Language of document : ECLI:EU:C:2015:334

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)

21 ta’ Mejju 2015 (*)

“Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili — Ġurisdizzjoni u eżekuzzjoni tas-sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali — Regolament (KE) Nru 44/2001 — Artikolu 23 — Ftehim li jattribwixxi ġurisdizzjoni — Rekwiżiti proċedurali — Trażmissjoni permezz ta’ mezzi elettroniċi li tippermetti r-reġistrazzjoni dewwemija tal-ftehim — Kunċett — Kundizzjonijiet ġenerali ta’ bejgħ li jistgħu jiġu kkonsultati u pprintjati permezz ta’ link li jippermetti li jidhru f’tieqa ġdida — Teknika tal-aċċettazzjoni permezz ta’ ‘klikk’”

Fil-Kawża C‑322/14,

li għandha bħal suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mil-Landgericht Krefeld (il‑Ġermanja), permezz ta’ deċiżjoni tal-5 ta’ Ġunju 2014, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl-4 ta’ Lulju 2014, fil-proċedura

Jaouad El Majdoub

vs

CarsOnTheWeb.Deutschland GmbH,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),

komposta minn M. Ilešič, President tal-Awla, A. Ó Caoimh, C. Toader (Relatur), E. Jarašiūnas u C. G. Fernlund, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Szpunar,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għall-Gvern Ġermaniż, minn T. Henze u J. Kemper, bħala aġenti,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn A.-M. Rouchaud-Joët u W. Bogensberger, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Svizzeru, minn M. Jametti, bħala aġent,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 23(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 44/2001, tat-22 ta’ Diċembru 2000, dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 4, p. 42, iktar ’il quddiem ir-“Regolament Brussell I”).

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn J. El Majdoub, konċessjonarju tal-karozzi u CarsOnTheWeb.Deutschland GmbH rigward il-bejgħ fis-sit tal-internet ta’ din tal-aħħar ta’ karozza lir-rikorrent fil-kawża prinċipali.

 Il-kuntest ġuridiku

3        L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 17 tal-Konvenzjoni dwar il-ġurisdizzjoni u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali, iffirmata fi Brussell fis-27 ta’ Settembru 1968 (ĠU 1972, L 299, p. 32), kif emendata bil-konvenzjonijiet suċċessivi relatati mal-adeżjoni tal-Istati Membri ġodda għal din il-konvenzjoni (iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni ta’ Brussell”), huwa fformulat kif ġej:

“Jekk il-partijiet, wieħed jew iktar minnhom ikollu d-domiċilju fi Stat kontraenti, ikunu qablu li qorti jew qrati ta’ Stat kontraenti għandu jkollha ġurisdizzjoni sabiex issolvi xi kwistjonijiet li jkunu qamu jew li jistgħu jqumu inkonnessjoni ma’ relazzjoni legali partikolari, dik il-qorti jew dawk il-qrati biss għandhom ikollhom ġurisdizzjoni. Ftehim bħal dak li jagħti ġurisdizzjoni għandu jkun jew:

a)      bil-kitba jew ikkonfermat bil-kitba;

jew

b)      f’għamla li taqbel mal-prattiċi li l-partijiet ikunu stabbilixxew bejniethom;

jew

ċ)      f’negozju jew kummerċ internazzjonali, f’għamla li taqbel mal-użanza li biha l-partijiet huma jew li għandhom ikunu konxji u li dwarhom dak in-negozju jew kummerċ ikun magħruf sewwa, u regolarment osservat minn, partijiet għal kuntratti tat-tip involut f’dak in-negozju jew kummerċ partikolari ikkonċernat.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

4        Skont il-premessa 2 tar-Regolament ta’ Brussell I, dan għandu bħala għan li jiġu unifikati r-regoli ta’ kunflitt ta’ ġurisdizzjoni f’materji ċivili u kummerċjali u sabiex iħaffu l-formalitajiet bl-iskop ta’ għarfien malajr u sempliċi u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi minn Stati Membri marbuta minn dan ir-regolament.

5        Il-premessi 11 u 12 ta’ dan ir-regolament, li jesponu r-relazzjoni bejn ir-regoli differenti ta’ ġurisdizzjoni kif ukoll l-iskop tagħhom, huma fformulati kif ġej:

“(11)      Ir-regoli ta’ ġurisdizzjoni għandhom jiġu mbassra minn qabel u stabbiliti fuq il-prinċipju li l-ġurisdizzjoni hija ġeneralment ibbażata fuq id-domiċilju tal-konvenut u l-ġurisdizzjoni għandha dejjem tkun disponibbli fuq dan il-lat ħlief għal ftit sitwazzjonijiet definiti sewwa li fihom is-suġġett tal-materja tal-litigazzjoni jew ta’ awtonomija tal-partijiet tkun teħtieġ fattur differenti. Id-domiċilju ta’ persuna ġuridika għandu jiġi definit b’awtonomija u b’ hekk jagħmel ir-regoli komuni aktar trasparenti u jevita kunflitti ta’ ġurisdizzjoni.

(12)      B’żieda mad-domiċilju tal-konvenut, għandu jkun hemm bażi alternattiva ta’ ġurisdizzjoni bbażata fuq rabta mill-qrib bejn il-qorti u l-azzjoni jew sabiex tkun iffaċilitata amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja.”

6        Il‑premessa 19 ta’ dan ir-regolament tesponi li huwa neċessarju li tiġi żgurata l-kontinwità bejn il-Konvenzjoni ta’ Brussell u dan ir-regolament.

7        L-Artikolu 2(1) tar-Regolament ta’ Brussell I jipprevedi l-prinċipju li l-persuni b’domiċilju fit-territorju ta’ Stat Membru għandhom, indipendentement min-nazzjonalità tagħhom, jiġu mfittxija quddiem il-qrati ta’ dak l-Istat Membru.

8        L-Artikolu 3(1) ta’ dan ir-regolament, li jagħmel parti mill-Kapitolu II tiegħu jipprovdi:

“Persuni domiċiljati fi Stat Membru jistgħu jiġi mfittxija fil-qrati ta’ Stat Membru ieħor biss bis-saħħa tar-regoli mniżżla f’Sezzjonijiet 2 sa 7 ta’ dan il-Kapitolu.”

9        Il‑Kapitolu II jinkludi Sezzjoni 7, intitolata “Prorogazzjoni ta’ ġurisdizzjoni”. L-Artikolu 23 li jinsab f’din is-sezzjoni, jipprovdi fil-paragrafi 1 u 2 tiegħu:

“1.      Jekk il-partijiet, wieħed jew aktar minnhom ikollu d-domiċilju fi Stat Membru, ikunu qablu li qorti jew qrati ta’ Stat Membru għandu jkollu ġurisdizzjoni sabiex isolvu xi kwistjonijiet li jkunu qamu jew li jistgħu iqumu in konnessjoni ma’ relazzjoni legali partikolari, dak il-qorti jew dawk il-qrati għandhom ikollhom ġurisdizzjoni. Ġurisdizzjoni bħal dik għandha tkun esklussiva sa kemm il-partijiet ma jiftehmux mod ieħor. Ftehim bħal dak li jagħti ġurisdizzjoni għandhu jkun jew:

a)      bil-kitba jew ikkonfermat bil-kitba, jew

b)      f’għamla li taqbel mal-prattiċi li l-partijiet ikunu stabbilixxew bejniethom, jew

ċ)      f’negozju jew kummerċ internazzjonali, f’għamla li taqbel ma’ l-użanza li biha l-partijiet huma jew li għandhom ikunu konxji u li dwarhom dak in-negozju jew kummerċ ikun magħruf sewwa, u regolarment osservat minn, partijiet għal kuntratti tat-tip involut f’dak in-negozju jew kummerċ partikolari ikkonċernat.

2.      Xi komunikazzjoni b’mezzi elettroniċi li tipprovdi meżż dewwiemi [reġistrazzjoni dewwemija] tal-ftehim għandu jkun ekwivalenti għal ‘kitba’.”

 Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

10      Ir-rikorrent fil-kawża prinċipali, konċessjonarju ta’ karozzi stabbilit f’Köln (il-Ġermanja), xtara minn fuq is-sit tal-internet li jappartjeni lill-konvenuta fil-kawża prinċipali, li s-sede tagħha huwa stabbilit f’Amberg (il-Ġermanja), karozza tal-elettriku bi prezz tajjeb ħafna. Madankollu dan il-bejgħ ġie annullat mill-bejjiegħ minħabba danni allegatament subiti minn din il-vettura li kienu ġew ikkonstatati matul il-preparazzjoni għat-trasport tagħha għall-finijiet tal-kunsinna tagħha lix-xerrej.

11      Filwaqt li din kienet biss skuża li kienet twassal sabiex dan il-bejgħ jiġi annullat, li jkun ta’ żvantaġġ għax-xerrej minħabba li l-prezz ta’ bejgħ ma tantx kien għoli, ir-rikorrent fil-kawża prinċipali ppreżenta rikors quddiem il-Landgericht Krefeld. Huwa jixtieq li din tobbliga lill-bejjiegħ bit-trasferiment tal-proprjetà ta’ din il-vettura.

12      Ir-rikorrent fil-kawża prinċipali jsostni li l-parti kontraenti tiegħu hija l-konvenuta fil-kawża prinċipali, stabbilita fil-Ġermanja, u mhux il-kumpannija parent tagħha, stabbilita fil-Belġju, u li, għaldaqstant, il-qorti tar-rinviju għandha ġurisdizzjoni sabiex tittratta l-kawża inkwistjoni.

13      Min-naħa l-oħra, il-konvenuta fil-kawża prinċipali ssostni li l-qrati Ġermaniżi ma għandhomx ġurisdizzjoni fil-qasam. L-Artikolu 7 tal-kundizzjonijiet ġenerali ta’ bejgħ ta’ tranżazzjoni mwettqa fuq l-internet, aċċessibbli fis-sit tal-internet ta’ din il-kumpannija jinkludi ftehim li jattribwixxi ġurisdizzjoni favur qorti li tinsab f’Louvain (il-Belġju). Minbarra dan, hija ssostni li hija ma għandhiex il-kwalità ta’ parti kontraenti tar-rikorrent fil-kawża prinċipali, peress li hija l-kumpannija parent tagħha li għandha din il-kwalità. Ir-rikorrent fil-kawża prinċipali ma jistax ma jkunx jaf dan peress li, minn naħa, huwa talab il-ħruġ ta’ fattura mingħajr taxxa fuq il-valur miżjud lill-kumpannija parent Belġjana, li ġiet ikkunsinnata lilu flimkien ma’ informazzjoni dwar l-indirizz u n-numru tat-telefon tagħha, u fejn, min-naħa l-oħra, huwa kien ħallas il-prezz tal-karozza inkwistjoni fuq kont Belġjan.

14      Mingħajr ma jikkontesta dan il-metodu ta’ ħlas, ir-rikorrent fil-kawża prinċipali huwa madankollu tal-opinjoni li l-ftehim li jattribwixxi ġurisdizzjoni previst f’dan l-Artikolu 7 ma kienx ġie validament integrat fil-kuntratt ta’ bejgħ, peress li ma sarx bil-forma miktuba skont l-istipulazzjonijiet tal-Artikolu 23(1)(a) tar-Regolament Brussell I. Huwa jsostni li l-paġna tal-internet tal-konvenuta fil-kawża prinċipali li tinkludi l-kundizzjonijiet ġenerali ta’ bejgħ tagħha ma tinfetaħx awtomatikament waqt ir-reġistrazzjoni u lanqas waqt kull operazzjoni ta’ xiri. Bil-kontra, għandu jintgħażel kamp li jinkludi l-indikazzjoni “ikklikkja hawnhekk sabiex tiftaħ il-kundizzjonijiet ġenerali ta’ kunsinna u ta’ ħlas f’tieqa ġdida” (teknika ta’ aċċettazzjoni permezz ta’ “klikk” imsejħa “click-wrapping”). Issa, ir-rekwiżiti tal-Artikolu 23(2) tar-Regolament Brussell I ma humiex osservati ħlief jekk it-tieqa li tinkludi dawn il-kundizzjonijiet ġenerali tinfetaħ awtomatikament. Minbarra dan, il-ftehim li jattribwixxi ġurisdizzjoni huwa wkoll invalidu minħabba li huwa arbitrarju u imprevedibbli.

15      Il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf jekk it-teknika ta’ aċċettazzjoni permezz ta’ “klikk”, li permezz tagħha xerrej jaċċedi għall-kundizzjonijiet ġenerali ta’ bejgħ li jidhru f’sit tal-internet billi jikklikkja fuq hyperlink li tiftaħ tieqa, kinitx tissodisfa r-rekwiżiti tal-Artikolu 23(2) tar-Regolament Brussell I. Peress li dawn il-kundizzjonijiet jistgħu jiġu ssejvjati u pprintjati separatament, din il-qorti tistaqsi jekk tali teknika tistax titqies li hija trażmissjoni permezz ta’ mezzi elettroniċi li tippermetti li l-kuntratt ta’ bejgħ jiġi rreġistrat b’mod dewwiemi u, għaldaqstant, bħala li għandu forma miktuba, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni. Fil-fatt, jekk dan kien il-każ, il-ftehim li jattribwixxi ġurisdizzjoni favur qorti Belġjana jkun validu u l-Landgericht Krefeld ma għandhiex ġurisdizzjoni sabiex tittratta t-tilwima.

16      Minbarra dan, din il-qorti tikkunsidra li l-parti kontraenti tar-rikorrent fil-kawża prinċipali hija l-kumpannija stabbilita fil-Ġermanja, u mhux il-kumpannija parent Belġjana tagħha. Konsegwentement, fin-nuqqas ta’ ftehim li jattribwixxi ġurisdizzjoni, il-kawża rigward trasferiment ta’ proprjetà li tressqet quddiemha għandha tiġi ttrattata fil-Ġermanja. Dan ir-rikorrent ma jistax madankollu jqis li dan il-ftehim huwa imprevedibbli, peress li huwa kellu għarfien tal-element estranju tal-bejgħ li kien ikkonkluda u kien talab il-produzzjoni ta’ fattura internazzjonali li ssemmi l-informazzjoni dwar l-indirizz u n-numru tat-telefon ta’ din il-kumpannija parent.

17      Il-qorti tar-rinviju tqis li l-Artikolu 23(2) tar-Regolament Brussell I ma jeħtieġx li l-ftehim li jattribwixxi ġurisdizzjoni jkun ġie effettivament ipprintjat jew issejvjat minn waħda mill-partijiet kontraenti. Fil-fehma tagħha, din id-dispożizzjoni teħtieġ bħala kundizzjoni biss li jkun “possibbli” li dan il-ftehim jiġi rreġistrat b’mod dewwiemi. Għalhekk it-trażmissjoni permezz ta’ mezzi elettroniċi għandha tippermetti tali reġistrazzjoni dewwemija sabiex jiġu ssodisfatti r-rekwiżiti magħmula fl-Artikolu 23(2).

18      Il-qorti tar-rinviju hija tal-fehma li t-teknika ta’ aċċettazzjoni permezz ta’ “klikk”, li hija s-suġġett tat-tilwima pendenti quddiemha, kienet tippermetti kemm l-ipprintjar kif ukoll l-issejvjar tal-kundizzjonijiet ġenerali li kienu jinsabu fil-ftehim li jattribwixxi ġurisdizzjoni, peress li t-test ta’ dawn il-kundizzjonijiet ġenerali kien jiftaħ fuq paġna differenti wara “klikk” u seta’ jiġi pprintjat jew issejvjat minn parti kontraenti. Iċ-ċirkustanza jekk it-tieqa li tinkludi dawn il-kundizzjonijiet tinfetaħx awtomatikament jew le, hija irrilevanti f’dan ir-rigward.

19      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Landgericht Berlin iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

“L-hekk imsejjaħ ‘click wrapping’ jissodisfa r-rekwiżiti ta’ komunikazzjoni b’mezzi elettroniċi fis-sens tal-Artikolu 23(2) tar-Regolament [Brussell I]?”

 Fuq id-domanda preliminari

20      Permezz tad-domanda preliminari tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 23(2) tar-Regolament Brussell I għandux jiġi interpretat fis-sens li t-teknika ta’ aċċettazzjoni permezz ta’ “klikk” tal-kundizzjonijiet ġenerali ta’ kuntratt ta’ bejgħ, bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, konkluż permezz ta’ mezzi elettroniċi, li jinkludi ftehim li jattribwixxi ġurisdizzjoni, tikkostitwixxi trażmissjoni permezz ta’ mezzi elettroniċi li tippermetti reġistrazzjoni dewwemija ta’ dan il-ftehim, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.

21      Hekk kif jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju, iċ-ċirkustanzi tal-kawża prinċipali huma essenzjalment ikkaratterizzati mill-fatt li xerrej potenzjali għandu espressament jaċċetta, billi jittikkja l-kaxxa korrispondenti, il-kundizzjonijiet ġenerali ta’ bejgħ tal-bejjiegħ qabel ma jwettaq xiri. Madankollu, din l-operazzjoni ma twassalx awtomatikament għall-ftuħ tad-dokument li jinkludi l-kundizzjonijiet ġenerali tal-bejjiegħ, peress li klikk addizzjonali fuq hyperlink preċiża prevista għal dan il-għan ikun għadu neċessarju.

22      Fil-kawża prinċipali, huwa paċifiku li l-kundizzjonijiet ġenerali inkwistjoni jinkludu ftehim li jattribwixxi ġurisdizzjoni li jipprevedi l-ġurisdizzjoni ta’ qorti li tinsab f’Louvain għal tilwimiet bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali. Ir-rikorrent fil-kawża prinċipali huwa madankollu tal-opinjoni li t-teknika ta’ aċċettazzjoni permezz ta’ “klikk” tal-kundizzjonijiet ġenerali ma tissodisfax il-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 23(2) tar-Regolament Brussell I, peress li t-tieqa li tinkludi dawn il-kundizzjonijiet ma tinfetaħx awtomatikament waqt ir-reġistrazzjoni fis-sit u lanqas waqt tranżazzjoni. Konsegwentement, dan il-ftehim li jattribwixxi ġurisdizzjoni ma jistax jiġi prodott bħala element kontra tiegħu.

23      Għandu għalhekk jiġi eżaminat jekk, f’tali ċirkustanzi, il-validità ta’ klawżola li tattribwixxi ġurisdizzjoni li tinsab f’kuntratt konkluż permezz ta’ mezzi elettroniċi, fis-sens tal-Artikolu 23(2) tar-Regolament Brussell I, tistax tiġi kkkontestata fl-ipoteżi tal-użu tat-teknika ta’ aċċettazzjoni permezz ta’ “klikk”.

24      F’dan ir-rigward, għandu l-ewwel nett jitfakkar li, skont il-formulazzjoni tal-Artikolu 23(1) tar-Regolament Brussell I, il-ġurisdizzjoni ta’ qorti jew qrati ta’ Stat Membru, bi qbil bejn il-partijiet kontraenti fi ftehim li jattribwixxi ġurisdizzjoni bħala prinċipju hija esklużiva. Sabiex ikun validu, dan il-ftehim għandu jiġi konkluż kemm bil-miktub, kemm verbalment b’konfermazzjoni bil-miktub, kemm fl-aħħar nett taħt forma konformi mal-prassi stabbiliti bejn il-partijiet jew, fil-kummerċ internazzjonali, mal-użanza li l-partijiet kellhom għarfien dwarha jew imisshom kellhom għarfien dwarha. Skont il-paragrafu 2 ta’ dan l-artikolu, “[x]i komunikazzjoni b’mezzi elettroniċi li tipprovdi meżż dewwiemi [reġistrazzjoni dewwemija] tal-ftehim” għandha titqies li tkun “ekwivalenti għal ‘kitba’”.

25      Għandu jiġi rrilevat li d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 23 tar-Regolament Brussell I, mill-fatt li dawn jeskludu kemm il-ġurisdizzjoni stabbilita permezz tal-prinċipju ġenerali tal-qrati tal-konvenut stabbilit mill-Artikolu 2 ta’ dan ir-regolament, kif ukoll il-ġurisdizzjonijiet speċjali tal-Artikoli 5 sa 7 tiegħu, għandhom jiġu interpretati b’mod strett fir-rigward tal-kundizzjonijiet stabbiliti fihom (ara, b’analoġija, is-sentenza MSG, C‑106/95, EU:C:1997:70, punt 14 u l-ġurisprudenza ċċitata).

26      Fl-ewwel lok, l-Artikolu 23(1) tar-Regolament Brussell I jindika b’mod ċar li l-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu huwa limitat għall-każijiet fejn il-partijiet ikunu “qablu” dwar qorti. Hekk kif dan jirriżulta mill-premessa 11 ta’ dan ir-regolament, huwa dan il-qbil ta’ volontà bejn il-partijiet li jiġġustifika s-supremazija mogħtija, fid-dawl tal-prinċipju tal-awtonomija tal-volontà, għall-għażla ta’ qorti oħra li ma tkunx dik li kellha eventwalment ġurisdizzjoni skont dan ir-regolament (sentenza Refcomp, C‑543/10, EU:C:2013:62, punt 26).

27      F’dan ir-rigward, hemm lok li jitfakkar li, sa fejn ir-Regolament Brussell I jissostitwixxi, fir-relazzjonijiet bejn l-Istati Membri, il-Konvenzjoni ta’ Brussell, l-interpretazzjoni pprovduta mill-Qorti tal-Ġustizzja f’dak li jikkonċerna d-dispożizzjonijiet ta’ din il-konvenzjoni tapplika wkoll għal dawk ta’ dan ir-regolament, meta d-dispożizzjonijiet ta’ dawn l-istrumenti Komunitarji jistgħu jiġu kkwalifikati bħala ekwivalenti (ara, b’mod partikolari, is-sentenza Refcomp, C‑543/10, EU:C:2013:62, punt 18).

28      Dan huwa l-każ f’dak li jikkonċerna l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 17 ta’ din il-konvenzjoni u l-Artikolu 23(1) tar-Regolament Brussell I, li huma fformulati f’termini kważi identiċi (sentenza Refcomp, C‑543/10, EU:C:2013:62, punt 19).

29      Issa, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, rigward l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 17 tal-Konvenzjoni ta’ Brussell, li, billi ssuġġettat il-validità ta’ klawżola li tattribwixxi ġurisdizzjoni għall-eżistenza ta’ “ftehim” bejn il-partijiet, din id-dispożizzjoni imponiet fuq il-qorti li quddiemha tressqet il-kawża l-obbligu li teżamina, fl-ewwel lok, jekk il-klawżola li tattribwixxilha ġurisdizzjoni effettivament kinitx suġġetta għal kunsens bejn il-partijiet, li għandu manifestament jidher b’mod ċar u preċiż, u li l-forom meħtieġa minn dan l-artikolu għandhom bħala funzjoni li jiżguraw li l-kunsens ikun effettivament stabbilit (ara s-sentenza MSG, C‑106/95, EU:C:1997:70, punt 15 u l-ġurisprudenza ċċitata).

30      Isegwi li, bħal fil-każ tal-għan imfittex mill-ewwel paragrafu tal-Artikolu 17 tal-Konvenzjoni ta’ Brussell, ir-realtà tal-kunsens tal-partijiet ikkonċernati hija waħda mill-għanijiet tal-Artikolu 23(1) tar-Regolament Brussell I (ara s-sentenza Refcomp, C‑543/10, EU:C:2013:62, punt 28 u l-ġurisprudenza ċċitata).

31      F’dan il-każ, hekk kif jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju, ix-xerrej inkwistjoni fil-kawża prinċipali aċċetta espressament, billi ttikkja l-kaxxa korrispondenti fuq is-sit tal-internet tal-bejjiegħ ikkonċernat, il-kundizzjonijiet ġenerali inkwistjoni.

32      Fit-tieni lok, skont l-Artikolu 23(2) tar-Regolament Brussell I, li jikkostitwixxi dispożizzjoni ġdida meta pparagunat mal-Artikolu 17 tal-Konvenzjoni ta’ Brussell, miżjuda sabiex jittieħed inkunsiderazzjoni l-iżvilupp ta’ tekniki ġodda ta’ komunikazzjoni, il-validità ta’ ftehim li jattribwixxi ġurisdizzjoni, bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, tista’ b’mod partikolari tiddependi mill-possibbiltà ta’ reġistrazzjoni dewwemija.

33      F’dan ir-rigward, jirriżulta minn interpretazzjoni letterali ta’ din id-dispożizzjoni li din teħtieġ li l-“possibbiltà” tiġi offerta li l-ftehim li jattribwixxi ġurisdizzjoni jiġi rreġistrat b’mod dewwiemi, indipendentement mill-kwistjoni jekk it-test tal-kundizzjonijiet ġenerali jkunx ġie effettivament irreġistrat b’mod dewwiemi mix-xerrej wara jew qabel ma jkun ittikkja l-kaxxa li tindika li huwa jaċċetta dawn il-kundizzjonijiet.

34      Minbarra dan, jirriżulta b’mod ċar minn rapport ta’ spjegazzjoni tal-Professur Pocar, dwar il-Konvenzjoni dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali, iffirmata f’Lugano fit-30 ta’ Ottubru 2007 (ĠU 2009, C 319, p. 1, punt 109), li, fir-rigward jekk ir-rekwiżit formali ta’ din id-dispożizzjoni kienx ġie ssodisfatt, għandu “għalhekk [jiġi stabbilit] jekk huwiex possibbli li jinħoloq rekord dejjiemi ta’ komunikazzjoni elettronika billi din tkun stampata jew issejvjata fuq tejp jew disk ta’ riżerva (backup) jew tinħażen b’xi mod ieħor”, u dan huwa l-każ “anke jekk fil-fatt ma jkun sar l-ebda rekord [tal-ftehim] għat-tul bħal dan”, b’mod li “r-rekord mhuwiex rikjest bħala kondizzjoni tal-validità jew l-eżistenza formali tal-klawsola”.

35      Din il-konklużjoni hija kkonfermata wkoll minn interpretazzjoni storika u teleoloġika tal-Artikolu 23(2) tar-Regolament Brussell I. Fil-fatt, skont l-espożizzjoni tal-motivi tal-proposta tar-Regolament tal-Kunsill (KE) dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali, ippreżentata mill-Kummissjoni fi Brussell, fl-14 ta’ Lulju 1999 [COM(1999) 348 finali], din id-dispożizzjoni hija intiża sabiex ir-rekwiżit ta’ ftehim “bil-miktub” jew ta’ ftehim verbali kkonfermat “bil-miktub” ma jqajjimx dubju dwar il-validità ta’ klawżola ta’ għażla tal-qrati li kienet ġiet konkluża permezz ta’ medium li ma huwiex dak tal-kitba, iżda li l-kontenut tiegħu huwa aċċessibbli permezz ta’ skrin.

36      L-iskop ta’ din id-dispożizzjoni huwa għalhekk li jiġu assimilati ċerti forom ta’ trażmissjonijiet elettroniċi bil-forma miktuba, sabiex tiġi ssimplifikata l-konklużjoni tal-kuntratti permezz ta’ mezzi elettroniċi, fejn it-trażmissjoni ta’ informazzjoni kkonċernata hija mwettqa wkoll jekk din l-informazzjoni hija aċċessibbli permezz ta’ skrin. Sabiex it-trażmissjoni elettronika tkun tista’ toffri l-istess garanziji, b’mod partikolari fir-rigward tal-prova, huwa biżżejjed li jkun “possibbli” li l-informazzjoni tiġi ssejvjata u pprintjata qabel il-konklużjoni tal-kuntratt.

37      Ċertament, meta interpretat l-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 97/7/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-20 ta’ Mejju 1997, dwar il-protezzjoni tal-konsumaturi fir-rigward ta’ kuntratti li jsiru mill-bogħod (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 3, p. 319), li skont dan il-konsumatur għandu “jirċievi” ċerta informazzjoni, “bil-miktub jew konferma f’medium ieħor”, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, fil-punt 51 tas-sentenza Content Services (C‑49/11, EU:C:2012:419), li prattika kummerċjali li tikkonsisti li tagħmel aċċessibbli l-informazzjoni unikament permezz ta’ hyperlink fuq is-sit tal-internet ma tissodisfax ir-rekwiżiti tal-imsemmija dispożizzjoni, peress li din l-informazzjoni la “ngħatat” mill-impriża kkonċernata u lanqas ma hija “riċevuta” mill-konsumatur, fis-sens ta’ din l-istess dispożizzjoni, u li sit tal-internet bħal dan ma jistax jitqies li huwa “medium [...] li jservi” fis-sens tal-imsemmi Artikolu 5(1).

38      Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li din l-interpretazzjoni ma tistax tiġi trasposta għall-Artikolu 23(2) tar-Regolament Brussell I, peress li kemm il-formulazzjoni tal-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 97/7, li jeħtieġ espliċitament trażmissjoni tal-informazzjoni lill-konsumaturi fuq medium dewwiemi, kif ukoll l-għan ta’ din id-dispożizzjoni, li hija intiża speċifikament għall-protezzjoni tal-konsumaturi, huma differenti minn dawk tal-imsemmi Artikolu 23(2).

39      Fil-kawża prinċipali, ma huwiex ikkontestat li t-teknika ta’ aċċettazzjoni permezz ta’ “klikk” tagħmel possibbli l-ipprintjar u l-issejvjar tat-test tal-kundizzjonijiet ġenerali inkwistjoni qabel il-konklużjoni tal-kuntratt. Għalhekk, iċ-ċirkustanza li l-paġna tal-internet li tinkludi dawn il-kundizzjonijiet ma tiftaħx awtomatikament waqt ir-reġistrazzjoni fis-sit tal-internet u waqt kull operazzjoni ta’ xiri, ma tistax tqajjem dubju dwar il-validità tal-ftehim li jattribwixxi ġurisdizzjoni.

40      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, id-domanda magħmula għandha tiġi risposta li l-Artikolu 23(2) tar-Regolament Brussell I għandu jiġi interpretat fis-sens li t-teknika ta’ aċċettazzjoni permezz ta’ “klikk” tal-kundizzjonijiet ġenerali ta’ kuntratt ta’ bejgħ, bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, konkluż permezz ta’ mezzi elettroniċi, li jinkludu ftehim li jattribwixxi ġurisdizzjoni, tikkostitwixxi trażmissjoni permezz ta’ mezzi elettroniċi li tippermetti li dan il-ftehim jiġi rreġistrat b’mod dewwiemi, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, meta din it-teknika tagħmel possibbli l-ipprintjar u l-issejvjar tat-test tagħhom qabel il-konklużjoni tal-kuntratt.

 Fuq l-ispejjeż

41      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas‑sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

L-Artikolu 23(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 44/2001, tat-22 ta’ Diċembru 2000, dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali għandu jiġi interpretat fis-sens li t-teknika ta’ aċċettazzjoni permezz ta’ “klikk” tal-kundizzjonijiet ġenerali ta’ kuntratt ta’ bejgħ, bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, konkluż permezz ta’ mezzi elettroniċi, li jinkludu ftehim li jattribwixxi ġurisdizzjoni, tikkostitwixxi trażmissjoni permezz ta’ mezzi elettroniċi li tippermetti li dan il-ftehim jiġi rreġistrat b’mod dewwiemi, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, meta din it-teknika tagħmel possibbli l-ipprintjar u l-issejvjar tat-test tagħhom qabel il-konklużjoni tal-kuntratt.

Firem


* Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.