Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Cour d’appel de Bruxelles (il-Belġju) fl-10 ta’ Mejju 2021 – Allianz Benelux SA vs État belge, SPF Finances

(Kawża C-295/21)

Lingwa tal-kawża: il-Franċiż

Qorti tar-rinviju

Cour d’appel de Bruxelles

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrent: Allianz Benelux SA

Konvenuti: État belge, SPF Finances

Domanda preliminari

L-Artikolu 4(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 90/435/KEE tat-23 ta’ Lulju 1990 dwar is-sistema komuni tat-tassazzjoni li tapplika fil-każ tal-kumpanniji prinċipali u sussidjarji ta’ Stati Membri differenti 1 , moqri jew le flimkien mad-dispożizzjonijiet tat-Tielet Direttiva tal-Kunsill 78/855/KEE tad-9 ta’ Ottubru 1978 ibbażata fuq l-Artikolu 54(3)(ġ) tat-Trattat dwar l-għaqda ta’ kumpanniji b’responsabbiltà pubblika limitata 2 u s-Sitt Direttiva tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 1982 ibbażata fuq l-Artikolu 54 (3) (ġ) tat-Trattat dwar id-diviżjoni ta’ kumpanniji b’responsabbilta pubblika limitata 3 dwar id-dritt tal-kumpanniji, għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi li l-profitti mqassma koperti mid-Direttiva jiġu inklużi fil-bażi taxxabbli tal-kumpannija benefiċjarja tad-dividendi qabel ma jitnaqqsu minnha sa 95 % mill-ammont tagħhom u, jekk ikun il-każ, jiġu ttrasferiti ’l quddiem għas-snin taxxabbli sussegwenti, iżda li, fin-nuqqas ta’ dispożizzjoni speċifika li tipprevedi li fil-każ ta’ operazzjoni ta’ riorganizzazzjoni tal-kumpanniji, it-tnaqqis hekk ittrasferit fir-rigward tal-kumpannija li tittrasferixxi jiġu ttrasferiti kollha kemm huma lill-kumpannija benefiċjarja, għandha l-konsegwenza li l-profitti koperti jkunu ntaxxati indirettament meta ssir l-imsemmija operazzjoni minħabba l-applikazzjoni ta’ dispożizzjoni li tillimita t-trasferiment tal-imsemmi tnaqqis b’mod proporzjonali għall-parti li tirrappreżenta l-assi netti fiskali qabel l-operazzjoni tal-elementi assorbiti mill-kumpannija li titrasferixxi fit-total, anki qabel l-operazzjoni, tal-assi netti fiskali tal-kumpannija li tassorbi u tal-valur fiskali nett tal-elementi assorbiti?

____________

1     ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 9, Vol. 1, p. 147.

2     ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 42.

3     ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 50.