Language of document :

Appell ippreżentat fit-28 ta' Marzu 2011 minn Bart Nijs mis-sentenza mogħtija fit-13 ta' Jannar 2011 mit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku fil-Kawża F-77/09, Nijs vs Il-Qorti tal-Awdituri

(Kawża T-184/11 P)

Lingwa tal-kawża: il-Franċiż

Partijiet

Appellant: Bart Nijs (Bereldange, il-Lussemburgu) (rappreżentant: F. Rollinger, avukat)

Appellata: Il-Qorti tal-Awdituri tal-Unjoni Ewropea

Talbiet

L-appellant jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tannulla s-sentenza tal-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tal-Unjoni Ewropea tat-13 ta' Jannar 2011;

prinċipalment, tannulla d-deċiżjoni tal-Kumitat ad hoc tal-Qorti tal-Awdituri Ewropea tal-15 ta' Jannar 2009 li tneħħi lill-appellant mill-pożizzjoni tiegħu mingħajr tnaqqis mill-pensjoni b'effett mill-1 ta' Frar 2009;

tannulla d-Deċiżjoni 81-2007 tal-20 ta' Settembru 2007 tal-Qorti tal-Awdituri li tagħti setgħat tal-Awtorità tal-Ħatra lil kumitat ad hoc;

tannulla d-deċiżjonijiet preparatorji kollha meħuda minn dan il-kumitat ad hoc, b'mod partikolari dawk tat-22/29 ta' Ottubru, tat-23 ta' Novembru 2007 u tat-12 ta' Ġunju 2008 li tinfetaħ investigazzjoni amministrattiva;

sussidjarjament, jekk il-Qorti Ġenerali ma tilqax it-talbiet għal annullament imressqa prinċipalment, tiddeċiedi li s-sanzjoni deċiża mill-kumitat ad hoc tal-Qorti tal-Awdituri Ewropea tal-15 ta' Jannar 2009 hija, skont l-Artikolu 10 tar-Regolamenti tal-Persunal, għall-motivi spjegati iktar 'l isfel, severa wisq;

tirrinvija quddiem l-Awtorità tal-Ħatra komposta mod ieħor tal-Qorti tal-Awdituri Ewropea, jekk le tiddeċiedi sanzjoni, jekk din hija verament meqjusa neċessarja, ħafna iktar adattata għall-fatti;

iktar sussidarjament, tiddeċiedi speċifikament li l-prinċipju tat-terminu raġonevoli tal-proċedura ma ġiex osservat fil-każ preżenti, hekk kif spjegat iktar 'il fuq, u billi tikkunsidra fil-livell tas-sanzjoni li tiddeċiedi dwarha jekk ikun il-każ;

tiddeċiedi b'mod konformi mar-rikors promotur;

tikkundanna lill-Qorti tal-Awdituri Ewropea sabiex tbati l-ispejjeż tar-rikors preżenti;

tirriżerva kull dritt ieħor għall-appellant, u b'mod partikolari dak li jkun jista' jirreplika n-nota tal-Qorti tal-Awdituri Ewropea;

tikkundanna lill-parti avversarja għall-ispejjeż taż-żewġ istanzi;

tirriżerva lill-appellant kull dritt, intitolament, motiv u azzjoni oħra.

Aggravji u argumenti prinċipali

Insostenn tal-appell tiegħu, l-appellant jinvoka disa' aggravji.

L-ewwel aggravju bbażat fuq modifika tas-suġġett tal-kawża mit-TSP billi interpreta l-opinjonijiet tar-rikorrent fis-seduta bħala rinunzja għat-talba tiegħu għall-annullament tad-Deċiżjoni Nru 81-2007.

It-tieni aggravju bbażat fuq żnaturament tal-fatti mit-TSP fil-punti 40, 58 u 94 tas-sentenza appellata.

It-tielet aggravju bbażat fuq żnaturament tal-ewwel motiv tar-rikors tar-rikorrent peress li t-TSP ma kkunsidrax il-paragrafi invokati mill-Artikoli 22a u b tar-Regolamenti tal-Persunal tal-Union Ewropea.

Ir-raba' aggravju bbażat fuq in-nuqqas ta' applikazzjoni mit-TSP tal-prinċipju tal-qlib tal-oneru tal-prova.

Il-ħames aggravju bbażat fuq deċiżjoni ġuridika żbaljata mit-TSP għal dak li jirrigwarda t-tieni motiv tar-rikors tar-rikorrent u ta' nuqqas ta' konsegwenzi bbażati fuq l-aġir tas-Segretarju Ġenerali fir-rigward tal-Artikolu 11a tar-Regolamenti tal-Persunal.

Is-sitt aggravju bbażat fuq nuqqas mit-TSP li jikkunsidra l-ksur tal-prinċipju ta' trattament ugwali.

Is-seba' aggravju bbażat fuq parzjalità li l-uffiċjal responsabbli mill-investigazzjoni dixxiplinari kellu għad-dannu tar-rikorrent.

It-tmien aggravju bbażat fuq in-nuqqas ta' applikazzjoni effettiva tal-Artikolu 6 tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali permezz tar-rifjut li tistħarreġ il-proporzjonalità bejn fatti u s-sanzjoni meħuda konsegwentement.

Id-disa' aggravju bbażat fuq applikazzjoni żbaljata tal-prinċipju tat-terminu raġonevoli.

____________