Language of document :

Rikors ippreżentat fil-31 ta’ Lulju 2013 – Orange vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-402/13)

Lingwa tal-kawża: il-Franċiż

Partijiet

Rikorrenti: Orange (Pariġi, Franza) (rappreżentanti: J.-P. Gunther u A. Giraud, avukati)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

tannulla d-deċiżjoni kkontestata ;

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Permezz ta’ dan ir-rikors, ir-rikorrenti titlob l-annullament tad-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni tal-25 u tas-27 ta’ Ġunju 2013 indirizzati lil France Télécom u lil Orange, kif ukoll lill-kumpanniji kollha direttament jew indirettament ikkontrollati minnhom, li jordnawlhom li jissottomettu ruħhom għal spezzjoni skont l-Artikolu 20(4) tar-Regolament tal-Kunsill Nru 1/2003 1 . Dawn id-deċiżjonijiet ġew adottati fil-kuntest ta’ proċedura skont l-Artikolu 102 TFUE u l-Artikolu 54 tal-Ftehim ŻEE dwar is-settur tal-provvista ta’ servizzi ta’ konnettività mal-internet (Kawża AT.40090).

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka żewġ motivi.

L-ewwel motiv huwa bbażat fuq ksur tal-prinċipji ta’ neċessità u ta’ proporzjonalità, peress li l-Kummissjoni ordnat spezzjoni li tirrigwarda prattiki simili ħafna għal dawk imsemmija minn deċiżjoni mogħtija mill-awtorità tal-kompetizzjoni Franċiża disa’ xhur qabel biss, u dan anki meta l-awtorità tal-kompetizzjoni Franċiża ma kienet ikkwalifikat ebda aġir ta’ Orange bħala antikompetittiv. Ir-rikorrenti ssostni li, waqt l-ispezzjoni, il-Kummissjoni ma fittxitx elementi addizzjonali meta mqabbla ma’ dawk li diġà kellha, fatt li hija kellha tagħmel skont il-ġurisprudenza f’dan il-qasam.

It-tieni motiv huwa bbażat fuq in-natura arbitarja tad-deċiżjonijiet ikkontestati, peress li l-Kummissjoni ma għandhiex indizji suffiċjenti u ddettaljati sabiex tieħu miżura daqshekk intrużiva bħal ma hija ispezzjoni.

____________

1     Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003, tas-16 Diċembru 2002, fuq l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli [101 TFUE] u [102 TFUE] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 205).