Language of document :

Appell ippreżentat fil-25 ta' Awwissu 2010 mill-Kummissjoni Ewropea mis-sentenza mogħtija mit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku fil-15 ta' Ġunju 2010 fil-kawża F-35/08

(Kawża T-361/10 P)

Lingwa tal-kawża: il-Grieg

Partijiet

Appellanti: Il-Kummissjoni Ewropea (rappreżentant: J. Currall et I. Chatzigiannis)

Appellat: Dimitrios Pachtitis (Ateni, il-Greċja) sostnut mill-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data

Talbiet tal-appellanti

tannulla s-sentenza tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tal-15 ta' Ġunju 2010 fil-kawża F-35/08, Pachtitis vs Il-Kummissjoni;

tirrinvija l-kawża lit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku sabiex jiġu eżaminati l-motivi ta' annullament l-oħra;

tikkundanna lill-appellat għall-ispejjeż tal-appell u tal-ewwel istanza.

Aggravji u argumenti prinċipali

Permezz ta' dan l-appell, l-appellanti titlob l-annullament tas-sentenza mogħtija mit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku fil-15 ta' Ġunju 2010 fil-kawża F-35/08, Pachtitis vs Il-Kummissjoni li annullat d-deċiżjonijiet tal-Uffiċċju Ewropew għas-Selezzjoni tal-Persunal (EPSO) tal-31 ta' Mejju 2007 u tas-6 ta' Diċembru 2007, li permezz tagħhom D. Pachtitis ġie eskluż mill-lista ta' 110 kandidat meta kien ingħata l-ogħla marka fl-eżamijiet ta' ammissioni tal-kompetizzjoni ġenerali EPSO/AD/77/06, u li kkundannat il-Kummissjoni għall-ispejjeż tagħha u għal dawk tar-rikorrent fl-ewwel istanza.

Insostenn tal-appell tagħha, il-Kummissjoni tqajjem il-motivi ta' annullament li ġejjin:

ksur tal-Artikoli 1, 5 u 7 tal-Anness III tar-Regolamenti tal-Persunal tal-Komunitajiet Ewropej;

ksur tad-dritt Komunitarju u b'mod partikolari tal-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni 2002/620/KE1 u tal-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni 2002/621/KE2 dwar l-istabbiliment tal-EPSO;

ksur tal-obbligu ta' motivazzjoni tad-deċiżjonijiet.

____________

1 - Id-Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill, tal-Kummissjoni, tal-Qorti tal-Ġustizzja, tal-Qorti tal-Awdituri, tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali, tal-Kumitat u tar-Reġjuni u tal-Ombudsman Ewropew tal-25 ta' Lulju 2002 li tistabbilixxi Uffiċċju għas-Selezzjoni tal-Persunal tal-Komunitajiet Ewropej (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 4, p. 46)

2 - Id-Deċiżjoni tas-Segretarjat Ġenerali tal-Parlament Ewropew, il-Kunsill, il-Kummissjoni, ir-Reġistratur tal-Qorti tal-Ġustizzja, is-Segretarjat Ġenerali tal-Qorti tal-Awdituri, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali, il-Kumitat tar-Reġjuni, u r-Rappreżentant tal-Ombudsman Ewropew tal-25 ta' Lulju 2002 dwar l-organizzazzjonijiet u l-ħidma tal-Uffiċċju għas-selezzjoni tal-persunal tal-Komunitajiet Ewropej (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 4, p. 48)