn ta’ pagament irrevokabbli u l-ħlas lura tal-kollateral previsti mill-Artikolu 7(3) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2015/81 ma jistgħux jimplikaw li l-parti ta’ kontribuzzjoni ex ante li għaliha ġie konkluż impenn ta’ pagament irrevokabbli ma għandhiex tiġi pprovduta peress li l-istituzzjoni kontributriċi ma taqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 806/2014 (konklużjonijiet tal-Avukata Ġenerali Kokott fil-kawża ABLV Bank vs SRB, C‑202/21 P, EU:C:2022:327, punt 87). Din l-istituzzjoni tibqa’ obbligata tħallas il-kontribuzzjoni individwali kollha kkalkolata regolarment mis-SRB għall-perijodu inkwistjoni u ma hijiex awtorizzata tħallas biss frazzjoni.

51      Konsegwentement, il-pożizzjoni espressa mis-SRB fl-ittra tat-13 ta’ Awwissu 2021, li tgħid li huwa ma jistax iħallas lura l-kollateral fi flus kontanti li jkopri l-IPI 2016–2021 ħlief wara l-ħlas ta’ somma fl-ammont li jikkorrispondi għal dak tal-kontribuzzjoni li għaliha ntużaw dawn l-istrumenti, la tmur għaldaqstant kontra l-Artikolu 7(3) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2015/81 u lanqas il-Klawżola 12.5 tal-IPI 2016‑2021 li tirreferi għal din id-dispożizzjoni.

52      Id-diversi argumenti tar-rikorrenti u tal-intervenjenti favur interpretazzjoni oħra lanqas ma huma iktar konvinċenti.

53      L-ewwel, fir-rigward tal-argumenti li jgħidu li s-SRB interpreta b’mod żbaljat l-Artikolu 70(4) tar-Regolament Nru 806/2014 sa fejn dan allegatament fixkel il-kontribuzzjonijiet fi flus kontanti mal-kollateral fi flus kontanti li jkopri l-IPI 2016–2021, għandu jiġi rrilevat li, għalkemm huwa minnu li s-SRB semma l-Artikolu 70(4) tar-Regolament Nru 806/2014 fl-ittra tat-13 ta’ Awwissu 2021, minn din l-ittra ma jirriżultax li dan tal-aħħar applika din id-dispożizzjoni għall-kollateral fi flus kontanti li jkopri l-IPI 2016–2021. F’din l-ittra, is-SRB sempliċement talab lir-rikorrenti tħallas somma fi flus kontanti fl-ammont ekwivalenti għal dak tal-IPI 2016–2021, konformement mal-obbligu tagħha li tħallas il-kontribuzzjonijiet kollha dovuti għall-perijodu li fih hija kienet taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 806/2014. (ara l-punti 28 sa 31 iktar ’il fuq). Għaldaqstant, is-SRB ma wettaqx l-iżball ta’ interpretazzjoni li huwa akkużat bih.

54      It-tieni, fir-rigward tal-argumenti dwar in-nuqqas ta’ applikabbiltà tal-Artikolu 7(2) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2015/81 għas-sitwazzjoni tar-rikorrenti, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat, fid-dawl tal-ittra tat-13 ta’ Awwissu 2021, li s-SRB ma applikax din id-dispożizzjoni. Għaldaqstant, l-imsemmija argumenti huma rrilevanti.

55      It-tielet, fir-rigward tal-argumenti bbażati fuq il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, u li jipprovdu li hemm differenza fis-sitwazzjoni legali bejn l-istituzzjonijiet li għażlu li jħallsu immedjatament il-kontribuzzjonijiet tagħhom fi flus kontanti u dawk li ppreferew jikkonkludu impenji ta’ pagament irrevokabbli, għandu jiġi ppreċiżat li l-fatt li l-Qorti Ġenerali rrilevat fis-sentenza tal-20 ta’ Jannar 2021, ABLV Bank vs SRB (T‑758/18, EU:T:2021:28, punt 111), li l-leġiżlatur tal-Unjoni kien qies neċessarju li jissuġġetta l-impenji ta’ pagament irrevokabbli għal “skema speċifika” ma jippermettix, waħdu, li ssir distinzjoni bejn l-istituzzjonijiet li għażlu li jħallsu immedjatament il-kontribuzzjonijiet tagħhom minn dawk li kkonkludew impenji ta’ pagament irrevokabbli. Fil-każ ineżami, kull l-1 ta’ Jannar tas-snin 2016 sa 2021. ir-rikorrenti kienet taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 806/2014 u kellha għalhekk l-obbligu li tħallas il-kontribuzzjoni għas-SRF. Il-fatt li r-rikorrenti ma ħallsitx immedjatament il-kontribuzzjoni kollha tagħha għas-snin inkwistjoni bl-ebda mod ma biddel is-sitwazzjoni tagħha fir-rigward tal-obbligi ta’ ħlas tagħha li jirriżultaw mir-Regolament Nru 806/2014. Għaldaqstant, bil-kontra ta’ dak li ssostni, ir-rikorrenti kienet tinsab f’sitwazzjoni paragunabbli għal dik tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu kollha li kienu jaqgħu, fl-1 ta’ Jannar ta’ kull waħda minn dawk is-snin, taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 806/2014. L-argument tagħha li jsostni l-kuntrarju ma jistax jintlaqa’. Għaldaqstant, bħal dawn l-istituzzjonijiet ta’ kreditu, hija obbligata tħallas il-kontribuzzjonijiet individwali kollha dovuti għall-perijodu ta’ kontribuzzjoni 2016–2021.

56      Barra minn hekk, fir-rigward tal-allegata differenza fis-sitwazzjoni legali bejn l-istituzzjonijiet li jibqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 806/2014 u dawk li joħorġu minnu, għandu jiġi enfasizzat li l-ħlas ta’ kontribuzzjoni minn istituzzjoni ta’ kreditu ma jagħtiha ebda dritt li tibbenefika mis-SRF. Fil-fatt, konformement mal-Artikolu 18(1) tar-Regolament Nru 806/2014, riżoluzzjoni titwettaq biss fl-interess pubbliku. Għalhekk, is-SRF iservi biex tiġi żgurata l-istabbiltà finanzjarja tal-Unjoni Bankarja bħala tali. Dan ma huwiex maħsub biex ikun fond ta’ salvataġġ ta’ banek individwali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-20 ta’ Jannar 2021, ABLV Bank vs SRB, T‑758/18, EU:T:2021:28, punti 70 sa 72; ara wkoll il-konklużjonijiet tal-Avukata Ġenerali Kokott fil-kawża ABLV Bank vs SRB, C‑202/21 P, EU:C:2022:327, punt 64).

57      Għaldaqstant, ma hemm ebda rabta awtomatika bejn, minn naħa, il-ħlas tal-kontribuzzjoni ex ante u, min-naħa l-oħra, il-possibbiltà li wieħed jibbenefika mis‑SRF.

58      F’dawn iċ-ċirkustanzi, bil-kontra ta’ dak li ssostni r-rikorrenti, il-fatt li, minħabba l-ħruġ tagħha mill-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 806/2014, hija ma tistax tibbenefika iktar mis-SRF ma huwiex ta’ natura li jistabbilixxi li hija f’sitwazzjoni tali li għandha tinħeles mill-obbligu li tħallas somma li tikkorrispondi għall-ammont kollu tal-kontribuzzjonijiet dovuti għall-perijodu ta’ kontribuzzjoni 2016–2021, perijodu li matulu hija kienet għadha taqa’ taħt l-imsemmi regolament. Għaldaqstant, l-argument tagħha f’dan ir-rigward għandu jiġi miċħud.

59      Barra minn hekk, kif irrilevat l-Avukata Ġenerali Kokott fil-konklużjonijiet tagħha fil-kawża ABLV Bank vs SRB (C‑202/21 P, EU:C:2022:32734, punti 65 u 66), minkejja li, waqt il-kalkolu tal-kontribuzzjoni individwali ta’ kull istituzzjoni, jidħol inkwistjoni l-profil ta’ riskju tagħha, mill-Artikolu 70(2) tar-Regolament Nru 806/2014 jirriżulta li l-ammont tal-kontribuzzjoni jiddependi qabel kollox mill-ammont tal-livell immirat, peress li jikkorrispondi essenzjalment għal frazzjoni tal-ammont tal-livell immirat.

60      Dan ifisser, kif tippreċiża l-premessa 11 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2015/81, li l-kontribuzzjoni individwali ta’ istituzzjoni ta’ kreditu tiddependi dejjem b’mod determinanti mill-kontribuzzjonijiet individwali tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu l-oħra responsabbli għall-ħlas tal-kontribuzzjoni matul il-perijodu kkonċernat. L-aġġustament tal-kontribuzzjoni ta’ istituzzjoni ta’ kreditu għalhekk dejjem ikun jeħtieġ korrezzjoni tal-kontribuzzjonijiet tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu l-oħra. Minn dan isegwi li, kif diġà ġie espost fil-punt 48 iktar ’il fuq, kieku l-kontribuzzjonijiet jiġu aġġustati kontinwament matul perijodu ta’ kontribuzzjoni, ikun impossibbli li jiġu ddeterminati l-kontribuzzjonijiet individwali tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu l-oħra kollha b’ċertezza legali. Din hija r-raġuni għaliex bidla fl-istatus matul il-perijodu ta’ kontribuzzjoni ma għandhiex effett fuq il-kontribuzzjoni li għandha titħallas (konklużjonijiet tal-Avukata Ġenerali Kokott fil-kawża ABLV Bank vs SRB, C‑202/21 P, EU:C:2022:327, punt 67).

61      Il-kontribuzzjoni ex ante annwali għas-SRF għaldaqstant ma tikkwantifikax ir-riskju li istituzzjoni kontributriċi tirrappreżenta matul il-perijodu kollu ta’ kontribuzzjoni għall-istabbilita finanzjarja jew l-użu tas-SRF (konklużjonijiet tal-Avukata Ġenerali Kokott fil-kawża ABLV Bank vs SRB, C‑202/21 P, EU:C:2022:327, punt 68). Fi kliem ieħor, il-kontribuzzjoni ex ante ma tikkwantifikax il-possibbiltà ta’ intervent mill-SRF għall-benefiċċju tal-istituzzjoni kontribwenti.

62      Għaldaqstant, l-impossibbiltà, għar-rikorrenti, li tibbenefika mis-SRF, wara l-ħruġ tagħha mill-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 806/2014, ma jista’, fi kwalunkwe każ, ikollha ebda effett fuq l-obbligu tagħha li tħallas il-kontribuzzjoni individwali kollha dovuta għall-perijodu ta’ kontribuzzjoni 2016–2021.

63      Ir-raba’, fir-rigward tal-argumenti dwar in-nuqqas ta’ applikabbiltà tal-Linji Gwida tal-Awtorità Bankarja Ewropea (EBA), invokati mis-SRB fis-sottomissjonijiet bil-miktub tiegħu quddiem il-Qorti Ġenerali, għas-sitwazzjoni tar-rikorrenti, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat, fid-dawl tal-ittra tat-13 ta’ Awwissu 2021, li s-SRB ma applikax dawn il-linji gwida għas-sitwazzjoni tar-rikorrenti. Għaldaqstant, l-imsemmija argumenti huma ineffettivi.

64      Fid-dawl ta’ dak li ntqal, il-kap tat-talbiet ibbażat fuq l-Artikolu 272 TFUE u l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 340 TFUE għandu jiġi miċħud.

 Fuq ilkapijiet tattalbiet ibbażati fuq it-tieni paragrafu tal-Artikolu 340 TFUE

65      Insostenn tal-kapijiet tat-talbiet ibbażati fuq it-tieni paragrafu tal-Artikolu 340 TFUE li jirrigwardaw l-IPI 2015 u l-IPI 2016–2021rispettivament, ir-rikorrenti tinvoka l-arrikkiment indebitu tas-SRB.

66      B’mod partikolari, ir-rikorrenti ssostni li ż-żamma mis-SRB tas-somom li jikkorrispondu għall-kollateral fi flus kontanti marbut mal-IPI 2015 u mal-IPI 2016–2021 ma hija bbażata fuq ebda bażi legali, kemm jekk kuntrattwali kif ukoll jekk regolatorja. Għall-kuntrarju, ir-rifjut li dan il-kollateral ikkontestat mis-SRB jitħallsu lura allegatament imur kontra l-Artikolu 7(3) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2015/81. Minn dan jirriżulta arrikkament indebitu tas-SRB mingħajr bażi legali u tifqir korrelattiv tar-rikorrenti marbut ma’ dan l-arrikkiment.

67      Is-SRB iqis li l-Qorti Ġenerali ma għandhiex ġurisdizzjoni sabiex tieħu konjizzjoni tat-talbiet mhux kuntrattwali ta’ arrikkiment indebitu li jirrigwardaw l-IPI 2015 u l-IPI 2016–2021. Skont is-SRB, għal dak li jikkonċerna l-IPI 2015, is-sempliċi invokazzjoni tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 340 TFUE ma jistax ikollha l-effett li tbiddel in-natura kuntrattwali tat-tilwima u għaldaqstant li toħroġha barra mill-ġurisdizzjoni tal-qorti nazzjonali li għandha ġurisdizzjoni f’dan il-każ. Għal dak li jikkonċerna l-IPI 2016–2021, is-SRB isostni li mill-imsemmija impenji jirriżulta li d-dritt Lussemburgiż għandu jirregola kull talba ta’ delitt u minn dan jiddeduċi li ma huwiex possibbli li tiġi invokata responsabbiltà mhux kuntrattwali bbażata fuq id-dritt tal-Unjoni. Fi kwalunkwe każ, dawn it-talbiet ma humiex fondati.

68      F’dan ir-rigward, hemm lok li jitfakkar li l-Qorti Ġenerali għandha ġurisdizzjoni, bis-saħħa tal-Artikolu 268 TFUE, sabiex tieħu konjizzjoni tat-tilwimiet relatati mal-kumpens għad-danni msemmija fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 340 TFUE, li skontu, “[f]il-każ ta’ responsabbiltà mhux kontrattwali, l-Unjoni għandha, skond il-prinċipji ġenerali komuni għal sistemi legali ta’ l-Istati Membri, tagħmel tajjeb għal kull dannu kkaġunat mill-istituzzjonijiet tagħha jew mill-impjegati tagħha fit-twettiq ta’ dmirijiethom”.

69      L-istess japplika għat-talbiet intiżi sabiex tiġi stabbilita r-responsabbiltà tal-Unjoni għal arrikkiment indebitu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-1 ta’ Diċembru 2021, KY vs Il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, T‑433/20, mhux ippubblikata, EU:T:2021:840, punt 35).

70      L-ebda kuntratt ma jista’ jibdel dan.

71      Għaldaqstant, l-eċċezzjonijiet ta’ nuqqas ta’ ġurisdizzjoni invokati mis-SRB għandhom jiġu miċħuda.

72      Sabiex tintlaqa’, azzjoni bbażata fuq l-arrikkiment indebitu teħtieġ il-prova ta’ arrikkiment mingħajr bażi legali valida u ta’ tifqir tar-rikorrent marbut mal-imsemmi arrikkiment (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑28 ta’ Lulju 2011, Agrana Zucker, C‑309/10, EU:C:2011:531, punt 53).

73      L-ewwel kundizzjoni ma tkunx issodisfatta, b’mod partikolari, meta l-arrikkiment ikun ibbażat fuq obbligi kuntrattwali. (ara s-sentenza tas-6 ta’ Ottubru 2015, Technion u Technion Research & Development Foundation vs Il-Kummissjoni, T‑216/12, EU:T:2015:746, punt 104 u l-ġurisprudenza ċċitata).

74      Fil-każ ineżami, għal dak li jikkonċerna l-IPI 2015, huwa stabbilit li dan l-impenn jiddefinixxi r-relazzjoni kuntrattwali bejn ir-rikorrenti, minn naħa, u s-SRB, l-ACPR kif ukoll il-FADR, min-naħa l-oħra. Skont ir-rikorrenti, l-arrikkiment tas-SRB jikkorrispondi għas-somma li nżammet u li tikkorrispondi għall-kollateral fi flus kontanti marbut mal-IPI 2015. Madankollu, hija ma tippreżenta ebda element li jistabbilixxi l-assenza ta’ bażi kuntrattwali għall-allegat arrikkiment tas-SRB. Barra minn hekk, waqt is-seduta hija indikat li ma adixxietx lill-qrati tal-post tal-cour d’appel de Paris (il-Qorti tal-Appell ta’ Pariġi, Franza), li għandhom ġurisdizzjoni sabiex jiddeċiedu eventwali tilwimiet kuntrattwali skont il-klawżola ta’ arbitraġġ li tinsab fl-IPI 2015, u li ma talbithomx jikkonstataw l-assenza ta’ kull bażi kuntrattwali għall-imsemmi arrikkiment. F’dawn iċ-ċirkustanzi, peress li ma ġietx prodotta l-prova ta’ arrikkiment mingħajr bażi legali valida, l-argument tar-rikorrenti dwar dan l-allegat arrikkiment għandu jiġi miċħud.

75      F’dak li jirrigwarda l-IPI 2016–2021, għandu jiġi nnotat li l-allegat arrikkiment tas-SRB, jiġifieri ż-żamma tas-somom li jikkorrispondu għall-kollateral fi flus kontanti marbut mal-imsemmija impenji, huwa bbażat fuq dawn l-impenji, li jorbtuh mar-rikorrenti.

76      Fil-fatt, kif jirriżulta mill-konstatazzjonijiet esposti fil-punti 24 sa 51 iktar’ il fuq, la l-applikazzjoni tal-Artikolu 7(3) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2015/81 u lanqas dik tal-Klawżola 12.5 tal-IPI 2016–2021 ma setgħu jwasslu għall-ħlas lura tas-somom li jikkorrispondu għall-kollateral fi flus kontanti marbut mal-IPI 2016–2021 mingħajr il-ħlas minn qabel tal-kontribuzzjoni obbligatorja li r-rikorrenti kienet responsabbli għall-ħlas tagħha, konformement mal-Artikolu 70(1) tar-Regolament Nru 806/2014.

77      Għaldaqstant, għandu jitqies li d-deċiżjoni tas-SRB li jżomm is-somom li jikkorrispondu għall-kollateral fi flus kontanti marbut mal-IPI 2016–2021 sal-ħlas tal-kontribuzzjonijiet li għalihom intużaw dawn l-istrumenti hija bbażata fuq bażi legali valida u ma tistax, għaldaqstant, tikkostitwixxi arrikkiment indebitu.

78      Konsegwentement, il-kapijiet tat-talbiet ibbażati fuq it-tieni paragrafu tal-Artikolu 340 TFUE għandhom jiġu miċħuda.

79      Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal, ir-rikors għandu jiġi miċħud kollu kemm hu.

 Fuq l-ispejjeż

80      Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li r-rikorrenti tilfet, hemm lok li tiġi kkundannata tbati, minbarra l-ispejjeż tagħha, dawk imġarrba mis-SRB, kif mitlub minn dan tal-aħħar.

81      Ir-Repubblika Franċiża għandha tbati l-ispejjeż tagħha, skont l-Artikolu 138(1) tar-Regoli tal-Proċedura.

82      Barra minn hekk, skont l-Artikolu 138(3) tar-Regoli tal-Proċedura, il-Qorti Ġenerali tista’ tordna li intervenjent, minbarra dawk imsemmija fil-paragrafi 1 u 2 ta’ dan l-artikolu, għandu jbati l-ispejjeż tiegħu. Fil-każ ineżami, hemm lok li jiġi deċiż li s-SRF jiġi kkundannat ibati l-ispejjeż rispettivi tiegħu.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (Is-Seba’ Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      BNP Paribas Public Sector SA hija kkundannata tbati, minbarra l-ispejjeż tagħha stess, dawk imġarrba mis-SRB.

3)      Ir-Repubblika Franċiżs u l-Fédération bancaire française (FBF) għandhom ibati l-ispejjeż tagħhom stess.

Kowalik-Bańczyk

Hesse

Ricziová

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fil-25 ta’ Ottubru 2023.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.