Language of document :

Appell ippreżentat fid-29 ta’ Lulju 2022 minn Tirrenia di navigazione SpA mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (It-Tmien Awla) fit-18 ta’ Mejju 2022 fil-Kawża T-601/20, Tirrenia di navigazione SpA vs Il-Kummissjoni Ewropea

(Kawża C-515/22 P)

Lingwa tal-kawża: it-Taljan

Partijiet

Appellant: Tirrenia di navigazione SpA (rappreżentanti: B. Nascimbene, F. Rossi Dal Pozzo, A. Moriconi, avukati)

Parti oħra fil-proċedura: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

L-appellanti titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha :

    tannulla s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-18 ta’ Mejju 2022, Kawża T-601/20.

tiddikjara n-nullità tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/1411 tat-2 ta’ Marzu 2020, limitatament għall-Artikoli 1(3) moqri flimkien mal-Artikolu 2.

sussidjarjament għat-talba Nru 2 li l-kawża tiġi rrinvijata quddiem awla oħra tal-Qorti Ġenerali.

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

Aggravji u argumenti prinċipali

L-appellanti tikkontesta s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-18 ta’ Mejju 2022, fil-Kawża T-601/20, Tirrenia di Navigazione SpA vs Il-Kummissjoni, li ċaħdet it-talba għall-annullament tad-Deċiżjoni (UE) 2020/1411 tat-2 ta’ Marzu 2020, limitata għall-Artikolu 1(3) moqri flimkien mal-Artikolu 2, li biha l-Kummissjoni ddikjarat “l-għajnuna lil Adriatica għall-perjodu minn Jannar 1992 sa Lulju 1994 fir-rigward tal-konnessjoni Brindisi/Corfu/Igoumenitsa/Patras”, li “daħlet fis-seħħ illegalment bi ksur tal-Artikolu 108(3) TFUE, hija inkompatibbli mas-suq intern” tat-TFUE.

Permezz tal-ewwel motiv, l-appellanti tilmenta dwar ksur proċedurali fir-rigward tat-terminu ta’ preskrizzjoni għall-irkupru tal-imgħax fuq għajnuna meqjusa illegali u inkompatibbli.

Għall-appellanti, il-Qorti Ġenerali ripetutament żbaljat: (a) meta emmnet li, fir-rigward tal-kontestazzjoni speċifika tan-nuqqas ta’ rkupru tal-imgħax relatat mal-perijodu bejn l-1 ta’ Jannar 2007 u s-26 ta’ Marzu 2007, il-preskrizzjoni ta’ għaxar snin ma skadietx; (b) billi tafferma li n-nuqqas ta’ kontestazzjoni ta’ dan il-ksur, li jirriżulta fi ksur ċar tal-prinċipju tal-kontradittorju u, għalhekk, tad-drittijiet tad-difiża, ma jistax jiġi kkritikat mill-appellanti, peress li jikkonċerna lill-Istat Membru kkonċernat.

Permezz tat-tieni aggravju, l-appellanti tikkritika l-klassifikazzjoni żbaljata tal-għajnuna bħala ġdida, l-illegalità tad-deċiżjoni li tiddikjara l-għajnuna mill-Istat bħala ġdida u inkompatibbli, kif ukoll il-ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni u tal-prinċipju ta’ proporzjonalità.

Il-Qorti Ġenerali ma wrietx kif il-Kummissjoni, bid-deċiżjoni (UE) 2020/1411 tat-2 ta’ Marzu 2020, irrimedjat id-difett li kien ikkontestat, bis-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-4 ta’ Marzu 2009, Kawżi magħquda T-265/04, T-292/04 u T-504/04, kontra d-deċiżjoni tal-2004 (2005/163/KE).

Il-Qorti Ġenerali żbaljat meta kkonstatat li l-Kummissjoni mliet in-nuqqas ta’ motivazzjoni misjuba fl-2009 u wriet bid-Deċiżjoni (UE) 2020/1411 li l-għotjiet tal-PSO mogħtija lil Adriatica huma għajnuna ġdida.

L-appellanti ssostni li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi u li d-deċiżjoni tagħha hija nieqsa minn motivazzjoni fil-parti li fiha ssostni li l-Kummissjoni kklassifikat korrettament l-għotjiet tal-PSO mogħtija lil Adriatica għall-perijodu Jannar 1992 Lulju 1994, fir-rigward tar-rabta Brindisi/Corfu/Igoumenitsa/Patras, inkompatibbli mas-suq intern.

L-appellanti tqis li l-Qorti Ġenerali kellha neċessarjament tivverifika jekk il-Kummissjoni, fid-Deċiżjoni (UE) 2020/1411, (a) iddefinixxietx is-sitwazzjoni fis-suq f’termini konkreti; (b) qabblitx b’mod korrett is-suġġett tal-miżura tal-għajnuna u dak tal-ftehim; (ċ) spjegatx b’mod korrett kif id-distorsjoni tal-kompetizzjoni kkawżata mill-miżura ta’ għajnuna ġiet amplifikata bil-kombinazzjoni ta’ din il-miżura (inkella meqjusa kompatibbli) u l-parteċipazzjoni f’akkordju u, għalhekk, (d) iġġustifikat ir-relazzjoni tal-kawża u l-effett fir-rigward tal-eżistenza ta’ ostakli konsegwenti għall-kummerċ intra-Komunitarju

Barra minn hekk, l-appellanti tqis li l-konklużjonijiet milħuqa mill-Qorti Ġenerali jmorru kontra l-prinċipju ġenerali ta’ proporzjonalità.

Permezz tat-tielet aggravju, l-appellanti tikkritika l-ksur tal-prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ amministrazzjoni tajba fir-rigward tat-tul tal-proċeduri, kif ukoll il-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi u l-ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità.

L-appellanti ssostni li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi u li d-deċiżjoni tagħha hija nieqsa minn raġunament fil-parti li fiha tiddikjara li, b’mod ġenerali, il-proċedura li wasslet għall-adozzjoni tad-Deċiżjoni (UE) 2020/1411 tat-2 ta’ Marzu 2020 ma damitx eċċessivament u li, għalhekk, il-prinċipji taċ-ċertezza legali, l-amministrazzjoni tajba u l-proporzjonalità ma ġewx miksura.

L-appellanti tqis ukoll, bis-saħħa tal-prinċipju tal-aspettattivi leġittimi u b’konformità mal-Artikoli 16 u 17 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, li d-deċiżjoni (UE) 2020/1411 tat-2 ta’ Marzu 2020 ma setgħetx timponi l-irkupru tal-għajnuna.

Għall-appellanti, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi billi naqset milli tikkonstata ksur mill-Kummissjoni tal-prinċipji ġenerali msemmija qabel, kif ukoll tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali.

Permezz tar-raba’ aggravju, l-appellanti tikkritika n-nuqqas tal-Qorti Ġenerali li tinkludi prova fil-fajl ta’ investigazzjoni tagħha.

L-appellanti tilmenta li ma setgħetx tippreżenta fil-proċess tal-kawża, skont l-Artikolu 85(3) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, id-deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-30 ta’ Settembru 2021, dwar il-miżuri SA.32014, SA.32015, SA.32016 (2011/C) (ex 2011/NN) li għalihom l-Italja u r-Reġjun ta’ Sardegna wettaq favur Saremar (C (2021) 6990 final), li l-appellanti rċeviet mingħand il-Kummissjoni wara talba għal aċċess għad-dokumenti.

Għall-appellanti, fid-dawl tar-rilevanza tad-deċiżjoni Saremar, in-nuqqas ta’ inklużjoni ta’ dawn il-provi addizzjonali fil-proċess ivvizzjat is-sentenza tal-Qorti Ġenerali, kemm minħabba l-fatt li seħħet bi ksur tar-Regoli tal-Proċedura tal-istess Qorti Ġenerali u tal-obbligu ta’ motivazzjoni impost fuq kwalunkwe istituzzjoni tal-Unjoni Ewropea; u talli wettqet ksur ċar tad-drittijiet tad-difiża tal-appellanti.

____________