Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Bundesverwaltungsgericht (Il-Ġermanja) fl-10 ta' Frar 2009 - Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja vs B, Parti oħra fil-kawża: Il-Vertreter des Bundesinteresses fi ħdan il-Bundesverwaltungsgericht

(Kawża C-57/09)

Lingwa tal-kawża: Il-Ġermaniż

Qorti tar-rinviju

Bundesverwaltungsgericht

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja

Konvenut: B

Parti oħra fil-kawża: Il-Vertreter des Bundesinteresses fi ħdan il-Bundesverwaltungsgericht

Domandi preliminari

Meta l-applikant kien jagħmel parti minn organizzazzjoni mniżżla fil-lista ta' persuni, gruppi u entitajiet li tinsab fl-Anness tal-Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill dwar l-applikazzjoni ta' ċerti miżuri speċifiċi bil-għan li jiġi miġġieled it-terroriżmu u li teżerċita metodi terroristiċi u meta l-applikant ikun sostna b'mod attiv il-ġlieda bl-armi ta' din l-organizzazzjoni, jista' jingħad li hemm delitt serju tad-dritt komuni jew atti kontra l-għanijiet u l-prinċipji tan-Nazzjonijiet Uniti fis-sens tal-Artikolu 12(2)(b) u (ċ) tad-Direttiva tal-Kunsill 2004/83/KE, tad-29 ta' April 2004, dwar livelli stabbiliti minimi għall-kwalifika u l-istat ta' ċittadini nazzjonali ta' pajjiżi terzi jew persuni mingħajr stat bħala refuġjati jew bħala persuni li nkella jeħtieġu protezzjoni internazzjonali u l-kontenut tal-protezzjoni mogħtija 1?

Fil-każ ta' risposta fl-affermattiv għall-ewwel domanda: l-esklużjoni tal-għarfien tal-istatus ta' refuġjat skont l-Artikolu 12(2)(b) u (ċ) tad-Direttiva 2004/83/KE hija suġġetta għall-fatt li l-applikant ikun għadu jirrappreżenta perikolu?

Fil-każ ta' risposta fin-negattiv għat-tieni domanda: l-esklużjoni tal-għarfien tal-istatus ta' refuġjat skont l-Artikolu 12(2)(b) u (ċ) tad-Direttiva 2004/83/KE hija suġġetta għal eżami ta' proporzjonalità fid-dawl tal-każ ineżami?

Fil-każ ta' risposta fl-affermattiv għat-tielet domanda:

Fil-kuntest tal-eżami ta' proporzjonalità, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li l-applikant jibbenefika mill-protezzjoni kontra t-tkeċċija taħt l-Artikolu 3 tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali tal-4 ta' Novembru 1950 jew taħt dispożizzjonijiet nazzjonali?

L-esklużjoni tkun sproporzjonata biss f'każijiet eċċezzjonali li jkollhom karatteristiċi partikolari?

Ikun kompatibbli mad-Direttiva 2004/83/KE, fis-sens tal-Artikolu 3 tagħha, li l-applikant jibbenefika, minkejja l-eżistenza ta' kawża ta' esklużjoni skont l-Artikolu 12(2) tagħha, minn dritt għall-ażil skont id-dritt kostituzzjonali nazzjonali?

____________

1 - ĠU L 304, p. 12