Language of document : ECLI:EU:C:2021:432

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla)

3 ta’ Ġunju 2021 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Spazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja – Politika tal-immigrazzjoni – Ritorn taċ-ċittadini ta’ pajjiż terz li jirrisjedu irregolarment – Direttiva 2008/115/KE – Artikolu 2(1) – Kamp ta’ applikazzjoni – Ċittadin ta’ pajjiż terz – Kundanna kriminali fl-Istat Membru – Artikolu 3(6) – Projbizzjoni ta’ dħul – Raġunijiet ta’ ordni pubbliku u ta’ sigurtà pubblika – Revoka tad-deċiżjoni ta’ ritorn – Legalità tal-projbizzjoni fuq id-dħul”

Fil-Kawża C‑546/19,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l‑Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Bundesverwaltungsgericht (il-Qorti Amministrattiva Federali, il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjoni tad-9 ta’ Mejju 2019, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis-16 ta’ Lulju 2019, fil-proċedura

BZ

vs

Westerwaldkreis,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla),

komposta minn M. Vilaras (Relatur), President tal‑Awla, N. Piçarra, D. Šváby, S. Rodin u K. Jürimäe, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: P. Pikamäe,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għall-Gvern Ġermaniż, minn J. Möller u R. Kanitz, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Olandiż, minn M. Bulterman u J. M. Hoogveld, bħala aġenti,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn C. Ladenburger u C. Cattabriga, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal-10 ta’ Frar 2021,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tad-Direttiva 2008/115/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Diċembru 2008 dwar standards u proċeduri komuni fl-Istati Membri għar-ritorn ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu qegħdin fil-pajjiż illegalment (ĠU 2008, L 348, p. 98).

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn BZ, minn naħa, u l-Westerwaldkreis (id-Distrett ta’ Westerwald, il-Ġermanja), min-naħa l-oħra, dwar il-legalità ta’ deċiżjoni li tipprojbixxi d-dħul u s-soġġorn ta’ BZ.

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt tal-Unjoni

 Id-Direttiva 2008/115

3        L-Artikolu 1 tad-Direttiva 2008/115, intitolat “Suġġett”, jipprevedi:

“Din id-Direttiva tistabbilixxi standards u proċeduri komuni li għandhom jiġu applikati fl-Istati Membri biex jiġu rritornati ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu qegħdin fil-pajjiż illegalment, skond id-drittijiet fundamentali bħala prinċipji ġenerali tal-liġi Komunitarja kif ukoll tal-liġi internazzjonali, inkluż il-protezzjoni tar-refuġjati u l-obbligi dwar id-drittijiet tal-bniedem.”

4        L-Artikolu 2(1) u (2) ta’ din id-direttiva, intitolat “Kamp ta’ applikazzjoni”, jipprovdi:

“1.      Din id-Direttiva tapplika għal ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu qegħdin illegalment fit-territorju ta’ Stat Membru.

2.      L-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li ma japplikawx din id-Direttiva għal ċittadini ta’ pajjiżi terzi li:

[…]

(b)      huma soġġetti għal ritorn bħala sanzjoni tal-liġi kriminali jew bħala konsegwenza ta’ sanzjoni tal-liġi kriminali, skond il-liġi nazzjonali jew li huma soġġetti għal proċeduri ta’ estradizzjoni.”

5        L-Artikolu 3 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Definizzjonijiet”, jistabbilixxi li:

“Għall-finijiet ta’ din id-Deċiżjoni għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(1)      ‘ċittadin ta’ pajjiż terz’ tfisser kwalunkwe persuna li m’hijiex ċittadin ta’ l-Unjoni Ewropea fis-sens ta’ l-Artikolu [21(1) TFUE] u li m’hijiex persuna li tgawdi d-dritt tal-moviment liberu […], kif definit fl-Artikolu 2(5) [tar-Regolament (KE) Nru 562/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Marzu 2006 li jistabbilixxi Kodiċi Komunitarju dwar ir-regoli li jirregolaw il-moviment ta’ persuni minn naħa għal oħra tal-fruntiera (Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen) (ĠU 2006, L 105, p. 1)];

(2)      ‘soġġorn illegali’ tfisser il-preżenza fit-territorju ta’ Stat Membru, ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz li ma jissodisfax, jew m’għadux jissodisfa l-kondizzjonijiet ta’ dħul kif stabbiliti fl-Artikolu 5 tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen, jew kondizzjonijiet oħrajn għal dħul, soġġorn jew residenza f’dak l-Istat Membru;

(3)      ‘ritorn’ tfisser il-proċess tat-tluq lura ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz - kemm jekk b’konformità volontarja ma’ obbligu ta’ ritorn kif ukoll jekk infurzat - għal:

–        il-pajjiż ta’ oriġini tiegħu jew tagħha, jew

–        pajjiż ta’ transitu skond ftehim ta’ riammissjoni Komunitarja jew bilaterali jew arranġamenti oħra, jew

–        pajjiż terz ieħor, li għalih iċ-ċittadin tal-pajjiż terz ikkonċernat volontarjament jiddeċiedi li jirritorna u li fih hu jew hi ser jiġi aċċettat;

(4)      ‘deċiżjoni ta’ ritorn’ tfisser deċiżjoni jew att amministrattiv jew ġudizzjarju, li jgħid jew jiddikjara li s-soġġorn ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz hija illegali u li jimponi jew jiddikjara l-obbligu ta’ ritorn;

(5)      ‘tneħħija’ tfisser l-infurzar ta’ l-obbligu ta’ ritorn, jiġifieri t-trasport fiżiku barra mill-Istat Membru;

(6)      ‘projbizzjoni fuq id-dħul’ tfisser deċiżjoni jew att amministrattiv jew ġudizzjarju li jipprojbixxi dħul lejn u soġġorn fit-territorju ta’ l-Istati Membri għal perijodu speċifikat, li jakkumpanja deċiżjoni ta’ ritorn;

[…]”

6        L-Artikolu 6 tad-Direttiva 2008/115, intitolat “Deċiżjoni ta’ ritorn”, jipprevedi li:

“1.      L-Istati Membri għandhom joħorġu deċiżjoni ta’ ritorn għal ċittadin ta’ pajjiż terz li qed jissoġġorna illegalment fit-territorju tagħhom, bla ħsara għall-eċċezzjonijiet imsemmijin fil-paragrafi 2 sa 5.

2.      Ċittadini ta’ pajjiżi terzi li qed jissoġġornaw illegalment fit-territorju ta’ Stat Membru u għandhom permess ta’ residenza validu jew awtorizzazzjoni oħra li toffri dritt ta’ soġġorn maħruġa minn Stat Membru ieħor, għandhom jintalbu jmorru fit-territorju ta’ dak l-Istat Membru minnufih. Fil-każ ta’ non-konformità miċ-ċittadin ta’ pajjiż terz konċernat ma’ din il-ħtieġa, jew fejn it-tluq immedjat taċ-ċittadin ta’ pajjiż terz ikun meħtieġ għal raġunijiet ta’ ordni pubbliku jew ta’ sigurtà nazzjonali, għandu japplika l-paragrafu 1.

3.      L-Istati Membri jistgħu jirrinunzjaw għad-deċiżjoni ta’ ritorn għal ċittadin ta’ pajjiż terz li qed joqgħod illegalment fit-territorju tagħhom jekk iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz konċernat jittieħed lura minn Stat Membru ieħor skond ftehim jew arranġamenti bilaterali eżistenti fid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ din id-Direttiva. F’dan il-każ l-Istat Membru li jkun ħa lura ċ-ċittadin ta’ pajjiż terz konċernat għandu japplika l-paragrafu 1.

4.      L-Istati Membri jistgħu, f’kull ħin, jiddeċiedu li jagħtu permess ta’ residenza awtonomu jew awtorizzazzjoni oħra li toffri d-dritt ta’ soġġorn għal raġunijiet ta’ kompassjoni, dawk umanitarji jew għal raġunijiet oħrajn lil ċittadin minn pajjiż terz li jkun qiegħed illegalment fit-territorju tagħhom. F’dan il-każ m’għandha tinħareġ ebda deċiżjoni ta’ ritorn. Fejn deċiżjoni ta’ ritorn tkun diġà nħarġet, din għandha tiġi rtirata jew sospiża tul iż-żmien tal-validità tal-permess ta’ residenza jew ta’ awtorizzazzjoni oħra li toffri dritt ta’ soġġorn.

5.      Jekk ċittadin ta’ pajjiż terz li jkun qiegħed illegalment fit-territorju ta’ Stat Membru jkun is-suġġett ta’ proċedura pendenti għat-tiġdid tal-permess ta’ residenza tiegħu jew tagħha jew ta’ xi permess ieħor li joffri d-dritt ta’ soġġorn, dak l-Istat Membru għandu jikkunsidra li joqgħod lura milli joħroġ deċiżjoni ta’ ritorn sakemm tintemm il-proċedura pendenti, mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 6.

[…]”

7        Skont l-Artikolu 7(3) u (4) tad-Direttiva 2008/115, intitolat “Tluq volontarju”:

“3.      Ċerti obbligi maħsuba biex jevitaw ir-riskju ta’ ħarba, bħal ma huma r-rappurtar regolari lill-awtoritajiet, id-depożitu ta’ garanzija finanzjarja adegwata, il-preżentazzjoni ta’ dokumenti jew l-obbligu li wieħed jibqa’ f’ċertu post, jistgħu jiġu imposti għat-tul tal-perijodu ta’ tluq volontarju.

4.      Jekk ikun hemm riskju ta’ ħarba, jew jekk applikazzjoni għal soġġorn legali tkun ġiet miċħuda għax kienet bla bażi jew ibbażata fuq frodi jew jekk il-persuna konċernata tippreżenta riskju għall-ordni pubbliku, is-sigurtà pubblika jew is-sigurtà nazzjonali, l-Istati Membri jistgħu ma jagħtux perijodu ta’ żmien għat-tluq volontarju, jew jistgħu jagħtu perijodu iqsar minn sebat ijiem.”

8        L-Artikolu 9 tad-direttiva msemmija, intitolat “Posponiment ta’ tneħħija”, fil-paragrafi 1 u 3 tiegħu jipprovdi li:

“1.      L-Istati Membri għandhom jipposponu t-tneħħija:

(a)      meta hija tikser il-prinċipju ta’ non-refoulement […]

[…]

3.      Jekk tneħħija tiġi posposta kif previst fil-paragrafi 1 u 2, l-obbligi previsti fl-Artikolu 7(3) jistgħu jiġu imposti fuq iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz ikkonċernat.”

9        L-Artikolu 11 tal-istess direttiva, intitolat “Projbizzjoni fuq id-dħul”, jipprovdi:

“1. Deċiżjonijiet ta’ ritorn għandhom ikunu akkumpanjati minn projbizzjoni fuq id-dħul:

(a)      jekk ma jkun ingħata l-ebda perijodu għat-tluq volontarju jew,

(b)      jekk l-obbligu ta’ ritorn ma jkunx ġie rispettat.

F’każijiet oħrajn, deċiżjonijiet ta’ ritorn jistgħu jkunu akkumpanjati minn projbizzjoni fuq id-dħul.

2.      It-tul tal-projbizzjoni fuq id-dħul għandu jiġi determinat b’kont dovut taċ-ċirkostanzi rilevanti kollha tal-każ individwali u fil-prinċipju ma għandux jeċċedi il-ħames snin. Hu jista’ madankollu jeċċedi l-ħames snin jekk iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz ikun ta’ theddida serja għall-ordni pubbliku, għas-sigurtà pubblika jew għas-sigurtà nazzjonali. […]”

 Il-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen

10      L-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 562/2006, imħassar u ssostitwit mill-11 ta’ April 2016 bir-Regolament (UE) 2016/399 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Marzu 2016 dwar Kodiċi tal-Unjoni dwar ir-regoli li jirregolaw il-moviment ta’ persuni min-naħa għall-oħra tal-fruntiera (Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen) (ĠU 2016, L 77, p. 1, rettifika fil-ĠU 2020, L 245, p. 32), kien jistabbilixxi l-kundizzjonijiet għad-dħul taċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi għal soġġorn previst fit-territorju tal-Istati Membri ta’ tul ta’ mhux iktar minn 90 jum fi kwalunkwe perijodu ta’ 180 jum. Mill-11 ta’ April 2016, dawn il-kundizzjonijiet huma stabbiliti fl-Artikolu 6 tar-Regolament 2016/399.

 Il-Manwal dwar ir-Ritorn

11      Il-Manwal dwar ir-Ritorn jinsab anness mar-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/2338 tas-16 ta’ Novembru 2017 li tistabbilixxi “Manwal dwar ir-Ritorn” li għandu jintuża mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri meta jkunu qegħdin iwettqu l-kompiti relatati mar-ritorn (ĠU 2017, L 339, p. 83). Kif jirriżulta mill-punt 2 ta’ din ir-rakkomandazzjoni, dan il-Manwal jikkostitwixxi għodda ta’ referenza għall-awtoritajiet tal-Istati Membri kompetenti għall-eżekuzzjoni ta’ kompiti marbuta mar-ritorn taċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jirrisjedu irregolarment.

12      Il-Manwal dwar ir-Ritorn fih paragrafu 11, intitolat “Projbizzjonijiet fuq id-dħul”, li l-ħames subparagrafu tiegħu huwa fformulat kif ġej:

“Ir-regoli dwar il-projbizzjonijiet fuq id-dħul relatati mar-ritorn skont id-Direttiva [2008/115] ma jaffettwawx il-projbizzjonijiet fuq id-dħul maħruġin għal skopijiet mhux marbutin mal-migrazzjoni, bħal projbizzjonijiet fuq id-dħul relatati ma’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu wettqu reati serji jew li għalihom hemm indikazzjoni ċara li hemm intenzjoni li jsir tali reat (ara l-Artikolu 24(2) ir-Regolament (KE) Nru 1987/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill [tal-20 ta’ Diċembru 2006 dwar l-istabbiliment, it-tħaddim u l-użu tas-sistema ta’ informazzjoni ta’ Schengen tat-tieni ġenerazzjoni (SIS II). ĠU 2006, L 381, p. 4] jew projbizzjonijiet fuq id-dħul li jikkostitwixxu miżura restrittiva adottata skont il-Kapitolu 2 tat-Titolu V tat-[Trattat] UE, inklużi miżuri li jimplimentaw projbizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar maħruġin mill-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti.”

 Id-dritt nazzjonali

13      Il-Gesetz über den Aufenthalt, die Erwerbstätigkeit und die Integration von Ausländern im Bundesgebiet (il-Liġi dwar ir-Residenza, ix-Xogħol u l-Integrazzjoni tal-Barranin fit-Territorju Federali) (BGBI. 2008 I, p. 162), fil-verżjoni tagħha applikabbli meta seħħew il-fatti fil-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem l-“AufenthG”), fiha Artikolu 11, intitolat “Projbizzjoni ta’ dħul u ta’ residenza”, li jipprovdi kif ġej:

“1. Ċittadin barrani li kien suġġett għal miżura ta’ tkeċċija, ta’ refoulement jew ta’ tneħħija ma jibqagħlu d-dritt la li jidħol mill-ġdid fit-territorju tar-Repubblika Federali u lanqas li jirrisjedi hemmhekk u l-ebda permess ta’ residenza ma jista’ jinħariġlu, anki meta jkollu dritt għalih abbażi tal-liġi preżenti (projbizzjoni ta’ dħul u ta’ residenza).

2. It-tul tal-projbizzjoni fuq id-dħul u ta’ residenza huwa stabbilit ex officio. Dan it-terminu jibda jiddekorri mid-data tat-tluq taċ-ċittadin barrani. Fil-każ ta’ tkeċċija, it-tul tal-projbizzjoni għandu jiġi stabbilit fl-istess ħin tas-sentenza ta’ tkeċċija. Fil-każijiet l-oħra, dan għandu jiġi stabbilit fl-istess ħin tal-għoti tal-ordni ta’ tluq mit-territorju taħt piena ta’ tneħħija u l-iktar tard waqt it-tneħħija jew ir-refoulement. Sabiex tiġi evitata theddida għas-sigurtà pubblika u għall-ordni pubbliku, dan it-terminu jista’ jkun suġġett għal kundizzjoni, b’mod partikolari fir-rigward tal-assenza pprovata ta’ sanzjonijiet kriminali jew ta’ konsum jew ta’ traffikar tad-droga. Jekk din il-kundizzjoni ma tkunx issodisfatta mal-iskadenza tat-terminu, għandu japplika terminu itwal, li għandu jiġi stabbilit ex officio fl-istess żmien tat-terminu stabbilit skont il-ħames sentenza.

3. It-tul tal-projbizzjoni fuq id-dħul u ta’ residenza jaqa’ taħt deċiżjoni diskrezzjonali. Dan ma jistax ikun itwal minn ħames snin ħlief jekk iċ-ċittadin barrani ġie mkeċċi wara kundanna kriminali jew jekk ikun ta’ perikolu gravi għas-sigurtà pubblika jew għall-ordni pubbliku. It-tul tal-projbizzjoni ma jistax jeċċedi l-għaxar snin.

[…]”

14      L-Artikolu 50 tal-AufenthG, intitolat “Obbligu ta’ tluq mit-territorju”, jipprovdi:

“1. Iċ-ċittadin barrani huwa suġġett għal obbligu li jitlaq mit-territorju jekk ma huwiex jew jekk ma jibqax detentur tal-permess ta’ residenza meħtieġ […].

2. Iċ-ċittadin barrani huwa marbut li jitlaq mit-territorju tar-Repubblika Federali mingħajr dewmien jew, jekk ingħata terminu sabiex jitlaq mit-territorju, qabel ma jiskadi dan it-terminu.

[…]”

15      L-Artikolu 51 tal-AufenthG, intitolat “Tmiem tal-legalità tar-residenza; Żamma ta’ restrizzjonijiet”, jipprevedi, fil-punt 5 tal-paragrafu 1 tiegħu:

“1. Il-permess ta’ residenza ma jibqax validu fis-sitwazzjonijiet li ġejjin: […]

5)      fil-każ tat-tkeċċija taċ-ċittadin barrani, […]”.

16      L-Artikolu 53(1) tal-AufenthG, intitolat “Tkeċċija”, jipprovdi:

“Iċ-ċittadin barrani li r-residenza tiegħu tikkostitwixxi theddida għas-sigurtà pubblika u għall-ordni pubbliku, għall-ordni kostituzzjonali demokratiku u liberu jew għal kwalunkwe interess maġġuri ieħor tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja għandu jkun is-suġġett ta’ miżura ta’ tkeċċija jekk, fid-dawl tal-fatti kollha tal-każ, l-ibbilanċjar bejn l-interess li jirrappreżenta t-tluq tiegħu u l-interess tiegħu li jibqa’ fit-territorju tar-Repubblika Federali juri li l-interess pubbliku fit-tluq tiegħu jipprevali.”

17      Il-punt 1 tal-Artikolu 54(1) tal-AufenthG jipprevedi:

“1. L-interess fit-tkeċċija ta’ ċittadin barrani fis-sens tal-Artikolu 53(1) huwa partikolarment importanti:

1) jekk ikun ġie kkundannat, permezz ta’ deċiżjoni ġudizzjarja li tkun kisbet l-awtorità ta’ res judicata, għal kundanna ta’ priġunerija […]”.

18      L-Artikolu 58 tal-AufenthG, intitolat “Tkeċċija”, jipprovdi, fil-paragrafi (1) u (2) tiegħu:

“1. Iċ-ċittadin barrani għandu jkun is-suġġett ta’ miżura ta’ tkeċċija jekk l-obbligu tiegħu li jitlaq mit-territorju jkun infurzabbli, jekk ma ngħatax terminu sabiex jitlaq mit-territorju jew jekk dan it-terminu skada, u jekk l-eżekuzzjoni volontarja tal-obbligu tiegħu li jitlaq mit-territorju ma hijiex assigurata jew jekk il-kontroll ta’ dan jidher neċessarju minħabba raġunijiet ta’ sigurtà pubblika u ta’ ordni pubbliku. […]

2. […] Fil-każijiet l-oħra, l-obbligu ta’ tluq mit-territorju jsir infurzabbli biss meta r-rifjut tal-għoti tal-permess ta’ residenza jew ta’ att amministrattiv ieħor li abbażi tiegħu ċ-ċittadin barrani huwa marbut li jitlaq mit-territorju konformement mal-Artikolu 50(1) isiru huma stess infurzabbli.

[…]”

19      L-Artikolu 59 tal-AufenthG, intitolat “Ordni ta’ tluq mit-territorju taħt piena ta’ tkeċċija”, jipprovdi, fil-paragrafi (1) u (2) tiegħu:

“1. It-tkeċċija għandha tiġi ppreċeduta minn ordni ta’ tluq mit-territorju taħt piena ta’ tkeċċija li tistabbilixxi terminu raġonevoli ta’ tluq volontarju ta’ bejn sebat ijiem u 30 jum. […]

2. L-ordni ta’ tluq mit-territorju taħt piena ta’ tkeċċija għandha tindika l-Istat li lejh iċ-ċittadin barrani għandu jitkeċċa u għandha tippreċiża li dan jista’ wkoll jitkeċċa lejn Stat ieħor li fit-territorju tiegħu huwa awtorizzat jidħol jew li huwa obbligat li jaċċettah.

[…]”

20      L-Artikolu 60a tal-AufenthG, intitolat “Sospensjoni provviżorja tat-tkeċċija (Tolleranza)”, jistabbilixxi, fil-paragrafi (2) sa (4) tiegħu:

“2. Ikun hemm sospensjoni tat-tkeċċija taċ-ċittadin barrani sakemm din it-tneħħija ma tkunx possibbli minħabba raġunijiet ta’ fatt u ta’ liġi u sakemm ma jingħatalu l-ebda permess ta’ residenza temporanju. […]

3. Is-sospensjoni tat-tkeċċija taċ-ċittadin barrani sseħħ mingħajr preġudizzju għall-obbligu tiegħu li jitlaq mit-territorju.

4. Iċ-ċittadin barrani li jibbenefika mis-sospensjoni tat-tkeċċija għandu jingħata ċertifikat.

[…]”

 Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

21      BZ, ta’ nazzjonalità mhux iddeterminata, twieled fis-Sirja u ilu jgħix fil-Ġermanja mill-1990. Minkejja li minn dik id-data kien suġġett għall-obbligu li jitlaq mit-territorju, huwa baqa’ jgħix f’dan l-Istat Membru abbażi ta’ “sospensjoni provviżorja ta’ tkeċċija (Tolleranza)”, li ġiet imġedda regolarment, abbażi tal-Artikolu 60a tal-AufenthG.

22      Fis-17 ta’ April 2013, BZ ġie kkundannat għal piena ta’ priġunerija ta’ tliet snin u erba’ xhur minħabba reati relatati ma’ sostenn tat-terroriżmu. F’Marzu 2014, huwa bbenefika minn sospensjoni tal-eżekuzzjoni tal-perijodu ta’ priġunerija li kien għad fadallu.

23      Minħabba din il-kundanna kriminali, il-Westerwaldkreis (id-Distrett ta’ Westerwald) ordna t-tkeċċija ta’ BZ permezz ta’ deċiżjoni tal-24 ta’ Frar 2014, abbażi tal-Artikolu 53(1) tal-AufenthG. Din id-deċiżjoni kienet tinkludi wkoll projbizzjoni fuq id-dħul u ta’ residenza fil-Ġermanja għal perijodu ta’ sitt snin, imnaqqas sussegwentement għal erba’ snin, li jibda jiddekorri mid-data li fiha BZ ikun effettivament telaq mit-territorju Ġermaniż, u limitat sa mhux iktar tard mill-21 ta’ Lulju 2023. Fl-istess ħin, id-Distrett ta’ Westerwald adotta fir-rigward ta’ BZ deċiżjoni ta’ tluq mit-territorju taħt piena ta’ tkeċċija.

24      BZ oppona dawn id-deċiżjonijiet. Waqt is-seduta quddiem il-Kummissjoni ta’ Oppożizzjoni, id-Distrett ta’ Westerwald irtira d-deċiżjoni ta’ tluq mit-territorju taħt piena ta’ tkeċċija. Il-bqija tal-oppożizzjoni ta’ BZ ġiet miċħuda.

25      Għaldaqstant, dan ippreżenta rikors kontra d-deċiżjonijiet adottati fir-rigward tiegħu quddiem il-Verwaltungsgericht Koblenz (il-Qorti Amministrattiva ta’ Koblenz, il-Ġermanja). Peress li dan ir-rikors ġie miċħud, BZ appella mid-deċiżjoni ta’ ċaħda quddiem l-Oberverwaltungsgericht Rheinland‑Pfalz (il-Qorti Amministrattiva Superjuri ta’ Rheinland‑Pfalz, il-Ġermanja).

26      Talba għal ażil ta’ BZ ġiet sussegwentement miċħuda bħala manifestament infondata mill-Bundesamt für Migration und Flüchtlinge (l-Uffiċċju Federali tal-Migrazzjoni u tar-Refuġjati, il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjoni tal-21 ta’ Lulju 2017. Din l-awtorità kkonstatat ukoll li BZ ma setax jintbagħat lura lejn is-Sirja, peress li l-kundizzjonijiet ta’ projbizzjoni ta’ tkeċċija kienu ssodisfatti fir-rigward ta’ dan il-pajjiż.

27      Permezz ta’ sentenza tal-5 ta’ April 2018, l-Oberverwaltungsgericht Rheinland‑Pfalz (il-Qorti Amministrattiva Superjuri ta’ Rheinland‑Pfalz) ċaħdet l-appell ippreżentat minn BZ intiż għall-annullament tad-deċiżjoni ta’ tkeċċija u għall-iffissar tat-tul tal-projbizzjoni ta’ dħul u ta’ residenza. Għaldaqstant, BZ ippreżenta, quddiem il-qorti tar-rinviju, rikors għal Reviżjoni kontra dik is-sentenza.

28      Il-qorti tar-rinviju tindika li ċaħdet ir-rikors għal Reviżjoni ta’ BZ, sa fejn dan ir-rikors kien jirrigwarda d-deċiżjoni ta’ tkeċċija adottata fil-konfront tiegħu, li b’hekk saret definittiva. Hija sseparat il-proċedura għal Reviżjoni billi komplietha biss sa fejn din kienet tirrigwarda d-deċiżjoni li jitnaqqas għal erba’ snin minn eventwali tluq ta’ BZ mit-territorju Ġermaniż u sa mhux iktar tard mill-21 ta’ Lulju 2023 it-tul tal-projbizzjoni ta’ dħul u ta’ residenza li takkumpanja dan id-digriet.

29      Mill-ispjegazzjonijiet tal-qorti tar-rinviju jirriżulta li, skont id-dritt Ġermaniż, l-adozzjoni ta’ deċiżjoni ta’ tkeċċija, abbażi tal-Artikolu 53 tal-AufenthG, għandha bħala konsegwenza, minn naħa, li ttemm il-validità tal-permess ta’ residenza tal-persuna kkonċernata, konformement mal-punt 5 tal-Artikolu 51(1) tal-AufenthG, u, min-naħa l-oħra, li tipprojbixxi, abbażi tal-Artikolu 11(1) tal-AufenthG, id-dħul u r-residenza kif ukoll il-ħruġ ta’ permess ta’ residenza ġdid għal din il-persuna, qabel l-iskadenza tat-tul tas-sentenza ta’ tkeċċija.

30      Il-qorti tar-rinviju tippreċiża wkoll li, fid-dritt Ġermaniż, id-deċiżjoni ta’ tkeċċija ma tikkostitwixxix “deċiżjoni ta’ ritorn” fis-sens tal-Artikolu 3(4) tad-Direttiva 2008/115. Min-naħa l-oħra, skont il-qorti tar-rinviju, dan huwa l-każ fir-rigward tad-deċiżjoni ta’ tluq mit-territorju taħt piena ta’ tkeċċija, prevista fl-ewwel sentenza tal-Artikolu 59(1) tal-AufenthG.

31      Il-qorti tar-rinviju żżid tgħid li ordni ta’ tkeċċija, adottata abbażi tal-Artikolu 53 tal-AufenthG, ma twassalx neċessarjament għat-tkeċċija taċ-ċittadin barrani kkonċernat. Fil-fatt, il-persuni li r-residenza tagħhom tikkostitwixxi theddida għas-sigurtà pubblika jistgħu jkunu s-suġġett ta’ tali miżura, anki meta t-tneħħija tagħhom mit-territorju Ġermaniż ma tkunx possibbli minħabba s-sitwazzjoni li tipprevali fil-pajjiż tad-destinazzjoni tagħhom. F’dan il-każ, id-dritt nazzjonali ma jimponix l-irtirar tal-projbizzjoni ta’ dħul u ta’ residenza imposta, skont l-Artikolu 11(1) tal-AufenthG.

32      Il-qorti tar-rinviju għandha dubji dwar il-punt jekk projbizzjoni fuq id-dħul u ta’ residenza deċiża kontra ċittadin ta’ pajjiż terz għal finijiet “mhux relatati mal-migrazzjoni”, b’mod partikolari akkumpanjata minn deċiżjoni ta’ tkeċċija, taqax taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2008/115. Id-dubji tagħha jirriżultaw, b’mod partikolari, mill-indikazzjoni, fil-ħames subparagrafu tal-paragrafu 11 tal-Manwal dwar ir-Ritorn, li tipprovdi li r-regoli applikabbli għall-projbizzjonijiet fuq id-dħul marbuta mar-ritorn skont id-Direttiva 2008/115 “ma jaffettwawx il-projbizzjonijiet fuq id-dħul maħruġin għal skopijiet mhux marbutin mal-migrazzjoni”.

33      Barra minn hekk, il-qorti tar-rinviju tenfasizza li r-Repubblika Federali tal-Ġermanja ma użatx il-fakultà, prevista fl-Artikolu 2(2)(b) tad-Direttiva 2008/115, li ma tapplikax din id-direttiva fuq iċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li huma s-suġġett ta’ kundanna kriminali li tipprevedi jew li jkollha bħala konsegwenza r-ritorn tagħhom, konformement mad-dritt nazzjonali.

34      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Bundesverwaltungsgericht (il-Qorti Amministrattiva Federali) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)      a)      Il-projbizzjoni ta’ dħul maħruġa kontra ċittadin ta’ pajjiż terz għal finijiet “mhux marbuta mal-migrazzjoni” taqa’ fi kwalunkwe każ fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva [2008/115], jekk l-Istat Membru ma jkunx għamel użu mill-possibbiltà taħt l-Artikolu 2(2)(b) ta’ din id-direttiva?

b)      Fil-każ li r-risposta li tingħata għall-punt (a) tal-ewwel domanda tkun fin-negattiv: tali projbizzjoni ta’ dħul hija eskluża mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2008/115 anki jekk, indipendentement mid-digriet ta’ tkeċċija maħruġ fil-konfront tiegħu[, li miegħu hija marbuta l-projbizzjoni ta’ dħul], iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz huwa resident illegali u b’hekk jaqa’, bħala prinċpju, fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva?

c)      Projbizzjonijiet ta’ dħul maħruġa għal finijiet “mhux marbuta mal-migrazzjoni” jinkludu projbizzjoni ta’ dħul maħruġa inkonessjoni ma’ ordni ta’ tkeċċija għal raġunijiet ta’ sigurtà pubblika u ordni [pubbliku] (fil-każ ineżami: biss għal raġunijiet kawtelatorji ġenerali fil-kuntest tal-ġlieda kontra t-terroriżmu)?

2.      Fil-każ li r-risposta li tingħata għall-ewwel domanda tkun fis-sens li l-projbizzjoni ta’ dħul taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2008/115:

a)      L-irtirar amministrattiv ta’ deċiżjoni ta’ ritorn (jiġifieri, f’dan il-każ, l-ordni ta’ tneħħija) jimplika l-illegalità tal-projbizzjoni ta’ dħul (fis-sens tal-Artikolu 3(6) tad-Direttiva 2008/115), maħruġa fl-istess żmien tad-deċiżjoni?

b)      Ikun hemm din il-konsegwenza legali anki jekk l-ordni ta’ tneħħija amministrattiva li tkun ippreċediet id-deċiżjoni ta’ ritorn tkun (saret) definittiva?”

 Fuq id-domandi preliminari

 Fuq l-ammissibbiltà

35      Fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu ppreżentati lill-Qorti tal-Ġustizzja, il-Gvern Ġermaniż osserva li, kuntrarjament għall-indikazzjonijiet tal-qorti tar-rinviju, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja kienet użat il-fakultà, prevista fl-Artikolu 2(2)(b) tad-Direttiva 2008/115, li ma tapplikax din id-direttiva għaċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li huma s-suġġett ta’ kundanna kriminali li tipprevedi jew li jkollha bħala konsegwenza r-ritorn tagħhom, konformement mad-dritt nazzjonali.

36      Il-Gvern Ġermaniż irrefera, b’mod partikolari, għall-espożizzjoni tal-motivi tal-liġi li ttrasponiet id-Direttiva 2008/115 fl-ordinament ġuridiku Ġermaniż, li minnha kien jirriżulta li d-deroga għat-tul massimu ta’ ħames snin tal-projbizzjoni ta’ dħul u ta’ residenza prevista fit-tieni sentenza tal-Artikolu 11(3) tal-AufenthG kienet, b’mod partikolari, ibbażata fuq l-Artikolu 2(2)(b) tad-Direttiva 2008/115.

37      Skont il-Gvern Ġermaniż, peress li d-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali applikabbli għall-kawża prinċipali ġew adottati billi ntużat il-possibbiltà mogħtija lill-Istati Membri fl-Artikolu 2(2)(b) tad-Direttiva 2008/115, l-interpretazzjoni ta’ din id-direttiva mitluba mill-qorti tar-rinviju hija irrilevanti għall-kawża mressqa quddiemha. Konsegwentement, id-domandi magħmula mill-qorti tar-rinviju għandhom jiġu miċħuda bħala inammissibbli.

38      Madankollu, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, id-domandi dwar l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni magħmula mill-qorti nazzjonali fil-kuntest leġiżlattiv u fattwali li hija responsabbli li tiddefinixxi, u li ma hijiex il-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tivverifika l-eżattezza tagħhom, igawdu minn preżunzjoni ta’ rilevanza. Iċ-ċaħda mill-Qorti tal-Ġustizzja li tiddeċiedi fuq domanda magħmula minn qorti nazzjonali hija possibbli biss meta jidher b’mod manifest li l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni mitluba ma għandhiex rabta mal-fatti jew mas-suġġett tal-kawża prinċipali, meta l-problema tkun ta’ natura ipotetika jew inkella meta l-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex għad-dispożizzjoni tagħha l-elementi ta’ fatt u ta’ dritt neċessarji sabiex twieġeb b’mod effettiv għad-domandi li jkunu sarulha (sentenza tat-22 ta’ Diċembru 2008, Régie Networks, C‑333/07, EU:C:2008:764, punt 46 u l-ġurisprudenza ċċitata).

39      F’dan il-każ, b’risposta għal talba għal informazzjoni mill-Qorti tal-Ġustizzja, il-qorti tar-rinviju kkonfermat li, skont l-interpretazzjoni tagħha tad-dritt Ġermaniż, il-leġiżlatur Ġermaniż ma ddeċidiex, abbażi tal-Artikolu 2(2)(b) tad-Direttiva 2008/115, li jeskludi kompletament mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva liċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li huma s-suġġett ta’ sanzjoni kriminali li tipprevedi jew li għandha bħala konsegwenza r-ritorn tagħhom. Mill-espożizzjoni tal-motivi invokata mill-Gvern Ġermaniż jirriżulta li l-leġiżlatur Ġermaniż kellu l-intenzjoni li jidderoga biss mid-dispożizzjoni speċifika tal-Artikolu 11(2) tal-imsemmija direttiva, dwar it-tul massimu ta’ validità tal-projbizzjoni ta’ dħul u ta’ soġġorn.

40      Fid-dawl ta’ tali indikazzjonijiet mogħtija mill-qorti tar-rinviju, ma jistax jitqies li l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni mitluba minn dik il-qorti ma għandha ebda rabta mar-realtà jew mas-suġġett tat-tilwima fil-kawża prinċipali, b’tali mod li ma jidhirx b’mod manifest li d-domandi dwar l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni huma irrilevanti.

41      Għaldaqstant, it-talba għal deċiżjoni preliminari hija ammissibbli.

 Fuq l-ewwel domanda

42      Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2008/115 għandux jiġi interpretat fis-sens li din id-direttiva tapplika għal projbizzjoni ta’ dħul u ta’ residenza, imposta minn Stat Membru, li ma jkunx għamel użu mill-possibbiltà prevista fl-Artikolu 2(2)(b) ta’ din id-direttiva, kontra ċittadin ta’ pajjiż terz li jkun jinsab fit-territorju tiegħu u li jkun is-suġġett ta’ deċiżjoni ta’ tkeċċija, għal raġunijiet ta’ sigurtà pubblika u ta’ ordni pubbliku, abbażi ta’ kundanna kriminali preċedenti.

43      F’dan ir-rigward, fl-ewwel lok għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2008/115, din tapplika għaċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jirrisjedu b’mod irregolari fit-territorju ta’ Stat Membru. Il-kunċett ta’ “soġġorn illegali [residenza irregolari]” huwa ddefinit fl-Artikolu 3(2) tad-direttiva msemmija bħala “il-preżenza fit-territorju ta’ Stat Membru, ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz li ma jissodisfax, jew m’għadux jissodisfa l-kondizzjonijiet ta’ dħul kif stabbiliti fl-Artikolu 5 tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen jew kondizzjonijiet oħrajn għal dħul, soġġorn jew residenza f’dak l-Istat Membru”.

44      Minn din id-definizzjoni jirriżulta li kull ċittadin ta’ pajjiż terz li jkun jinsab fit-territorju ta’ Stat Membru mingħajr ma jissodisfa l-kundizzjonijiet għad-dħul, għas-soġġorn jew għar-residenza f’dan il-pajjiż ikun, b’dan il-fatt biss, f’residenza irregolari u, għaldaqstant, ikun jaqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2008/115 (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-7 ta’ Ġunju 2016, Affum, C‑47/15, EU:C:2016:408, punt 48, u tad-19 ta’ Ġunju 2018, Gnandi, C‑181/16, EU:C:2018:465, punt 39).

45      Minn dan isegwi li l-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva huwa ddefinit b’riferiment biss għas-sitwazzjoni ta’ residenza irregolari li fiha jkun jinsab ċittadin ta’ pajjiż terz, indipendentement mir-raġunijiet li jkunu wasslu għal din is-sitwazzjoni jew mill-miżuri li jkunu jistgħu jiġu adottati fir-rigward ta’ dan iċ-ċittadin.

46      Fit-tieni lok, l-Artikolu 2(2)(b) tad-Direttiva 2008/115, li skontu l-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li jneħħu mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva liċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li huma s-suġġett ta’ kundanna kriminali li tipprevedi jew li għandha bħala konsegwenza r-ritorn tagħhom, konformement mad-dritt nazzjonali, jew li huma s-suġġett ta’ proċeduri ta’ estradizzjoni, jikkonferma din l-interpretazzjoni. Fil-fatt, ma kienx ikun neċessarju li tiġi prevista, f’dispożizzjoni speċifika, tali fakultà għall-Istati Membri, li kieku ċ-ċittadini terzi inkwistjoni ma kinux jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-imsemmija direttiva, kif iddefinit fl-Artikolu 2(1) tagħha.

47      Fit-tielet lok, il-kunsiderazzjonijiet preċedenti ma jistgħux jiġu kkontestati mill-ħames subparagrafu tal-paragrafu 11 tal-Manwal dwar ir-Ritorn. Fil-fatt, il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2008/115, kif jirriżulta b’mod inekwivoku mill-Artikolu 2(1) tagħha, ma jistax jiġi emendat b’rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni, liema rakkomandazzjoni ma għandhiex effett vinkolanti.

48      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li l-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2008/115 għandu jiġi interpretat fis-sens li din id-direttiva tapplika għal projbizzjoni ta’ dħul u ta’ residenza, deċiża minn Stat Membru, li ma jkunx għamel użu mill-possibbiltà prevista fl-Artikolu 2(2)(b) tal-imsemmija direttiva, kontra ċittadin ta’ pajjiż terz li jkun jinsab fit-territorju tiegħu u li jkun is-suġġett ta’ deċiżjoni ta’ tkeċċija, għal raġunijiet ta’ sigurtà pubblika u ta’ ordni pubbliku, abbażi ta’ kundanna kriminali preċedenti.

 Fuq it-tieni domanda

49      Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk id-Direttiva 2008/115 għandhiex tiġi interpretata fis-sens li tipprekludi ż-żamma fis-seħħ ta’ projbizzjoni ta’ dħul u ta’ residenza, deċiża minn Stat Membru kontra ċittadin ta’ pajjiż terz li jkun jinsab fit-territorju tiegħu u li jkun is-suġġett ta’ deċiżjoni ta’ tkeċċija, li saret definittiva, adottata għal raġunijiet ta’ sigurtà pubblika u ta’ ordni pubbliku abbażi ta’ kundanna kriminali preċedenti, meta d-deċiżjoni ta’ ritorn adottata fir-rigward ta’ dan iċ-ċittadin mill-imsemmi Stat Membru tkun ġiet irtirata.

50      Għandu jitfakkar li l-punt 6 tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 2008/115 jiddefinixxi l-“projbizzjoni fuq id-dħul” bħala “deċiżjoni jew att amministrattiv jew ġudizzjarju li jipprojbixxi dħul lejn u soġġorn fit-territorju ta’ l-Istati Membri għal perijodu speċifikat, li jakkumpanja deċiżjoni ta’ ritorn”. Din id-deċiżjoni tal-aħħar hija ddefinita fil-punt 4 tal-Artikolu 3 bħala “deċiżjoni jew att amministrattiv jew ġudizzjarju, li jgħid jew jiddikjara li s-soġġorn ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz hija illegali u li jimponi jew jiddikjara l-obbligu ta’ ritorn”.

51      Skont l-Artikolu 11(1) tad-Direttiva 2008/115, id-deċiżjonijiet ta’ ritorn għandhom ikunu akkumpanjati minn projbizzjoni fuq id-dħul jekk ma jkun ingħata l-ebda perijodu għat-tluq volontarju jew jekk l-obbligu ta’ ritorn ma jkunx ġie osservat. Fil-każijiet l-oħra, id-deċiżjonijiet ta’ ritorn jistgħu jkunu akkumpanjati minn projbizzjoni fuq id-dħul.

52      Mill-formulazzjoni tad-dispożizzjonijiet imsemmija jirriżulta li “projbizzjoni fuq id-dħul” hija maħsuba sabiex tikkompleta deċiżjoni ta’ ritorn, billi tipprojbixxi lill-persuna kkonċernata għal żmien determinat wara r-“ritorn” tagħha, kif dan it-terminu huwa ddefinit fil-punt 3 tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 2008/115, u għalhekk wara t-tluq tagħha mit-territorju tal-Istati Membri, milli tidħol mill-ġdid f’dan it-territorju u sussegwentement tirrisjedi hemmhekk (sentenzi tas-26 ta’ Lulju 2017, Ouhrami, C‑225/16, EU:C:2017:590, punt 45, kif ukoll tas-17 ta’ Settembru 2020, JZ (Piena ta’ priġunerija f’każ ta’ projbizzjoni fuq id-dħul), C‑806/18, EU:C:2020:724, punt 32). Konsegwentement, projbizzjoni fuq id-dħul tipproduċi l-effetti tagħha biss mill-mument li fih il-persuna kkonċernata titlaq effettivament mit-territorju tal-Istati Membri (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-17 ta’ Settembru 2020, JZ (Piena ta’ priġunerija f’każ ta’ projbizzjoni fuq id-dħul), C‑806/18, EU:C:2020:724, punt 33).

53      F’dan il-każ, il-qorti tar-rinviju indikat, minn naħa, li, fid-dritt Ġermaniż, hija l-ordni ta’ tluq mit-territorju taħt piena ta’ tneħħija, fis-sens tal-Artikolu 59 tal-AufenthG, li tikkostitwixxi “deċiżjoni ta’ ritorn”, fis-sens tal-punt 4 tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 2008/115, u, min-naħa l-oħra, li jekk BZ kien inizjalment is-suġġett ta’ tali deċiżjoni, din tal-aħħar, sussegwentement, ġiet irtirata, b’tali mod li l-projbizzjoni ta’ dħul u ta’ residenza deċiża kontra BZ attwalment ma takkumpanja ebda deċiżjoni ta’ ritorn.

54      Issa, hekk kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 82 tal-konklużjonijiet tiegħu, jekk projbizzjoni fuq id-dħul li tirriżulta mid-Direttiva 2008/115 ma tistax tipproduċi l-effetti legali tagħha stess ħlief wara l-eżekuzzjoni, volontarja jew furzata, tad-deċiżjoni ta’ ritorn, din ma tistax tibqa’ fis-seħħ wara l-irtirar ta’ din id-deċiżjoni ta’ ritorn.

55      F’dan il-kuntest, għandu jiġi ppreċiżat ukoll li mill-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2008/115 jirriżulta li, mingħajr preġudizzju għall-eċċezzjonijiet previsti fil-paragrafi 2 sa 5 ta’ dan l-artikolu, l-Istati Membri huma marbuta li jieħdu deċiżjoni ta’ ritorn kontra kull ċittadin ta’ pajjiż terz li jirrisjedi irregolarment fit-territorju tagħhom.

56      Minn dan isegwi li, meta Stat Membru jkollu quddiemu ċittadin ta’ pajjiż terz li jinsab fit-territorju tiegħu u li ma jkollux jew ma jkollux iktar permess ta’ residenza validu, dan l-Istat Membru għandu jiddetermina, skont id-dispożizzjonijiet rilevanti, jekk hemmx lok li dan iċ-ċittadin jingħata permess ta’ residenza ġdid. Jekk dan ma jkunx il-każ, l-Istat Membru kkonċernat huwa obbligat jadotta fir-rigward tal-imsemmi ċittadin deċiżjoni ta’ ritorn li, skont l-Artikolu 11(1) tad-Direttiva 2008/115, tista’ jew għandha tkun akkumpanjata minn projbizzjoni ta’ dħul, fis-sens tal-punt 6 tal-Artikolu 3 ta’ din id-direttiva.

57      Konsegwentement, hekk kif irrileva l-Avukat Ġenerali, essenzjalment, fil-punt 81 tal-konklużjonijiet tiegħu, ikun kuntrarju kemm għall-għan tad-Direttiva 2008/115, kif stabbilit fl-Artikolu 1 tagħha, kif ukoll għall-formulazzjoni tal-Artikolu 6 ta’ din id-direttiva, li tiġi ttollerata l-eżistenza ta’ status intermedju ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu jinsabu fit-territorju ta’ Stat Membru mingħajr dritt jew permess ta’ residenza u, jekk ikun il-każ, ikunu s-suġġett ta’ projbizzjoni fuq id-dħul, iżda li fir-rigward tagħhom ma tkun għadha teżisti ebda deċiżjoni ta’ ritorn valida.

58      Il-kunsiderazzjonijiet preċedenti jibqgħu validi wkoll fir-rigward taċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jirrisjedu irregolarment fit-territorju ta’ Stat Membru li, bħal BZ, ma jistgħux jitneħħew, peress li l-prinċipju ta’ non-refoulement jipprekludi dan.

59      Fil-fatt, hekk kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 87 tal-konklużjonijiet tiegħu, mill-Artikolu 9(1)(a) tad-Direttiva 2008/115 jirriżulta li dan il-fatt ma jiġġustifikax in-nuqqas ta’ adozzjoni ta’ deċiżjoni ta’ ritorn fir-rigward ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz f’tali sitwazzjoni, iżda biss il-posponiment tat-tneħħija tiegħu, b’eżekuzzjoni tal-imsemmija deċiżjoni.

60      Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, il-fatt li deċiżjoni ta’ tkeċċija, bħal dik li kien is-suġġett tagħha BZ, saret definittiva ma jistax jiġġustifika li tinżamm fis-seħħ projbizzjoni ta’ dħul u ta’ residenza, filwaqt li, fir-rigward ta’ BZ, ma teżisti ebda deċiżjoni ta’ ritorn.

61      Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet kollha, ir-risposta għat-tieni domanda għandha tkun li d-Direttiva 2008/115 għandha tiġi interpretata fis-sens li tipprekludi ż-żamma fis-seħħ ta’ projbizzjoni ta’ dħul u ta’ residenza, imposta minn Stat Membru kontra ċittadin ta’ pajjiż terz li jkun jinsab fit-territorju tiegħu u li jkun is-suġġett ta’ deċiżjoni ta’ tkeċċija, li tkun saret definittiva, adottata għal raġunijiet ta’ sigurtà pubblika u ta’ ordni pubbliku abbażi ta’ kundanna kriminali preċedenti, meta d-deċiżjoni ta’ ritorn adottata fir-rigward ta’ dan iċ-ċittadin mill-imsemmi Stat Membru tkun ġiet irtirata minkejja li din id-deċiżjoni ta’ tkeċċija tkun saret definittiva.

 Fuq l-ispejjeż

62      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in‑natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      L-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2008/115/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Diċembru 2008 dwar standards u proċeduri komuni fl-Istati Membri għar-ritorn ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu qegħdin fil-pajjiż illegalment għandu jiġi interpretat fis-sens li din id-direttiva tapplika għal projbizzjoni ta’ dħul u ta’ residenza, deċiża minn Stat Membru, li ma jkunx għamel użu mill-possibbiltà prevista fl-Artikolu 2(2)(b) tal-imsemmija direttiva, kontra ċittadin ta’ pajjiż terz li jkun jinsab fit-territorju tiegħu u li jkun is-suġġett ta’ deċiżjoni ta’ tkeċċija, għal raġunijiet ta’ sigurtà pubblika u ta’ ordni pubbliku, abbażi ta’ kundanna kriminali preċedenti.

2)      Id-Direttiva 2008/115 għandha tiġi interpretata fis-sens li tipprekludi ż-żamma fis-seħħ ta’ projbizzjoni ta’ dħul u ta’ residenza, imposta minn Stat Membru kontra ċittadin ta’ pajjiż terz li jkun jinsab fit-territorju tiegħu u li jkun is-suġġett ta’ ordni ta’ tkeċċija, li tkun saret definittiva, adottata għal raġunijiet ta’ sigurtà pubblika u ta’ ordni pubbliku abbażi ta’ kundanna kriminali preċedenti, meta d-deċiżjoni ta’ ritorn adottata fir-rigward ta’ dan iċ-ċittadin mill-imsemmi Stat Membru tkun ġiet irtirata minkejja li din id-deċiżjoni ta’ tkeċċija tkun saret definittiva.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż