Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Conseil d’État (il-Belġju) fil-11 ta’ Marzu 2021 – Pesticide Action Network Europe, Nature et Progrès Belgique ASBL, TN vs État belge, irrappreżentat mill-Ministre des Classes moyennes, des Indépendants, des P.M.E., de l’Agriculture et de l’Intégration sociale, chargé des Grandes villes

(Kawża C-162/21)

Lingwa tal-kawża: il-Franċiż

Qorti tar-rinviju

Conseil d’État

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: Pesticide Action Network Europe, Nature et Progrès Belgique ASBL, TN

Konvenuti: État belge, irrappreżentat mill-Ministre des Classes moyennes, des Indépendants, des P.M.E., de l’Agriculture et de l’Intégration sociale, chargé des Grandes villes

Domandi preliminari

L-Artikolu 53 tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Ottubru 2009, dwar it-tqegħid fis-suq ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti u li jħassar id-Direttivi tal-Kunsill 79/117/KEE u 91/414/KEE 1 , għandu jiġi interpretat fis-sens li jippermetti lil Stat Membru jagħti, taħt ċerti kundizzjonijiet, awtorizzazzjoni relatata mat-trattament, mal-bejgħ jew maż-żrigħ ta’ żrieragħ ittrattati bi prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti?

Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv għall-ewwel domanda, l-Artikolu 53 iċċitat iktar ’il fuq jista’ japplika, taħt ċerti kundizzjonijiet, għall-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti li jkun fihom sustanzi attivi li l-bejgħ u l-użu tagħhom huwa ristrett jew ipprojbit fit-territorju tal-Unjoni Ewropea?

Iċ-“ċirkostanzi speċjali” meħtieġa mill-Artikolu 53 tar-Regolament iċċitat iktar ’il fuq ikopru sitwazzjonijiet li għalihom l-okkorrenza ta’ perikolu ma hijiex ċerta iżda sempliċement plawżibbli?

Iċ-“ċirkostanzi speċjali” meħtieġa mill-Artikolu 53 tar-Regolament iċċitat iktar ’il fuq ikopru sitwazzjonijiet li għalihom l-okkorrenza ta’ perikolu hija prevedibbli, komuni u anki ċiklika?

L-espressjoni “li ma jistax jiġi mrażżan permezz ta’ kwalunkwe mezz raġonevoli ieħor” użata fl-Artikolu 53 tar-Regolament għandha tiġi interpretata fis-sens li tagħti importanza ugwali, b’teħid inkunsiderazzjoni tat-termini tal-premessa 8 tar-Regolament, minn naħa, lill-garanzija ta’ livell għoli ta’ protezzjoni kemm tas-saħħa tal-bniedem kif ukoll dik tal-annimali u tal-ambjent, u, min-naħa l-oħra, lis-salvagwardja tal-kompetittività tal-agrikoltura Komunitarja?

____________

1 ĠU 2009, L 309, p. 1.