Language of document : ECLI:EU:T:2024:359

Kawża T123/23

VA

vs

IlKummissjoni Ewropea

 Sentenza tal-Qorti Ġenerali (Il-Ħames Awla Estiża) tal5 ta’ Ġunju 2024

“Servizz pubbliku – Uffiċjali – Remunerazzjoni – Allowances tal-familja – Allowance għall-wild dipendenti – Allowance tal-edukazzjoni – Deċiżjonijiet li jtemmu ċerti allowances – Kundizzjonijiet għall-għoti – Kunċett ta’ ‘tmiem l-istudji’ – Ugwaljanza fit-trattament – Prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba – Irkupru tal-ammonti mħallsa indebitament – L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 85 tar-Regolamenti tal-Persunal – Responsabbiltà”

1.      Uffiċjali – Remunerazzjoni – Allowances tal-familja – Allowance tal-edukazzjoni – Kundizzjonijiet għall-għoti – Natura kumulattiva

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 65 u Artikoli 2 u 3 tal-Anness VII)

(ara l-punti 32 sa 34)

2.      Uffiċjali – Remunerazzjoni – Allowances tal-familja – Allowance għall-wild dipendenti – Riżultati finali magħmula disponibbli mill-istabbiliment edukattiv – Kundizzjonijiet għall-għoti – Tkomplija ta’ taħriġ edukattiv – Kunċett – Data ta’ tmiem l-istudji – Riżultati finali magħmula disponibbli mill-istituzzjoni edukattiv

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 67 u Artikolu 2(3)(b) tal-Anness VII)

(ara l-punti 36, 38 sa 42)

3.      Uffiċjali – Remunerazzjoni – Allowances tal-familja – Allowance tal-edukazzjoni – Kundizzjonijiet għall-għoti – Attendenza regolari u full-time – Data ta’ tmiem l-istudji – Riżultati finali magħmula disponibbli mill-istituzzjoni edukattiva

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 67 u Artikolu 3(1) tal-Anness VII)

(ara l-punti 53 sa 55)

4.      Uffiċjali – Atti tal-amministrazzjoni – Irtirar – Atti illegali – Tkomplija tal-proċedura ta’ deċiżjoni mill-istadju affettwat mill-att illegali – Ammissibbiltà


 

(ara l-punti 71, 94)

Sunt

Adita b’rikors ippreżentat minn uffiċjal tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, il-Qorti Ġenerali annullat parzjalment id-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni, sa fejn dawn neħħew id-dritt ta’ dan l-uffiċjal li jirċievi l-allowance għall-wild dipendenti, l-allowance tal-edukazzjoni kif ukoll it-tnaqqis tat-taxxa marbut mal-allowance għall-wild dipendenti, matul il-perijodu li jgħaddi bejn l-aħħar eżami universitarju tal-wild tiegħu u t-tqegħid għad-dispożizzjoni tar-riżultati finali mill-istituzzjoni edukattiva. F’dan il-kuntest, il-Qorti Ġenerali tat deċiżjoni dwar il-kwistjoni ġdida dwar minn liema data uffiċjal ma jibqax eliġibbli għall-imsemmija drittijiet pekunjarji, peress li l-wild tiegħu ma jkunx qiegħed jirċievi iktar taħriġ edukattiv jew professjonali, fis-sens tal-Artikolu 2(3) tal-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem ir-“Regolamenti tal-Persunal”), u ma jkunx qiegħed jibqa’ jattendi regolarment u full-time istituzzjoni ta’ tagħlim, fis-sens tal-Artikolu 3(1) ta’ dan l-anness.

F’dan il-każ, bint ir-rikorrent segwiet studji universitarji f’università Belġjana. B’mod partikolari, hija għamlet l-aħħar eżami taċ-ċiklu ta’ studju tagħha fit‑18 ta’ Ġunju 2021, saret taf li hija kienet għaddiet mill-eżamijiet tagħha fit‑2 ta’ Lulju 2021 u rċeviet ċertifikat ta’ suċċess fis‑27 ta’ Awwissu 2021. Is-sena universitarja ntemmet fit‑13 ta’ Settembru 2021.

Sa Settembru 2021, ir-rikorrent irċieva, għal bintu, l-allowance għall-wild dipendenti kif ukoll l-allowance tal-edukazzjoni, previsti fl-Artikoli 2 u 3 tal-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal, u bbenefika mit-tnaqqis tat-taxxa marbut mal-allowance għall-wild dipendenti. Madankollu, peress li bintu kienet għaddiet mill-eżamijiet tagħha f’Ġunju 2021 matul l-ewwel sessjoni ta’ eżamijiet, il-Kummissjoni ddeċidiet li r-rikorrent ma kellux iktar id-dritt li jirċievi d-drittijiet pekunjarji inkwistjoni minn Lulju 2021 u għalhekk irkuprat dawn id-drittijiet pekunjarji għax-xhur ta’ Lulju, Awwissu u Settembru 2021.

Ilkunsiderazzjonijiet talQorti Ġenerali

L-ewwel nett, il-Qorti Ġenerali fakkret li, skont l-Artikoli 2 u 3 tal-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal, l-allowance tal-edukazzjoni tista’ tingħata biss jekk il-kundizzjonijiet li jippermettu l-kisba tal-allowance għall-ulied dipendenti jkunu ssodisfatti minn qabel. Minn dan jirriżulta li l-evalwazzjoni tal-kundizzjoni tal-attendenza regolari u full-time ta’ istituzzjoni ta’ tagħlim għandha titwettaq sussegwentement, wara li jiġi stabbilit li l-wild li għalih tintalab l-allowance tal-edukazzjoni ikun ir-responsabbiltà tal-uffiċjal.

Fil-każ fejn wild isegwi studji universitarji, id-dritt għall-allowance għall-wild dipendenti huwa suġġett għas-sodisfazzjon ta’ tliet kundizzjonijiet, jiġifieri l-manteniment effettiv mill-uffiċjal tal-wild tiegħu, il-fatt li dan tal-aħħar ikollu bejn 18 u 26 sena, u l-fatt li l-wild jirċievi taħriġ edukattiv jew professjonali.

F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali ppreċiżat li “taħriġ” huwa kompost minn diversi stadji, bħall-parteċipazzjoni fil-korsijiet previsti mill-programm ta’ studji u fl-eżamijiet li jirrigwardaw dawn il-korsijiet, l-evalwazzjoni ta’ dawn tal-aħħar u, fi tmiem l-aħħar minn dawn l-eżamijiet, it-tqegħid għad-dispożizzjoni, mill-istituzzjoni ta’ tagħlim li tipprovdi t-taħriġ inkwistjoni, tar-riżultati finali li jiċċertifikaw is-suċċess tagħha. Dawn l-istadji huma inseparabbli minn xulxin, peress li l-parteċipazzjoni fl-eżamijiet tippermetti li tiġi evalwata l-kisba mill-istudent tal-kompetenzi u tal-għarfien mogħti fil-kuntest tal-korsijiet mogħtija.

Issa, peress li l-istudent jista’ jsir jaf bis-suċċess tat-taħriġ tiegħu biss wara li jkun temm l-eżamijiet kollha u ladarba r-riżultati ta’ dawn l-eżamijiet ikunu disponibbli mill-istituzzjoni tat-tagħlim, huwa mill-mument li r-riżultati finali jkunu disponibbli li l-istudent għandu jitqies li ma jirċevix iktar taħriġ fis-sens tal-Artikolu 2(3)(b) tal-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal.

B’hekk, il-wild ta’ bejn 18 u 26 sena li jirċievi taħriġ edukattiv jew professjonali jibqa’ taħt ir-responsabbiltà tal-uffiċjal mhux sal-mument li fih dan il-wild jagħmel l-aħħar eżami tiegħu, iżda sal-mument li fih ir-riżultati finali jkunu disponibbli mill-istituzzjoni ta’ tagħlim.

F’dan il-kuntest, huwa għalhekk l-uffiċjal li għandu jinforma lill-amministrazzjoni bi tmiem l-istudji tal-wild tiegħu billi jikkomunikalu mingħajr dewmien id-data li fiha r-riżultati finali jkunu saru disponibbli mill-istituzzjoni edukattiva sabiex hija tkun tista’ immedjatament twaqqaf il-ħlas ta’ din l-allowance.

Fir-rigward tal-kundizzjoni tal-attendenza prevista fl-Artikolu 3(1) tal-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal għall-għoti tal-allowance tal-edukazzjoni, il-Qorti Ġenerali ttrasponiet għall-analiżi ta’ din il-kundizzjoni l-kunsiderazzjonijiet tagħha dwar l-allowance għall-ulied dipendenti.

Minn dan jirriżulta li huwa mill-mument li fih ir-riżultati finali jkunu disponibbli mill-istituzzjoni ta’ tagħlim li l-wild tal-uffiċjal għandu jitqies li ma jkunx qiegħed jattendi iktar regolarment u full-time istituzzjoni ta’ tagħlim fis-sens tal-Artikolu 3(1) tal-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal.