Language of document :

Rikors ippreżentat fit-28 ta' Marzu 2011 - Dacoury-Tabley vs Il-Kunsill

(Kawża T-182/11)

Lingwa tal-kawża: il-Franċiż

Partijiet

Rikorrent: Philippe Henry Dacoury-Tabley (Abidjan, il-Côte d'Ivoire) (rappreżentant: G. Collard, avukat)

Konvenut: Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea

Talbiet

Ir-rikorrent jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tikkonstata li, fir-rigward tar-rikorrent, Philippe Henry DACOURY-TABLEY, ir-Regolament tal-Kunsill Nru 85/2011, tal-31 ta' Jannar 2011, ippubblikat fit-2 ta' Frar 2011 fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/71/PESK, tal-31 ta' Jannar 2011, ippubblikata fit-2 ta' Frar 2011 fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, ma humiex fondati,

konsegwentement,

tannulla r-Regolament tal-Kunsill Nru 85/2011, tal-31 ta' Jannar 2011 u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/71/PESK, tal-31 ta' Jannar 2011

sussidjarjament, tordna li l-isem Philippe Henry DACOURY-TABLEY jitneħħa mil-lista annessa mal-imsemmi regolament u l-imsemmija deċiżjoni.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tiegħu, ir-rikorrent jinvoka żewġ motivi.

L-ewwel motiv huwa bbażat fuq ksur tal-obbligu ta' motivazzjoni, sa fejn il-motivi għall-inklużjoni tar-rikorrent fil-lista ta' persuni u entitajiet li għalihom japplikaw il-miżuri restrittivi huma stereotipati mingħajr ma jissemma' xi punt ta' fatt preċiż li jippermetti li tiġi evalwata r-rilevanza tal-imsemmija inklużjoni.

It-tieni motiv huwa bbażat fuq żball manifest ta' evalwazzjoni, inkwantu:

qed jiġi allegat kontra r-rikorrent li rrifjuta li jissottometti ruħu għall-awtorità ta' A. Outtara, meta huwa pprova jissuġġetta l-Banque centrale des États de l'Afrique de l'Ouest (iktar 'il quddiem il-"BCEAO"), li kien il-gvernatur tiegħu, għalih;

qed jiġi allegat kontra r-rikorrent li kkontribwixxa għall-finanzjament tal-amministrazzjoni illeġittima ta' L. Gbagbo, meta t-tranżazzjonijiet tal-BCEAO qatt ma taw għajnuna finanzjarja lill-gvern fil-poter;

barra minn hekk ir-rikorrent ma kienx għadu l-gvernatur tal-BCEAO meta ġew adottati r-regolament u d-deċiżjoni kkontestati.

____________